Language of document : ECLI:EU:C:2006:453

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta' Lulju 2006 (*)

"Appell – Kompetizzjoni – Korpi li jmexxu s-servizz nazzjonali tas-saħħa Spanjola – Servizzi ta' kura – Kunċett ta' 'impriża' – Kundizzjonijiet ta' ħlas imposti fuq il-fornituri ta' materjal mediku"

Fil-kawża C-205/03 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-13 ta' Mejju 2003,

Federación Española de Empresas de Tecnología Sanitaria (FENIN), li qabel kienet magħrufa bħala Federación Nacional de Empresas de Instrumentación Científica, Médica, Técnica y Dental, stabbilita f'Madrid (Spanja), irrapreżentata minn J.-R. García-Gallardo Gil-Fournier u D. Domínguez Pérez, abogados,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn W. Wils u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn J. Rivas de Andrés u J. Gutiérrez Gisbert, abogados, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentata minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn G. Barling, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad u L. Fraguas Gadea kif ukoll minn F. Díez Moreno, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

partijiet intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-Federación Española de Empresas de Tecnología Sanitaria (iktar 'il quddiem "FENIN") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-4 ta' Marzu 2003, FENIN vs Il-Kummissjoni (T-319/99, Ġabra p. II-357, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li fiha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Awwissu 1999, dwar iċ-ċaħda ta' l-ilment li hija ppreżentat kontra 26 entità pubblika, fosthom tliet Ministeri, li jmexxu s-sistema nazzjonali tas-saħħa (Sistema Nacional de Salud, iktar 'il quddiem is-"SNS") minħabba li tali entitajiet (iktar 'il quddiem l-"entitajiet li jmexxu s-"SNS") mhumiex impriżi għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       Jista' jsir sunt tal-fatti, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza kkontestata, b'dan il-mod.

3       FENIN hija assoċjazzjoni li tiġbor ħafna mill-impriżi li jikkummerċjalizzaw materjal mediku, b'mod partikolari strumenti mediċi, użati fl-isptarijiet fi Spanja. Il-membri ta' din l-assoċjazzjoni jbiegħu dan il-materjal b'mod partikolari lill-entitajiet li jmexxu s-SNS. Il-bejgħ ta' materjal mediku lil dawn ta' l-aħħar jirrappreżenta iktar minn 80% tad-dħul mill-bejgħ ta' l-impriżi membri ta' FENIN.

4       F'Diċembru ta' l-1997, FENIN qajmet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li fih irrappurtat il-ħlasijiet tardivi b'mod sistematiku mill-entitajiet li jmexxu s-SNS li jikkostitwixxu, skond hi, abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE. Hija ddikjarat li dawn l-entitajiet jirregolaw id-djun tagħhom mal-membri tagħha b'dewmien medju ta' 300 ġurnata, filwaqt li jħallsu d-djun tagħhom ma' oħrajn li jipprovdu servizzi fi żmien ħafna iktar raġonevoli. Din id-diskriminazzjoni hija kkawżata mill-fatt li l-membri ta' FENIN ma jistgħux jeżerċitaw pressjoni kummerċjali fuq dawn l-entitajiet, għaliex huma jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq Spanjol tal-materjal mediku.

5       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-imsemmi lment minħabba li, minn naħa, l-entitajiet li jmexxu s-SNS ma jaġixxux bħala impriżi meta jipparteċipaw fil-ġestjoni tas-servizz tas-saħħa pubblika u li, min-naħa l-oħra, il-kwalità tagħhom ta' xerrejja ma' tistax tiġi mifruda minn kif jintuża l-materjal mediku wara li jkun nxtara. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, dawn l-entitajiet ma jaġixxux bħala impriżi, fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, meta huma jixtru l-materjal mediku, u l-Artikoli 81 KE u 82 KE b'hekk mhumiex applikabbli għalihom.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

6       Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Novembru 1999, FENIN ppreżentat rikors li bih talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

7       In sostenn għar-rikors tagħha, FENIN ressqet tliet raġunijiet dwar, l-ewwel nett, il-ksur tad-dritt ta' smigħ xieraq mill-Kummissjoni, it-tieni nett, żball fid-dritt jew żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 82 KE u 86 KE kif ukoll, it-tielet nett, nuqqas ta' motivazzjoni u nuqqas ta' trasparenza tad-deċiżjoni kkontestata.

8       Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet it-tieni raġuni, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 82 KE u 86 KE, billi ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, li l-entitajiet li jmexxu s-SNS ma jaġixxux bħala impriżi meta huma jixtru l-materjal mediku mibjugħ mill-membri ta’ FENIN sabiex joffru servizzi ta’ saħħa mingħajr ħlas lill-assigurati mas-SNS. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li din il-konklużjoni tirriżulta mis-sitwazzjoni preżenti fil-punt 39 ta’ l-imsemmija sentenza, li tgħid li s-SNS taħdem skond il-prinċipju ta’ solidarjetà fil-mod li bih tiġi ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet soċjali u kontribuzzjonijiet oħrajn mill-Istat kif ukoll fil-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas lill-imsemmija abbonati abbażi ta’ assigurazzjoni universali u l-entitajiet li jmexxu s-SNS ma jaġixxux għalhekk bħala impriżi fl-attività tagħhom ta’ ġestjoni tas-sistema tas-saħħa.

9       Il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza kkontestata, li l-argument li jgħid li l-isptarijiet pubbliċi Spanjoli li jaqgħu taħt is-SNS joffru, bħala minimu fil-ħin, servizzi bi ħlas lil persuni mhux abbonati u, b’mod partikolari, lit-turisti barranin, ma tqajjimx quddiem il-Kummissjoni u ssemma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istadju tar-replika. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li dan l-argument ma setgħax jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

10     Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt ta' smigħ xieraq, il-Qorti tal-Prim'Istanza caħdet tali raġuni wara li kkonstatat, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta ċaħdet l-ilment quddiemha minħabba li l-entitajiet li jmexxu s-SNS ma jaġixxux bħala impriżi fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li kien inutli għall-Kummissjoni li teżamina l-aspetti l-oħra ta' l-ilment.

11     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-tielet raġuni, ibbażata fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq nuqqas ta' trasparenza tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mill-punti 58 u 59 tad-deċiżjoni kkontestata li, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ressqet kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza kbira għall-kontenut ta' din id-deċiżjoni. Wara li fakkret li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati in sostenn ta' l-ilment, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ivvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni. Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta' trasparenza tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 63 ta' l-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni rrispettat l-uniku obbligu li kien impost fuqha f'dan il-każ, jiġifieri li tippermetti lil FENIN tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub bħala risposta għall-pożizzjoni inizjali li ttieħdet mill-Kummissjoni.

12     Billi t-tliet raġunijiet invokati minn FENIN in sostenn tar-rikors tagħha ġew miċħuda, ir-rikors ġie miċħud fit-totalità tiegħu mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

 L-appell

 It-talbiet tal-partijiet u l-motiv ta' annullament

13     FENIN titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata; u

–       tordna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kemm ta' dawn il-proċedimenti kif ukoll ta' dawk quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

14     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiddikjara l-appel bħala parzjalment inammissibbli;

–       tiċħad il-bqija ta' l-appell; u

–       tikkundanna FENIN tbati l-ispejjeż.

15     Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll ir-Renju ta' Spanja, li tħallew jintervjenu in sostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Ottubru 2003, jitolbu li l-appel jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, kif ukoll li FENIN tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

16     FENIN tinvoka raġuni waħda biss in sostenn ta' l-appell tagħha, ibbażata fuq l-interpretazzjoni ħażina mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-kunċett ta' "impriża" fid-dawl tar-regoli tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni. Din ir-raġuni fiha żewġ partijiet.

17     Permezz ta' l-ewwel parti, FENIN issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball meta naqset milli tikkunsidra li l-attività ta' xiri hija attività ekonomika fiha nnifisha, li tista' tiġi mifruda mis-servizz mogħti wara tali attività, u li, għaldaqstant, l-entitajiet li jmexxu s-SNS għandhom ikunu suġġetti għall-imsemmija regoli ta' kompetizzjoni.

18     Permezz tat-tieni parti tar-raġuni tagħha, invokata sussidjarjament, FENIN issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkunsidra li l-attività ta' xiri hija ta' natura ekonomika u, għaldaqstant, hija suġġetta għar-regoli tal-kompetizzjoni, peress illi l-attività sussegwenti, jiġifieri s-servizzi ta' kura medika, għandha hija wkoll tali natura.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà

19     Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà fir-rigward biss tat-tieni parti tar-raġuni invokata minn FENIN.

20     Il-Kummissjoni tenfasizza, qabel kollox, in-natura tardiva ta' l-allegazzjoni li fuqha hija bbażata t-tieni parti tar-raġuni, li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell. Sussegwentement, hija ssostni li FENIN dejjem ammettiet li l-attivitajiet ta' l-entitajiet li jmexxu s-SNS huma ta' natura purament soċjali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li din it-tieni parti tqajjem kwistjoni ta' evalwazzjoni ta' fatti li ma tistax tiġi diskussa qudddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' eżami ta' appell.

21     Għandu jiġi kkonstatat li, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, in-natura ekonomika ta' l-attività ta' servizzi ta' kura tas-saħħa ta' l-entitajiet li jmexxu s-SNS kif ukoll il-konnessjoni bejn ix-xiri ta' materjal u l-użu tiegħu sussegwenti kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw min-natura ta' din l-attività ta' xiri, ġew invokati minn FENIN għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell.

22     Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tar-raġuni invokata minn FENIN għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

23     In sostenn ta' l-ewwel parti tar-raġuni tagħha, FENIN issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza adottat definizzjoni stretta wisq tal-kunċett ta' attività ekonomika billi kkunsidrat li din tikkonsisti neċessarjament fl-offerta ta' prodotti jew ta' servizzi f'suq speċifiku u billi eskludiet minn din id-definizzjoni kull attività ta' xiri. Skond hi, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim'Istanza tippermetti lil varji entitajiet ma josservawx ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni filwaqt illi din tiġi effettwata bl-imġiba ta' tali entitajiet.

24     Il-Kummissjoni ssostni li hija l-azzjoni li wieħed joffri prodotti jew servizzi f'suq speċifiku li jikkaratterizza l-kunċett ta' attività ekonomika u mhux l-attività ta' xiri fiha nnifisha. Għaldaqstant, m'hemmx lok li l-operazzjoni ta' xiri tiġi mifruda mill-użu intiż għall-prodott li nxtara.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

25     Il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret ġustament, fil-punt 35 tas-sentenza kkontestata, li l-kunċett ta' impriża jinkludi, fil-kuntest tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, l-entitajiet kollha li jeżerċitaw attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta' din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tat-23 ta' April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tas-16 ta' Marzu 2004, AOK-Bundesverband et, C-264/01, C-306/01, C-354/01 u C-355/01, Ġabra p. I-2493, punt 46). Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija enfasizzat ukoll, fil-punt 36 ta' l-imsemmija sentenza, li huwa l-fatt li wieħed joffri prodotti jew servizzi f'suq speċifiku li jikkaratterizza l-kunċett ta' attività ekonomika (sentenza tat-18 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36).

26     Minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet ġustament għall-konklużjoni, fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata, li mhemmx lok li l-attività ta' xiri tal-prodott tinfired mill-użu sussegwenti li jsir minnu sabiex tiġi evalwata n-natura ta' din l-attività ta' xiri u li n-natura ekonomika jew le ta' l-użu sussegwenti tal-prodott li nxtara tiddetermina neċessarjament in-natura ta' l-attività ta' xiri.

27     Minn dan jirriżulta li għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-ewwel parti tar-raġuni invokata minn FENIN in sostenn ta' l-appell tagħha, li tgħid li l-attività ta' xiri ta' l-entitajiet li jmexxu s-SNS hija attività ekonomika fiha nnifisha, u li, bħala tali, kellha tiġi eżaminata separatament mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

28     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, l-appell għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ispejjeż

29     Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li FENIN tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-imsemmi Artikolu 69(4), l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Federación Española de Empresas de Tecnología Sanitaria (FENIN) għandha tbati l-ispejjeż tal-preżenti istanza.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll ir-Renju ta' Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.