Language of document : ECLI:EU:C:2006:460

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta' Lulju 2006 (*)

"Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 81(1) KE – Distribuzzjoni ta' vetturi awtomobilistiċi – Kunċett ta' 'akkordji bejn impriżi' – Prova ta' l-eżistenza ta' akkordju"

Fil-kawża C-74/04 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-16 ta' Frar 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls, bħala aġent, assistit minn H.-J. Freund, Rechtsanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Volkswagen AG, stabbilita f'Wolfsburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Bechtold u S. Hirsbrunner, Rechtsanwälte, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta' Diċembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-208/01, Ġabra p. II-5141, aktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-Deċiżjoni 2001/711/KE tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Ġunju 2001, fi proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE ( Kawża COMP/F-2/36.693 – Volkswagen) (ĠU L 262, p. 14, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kontenzjuża").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku

2       Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest ġuridiku tagħha, kif jirriżultaw mis-sentenza kkontestata, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod segwenti.

3       Volkswagen AG (aktar 'il quddiem "Volkswagen") hija l-kumpannija possedenti u l-aktar impriża kbira tal-Grupp Volkswagen, li jopera fis-settur tal-kostruzzjoni awtomobilistika. Il-vetturi awtomobilistiċi prodotti minn Volkswagen jinbiegħu fil-Komunità Ewropea, permezz ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva u esklużiva, minn konċessjonarji li magħhom din il-kumpannija kkonkludiet kuntratt ta' konċessjoni tipiku (aktar 'il quddiem il-"kuntratt ta' konċessjoni").

4       Skond l-Artikolu 4(1) tal-kuntratt ta' konċessjoni fil-verżjonijiet tiegħu ta' Settembru 1995 u ta' Jannar 1998, Volkswagen allokat lill-konċessjonarju territorju miftiehem fil-kuntratt fir-rigward tal-programm ta' kunsinna u tas-servizz ta' wara l-bejgħ. Bħala korrispettiv, il-kunċessjonarju ntrabat li jippromwovi l-bejgħ u s-servizz ta' wara l-bejgħ b'mod intensiv fit-territorju li kien allokat lilu u li jisfrutta bl-aħjar mod il-potenzjal tas-suq. Skond l-Artikolu 2(6) (verżjoni tax-xahar ta' Jannar 1989) jew l-Artikolu 2(1) (verżjonijiet tax-xhur ta' Settembru 1995 u ta' Jannar 1998), tal-kuntratt ta' konċessjoni, il-konċessjonarju ntrabat "li jiddefendi l-interessi ta' Volkswagen AG, ta' l-organizzazzjoni ta' distribuzzjoni ta' Volkswagen u tat-trade mark Volkswagen u li jassigura l-promozzjoni tagħhom bil-mezzi kollha". Huwa stipulat ukoll li "l-konċessjonarju għandu jirrispetta, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' vetturi Volkswagen ġodda, il-ħażna ta' partijiet separati, is-servizz ta' wara l-bejgħ, il-promozzjoni tal-bejgħ, il-pubbliċità u t-taħriġ, kif ukoll il-garanzija tal-livell tekniku tad-diversi setturi ta' l-operazzjonijiet ta' Volkswagen". Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta' konċessjoni, "Volkswagen AG għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet li mhumiex vinkolanti dwar il-prezz finali u dwar it-tnaqqis".

5       Fis-17 ta' Lulju 1997 u fit-8 ta' Ottubru 1998, wara lment minn naħa ta' xerrej, il-Kummissjoni indirzzat lil Volkswagen, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), talbiet għal informazzjoni dwar il-politika ta' tariffi ta' din il-kumpannija u, b'mod partikolari, l-iffissar tal-prezz ta' bejgħ tal-mudell Volkswagen Passat fil-Ġermanja. Volkswagen wieġbet għal dawn it-talbiet fit-22 ta' Awwissu 1997 u fid-9 ta' Novembru 1998 rispettivament.

6       Fit-22 ta' Ġunju 1999, abbażi ta' l-informazzjoni li kienet irċeviet, il-Kummissjoni indirizzat lil Volkswagen dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet fejn akkużatha li kisret l-Artikolu 81(1) KE peress li kienet laħqet ftehim mal-konċessjonarji Ġermaniżi fin-netwerk ta' distribuzzjoni tagħha dwar dixxiplina stretta fil-prezzijiet fir-rigward tal-bejgħ tal-mudell Volkswagen Passat.

7       F'din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni semmiet, b'mod partikolari, tliet ċirkularijiet indirizzati minn Volkswagen lill-konċessjonarji Ġermaniżi tagħha fis-26 ta' Settembru 1996, fis-17 ta' April u fis-26 ta' Ġunju 1997, kif ukoll ħames ittri mibgħuta lil uħud minnhom fl-24 ta' Settembru, fit-2 u fis-16 ta' Ottubru 1996, fit-18 ta' April 1997 u fit-13 ta' Ottubru 1998 (aktar 'il quddiem, meħudin flimkien, is-"sejħiet kontenzjużi").

8       Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Settembru 1999, Volkswagen wieġbet għall-imsemmija dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet fejn indikat li l-fatti deskritti fiha kienu, fl-essenza tagħhom, eżatti. Hija ma talbietx seduta sabiex tiġi mismugħa.

9       Fil-15 ta' Jannar u fis-7 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni indirizzat lil Volkswagen żewġ talbiet ġodda għal informazzjoni li Volkswagen wieġbet fit-30 ta' Jannar u fil-21 ta' Frar 2001 rispettivament.

10     Fis-6 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lil Volkswagen bid-deċiżjoni kontenzjuża. Id-dispożittiv ta' din id-deċiżjoni jipprovdi kif ġej:

"Artikolu 1

Volkswagen AG wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE meta ffissat il-prezzijiet ta' bejgħ tal-mudell Volkswagen Passat billi talbet lill-konċessjonarji kuntrattwali Ġermaniżi tagħha sabiex, meta jbiegħu dan il-mudell, ma jagħtux tnaqqis lill-klijenti jew sabiex jagħtuhom biss tnaqqis limitat.

Artikolu 2

Minħabba l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ammenda ta' EUR 30.96 miljuni hija imposta fuq Volkswagen AG.

[...]

Artikolu 4

Volkswagen AG, D-38436 Wolfsburg, hija d-destinatarja ta' din id-deċiżjoni.

[…]"

 Is-sentenza kkontestata

11     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Settembru 2001, Volkswagen ressqet rikors intiż sabiex tikseb, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda li kienet imposta fuqha permezz ta' din id-deċiżjoni.

12     Fil-punt 32 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, filwaqt li rreferiet għall-punt 69 tas-sentenza tagħha tas-26 ta' Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni (T-41/96, Ġabra p. II-3383), li l-kunċett ta' akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' qbil ta' volontajiet bejn minn ta' l-anqas żewġ partijiet li l-forma ta' manifestazzjoni tiegħu mhux importanti sakemm din il-forma tkun l-espressjoni fidila ta' dawn il-volontajiet.

13     Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punt 33 tas-sentenza kkontestata, li mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li meta deċiżjoni ta' manifattur tikkostitwixxi mġiba unilaterali ta' l-impriża, din id-deċiżjoni ma tintlaqatx mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 38, u tas-17 ta' Settembru 1985, Ford vs Il-Kummissjoni, 25/84 u 26/84, Ġabra p. 2725, punt 21, kif ukoll is-sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 66).

14     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat, fil-punt 35 tas-sentenza kkontestata, li dawk is-sitwazzjonijiet fejn impriża tkun adottat miżura verament unilaterali, u għalhekk mingħajr il-parteċipazzjoni espressa jew taċita ta' impriża oħra, għandhom jiġu distinti minn dawk fejn in-natura unilaterali hija biss apparenti. Filwaqt li s-sitwazzjonijiet ta' l-ewwel ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE, tat-tieni għandhom jitqiesu bħala sitwazzjonijiet li jiżvelaw akkordju bejn impriżi u għaldaqstant jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu. Dan ikun il-każ, b'mod partikolari, meta jkunu involuti prattiċi u miżuri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li, minkejja li jkunu apparentament adottati b'mod unilaterali mill-manifattur fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-konċessjonarji tagħha, jirċievu l-kunsens, minn ta' l-anqas taċitu, ta' dawn ta' l-aħħar (sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

15     Fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ma kienx ġie stabbilit li s-sejħiet kontenzjużi kienu ġew attwalment implementati.

16     Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, indikat li, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta' akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni bbażat ruħha, prinċipalment, fuq l-argument li l-politika ta' distribuzzjoni ta' Volkswagen kienet ġiet taċitament aċċettata mill-konċessjonarji meta ffirmaw il-kuntratt ta' konċessjoni.

17     Fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li t-teżi tal-Kummissjoni twassal għall-konklużjoni li konċessjonarju li jkun iffirma kuntratt ta' konċessjoni konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni jkun preżunt li, fil-mument ta' din il-firma u permezz tagħha, aċċetta bil-quddiem varjazzjoni sussegwenti illegali ta' dan il-kuntratt, minkejja li, preċiżament minħabba l-konformità tiegħu mad-dritt tal-kompetizzjoni, l-imsemmi kuntratt ma setax jippermetti lill-konċessjonarju li jipprevedi varjazzjoni bħal din.

18     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li jista' jiġi previst li varjazzjoni kuntrattwali tista' titqies li ġiet aċċettata bil-quddiem, fil-mument ta' l-iffirmar ta' kuntratt ta' konċessjoni legali u minħabba dan l-iffirmar, meta tkun involuta varjazzjoni kuntrattwali legali li jew tkun prevista fil-kuntratt jew li fid-dawl ta' l-użanzi kummerċjali jew tal-leġiżlazzjoni, il-konċessjonarju ma jkunx jista' jirrifjuta. Mill-banda l-oħra, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistax jiġi aċċettat li varjazzjoni kuntrattwali illegali tista' titqies li ġiet aċċettata bil-quddiem fil-mument ta' l-iffirmar ta' kuntratt ta' distribuzzjoni legali u minħabba dan l-iffirmar.

19     Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 46 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta allegat li l-iffirmar tal-kuntratt ta' konċessjoni mill-konċessjonarji ta' Volkswagen kien jimplika li dawn kienu aċċettaw is-sejħiet kontenzjużi.

20     Fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet qiegħda timxi fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza, li hija invokat in sostenn tat-teżi tagħha, meta ssostni li, skond is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja AEG vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq; Ford vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, u ta' l-24 ta' Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke (C-70/93, Ġabra p. I-3439), kif ukoll skond is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-62/98, Ġabra p. II-2702), mhux meħtieġ, ta' l-anqas fil-każ ta' sistemi ta' distribuzzjoni selettiva bħal dik in kwistjoni, li jiġi mfittex il-kunsens għal sejħa minn min jagħti l-konċessjoni fl-imġiba li l-konċessjonarju jadotta fil-kuntest ta' din is-sejħa, per eżempju wara li jkun irċeviha, u li dan il-kunsens għandu fil-prinċipju jitqies bħala mogħti mis-sempliċi fatt li l-konċessjonarju daħal fin-netwerk ta' distribuzzjoni.

21     Fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat li, b'mod ċar, it-teżi mressqa mill-Kummissjoni mhijiex sostnuta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Lulju 1979, BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435), u tal-11 ta' Jannar 1990, Sandoz prodotti famaceutici vs Il-Kummissjoni (C-277/87, Ġabra p. I-45), kif ukoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, invokati minn Volkswagen in sostenn tar-rikors tagħha. Fil-fatt, dawn is-sentenzi kollha jikkonfermaw il-bżonn, sabiex tkun tista' tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' ftehim fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE, li titressaq il-prova ta' qbil ta' volontajiet. Barra minn hekk, dan il-qbil għandu jikkonċerna mġiba ddeterminata li, għaldaqstant, għandha tkun magħrufa mill-partijiet fil-mument meta jaċċettawha.

22     Fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat ukoll l-argument invokat b'mod sussidjarju mill-Kummissjoni li anki jekk wieħed iqis li hija meħtieġa klawżola ta' riżerva fil-kuntratt ta' konċessjoni sabiex tkun tista' tiġi kkonstatata l-inserzjoni tas-sejħiet kontenzjużi f'dan il-kuntratt, l-Artikolu 2(1) jew (6) ta' l-imsemmi kuntratt għandhom jitqiesu bħala klawżola bħal din.

23     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan l-argument sussidjarju filwaqt illi ppreċiżat, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, li l-Artikolu 2(1) jew (6) tal-kuntratt ta' konċessjoni jistgħu jiġu interpretati biss fis-sens li jkopru biss il-metodi konformi mal-liġi. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, jekk isostni l-kuntrarju wieħed ikun qiegħed, minn klawżola kuntrattwali bħal din miktuba f'termini newtrali, jimplika li l-konċessjonarji rabtu lilhom infushom bi ftehim illegali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet tgħid, fil-punt 64 ta' l-imsemmija sentenza, li l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta' konċessjoni huwa wkoll miktub b'termini newtrali, jekk mhux ukoll f'termini li jipprojbixxu l-possibbiltà li Volkswagen tagħmel rakkomandazzjonijiet vinkolanti dwar il-prezz.

24     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni kkontenzjuża.

 It-talbiet tal-partijiet u l-argument invokat in sostenn ta' l-appell

25     Il-Kummissjoni qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u tikkundanna lil Volkswagen tbati l-ispejjeż.

26     In sostenn ta' l-appell tagħha hija tinvoka argument wieħed ibbażat fuq in-nuqqas ta' rispett ta' l-Artikolu 81(1) KE min-naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

27     Volkswagen qiegħda titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

28     Permezz ta' l-argument tagħha l-Kummissjoni qiegħda ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrispettatx l-Artikolu 81(1) KE peress illi kkunsidrat li s-sejħiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux akkordji bejn impriżi fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29     Il-Kummissjoni tindika li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dħul ta' konċessjonarju f'netwerk selettiv ta' distribuzzjoni jimplika l-aċċettazzjoni espressa jew taċita tiegħu tal-politika ta' distribuzzjoni tal-manifattur (sentenzi AEG vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38; Ford vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21, kif ukoll tas-6 ta' Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I-23, punt 144).

30     Il-Kummissjoni żżid tgħid li, skond ġurisprudenza stabbilita wkoll, sejħa minn manifattur ta' vetturi indirizzata lid-distributuri tiegħu marbutin b'kuntratt ma tikkostitwixxix att unilaterali li ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, iżda akkordju fis-sens ta' din id-dispożizzjoni meta din is-sejħa tagħmel parti minn korp ta' relazzjonijiet kummerċjali kontinwi rregolati permezz ta' akkordju ġenerali stabbilit minn qabel (ara s-sentenzi Ford vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 21; Bayerische Motorenwerke, iċċitata aktar 'il fuq, punti 15 u 16, kif ukoll tat-18 ta' Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 60).

31     Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza kkontestata ma tirrispettax din il-ġurisprudenza u hija inkompatibbli man-natura tas-sistemi ta' distribuzzjoni selettiva.

32     Skond il-Kummissjoni, il-konċessjonarju, meta ffirma l-kuntratt ta' konċessjoni, kien aċċetta miżuri futuri li jistgħu jaqgħu fil-qafas stabbilit minn dan il-kuntratt. Hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 45 u 56 tas-sentenza kkontestata, miżuri bħal dawn m'għandhomx neċessarjament jiġu ppreveduti fil-kuntratt ta' konċessjoni jew ikunu konformi mal-liġi sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE.

33     Volkswagen issostni li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' akkordju mill-Qorti tal-Prim'Istanza hija perfettament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma' l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34     Il-Kummissjoni qiegħda sostanzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħatx, mingħajr ma twettaq żball ta' dritt, tinjora li, meta jiffirma kuntratt ta' konċessjoni, il-konċessjonarju jkun qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu bil-quddiem għall-miżuri kollha adottati mill-manifattur ta' vetturi fil-kuntest ta' din ir-relazzjoni kuntrattwali.

35     In sostenn tat-teżi tagħha l-Kummissjoni fakkret li skond il-ġurisprudenza stabbilita, sejħa minn manifattur ta' vetturi indirizzata lid-distributuri tiegħu marbutin b'kuntratt ma tikkostitwixxix att unilaterali iżda akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE meta din is-sejħa tagħmel parti minn korp ta' relazzjonijiet kummerċjali kontinwi rregolati permezz ta' akkordju ġenerali stabbilit minn qabel.

36     Issa, il-ġurisprudenza li għaliha tagħmel riferiment il-Kummissjoni ma timplikax li kull sejħa minn manifattur ta' vetturi indirizzata lill-konċessjonarji tikkostitwixxi akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE u ma teħlisx lill-Kummissjoni milli tipprova l-eżistenza ta' qbil ta' volontajiet tal-partijiet tal-kuntratt ta' konċessjoni f'kull każ partikolari.

37     Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament osservat, fil-punti 30 sa 34 tas-sentenza kkontestata, li, sabiex jikkostitwixxi akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li att jew imġiba apparentament unilaterali jkunu l-espressjoni tal-qbil tal-volontajiet ta' minn ta' l-anqas żewġ partijiet peress illi l-forma li fiha jkun espress dan il-qbil mhix determinanti fiha nfisha.

38     Kif ippreċiżat Volkswagen fil-punt 29 fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' l-appell, is-soluzzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza li taqleb il-piż tal-prova ta' l-eżistenza ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

39     Il-volontà tal-partijiet tista' tirriżulta kemm minn klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni in kwistjoni u kemm mill-imġiba tal-partijiet u, b'mod partikolari, mill-eżistenza eventwali ta' kunsens taċitu min-naħa tal-konċessjonarji għas-sejħa tal-manifattur (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 61 sa 68).

40     F'dan il-każ, fir-rigward ta' l-ewwel possibbiltà, il-Kummissjoni, sempliċiment abbażi tal-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni in kwistjoni, waslet għall-konklużjoni li jeżisti qbil bejn il-volontajiet tal-partijiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha, kif fil-fatt għamlet, teżamina jekk is-sejħiet kontenzjużi jinstabux espliċitament fil-kuntratt ta' konċessjoni jew, minn ta' l-anqas, jekk il-klawżoli ta' dan il-kuntratt jawtorizzawx lill-manifattur ta' vetturi sabiex jagħmel użu minn sejħiet bħal dawn.

41     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 20 tas-sentenza Ford vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argument ibbażat fuq in-natura allegatament unilaterali ta' ċerti miżuri ta' distribuzzjoni selettiva ta' vetturi awtomobilistiċi billi osservat li akkordji ta' konċessjoni bilfors ikollhom iħallu ċerti aspetti għal deċiżjonijiet sussegwenti tal-manifattur u li deċiżjonijiet bħal dawn kienu fil-fatt previsti fl-Anness 1 tal-kuntratt ta' konċessjoni in kwistjoni.

42     Bl-istess mod, fil-punt 64 tas-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ġustament iddeċidiet li miżuri meħuda minn Volkswagen sabiex tillimita l-kunsinna ta' vetturi awtomobilistiċi lill-konċessjonarji Taljani, implementati bil-għan espliċitu li jiġu ostakolati r-riesportazzjonijiet mill-Italja, kienu jagħmlu parti mir-relazzjonijiet kummerċjali kontinwi tal-partijiet tal-kuntratt ta' konċessjoni peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ibbażat ruħha, b'mod partikolari, fuq il-fatt li l-kuntratt ta' konċessjoni in kwistjoni kien jipprevedi l-possibbiltà li jiġu limitati kunsinni bħal dawn.

43     F'dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-konformità jew in-nuqqas ta' konformità tal-klawżoli tal-kuntratt in kwistjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tkun neċessarjament determinanti fil-kuntest ta' dan l-eżami. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim'Istanza tebbgħat is-sentenza tagħha bi żball ta' dritt meta fil-punti 45 u 46 tas-sentenza kkontestata kkonkludiet li klawżoli konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jitqiesu li jawtorizzaw sejħiet kuntrarji għal dawn ir-regoli.

44     Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż a priori li sejħa, li tmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, tista' titqies bħala awtorizzata minn klawżoli apparentement newtrali f'kuntratt ta' konċessjoni.

45     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta' dritt, ma teżaminax każ b'każ il-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni filwaqt li tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-fatturi rilevanti l-oħra kollha, bħalma huma l-għanijiet ta' dan il-kuntratt fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien ġie konkluż dan il-kuntratt.

46     Fir-rigward tat-tieni possibbiltà, jiġifieri fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti, l-eżistenza ta' akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE tippresupponi l-kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tal-konċessjonarji, għall-miżura adottata mill-manifattur tal-vetturi (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 28 sa 30).

47     F'dan il-każ, peress illi l-Kummissjoni ma invokatx l-eżistenza ta' kunsens espliċitu jew taċitu min-naħa tal-konċessjonarji, din it-tieni possibbiltà ma tippreżenta l-ebda interess fil-kuntest ta' din il-kawża.

48     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sejħiet kontenzjużi jagħmlux parti mill-korp ta' relazzjonijiet kummerċjali ta' Volkswagen mal-konċessjonarji tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza kien imissha eżaminat jekk dawn is-sejħiet kinux previsti jew awtorizzati mill-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni filwaqt li tikkunsidra l-għanijiet ta' dan il-kuntratt bħala tali u dan fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih kien ġie konkluż dan il-kuntratt.

49     F'dan il-każ, fir-rigward ta' l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza lill-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li għandha l-kompetenza li, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun kompetenti li, skond l-imsemmi Artikolu 225 KE, tistħarreġ il-kwalifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta' dritt li l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ħarġet minn dawn il-fatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C 185/95 P, Ġabra p. I 8417, punt 23).

50     Fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 2 tas-sentenza kkontestata, ikkonstatat, b'mod li ma jistax jiġi kkontestat, li skond l-Artikolu 2(1) jew (6) ta' dan il-kuntratt, il-konċessjonarju ntrabat, b'mod partikolari, li jiddefendi l-interessi ta' l-organizzazzjoni ta' distribuzzjoni ta' Volkswagen u tat-trade mark Volkswagen u jirrispetta, għal dan il-għan, ir-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' vetturi ġodda u tal-promozzjoni tal-bejgħ.

51     Mill-punt 2 tas-sentenza kkontestata jirriżulta wkoll li, skond l-Artikolu 8(1) tal-kuntratt ta' konċessjoni, Volkswagen għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet li mhumiex vinkolanti dwar il-prezz finali u dwar it-tnaqqis.

52     Fil-punti 62 sa 68 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni konkreta tal-kuntratt ta' konċessjoni, ikkonstatat li l-imsemmija artikoli ma jistgħux jitqiesu li jawtorizzaw Volkswagen sabiex tindirizza rakkomandazzjonijiet vinkolanti lill-konċessjonarji fir-rigward tal-prezz ta' vetturi ġodda u li s-sejħiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux akkordju fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE.

53     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ibbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ta' konċessjoni sabiex tevalwa l-kontenut tagħhom. Madankollu, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tistħarreġ, fil-kuntest ta' appell, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li dawn il-klawżoli kienu ġew miktuba f'termini newtrali, jekk mhux ukoll f'termini li jipprojbixxu l-possibbiltà li Volkswagen tagħmel rakkomandazzjonijiet vinkolanti dwar il-prezz. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim'Istanza vvizzjat ir-raġunament tagħha bi żball ta' dritt peress illi ddeċidiet li klawżoli konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jitqiesu li jawtorizzaw sejħiet kuntrarji għal dawn ir-regoli.

54     Madankollu, dan l-iżball m'għandu l-ebda konsegwenza fuq il-fondatezza tal-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri li s-sejħiet kontenzjużi ma jistgħux, f'dan il-każ, jiġu kkwalifikati bħala "akkordju" fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE.

55     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament ikkonkludiet, fil-punt 68 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi annullata.

56     Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

57     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub minn Volkswagen.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.