Language of document : ECLI:EU:C:2005:623

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

20 ta' Ottubru 2005 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 90/388/KEE – Telekomunikazzjonijiet – Artikolu 4d – Drittijiet ta' aċċess – Nuqqas ta' garanzija ta' natura mhix diskriminatorja fl-għoti tad-drittijiet ta' aċċess – Nuqqas ta' traspożizzjoni"

Fil-kawża C-334/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE, imressaq fit-30 ta' Lulju 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn A. Alves Vieira, S. Rating u G. Braga da Cruz, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

ir-Repubblika Portugiża, irrapreżentata minn L. Fernandes u P. de Pitta e Cunha, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li, billi ma assiguratx it-traspożizzjoni fil-prattika ta' l-Artikolu 4d tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388 tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192 p. 10) kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta' Marzu 1996 (ĠU L 74, p. 13, iktar 'il quddiem, id-"Direttiva 90/388"), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha imposti fuqha.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Skond it-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 9619, "L-organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet jibbenefikaw minn privileġġi legali f'ħafna Stati Membri għall-installazzjoni tan-netwerk tagħhom fuq art pubblika jew privata, mingħajr ħlas jew b'rimborż għan-nefqa imġarrba" u "jekk l-Istati Membri ma jagħtux drittijiet simili lill-operaturi ġodda li għandhom il-liċenzja sabiex ikunu jistgħu jħaddmu n-netwerk tagħhom, dan idewwimhom u f'ċerti oqsma jammonta għaż-żamma ta' drittijiet esklussivi favur l-organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet.

3       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/388 jipprevedi:

"1.      L-Istati Membri għandhom ineħħu l-miżuri kollha li jagħtu:

a)      drittijiet esklussivi għall-provvista ta' servizzi ta' telekommunikazzjonijiet, inkluż l-istabbiliment u l-provvista tan-netwerkijiet tat-telekomunikazzjonijiet meħtieġa għall-provvista ta' dawn is-servizzi

jew

b)      drittijiet speċjali li jillimitaw għal tnejn jew iktar, skond kriterji li mhux oġġettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji, in-numru ta' impriżi awtorizzati biex jagħtu dawn is-servizzi ta' telekomunikazzjoni jew jisfruttaw dawn in-netwerkijiet.

jew

c)      drittijiet speċjali li jinnominaw skond kriterji li mhux oġġettivi, proporzjonati u mhux diskriminatorji, ħafna impriżi li huma f'kompetizzjoni li jagħtu dawn is-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet jew jagħtu jew jisfruttaw dawn in-netwerkijiet.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata li tipprovdi s-servizzi ta' telekomunikazzjoni previsti fil-paragrafu 1 jew li tistabbilixxi jew tisfrutta n-netwerkijiet previsti fil-paragrafu 1.

[…]"

4       Fit-termini ta' l-Artikolu 4d ta' l-imsemmija Direttiva:

"L-Istati Membru m'għandhomx jiddiskriminaw bejn il-provdituri tan-netwerkijiet pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet rigward l-għotja ta' drittijiet ta' aċċess għall-provvista ta' tali netwerkijiet.

Meta l-għotja ta' drittijiet addizzjonali ta' aċċess ta' impriżi li jixtiequ jistabbilixxu netwerkijiet pubbliċi ta' telekomunikazzjoni mhijiex possibbli minħabba rekwiżiti essenzjali applikabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'kundizzjonijiet raġonevoli, aċċess lill-faċilitajiet eżistenti stabbiliti skond id-drittijiet ta' aċċess, li m'għandhomx ikunu duplikati."

5       L-Artikolu 5 (3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 97/33KE, tat-30 ta' Ġunju 1997, dwar l-interkonnettività fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet sabiex tassigura servizz universali u l-interoperabbiltà bl-applikazzjonijiet ta' provvista ta' netwerk miftuħ (OPN) (ĠU L 199, p.32), jipprevedi li, sabiex tiddetermina l-piż probabbli li tirrapreżenta l-provvista ta' servizz universali, l-organizzazzjonijiet li għandhom obbligi ta' servizz universali għandhom, fuq talba ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali, jikkalkulaw l-ispiża netta ta' tali obbligi.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 12 (1) tal-liġi nru 91/97, ta' l-1 ta' Awwissu 1997 (Diário da República I, serje A, nru 176, ta' l-1 ta' Awwissu 1997, p. 4010) jiddefinixxi n-"netwerk ta' bażi tat-telekomunikazzjonijiet" bħala netwerk pubbliku li jissodisfa l-ħtiġiet tal-komunikazzjoni taċ-ċittadini u ta' l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju nazzjonali u li jassigura kollegamenti internazzjonali.

7       Il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu 12, kif emendat permezz tal-liġi nru. 282 tas-6 ta' Diċembru 2002, (Diário da República I, serje A, nru 282, tas-6 ta' Diċembru 2002, p. 7556) jiddefinixxi l-kunċett ta' netwerk ta' bażi ta' telekomunikazzjonijiet bħala l-elementi kollha ta' netwerk li huma neċessarji għall-provvista ta' servizz universali ta' telekomunikazzjonijiet.

8       Skond l-Artikolu 13 tal-liġi nru. 91/97, operaturi ta' netwerkijiet ta' bażi ta' telekomunikazzjonijiet huma eżenti milli jħallsu taxxi u drittijiet fuq l-installazzjoni ta' infrastratturi ta' telekomunikazzjoni u għall-aċċess għall-partijiet diversi ta' l-installazzjoni jew l-apparat neċessarju għall-użu tan-network.

9       Fl-20 ta' Marzu 1994, l-Istat Portugiż u PT Comunicações, il-kumpannija sussidjarja ta' Portugal Telecom SA għas-settur ta' servizz ta' linja fissa, iffirmaw kuntratt ta' konċessjoni għall-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet li huma kkunsidrati bħala servizzi pubbliċi, sabiex jiġi awtorizzat l-użu u l-isfruttament ta' infrastruttri ta' telekomunikazzjonijiet minn PT Comunicações għall-perijodu ta' 30 sena.

10     Ir-regoli bażiċi ta' din il-konċessjoni ta' servizz pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet, approvati permezz tal-liġi nru 40/95, tal-15 ta' Frar 1995 (Diário da República I, serje A, nru 39, tal-15 ta' Frar 1995, p. 969), jagħtu lil PT Comunicações id-dritt esklussiv li tistabbilixxi, li tmexxi u tisfrutta l-infrastrutturi li jikkostitwixxu n-"netwerk ta' bażi" ta' telekomunikazzjonijiet. Skond it-termini ta' l-Artikolu 2 (1)(a) ta' dawn ir-regoli bażiċi li huma annessi mal-liġi nru 40/95, l-imsemmija konċessjoni għandha bħala għan "l-istabbiliment, it-tmexxija u l-isfruttament ta' infrastrutturi li jikkostitwixxu n-netwerk ta' bażi ta' telekomunikazzjoni". Permezz tal-konċessjoni, fl-istess ħin lil PT Comunicações ġiet fdata l-manutenzjoni ta' infrastrutturi, bir-responsabbiltà li żżomm dawn f'kundizzjoni tajba ta' operatività, ta' sigurtà u ta' manutenzjoni u li tiżviluppahom b'mod kwalitattiv u b'mod kwantitattiv, sabiex tiggarantixxi l-provvista ta' servizzi ta' telekomunikazzjonijiet ta' użu ġenerali, fis-sens ta' servizz univerali, fit-territorju nazzjonali kollu.

11     Għal din l-imsemmija konċessjoni, PT Comunicações għandha, skond l-Artikoli 24, 25 u 32 tar-regoli bażiċi tal-konċessjoni, tħallas lill-Istat, bħala dak li ta l-konċessjoni, ammont ekwivalenti għal 1% tad-dħul operattiv gross tas-servizzi pprovduti, dritt għal kumpens huwa previst jekk l-esekuzzjoni ta' l-obbligi tas-servizz universali jimplika marġni ta' telf għall-konċessjonarja.

12     L-infrastrutturi li jikkostitwixxu n-netwerk ta' bażi ta' telekomunikazzjonijiet japparjenu lill-Istat Portugiż sakemm isir it-trasferiment, fl-aħħar tas-sena 2002, ta' dan in-netwerk lil PT Comunicações għal valur f'din id-data ta' l-ammont totali ta' drittijiet dovuti lill-Istat skond il-kuntratt ta' konċessjoni, ta' l-1995 sa l-aħħar tal-perjodu inizjali ta' validità tiegħu.

13     Kuntratt ġdid ta' konċessjoni ġie approvat permezz tal-liġi nru 31/2003 tas-17 ta' Frar 2003 (Diário da República I, serje A, nru 40, tas-17 ta' Frar 2003, p. 1044), li emenda r-regoli ta' bażi tal-konċessjoni. L-obbligi ta' l-operatur tan-netwerk ta' bażi baqgħu essenzjalment l-istess. L-Artikolu 6(b) ta' l-Anness ta' l-imsemmjia liġi jipprevedi li PT Communicações, bħala konċessjonarja, għandha l-obbligu li tagħti servizzi li huma s-suġġett tal-konċessjoni billi tassigura interoperabbiltà, il-kontinwità, id-disponibbiltà, il-permanenza u l-kwalità.

 Il-proċedura prekontenzjuża

14     Permezz ta' l-ittra ta' notifikazzjoni supplementari tat-2 ta' Marzu 2002, indirizzata lill-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni stiednet lill dawn ta' l-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fatt li l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa kollha minħabba l-installazzjoni tan-netwerkijiet, mogħtija, skond l-artikolu 13 tal-liġi nru 91/97, lil PT Comunicações, l-unika impriża responsabbli għat-tmexxija u l-isfruttament tan-netwerk ta' bażi ta' telekomunikazzjonijiet, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' ebda diskriminazzjoni f'dak li jirrigwarda l-għotja ta' drittijiet ta' aċċess previst fl-Artikolu 4d tad-Direttiva 90/388.

15     Permezz ta' ittra tat-2 ta' Lulju 2002, il-Gvern Portugiż esprima l-intenzjoni tiegħu li jirrimedja t-trattament diskriminatorju allegat. Madankollu peress illi ma rċeviet l-ebda risposta addizzjonali, il-Kummissjoni ħarġet, permezz ta' ittra tad-19 ta' Diċembru 2002, opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika Portugiża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifikazzjoni.

16     Peress illi l-Gvern Potugiż ma tax risposta għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Dwar ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

17     Il-Kummissjoni ssostni li permezz ta' l-eżenzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 13 tal-liġi nru 91/97, flimkien mal-liġi nru 31/2003 u qabel mal-liġi nru 40/95, li jistabbilixxi li PT Comunicações hija responsabbli għall-installazzjoni u l-operazzjoni tan-netwerk ta' bażi, ir-Repubblika Portugiża tat lil din impriża trattament differenti minn dak li jibbenifikaw minnhu l-operaturi l-oħra u li, mingħajr ġustifikazzjoni preċiża, tmur kontra l-Artikolu 4d tad-Direttiva 90/388.

18     Peress PT Comunicações tipprovdi, permezz tan-netwerk ta' bażi ta' telekomunikazzjoni tagħha, servizzi li jikkompetu direttament mas-servizzi provduti minn operaturi oħra, il-privilaġġi in kwistjoni jagħtu lil PT Comunicações vantaġġ dirett fuq il-kompetituri tagħha. Il-fatt li operaturi ġodda għandhom iktar spejjeż mill-operatur eżistenti jista' jinvolvi dewmien fiż-żvilupp tan-netwerkijiet ta' dawn ta' qabel.

19     Skond il-Kummissjoni, id-differenza fit-trattament in kwistjoni mhijex iġġustifikata.

20     Għall-kuntrarju, il-Ġvern Portugiż jargumenta li mhux leġġittimu li tikkwalifika bħala diskriminatorji trattamenti separati ta' sitwazzjonijiet differenti. Kull impriża li hija responsabbli li tassigura s-servizz universali hija suġġetta għall-obbligi ta' żvilupp u manutenzjoni tan-netwerk li mhumiex imposti fuq l-operaturi li qed jikkompetu.

21     L-imsemmi Gvern jargumenta li l-eżenzjoni ta' ħlas mit-taxxi li jistgħu jkunu dovuti minħabba l-użu tad-dominju pubbliku u l-possibbiltà li twettaq xogħlijiet fuq dan ta' l-aħħar waqt li tkun eżentata milli tikseb permessi muniċipali, sabiex tneħħi l-ostakli għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura tan-netwerk ta' bażi u t-tlestija tax-xogħlijiet neċessarji għall-installazzjoni tkun iktar faċli, għall-konservazzjoni u ż-żamma tagħhom. Ma kien hemm l-ebda intenzjoni li PT Comunicações tingħata vataġġ fuq il-kompetituri tagħha.

22     Il-Gvern Portguiż jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li PT Comunicações hija marbuta li tagħti aċċess għal netwerk ta' bażi lil operaturi li qed jikkompetu b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Fi kliem ieħor, hija ma tistax tieħu, fil-kuntest tal-provvista ta' servizzi ta' telekomunikazzjoni, ebda vantaġġ mill-eżenzjoni ta' taxxi mogħtija lillha għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-network.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23     L-Artikolu 4d tad-Direttiva 90/388, li tirrikjedi li l-Istati Membri ma jwettqux diskriminazzjonijiet bejn dawk li jipprovdu n-netwerkijiet pubbliċi ta' telekomunikazzjonijet f'dak li jirrigwardja l-għotja ta' drittijiet ta' aċċess għall-provvista ta' dawn in-netwerkijiet, huwa applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta' l-ekwità [ara b'analoġija, l-Artikolu 7950 tad-Diretttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta' l-elettriku] (ĠU 1997 L 27, p.20) Kawża C-17/03 VEMW et,C-17/03, li għadu ma ġiex ippubblikat, punt 47].

24     Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, li hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-liġi Komunitarja, teħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti ħlief jekk tali distinzjoni tkun tista' tiġi ġġustifikata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Ġermanja vs Kunsill, C-280/93, Ġabra, p. I-4973, punt 67).

25     F'dan il-każ, huwa kostanti li PT Comunicações hija eżenti mill-ħlas ta' taxxi u ta' drittijiet konnessi ma' l-infrastrutturi ta' telekomunikazzjonijiet jew l-aċċess għall-partijiet varji ta' l-installazzjoni jew l-apparat neċessarju għall-isfruttament tan-netwerk mogħti.

26     L-ewwel punt li għandu jiġi nnotat huwa li mhux deċiżiv jekk din l-eżenzjoni tirriżultax mill-Artikolu 13 tal-liġi nru 91/97, flimkien mal-liġi nru 31/2003 u preċedentement mal-liġi nru 40/95, kif tgħid il-Kummissjoni, jew jekk, minflok, tirriżultax, kif jargumenta l-Gvern Portugiż, mill-ġurisprudenza tat-tribunali amministrattivi Portugużi, li tipprovdi li l-użu ta' dominju pubbliku għall-provvista ta' servizz pubbliku ma tistax tagħti lok għall-tassazzjoni ħlief jekk hemm użu privat ta' assi semi-pubbliċi sabiex jissodisfaw ħtiġiet privati barra mill-ħtiġiet kollettivi. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet l-eżenzjoni teżisti minħabba s-sistema legali interna ta' l-Istat Membru kkonċernat.

27     Barra minn dan, mhux eskluża li titqabbel is-sitwazzjoni ta' impriża responsabbli għal provvista ta' servizz universali, li hija suġġetta għal obbligi ta' żvilupp u ta' manutenzjoni ta' network, ma operaturi oħra ta' telekomunikazzjonijiet li jassiguraw is-servizzi ta' l-għażla tagħhom, skond il-kundizzjonijiet li huma jikkunsidraw li huma l-iktar vantaġġużi.

28     Huwa veru li l-użu ta' dominju pubbliku għal skopijiet privati jista' jkun iddifferenzjat mill-użu ta' dominju pubbliku għal skopijiet ta' ħtiġiet kollettivi. Madankollu, għall-kuntrarju ta' dak li qed jargumenta l-Gvern Portugiż, il-paragun tas-sitwazzjonijiet ta' impriżi tas-settur ta' telekomunikazzjonijiet m'għandux ikun limitat għall-uniċi impriżi suġġetti għall-obbligi ta' servizz pubbliku.

29     Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta' PT Comunicações, bħala provditur ta' netwerk pubbliku għandha tkun mqabbla ma dik tal-kompetituri ta' din l-impriża li ukoll jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-suq tat-telekomunikazzjoni u li jixtiequ jistabbilixxu networkijiet alternattivi. Jekk dan ma jintlaħaqx, l-għan tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jiġifieri l-istabbiliment ta' suq kompetitiv fis-settur tat-telekomunikazzjoni, ikun serjament mhedded.

30     Huwa importanti, għalhekk, li jiġi vverifikat jekk it-trattament differenti nnotat f'dan il-każ, li jikkonsisti f'eżenzjoni mil-ħlas ta' taxxi u drittijiet skond il-miżuri nazzjonali in kwistjoni, huwiex iġġustifikat fid-dawl tad-Direttiva 90/338.

31     L-ewwel nett, huwa tajjeb li jiġi nnotat li, skond l-Artikolu 9, moqri flimkien ma' l-artikolu 8(1)(a) tar-regoli bażiċi tal-konċessjoni ta' servizzi pubbliċi ta' telekomunikazzjonijiet, l-Istat Portugiż rrikonoxxa lil PT Comunicações responsabbli għaż-żamma ta' l-infrastrutturi kkonċernati f'kundizzjoni tajba ta' operatività, sigurtà u manutenzjoni, kif ukoll li tiżvilupphom, f'kundizzjoni tajba ta' operatività, ta' sigurtà u ta' manutenzjoni u li tiżvilluphom b'mod kwalitattiv u b'mod kwantitattiv, sabiex tiggarantixxi l-provvista ta' servizzi ta' telekomunikazzjonijiet ta' użu ġenerali, fis-sens ta' servizz univerali, fit-territorju nazzjonali kollu.

32     Madankollu, il-kumpens għan-nefqa li tirriżulta minn tali obbligu mhux, f'dan il-każ, ta' natura li jiġġustifika diskriminazzjoni bejn l-operaturi fir-rigward ta' l-għotja ta' dritt ta' aċċess.

33     Fil-fatt, in-nefqa netta ta' l-implemetazzjoni ta' servizz universali kellhom ikunu valutati skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 97/33, moqri flimkien ma' l-Anness III ta' dan ta' l-aħħar. Madankollu, f'dan il-każ m'hemmx il-valutazzjoni tan-nefqa netta. Konsegwentament, m'hemmx bżonn li jiġi stabbilit jekk l-eżenzjoni minn taxxi muniċipali tikkostitwixxix miżura ta' finanzjament tal-provvista tas-servizz universali jew jekk, kif jargumenta l-Gvern Portugiż, din l-eżenzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tkopri n-nefqa tas-servizz skond il-ġurisprudenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Madgeburg (sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003, C-280/00, Ġabra. p. I‑7747).

34     Fit-tieni lok, il-fatt li PT Comunicações marbuta tagħti aċċess għan-netwerk ta' bażi tat-telekomunikazzjoni lill-operaturi li qed jikkompetu b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju ma jiġġustifikax id-differenza fit-trattament in kwistjoni. Ċertament, arranġamenti ta' qsim jew ta' koordinazzjoni kif wkoll l-istabbilment ta' regoli tat-tqassim tan-nefqa tal-qsim tal-faċilità jew proprjetà huma inkoraġġati fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-nerworks [netwerkijiet] ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva kwadru) (ĠU L108, p.33). Madankollu, l-aċċess ta' operaturi oħra għan-netwerk ma jiġġustifikax trattament differenti fir-rigward ta' nfiq ġenerali li joħroġ mill-implemetazzjoni ta' netwerk ġdid.

35     Fit-tielet lok, il-fatt li l-Gvern Portugiż irid, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/21, jiggarantixxi l-impożizzjoni ta' taxxa muniċpali li hija trasparenti u mhux diskriminatorja fuq id-drittijiet ta' aċċess, mhux ser jitqies peress li l-eżistenza ta' nuqqas għandu jkun evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif ġiet ippreżentata fl-aħħar ta' l-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata.

36     Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma assigurax it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 90/388, ir-Reppublika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

 Dwar l-ispejjeż

37     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi

1)      Billi ma assiguratx it-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 4(d) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388 tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta' Marzu 1996, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha imposti fuqha.

2)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.