Language of document : ECLI:EU:C:2007:166

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta' Marzu 2007 (*)


Werrej

Il-fatti li jwasslu għall-kawża

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi fl-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, dwar il-kriterju li jippermetti li jiġi evalwat l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, rigward l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tar-rilevanza tal-ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi peress illi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat l-effetti possibbli tal-kummissjonijiet mogħtija minn BA u lanqas kkunsidrat il-provi li skondhom dawn l-kummissjonijiet ma kellhomx effett materjali fuq il-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi peress illi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat jekk l-aġir ta' BA kien wassal għal "ħsara [għall-] konsumaturi" fis-sens ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi li jikkonsisti, għall-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-fatt li kienet ikkunsidrat li l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni kellha l-istess effett bħal ftehim kummerċjali, minkejja d-differenza relatata mat-tul tal-perijodu kkunsidrat, u n-nuqqas ta' analiżi u ta' kwantifikazzjoni ta' l-effetti ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fuq il-konkorrenti ta' BA

Fuq l-ewwel parti tar-raba' motiv, dwar id-differenzi bejn il-ftehim kummerċjali u l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tar-raba' motiv, dwar il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-prova ta' effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ħażina, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE fir-rigward ta' l-effett diskriminatorju ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, dwar l-ekwivalenza tat-tranżazzjonijiet ta’ l-aġenti ta' l-ivvjaġġar

Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, dwar il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet ta' żvantaġġ kompetittiv

Fuq l-ispejjeż

"Appell – Abbuż ta' pożizzjoni dominanti – Kumpannija ta' l-ajru – Ftehim konkluż ma' l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar – Premiums marbuta maż-żieda fil-bejgħ ta' biljetti maħruġa minn din il-kumpannija matul perijodu stabbilit b'relazzjoni ma' perijodu ta' referenza – Premiums mogħtija mhux biss għall-biljetti mibjugħa wara li ntlaħqet il-mira tal-bejgħ, iżda għall-biljetti kollha mibjugħa matul perijodu kkunsidrat"

Fil-kawża C-95/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-25 ta' Frar 2004,

British Airways plc, stabbilita f'Waterside (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Subiotto, solicitor, R. O’Donoghue, barrister, u W. Wood, QC,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, A. Nijenhuis u M. Wilderspin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Virgin Atlantic Airways Ltd, stabbilita fi Crawley (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Scott, solicitor, C. West, barrister, u N. Green, QC,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta' l-Awla, A. Borg Barthet u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, British Airways plc (iktar 'il quddiem "BA") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni (T-219/99, Ġabra p. II-5917, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha hija ċaħdet l-appell tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/74/KE, ta' l-14 ta' Lulju 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (IV/D-2/34.780 Virgin vs British Airways, ĠU 2000, L 30, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li timponi fuq BA multa ta' EUR 6,8 miljun għal abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq tas-servizzi ta' l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru tar-Renju Unit.

 Il-fatti li jwasslu għall-kawża

2        Il-fatti li jwasslu għal din il-kawża, kif jirriżultaw mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Prim'Istanza u kif huma esposti fil-punti 4 sa 19 tas-sentenza kkontestata, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

3        BA, li hija l-ikbar kumpannija ta' l-ajru tar-Renju Unit, ikkonkludiet ma' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fit-territorju ta' dan l-Istat Membru u akkreditati mill-International Air Transport Association (IATA) ftehim li jagħti d-dritt għal kummissjoni bażika fuq il-bejgħ ta' biljetti tat-trasport fuq it-titjiriet organizzati minn BA (iktar 'il quddiem il-"biljetti BA") maħruġa minn dawn l-aġenti u li jinkludu wkoll tliet skemi distinti ta' inċentivi finanzjarji: "ftehim kummerċjali", "ftehim globali" u, sussegwentement, "skema ta' premiums ta' produzzjoni" applikabbli mill-1 ta' Jannar 1998.

4        Il-ftehim kummerċjali ppermetta lil ċerti aġenti ta' l-ivvjaġġar, jiġifieri dawk li jagħmlu iktar minn GBP 500 000 ta' bejgħ annwali ta' biljetti BA, li jirċievu ħlasijiet oħra barra mill-kummissjoni bażika, b'mod partikolari premium ikkalkolat skond tabella progressiva bbażata fuq l-evoluzzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta' biljetti BA magħmul minn aġent ta' l-ivvjaġġar u suġġett għaż-żieda ta' dan il-bejgħ minn sena għal sena.

5        Fid-9 ta' Lulju 1993, Virgin Atlantic Airways Ltd (iktar 'il quddiem "Virgin") ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew li jikkonċerna, b'mod partikolari, dan il-ftehim kummerċjali.

6        Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedimenti fir-rigward ta' dan il-ftehim u adottat, fl-20 ta' Diċembru 1996, dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kontra BA. Din ta' l-aħħar ippreżentat l-osservazzjonijiet orali tagħha fis-seduta tat-12 ta' Novembru 1997.

7        It-tieni tip ta' ftehim ta' inċentivi, jiġifieri l-"ftehim globali", ġie konkluż ma' tliet aġenti ta' l-ivvjaġġar, li jawtorizzahom jirċievu kummissjonijiet addizzjonali, ikkalkulati abbażi tat-tkabbir tas-sehem ta' BA fil-bejgħ globali tagħhom.

8        Fis-17 ta' Novembru 1997, bagħtet lill-aġenti kollha ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit ittra li fiha hija spjegat il-modalitajiet tat-tielet tip ta' ftehim ta' inċentivi, jiġifieri s-sistema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni.

9        Skond din is-sistema, il-kummissjoni bażika ġiet imnaqqsa għal 7% għall-biljetti BA kollha (filwaqt li r-rati ta' kummissjoni preċedenti kienu ta' 7,5% għall-bejgħ ta' biljetti relatati ma' titjiriet ġewwa r-Renju Unit), iżda kull aġent ta' l-ivvjaġġar seta' jikseb kummissjoni addizzjonali li titla' sa 3% għall-biljetti internazzjonali u sa 1% għall-biljetti relatati ma' titjiriet interni. L-importanza ta' l-element varjabbli addizzjonali kien jiddependi mill-evoluzzjoni tal-produzzjoni miksuba mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar fil-bejgħ ta' biljetti BA. Din il-produzzjoni setgħet tiġi mkejla billi jiġi mqabbel id-dħul totali mill-bejgħ ta' biljetti BA maħruġa minn aġent matul xahar partikolari mad-dħul simili fix-xahar korrispettiv tas-sena preċedenti. L-element varjabbli addizzjonali kien dovut meta r-relazzjoni bejn id-dħul fil-perijodu kkunsidrat u dak fil-perijodu ta' referenza kienet ta' 95% u l-livell massimu tiegħu kien milħuq meta din ir-relazzjoni kienet tikkorrispondi għal 125%.

10      Fid-9 ta' Jannar 1998, Virgin ressqet ilment addizzjonali kontra din is-sistema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni. Fit-12 ta' Marzu 1998, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet addizzjonali fir-rigward ta' din is-sistema.

11      Fl-14 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara, fil-punt 96 tal-motivi tagħha, li, billi applikat il-ftehim kummerċjali u l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni (iktar 'il quddiem, flimkien, l-"iskemi ta' premiums in kwistjoni") għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, BA abbużat mill-pożizzjoni dominanti li hija għandha f'dan l-Istat Membru fis-suq tas-servizzi ta' l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru. Dan l-aġir abużiv għandu bħala għan u effett, billi jippremja l-lealtà ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar u billi jeżerċita diskriminazzjoni bejniethom, li jfixkel il-kompetituri ta' BA mis-swieq tat-trasport bl-ajru fir-Renju Unit.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

12      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ottubru 1999, BA ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan ir-rikors.

14      B'sostenn tar-rikors tagħha, BA kienet invokat tmien motivi bbażati, rispettivament, fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni, il-ksur tal-prinċipju kontra d-diskriminazzjoni, id-definizzjoni żbaljata tas-suq settorjali u ġeografiku rilevanti, in-nuqqas ta' rabta kawżali bejn is-swieq settorjali allegatament affettwati, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq bażi legali żbaljata, l-ineżistenza ta' pożizzjoni dominanti, in-nuqqas ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti u, fl-aħħar, in-natura eċċessiva ta' l-ammont tal-multa.

15      Huwa biss is-seba' motiv li huwa rilevanti fil-kuntest ta' dan l-appell. Permezz ta' dan il-motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti, BA kkontestat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ħolqu diskriminazzjoni bejn l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit jew ipproduċew effett ta' esklużjoni fir-rigward tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru.

16      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura diskriminatorja ta' dawn l-iskemi, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punt 233 tas-sentenza kkontestata, li l-isfruttament abbużiv ta' pożizzjoni dominanti jista' jikkonsisti fl-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, li b'hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv, kif jipprevedi l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE.

17      Fil-punt li jmiss ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ż-żieda tar-rata tal-kummissjonijiet imħallsa minn BA applikat mhux biss fuq il-biljetti BA mibjugħa wara li l-mira tkun intlaħqet, iżda fuq il-biljetti kollha BA maħruġa minn aġent ta' l-ivvjaġġar matul il-perijodu kkunsidrat. Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 236 ta' din is-sentenza, li billi jħallsu fuq livelli differenti servizzi identiċi u pprovduti matul l-istess perijodu, l-iskemi ta' premiums in kwistjoni iddeformaw il-livell tar-remunerazzjoni li jirċievu l-aġenti ta' l-ivvjaġġar fil-forma ta' kummissjonijiet imħallsa minn BA.

18      Fil-punt 238 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li dawn il-kundizzjonijiet diskriminatorji ta' remunerazzjoni kienu jaffettwaw l-abilità ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit biex jikkompetu fil-provvista ta' servizzi ta' l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru lill-vjaġġaturi u biex jistimulaw id-domanda tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru għal tali servizzi.

19      Fil-punt 240 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kkostitwixxew abbuż minn BA tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tar-Renju Unit ta' servizzi mill-aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru, billi pproduċew effetti diskriminatorji fost l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti f'dan l-Istat Membru u, għaldaqstant, imponew fuq uħud minnhom żvantaġġ kompetittiv fis-sens ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE.

20      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-effett ta' esklużjoni tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru ta' BA li jirriżulta mill-effett ta' lealtà li jirriżulta mill-iskemi ta' premiums in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punti 245 u 246 tas-sentenza kkontestata, li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm skemi ta' roħs kwantitattivi marbuta esklussivament mal-volum ta' xiri magħmula minn produttur dominanti huma ġeneralment ikkunsidrati li m'għandhomx bħala effett li jipprekludu, bi ksur ta' l-Artikolu 82 KE, il-fornitura ta' klijenti ta' dan il-produttur mingħand il-kompetituri tiegħu, skema ta' roħs marbuta mat-twettiq ta' mira ta' xiri applikata minn dan il-produttur tikser dan l-artikolu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 71).

21      Fil-punt 270 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li, sabiex tiddetermina jekk BA abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi applikat l-iskemi ta' premiums in kwistjoni għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-kriterji kif ukoll il-modalitajiet ta' għotja u li jiġi eżaminat jekk dawn il-premiums, permezz ta' l-attribuzzjoni ta' vantaġġ mhux ibbażat fuq ebda servizz ekonomiku li jiġġustifikah, kellhom tendenza li jneħħu jew jirrestrinġu l-libertà ta' l-aġenti li jbiegħu s-servizzi tagħhom lill-kumpanniji ta' l-ajru ta' l-għażla tagħhom u b'hekk jostakolaw l-aċċess lill-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru ta' BA għas-suq tar-Renju Unit tas-servizzi ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar bl-ajru.

22      Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 271 tas-sentenza kkontestata, li kien meħtieġ, f'dan il-każ, li jiġi stabbilit jekk l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kellhomx effett ta' lealtà fil-konfront ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit u, f'dan il-każ, jekk dawn l-iskemi kienu bbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat.

23      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-effett ta' lealtà ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punti 272 u 273 ta' din is-sentenza, l-eżistenza ta' dan l-effett għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, meta tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura progressiva tagħhom b'effett marġinali konsiderevoli ħafna, ir-rati miżjuda ta' kummissjoni kienu jkunu kapaċi li jiżdiedu b'mod esponenzjali minn perijodu għall-ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza ikkunsidrat li, iktar ma kien sinjifikattiv id-dħul mill-bejgħ ta' biljetti BA matul il-perijodu ta' referenza, iktar ma l-penalità subita mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar fil-forma ta' tnaqqis sproporzjonat tar-rata tal-premiums ta' produzzjoni kienet qawwija f'każ ta' tnaqqis, anki jekk minimu, f'dan il-bejgħ matul il-perijodu kkunsidrat meta mqabbel ma' dan il-perijodu ta' referenza.

24      Barra minn hekk, rigward l-eċċezzjoni ta' BA li tgħid li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ma pprekludux l-kompetituri tagħha milli jikkonkludu ftehim simili ma' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punt 277 tas-sentenza kkontestata, li n-numru ta' biljetti BA mibjugħa minn dawn l-aġenti fir-rigward ta' rotot ta' l-ajru minn u għall-ajruporti li jinsabu f'dan l-Istat Membru irrappreżenta invarjabbilment multiplu kemm ta' bejgħ ta' biljetti mwettaq minn kull wieħed mill-ħames kompetituri prinċipali ta' BA u kemm tat-total akkumulat ta' dan il-bejgħ. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 278 ta' din is-sentenza, li kien ġie muri, kif titlob il-liġi, li l-impriżi kompetituri ma kinux f'pożizzjoni li jagħmlu, fir-Renju Unit, dħul li jista' jikkostitwixxi bażi finanzjarja wiesgħa biżżejjed sabiex tippermettilhom li jistabbilixxu b'mod effettiv skema ta' premiums komparabbli ma' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni li tkun ta' natura li tpatti għall-effett ta' esklużjoni ġġenerat minn dawn ta' l-aħħar.

25      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kienu bbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret, fil-punt 279 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li impriża hija f'pożizzjoni dominanti ma ċċaħħadhiex mill-fakultà tagħha, f'miżura raġonevoli, biex twettaq l-atti li tikkunsidra approprjati sabiex tipproteġi l-interessi kummerċjali tagħha stess meta dawn huma mhedda. Madankollu, hija ppreċiżat, fil-punt 280 ta' din is-sentenza, li, biex tkun legali, il-protezzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva ta' din l-impriża għandha tkun ibbażata fuq kriterji ta' effiċjenza ekonomika.

26      Fil-punt 281 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li BA ma kinitx uriet li l-effett ta' lealtà ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kien ibbażat fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat. Fil-punti 282 u 283 ta' din is-sentenza, hija kkunsidrat f'dan ir-rigward li, billi r-realizzazzjoni tal-miri ta' żieda fil-bejgħ ta' biljetti BA minn aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit irriżulta fl-applikazzjoni ta' rata ta' kummissjoni għola mhux biss fuq il-biljetti BA mibjugħa ġaladarba dawn il-miri ntlaħqu, iżda fuq il-biljetti BA kollha maħruġa matul il-perijodu kkunsidrat, ir-remunerazzjoni addizzjonali ta' dawn l-aġenti kien bla ebda relazzjoni oġġettiva mal-korrispettiv li jirriżulta, għal BA, mill-bejgħ ta' biljetti ta' l-ajru addizzjonali.

27      Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat, fil-punt 285 ta' din is-sentenza, li, anki jekk kull kumpannija ta' l-ajru għandha interess tbiegħ biljetti addizzjonali għat-titjiriet tagħha aktar milli tħalli postijiet vojta, il-vantaġġ li kienet irrappreżentat rata aħjar ta' mili ta' l-ajruplani kellu jiġi mnaqqas konsiderevolment f'dan il-każ, minħabba ż-żieda fl-ispiża imħallsa minn BA minħabba ż-żieda fir-remunerazzjoni ta' l-aġent ta' l-ivvjaġġar li tirriżulta mill-applikazzjoni retroattiva tal-kummissjoni miżjuda.

28      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punti 286 sa 288 tas-sentenza kkontestata, li s-skemi ta' premiums in kwistjoni, billi kienu nieqsa minn korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom it-tendenza essenzjalment li jagħtu remunerazzjoni għaż-żieda fil-bejgħ ta' biljetti BA minn perijodu għall-ieħor u, għalhekk, li jsaħħu l-lealtà lejn BA ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit. Dawn l-iskemi ostakolaw konsegwentement id-dħul jew il-progress fis-suq Brittaniku tas-servizzi ta' l-agenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru tal-kumpanniji ta' l-ajru li huma kompetituri ta' BA u ostakolaw b'hekk iż-żamma tal-livell eżistenti ta' kompetizzjoni jew ta' l-iżvilupp ta' din il-kompetizzjoni fuq dan is-suq.

29      Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza nnotat, fil-punt 290 ta' din is-sentenza, li BA ammettiet matul is-seduta li ma kienx hemm relazzjoni preċiża bejn, minn naħa, l-ekonomiji ta' skala eventwali imwettqa permezz tal-biljetti BA addizzjonali mibjugħa wara t-twettiq tal-miri ta' bejgħ u, min-naħa l-oħra, iż-żidiet tar-rata tal-kummissjonijiet imħallsa bħala korrispettiv lill-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

30      Fl-aħħar nett, fil-punt 293 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argument ta' BA li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni pproduċew effett ta' esklużjoni. Għal dan il-għan, hija, minn naħa, indikat li, sabiex jiġi stabbilit ksur ta' l-Artikolu 82 KE, mhuwiex neċessarju li jiġi muri li l-abbuż ikkunsidrat għandu effett konkret fis-swieq ikkonċernati, billi hija suffiċjenti l-prova ta' l-aġir abużiv ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti li għandu t-tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

31      Fil-punt li jmiss tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat mhux biss li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni setgħu jkollhom effett restrittiv fuq is-swieq tas-servizzi ta' aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru u tat-trasport bl-ajru tar-Renju Unit, iżda anki li l-Kummissjoni kienet uriet b'mod konkret l-effett restrittiv tal-prattiki kkontestati fuq dawn is-swieq.

32      F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet, l-ewwel nett, li, meta seħħew l- fatti allegati, billi 85% tal-biljetti mibjugħa fir-Renju Unit kienu ġew mibjugħa mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar, l-aġir ta' BA fis-suq tas-servizzi ta' l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar bl-ajru ta' dan l-Istat Membru "ma setax jonqos milli jipproduċi, għad-detriment tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru, effett ta' esklużjoni mis-swieq Britanniċi tat-trasport ta' l-ajru" (punt 295 tas-sentenza kkontestata). It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li "meta impriża f'pożizzjoni dominanti timplimenta prattika li tiġġenera effett ta' esklużjoni tal-kompetituri tagħha, il-fatt li l-produzzjoni mixtieqa mhijiex milħuqa mhuwiex suffiċjenti biex jipprekludi l-kwalifika ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-sens ta' l-Artikolu 82 KE" (punt 297 ta' din is-sentenza).

33      Fl-aħħar nett, fil-punt 298 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li ż-żieda fl-ishma tas-suq ta' ċerti kompetituri ta' BA – żieda żgħira mil-lat tal-valur assolut, meta jiġu kkunsidrati l-ishma baxxi oriġinali tagħhom – ma fissritx li l-prattiki ta' BA kienu bla effett, peress illi, fin-nuqqas ta' dawn il-prattiki, "jista' jiġi kkunsidrat li l-ishma fis-suq ta' dawn il-kompetituri setgħu jiżdiedu b'mod iktar sinjifikattiv".

34      Għaldaqstant, minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeduċiet, fil-punt 300 tas-sentenza kkontestata, li s-seba' motiv għandu jiġi miċħud.

 It-talbiet tal-partijiet

35      BA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza kkontestata;

–        tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kif il-Qorti tiddeċiedi li hu approprjat fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha;

–        tieħu kull miżura oħra li l-Qorti jidhrilha approprjata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu;

–        tordna lil BA tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni f'din il-proċedura.

37      Virgin titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inammissibbli jew, f'kull każ, manifestament infondat u sabiex jiġi miċħud permezz ta' digriet motivat skond l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell u tikkonferma s-sentenza kkontestata kollha kemm hi;

–        f'kull każ, tordna lil BA tbati l-ispejjeż ta' l-appell, inkluż dawk ta' Virgin.

 Fuq l-appell

38      B'sostenn ta' l-appell tagħha, BA tqajjem ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        żball ta' liġi safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet applikat kriterju inkorrett sabiex tevalwa l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni u tikkonkludi li dawn l-iskemi ma kellhomx ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva;

–        żball ta' liġi safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx ikkunsidrat il-provi li jistabbilixxu li l-kummissjonijiet mogħtija minn BA ma kellhom ebda effett materjali fuq il-kompetituri;

–        żball ta' liġi safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat jekk saritx "ħsara [għall-] konsumaturi" fis-sens ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE;

–        żball ta' liġi safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkunsidrat li s-sistema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni kellha l-istess effett bħall-ftehim kummerċjali, minkejja d-differenza marbuta mat-tul tal-perijodu ikkunsidrat rispettivament, u ma analizzatx u lanqas ma kkwantifikat l-effetti ta' din is-sistema fuq il-kompetituri ta' BA;

–        applikazzjoni ħażina ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta' l-effett diskriminatorju ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi fl-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

39      Fil-kuntest ta' dan l-argument, BA tikkritika l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 270 sa 298 tas-sentenza kkontestata, li jgħidu li l-premiums mogħtija minn BA, minn naħa, għandhom "effett ta' lealtà" u jipproduċu għalhekk effett ta' esklużjoni, u, minn-naħa l-oħra, mhumiex iġġustifikati minn perspettiva ekonomika.

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, dwar il-kriterju li jippermetti li jiġi evalwat l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

40      BA issostni, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi billi evalwat l-iskemi ta' premiums in kwistjoni skond kriterju ineżatt, jiġifieri dak relatat ma' l-effett ta' lealtà ta' dawn l-iskemi.

41      Skond BA, l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi biss lil impriża f'pożizzjoni dominanti li tuża metodi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta' prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet ta' l-operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-użu ta' metodi oħra minbarra l-kompetizzjoni fuq il-merti, li magħha hija relatata l-kompetizzjoni ġusta fil-prezzijiet. Jagħmlu parti mill-qasam ta' din il-kompetizzjoni ġusta l-libertà li għandu jkollha impriża biex tikkonċedi lis-soċji kummerċjali tagħha roħs iktar sinifikanti minn dak konċess mill-kompetituri tagħha.

42      Issa, waqt l-eżami tagħha ta' l-effett ta' lealtà ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlitx distinzjoni bejn il-lealtà tal-klijenti li tirriżulta mill-kummissjoni l-aktar ġeneruża jew mill-prezzijiet l-aktar baxxi u l-lealtà tal-klijenti li tirriżulta minn prattiki anti-kompetittivi jew esklussivi, li jfixklu l-kompetituri billi joħolqu diffikultajiet jew ostakoli artifiċjali għal dawn ta' l-aħħar.

43      Skond BA, l-ambigwità tal-kunċett ta' "lealtà" użat mill-Qorti tal-Prim'Istanza jimplika li kien prattikament inevitabbli li jiġu kkundannati l-iskemi ta' premiums in kwistjoni peress illi huma kienu jinkludu effett ta' lealtà fis-sens li l-kummissjonijiet kienu ġenerużi u attraenti għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar.

44      Għaldaqstant, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim'Istanza huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. BA tikkunsidra fil-fatt li jirriżulta mis-sentenzi tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461) u Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li l-għotja, minn impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti, ta' kummissjonijiet aktar għolja tista' biss tkun abużiva jekk hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-parti kontraenti tkun obbligata, de jure jew de facto, li tinnegozja esklużivament jew prinċipalment ma' din l-impriża jew jekk tillimita l-abilità tal-parti kontraenti li tagħżel liberament l-impriża li magħha hija tixtieq tinnegozja. Min-naħa l-oħra, dawn is-sentenzi ma jikkundannawx l-għotja ta' kummissjonijiet aktar sinjifikattivi fuq il-bejgħ kollu f'każ ta' l-eċċess ta' minimu, għaliex, anki jekk kummissjoni aktar għolja tagħti inċentiv lill-parti kontraenti sabiex ibiegħ aktar prodotti ta' l-impriża dominanti, hija ma timplikax li din il-parti kontraenti taċċetta xi ħaġa anti-kompetittiva u ma tipprekludix lill-impriżi kompetituri milli jagħtu kull tip ta' kummissjoni li jidhrilhom opportuni.

45      BA tikkunsidra li din id-distinzjoni hija fundamentali. Sakemm mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-parti l-oħra tinnegozja esklużivament (jew prinċipalment) ma' l-impriża dominanti jew sakemm ma tillimitax is-swieq tal-kompetituri b'mod ieħor, kummissjoni ġeneruża hija sempliċement forma ta' kompetizzjoni fil-prezzijiet.

46      Skond BA, sabiex tiddistingwi bejn kompetizzjoni ġusta fil-prezzijiet u aġir anti-kompetittiv jew ta' esklużjoni illegali, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tapplika l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, li jgħid li l-prattiki li jikkostitwixxu abbuż ta' pożizzjoni dominanti jistgħu b'mod partikolari jikkonsistu fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta' l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi. Hija kellha għalhekk tivverifika jekk BA kinitx effettivament illimitat is-swieq tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru u jekk dan kien irriżulta fi ħsara għall-konsumaturi.

47      Issa, skond BA, tali limitazzjoni tas-swieq tal-kompetituri mill-impriża f'pożizzjoni dominanti tippresupponi aktar mis-sempliċi għotja ta' premiums ġenerużi. Hija tista' tkun ikkunsidrata biss f'żewġ sitwazzjonijiet li l-ebda waħda minnhom ma kienet tinsab f'din il-kawża, jiġifieri:

–        meta l-għotja ta' premiums hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju tagħhom jinnegozja esklużivament jew prinċipalment ma' l-impriża f'pożizzjoni dominanti, jew

–        meta l-benefiċjarju tal-premiums ma jistax jagħżel liberament bejn l-impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti u l-kompetituri tagħha. Dan ikun il-każ meta l-benefiċjarju jista' biss jistenna li jagħmel profitt bi ftehim kummerċjali predominanti ma' l-impriża f'pożizzjoni dominanti jew meta din l-impriża teżerċita kompetizzjoni żleali fil-prezzijiet ("prezzijiet predatorji") u li l-kompetituri tagħha ma jistgħux jirreżistu għal din il-pressjoni.

48      Minbarra f'dawn is-sitwazzjonijiet, l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE ma jipprojbixxix l-impriża dominanti milli tadotta ċerta politika kummerċjali dwar il-prezz, servizzi jew kummissjonijiet għar-raġuni biss li l-kompetituri tagħha jqisu diffiċċli jew impossibbli li jallinjaw ruħhom ma' dawn ta' l-aħħar.

49      BA tiddikjara fl-aħħar li, minħabba ċerti differenzi, il-ġurisprudenza tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex applikabbli f'din il-kawża. Hija ssostni f'dan ir-rigward li, għad-differenza tad-distributuri tal-kumpannija Michelin, l-aġenti ta' l-ivvjaġġar kienu infurmati bil-quddiem u bil-miktub minn BA kemm bil-minimi kif ukoll biż-żieda fil-perċentwali tal-kummissjonijiet, li huma ma kinux preklużi minn profitt jekk huma ma rċevewx kummissjonijiet miżjuda min-naħa ta' BA, peress illi l-aġenti kollha jibbenefikaw minn kummissjoni bażika f'kull każ, u li BA ma eżerċitat fuqhom l-ebda pressjoni sabiex jilħqu l-miri li fuqhom kienet tiddependi l-għotja tal-kummissjonijiet miżjuda. Skond BA, il-konsegwenza waħedha għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar marbuta mal-fatt li ma jiġux imwettqa dawn il-miri kienet it-telf ta' l-opportunità li jiksbu rata ta' kummissjoni iktar għolja. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix abbuż.

50      Il-Kummissjoni u Virgin jaqbdlu għall-kuntrarju li, sabiex jiġi evalwat l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterji korretti u konformi mal-ġurisprudenza, b'mod partikolari mas-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni u Michelin vs Il-Kummissjoni.

51      Skond il-Kummissjoni, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, b'mod partikolari, hija rilevanti għal din il-kawża. Din is-sentenza tikkonċerna roħs li, minn naħa, kien marbut mal-kundizzjoni li jintlaħqu ċerti miri ta' volum ikkalkulati b'relazzjoni ma' perijodu ta' bejgħ preċedenti u, min-naħa l-oħra, applikaw għall-bejgħ kollu mwettaq matul il-perijodu kkonċernat u mhux għall-bejgħ marġinali waħdu.

52      Dan huwa wkoll il-każ ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, billi l-premiums mogħtija lill-aġenti ta' l-ivvjaġġar li laħqu l-miri ta' volum kienu kkalkulati fuq it-totalità tal-bejgħ tagħhom u mhux fuq il-biljetti mibjugħa wara li ntlaħqu dawn il-miri. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta kkwalifikat din il-partikolarità bħala "effett marġinali konsiderevoli ħafna", peress illi, meta aġent ta' l-ivvjaġġar kien kważi laħaq dawn il-miri, huwa ma kellhux iktar l-intenzjoni li jipproponi biljetti tal-kumpanniji ta' l-ajru oħra minn BA, taħt il-piena li ma jkunx jista' jibbenefika mill-kummissjoni miżjuda mhux biss għall-bejgħ marġinali, iżda għall-bejgħ kollu tal-biljetti BA matul il-perijodu kkonċernat. Għalhekk, għal tali aġent, il-bejgħ ta' xi biljetti, jew anki ta' biljett wieħed addizzjonali, kellu effett ta' multiplikazzjoni fuq ir-remunerazzjoni ġġenerata bit-totalità tal-bejgħ ta' biljetti BA matul il-perijodu kkonċernat.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta' BA li skondhu wieħed ma setax japplika d-dottrina tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, għal din il-kawża minħabba xi differenzi mhux essenzjali.

54      L-ewwel nett, hija tosserva li l-element ċentrali huwa komuni fiż-żewġ kawżi. Fil-fatt, l-iskemi ta' inċentivi applikati minn BA jippreżentaw l-istess karatteristika bħar-roħs in kwistjoni fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, jiġifieri li huma jippremjaw aktar il-lealtà milli l-volum. Tali skemi għandhom bħala konsegwenza inevitabbli li l-aġent ta' l-ivvjaġġar ma jistax jagħżel liberament il-kumpannija ta' l-ajru li magħha jixtieq jinnegozja, prattika li l-Qorti tal-Ġustizzja ikkundannat preċiżament f'din is-sentenza.

55      Sussegwentement, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta' BA li jgħid li l-kawża li wasslet għas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, tiddistingwi ruħha minn din il-kawża billi l-bejjiegħa bl-imnut kienu jiddependu minn Michelin sabiex jagħmlu profitt, filwaqt li dan mhuwiex il-każ ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar li jinnegozjaw ma' BA fir-Renju Unit. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-iskemi ta' inċentivi elaborati minn BA ppermettew li tiġi eżerċitata pressjoni konsiderevoli fuq l-aġenti ta' l-ivvjaġġar anki meta dawn ta’ l-aħħar ma kinux fil-perikolu li jsostnu telf jekk ma laħqux il-mira tal-bejgħ. Fir-realtà, BA tixtieq tirrestrinġi l-portata tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, għal numru limitat ħafna ta' każijiet, filwaqt li din is-sentenza ma tinkludi l-ebda element b'sostenn ta' tali analiżi.

56      Skond il-Kummissjoni u Virgin, l-eżami li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet mhuwa ivvizzjat b'ebda żball ta' liġi. Għalhekk, kien ġie deċiż korrettament li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kellhom effett ta' lealtà fir-rigward ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit minħabba l-karatteristiċi eżaminati fil-punti 272 sa 292 tas-sentenza kkontestata, ma kinux ibbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat, irrestrinġew l-libertà ta' l-aġenti li jinnegozjaw ma' kumpanniji oħra ta' l-ajru, ipproduċew konsegwentement effett ta' esklużjoni u kienu kapaċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57      L-ewwel nett, dwar l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod inkorrett, ma bbażat ruħha fuq il-kriterji ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE sabiex tevalwa n-natura abużiva ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, għandu jiġi nnotat li l-lista tal-prattiki abużivi li jinsabu fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE mhijiex restrittiva, b'tali mod li l-prattiki li huma msemmija fiha jikkostitwixxu biss eżempji ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C‑333/94 P, Ġabra p. I‑5951, punt 37). Skond ġurisprudenza kostanti, fil-fatt, il-lista tal-prattiki abużivi li tinsab f'din id-dispożizzjoni ma telenkax b’mod eżawrjenti l-modi ta' sfruttament abużiv ta' pożizzjoni dominanti pprojbiti permezz tat-Trattat KE (sentenzi tal-21 ta' Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26, u tas-16 ta' Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 112).

58      Minn dan jirriżulta li r-roħs u l-premiums mogħtija minn impriżi f'pożizzjoni dominanti jistgħu wkoll ikunu kuntrarji għall-Artikolu 82 KE meta huma ma jikkorispondux għal ebda wieħed mill-eżempji msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-artikolu. Huwa għalhekk li, biex tikkonstata l-eżistenza ta' effett ta' esklużjoni tar-rifjużjonijiet għal-lealtà, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, fis-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni u Michelin vs Il-Kummissjoni, fuq l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 86 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 82 KE) kollu kemm hu, u mhux esklussivament fuq l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu tiegħu. Barra minn dan, fis-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 523), li tikkonċerna skontijiet għal-lealtà, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espliċitament għall-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE, li jgħid li l-prattiki li jikkostitwixxu abbuż ta' pożizzjoni dominanti jistgħu b'mod partikolari jikkonsistu fl-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, li b'hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv.

59      Għaldaqstant, l-ilment li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi peress illi ma bbażatx ruħha fuq il-kriterji ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 mhuwiex fondat.

60      Barra minn dan, ma jidhirx li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ġejja minn applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61      Fis-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni u Michelin vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat n-natura abużiva ta’ ċertu roħs mogħti minn żewġ impriżi f'pożizzjoni dominanti.

62      L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi ikkonċernat ir-roħs mogħti lill-impriżi li jeżerċitaw attività ta' produzzjoni jew ta' bejgħ ta' vitamini u li l-għotja tagħhom kienet, fil-parti l-kbira, marbuta espliċitament mal-kundizzjoni li l-parti kontraenti ġġib il-fornituri tagħha matul perijodu partikolari għat-totalità jew għall-parti essenzjali tal-fornitura globali tagħha ta' ċerti vitamini mingħand il-kumpannija Hoffmann-La Roche. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat din l-iskema ta' roħs bħala abbuż ta' pożizzjoni dominanti u indikat li l-għotja ta' roħs bl-għan li jinkoraġġixxu x-xerrej sabiex jakkwista l-fornituri tiegħu esklużivament mingħand l-impriża f'pożizzjoni dominanti hija inkompatibbli ma' l-objettiv ta' kompetizzjoni b'saħħitha fis-suq komuni (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 90).

63      Bid-differenza tal-kawża li wasslet għal din l-ewwel sentenza, fil-kawża li tat lok għat-tieni sentenza, il-partijiet kontraenti tal-kumpannija Michelin, ma kinux obbligati li jakkwistaw il-fornituri tagħhom totalment jew parzjalment mingħand din il-kumpannija. Madankollu, ir-roħs annwali varjabbli mogħti minn din l-impriża kien marbut ma' miri, fis-sens li, sabiex jibbenefikaw minnu, il-partijiet kontraenti tagħha kellhom jilħqu inċentivi ta' bejgħ individwalizzati. F'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat sensiela ta' fatturi li wassluha sabiex tikkunsidra l-iskema ta' roħs ikkonċernata bħala abbuż ta' pożizzjoni dominanti. B'mod partikolari, din l-iskema kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni ta' perijodu relattivament twil, jiġifieri sena, il-mod kif ħadmet din l-iskema ma kinitx trasparenti għall-partijiet kontraenti u d-differenzi bejn l-ishma fis-suq tal-kumpannija Michelin u l-kompetituri prinċipali tagħha kienu sinjifikattivi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 81 sa 83).

64      Kuntrarjament għal dak li ssostni BA, wieħed ma jistax jiddeduċi minn dawn iż-żewġ sentenzi li l-premiums u r-roħs mogħtija minn impriżi f'pożizzjoni dominanti għandhom natura abużiva biss fiċ-ċirkostanzi li huma deskritti fihom. Kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-Konklużjonijiet tagħha, għandhom jiġu eżaminati l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fid-dawl ta' l-elementi li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja s'issa ibbażat ruħha fuqhom, li huma wkoll applikabbli fil-kawża preżenti.

65      F'dan ir-rigward, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hija partikolarment rilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża, billi tikkonċerna skema ta' roħs li tiddependi mit-tilħiq ta’ miri ta' bejgħ individwali li ma kkostitwixxewx la roħs ta' kwantità, marbuta esklużivament mal-volum ta' xiri, u lanqas roħs ta' lealtà fis-sens tas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, billi l-iskema applikata mill-kumpannija Michelin ma inkludiet, min-naħa tal-bejjiegħa bl-imnut, l-ebda obbligu ta' esklużjoni jew li tintlaħaq ċerta kwota tal-fornitura tagħhom mill-impriża f'pożizzjoni dominanti.

66      Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE għal sistema ta' skonti li jiddependu fuq miri ta' bejgħ, jirriżulta mill-punt 70 tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li, billi jipprojbixxi l-isfruttament abużiv ta' pożizzjoni dominanti fis-suq peress illi l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi affettwat, dan l-artikolu jkopri aġir li huwa ta' natura li jinfluwenza l-istruttura ta' suq fejn il-livell ta' kompetizzjoni huwa diġà fqir minħabba, preċiżament, il-preżenza ta' impriża li tokkupa tali pożizzjoni u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma tal-livell ta' kompetizzjoni eżistenti fuq is-suq jew l-iżvilupp ta' din il-kompetizzjoni bl-użu ta' metodi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi abbażi tat-tranżazzjonijiet ta' l-operaturi ekonomiċi.

67      Sabiex tiddetermina jekk l-impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti użatx b'mod abużiv din il-pożizzjoni bl-applikazzjoni ta' sistema ta' roħs bħal dik deskritta fil-punt 65 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b'mod partikolari l-kriterji u l-modalitajiet ta' l-għotja tar-roħs, u jiġi eżaminat jekk dan ir-roħs għandux it-tendenza, permezz ta' vantaġġ li mhuwa bbażat fuq ebda tranżazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jneħħi jew li jirrestrinġi l-possibbiltà ta' għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta' fornitura, li jneħħi l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, bl-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra jew li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta' kompetizzjoni deformata (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 73).

68      Minn dan jirriżulta li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali natura abużiva, minn impriża f'pożizzjoni dominanti, ta' skema ta' roħs jew premiums li ma jikkostitwixxux roħs jew premiums ta' kwantità, u lanqas roħs jew premiums ta' lealtà fis-sens tas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, għandu, l-ewwel nett, jiġi vverifikat jekk dawn ir-roħs jew premiums jistgħux jipproduċu effett ta' esklużjoni, jiġifieri jekk huma wkoll kapaċi, minn naħa, li jirrendu aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-aċċess fis-suq għall-kompetituri ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, li jirrendu aktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-partijiet kontraenti tagħha, l-għażla bejn diversi sorsi ta' fornitura jew soċji kummerċjali.

69      Hemm lok, sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk teżistix ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva għar-roħs u premiums mogħtija. Fil-fatt, skond l-analiżi effettwata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 279 sa 291 tas-sentenza kkontestata, impriża għandha l-possibbiltà turi li l-iskema tagħha ta' premiums li tipproduċi effett ta' esklużjoni hija ekonomikament iġġustifikata.

70      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel aspett, il-ġurisprudenza tagħti indikazzjonijiet inkwantu l-każijiet li fihom l-iskemi ta' roħs jew ta' premiums mogħtija minn impriża f'pożizzjoni dominanti mhumiex sempliċiment l-espressjoni ta' offerta partikolarment favorevoli fuq is-suq, iżda joħolqu effett ta' esklużjoni.

71      L-ewwel nett, effett ta' esklużjoni jista' jirriżulta minn roħs jew premiums ta' miri, jiġifieri li l-għotja tagħhom hija marbuta mat-tilħiq ta' miri ta' bejgħ iddefiniti individwalment (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 70 sa 86).

72      Jirriżulta mill-konstatazzjonijiet effettwati mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 10 u 15 sa 17 tas-sentenza kkontestata li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kienu imħejjija skond miri ta' bejgħ individwali, billi r-rata tal-premiums kienet tiddependi mill-evoluzzjoni tad-dħul li joriġina mill-bejgħ tal-biljetti BA għal kull aġent ta' l-ivvjaġġar matul perijodu partikolari.

73      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-obbligu tal-partijiet kontraenti lejn impriża f'pożizzjoni dominanti u l-pressjoni eżerċitata fuqhom jistgħu jkunu partikolarment b'saħħithom meta roħs jew premium mhuwiex relatat biss maż-żieda fid-dħul minn xiri jew minn bejgħ ta' prodotti ta' din il-kumpannija magħmula minn dawn il-partijiet kontraenti matul il-perijodu kkunsidrat, iżda jestendi ruħu wkoll għad-dħul mill-bejgħ kollu kemm hu relatat ma dan ix-xiri jew dan il-bejgħ. Bl-istess mod, varjazzjonijiet proporzjonalment modesti – kemm jekk għolja jew baxxi – tad-dħul mill-bejgħ relatat ma' prodotti ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti jipproduċu effetti sproporzjonati fuq il-partijiet kontraenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81).

74      Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni joħolqu sitwazzjoni simili. It-tilħiq tal-miri ta' żieda fil-bejgħ wassal għal żieda tal-kummissjoni mħallsa fuq il-biljetti BA kollha mibjugħa mill-aġent ta' l-ivvjaġġar ikkonċernat, u mhux biss fuq dawk mibjugħa wara li dawn il-miri kienu ġew milħuqa (punt 23 tas-sentenza kkontestata). Għaldaqstant, seta' ikun ta' importanza determinanti għad-dħul globali ta' kummissjonijiet ta’ aġent ta' l-ivvjaġġar jekk kienx laħaq biegħ jew le uħud mill-biljetti BA addizzjonali wara li kien laħaq ċertu dħul mill-bejgħ (punti 29 u 30 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotti fil-punt 23 tas-sentenza kkontestata). Il-Qorti tal-Prim'Istanza, li tiddeskrivi din il-karatteristika u l-konsegwenzi tagħha fil-punti 272 u 273 tas-sentenza kkontestata, tinnota li n-natura progressiva tar-rati ta' kummissjoni miżjuda għandha "effett marġinali konsiderevoli ħafna" u tenfasizza l-effetti radikali fuq ir-rati ta' premiums ta' produzzjoni li seta' ikollu tnaqqis baxx fil-bejgħ ta' biljetti BA.

75      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-pressjoni eżerċitata fuq il-bejjiegħa bl-imnut minn impriża f'pożizzjoni dominanti li tagħti roħs li għandu tali karatteristiċi tista' tiġi msaħħa meta din l-impriża tikkontrolla ħafna iktar ishma fis-suq mill-kompetituri tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 82). Hija ddeċidiet li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa partikolarment diffiċli għall-kompetituri ta' din l-impriża li jagħmlu offerti aktar attraenti fir-rigward ta' roħs jew premiums abbażi tal-volum ġenerali tal-bejgħ. Peress illi s-sehem tagħha fis-suq huwa ħafna iktar għoli, l-impriża f'pożizzjoni dominanti tikkostitwixxi ġeneralment soċju kummerċjali b'saħħtu ħafna fuq is-suq. Normalment, ir-roħs jew premiums mogħtija minn tali impriża abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali jipprevalu sew, f'termini assoluti, anki fuq l-offerti l-aktar ġenerużi tal-kompetituri tagħha. Sabiex jattiraw il-partijiet kontraenti ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti, jew sabiex jirċievu mingħandha volum ta' ordnijiet suffiċjenti, dawn il-kompetituri għandhom joffrulhom rati ta' roħs jew premiums nettament iktar għoljin.

76      Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat fil-punt 277 tas-sentenza kkontestata li s-sehem fis-suq ta' BA kien ħafna iktar għoli minn dawk tal-ħames kompetituri prinċipali tagħha fir-Renju Unit. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 278 ta' din is-sentenza, li l-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru ma kinux f'pożizzjoni li jagħtu lill-aġenti ta' l-ivvjaġġar l-istess vantaġġi bħal BA, billi huma ma setgħux jagħmlu, fir-Renju Unit, dħul li huwa kapaċi li jikkostitwixxi bażi finanzjarja suffiċjentement wiesgħa sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu skema ta' premiums komparabbli ma' dik ta' BA (punt 278 tas-sentenza kkontestata).

77      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza, eżaminat ġustament, fil-punti 270 sa 278 tas-sentenza kkontestata, jekk l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kellhomx effett ta' lealtà li jista' jipproduċi effett ta' esklużjoni eventwali.

78      Għandu jiġi mfakkar, abbażi ta' l-evalwazzjoni ta' l-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' appell, m'għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, skond l-Artikoli 225 KE u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għall-kwistjonijiet legali. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief f’każ ta’ distorsjoni eventwali tal-fatti jew tal-provi, li ma ġietx invokata f'din il-kawża, kwistjoni legali suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punti 43 u 53; tal-21 ta' Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83, kif ukoll id-digriet tat-28 ta' Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il-Kummissjoni, C‑552/03 P, li għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 57). L-ilment ta' BA li jgħid li l-kompetituri tagħha kienu wkoll f'pożizzjoni finanzjarja li joffru lill-aġenti ta' l-ivjaġġar kontrofferti kompetittivi huwa għalhekk inammissibbli.

79      L-istess jgħodd għall-allegazzjoni ta' BA li tgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza tat wisq importanza lill-"effett marġinali konsiderevoli ħafna" ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni. Fil-fatt, BA tpoġġi għalhekk in kwistjoni l-evalwazzjoni ta' fatti u ta' provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet, li jikkostitwixxi ilment inammissibbli fil-kuntest ta' appell.

80      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel motiv, rigward l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tar-rilevanza tal-ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

81      BA tikkunsidra żbaljata l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 279 u s-segwenti tas-sentenza kkontestata, li tgħid li l-kummissjonijiet ta' BA ma kinux ibbażati fuq korrispettiv ekonomikament iġġustifikat. Għal BA, huwa ekonomikament iġġustifikat li kumpannija ta' l-ajru tippremja l-aġenti ta' l-ivvjaġġar li jippermettulha li żżid il-bejgħ tagħha u jgħinuha sabiex tkopri l-ispejjeż fissi għolja tagħha permezz ta' passiġġieri addizzjonali.

82      Il-Kummissjoni u Virgin jikkontestaw din il-pożizzjoni. Il-Kummissjoni tinnota l-lakoniċità ta' l-argumenti ta' BA fuq dan is-suġġett. Mhuwiex biżżejjed li tiddikjara li s-settur ta' l-ajru huwa kkaratterizzat bi spejjeż fissi għolja biex tiġġustifika l-inizjattivi meħuda minn kumpannija ta' l-ajru bl-għan li tkopri parti minn dawn l-ispejjeż. F'kull każ, il-kumpanniji ta' l-ajru għandhom ibatu wkoll l-ispejjeż fissi għolja. Issa, il-prattiki ta' esklużjoni ta' impriża f'pożizzjoni dominanti, bħal BA, inaqqsu d-dħul ta' dawn il-kumpanniji u jirrendu iktar diffiċli għalihom li jkopru dawn l-ispejjeż.

83      Virgin issostni li skema ta' roħs kwantitattiv marbuta esklussivament mal-volum tax-xiri effettwat minn impriża f'pożizzjoni dominanti hija bħala prinċipju ekonomikament iġġustifikata, billi r-roħs ta' kwantità għandu jirrifletti żieda fl-effiċjenza u ekonomiji ta’ skala mwettqa minn din l-impriża. Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, BA hija stess kienet ammettiet li ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni bejn, minn naħa, l-ekonomiji ta’ skala eventwali mwettqa permezz tal-biljetti BA mibjugħa wara t-twettiq tal-miri ta' bejgħ u, min-naħa l-oħra, iż-żidiet fir-rata tal-kummissjonijiet mogħtija lill-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit bħala korrispettiv għall-fatt li nqabżu dawn il-miri.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Ir-roħs jew premiums mogħtija minn impriża f'pożizzjoni dominanti lill-partijiet kontraenti tagħha mhumiex neċessarjament abużivi u għalhekk ipprojbiti permezz ta' l-Artikolu 82 KE. Skond ġurisprudenza kostanti, huma biss ir-roħs jew premiums li mhumiex ibbażati fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikahom għandhom jiġu kkunsidrati bħala abużivi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 90, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 73).

85      Kif ġie kkonstatat fil-punt 69 ta' din is-sentenza, huwa korrett li, wara li kienet ikkunsidrat li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ġġeneraw effett ta' esklużjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk dawn l-iskemi kellhomx ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva.

86      L-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni ekonomika ta' skema ta' roħs jew premiums applikata minn impriża f'pożizzjoni dominanti ssir abbażi tal-fatti kollha tal-każ (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 73). Għandu jiġi stabbilit jekk l-effett ta' esklużjoni li jirriżulta minn tali sistema, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tistax tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur. Jekk l-effett ta' esklużjoni ta' din is-sistema huwa bla relazzjoni mal-vantaġġi għas-suq u għall-konsumaturi jew jekk imur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn il-vantaġġi, din is-sistema għandha tkun ikkunsidrata bħala abużiva.

87      F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza, billi tibbaża ruħha ġustament fuq il-kriterji li joħorġu mill-ġurisprudenza, eżaminat jekk kinitx teżisti ġustifikazzjoni ekonomika għall-iskemi ta' premiums in kwistjoni. Fil-punti 284 u 285 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti ħadet pożizzjoni fir-rigward ta' l-argumenti ppreżentati minn BA, li jikkonċernaw, b'mod partikolari, il-livell għoli ta' l-ispejjeż stabbiliti fit-trasport ta' l-ajru u l-importanza tar-rati ta' mili ta' l-ajruplani. Abbażi ta' l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ta' dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni li dawn l-iskemi ma kinux ibbażati fuq ebda ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva.

88      F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta' BA dwar il-livell għoli ta' l-ispejjeż stabbiliti fit-trasport ta' l-ajru u l-importanza tar-rati ta' mili ta' l-ajruplani huma inammissibbli għar-raġunijiet esposti fil-punt 78 ta' din is-sentenza, peress illi, b'dawn l-argumenti, BA tikkontesta fir-realtà l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Għalhekk, m'għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' appell, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta' l-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

89      Għaldaqstant, it-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

90      Konsegwentement, kien mingħajr żball ta' liġi li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kellhom effett ta' lealtà, li huma pproduċew għalhekk effett ta' esklużjoni u li ma kinux iġġustifikati minn lat ekonomiku.

91      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi peress illi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat l-effetti possibbli tal-kummissjonijiet mogħtija minn BA u lanqas kkunsidrat il-provi li skondhom dawn l-kummissjonijiet ma kellhomx effett materjali fuq il-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru

 L-argumenti tal-partijiet

92      Permezz tat-tieni motiv tagħha, BA tallega essenzjalment li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat l-effetti possibbli ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, jiġifieri l-eżistenza jew in-nuqqas ta' effett ta' esklużjoni, filwaqt li l-Artikolu 82 KE jeżiġi li, f'kull każ, ikunu eżaminati l-effetti reali jew possibbli tal-prattiki illegali aktar milli sempliċiment tibbaża ruħha fuq il-forma tagħhom jew fuż preżunzjonijiet ta' tali effett.

93      F'dan ir-rigward, billi tippreċiża li hija mkien ma ssostni li jeħtieġ li tiġi murija l-eżistenza ta' effetti anti-kompetittivi reali f'kull kawża, BA ssostni li eżistew, f'din il-kawża, provi li jindikaw ċarament li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ma kellhom ebda effett materjali. Dawn il-provi kienu juru li, fir-Renju Unit, l-ishma fis-suq tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru żdiedu matul il-perijodu ta' l-allegat ksur u li l-proporzjon ta' biljetti BA fil-bejgħ ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar naqas. Skond BA, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkunsidra dawn il-provi evidenti tan-nuqqas ta' effett ta' esklużjoni. Fil-fatt, billi kienet ikkunsidrat, fil-kuntest ta' kawżi oħra, il-provi li juru ż-żieda ta' l-ishma fis-suq ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti u t-tnaqqis ta' l-ishma fis-suq tal-kompetituri tagħha sabiex tikkorobora l-eżistenza ta' abbuż, il-Qorti kellha, viċi versa, tirrikonoxxi, f'dan il-każ, ir-rilevanza tal-provi fis-sens kuntrarju sabiex twarrab l-allegazzjonijiet ta' abbuż.

94      Issa, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ċaħdet dawn il-provi, billi tiddikjara, fil-punt 295, li, peress illi l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit iggarantixxu, meta saru l-allegati fatti, il-bejgħ ta' 85% tal-biljetti kollha ta' l-ajru mibjugħa fit-territorju ta' dan l-Istat Membru, l-aġir ta' BA "ma setax jonqos li jipproduċi" effett ta' esklużjoni għad-detriment tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru u, fil-punt 298 ta' din l-istess sentenza, li l-kompetituri ta' BA kienu jiksbu produzzjoni aħjar fin-nuqqas ta' dan l-aġir. Il-Qorti tal-Ġustizzja żbaljat meta żiedet fil-punt 297 tas-sentenza kkontestata li, meta l-applikazzjoni ta' prattika minn impriża f'pożizzjoni dominanti hija intiża sabiex teskludi l-kompetituri tagħha, il-fatt li l-produzzjoni mixtieqa mhijiex milħuqa m'għandux iwarrab l-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' abbuż.

95      Virgin tikkunsidra dan l-argument bħala inammissibbli u l-Kummissjoni, bħala infondat. Il-Kummissjoni issostni b'mod partikolari li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat fit-tul l-effetti possibbli ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fil-punti 271 u s-segwenti tas-sentenza kkontestata, qabel ma pproċediet għal evalwazzjoni ta' dawn l-effetti fil-punti 294 u 295. Hija żżid li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex turi li prattika tikkostitwixxi abbuż, huwa biżżejjed li jiġi muri li din il-prattika thedded li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, mingħajr mhemm bżonn li tingħata prova li hija effettivament ipproduċiet dan l-effett. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-punt 73 tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għalhekk li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-roħs in kwistjoni "wassal" sabiex ikollu ċerti effetti restrittivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Fir-rigward ta' l-argument ta' BA li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx l-effetti possibbli ta' l-iskemi tal-premiums in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punti 272 u 273 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza spjegat il-mekkaniżmu ta' dawn l-iskemi.

97      Wara li kienet enfasizzat l-effett marġinali konsiderevoli ħafna, marbut man-natura progressiva tar-rati ta' kummissjoni miżjuda, il-Qorti ddeskriviet l-effett esponenzjali, fuq dawn ir-rati, taż-żieda tan-numru ta' biljetti BA mibjugħa matul perijodi suċċessivi u, vici versa, it-tnaqqis sproporzjonat ta' dawn ir-rati, ukoll fl-ipoteżi ta' nuqqas baxx fil-bejgħ ta' biljetti BA meta mqabbel mal-perijodu preċedenti.

98      Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta' liġi, li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kellhom effett ta' lealtà. Isegwi li l-ilment li permezz tiegħu BA tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx ivverifikat l-effetti possibbli ta' dawn l-iskemi mhijiex fondata.

99      Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 99 ta' l-appell tagħha, BA tirrikonoxxi li, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat korrettament li l-aġenti ta' l-ivvjaġġar kienu mħeġġa jżidu l-bejgħ ta' biljetti tagħhom maħruġa minnha. Barra minn hekk, fil-punt 113 ta' l-appell tagħha, hija tiddikjara li, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet eżaminat l-impatt reali jew possibbli ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fuq il-kompetizzjoni bejn l-aġenti ta' l-ivvjaġġar, hija kienet tikkonkludi li dan l-impatt kien negliġibbli.

100    Minn dan jirriżulta li BA ma tikkontestax serjament li dawn l-iskemi wasslu sabiex jibnu lealtà ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar u, għaldaqstant, sabiex jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-kumpanniji kompetituri ta' l-ajru.

101    Fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet ta' BA dwar il-provi li juru n-nuqqas ta' effett ta' esklużjoni li jirriżulta mill-iskemi ta' premiums in kwistjoni, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx ikkunsidrathom suffiċjentement, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti tat-tieni motiv hija inammissibbli fil-kuntest ta' appell, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 78 ta' din is-sentenza.

102    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi peress illi l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx eżaminat jekk l-aġir ta' BA kien wassal għal "ħsara [għall-] konsumaturi" fis-sens ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE

 L-argumenti tal-partijiet

103    Permezz tat-tielet motiv tagħha, BA tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza ikkommettiet żball ta' liġi billi ma teżaminax jekk l-iskemi ta' premiums in kwistjoni kkawżawx ħsara għall-konsumaturi, kif jitlob l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. Mingħajr ma tagħmel ebda analiżi ta' din il-kundizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tillimita ruħha, fil-punt 295 tas-sentenza kkontestata, sabiex teżamina l-impatt ta' l-aġir ta' BA fuq il-kompetituri tagħha fis-swieq tat-trasport bl-ajru tar-Renju Unit.

104    Billi jagħmlu referenza għas-sentenza Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni u Virgin jikkunsidraw li dan l-argument huwa infondat, peress illi l-Artikolu 82 jirrigwarda mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw ħsara immedjata għall-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom ħsara billi jippreġudikaw sistema ta' kompetizzjoni effettiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105    Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie espost fil-punti 57 u 58 ta' din is-sentenza, l-iskemi u l-premiums mogħtija minn impriża f'pożizzjoni dominanti jistgħu jkunu kuntrarji għall-Artikolu 82 KE anki meta huma ma jikkorrispondu għal ebda mill-eżempji msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu.

106    Barra minn dan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 26 tas-sentenza Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, l-Artikolu 82 KE ma jirrigwardax biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw ħsara immedjata għall-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jistgħu jikkawżawlhom ħsara billi jippreġudikaw is-sistema ta' kompetizzjoni effettiva, kif stipulat fl-Artikolu 3(1)(g) KE.

107    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, mingħajr ma tikkommetti żball ta' liġi, ma teżaminax jekk l-aġir ta' BA kien ikkawża ħsara għall-konsumaturi fis-sens ta' l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, iżda tivverifika, fil-punti 294 u 295 tas-sentenza kkontestata, jekk l-iskemi ta' premiums kellhomx effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni u tikkunsidra li l-eżistenza ta' tali effett kienet ġiet murija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

108    Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi li jikkonsisti, għall-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-fatt li kienet ikkunsidrat li l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni kellha l-istess effett bħal ftehim kummerċjali, minkejja d-differenza relatata mat-tul tal-perijodu kkunsidrat, u n-nuqqas ta' analiżi u ta' kwantifikazzjoni ta' l-effetti ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fuq il-konkorrenti ta' BA

109    Ir-raba' motiv invokat minn BA huwa kompost minn żewġ partijiet, l-ewwel waħda li tikkonċerna d-differenzi bejn il-ftehim kummerċjali u l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni, it-tieni waħda li tikkonċerna l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-prova ta' effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba' motiv, dwar id-differenzi bejn il-ftehim kummerċjali u l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

110    Permezz ta' l-ewwel parti tar-raba' motiv, BA tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-ftehim kummerċjali u l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni kellhom l-istess effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li kien hemm differenzi importanti bejniethom. B'mod partikolari, fil-kuntest tal-ftehim kummerċjali, il-perijodu kkunsidrat għall-għotja tal-premium kien ta' sena, filwaqt li, fil-każ ta' l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni, dan il-perijodu kien ta' xahar. Issa l-kunsiderazzjoni ta' perijodu daqshekk qasir bħal xahar ma setax jipproduċi effett ta' esklużjoni konsiderevoli.

111    Virgin tikkunsidra li, ir-raba' motiv huwa inammissibbli kollu kemm hu, peress illi jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ta' fatt, u f'kull każ, infondat.

112    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument li jgħid li l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni ma setax kellha effett ta' esklużjoni huwa infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza irrikonoxxiet espliċitament l-eżistenza ta' effett ta' lealtà fir-rigward kemm tal-ftehim kummerċjali u kemm ta' l-iskema ġdida ta' premiums ta' produzzjoni (punti 271 sa 273 tas-sentenza kkontestata), minkejja li hija kienet innotat id-differenzi bejn din l-iskema u dawn il-ftehim li jikkonċernaw it-tul tal-perijodi kkunsidrati (punti 11 u 15 tas-sentenza kkontestata). Jirriżulta mis-sentenza kkontestata li, indipendentement mid-differenza fit-tul tal-perijodi ikkunsidrati, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat importanza deċiżiva għall-fatt, minn naħa, li kemm dan il-ftehim kif ukoll din l-iskema setgħu jwasslu għal żidiet esponenzjali tar-rati ta' kummissjoni minn perijodu għall-ieħor minħabba l-effett marġinali konsiderevoli ħafna tagħhom (punt 272 tas-sentenza kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-kompetituri ta' BA ma kinux f'pożizzjoni, minħabba l-ishma fis-suq tagħhom notevolment aktar baxxi, li jikkumpensaw għall-effett assolut ta' dan il-ftehim u ta' din l-iskema permezz ta' kontrofferti (punt 278 tas-sentenza kkontestata).

114    F'kull każ, din l-evalwazzjoni tal-fatti fil-kawża preżenti taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li huma l-kompitu esklużiv tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Għar-raġunijiet diġà indikati fil-punt 78 ta' din is-sentenza, m'għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tissotitwixxi, fil-kuntest ta' appell, l-evalwazzjoni tagħha ta' l-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari fir-rigward tat-tul ta' perijodi kkunsidrati u l-impatt eventwali ta' dan l-element fuq l-effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni.

115    Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba' motiv hija inammissibbli.

 Fuq it-tieni parti tar-raba' motiv, dwar il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-prova ta' effett ta' esklużjoni ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

116    Permezz tat-tieni parti tar-raba' motiv, BA issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta ma eżaminatx il-fatti kollha ta' dan il-każ sabiex tiddetermina jekk il-kumpanniji ta' l-ajru kompetituri ta' BA kinux negattivament affettwati mill-iskemi ta' premiums in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma pprovat tiddetermina jekk u f'liema miżura dawn il-kumpanniji kienu preklużi milli jagħmlu kontrofferti, u kienet sempliċiment ibbażat ruħha fuq l-ipoteżijiet ġenerali. Hija b'hekk illimitat ruħha għal dikjarazzjonijiet ġenerali bħall-"effett marġinali konsiderevoli ħafna" u l-possibbiltà ta' "żieda esponenzjali" tar-rati ta' kummissjoni minn perijodu għall-ieħor.

117    Skond BA, dan l-approċċ superfiċjali jmur kontra dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni u Michelin vs Il-Kummissjoni. F'dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ikkonkludiet li kien jeżisti abbuż ta' pożizzjoni dominanti għar-raġuni waħedha li, fl-iskemi kkonċernati, il-fatt li jintlaħaq limitu kien iwassal għal roħs konsiderevoli. Għall-kuntrarju, hija kienet eżaminat sensiela ta' elementi speċifiċi li, kollha kemm huma, indikaw li l-iskemi ta' inċentivi ipprovokaw esklużjoni konkreta.

118    Skond BA, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha ssegwi tali approċċ u teżamina l-ammonti assoluti u relattivi tal-profitt miksub meta ntlaħaq il-limitu, in-numru ta' limiti, il-kwistjoni ta' jekk il-limitu jew il-limiti humiex qrib il-bżonnijiet totali tax-xerrej, il-kwistjoni ta' jekk is-suq jistax jiżviluppa jew le, it-tul tal-perijodu kkonċernat u l-perċentwali tas-suq totali li hu suġġett għat-tnaqqis ta' prezzijiet (f'dan il-każ, is-servizzi ta' aġenziji ta' l-ivvjaġġar). Issa, fis-sentenza kkontestata, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma kien ġie kkunsidrat. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet pjuttost issupponiet li l-possibbiltà ta' għotja ta' rata għola ta' kummissjoni medja bħala kunsiderazzjoni ta' żieda fil-bejgħ ta' biljetti BA implikat inevitabbilment effett ta' esklużjoni irregolari fil-konfront ta' kumpanniji kompetituri ta' l-ajru.

119    Għall-Kummissjoni, l-argument dwar in-nuqqas ta' kwantifikazzjoni tal-limitazzjoni tas-swieq tal-kompetituri ta' BA hija inammissibbli b'applikazzjoni ta' l-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura, billi tali kwantifikazzjoni kienet ġiet effettwata mill-Kummissjoni fil-punt 30 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u BA ma kinitx ikkontestat fl-ewwel istanza din il-parti ta' l-argumenti tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Permezz tat-tieni parti tar-raba' motiv, BA tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza adottat approċċ superfiċjali fl-analiżi tagħha ta' l-effetti ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, b'mod partikolari n-nuqqas ta' kwantifikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-effett ta' esklużjoni ta' dawn l-iskemi u r-rikors għal dikjarazzjonijiet ġenerali, bħall-"effett marġinali konsiderevoli ħafna" tar-rati ta' kummissjoni minn perijodu għall-ieħor.

121    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-parti mhijiex inammissibbli skond l-Artikoli 42(2) u 118 tar-Regoli tal-Proċedura minħabba li BA kienet naqset, fl-ewwel istanza, li tikkontesta l-parti relatata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kalkoli li jinsabu fil-punt 30 tal-motivi ta' din id-deċiżjoni, li kienu intiżi sabiex juru l-effett konsiderevoli ħafna fuq il-kummissjonijiet miġbura minn aġent ta' l-ivvjaġġar mill-bejgħ addizzjonali ta' uħud mill-biljetti BA.

122    Fil-fatt, l-allegazzjoni ta' BA ma tirrigwardax il-kalkoli mogħtija bħala eżempju mill-Kummissjoni bħala tali, iżda l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-iskemi ta' premiums in kwistjoni. It-tieni parti tar-raba' motiv hija għalhekk ammissibbli.

123    Madankollu, din il-parti hija infondata billi l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza kkontestati minn BA għandhom ikunu kkunsidrati b'relazzjoni mal-kalkoli li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkwota espressament, fil-punt 23 tas-sentenza kkontestata, il-punt 30 tal-motivi ta' din id-deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza kkontestati minn BA huma suffiċjentement ikkwantifikati. L-allegazzjoni ta' nuqqas ta' ġustifikazzjoni ta' l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li skondha l-kompetituri ta' BA ma kinux f'pożizzjoni li jagħmlu kontrofferti li jistgħu jikkumpensaw għall-iskemi ta' premiums in kwistjoni mhijiex għaldaqstant fattwali.

124    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba' motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

125    Għaldaqstant, ir-raba' motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni ħażina, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE fir-rigward ta' l-effett diskriminatorju ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit

126    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti dwar l-ewwel erba' motivi imqajma minn BA, dwar in-natura abużiva ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni li jirriżultaw mill-effett ta' esklużjoni ta' l-impriżi kompetituri ta' BA fin-nuqqas ta' ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva, hemm lok li jiġi eżaminat il-ħames motiv peress illi BA għandha interess biex tikkontesta li dawn l-iskemi huma pprojbiti b'applikazzjoni ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, billi l-ammont tal-multa imposta tista' titnaqqas f'każ ta' konstatazzjoni tan-nuqqas ta' natura abużiva taħt din id-dispożizzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

127    Permezz tal-ħames motiv tagħha, li jikkonċerna l-punti 233 sa 240 tas-sentenza kkontestata, li fihom l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonferma l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effett diskriminatorju ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, BA tallega essenzjalment li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ikkonkludiet li dawn l-iskemi pproduċew effetti diskriminatorji fost l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit billi tibbaża ruħha fuq applikazzjoni ħażina ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE.

128    Skond BA, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet biss ibbażat ruħha fuq is-suppożizzjoni, imsemmija fl-punt 238 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi fatt li żewġ aġenti ta' l-ivvjaġġar ibbenefikaw minn rati ta' kummissjoni differenti filwaqt li huma għamlu ammont identiku ta' dħul mill-bejgħ ta' biljetti BA kellu "naturalment" impatt konsiderevoli fuq l-abilità tagħhom li jikkompetu.

129    Issa, skond BA, sabiex l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE jiġi applikat, differenza sempliċi fit-trattament, bħall-fatt li żewġ aġenti bbenefikaw minn rati ta' kummissjoni differenti, mhuwiex biżżejjed. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi id-differenzi fit-trattament biss jekk it-tranżazzjonijiet imqabbla huma ekwivalenti, jekk il-kundizzjonijiet li huma applikati fuqhom huma differenti u jekk l-aġent li jikseb kummissjoni baxxa jkun suġġett għal żvantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma' l-aġenti li jirċievu kummissjoni aktar għolja.

130    BA issostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi, fir-rigward ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, meta kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet li jimplikaw aġent ta' l-ivvjaġġar li jżid il-bejgħ tiegħu u t-tranżazzjonijiet li jimplikaw aġent li ma jżidx il-bejgħ tiegħu huma "transazzjonijiet ekwivalenti" fis-sens ta' l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar li l-bejgħ ta' biljetti tagħhom żdied f'perijodu stabbilit mhijiex komparabbli ma' dik ta' l-aġenti l-oħra li ma għamlux tali żieda fil-bejgħ tagħhom. Issa, l-aġent li jżid id-dħul tiegħu relatat mal-bejgħ tal-biljetti maħruga minn kumpannija ta' l-ajru stabbilita huwa partikolarment utli għal din il-kumpannija, għaliex jippermettilha tkopri l-ispejjeż fissi għolja tagħha mill-kontribuzzjoni ta' passiġġieri addizzjonali, li jiġġustifika l-fatt li jiġi kkumpensat.

131    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat ukoll meta ma kinitx eżaminat jekk l-aġenti ta' l-ivvjaġġar soffrew żvantaġġ kompetittiv, kif jitlob l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE.

132    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u Virgin jaqblu fuq il-perspettiva li skondha l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ttrattaw b'mod differenti, mingħajr raġuni oġġettiva, fatti simili. Il-Kummissjoni ssostni b'mod partikolari li t-tranżazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar relatati mal-biljetti BA huma ekwivalenti peress illi ż-żidiet tar-rati ta' kummissjoni mhumiex marbuta mal-profitti ta' produttività magħmula minn BA, b'tali mod li ebda servizz addizzjonali ma ngħata lil din ta' l-aħħar mill-aġenti li żiedu l-bejgħ tagħhom fil-perijodu ta' referenza. Il-Kummissjoni żżid li analiżi dettaljata ta' l-iżvantaġġ kompetittiv ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar ikkonċernati mhijiex preskritta bil-liġi. Virgin tikkunsidra li dan l-iżvantaġġ huwa b'kull mod evidenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

133    L-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, min-naħa ta' impriża f'pożizzjoni dominanti, li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, li b'hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv (sentenza tad-29 ta' Marzu 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-163/99, Ġabra I‑2613, punt 46).

134    F'dan il-każ, huwa kostanti li BA applikat rati ta' kummissjoni differenti għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar li joperaw fir-Renju Unit skond jekk dawn ta' l-aħħar kinux ssodisfaw il-miri ta' bejgħ tagħhom b'relazzjoni mal-perijodu ta' referenza jew le.

135    Jibqa' sabiex jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha korrettament fuq l-ekwivalenza tat-tranżazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar sabiex minn dan tikkonkludi li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, li jistgħu jinvolvu l-applikazzjoni ta' rati ta' kummissjoni differenti għall-aġenti li biegħu l-istess numru ta' biljetti BA, kienu diskriminatorji u, min-naħa l-oħra, jekk setgħetx, mingħajr ma tikkommetti żball ta' liġi, tirrinunċja għall-konstatazzjonijiet dettaljati dwar l-eżistenza ta' żvantaġġ kompetittiv.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, dwar l-ekwivalenza tat-tranżazzjonijiet ta’ l-aġenti ta' l-ivvjaġġar

136    Permezz ta' l-ewwel parti tal-ħames motiv, BA tikkritika l-analiżi tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-komparabbiltà ta' tranżazzjonijiet effettwati mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar li laħqu l-miri tagħhom ta' bejgħ ta' biljetti BA u ta' dawk effettwati mill-aġenti li ma laħqux dawn il-miri. BA tallega b'mod partikolari li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx ikkunsidrat l-utilità ekonomika aktar importanti mill-perspettiva tal-kumpannija ta' l-ajru tat-tranżazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar li laħqu l-miri tagħhom ta' bejgħ jew żiedu d-dħul mill-bejgħ tagħhom.

137    Fuq dan l-aħħar punt, li jikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-fatti ta' dan il-każ li minnha tista' tiġi dedotta n-natura simili jew, għall-kuntrarju, distinta tat-tranżazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar għall-kumpannija ta' l-ajru bħal BA, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għandha ssir esklużivament mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, m'għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, li tissostiwixxi fil-kuntest ta' appell, l-evalwazzjoni tagħha ta' l-informazzjoni tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Dan l-ilment huwa għaldaqstant inammissibbli.

138    Fir-rigward tat-tieni allegazzjoni, ibbażata fuq l-allegat żball ta' liġi li kienet ikkommettiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, peress illi hija kkunsidrat li t-tranżazzjonijiet li jimplikaw aġent ta' l-ivvjaġġar li kien żied il-bejgħ tiegħu ta' biljetti BA u t-tranżazzjonijiet li jimplikaw aġent li ma kienx żied il-bejgħ tiegħu jikkostitwixxu "transazzjonijiet ekwivalenti" fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi oservat li, fil-punt 234 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li t-tilħiq, mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit, tal-miri tagħhom ta' progress ta' bejgħ ta' biljetti BA wassal għaż-żieda tar-rata tal-kummissjonijiet imħallsa minn BA mhux biss fuq il-bejgħ marġinali, iżda fuq il-bejgħ kollu kemm hu ta' biljetti BA magħmul matul perijodu ikkonċernat.

139    Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeduċiet li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni wasslu sabiex jikkumpensaw fuq livelli differenti l-bejgħ ta' numru identiku ta' biljetti BA mill-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit skond jekk dawn l-aġenti kinux laħqu l-miri tagħhom ta' żieda fil-bejgħ b'relazzjoni mal-perijodu ta' referenza jew le.

140    Ma jidhirx għalhekk li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet wettqet żball ta' liġi meta ikkunsidrat bħala ekwivalenti t-tranżazzjonijiet ta' aġenti ta' l-ivvjaġġar li l-bejgħ tagħhom ta' biljetti BA kien, assolutament, l-istess matul perijodu stabbilit. Din it-tieni allegazzjoni hija għalhekk infondata.

141    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, dwar il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-konstatazzjonijiet ta' żvantaġġ kompetittiv

142    Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv, BA ssostni li, għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni korretta ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE, is-sempliċi konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza, li tinsab fil-punt 238 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li l-aġenti ta' l-ivvjaġġar huma, fir-rwol tagħhom li jikkompetu bejniethom, "naturalment affettwati mill-kundizzjonijiet diskriminatorji ta' remunerazzjoni inerenti għall-iskemi ta' premiums" in kwistjoni, mhijiex suffiċjenti, peress illi l-prova konkreta ta' żvantaġġ kompetittiv kienet meħtieġa.

143    Il-projbizzjoni speċifika tad-diskriminazzjoni stipulata fl-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE tagħmel parti mis-sistema li tiggarantixxi, skond l-Artikolu 3(1)(g) KE, li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata. L-aġir kummerċjali ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti m'għandux jiddeforma l-kompetizzjoni f'suq li jinsab fil-linja ‘l fuq u fil-linja ‘l isfel, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn fornituri u bejn klijenti ta' din l-impriża. Il-partijiet kontraenti ta' din l-impriża m'għandhomx jiġu vantaġġati jew żvantaġġati fit-territorju fejn qed jikkompetu bejniethom.

144    Konsegwentement, sabiex il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE ikunu sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti fis-suq mhux biss hu diskriminatorju, iżda anki li għandu tendenza li jiddeforma l-kompetizzjoni bejniethom, jiġifieri li jostakola l-pożizzjoni kompetittiva ta' uħud mill-kompetituri ta' din l-impriża b'relazzjoni ma' l-oħrajn (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 523 u 524).

145    F'dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi li d-diskriminazzjoni tal-partijiet l-oħra li jsibu ruħhom f'kompetizzjoni bejniethom tista' tkun ikkunsidrata bħala abużiva minn meta l-aġir ta' l-impriża f'pożizzjoni dominanti jwassal, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, għal distorsjoni kompetittiva bejn dawn il-partijiet l-oħra. F'sitwazzjoni bħal din, ma jistax jiġi mitlub li tingħata barra minn hekk il-prova ta' deterjorament effettiv kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet l-oħra meħuda individwalment.

146    Fil-punti 237 u 238 tas-sentenza ikkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-aġenti ta' l-ivvjaġġar stabbiliti fir-Renju Unit jikkompetu b'mod intensiv u li l-abilità tagħhom li jikkompetu bejniethom tiddependi minn żewġ elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, "l-abilità tagħhom li jipprovdu postijiet fuq titjiriet adattati għax-xewqat tal-vjaġġaturi, bi prezz raġonevoli", u, it-tieni nett, il-mezzi finanzjarji tagħhom individwali.

147    Barra minn dan, fil-parti tas-sentenza kkontestata dwar l-eżami ta' l-effett ta' lealtà ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li dawn ta' l-aħħar setgħu jwasslu għal tibdil esponenzjali u konsiderevoli fid-dħul ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar.

148    Fir-rigward ta' din iċ-ċirkustanza fattwali, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, fil-kuntest ta' l-eżami tagħha ta' l-iskemi ta' premiums in kwistjoni fir-rigward ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE tasal direttament, u mingħajr stadju intermedjarju dettaljat, għall-konklużjoni li l-possibiltajiet ta' dawn l-aġenti li jikkompetu bejniethom kienu ġew affettwati bil-kundizzjonijiet diskriminatorji ta' remunerazzjoni applikati minn BA.

149    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta' liġi meta ma tivverifikax jew meta tivverifika biss b'mod sommarju, jekk u safejn dawn il-kundizzjonijiet kienu affettwaw is-sitwazzjoni kompetittiva ta' l-imsieħba kummerċjali ta' BA. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet, korrettament, tikkunsidra li l-iskemi ta' premiums in kwistjoni ħolqu effett diskriminatorju fis-sens ta' l-inċiż (ċ) tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 82 KE. It-tieni parti tal-ħames motiv hija għalhekk infondata.

150    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

151    Peress illi l-ebda wieħed mill-motivi invokati minn BA b'sostenn ta' l-appell tagħha ma jista' jiġi milqugħ, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

152    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa infondat, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li BA tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u Virgin.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      British Airways plc għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.