Language of document : ECLI:EU:C:2006:592

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta' Settembru 2006 (*)

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Ir-raġunijiet ta' l-appell

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq l-allegata esklużjoni tal-prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ittra ta' twissija

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

– Eżami tat-tieni raġuni

Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prova mressqa mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużivitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba' raġuni, ibbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-argumenti tal-FEG rigward il-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet

Fuq l-ewwel parti tar-raba' raġuni, dwar il-kwalifikazzjoni tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tar-raba' raġuni, dwar l-iskonti standard għall-bejgħ ta' materjal elettrotekniku ta' installazzjoni lill-iskejjel

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet parti tar-raba' raġuni, dwar il-prattiċi tal-kumitat tal-prodotti "wajer u kejbil" u l-allegati każijiet l-oħra ta' skambju ta' informazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba' parti tar-raba' raġuni, dwar id-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u dik fuq il-pubblikazzjonijiet

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ħames parti tar-raba' raġuni, dwar ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet mibgħuta mill-FEG lill-membri tagħha

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq l-imputazzjoni lill-FEG ta' l-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużivitŕ

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq is-sitt raġuni, ibbażata fuq id-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lill-FEG mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq is-seba' raġuni, dwar it-talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż

"Appell – Ftehim – Suq tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda – Assoċjazzjoni nazzjonali ta' grossisti – Akkordji u prattiċi miftiehma li għandhom bħala għan sistema kollettiva ta' esklużività u l-iffissar tal-prezzijiet – Multi"

Fil-kawża C-105/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-26 ta' Frar 2004,

Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied, stabbilita fl-Aja (L-Olanda), irrappreżentata minn E. Pijnacker Hordijk u M. De Grave, advocaten,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Technische Unie BV, stabbilita f'Amstelveen (L-Olanda), irrappreżentata minn P. Bos u C. Hubert, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Wils, bħala aġent, assistit minn H. Gilliams, advocaat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

CEF City Electrical Factors BV, stabbilita f'Rotterdam (L-Olanda),

CEF Holdings Ltd, stabbilita f'Kenilworth (Ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn J. Stuyck, C. Vinken‑Geijselaers u M. Poelman, advocaten, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, in-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied (Assoċjazzjoni Federali Olandiża għall-Kummerċ bl-Ingrossa fis-Settur Elettrotekniku, iktar 'il quddiem il-"FEG"), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), jew, ta' l-anqas, l-annullament ta' din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-kawża T-5/00, li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/117/KE, tas-26 ta' Ottubru 1999, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE [Każ IV/33.884 – Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie (FEG u TU)] (ĠU 2000, L 39, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit-18 ta' Marzu 1991, il-kumpannija CEF Holdings Ltd, grossista fil-materjal elettrotekniku stabbilita fir-Renju Unit, kif ukoll is-sussidjarja tagħha CEF City Electrical Factors BV, kostitwita għall-finijiet ta' l-istabbiliment ta' l-imsemmija kumpannija fis-suq Olandiż (iktar 'il quddiem imsejħa flimkien iċ-"CEF"), ressqu lment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward il-problemi ta' forniment li huma kienu qed jaffrontaw fl-Olanda.

3        Dan l-ilment kien jikkonċerna tliet assoċjazzjonijiet ta' impriżi attivi fis-suq elettrotekniku ta' l-Olanda. Barra mill-FEG, dan kien jikkonċerna n-Nederlandse Vereniging van Alleenvertegenwoordigers op Elektrotechnisch Gebied (Assoċjazzjoni Olandiża tar-Rappreżentanti Esklużivi fis-Settur Elettrotekniku, iktar 'il quddiem in-"NAVEG") u l-Unie van de Elektrotechnische Ondernemers (Għaqda ta' l-impriżi elettrotekniċi, iktar 'il quddiem l-"UNETO").

4        Fl-imsemmi lment, iċ-CEF akkużat lil dawn it-tliet assoċjazzjonijiet u lill-membri tagħhom li kkonkludew akkordji kollettivi ta' esklużività reċiproka fil-livelli kollha tal-katina ta' distribuzzjoni tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda, u dan irrenda kważi impossibbli l-istabbiliment fis-suq Olandiz ta' grossista fil-materjal elettrotekniku li mhuwiex membru tal-FEG. B'hekk, il-produtturi u l-aġenti jew l-importaturi tagħhom kienu jfornu materjal elettrotekniku biss lill-membri tal-FEG u l-fiters kienu jfornu ruħhom biss mingħand dawn ta' l-aħħar.

5        In segwitu, fl-1991 u fl-1992, iċ-CEF wessgħet il-portata ta' l-ilment tagħha sabiex tkopri akkordji li saru bejn l-FEG u l-membri tagħha dwar il-prezzijiet u t-tnaqqis fil-prezzijiet, akkordji intiżi sabiex jimpedixxuha milli tipparteċipa f'ċerti proġetti kif ukoll akkordji vertikali fuq il-prezzijiet bejn ċerti produtturi ta' materjal elettrotekniku u l-grossisti li huma membri tal-FEG.

6        Wara li, fis-16 ta' Settembru 1991, bagħtet ittra ta' twissija lill-FEG u lill-membri tagħha (iktar 'il quddiem l-"ittra ta' twissija") kif ukoll diversi talbiet għal informazzjoni lil din ta' l-aħħar u wara verifiki mwettqa mis-servizzi tagħha fir-rigward ta' l-allegati prattiċi miftiehma mwettqa mill-membri tal-FEG, il-Kummissjoni, fit-3 ta' Lulju 1996, bagħtet dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha lill-FEG u lil seba' membri ta' din ta' l-aħħar, fosthom Technische Unie BV (iktar 'il quddiem it-"TU"). Fid-19 ta' Novembru 1997, saret udjenza fil-preżenza tad-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kif ukoll taċ-CEF.

7        Fis-26 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha ġie kkonstatat li:

–        il-FEG kisret l-Artikolu 81(1) KE billi implementat, fuq il-bażi ta' akkordju konkluż man-NAVEG, kif ukoll fuq il-bażi ta' prattiċi miftiehma ma' fornituri li mhumiex irrappreżentati f'din l-aħħar assoċjazzjoni, sistema kollettiva ta' esklużività intiża sabiex timpedixxi l-kunsinni lill-impriżi li mhumiex membri fil-FEG. (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FEG kisret l-Artikolu 81(1) KE, billi rrestrinġiet, direttament jew indirettament, il-fakultà tal-membri tagħha li jiffissaw l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom b'mod liberu u indipendenti, u dan abbażi tad-deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u fuq pubblikazzjonijiet, permezz tad-distribuzzjoni lill-membri tagħha ta' rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet gross u netti kif ukoll billi qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha forum sabiex dawn ikun jistgħu jiddiskutu l-prezzijiet u l-iskonti (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        TU kisret l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipat attivament fil-ksur imsemmi fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata (Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni)

8        Ġew imposti multi li jammontaw għal EUR 4.4 miljuni u għal EUR 2.15 miljuni fuq il-FEG u fuq TU respettivament għall-ksur imsemmi fil-punt preċedenti (Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fid-dawl tat-tul taż-żmien konsiderevoli tal-proċedura (102 xahar), il-Kummissjoni ddeċidiet ex officio, madankollu, li tnaqqas EUR 100 000 mill-ammont tal-multi. F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

"(152)  [...] Il-Kummissjoni tammetti li t-tul taż-żmien tal-proċedura f'dan il-każ, li bdiet fl-1991, kien konsiderevoli. Ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni huma diversi u wħud minnhom huma imputabbli lill-Kummissjoni u oħrajn lill-partijiet. Safejn taħti l-Kummissjoni f'dan ir-rigward, hija tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha.

(153)  Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tnaqqas l-ammont tal-multa [minn EUR 4.5 miljuni] għal EUR 4.4 miljuni għall-FEG u [minn EUR 2.25 miljuni] għal EUR 2.15 miljuni għal TU." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

10      Permezz ta' rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' Jannar 2000 (T-5/00), il-FEG ressqet rikors sabiex tikseb, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sussidjarjament, l-annullament ta' l-Artikolu 5(2) ta' din id-deċiżjoni u, iktar sussidjarjament, it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 1 000.

11      Permezz ta' rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fl-istess ġurnata (T-6/00), TU ressqet rikors li kellu l-istess għan bħal dak tal-FEG.

12      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Ottubru 2000, iċ-CEF ġiet awtorizzata tintervjeni fil-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Ir-rikors tal-FEG u ta' TU, li kienu ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, ġew miċħuda permezz tas-sentenza kkontestata. Dawn ta' l-aħħar ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk li saru mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti fl-ewwel istanza f'kull waħda mill-kawżi mressqa rispettivament mir-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14      Fl-appell tagħha, il-FEG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata jew, ta' l-anqas, tannullaha safejn din tikkonċerna l-kawża T-5/00 u, tiddeċiedi mill-ġdid, billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi jew in parti, jew, ta' l-anqas, tordna tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuqha;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza kkontestata jew, ta' l-anqas, tannullaha safejn din tikkonċerna l-kawża T-5/00 u tirrinvijaha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala inammissibbli jew, ta' l-inqas, bħala infondat;

–        tikkundanna lill-FEG tbati l-ispejjeż.

 Ir-raġunijiet ta' l-appell

16      In sostenn ta' l-appell tagħha, il-FEG tinvoka seba' raġunijiet ibbażati fuq il-ksur:

–        tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li t-tul taż-żmien eċċessivament twil tal-proċedura amministrattiva ma kellux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrikonoxxietx ċerti dokumenti mħejjija wara li ntbagħtet l-itrra ta' twissija bħala provi ġustifikattivi;

–        ta' l-Artikolu 81(1) KE kif ukoll ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-provi pprovduti mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien ta' l-allegata sistema kollettiva ta' esklużività kienu aċċettabbli;

–        ta' l-Artikolu 81(1) KE kif ukoll ta' l-obbligu ta' motivazjoni, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza m'eżaminatx l-argumenti tal-FEG dwar l-akkordji fil-qasam tal-prezzijiet jew irriproduċiet dawn l-argumenti b'mod żbaljat;

–        ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għal dak li jikkoċerna l-imputabbiltà lill-FEG ta' l-allegata estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività għall-fornituri li mhumiex membri tan-NAVEG;

–        ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, L-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204) jew tal-prinċipju tal-proporzjonalità fl-iffissar tal-multi u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argumenti invokati mill-FEG u minn TU rigward it-tul taż-żmien tal-ksur;

–        ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 jew tal-prinċipju tal-proporzjonalità fl-iffissar tal-multi u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-FEG u TU ma ressqu ebda prova li tiġġustifika t-tnaqqis tal-multa, u dan minkejja t-tul taż-żmien eċċessivament twil tal-proċedura amministrattiva.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

17      Il-FEG issostni li, skond prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta żmien raġonevoli għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret dan il-prinċipju billi kkonkludiet, fil-punt 94 tas-sentenza kkontestata, li l-argumenti kollha bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli kellhom jiġi miċħuda u li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ma kellux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

18      Il-FEG issostni li, skond ġurisprudenza stabbilita, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi istruttorja u, min-naħa l-oħra, il-perijodu li jibda mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet min-naħa tal-Kummisjoni sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' din ta' l-aħħar.

19      Rigward il-fażi istruttorja, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta sostniet, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi prolungament ta' dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva ma setax, fih innifsu, jippreġudika d-drittijiet tad-difiża, peress li, fi proċedura fil-qasam tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, il-partijiet ikkonċernati mhuma s-suġġett ta' ebda akkuża formali sal-mument meta jirċievu d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

20      Barra minn hekk, il-FEG tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniendem rigward il-mument li fih jibda jiddekorri ż-żmien raġonevoli previst fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, żmien li, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, "jibda jiddekorri mill-mument li fih persuna tiġi akkużata" [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 79 tas-sentenza kkontestata).

21      Il-FEG tiddeduċi mill-imsemmija ġurisprudenza li, għall-kuntrarju ta' dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza, iż-żmien raġonevoli beda jiddekorri jew mix-xahar ta' Ġunju tas-sena 1991, id-data li fiha l-Kummissjoni bagħtitilha l-ewwel talba għal informazzjoni u informatha bil-kontenut ta' l-ilment taċ-CEF, li kien mehmuż ma' din it-talba u kien wassal biex saret din it-talba, jew, l-iktar tard, mis-16 ta' Settembru 1991, li hija d-data ta' l-ittra ta' twissija tal-Kummissjoni.

22      Barra minn hekk, il-FEG issostni li mill-punt 87 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrealizzax in-natura tad-diffikultajiet li nħolqu minħabba t-tul taż-żmien eċċessivament twil tal-proċedura. Hija ssemmi l-impossibbiltà, fiċ-ċirkustanzi ta' proċedura daqshekk twila, li tikkuntattja l-persuni kkonċernati sabiex tikseb kjarifiki fuq ċerti punti tar-rapporti u ta' d-dokumenti l-oħra li jirrrigwardaw il-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi ta' l-impriżi kkonċernati, fid-dawl tat-tibdil sinjifikattiv tal-membri ta' l-amministrazzjoni u tal-persunal tagħha. Mhuwiex il-każ tat-telf ta' provi bil-miktub, kif tissuġġerixxi b'mod żbaljat il-Qorti tal-Prim'Istanza fl-imsemmi punt 87.

23      Barra minn hekk, il-FEG tosserva li, peress li l-biċċa l-kbira tal-fatti seħħu fil-passat tant remot li ħadd mill-persuni direttament ikkonċernati ma jiftakarhom b'mod preċiż biżżejjed, kien għalhekk estremament diffiċli għaliha, jekk mhux saħansitra impossibbli, li tiddefendi lilha nfisha b'mod effikaċi.

24      Fl-aħħarnett, il-FEG issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta injorat kompletament l-interess li hija kellha sabiex il-proċedura tiġi konkluża rapidament, peress li s-sopravivenza tagħha kienet direttament mhedda minn din il-kontroversja. Mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-FEG ma setgħetx twettaq l-inqas attività u n-numru tal-membri tagħha niżel minn 60 għal 19.

25      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel raġuni hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punt 79 tas-sentenza kkontestata, peress li dan il-punt għandu jinqara flimkien mal-punti 77 u 78 li jippreċeduh.

26      Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet tul taż-żmien eċċessiv. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-ewwel fażi ta' l-imsemmija proċedura fl-evalwazzjoni tagħha fuq in-natura raġonevoli jew le taż-żmien li għadda bejn l-ewwel atti ta' din il-proċedura u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

27      Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva kienu ħadu tul taż-żmien eċċessiv u meta, in segwitu, eżaminat jekk tali fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli kienx ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-FEG, hija pproċediet b'mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li tul ta' żmien mhux raġonevoli tad-diversi fażijiet ta' l-investigazzjoni ma jwassalx awtomatikament għal ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli. Huwa wkoll neċessarju li l-impriżi kkonċernati jipprovaw li tali tul ta' żmien mhux raġonevoli ppreġudika d-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-283/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C 247/99 P, C 250/99 P sa C 252/99 P u C 254/99 P, Rec. p. I 8375, punti 173 sa 178).

28      F'din il-kawża, skond il-Kummissjoni, il-FEG ma ressqitx prova konvinċenti in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ppreġidika d-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tinvoka l-punti 87 sa 92 tas-sentenza kkontestata sabiex turi li, fl-eżami tal-kwistjoni jekk it-tul taż-żmien mhux raġonevoli ta' l-imsemmija proċedura li hija kienet ikkonstatat kienx ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-FEG, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet l-analiżi tagħha kemm fuq l-ewwel kif ukoll fuq it-tieni fażi ta' din il-proċedura. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet waħda waħda ċ-ċirkustanzi invokati mill-FEG sabiex tipprova ksur tad-drittijiet tad-difiża u din iċ-ċaħda kienet ibbażata jew fuq konstatazzjonijiet ġuridiċi eżatti, jew fuq konstatazzjonijiet ta' fatt li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid fil-kuntest ta' l-appell.

29      Rigward l-ilment magħmul mill-FEG fil-konfront tal-Qorti tal-Prim'Istanza għar-raġuni li din ta' l-aħħar ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-problemi li hija ltaqgħet magħhom sabiex tiġbor il-provi ġustifikattivi minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 87 tas-sentenza kkontestata, li fiha ġie mfakkar li, skond id-dmir ġenerali ta' prudenza, l-impriżi huma obbligati li jassiguraw li l-elementi relattivi għall-attivitajiet tagħhom jiġu kkonservati tajjeb fil-kotba jew fl-arkivji tagħhom, liema dmir japplika a fortiori mill-mument li fih impriża tirċievi talba għal informazzjoni jew ittra ta' twissija.

30      Għal dak li jikkonċerna l-interess tal-FEG li l-proċedura timxi rapidament, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 80 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat espliċitament li, malli tkun irċeviet dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, impriża jkollha interess speċifiku sabiex dan l-istadju tal-proċedimenti jitmexxa b'diliġenza partikolari mill-Kummissjoni, mingħajr, madankollu, ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża. Din ta' l-aħħar issostni li huwa fid-dawl ta' tali element li l-Qorti tal-Prim'Istanza in segwitu eżaminat jekk il-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli tal-proċedura ppreġudikax id-difiża tal-FEG.

31      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel raġuni hija manifestament inammissibbli safejn hija tfittex li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-kwistjoni jekk il-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli kienx ostakola lill-FEG fil-preparazzjoni tad-difiża tagħha u li hija manifestament infondata safejn hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata.

32      Iċ-CEF issostni wkoll, fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' l-appell, li l-ewwel raġuni tal-FEG hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iffokat l-eżami tagħha fuq il-perijodu li beda mid-data tat-talba għal informazzjoni, jiġifieri l-25 ta' Lulju 1991.

33      Għal dak li jikkonċerna ż-żmien raġonevoli u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, iċ-CEF tirreferi għall-punt 49 tas-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C 185/95 P, Ġabra p. I 8417), sabiex issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'applikatx kunċett ġuridiku żbaljat meta qieset li, minkejja li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet wisq eċċessiv, il-prinċipju taż-żmien raġonevoli ma nkisirx fin-nuqqas tal-prova ta' ksur tad-drittijiet tad-difiża.

34      F'kull każ, iċ-CEF tqis li, f'dan il-każ, dawn huma konstatazzjonijiet ta' fatt tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, f'kull każ, bħala infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      L-osservazzjoni ta' żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tassigura l-osservanza tiegħu (sentenzi tat-18 ta' Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I 1503, punti 36 u 37, kif ukoll Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 167 sa 171).

36      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqitx żball ta' dritt billi ċaħdet l-argumenti bbażati fuq l-allegat ksur ta' dan il-prinċipju mill-Kummissjoni.

37      Għall-kuntrarju ta' dak li qed tallega l-FEG, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi istruttorja ta' qabel d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi għall-bqija tal-proċedura amministrattiva (ara punt 78 tas-sentenza kkontestata).

38      Dan il-metodu ta' kif ipproċediet huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod partikolari, li l-proċedura amministrattiva tista' tagħti lok għall-eżami ta' żewġ perijodi konsekuttivi, li kull wieħed minnhom għandu loġika interna tiegħu. L-ewwel perijodu, li jasal sad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur Komunitarju, tieħu miżuri li jinvolvu l-akkuża li ġie mwettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura. It-tieni perijodu, min-naħa tiegħu, jestendi mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b'mod definttiv fuq l-allegat ksur.

39      Wara li stabbiliet d-distinzjoni bejn iż-żewġ fażi tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat in-natura eċċessiva jew le tat-tul taż-żmien ta' kull waħda minnhom.

40      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel fażi, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 76 tas-sentenza kkontestata, li kien għadda perijodu ta' żmien konsiderevoli bejn meta ntbagħtet l-ittra ta' twissija lill-FEG fis-16 ta' Settembru 1991 u meta saru l-verifiki fit-8 ta' Diċembru 1994. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li tali tul taż-żmien huwa eċċessiv u jirriżulta minn nuqqas ta' azzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

41      Għal dak li jikkonċerna t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 85 tas-sentenza kkontestata, li kienu għaddew madwar 23 xahar bejn is-smigħ tal-partijiet u d-deċiżjoni kkontestata, liema tul taż-żmien kien konsiderevoli, mingħajr ma kien possibbli li r-responsabbiltà għalih tiġi attribwita lill-FEG u lil TU. Minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet eċċediet it-tul taż-żmien normalment neċessarju għall-adozzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni.

42      Peress li l-konstatazzjoni tat-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura, mingħajr ma kien possibbli li r-responsabbiltà għal dan it-tul taż-żmien tiġi attribwita lill-FEG jew lil TU, mhijiex, fiha nfisha, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat l-effett ta' tali tul taż-żmien fuq id-drittijiet tad-difiża tal-FEG. Il-premessa, għal tali approċċ, tirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza kkontestata, li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli jista' jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss fil-każ ta' deċiżjoni li tikkonstata ksur, peress li jkun ġie pprovat li l-ksur ta' dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, ħlief f'dan il-każ speċifiku, in-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċedura amministrattiva skond ir-Regolament Nru 17.

43      L-użu ta' tali kriterju, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta' ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, huwa assolutament leġittimu. Fil-fatt, fil-punt 49 tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tat-tul taż-żmien tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indizju li t-tul taż-żmien tal-proċedimenti kellu effett fuq l-eżitu tal-kawża jista' jwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata. L-istess approċċ jinsab fir-raġunament sewit mill-Qorti tal-Prim'Istanza meta kkunsidrat li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f'każ li d-drittijiet tad-difiża tal-FEG jkunu ġew kompromessi, ipoteżi li fiha neċessarjament ikun hemm effett possibbli fuq l-eżitu tal-proċedimenti.

44      Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-analiżi ta' l-allegat ksur, f'dan il-kuntest, tad-drittijiet tad-difiża tal-FEG li wettqet il-Qorti tal-Prim'Istanza.

45      Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li din l-analiżi hija limitata għall-evalwazzjoni ta' l-effett tat-tul taż-żmien eċċessiv tat-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-FEG. B'mod partikolari, fil-punt 93 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-prolungament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva wara s-smigħ ma kienx affettwa d-drittijet tad-difiża tal-FEG u ta' TU.

46      Għal dak li jikkonċerna l-fażi istruttorja ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi prolungament ta' din il-fażi tal-proċedura amministrattiva ma setax, fih innifsu, jippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li l-FEG u TU ma kienu s-suġġett ta' ebda akkuża formali sakemm irċevew id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

47      Din il-konklużjoni hija korretta safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li kien biss wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li l-FEG u TU ġew informati uffiċjalment bil-ksur li l-Kummissjoni kienet qed takkużahom bih wara l-investigazzjonijiet tagħha stess. L-idea wara r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija li huwa biss waqt it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva li l-impriżi kkonċernati jistgħu jsostnu b'mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom, u dan mhuwiex il-każ matul il-fażi ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet minħabba n-nuqqas ta' formulazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' l-akkużi rigward l-allegat ksur ikkonstatat minnha.

48      Madankollu, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi istruttorja seta' kellu effett fuq l-eżerċiżżju tad-drittijiet tad-difiża mill-FEG matul it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

49      It-tul taż-żmien eċċessiv ta' l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva jista' jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta' difiża ta' l-impriżi kkonċernati, b'mod partikolari, billi jnaqqas l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża meta dawn jiġu invokati fit-tieni fażi tal-proċedura. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tagħha, iktar ma jgħaddi żmien bejn miżura ta' investigazzjoni bħal, f'dan il-każ, l-ispedizzjoni ta' l-ittra ta' twissija u d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, iktar ikun hemm il-probabbiltà li eventwali provi ġustifikattivi rigward il-ksur allegat f'din id-dikjarazzjoni ma jkunux iktar jistgħu jinġabru jew jinġabru biss b'diffikultà, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna x-xhieda tad-difiża, b'mod partikolari minħabba l-bidliet li jistgħu jseħħu fil-kompożizzjoni tal-korpi amministrattivi ta' l-impriżi kkonċernati u l-movimenti li jolqtu l-persunal l-ieħor ta' dawn l-impriżi. Fl-analiżi tagħha tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni dan l-aspett ta' l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

50      Peress li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li hija prinċipju li n-natura fondamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7), hija ta' importanza kapitali fil-proċeduri bħal dik f'dan il-każ, huwa importanti li jiġi evitat li dawn id-drittijiet jiġu kompromessi b'mod irrimedjabbli minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul taż-żmien jista' jkun ta' ostakolu biex jinġiebu provi intiżi sabiex jikkonfutaw l-eżistenza ta' aġir li jista' jwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta' l-impriżi kkonċernati. Għal din ir-raġuni, l-eżami ta' eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża m'għandux ikun limitat għall-fażi stess li fiha dawn id-drittijiet ikollhom l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amminitrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors ta' l-eventwali tnaqqis ta' l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi estiża għal din il-proċedura kollha billi tirreferi għat-tul taż-żmien totali tagħha.

51      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt safejn, fis-sentenza kkontestata, illimitat il-portata ta' l-eżami ta' l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva għat-tieni fażi ta' din il-proċedura. Hija naqset milli teżamina jekk it-tul taż-żmien eċċessiv, imputabbli lill-Kummissjoni, tat-totalità tal-proċedura amministrattiva, inkluża l-fażi ta' qabel d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, setax jaffettwa l-possibbiltajiet futuri ta' difiża ta' TU u tal-FEG u jekk, b'mod partikolari, din ta' l-aħħar kinitx ipprovat dan il-fatt b'mod konklużiv.

52      Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni tal-FEG għandha tiġi milqugħa safejn din hija bbażata fuq żball ta' dritt fl-applikazzjoni tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli. Konsegwentement, is-sentenza kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata, safejn iddeċidiet li l-prolungament ta' l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ma setgħetx, fiha nfisha, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-FEG.

53      Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

54      F'dan il-każ, peress li l-kwistjoni ta' l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, eżaminata fir-rigward tat-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, kienet ġiet diskussa fl-ewwel istanza u peress li l-FEG b'hekk kellha l-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f'pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu.

55      Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-FEG issostni li l-ksur taż-żmien raġonevoli wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, minħabba li għadda ż-żmien, hija ltaqgħet ma' iktar u iktar diffikulatajiet sabiex tikseb informazzjoni għal dak li jikkonċerna l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-biċċa l-kbira tal-persuni li kienu jagħmlu parti, matul il-perijodu involut fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, mill-amministrazzjoni ta' din l-assoċjazzjoni kienu ilhom snin li waqfu jokkupaw karigi fil-korpi amministrattivi ta' din l-assoċjazzjoni u wħud mid-diretturi preċedenti kienu rtiraw bil-pensjoni minn dak iż-żmien jew ħadu inkariġi barra mill-pajjiż u ma setgħux iktar jiġu kkuntattjati sabiex jinkisbu dettalji mingħandhom.

56      F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rilevat li r-raġunament invokat mill-FEG in sostenn ta' l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa astratt u impreċiż. Sabiex turi li nkisru dawn id-drittijiet, inkluż minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi istruttorja, il-FEG hija obbligata tipprova li, fid-data tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jiġifieri fit-3 ta' Lulju 1996, il-possibbilitajiet tagħha li tikkonfuta l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni kienu limitatati minħabba raġunijiet li jirriżultaw mill-fatt li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet żmien twil li ma kienx raġonevoli.

57      F'dan il-każ, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-FEG naqset milli tispeċifika min huma l-persuni li kienu jaħdmu f'din l-assoċjazzjoni u li t-tluq tagħhom kien impedixxieha milli tikseb kjarifiki dwar l-avvenimenti li fuqhom il-Kummissjoni għamlet l-akkużi tagħha.

58      Barra minn hekk, il-FEG la tindika d-data ta' tluq ta' l-imsemmija persuni, la n-natura u l-portata ta' l-informazzjoni u tad-dettalji li kienu jkunu neċessarji għad-difiża tagħha u lanqas iċ-ċirkustanzi li rrendew impossibbli x-xhieda ta' dawn il-persuni, persuni li n-nuqqas tagħhom illimita l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

59      Dan ir-raġunament ġenerali mhuwiex ta' natura li jistabbilixxi l-eżistenza reali ta' ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandha tiġi eżaminata skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ partikolari.

60      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-argumenti tal-FEG dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża mhumiex sostnuti minn provi konvinċenti ta' natura li juru li tali ksur seta' jirriżulta mit-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi tal-proċedura amministrattiva ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u li, fid-data li fiha saret din id-dikjarazzjoni, il-possibbiltajiet tal-FEG li tiddefendi ruħha b'mod effikaċi kienu diġà, minħabba f'hekk, kompromessi.

61      Għalhekk, ir-raġuni mqajma mill-FEG in sostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, mhijiex fondata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

62      Konsegwentement, ir-rikors tal-FEG quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa bbażat fuq l-imsemmija raġuni, għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq l-allegata esklużjoni tal-prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ittra ta' twissija

 L-argumenti tal-partijiet

63      Il-FEG tikkritika l-allegata kontradizzjoni interna allegata li tikkaratterizza l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn il-perijodu ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma tteħidx in kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien tal-proċedura amministrattiva, peress li, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, din l-assoċjazzjoni ġiet akkużata biss meta ntbagħtet din id-dikjarazzjoni, filwaqt li provi ġustifikattivi relattivi għall-istess perijodu ġew awtomatikament esklużi, ħaġa li tidher li turi li l-aġir tal-FEG ġie inkriminat sa mill-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva.

64      Mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma rrikonoxxiet ebda valur lil xi prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ewwel talbiet għal informazzjoni, f'dan il-każ ittri mibgħuta minn Spaanderman Licht, li hija impriża membru tal-NAVEG, tat-22 ta' Mejju u ta' l-14 ta' Awwissu 1991 li jqiegħdu fid-dubju l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività u li jistgħu jinvalidaw l-oġġezzjonijiet ta' din ta' l-aħħar kontra l-FEG.

65      Il-FEG tqis li l-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza eskludiet din il-prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ftuħ tal-proċedura mingħajr spegazzjoni oħra ħlief li għamlet referenza għad-data li fiha l-imsemmija prova ġiet prodotta jikkostitwixxi vizzju serju tal-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata u jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

66      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li din ir-raġuni hija inammisibbli safejn il-FEG tfittex li tissottometti mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' l-appell, l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-valur probatorju tad-dokumenti tal-proċess.

67      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-tieni raġuni tal-FEG mhijiex fondata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza esponiet b'mod suffiċjentement immotivat, fil-punti 208 u 196 tas-sentenza kkontestata rispettivament, in-nuqqas ta' natura konvinċenti ta' l-imsemmija ittri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

68      Għandhom jiġu mfakkra l-limiti ta' l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

69      Mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali ta' l-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skond l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta' dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u tas-6 ta' April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni C-551/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

70      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset in sostenn ta' dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi nkisbu b'mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward ta' l-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni żbaljata ta' dawn l-elementi, kwistjoni ta' dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24, u General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

71      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti hija kwistjoni ta' dritt li tista', bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta' appell (sentenzi tas-7 ta' Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni, C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, C-446/00 P, Ġabra p. I-10315, punt 20).

72      Rigward l-obbligu ta' motivazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan ma jeżiġix li l-Qorti tal-Prim'Istanza twettaq preżentazzjoni li ssegwi b'mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista' għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri in kwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 372).

–       Eżami tat-tieni raġuni

73      Safejn, permezz tat-tieni raġuni tagħha, TU tfittex li tipprova li l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata rigward iċ-ċaħda tal-valur probatorju ta' ċerti dokumenti hija insuffiċjenti, jew saħansitra kontradittorja, din ir-raġuni hija ammissbbli.

74      Fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-FEG u TU kkontestaw l-elementi kkonstatati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala eżempji ta' l-implementazzjoni ta' gentlemen's agreement konkluż bejn in-NAVEG u l-FEG rigward il-forniment tal-membri ta' din ta' l-aħħar (iktar 'il-quddiem il-"gentlemen's agreement"). F'dan il-kuntest, ġew invokati, żewġ ittri ta' Spaanderman Licht, li hija impriża membru tan-NAVEG.

75      Fil-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-valur probatorju ta' dawn l-ittri.

76      Għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, l-ittra ta' l-14 ta' Awwissu 1991, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat, fl-imsemmi punt 196, il-valur probatorju tagħha billi wiżnet il-kliem ta' din l-ittra mal-kuntest li fih din l-ittra ġiet ifformulata. L-ewwelnett, hija rrilevat li din l-ittra kienet intbagħtet lin-NAVEG bħala risposta għal domanda mressqa minn din ta' l-aħħar jumejn qabel. Għaldaqstant, kienet NAVEG li ħadet l-inizjativa li tistaqsi lil Spaanderman Licht fuq ir-raġunijiet li wassluha biex ma tfornix liċ-CEF. It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li din l-ittra saret wara t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-FEG u lil TU fil-25 ta' Lulju 1991 u li, minħabba f'hekk, hija ma kinitx ta' natura konvinċenti.

77      Rigward l-ittra mibgħuta fit-22 ta' Mejju 1991 liċ-CEF minn Spaanderman, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li din ta' l-aħħar kienet tindika biss li hija ma xtaqitx testendi n-netwerk tagħha ta' bejjiegħa. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li din l-ittra kienet ġiet ifformulata meta l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet diġà bdiet.

78      B'hekk, mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat suffiċjentement in-natura mhux konvinċenti ta' l-imsemmija ittri u ċ-ċaħda tagħhom bħala prova ġustifikattiva.

79      Rigward l-allegata kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza kkontestata sostnuta mill-FEG, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, fin-nuqqas ta' kull rabta loġika bejn l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien tal-proċedura amministrattiva u dik tal-valur probatorju tad-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala prova, l-imsemmija sentenza ma fiha ebda kontradizzjoni.

80      Barra minn hekk, il-valur probatorju, li għandu jiġi evalwat biss mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-elementi sottomessi lil din ta' l-aħħar mill-partijiet bħala prova ma jiddependix neċessarjament mill-istadju tal-proċedura amministrattiva li matulha huma jkunu ġew ifformulati. Kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-valur probatorju għandu jiġi vverifikat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Issa mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet l-investigazzjoni tagħha mhuwiex l-uniku fattur deċiżiv li għalih il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet, b'mod partikolari, li l-ittri tat-22 ta' Mejju u ta' l-14 ta' Awwissu 1991 ta' Spaanderman Licht jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-provi mressqa mill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-gentlemen's agreement. Għaldaqstant, l-imsemmija punti 196 u 208 ma jistgħux jiġi interpretati fis-sens li ebda valur probatorju ma jista', min-natura tiegħu, jingħata lil dokument ifformulat wara li tkun diġà bdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

81      Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tieni raġuni invokata in sostenn ta' l-appell għanda tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prova mressqa mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività

 L-argumenti tal-partijiet

82      Permezz tat-tielet raġuni tagħha, il-FEG tikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha rigward il-ksur prinċipali ta' l-Artikolu 81(1)KE li bih hija ġiet akkużata, jigifieri sistema kollettiva ta' esklużività li, bejn il-11 ta' Marzu 1986 u l-25 ta' Frar 1994, irregolat ir-relazzjonijiet bejn il-FEG u n-NAVEG. Dawn il-provi huma tant dgħajfa u indiretti li ma jistgħu bl-ebda mod jiġu kkwalifikati bħala provi legali u konvinċenti ta' ksur kontinwu.

83      IL-FEG tirreferi b'mod partikolari għall-punt 141 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha "fuq evalwazzjoni globali tal-provi u ta' l-indizji rilevanti kollha" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tikkunsidra li f'dan il-każ, il-bażi ġuridika tal-pruduzzjoni tal-prova hija inadegwata u li għandhom jitressqu mhux "indizji", iżda provi legali u konvinċenti tal-ksur ikkonstatat kif ukoll tat-tul taż-żmien tiegħu.

84      Barra minn hekk, il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni, fir-raġunament tagħha, ma ressqetx l-inqas prova ta' l-eżistenza ta' tali sistema ta' esklużività għall-perijodi mit-12 ta' Marzu 1986 sat-28 ta' Frar 1989 u mit-18 ta' Novembru 1991 sal-25 ta' Frar 1994.

85      Il-FEG tikkritika l-punt 411 tas-sentenza kkontestata li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet fil-konfornti tagħha li "il-Kummissjoni [ġabet] il-prova ta' l-eżistenza ta' ksur kontinwu matul il-perijodu bejn l-1986 u l-1994" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-unika ġustifikazzjoni, li tirriżulta mill-punt 406 ta' l-imsemmija sentenza, hija li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, rigward il-vjolazzjonijiet li bihom hija akkużata TU, li, "[m]in-natura tagħhom, [huma] għandhom natura kontinwa" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-FEG tikkritika dan ir-raġunament billi ssostni li dan ma jissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni.

86      Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li t-tielet raġuni hija inammissibbli safejn hija tfittex li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina mill-ġdid ir-raġunijiet u l-argumenti diġà analizzati u miċħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

87      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li din ir-raġuni mhijiex fondata. Rigward l-ilment magħmul mill-FEG li l-Qorti tal-Prim'Istanza użat kriterju żbaljat fid-dritt meta bbażat ruħha fuq "indizji", il-Kummissjoni ssostni li n-natura adegwata ta' tali kriterju ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.

88      Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta' prova rigward l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività matul ċerti perijodi, il-Kummissjoni tikkontesta tali qari tas-sentenza kkontestata u tindika li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala "ksur kontinwu" (ara l-punti 90, 406 u 411 ta' l-imsemmija sentenza).

89      Għal kuntrarju ta' dak li ssostni l-FEG, il-Kummissjoni tqis li, għall-konstatazzjoni tat-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma bbażatx ruħha esklużivament fuq in-natura "kontinwa" tal-ksur. Hija tirreferi għall-punti 192 u 408 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeskriviet l-indizji konkreti li wasslu l-Kummissjoni sabiex tiddetermina t-tul taż-żmien li dam għaddej il-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Fil-kuntest tat-tielet raġuni, il-FEG tikkontesta, essenzjalment, il-kriterji ġuridiċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tevalwa l-provi mressqa mill-Kummissjoni in sostenn tal-konstatazzjoni li hija wettqet rigward it-tul taż-żmien ta' ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Barra minn hekk, il-FEG tqis li s-sentenza kkontestata mhijiex immotivata biżżejjed għal dak li jikkonċerna n-natura "kontinwa" tas-sistema kollettiva ta' esklużività. F'din l-ottika, it-tielet raġuni tikkonċerna l-kwistjonijiet ta' dritt li jistgħu jiġu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appelll u, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

91      Peress li l-eżistenza tal-gentlemen's agreement kienet ġiet ikkontestata mill-FEG u minn TU, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 141 tas-sentenza kkontestata, li kellu jiġi evalwat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha meta hija kkonkludiet li kien hemm provi ta' l-eżistenza ta' gentlemen's agreement mill-11 ta' Marzu 1986. Il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq evalwazjoni globali tal-provi u ta' l-indizji rilevanti kollha.

92      Wara li eżaminat l-oriġini u l-implementazzjoni ta' l-imsemmi gentlemen's agreement, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 210 tas-sentenza kkontestata, li, abbażi ta' evalwazzjoni globali, il-FEG u TU ma kienx irnexxielhom iqiegħdu fid-dubju n-natura vinkolanti, oġġettiva u kkorroborata ta' l-indizji kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

93      Fil-kuntest ta' dan l-appell, il-FEG tikkontesta, b'mod partikolari, in-natura xierqa tar-referenza għall-"indizji" bħala prova ta' l-eżistenza u tat-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività.

94      Dan l-argument ma jistax jintlaqa'. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta' prattika jew ta' akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta' koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57).

95      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta' aġir jew ta' akkordji antikompetittivi, iżda wkoll it-tul taż-żmien ta' aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta' applikazzjoni ta' akkordju konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

96      Fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha ta' l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività kif ukoll tat-tul taż-żmien ta' din is-sistema fuq "evalwazjoni globali tal-provi u ta' l-indizji rilevanti kollha" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-kwistjoni dwar x'valur probatorju ngħata mill-Qorti tal-Prim'Istanza lil kull element ta' dawn il-provi u indizji mressqa mill-Kummissjoni tikkostitwixxi, madankollu, kwistjoni ta' evalwazzjoni ta' fatt li ma taqax, bħala tali, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

97      Fil-kuntest tat-tielet raġuni tagħha, il-FEG tilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza injorat in-nuqqas ta' provi dwar l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività matul ċerti perijodi speċifiċi.

98      F'dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li, fil-punt 411 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ressqet il-prova ta' l-eżistenza ta' ksur kontinwu matul il-perijodu bejn l-1986 u l-1994. Il-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma jimpedixxix il-ksur milli jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn ta' l-aħħar ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta' ksur estiż għal diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-ftehim iseħħu f'perijodi differenti, eventwalment separati b'intervalli iktar jew inqas twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta' tali ftehim, sakemm id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta' ksur ta' natura unika u kontinwa.

99      Il-konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-eżistenza ta' "ksur kontinwu" hija wkoll ikkritikata mill-FEG. Din ta' l-aħħar tqis li l-kostatazzjoni ta' tali ksur għandha bħala ġustifikazzjoni unika, imsemmija fil-punt 406 tas-sentenza kkontestata, il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fir-rigward tal-vjolazzjonijiet li bihom hija akkużata TU, li, "[m]in-natura tagħhom, [huma] għandhom natura kontinwa" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-FEG tikkritika dan ir-raġunament billi dan ma jissodisfax l-obbligu ta' motivazzjoni, peress li sempliċi referenza għan-"natura" tal-ksur ma jistax jikkostitwixxi motivazzjoni materjali suffiċjenti.

100    Dan l-argument ma jiħux in kunsiderazzjoni b'mod manifest il-punt 411 tas- sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ressqet il-prova ta' l-eżistenza ta' ksur kontinwu matul il-perijodu bejn l-1986 u l-1994. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet, f'dan ir-rigward, għar-raġunament tagħha żviluppat fil-punti preċedenti ta' l-imsemmija sentenza, b'mod partikolari fil-punt 408 tagħha, li fih hija kkjarifikat, b'mod detalljat, il-bażi tat-tul taż-żmien ta' dan il-ksur. Dan l-aħħar punt jaqra kif ġej:

"Rigward il-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tiddetermina b'mod preċiż id-data li fiha ġiet konkluża s-sistema kollettiva ta' esklużività. Minkejja dan, hija setgħet iġġib il-prova ta' l-eżistenza ta' din is-sistema mil-laqgħa tal-11 ta' Marzu 1986, li fiha l-bordijiet tad-diretturi tal-FEG u tan-NAVEG semmew il-gentlemen's agreement. Il-Kummissjoni strieħet ukoll fuq diversi indizji sussegwenti għal dik il-laqgħa li abbażi tagħhom hija qieset li l-gentlemen's agreement baqa' jiġi applikat mill-membri tan-NAVEG (ara d-deċiżjoni [kkontestata], premessi 47 sa 49). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat diversi indizji li juru li l-membri tan-NAVEG kienu segwew il-pariri ta' l-assoċjazzjoni tagħhom, b'implementazzjoni tal-gentlemen's agreement (deċiżjoni [kkontestata], premessi 50 sa 52). L-aħħar wieħed minn dawn l-indizji huwa r-rapport ta' laqgħa interna tal-kumpannija Hemmink tal-25 ta' Frar 1994, li matulha dan il-membru tan-NAVEG indika li kien irrifjuta li jforni lil grossista li ma kienx membru tal-FEG. […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

101    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tielet raġuni invokata mill-FEG in sostenn ta' l-appell tagħha, li tirrigwarda allegat żball ta' dritt u allegat nuqqas ta' motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba' raġuni, ibbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-argumenti tal-FEG rigward il-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet

102    Permezz tar-raba' raġuni tagħha, il-FEG issostni li, għal dak li jikkonċerna diversi aspetti tal-ksur li bih hija akkużata, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli teżamina l-parti essenzjali ta' l-argumenti li hija invokat jew esponiethom b'mod manifestament ineżatt, u b'hekk kisret l-obbligu ta' motivazzjoni li bih hija marbuta din il-Qorti. Din ir-raġuni fiha ħames partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba' raġuni, dwar il-kwalifikazzjoni tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa

–       L-argumenti tal-partijiet

103    Il-FEG tikkwalifika bħala inkomprensibbli u inkompatibbli ma' l-obbligu ta' motivazzjoni, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 403 sa 412 tas-sentenza kkontestata, li d-diversi akkordji dwar il-prezzijiet kienu jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa.

104    Il-FEG issostni li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tkun tista' tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' vjolazzjoni unika, għandu jiġi pprovat li d-diversi azzjonijiet li dwarhom saru l-akkużi jagħmlu parti minn "pjan ġenerali" minħabba l-"għan identiku" tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 258).

105    Issa dan il-każ jirrigwarda deċiżjonijiet u prattiċi eteroġeni ħafna, li għandhom għanijiet kompletament differenti, u l-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li minnhom tiddeduċi l-eżistenza ta' pjan ġenerali, iżda għandha turi li dawn il-prattiċi huma konnessi mill-aspett materjali. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kien imissha vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat kif jixraq li kienet teżisti tali konnessjoni.

106    Il-FEG tikkontesta l-eżistenza ta' tali "pjan ġenerali" u tqis li l-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Qorti tal-Prim'Istanza fihom lakuni tant serji li huma inkompatibbli ma' l-obbligu ta' motivazzjoni.

107    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-FEG qed tfittex, permezz ta' din ir-raġuni, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza għal dak li jikkonċerna l-provi ta' l-eżistenza ta' "pjan ġenerali". Din il-parti tar-raba' raġuni hija għaldaqstant inammissibbli.

108    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel parti tar-raba' raġuni mhijiex fondata. Fil-punt 342 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat b'mod ċar u mmotivat li ż-żewġ vjolazzjonijiet ikkonstatati, jiġifieri s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-akkordji fuq il-prezzijiet, kienu jagħmlu parti minn "pjan ġenerali" minħabba li kienu jsegwu l-istess għan antikompetittiv. Il-Kummissjoni ssostni li dak li jgħodd għal dawn iż-żewġ vjolazzjonijiet għandu jgħodd ukoll għall-elementi kostituttivi prinċipali tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    L-ewwel parti tar-raba' raġuni invokata mill-FEG hija diretta kontra l-kriterji ġuridiċi li fuqhom ibbażat ruħha il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkwalifika d-diversi prattiċi relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa u kontra l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata fuq dan il-punt. Għaldaqstant, l-imsemmija parti hija ammissibbli.

110    Ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE jista' jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta' atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar ta' din is-serje ta' atti jew ta' dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur ta' l-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt "pjan ġenerali", minħabba l-għan identiku tagħhom ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista' timputa r-responsabbiltà ta' dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 258).

111    Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li huwa preċiżament tali raġunament li fuqu hija bbażata l-kwalifikazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa.

112    B'mod partikolari, fil-punt 342 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet kienu jsegwu l-istess għan antikompetittiv, li kien jikkonsisti fiż-żamma tal-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li jirriżulta mill-kompetizzjoni, minn naħa, billi titnaqqas il-kompetittività ta' l-impriżi li kienu qed ifittxu li joperaw fis-suq ta' distribuzzjoni bl-ingrossa ta' materjal elettrotekniku fl-Olanda u b'hekk jikkompetu mal-membri tal-FEG, mingħajr ma jkunu affiljati ma' din l-assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi tiġi parzjalment ikkoordinata l-politika tagħhom tal-prezzijiet.

113    Kif osservat l-Avukat Ġernerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, minn tali konstatazzjoni jirriżulta wkoll li kull waħda mill-vjolazzjonijiet fiha nfisha, jiġifieri s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet, kellhom dan l-għan wieħed.

114    Għaldaqstant, mill-punti 403 sa 412 tas-sentenza kkontestata, moqrija fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-imsemmi punt 342, la jirriżulta xi żball ta' dritt u lanqas xi nuqqas ta' motivazzjoni ta' din is-sentenza.

115    Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raba' raġuni, dwar l-iskonti standard għall-bejgħ ta' materjal elettrotekniku ta' installazzjoni lill-iskejjel

–       L-argumenti tal-partijiet

116    Permezz ta' din il-parti tar-raba' raġuni, il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 412 tas-sentenza kkontestata, li l-iskonti standard mogħtija għall-bejgħ ta' materjal elettrotekniku lill-iskejjel kienu jikkostitwixxu prova tat-"tkomplija tal-prattiċi miftiehma fuq il-prezzijiet wara l-1991" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

117    Il-FEG issostni li dan huwa, madankollu, każ uniku li fih, fuq talba ta' l-UNETO, kienet saret rakkomandazzjoni konkreta lill-membri ta' l-imsemmija assoċjazzjoni, li kienet tikkonċerna biss kunsinni lill-grossisti ta' kwantità assolutament insinjifikanti, każ li għalih kien hemm raġuni u ġustifikazzjoni soċjali partikolari. Skondha, dawn kienu skonti speċjali, għoljin ħafna, għal materjal ta' l-iskola mixtri minn istituzzjonijiet ta' tagħlim pubbliku li l-istudenti tagħhom kienu jifformaw il-grupp destinatarju ta' l-impriżi ta' installazzjoni. Tali skonti kienu jissodisfaw talba għal sostenn partikolari li kellha għan soċjali.

118    Il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza injorat dawn l-argumenti meta ddeċiediet, fil-punt 324 tas-sentenza kkontestata, li l-allegat għan soċjali ta' din il-kollużjoni ma kellux jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 81(1) KE. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret din id-dispożizzjoni, peress li m'eżaminatx jekk is-sistema ta' l-iskonti speċjali kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari dik dwar l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju.

119    Barra minn hekk, il-FEG tqis li l-motivazzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan ir-rigward hija insuffiċjenti.

120    F'dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, hija ssostni, prinċipalment, li, permezz ta' din il-parti tar-raba' raġuni, il-FEG tfittex li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-għan antikompetittiv ta' l-akkordju fuq l-iskonti mogħtija lill-iskejjel u l-imsemmija parti hija konsegwentement inammissibbli.

121    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li din il-parti tar-raba' raġuni mhijiex fondata. Fil-punt 324 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza analizzat korrettament l-argumenti msemmija hawn fuq tal-FEG, li huma esposti fil-punt 311 ta' l-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, il-fatt li, kif issostni din ta' l-aħħar, l-akkordju fuq l-iskonti kkostitwixxa "każ uniku" huwa irrilevanti. Fil-fatt, aġir li għandu għan manifestament antikompetittiv u li jikkonċerna l-biċċa kbira tal-kummerċ bl-ingrossa tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda ma jaħrab mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE minħabba li huwa "każ uniku".

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122    Din il-parti tar-raba' raġuni hija ammissibbli safejn hija tikkonċerna, minn naħa, il-kriterji ġuridiċi wara l-kwalifikazzjoni ta' l-iskonti standard mogħtija għall-bejgħ ta' materjal elettrotekniku ta' installazzjoni lill-iskejjel bħala prova tat-tkomplija tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet wara l-1991 u, min-naħa l-oħra, l-allegata insuffiċjenza ta' motivazzjoni tas-sentenza kkontestata fuq din il-kwistjoni.

123    Fil-punt 317 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li TU u l-FEG ma kinux qed jikkontestaw l-eżistenza ta' diskussjonijiet fuq l-iskonti, il-prezzijiet, il-marġni u d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta' din ta' l-aħħar, iżda kienu qed isostnu, essenzjalment, li dawn id-diskussjonijiet ma kinux imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE, peress li ma kellhomx effetti fuq is-suq, minħabba li dawn ma ġewx implementati jew ma pproduċewx effetti apprezzabbli.

124    Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dawn l-argumenti. Fil-punt 324 tas-sentenza kkontestata, jingħad dan li ġej:

"Rigward l-iskonti standard għall-bejgħ ta' materjal elettrotekniku lill-iskejjel (deċiżjoni [kkontestata], premessa 83), huwa paċifiku li l-FEG, TU u membri oħra ta' din l-assoċjazzjoni kienu qablu fuq rata ta' skont uniformi ta' 35 %. Tali qbil kellu l-għan manifest li tiġi ristretta l-libertà tal-membri tal-FEG li jiddeterminaw il-politika kummerċjali. Rigward l-allegat għan socjali ta' din il-kollużjoni, dan ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 81(1) KE." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

125    Minn dan il-punt tas-sentenza kkontestata ma jirriżulta ebda żball ta' dritt imwettaq mill-Qorti tal-Prim'Istanza peress li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' akkordju huwa superfluwu ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 261).

126    Peress li l-għan antikompetittiv tal-kollużjoni dwar l-iskonti standard mogħtija lill-iskejjel ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, la n-natura unika u lanqas l-għan soċjali ta' dawn l-iskonti ma jistgħu jeskludu l-akkordju dwar dawn l-iskonti mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE.

127    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, l-argument invokat mill-FEG u bbażat fuq allegata insuffiċjenza ta' motivazzjoni tas-sentenza kkontestata fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.

128    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tar-raba' raġuni, dwar il-prattiċi tal-kumitat tal-prodotti "wajer u kejbil" u l-allegati każijiet l-oħra ta' skambju ta' informazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

129    Din il-parti tar-raba' raġuni hija diretta kontra l-punti 317 u 323 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-ksur li rriżulta mill-prattiċi tal-kumitat "wajer u kejbil".

130    Il-FEG issostni li minn dan l-eżami jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma stabbilietx li kienu seħħu prattiċi ta' restrizzjoni effettiva tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta' dan il-kumitat, iżda madankollu hija qieset, fil-punt 323 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tiddiskrivi dawn il-prattiċi bħala "indizji ta' prattiċi li l-għan tagħhom kien li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

131    Il-FEG tikkritika din il-konstatazzjoni bħala li hija bbażata fuq kriterju żbaljat. Skondha, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha li tidentifika indizji u għandha tipprova realment li dawn il-prattiċi restrittivi kienu effettivament twettqu. Hija tqis li wriet b'mod immotivat u dettaljat li ebda prattika konkreta li għandha l-għanijiet ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni ma kienet ġiet implementata u li għaldaqstant ma jissussistux validament il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' prattiċi miftiehma fis-sens ta' l-Artikolu 81.

132    Il-Kummissjoni ssostni, f'dan ir-rigward, li din il-parti tar-raba' raġuni tinjora l-punti 321 u 323 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni in kwistjoni bħala indizju addizzjonali ta' assjem ta' prattiċi intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet. Skond il-Kummissjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li d-deċiżjonijiet u l-akkordji li għandhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma projbiti mill-Artikolu 81(1) KE, mingħajr mhuwa neċessarju li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħhom (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 261).

133    Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li l-projbizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE tapplika għall-prattiċi miftiehma mingħajr m'hemm bżonn li jintwera xi effett jew aġir restrittiv tal-kompetizzjoni; is-sempliċi aġir fis-suq huwa biżżejjed (sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 122 sa 124).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

134    Bħall-partijiet preċedenti tar-raba' raġuni, it-tielet parti ta' din ir-raġuni tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza relattiva għall-argumenti tal-FEG li l-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet u l-iskonti mogħtija lill-iskejjel, li l-eżistenza tagħhom ġiet irrivelata mill-Kummissjoni, ma kinux imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE, peress li ma kellhomx effetti fuq is-suq, minħabba li dawn ma ġewx implementati jew ma pproduċewx effetti apprezzabbli. F'din l-ottika, din il-parti tar-raba' raġuni tikkonċerna kwistjoni ta' dritt u għandha, konsegwentement, tiġi ddikjarata ammissibbli.

135    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta' prattika jew ta' akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta' koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' spegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57).

136    Barra minn hekk, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' akkordju huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 261).

137    Bl-istess mod, prattika miftiehma taqa' taħt l-Artikoku 81(1) KE anki fin-nuqqas ta' effetti antikompetittivi fuq is-suq.

138    Qabel kollox, mill-kliem stess ta' l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, bħal fil-każ ta' akkordji bejn impriżi u ta' deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi, il-prattiċi miftiehma huma projbiti, indipendentement minn kull effett, meta jkollhom għan antikompetittiv.

139    Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett stess ta' prattika miftiehma jippresupponi l-eżistenza ta' aġir ta' impriżi parteċipanti fis-suq, dan ma jimplikax neċessarjament li dan l-aġir jipproduċi l-effett konkret ta' restrizzjoni, prevenzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra, p. I-4287, punt 165).

140    Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li huwa preċiżament fuq dawn il-prinċipji li bbażat ruħha l-Qorti tal-Prim'Istanza fl-evalwazzjoni tagħha tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet u ta' l-iskonti mogħtija lill-iskejjel li ġew ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

141    Fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 321 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li l-għan tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni in kwistjoni kien li jinfluwenza s-suq. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeduċiet li, għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li dan kien indizju addizzjonali ta' l-eżistenza ta' prattiċi intiżi sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn il-membri tal-FEG.

142    Fl-aħħarnett, fil-punt 322 tas-sentenza kkontestata, fir-rigward tal-kumitat tal-prodotti "wajer u kejbil", il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-għan tiegħu kien li "jfittex li jżomm is-suq kalm u li jżomm il-livell tal-prezzijiet" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li dan kien manifestament għan projbit mill-Artikolu 81(1) KE peress li kien intiż sabiex jissostitwixxi għad-deċiżjonijiet individwali ta' l-impriżi r-riżultat tal-kollużjoni tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet.

143    Għaldaqstant, peress li ġie kkonstatat l-għan antikompetittiv tal-prattiċi miftiehma fil-qasam ta' skambju ta' informazzjoni fuq il-prezzijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx obbligata teżamina l-effetti konkreti tagħhom fuq is-suq.

144    Konsegwentement, it-tielet parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba' parti tar-raba' raġuni, dwar id-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u dik fuq il-pubblikazzjonijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

145    Il-FEG tosserva li peress li d-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi kienet diġà saret deċiżjoni mejta ftit wara l-adozzjoni tagħha fl-1984, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx validament tistabbilixxi li l-ksur marbut ma' din id-deċiżjoni baqa' għaddej sad-data meta hija ġiet formalment irtirata, jiġifieri sat-23 ta' Novembru 1993.

146    Barra minn hekk, il-FEG issostni li ma ġiex validament ipprovat li d-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u dik fuq il-pubblikazzjonijiet kienu ġew applikati. Hija ssostni li jista' jkun hemm prattika miftiehma fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE biss meta tali prattika tkun seħħet realment fis-suq. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma stabilietx l-eżistenza ta' din il-prattika, iżda llimitat ruħha li tiddikjara, fil-punt 291 tas-sentenza kkontestata, li ma kienx neċessarju li tivverifika jekk iż-żewġ deċiżjonijiet kinux ġew effettivament implementati peress li huma kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

147    Barra minn hekk, skond il-FEG, l-imsemmija deċiżjonijiet vinkolanti huma tant differenti, mill-istess natura tagħhom, mill-allegati vjolazzjonijiet l-oħra mwettqa minnha fil-qasam tal-prezzijiet li, sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tikkunsidrahom li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda, hija kisret ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Il-Kummissjoni kien imissha kkonfrontat iż-żewġ deċiżjonijiet vinkolanti, bħala deċiżjonijiet awtonomi, mal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE u l-Qorti tal-Prim'Istanza kien imissha wettqet dan l-eżami b'referenza għall-effett ta' dawn id-deċiżjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-Istati.

148    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li din il-parti tar-raba' raġuni hija intiża sabiex tqiegħed fid-dubju konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u għandha, konsegwentement, tiġi ddikjarata inammissibbli.

149    Sussidjarjament, hija tosserva li l-imsemmija parti mhijiex fondata. Skondha, anki jekk, kif issostni l-FEG, id-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi ma kellhiex effett utli, dan bl-ebda mod ma jimpedixxi l-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-fatt li l-imsemmija deċiżjoni kienet tikkostitwixxi aġir projbit li dam għaddej din id-deċiżjoni ġiet irtirata, fit-23 ta' Novembru 1993.

150    Il-Kummissjoni tikkonstata li, fil-punt 295 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, ġustament, li d-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi kienet deċiżjoni vinkolanti ta' assoċjazzjoni ta' impriżi, fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE, li kellha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Tali deċiżjonijiet huma projbiti mill-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti konkreti tagħhom.

151    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-kritika tal-FEG dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ż-żewġ deċiżjonijiet vinkolanti in kwistjoni ma jikkostitwixxux l-istess vjolazzjoni unika, mhijiex fondata. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq kriterju ġuridiku korrett, jiġifieri l-għan ta' dawn id-deċiżjonijiet li kien li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

–       Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

152    Ir-raba' parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli safejn hija intiża sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza li skondha d-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet damet għaddejja sad-data li fiha ġiet formalment irtirata. Fil-fatt, tali eżami mill-ġdid tal-fatti u tal-provi kkonstatati mill-Qorti tal-Prim'Istanza jeżorbita mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

153    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat il-mertu ta' din il-parti tar-raba' raġuni safejn din hija intiża sabiex tikkritika l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata dwar il-kwalifikazzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet vinkolanti in kwistjoni bħala li jikkostitwixxu "vjolazzjoni waħda" u l-iżball ta' dritt allegatament imwettaq mill- Qorti tal-Prim'Istanza minħabba li din ta' l-aħħar m'eżaminatx jekk dawn id-deċiżjonijiet kinux ġew effettivament implementati.

154    Fil-punt 289 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal żewġ "deċiżjonijiet vinkolanti" tal-FEG, waħda fuq il-prezzijiet fissi u l-oħra fuq il-pubblikazzjonijiet. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tippreċiża li, skond l-istatut ta' din l-assoċjazzjoni, dawn id-deċiżjonijiet kellhom natura vinkolanti fir-rigward tal-membri tagħha u li n-nuqqas ta' osservazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet seta' jwassal għas-sospensjoni jew għat-tkeċċija minn membru ta' l-assoċjazzjoni (punt 72 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Mill-punt 290 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-FEG u TU sostnew quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu baqgħu deċiżjonijiet mejta sad-data li fiha ġew irtirati, li kienet it-23 ta' Novembru 1993. Konsegwentement, kull effett restrittiv tal-kompetizzjoni kien eskluż.

156    Fil-291 ta' l-imsemmi sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li kien hemm lok li tivverifika jekk id-deċiżjonijiet vinkolanti in kwistjoni kellhomx għan restrittiv tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fl-affermattiv, kull analiżi ta' l-effetti ta' dawn id-deċiżjonijiet kienet tkun superfluwa għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE.

157    Din hija effettivament il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 292 sa 300 tas-sentenza kkontestata.

158    Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 295, li din id-deċiżjoni ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi kienet tirrestrinġi l-libertà tal-membri tagħha li jiffissaw il-prezzijiet u kellha għan restrittiv tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE.

159    Rigward id-deċiżjoni vinkolanti fuq il-pubblikazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 300, li din kienet intiża sabiex tirrestrinġi l-aġir individwali tal-membri tal-FEG fir-rigward tal-politika kummerċjali tagħhom fil-qasam tal-pubblikazzjoni sabiex tipproteġihom mill-konsegwenzi ta' kompetizzjoni li dawn il-membri qiesu, essenzjalment, li kienet dannuża ħafna. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li deċiżjoni ta' din in-natura li toħroġ minn assoċjazzjoni ta' impriżi kellha manifestament għan restrittiv tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat.

160    Peress li l-għan antikompetittiv taż-żewġ deċiżjonijiet ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ma jistax ikun meħtieġ, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-FEG, li l-Qorti tal-Prim'Istanza turi wkoll l-effetti konkreti tagħhom fuq is-suq. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 136 ta' din is-sentenza, it-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, ta' l-effetti konkreti ta' akkordju huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

161    Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti tas-sentenza kkontestata f'dak li jikkonċerna l-kwalifikazzjoni tad-deċiżjoni vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u ta' dik ta' fuq pubblikazzjonijiet bħala li jikkostitwixxu "vjolazzjoni waħda", għandha ssir referenza għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, hekk kif ġiet imfakkra fil-punt 110 ta' din is-sentenza.

162    Mill-qari tal-punt 338 tas-sentenza kkontestata jidher, għalkemm b'mod impliċitu biss, li l-eżistenza ta' "pjan ġenerali" ġiet ikkonstatata sew mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, din ta' l-aħħar irrilevat li, permezz ta' serje ta' prattiċi, akkordji u deċiżjonijiet, il-membri tal-FEG u din l-assoċjazzjoni, li għandhom setgħa ekonomika preponderanti fis-suq in kwistjoni, fittxew, permezz ta' kollużjoni, li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejniethom billi kkonsultaw ma' xulxin dwar prezzijiet u skonti kif ukoll billi adottaw, fil-livell tal-FEG, deċiżjonijiet vinkolanti fil-qasam tal-prezzijiet u tal-pubblikazzjonijiet.

163    Id-differenzi li jeżistu bejn l-imsemmija deċiżjonijiet vinkolanti, allegati mill-FEG, huma irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifikazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet bħala "vjolazzjoni waħda" safejn huma jidħlu fil-kuntest ta' serje ta' prattiċi li għandhom l-istess għan, jiġifieri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet.

164    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-raba' parti tar-raba' raġuni hija in parti inammissibbli u in parti infondata.

 Fuq il-ħames parti tar-raba' raġuni, dwar ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet mibgħuta mill-FEG lill-membri tagħha

–       L-argumenti tal-partijiet

165    Permezz tal-ħames u l-aħħar parti tar-raba' raġuni, il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza injorat il-portata limitata ħafna u n-natura unika tar-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet li hija bagħtet lill-membri tagħha għall-prodotti "tubi tal-plastik" u li kkuntentat ruħha li tikkonferma l-għan ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, hekk kif identifikat mill-Kummissjoni, u dan bi ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni li bih hija marbuta l-Qorti tal-Prim'Istanza.

166    Barra minn hekk, il-FEG tikkritika l-punt 333 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-oġġezzjonijiet li hija kienet qajmet rigward il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu ta' listi ta' prezzijiet gross simili minn ċertu mumru ta' membri importanti ta' din l-assoċjazzjoni, billi sostniet li l-Kummissjoni kienet ikkwalifikat dawn il-prattiċi mhux bħala vjolazzjonijiet distinti tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda bħala effetti tal-prattiċi kkonstatati. Il-FEG issostni li r-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dawn l-oġġezzjonijiet hija inkonċiljabbli mal-fatt li din ta' l-aħħar in segwitu tiddedika spjegazzjonijiet dettaljati għar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda sabiex tikkonkludi, fil-punt 339 ta' l-imsemmi sentenza, li "[i]l-Kummissjoni għaldaqstant uriet suffiċjentement skond il-liġi li dawn il-prattiċi kienu jmorru kontra l-Artikolu 81 KE" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

167    Il-FEG tqis inkomprensibbli l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza espressa fil-punt 337 tas-sentenza kkontestata, li skondha hija stess u TU ma ressqux biżżejjed provi serji intiżi sabiex jinvalidaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet tal-grossisti fl-Olanda kienu ogħla minn dawk fis-seħħ fl-Istati Membri oħra. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta' tali prezzijiet ogħla, iżda din ma ressqitx din il-prova. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kellhiex tkun sodisfatta bir-raġunament li jinsab fl-imsemmi punt 337, iżda kien imissha eżiġiet li l-Kummissjoni tikkorrobora l-"indizji" u s-"suġġerimenti" tagħha bi provi konkreti ta' l-eżistenza ta' prattiċi miftiehma koerenti tal-FEG intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

168    Fl-aħħar nett, il-FEG issostni li l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata relattiva għall-allegati vjolazzjonijiet tal-FEG fil-qasam ta' prezzijiet fiha lakuni tant serji li din is-sentenza għandha tiġi annullata, ta' l-anqas fil-parti ta' din is-sentenza dedikata għall-vjolazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 81(1) KE diversi drabi, billi kkwalifikat akkordju bħala prattika miftiehma mingħajr ma stabbiliet li dan l-akkordju kien effettivament irriżulta f'tali prattika.

169    Il-Kummissjoni tqis li din il-parti tar-raba' raġuni hija inammissibbli safejn hija tfittex li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-provi disponibbli.

170    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 327 u 328 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet b'mod immotivat l-argument tal-FEG u ta' TU li l-aġir inkriminat ma kellux għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

171    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FEG, il-Kummissjoni ma tirrileva ebda kontradizzjoni bejn il-punt 333 u l-punti 334 sa 339 tas-sentenza kkontestata,.

172    Qabel kollox, skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat korrettament, fil-punt 333, li l-FEG kienet għamlet qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata peress li din tirreferi għax-xebh osservat bejn il-katalogi tal-grossisti prinċipali bħala eżempju tal-livell baxx ta' kompetizzjoni li kien jeżisti fis-suq u, fil-punt 334, li n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni ta' l-akkordji fil-qasam tal-prezzijiet kienet ġiet ipprovata suffiċjentement skond il-liġi u li għaldaqstant kien superfluwu li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom fuq is-suq.

173    In segwitu, fil-punti 335 sa 338, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat it-tentattiv ta' TU li tispjega x-xebh impressjonanti bejn il-katalogi. Imbagħad, fil-punti 338 u 339, il-Qorti tal-Prim'Istanza esponiet il-konklużjoni ġenerali ta' din il-parti tas-sentenza dedikata għall-ilmenti dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika tal-fatti, billi ddeċidiet li "permezz ta' serje ta' prattiċi, akkordji u deċiżjonijiet, il-membri tal-FEG u din l-assoċjazzjoni, li għandhom setgħa ekonomika prreponderanti fis-suq in kwistjoni, fittxew, permezz ta' kollużjoni, li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejniethom billi kkonsultaw ma' xulxin dwar prezzijiet u skonti kif ukoll billi adottaw, fil-livell tal-FEG, deċiżjonijiet vinkolanti fil-qasam tal-prezzijiet u tal-pubblikazzjonijiet" u li l-Kummissjoni "għaldaqstant uriet suffiċjentement skond il-liġi li dawn il-prattiċi kienu jmorru kontra l-Artikolu 81 KE" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

174    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kritika mill-FEG tal-punt 337 tas-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni tqis li hija qed tfittex, fir-realtà, li tqiegħed fid-dubju konstatazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza. F'kull każ, hija ssostni li dan il-punt għandu jinqara bħala estensjoni tal-punt 334 ta' l-imsemmija sentenza, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-prattiċi fil-qasam tal-prezzijiet kellhom bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li għaldastant kien superfluwu li jiġu eżaminati l-effetti tagħhom fuq is-suq.

175    Il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-parti tar-raba' raġuni hija inammissibbli jew, ta' l-anqas, infondata bħalma hija din ir-raġuni kollha kemm hi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

176    Il-ħames parti tar-raba' raġuni għandha tiġi meqjusa ammissibbli safejn hija tirrigwarda, prinċipalment, il-kwalifikazzjoni ġuridika tar-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet mibgħuta mill-FEG lill-membri tagħha, inkwantu jikkostitwixxu indizju ta' l-eżistenza ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-motivazzjoni allegatament difettuża tas-sentenza kkontestata f'dan ir-rigward.

177    Fil-punt 326 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:

"Rigward ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet mibgħuta mill-FEG lill-membri tagħha, huwa paċifiku li TU assistiet lill-FEG fil-konverżjoni fi prezzijiet gross irrakkomandati tal-prezzijiet netti rrakkomandati tal-fornituri ta' ċertu materjal tal-plastik. Huwa wkoll paċifiku li l-FEG bagħtet regolarment lill-membri tagħha listi ta' l-iktar prezzijiet reċenti għal dan il-materjal. [Il-FEG u TU] ma kkontestawx li, fil-każijiet tat-tubi tal-PVC, il-FEG kienet bagħtet lill-membri tagħha, wara tibdiliet fil-prezz deċiżi mill-produtturi, listi ta' prezzijiet aġġornati li jsemmu wkoll il-perċentwali ta' tnaqqis jew żieda li hija kienet qed tirrakkomanda lill-membri tagħha li japplikaw (deċiżjoni [kkontestata], premessa 85). Fl-aħħarnett, [il-FEG u TU] la kkontestaw il-veraċità u lanqas l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 87 tad-deċiżjoni [kkontestata] tar-rapport ta' l-assemblea reġjonali tal-FEG tat-2 ta' Marzu 1989. Minn dan id-dokument jirriżulta li, wara żieda fil-prezz tat-tubi tal-plastik, il-FEG kienet irrakkomandat lill-membri tagħha li jirrispettaw il-prezzijiet irrakkomandati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

178    Fil-punt 328 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet il-kontestazzjoni, mill-FEG u TU, tal-fatt li l-isforz ta' konverżjoni tal-prezzijiet kellu għan restrittiv tal-kompetizzjoni. Hija kkonstatat li dawn ta' l-aħħar setgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni libera tal-prezzijiet permezz tal-membri tal-FEG, billi jiskambjaw u jqassmu informazzjoni fuq il-prezzijiet u l-iskonti relattivi għal ċertu materjal elettrotekniku tal-plastik. Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkunsidra dawn l-elementi bħala indizji ta' l-eżistenza ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

179    F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kulma għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza kien li applikat il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skondha t-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' akkordju huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

180    Barra minn hekk, l-argument tal-FEG ibbażat fuq l-allegata kontradizzjoni bejn il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 333 u 339 respettivament tas-sentenza kkontestata għandu jiġi miċħud, peress li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat ta' dawn il-punti. Mill-punt 339 ta' l-imsemmija sentenza, moqri flimkien mal-punt 338 tagħha, jirriżulta li dan jesponi l-konklużjoni ġenerali ta' din il-parti tas-sentenza li tikkwalifika l-prattiċi miftiehma relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet bħala kuntrarji għall-Artikolu 81 KE. Din il-konstatazzjoni ma tirreferix, għaldaqstant, għax-xebh bejn il-prezzijiet u l-iskonti li, kif jindika b'mod ċar il-kliem tal-punt 333, kien invokat bħala eżempju intiż sabiex jikkaratterizza l-effetti tal-prattiċi in kwistjoni fuq is-suq u mhux bħala vjolazzjoni distinta minn dawk imsemmija fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.

181    Għal dak li jikkonċerna l-kritika mill-FEG tal-punt 337 tas-sentenza kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet ebda inverżjoni indebita ta' l-oneru tal-prova. Peress li l-Kummissjoni kkonstatat b'mod argumentat, fil-punt 119 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta' kompetizzjoni fuq il-prezzijiet bejn il-membri tal-FEG kien jirriżulta wkoll mill-livell tal-prezzijiet applikati fis-suq Olandiż tal-kummerċ bl-ingrossa u li diversi elementi kienu jindikaw li l-livell tal-prezzijiet tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda kien ogħla minn dak ta' l-Istati Membri l-oħra, kienet l-FEG li kellha ġġib il-prova intiża sabiex tinvalida tali konstatazzjonijiet.

182    Peress li s-sentenza kkontestata hija mmotivata biżżejjed f'dan ir-rigward, il-ħames parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, din ir-raġuni ma tistax ma tiġix miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq l-imputazzjoni lill-FEG ta' l-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività

 L-argumenti tal-partijiet

183    Il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju meta hija ddeċidiet, fil-punti 231, 236 u 393 tas-sentenza kkontestata, mingħajr ma kellha biżżejjed indizji li jistgħu jistabbilixxu l-involviment dirett tagħha, li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq l-atti ta' membri individwali ta' din l-assoċjazzjoni sabiex timputa l-ksur ikkonstatat lil din ta' l-aħħar. Skondha, il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat il-fatt li hija ma kellhiex rwol awtonomu u distint minn dak tal-membri tagħha fl-implementazzjoni tal-prattiċi inkriminati.

184    Il-FEG issostni li, sabiex tkun tista' tieħu in kunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni konkomitanti ta' assoċjazzjoni ta' imprendituri u ta' ċerti membri ta' din ta' l-aħħar fl-istess vjolazzjoni waħda, il-Kummissjoni għandha turi li l-azzjoni ta' din l-assoċjazzjoni hija distinta minn dik tal-membri tagħha.

185    Il-FEG tirreferi għall-punt 227 tas-sentenza kkontestata, moqri flimkien mal-punt 226 tagħha, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-Kummissjoni ma kinitx sabet indizji ta' l-involviment dirett tal-FEG fl-avvenimenti relatati ma' l-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività ħlief għan-nota interna tat-12 ta' Settembru 1990 minn wieħed mill-membri tagħha. Skond il-FEG, nota interna ta' din in-natura, li kienet tħejjiiet mingħajr ma hija kienet taf, ma tistax isservi sabiex turi li hija kellha rwol awtonomu u distint minn dak tal-membri tagħha f'dawn l-avvenimenti.

186    Għal dak li jikkonċerna dak li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkwalifikat, fil-punti 230 u 392 tas-sentenza kkontestata, bħala ażżjoni konġunta ta' 26 membri tal-FEG, din ta' l-aħħar tqis li l-Kummissjoni ma wrietx li din l-assoċjazzjoni kienet esprimiet il-kunsens tagħha espressament jew taċitament fir-rigward tal-kontenut ta' din l-azzjoni. Is-sempliċi fatt li l-impriżi involuti kienu membri tal-FEG mhuwiex biżżejjed sabiet tiġi imputata r-reponsabbiltà ta' tali azzjoni lil din ta' l-aħħar. Skond il-FEG, il-Qorti tal-Prim'Istanza lanqas eżaminat jekk hija kinitx ipparteċipat jew le fil-miżuri ta' implementazzjoni marbuta ma' l-azzjoni konġunta mwettqa mill-membri tagħha.

187    Il-FEG tikkontesta wkoll l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 392 tas-sentenza kkontestata, li s-26 membru tal-FEG li kienu ħadu sehem fl-imsemmija azzjoni konġunta aġġixxew fl-interess ġenerali tal-membri l-oħra ta' din l-assoċjazzjoni u hija tqis li tali affermazzjoni hija inkomprensibbli, safejn hija mhijiex suffiċjenti sabiex tista' timputalha din l-azzjoni.

188    Il-FEG tqis ukoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza meta ddeċidiet, fil-punt 391 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi fatt li f'mument partikolari numru limitat ta' rappreżentanti tas-26 membru tal-FEG kienu okkupaw karigi ta' tmexxija fi ħdanha kien jippermetta li l-prattiċi miftiehma jiġu imputati lilha. Dan il-fatt ma jistax jikkostitwixxi indizju li l-FEG kellha rwol awtonomu, distint minn dak tal-membri tagħha, fir-rigward ta' tali prattiċi.

189    Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li din ir-raġuni hija inammissibbli safejn tfittex li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

190    Sussidjarament, hija ssostni li din ir-raġuni hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata u li huwa żbaljat li jitqies li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat l-imputazzjoni ta' l-imsemmija prattiċi miftiehma lill-FEG biss fuq atti ta' membri individwali ta' din ta' l-aħħar.

191    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 236 tas-sentenza kkontestata, li kemm il-FEG kif ukoll TU kellhom rwol personali u distint fil-ksur. Issa sabiex tkun tista' tikkonstata l-parteċipazzjoni konġunta ta' assoċjazzjoni u tal-membri tagħha fl-istess ksur, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi fir-rigward ta' din l-assoċjazzjoni l-eżistenza ta' aġir distint minn dak tal-membri tagħha. Il-Kummissjoni tqis li huwa preċiżament b'dan il-mod li pproċediet il-Qorti tal-Prim'Istanza.

192    Barra minn hekk, hija ssostni li l-FEG qed tinjora l-fatt li, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-aġir projbit in kwistjoni kien jagħmel parti minn vjolazzjoni waħda (ara l-punti 391 u 406 tas-sentenza kkontestata). Skond il-Kummissjoni, huwa biżżejjed, għaldaqstant, li jintwera li l-FEG ikkontribiet għat-twettiq ta' l-għanijiet tas-sistema kollettiva ta' esklużività implementata permezz tagħha u kienet jew kellha tkun informata bit-tentattivi mwettqa mill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-ksur sabiex jestendu din is-sistema għal impriżi li mhumiex membri tan-NAVEG. Fil-punti 391 sa 393 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet applikat il-kriterju xieraq f'dan ir-rigward.

193    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li din ir-raġuni tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, ta' l-anqas, bħala infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

194    Safejn, fil-kuntest tal-ħames raġuni tagħha, il-FEG tikkontesta l-kriterji ġuridiċi li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim'Istanza waslet għall-konklużjoni li l-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività setgħet validament tiġi imputata lill-FEG kif ukoll il-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata f'dan ir-rigward, il-ħames raġuni hija ammissibbli.

195    Kif jirriżulta mill-punt 213 tas-sentenza kkontestata, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-FEG u TU kienu ppruvaw iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-gentlemen's agreement għal fornituri li ma kinux irrappreżentati minn aġenti jew importaturi membri tan-NAVEG. Hija bbażat ruħha fuq diversi eżempji ta' pressjoni subita minn fornituri bħall-impriżi Draka Polva, Holec, ABB u Klöckner Moeller (ara l-punti 53 sa 66 u 104 sa 106 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-FEG kienet fittxet li testendi s-sistema ta' kollettiva ta' esklużività għad-ditta Philips, fornitur ta' materjal elettrotekniku intiż għall-pubbliku in ġenerali.

196    Fil-punt 236 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li ebda wieħed mill-argumenti eżaminati mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma seta' jqiegħed fid-dubju r-realtà tal-fatti invokati fid-deċiżjoni kkontestata bħala prova ta' l-eżistenza ta' pressjoni eżerċitata mill-FEG u TU fir-rigward ta' ċerti fornituri li ma kinux marbuta man-NAVEG. Hija rrilevat li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ġustament, fuq il-bażi ta' indizji oġġettivi u kkorroborati, min-naħa, li l-FEG kienet fittxet li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-gentlemen's agreement għal fornituri li ma kinux marbuta man-NAVEG u, min-naħa l-oħra, li TU kienet ipparteċipat f'diversi azzjonijiet intiżi sabiex jimplementaw dan l-għan.

197    F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat ir-rwol distint li kellha l-FEG fl-estensjoni tal-gentlemen's agreement. Wara li eżaminat it-termini tal-minuti tal-bord tad-diretturi tal-FEG tad-29 ta' Jannar 1991 u tan-nota interna ta' TU tat-12 ta' Settembru 1990, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 226 tas-sentenza kkontestata, li dawn l-affermazzjonijiet kienu jikkostitwixxu indizju ta' akkordju bejn il-membri tal-FEG u ta' l-involviment dirett ta' din ta' l-aħħar fil-preparazzjoni tar-risposta prevista in segwitu għad-dħul taċ-CEF fis-suq Olandiż.

198    Ir-referenza għall-kriterju ta' l-involviment dirett tal-FEG fl-isforzi tal-memebri tagħha li jiksbu l-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività għal fornituri terzi tinsab ukoll fil-punt 231 tas-sentenza kkontestata. Fil-punti 227 sa 230 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat ċertu numru ta' indizji kkorroborati li juru li l-membri tal-FEG kienu fittxew, individwalment jew flimkien, li jiksbu mingħand fornituri barra min-NAVEG impenji għall-benefiċċju tal-membri kollha tal-FEG, b'mod li dawn il-fornituri setgħu b'mod legittimu jaħsbu li dawn l-azzjonijiet kienu meħuda taħt il-patroċinju ta' din ta' l-aħħar jew bil-kunsens tagħha.

199    Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 231 tas-sentenza kkontestata, li kien jirriżulta mill-azzjonijiet konġunti ta' ċerti membri tal-FEG – fosthom diversi diretturi tagħha li kienu jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi – li huma ma kinux jaġixxu individwalment, iżda għan-nom tal-membri kollha ta' din l-assoċjazzjoni, mingħajr, madankollu, ma jaġixxu direttament f'isem din ta' l-aħħar. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tiddeduċi minn dawn l-azzjonijiet li l-FEG kienet uriet l-intenzjoni tagħha li testendi s-sistema kollettiva ta' esklużività għal fornituri li ma kinux parti min-NAVEG.

200    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza, għaldaqstant, bl-ebda mod ma ekwiparat l-aġir tal-FEG ma' dak tal-membri tagħha u, b'mod partikolari, ta' TU, iżda wettqet evalwazzjoni separata tal-parteċipazzjoni ta' din l-assoċjazzjoni fl-aġir antikompetittiv.

201    F'tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet ġustament tadotta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni tal-FEG fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività, Barra minn hekk, ebda nuqqas fil-motivazzjoni ma jista' jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward. Il-ħames raġuni invokata mill-FEG in sostenn ta' l-appell tagħha għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq is-sitt raġuni, ibbażata fuq id-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lill-FEG mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

202    Il-FEG tikkritika s-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet l-argumenti invokati minnha stess u minn TU kontra d-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur ikkonstatata mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza b'hekk kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-proporzjonalità għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-multi.

203    L-analiżi ġuridika tal-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet, żbaljatament, ebda distinzjoni bejn id-diversi vjolazzjonijiet in kwistjoni, u dan minkejja n-natura eteroġena ta' dawn il-vjolazzjonijiet.

204    Il-FEG tqis inkomprensibbli l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 406 tas-sentenza kkontestata, li l-vjolazzjonijiet imsemmija f'dan il-punt huma ta' natura "kontinwa". Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta, sabiex tiddetermina t-tul taż-żmien ta' dawn il-vjolazzjonijiet, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li ma kien jeżisti ebda "pjan ġenerali" f'dan il-każ.

205    Il-Kummissjoni tindika, prinċipalment, li s-sitt raġuni tikkonċerna evalwazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza u hija, konsegwentement, inammissibbli.

206    Sussidjarajment, il-Kummissjoni tqis li din ir-raġuni hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. Fil-punt 342 ta' din ta' l-aħħar, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat espressament l-għan komuni u l-koerenza taż-żewġ vjolazzjonijiet li bihom hija akkużata l-FEG, jiġifieri s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi miftiehma relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet.

207    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li s-sitt raġuni tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, ta' l-anqas, bħala infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

208    Mit-termini tas-sitt raġuni ta' l-appell jirriżulta li, fil-kuntest ta' din ir-raġuni, kulma tagħmel l-FEG huwa li tirriproduċi l-istess argumenti li hija kienet diġà invokat fil-kuntest tat-tielet raġuni tagħha, ibbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prova prodotta mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività, kif ukoll fil-kuntest ta' l-ewwel parti tar-raba' raġuni, relattiva għall-kwalifikazzjoni tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa. Konsegwentement, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja relattivi għat-tielet raġuni u għall-ewwel parti tar-raba' raġuni, li ġew miċħuda fil-punti 101 u 115, rispettivament, ta' din is-sentenza.

 Fuq is-seba' raġuni, dwar it-talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

209    Din ir-raġuni invokata mill-FEG hija diretta kontra l-punti 436 sa 438 tas-sentenza kkontestata, li skondhom it-tul taż-żmien eċċessivament twil tal-proċedura amministrattiva m'għandux iwassal għal tnaqqis sostanzjali tal-multa imposta fuqha.

210    Il-FEG tqis li, meta ddeċidiet, fil-punt 438, li hi u TU ma kienu ressqu ebda prova li tiġġustifika tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa imposta fuqhom, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 jew, ta' l-anqas, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-proporzjonalità fl-iffissar ta' l-ammont tal-multi.

211    Il-FEG tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet, fil-punti 85 u 436 tas- sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet responsabbli għat-tul taż-żmien eċċessivament twil tal-proċedura, iżda ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan it-tul taż-żmien sabiex tiġġustifika tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa.

212    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li din ir-raġuni hija manifestament inammissibbli billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza meta din ta' l-aħħar tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 614). Barra minn hekk, permezz ta' din ir-raġuni, il-FEG qed tikkontesta l-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli m'affettwax il-possibbiltà ta' din l-assoċjazzjoni li tiddefendi lilha nfisha.

213    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kinux jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa pekunjarja imposta fuq il-FEG u ddeċidiet, f'dan ir-rigward, li tali tnaqqis ma kienx iġġustifikat (punti 436 sa 438 tas-sentenza kkontestata).

214    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li s-seba' raġuni hija manifestament inammissibbli jew, ta' l-anqas, infondata.

215    Fl-osservazzjonijiet li ppreżentat b'risposta għall-komunikazzjoni ta' l-appell magħmula lilha fil-kwalità tagħha ta' intervenjenti fl-ewwel istanza, iċ-CEF issostni wkoll li s-seba' raġuni mhijiex ammissibbli peress li hija tikkonċerna, f'dan il-każ, konstatazzjonijiet ta' fatt tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' eżami mill-ġdid fil-kuntest ta' dan l-appell.

216    Sussidjarjament, iċ-CEF tqis li s-seba' raġuni mhijiex fondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

217    Għandu jiġi mfakkar li hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f'kull każ partikolari l-gravità ta' l-aġir illegali. Fil-kuntest ta' l-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta' aġir speċifiku fid-dawl ta' l-Artikoli 81 KE u 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza weġbitx suffiċjentement skond il-liġi għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 128).

218    Kif jirriżulta mill-punti 152 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati fil-punt 9 ta' din is-sentenza, meta l-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi, hija ħadet in kunsiderazzjoni t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva li huwa imputabbli lilha.

219    Fil-punt 438 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li "il-Kummissjoni naqqset il-multa ex officio. Il-possibbiltà li jingħata tali tnaqqis jidħol fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ma ressqu ebda prova li tiġġustifika għaliex il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tikkunsidra li tagħti tnaqqis ulterjuri ta' l-ammont tal-multa. Konsegwentement, mhemmx lok li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti f'dan ir-rigward" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

220    Peress li din il-konstatazzjoni ma fiha ebda żball ta' dritt, is-seba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

221    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-FEG tilfet, bl-eċezzjoni tar-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, li madankollu ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' dawn il-proċedimenti. Rigward l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' l-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza kkontestata, hemm lok li jiġi deċiż li, minkejja l-annullament parzjali tas-sentenza kkontestata, dawn għadhom jibqgħu a karigu tal-FEG skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 3 tad-dispożittiv ta' l-imsemmija sentenza.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00) hija annullata biss safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset, fil-kuntest ta' l-eżami tar-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, milli tivverifika jekk it-tul taż-żmien eċċessiv, imputabbli lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-totalità tal-proċedura amministrattiva, inkluża l-fażi ta' qabel d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, setax jaffettwa l-possibbiltajiet futuri ta' difiża tan-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied.

2)      Il-bqija ta' l-appell huwa miċħud.

3)      Ir-rikors imressaq min-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa parzjalment ibbażat fuq ir-raġuni bbażata fuq ksur tal-prinċipju taż-żmien ragionevoli, huwa miċħud.

4)      In-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied għandha tbati l-ispejjeż ta' dawn il-proċedimenti. L-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' l-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00), għandhom jibqgħu a karigu tan-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 2 tad-dispożittiv ta' l-imsemmija sentenza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.