Language of document : ECLI:EU:C:2006:593

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta' Settembru 2006 (*)

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Ir-raġunijiet ta' l-appell

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni, dwar id-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva

– Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel raġuni, dwar it-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

– Fuq it-tielet parti ta' l-ewwel raġuni, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni raġuni, bbażata fuq l-allegata esklużjoni tal-prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ittra ta' twissija

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

– Eżami tat-tieni raġuni

Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq il-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużivitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużivitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur fir-rigward tal-prezzijiet

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq ir-raba’ raġuni, ibbażata fuq id-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU mill-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti tar-raba’ raġuni, dwar it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta’ esklużivitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tar-raba' raġuni, dwar it-tul taż-żmien tal-ksur fir-rigward ta' l-iffissar ta' prezzijiet

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet parti tar-raba' raġuni, dwar it-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ħames raġuni, dwar it-talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

Fuq l-ewwel parti tal-ħames raġuni, dwar it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba d-determinazzjoni allegatament żbaljata tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tieni parti tal-ħames raġuni, dwar it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it-tielet parti tal-ħames raġuni, dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur previst fid-deċiżjoni kkontestata

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż

"Appell – Ftehim – Suq tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda – Assoċjazzjoni nazzjonali ta' grossisti – Akkordji u prattiċi miftiehma li għandhom bħala għan sistema kollettiva ta' esklużività u l-iffissar tal-prezzijiet – Multi"

Fil-kawża C-113/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-26 ta' Frar 2004,

Technische Unie BV, stabbilita f'Amstelveen (L-Olanda), irrappreżentata minn P. Bos u C. Hubert, advocaten,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied, stabbilita fl-Aja (L-Olanda), irrappreżentata minn E. Pijnacker Hordijk, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Wils, bħala aġent, assistit minn H. Gilliams, advocaat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

CEF City Electrical Factors BV, stabbilita f'Rotterdam (L-Olanda),

CEF Holdings Ltd, stabbilita f'Kenilworth (Ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn C. Vinken‑Geijselaers, J. Stuyck u M. Poelman, advocaten, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann (Relatur), N. Colneric, E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bl-appell tagħha, Technische Unie BV (iktar 'il quddiem "TU") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II‑5761, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), jew, ta' l-anqas, l-annullament ta' din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-kawża T-6/00, li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/117/KE, tas-26 ta' Ottubru 1999, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE [Każ IV/33.884 – Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie (FEG u TU)] (ĠU 2000, L 39, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit-18 ta' Marzu 1991, il-kumpannija CEF Holdings Ltd, grossista fil-materjal elettrotekniku stabbilita fir-Renju Unit, kif ukoll is-sussidjarja tagħha CEF City Electrical Factors BV, kostitwita għall-finijiet ta' l-istabbiliment ta' l-imsemmija kumpannija fis-suq Olandiż (iktar 'il quddiem imsejħa flimkien iċ-"CEF"), ressqu lment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward il-problemi ta' forniment li huma kienu qegħdin jaffrontaw fl-Olanda.

3        Dan l-ilment kien jikkonċerna tliet assoċjazzjonijiet ta' impriżi attivi fis-suq Olandiż tal-materjal elettrotekniku. Barra min-Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied (Assoċjazzjoni Federali Olandiża għall-Kummerċ bl-Ingrossa fis-Settur Elettrotekniku, iktar 'il quddiem il-"FEG"), dan kien jikkonċerna n-Nederlandse Vereniging van Alleenvertegenwoordigers op Elektrotechnisch Gebied (Assoċjazzjoni Olandiża tar-Rappreżentanti Esklużivi fis-Settur Elettrotekniku, iktar 'il quddiem in-"NAVEG") u l-Unie van de Elektrotechnische Ondernemers (Għaqda ta' l-impriżi elettrotekniċi, iktar 'il quddiem l-"UNETO").

4        Fl-imsemmi lment, iċ-CEF akkużat lil dawn it-tliet assoċjazzjonijiet u lill-membri tagħhom li kkonkludew akkordji kollettivi ta' esklużività reċiproka fil-livelli kollha tal-katina ta' distribuzzjoni tal-materjal elettrotekniku fl-Olanda, u dan irrenda kważi impossibbli l-istabbiliment fis-suq Olandiz ta' grossista fil-materjal elettrotekniku li mhuwiex membru tal-FEG. B'hekk, il-produtturi u l-aġenti jew l-importaturi tagħhom kienu jfornu materjal elettrotekniku biss lill-membri tal-FEG u l-fiters kienu jfornu ruħhom biss mingħand dawn ta' l-aħħar.

5        In segwitu, fl-1991 u fl-1992, iċ-CEF wessgħet il-portata ta' l-ilment tagħha sabiex tkopri akkordji li saru bejn l-FEG u l-membri tagħha dwar il-prezzijiet u t-tnaqqis fil-prezzijiet, akkordji intiżi sabiex jimpedixxuha milli tipparteċipa f'ċerti proġetti kif ukoll akkordji vertikali fuq il-prezzijiet bejn ċerti produtturi ta' materjal elettrotekniku u l-grossisti li huma membri tal-FEG.

6        Wara li, fis-16 ta' Settembru 1991, bagħtet ittra ta' twissija lill-FEG u lill-membri tagħha (iktar 'il quddiem l-"ittra ta' twissija") kif ukoll diversi talbiet għal informazzjoni lil din ta' l-aħħar u wara verifiki mwettqa mis-servizzi tagħha fir-rigward ta' l-allegati prattiċi miftiehma mwettqa mill-membri tal-FEG, il-Kummissjoni, fit-3 ta' Lulju 1996, bagħtet dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tagħha lill-FEG u lil seba' membri ta' din ta' l-aħħar, fosthom TU. Fid-19 ta' Novembru 1997, saret udjenza fil-preżenza tad-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kif ukoll taċ-CEF.

7        Fis-26 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha ġie kkonstatat li:

–        il-FEG kisret l-Artikolu 81(1) KE billi implementat, fuq il-bażi ta' akkordju konkluż man-NAVEG, kif ukoll fuq il-bażi ta' prattiċi miftiehma ma' fornituri li mhumiex irrappreżentati f'din l-aħħar assoċjazzjoni, sistema kollettiva ta' esklużività intiża sabiex timpedixxi l-kunsinni lill-impriżi li mhumiex membri fil-FEG (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-FEG kisret l-Artikolu 81(1) KE, billi rrestrinġiet, direttament jew indirettament, il-fakultà tal-membri tagħha li jiffissaw il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom b'mod liberu u indipendenti, u dan abbażi tad-deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-prezzijiet fissi u fuq pubblikazzjonijiet, permezz tad-distribuzzjoni lill-membri tagħha ta' rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet gross u netti kif ukoll billi qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha forum sabiex dawn ikun jistgħu jiddiskutu l-prezzijiet u l-iskonti (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        TU kisret l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipat attivament fil-ksur imsemmi fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata (Artikolu 3 ta' din id-deċiżjoni).

8        Ġew imposti multi li jammontaw għal EUR 4.4 miljuni u għal EUR 2.15 miljuni fuq il-FEG u fuq TU respettivament għall-ksur imsemmi fil-punt preċedenti (Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fid-dawl tat-tul taż-żmien kunsiderevoli tal-proċedura (102 xahar), il-Kummissjoni ddeċidiet ex officio, madankollu, li tnaqqas EUR 100 000 mill-ammont tal-multi. F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

"(152)  [...] Il-Kummissjoni tammetti li t-tul taż-żmien tal-proċedura f'dan il-każ, li bdiet fl-1991, kien kunsiderevoli. Ir-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni huma diversi u wħud minnhom huma imputabbli lill-Kummissjoni u oħrajn lill-partijiet. Safejn taħti l-Kummissjoni f'dan ir-rigward, hija tirrikonoxxi r-responsabbiltà tagħha.

(153)  Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qed tnaqqas l-ammont tal-multa [minn EUR 4.5 miljuni] għal EUR 4.4 miljuni għall-FEG u [minn EUR 2.25 miljuni] għal EUR 2.15 miljuni għal TU." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

10      Permezz ta' rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fl-14 ta' Jannar 2000 (T-6/00), TU ressqet rikors sabiex tikseb, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sussidjarjament, l-annullament ta' l-Artikolu 5(2) ta' din id-deċiżjoni u, iktar sussidjarjament, it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 1 000.

11      Permezz ta' rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fl-istess ġurnata (T-5/00), il-FEG ressqet rikors li kellu l-istess għan bħal dak ta' TU.

12      Permezz ta' digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Ottubru 2000, iċ-CEF ġiet awtorizzata tintervjeni fil-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Ir-rikorsi tal-FEG u ta' TU, li kienu ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, ġew miċħuda permezz tas-sentenza kkontestata. Dawn ta' l-aħħar ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk li saru mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti fl-ewwel istanza f'kull waħda mill-kawżi mressqa rispettivament mir-rikorrenti.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14      Fl-appell tagħha, TU titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata u tiddeċiedi hi stess fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata; sussidjarjament, tannulla l-imsemmija sentenza u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha jew parti minnha safejn hija tikkonċerna lil TU jew, tiddeċiedi mill-ġdid, billi tordna tnaqqis sostanzjali ta' l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' l-istanza, inklużi dawk li jikkonċernaw il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu bħala inammissibbli jew, ta' l-inqas, bħala infondat;

–        tikkundanna lil TU tbati l-ispejjeż.

 Ir-raġunijiet ta' l-appell

16      In sostenn ta' l-appell tagħha, TU tinvoka ħames raġunijiet ibbażati fuq:

–        il-ksur tad-dritt Komunitarju u/jew tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), jew, ta' l-anqas, il-motivazzjoni inkomprensibbli tas-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqis addizzjonali tal-multa;

–        il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, safejn is-sentenza kkontestata hija vvizzjata minn kontradizzjoni interna minħabba l-ambigwità li tikkaratterizza l-importanza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza lid-data ta' notifika ta' l-ittra ta' twissija;

–        żball ta' dritt jew motivazzjoni inkomprensibbli tas-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, iżżomm lil TU responsabbli għall-ksur previst fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        żball ta' dritt jew motivazzjoni inkomprensibbli tas-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset kull ksur previst mill-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata bħala ksur kontinwu mwettaq matul il-perijodi previsti u safejn hija ħadet in kunsiderazzjoni, barra minn hekk, l-istess perijodi tal-ksur imsemmi hawn fuq sabiex tikkalkula t-tul taż-żmien tal-ksur previst fl-Artikolu 3 ta' l-imsemmija deċiżjoni;

–        żball ta' dritt safejn, minkejja l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul taż-żmien tal-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tagħti tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa jew, ta' l-inqas, immotivat din l-evalwazzjoni b'mod insuffiċjenti.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

17      Fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni tagħha, TU tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret d-dritt Komunitarju u/jew il-KEDB jew, ta' l-inqas, immotivat is-sentenza kkontestata b'mod inkomprensibbli safejn iddeċidiet li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli ma setax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa imposta fuqha. Din ir-raġuni fiha tliet partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni, dwar id-distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva

18      TU tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 78 u 79 tas-sentenza kkontestata, li l-prolungament tal-fażi tal-proċedura amministrattiva qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma setgħetx tippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li, fi proċedura fil-qasam tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, il-persuni kkonċernati mhuma s-suġġett ta' ebda akkuża formali sakemm jirċievu d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta eskludiet 57 xahar tal-proċedura amministrattiva fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien.

19      TU ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju taż-żmien raġonevoli ġiex osservat, għandu jitqies kemm it-tul totali tal-proċedura amministrattiva kif ukoll id-diversi stadji tagħha. Hija tqis li, bil-fatt li stabbilixxiet distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet ta' l-imsemmija proċedura u bil-fatt li kkunsidrat li l-fażi ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kienet "irrilevanti" sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien, il-Qorti tal-Prim'Istanza aġġixxiet b'mod inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

20      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma segwietx il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniendem meta rrilevat, fil-punti 79 u 80 tas-sentenza kkontestata, li d-data uffiċjali meta ġiet irċevuta d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kellha tiġi kkunsidrata bħala l-mument li fih il-persuni kkonċernati jkunu s-suġġett ta' akkuża formali u l-mument li fih tinbeda l-proċedura skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, L-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), u li, fil-kawżi kriminali bħal dan il-każ, iż-żmien raġonevoli, previst fl-Artiklu 6(1) tal-KEDB, jibda jiddekorri minn dan il-mument.

21      TU ssostni li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' dan il-każ, il-"mument ta' l-akkuża formali" ma jikkoinċidix ma' meta ġiet irċevuta d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, iżda ma' meta ġiet irċevuta l-ittra ta' twissija jew l-ewwel talba għal informazzjoni.

22      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni invokata minn TU hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. Skondha, fil-punt 77 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet tul taż-żmien eċċessiv li ma kienx raġonevoli; għaldaqstant hija ħadet in kunsiderazzjoni l-ewwel fażi ta' l-imsemmija proċedura fl-evalwazzjoni tagħha fuq in-natura raġonevoli jew le taż-żmien li għadda bejn l-ewwel atti ta' din il-proċedura u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

23      Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva kienu ħadu tul taż-żmien eċċessiv u meta, in segwitu, eżaminat jekk tali fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli kienx ippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta' TU, hija pproċediet b'mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li tul ta' żmien mhux raġonevoli tad-diversi fażijiet ta' l-investigazzjoni ma jwassalx awtomatikament għal ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli. Huwa wkoll neċessarju li l-impriżi kkonċernati jipprovaw li tali tul ta' żmien mhux raġonevoli ppreġudika d-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-283/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Rec. p. I‑8375, punti 173 sa 178).

24      F'din il-kawża, skond il-Kummissjoni, TU ma ressqitx prova konvinċenti in sostenn ta' l-affermazzjoni tagħha li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ppreġidika d-drittijiet tad-difiża.

25      Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li jirriżulta mill-punti 87 sa 92 tas-sentenza kkontestata li, fl-eżami tal-kwistjoni jekk it-tul taż-żmien mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva li hija kkonstatat kienx ippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta' TU, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet l-analiżi tagħha kemm fuq l-ewwel kif ukoll fuq it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva.

26      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li l-kwistjoni jekk hijiex id-data tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet jew dik ta' meta ġiet irċevuta l-ittra ta' twissija li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-formulazzjoni ta' l-akkuża fil-konfront ta' TU, fis-sens ta' l-Artikolu 6 tal-KEDB, mhijiex rilevanti peress li mis-sempliċi qari tal-punti 76 sa 85 tas-sentenza kkontestata jirriżulta b'mod ċar li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-kwistjoni ta' l-osservanza tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli kemm fir-rigward ta' l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva, li bdiet meta ġiet irċevuta l-ittra ta' twissija, kif ukoll fir-rigward tat-tieni fażi ta' din il-proċedura.

27      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel raġuni, dwar it-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

28      TU ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tikkonstata ċerti nuqqasijiet tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet intbagħtet lill-FEG u lill-membri tagħha biss 57 xahar wara li ntbagħtet l-ittra ta' twissija. B'hekk, skond TU, il-Kummissjoni ħalliet lill-persuni kkonċernati f'inċertezza għal żmien twil fir-rigward ta' l-azzjonijiet li setgħu jittieħdu kontrihom.

29      It-tul tal-proċedura amministrattiva kien imissu wassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex tirrikonoxxi prima facie l-eżistenza ta' ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli. Indipendentement mill-kwistjoni jekk id-drittijiet tad-difiża ta' TU ġewx effettivament miksura, il-fatt li l-imsemmi żmien inqabeż b'mod daqshekk gravi kien imissu ppermetta lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata ma kienx imissha ġiet adottata b'dan il-mod, peress li l-ebda persuna kkonċernata m'għandha tkun kostretta li tibqa' f'inċertezza għal perijodu daqshekk twil.

30      Il-Kummissjoni tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita, meta l-proċedura amministrattiva tieħu żmien irraġonevolment twil, dan jista' jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-impriżi kkonċernati jipprovaw li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli ppreġudika d-drittijiet tad-difiża. Din il-kwistjoni ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 87 sa 93 tas-sentenza kkontestata, fejn ġie konkluż li ma kien hemm ebda prova ta' preġudizzju għall-interessi ta' TU.

31      Il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tikkonstata diversi vjolazzjonijiet taż-żmien raġonevoli, hija intiża sabiex tqiegħed in kwistjoni evalwazzjoni fattwali mwettqa minn dik il-Qorti u, għaldaqstant, hija manifestament inammissibbli.

–       Fuq it-tielet parti ta' l-ewwel raġuni, dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

32      TU ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt jew, ta' l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b'mod inkomprensibbli safejn iddikjarat li d-drittijiet tad-difiża ta' TU ma kinux ġew affettwati miż-żmien irraġonevolment twil li ħadet il-proċedura amministrattiva (punt 79 tas-sentenza kkontestata, moqri flimkien mal-punti 93 u 94 ta' din ta' l-aħħar).

33      Barra minn hekk, hija tallega li d-drittijiet tad-difiża ġew affettwati matul il-fażi ta' qabel ma ġiet irċevuta d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Hija tirreferi, b'mod partikolari, għall-konsegwenzi sfavorevoli li kellha taffronta sabiex tiġbor il-provi minħabba l-imsemmi tul taż-żmien.

34      TU tqis li hija ġiet ipprivata mill-possibbiltà li tagħmel riċerka produttiva tal-provi. Minħabba li għadda wisq zmien, kien iktar u iktar diffiċli li jinġabru l-provi ġustifikattivi meħtieġa minnha, minkejja li hija aġġixxiet b'osservanza tad-dmir ġenerali ta' prudenza impost fuq kull impriża, kif indikat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 87 tas-sentenza kkontestata.

35      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li t-tielet parti ta' l-ewwel raġuni hija intiża sabiex tqiegħed in kwistjoni l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 87 sa 93 tas-sentenza kkontestata u, għaldaqstant, hija manifestament inammissibbli.

36      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkritika l-argument ta' TU li ż-żmien eċċessivament twil ta' l-investigazzjoni ma ppremettix lil din il-kumpannija tagħmel ir-riċerki tagħha f'dak li jirrigwarda l-provi b'mod konvenjenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li dawn l-argumenti tressqu minn TU lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ċaħdithom fil-punti 87 u 88 tas-sentenza kkontestata. Il-kunklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza f'dawn il-punti mhuma bl-ebda mod ikkonfutati minn TU.

37      Iċ-CEF issostni wkoll, fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta' l-appell, li l-ewwel raġuni ta' TU hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iffokat l-eżami tagħha fuq il-perijodu li beda mid-data tat-talba għal informazzjoni, jiġifieri l-25 ta' Lulju 1991.

38      Għal dak li jikkonċerna ż-żmien raġonevoli u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, iċ-CEF tirreferi għall-punt 49 tas-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417), sabiex issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza m'applikatx kunċett ġuridiku żbaljat meta qieset li, minkejja li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ħadet żmien eċċessiv, il-prinċipju taż-żmien raġonevoli ma nkisirx fin-nuqqas tal-prova ta' ksur tad-drittijiet tad-difiża.

39      F'kull każ, iċ-CEF tqis li, f'dan il-każ, dawn huma konstatazzjonijiet ta' fatt tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli jew, f'kull każ, bħala infondata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      L-osservazzjoni ta' żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja għandha tassigura l-osservanza tiegħu (sentenzi tat-18 ta' Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I‑1503, punti 36 u 37, kif ukoll Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 167 sa 171).

41      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqitx żball ta' dritt billi ċaħdet l-argumenti bbażati fuq l-allegat ksur ta' dan il-prinċipju mill-Kummissjoni.

42      Għall-kuntrarju ta' dak li qed tallega TU, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi struttorja ta' qabel d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi għall-bqija tal-proċedura amministrattiva (ara punt 78 tas-sentenza kkontestata).

43      Dan il-metodu ta' kif ipproċediet huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod partikolari, li l-proċedura amministrattiva tista' tagħti lok għall-eżami ta' żewġ perijodi konsekuttivi, li kull wieħed minnhom għandu loġika interna tiegħu. L-ewwel perijodu, li jasal sad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur Komunitarju, tieħu miżuri li jinvolvu l-akkuża li ġie mwettaq ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura. It-tieni perijodu, min-naħa tiegħu, jestendi mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Huwa għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b'mod definittiv fuq l-allegat ksur.

44      Wara li stabbiliet id-distinzjoni bejn iż-żewġ fażi tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat in-natura eċċessiva jew le tat-tul taż-żmien ta' kull waħda minnhom.

45      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel fażi, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni damet iktar minn tliet snin wara li bagħtet talba għal informazzjoni lil TU fil-25 ta' Lulju 1991, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, sabiex twettaq l-ewwel verifiki fuq il-post. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li tali tul taż-żmien huwa eċċessiv u jirriżulta minn nuqqas ta' azzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

46      Għal dak li jikkonċerna t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 85 tas-sentenza kkontestata, li kienu għaddew madwar 23 xahar bejn is-smigħ tal-partijiet u d-deċiżjoni kkontestata, liema tul taż-żmien kien kunsiderevoli, mingħajr ma kien possibbli li r-responsabbiltà għalih tiġi attribwita lil TU u lill-FEG. Minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet eċċediet it-tul taż-żmien normalment neċessarju għall-adozzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni.

47      Peress li l-konstatazzjoni tat-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura, mingħajr ma kien possibbli li r-responsabbiltà għal dan it-tul taż-żmien tiġi attribwita lil TU jew lill-FEG, mhijiex, fiha nfisha, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat l-effett ta' tali tul taż-żmien fuq id-drittijiet tad-difiża ta' TU. Il-premessa, għal tali approċċ, tirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza kkontestata, li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli jista' jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss fil-każ ta' deċiżjoni li tikkonstata ksur, peress li jkun ġie pprovat li l-ksur ta' dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża ta' l-impriżi kkonċernati. Ħlief f'dan il-każ speċifiku, in-nuqqas ta' osservanza ta' l-obbligu li tittieħed deċiżjoni fi żmien raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċedura amministrattiva skond ir-Regolament Nru 17.

48      L-użu ta' tali kriterju, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta' ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, huwa assolutament leġittimu. Fil-fatt, fil-punt 49 tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tat-tul taż-żmien tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indizju li t-tul taż-żmien tal-proċedimenti kellu effett fuq l-eżitu tal-kawża jista' jwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata. L-istess approċċ jinsab fir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza meta kkunsidrat li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f'każ li d-drittijiet tad-difiża ta' TU jkunu ġew kompromessi, ipoteżi li fiha neċessarjament ikun hemm effett possibbli fuq l-eżitu tal-proċedimenti.

49      Konsegwentement, għandha tiġi evalwata l-analiżi ta' l-allegat ksur, f'dan il-kuntest, tad-drittijiet tad-difiża ta' TU li wettqet il-Qorti tal-Prim'Istanza.

50      Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li din l-analiżi hija limitata għall-evalwazzjoni ta' l-effett tat-tul taż-żmien eċċessiv tat-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ta' TU. B'mod partikolari, fil-punt 93 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-prolungament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva wara s-smigħ ma kienx affettwa d-drittijet tad-difiża ta' TU u tal-FEG.

51      Għal dak li jikkonċerna l-fażi struttorja ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi prolungament ta' din il-fażi tal-proċedura amministrattiva ma setax, fih innifsu, jippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li TU u l-FEG ma kienu s-suġġett ta' ebda akkuża formali sakemm irċevew id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

52      Din il-konklużjoni hija korretta safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li kien biss wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li TU u l-FEG ġew informati uffiċjalment bil-ksur li l-Kummissjoni kienet qed takkużahom bih wara l-investigazzjonijiet tagħha stess. L-idea wara r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija li huwa biss waqt it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva li l-impriżi kkonċernati jistgħu jsostnu b'mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom, u dan mhuwiex il-każ matul il-fażi ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet minħabba n-nuqqas ta' formulazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' l-akkużi rigward l-allegat ksur ikkonstatat minnha.

53      Madankollu, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata ma tiħux in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi struttorja seta' kellu effett fuq l-eżerċiżżju tad-drittijiet tad-difiża minn TU matul it-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

54      It-tul taż-żmien eċċessiv ta' l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva jista' jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta' difiża ta' l-impriżi kkonċernati, b'mod partikolari, billi jnaqqas l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża meta dawn jiġu invokati fit-tieni fażi tal-proċedura. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tagħha, iktar ma jgħaddi żmien bejn miżura ta' investigazzjoni bħal, f'dan il-każ, l-ispedizzjoni ta' l-ittra ta' twissija lil TU tas-16 ta' Settembru 1991 u d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, iktar ikun hemm il-probabbiltà li eventwali provi ġustifikattivi rigward il-ksur allegat f'din id-dikjarazzjoni ma jkunux iktar jistgħu jinġabru jew jinġabru biss b'diffikultà, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna x-xhieda tad-difiża, b'mod partikolari minħabba l-bidliet li jistgħu jseħħu fil-kompożizzjoni tal-korpi amministrattivi ta' l-impriżi kkonċernati u l-movimenti li jolqtu l-persunal l-ieħor ta' dawn l-impriżi. Fl-analiżi tagħha tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx suffiċjentement in kunsiderazzjoni dan l-aspett ta' l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

55      Peress li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li hija prinċipju li n-natura fondamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7), hija ta' importanza kapitali fil-proċeduri bħal dik f'dan il-każ, huwa importanti li jiġi evitat li dawn id-drittijiet jiġu kompromessi b'mod irrimedjabbli minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi struttorja u li dan it-tul taż-żmien jista' jkun ta' ostakolu biex jinġiebu provi intiżi sabiex jikkonfutaw l-eżistenza ta' aġir li jista' jwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta' l-impriżi kkonċernati. Għal din ir-raġuni, l-eżami ta' eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża m'għandux ikun limitat għall-fażi stess li fiha dawn id-drittijiet ikollhom l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amminitrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors ta' l-eventwali tnaqqis ta' l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi estiża għal din il-proċedura kollha billi tirreferi għat-tul taż-żmien totali tagħha.

56      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt safejn, fis-sentenza kkontestata, illimitat il-portata ta' l-eżami ta' l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva għat-tieni fażi ta' din il-proċedura. Hija naqset milli teżamina jekk it-tul taż-żmien eċċessiv, imputabbli lill-Kummissjoni, tat-totalità tal-proċedura amministrattiva, inkluża l-fażi ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, setax jaffettwa l-possibbiltajiet futuri ta' difiża tal-FEG u ta' TU u jekk, b'mod partikolari, din ta' l-aħħar kinitx ipprovat dan il-fatt b'mod konklużiv.

57      Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni ta' TU għandha tiġi milqugħa safejn din hija bbażata fuq żball ta' dritt fl-applikazzjoni tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli. Konsegwentement, is-sentenza kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata, safejn iddeċidiet li l-prolungament ta' l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva ma setgħetx, fiha nfisha, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta' TU.

58      Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

59      F'dan il-każ, peress li l-kwistjoni ta' l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, eżaminata fir-rigward tat-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, kienet ġiet diskussa fl-ewwel istanza u peress li TU b'hekk kellha l-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f'pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu.

60      Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, TU ssostni li t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kellu effett fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u, għaldaqstant, fuq l-eżitu tal-proċedura mibdija kontriha. Hija kienet diġà ostakolata fid-difiża tagħha fiż-żmien meta rċeviet id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk TU pprovatx suffiċjentement skond il-liġi li, fid-data tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jiġifieri fit-3 ta' Lulju 1996, hija ltaqgħat ma' diffikultajiet sabiex tiddefendi lilha nfisha kontra l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, diffikultajiet li kienu l-konsegwenza tat-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

62      L-ewwel nett, TU tosserva li l-ksur li kkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa prinċipalment ibbażat fuq rapporti ta' diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-FEG, tan-NAVEG u ta' TU. Issa f'numru ta' każijiet, l-impjegati ta' din ta' l-aħħar li f'dak iż-żmien kienu pparteċipaw f'dawn id-diskussjonijiet kien ilhom żmien twil li waqfu jaħdmu f'din l-impriża. Fil-fatt, il-parteċipanti fl-assemblej reġjonali tal-FEG, is-Sinjuri Van Hulten, de Beun, Romein u Van Wingen, kienu ilhom xi snin li telqu minn TU, jew minħabba li rtiraw bil-pensjoni jew minħabba mard. Rigward is-Sur Coppoolse, li jissemma fil-punt 65 u 69 tal-motivi ta' l-imsemmija deċiżjoni bħala president tal-FEG li fiha kien jirrappreżenta lil TU, dan kien waqaf jaħdem ma' din il-kumpannija mill-1989 u saħansitra kien waqaf jaħdem ma' l-impriża Schotman, li hija l-kumpannija prinċipali ta' TU, mill-1 ta' Ġunju 1992.

63      TU ssostni li, fin-nuqqas ta' dawn il-persuni, hija ma tistax raġonevolment tintalab tikkostitwixxi mill-ġdid il-kuntest eżatt tad-diskussjonijiet li kienu saru f'dak iż-żmien, sabiex tiddefendi lilha nfisha kontra l-allegazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

64      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanzaz, TU naqset milli tispeċifika d-data li fiha l-imsemmija persuni kienu telqu din l-impriża u l-fatti li setgħu jipprovaw li, fit-3 ta' Lulju 1996, ma kienx iktar possibbli li tinkiseb informazzjoni mingħand dawn il-persuni. L-argumenti invokati minn TU għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom kien kruċjali li jiġu kkuntattjati l-imsemmija persuni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża huma wkoll impreċiżi. TU ma tindikax liema huma l-oġġezzjonijiet speċifiċi kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li setgħu ġew ikkonfutati permezz ta' l-intervent ta' dawn il-persuni.

65      It-tieni nett, TU tinvoka ħdax-il rapport ta' laqgħat li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività. Fost il-persuni preżenti għal uħud minn dawn il-laqgħat, tlieta minnhom, jiġifieri s-Sinjuri Vos (laqgħa bejn TU u l-impriża Holec), Van der Kaay (preżenti fl-assemblea tar-reġjun "Zuid‑Nederland" tal-FEG ta' l-14 ta' Frar 1990) u Van Nieuwenhof (preżenti fl-assemblea ta' l-istess reġjun tat-28 ta' Mejju 1991), ma setgħux iktar jagħtu l-kontribut tagħhom lil TU.

66      TU ssostni li anki kieku kienet f'pożizzjoni li titlob il-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati, xorta kien ikun impossibbli li tikkostitwixxi mill-ġdid id-diskussjonijiet ħames sa tmien sena wara li dawn seħħu.

67      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet intbagħtet lil TU fit-3 ta' Lulju 1996. Issa din ta' l-aħħar la tindika d-data meta telqu t-tliet persuni kkonċernati telqu u lanqas ir-raġuni li għaliha l-fatt li dawn ta' l-aħħar ma setgħux iktar jintalbu jixhdu kien ta' natura li jikkomprometti d-difiża tagħha kontra l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

68      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, ta' l-anqas għal dak li jikkonċerna l-assemblea tar-reġjun "Zuid‑Nederland" tal-FEG ta' l-14 ta' Frar 1990, TU kienet irrappreżentata mhux biss mis-Sur Van der Kaay, iżda wkoll minn persuni oħra li rrappreżentaw din il-kumpannija u li għalihom ma ġiet invokata ebda indisponibbiltà minn din ta' l-aħħar.

69      Min dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li TU ma rnexxilhiex tipprova, billi tibbaża ruħha fuq provi konvinċenti, li mit-tul taż-żmien eċċessiv tal-fażi tal-proċedura amministrattiva ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet seta' jirrizulta ksur tad-drittijiet tad-difiża u li, fid-data tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-possibbiltajiet li tiddefendi lilha nfisha b'mod effikaċi kienu, minħabba f'hekk, diġà kompromessi.

70      Ir-raġunament ta' TU mhuwiex ta' natura li jipprova r-realtà ta' ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandha tiġi eżaminata skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ.

71      B'hekk, ir-raġuni mqajma minn TU in sostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, mhijiex fondata u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

72      Konsegwentement, ir-rikors ta' TU quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa bbażat fuq l-imsemmija raġuni, għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni raġuni, bbażata fuq l-allegata esklużjoni tal-prova ġustifikattiva sussegwenti għall-ittra ta' twissija

 L-argumenti tal-partijiet

73      TU tqis li hemm kontradizzjoni interna fil-motivi tas-sentenza kkontestata u, konsegwentement, nuqqas ta' motivazzjoni ta' din is-sentenza minħabba l-ambigwità li tikkaratterizza l-importanza li tat il-Qorti tal-Prim'Istanza lid-data ta' notifika ta' l-ittra ta' twissija.

74      Minn naħa, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li n-notifika tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ikkostitwixxiet id-data minn meta TU ġiet formalment akkużata. Minn din il-kunsiderazzjoni jirriżulta li TU ma kellhiex għalfejn tiddefendi lilha nfisha qabel din id-data, peress li ebda akkuża formali ma kienet għadha ġiet ifformulata kontriha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-perijodu ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sabiex tevalwa jekk il-Kummissjoni rrispettatx il-prinċipju taż-żmien raġonevoli qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata.

75      Min-naħa l-oħra, mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li TU kienet konkretament fi stat ta' akkuża minn meta rċeviet l-ittra ta' twissija jew, ta' l-anqas, minn meta rċeviet l-ewwel talba għal informazzjoni. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza eskludiet, mingħajr ebda spjegazzjoni, il-prova ġustifikattiva li tikkorrispondi għall-perijodu ta' wara li rċeviet l-imsemmija ittra.

76      Skond TU, is-sentenza kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas serju ta' motivazzjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet ksur tad-drittijiet tad-difiża.

77      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li t-tieni raġuni invokata minn TU in sostenn ta' l-appell tagħha hija bbażata fuq żewġ premessi ineżatti.

78      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-perijodu ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura raġonevoli taż-żmien li għadda bejn l-ewwel atti tal-proċedura amministrattiva u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

79      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat id-dokumenti u l-argumenti invokati minn TU u kkonstatat li dawn ma kellhomx il-valur probatorju li din attribwitilhom. Skondha, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-evalwazzjoni tagħha, tat ukoll importanza lill-fatt li d-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha TU ġew imħejjija biss wara li l-persuni kkonċernati kollha kienu ġew informati bil-ftuħ ta' proċedura amministrattiva mill-Kummissjoni.

80      Din ta' l-aħħar tqis li din ir-raġuni hija intiża sabiex tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-valur probatorju tad-dokumenti tal-proċess u, konsegwentement, għandha tiġi eskluża bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

81      Għandhom jiġu mfakkra l-limiti ta' l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

82      Mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali ta' l-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skond l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta' dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u tas-6 ta' April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni C-551/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

83      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset in sostenn ta' dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi nkisbu b'mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward ta' l-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni żbaljata ta' dawn l-elementi, kwistjoni ta' dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24, u General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

84      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti hija kwistjoni ta' dritt li tista', bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta' appell (sentenzi tas-7 ta' Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni, C-401/96 P, Ġabra p. I‑2587, punt 53, u tat-13 ta' Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, C-446/00 P, Ġabra p. I‑10315, punt 20).

85      Rigward l-obbligu ta' motivazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan ma jeżiġix li l-Qorti tal-Prim'Istanza twettaq preżentazzjoni li ssegwi b'mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista' għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri in kwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 372).

–       Eżami tat-tieni raġuni

86      Safejn, permezz tat-tieni raġuni tagħha, TU tfittex li tipprova li l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata rigward iċ-ċaħda tal-valur probatorju ta' ċerti dokumenti hija insuffiċjenti, jew saħansitra kontradittorja, din ir-raġuni hija ammissbbli.

87      Fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, TU u l-FEG ikkontestaw l-elementi kkonstatati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala eżempji ta' l-implementazzjoni tal-gentlemen's agreement konkluż bejn in-NAVEG u l-FEG rigward il-forniment tal-membri ta' din ta' l-aħħar (iktar 'il-quddiem il-"gentlemen's agreement"). F'dan il-kuntest, ġew invokati, żewġ ittri ta' Spaanderman Licht, li hija impriża membru tan-NAVEG.

88      Fil-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-valur probatorju ta' dawn l-ittri.

89      Għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, l-ittra ta' l-14 ta' Awwissu 1991, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat, fl-imsemmi punt 196, il-valur probatorju tagħha billi wiżnet il-kliem ta' din l-ittra mal-kuntest li fih din l-ittra ġiet ifformulata. L-ewwel nett, hija rrilevat li din l-ittra kienet inbagħtet lin-NAVEG bħala risposta għal domanda mressqa minn din ta' l-aħħar jumejn qabel. Għaldaqstant, kienet NAVEG li ħadet l-inizjativa li tistaqsi lil Spaanderman Licht fuq ir-raġunijiet li wassluha biex ma tfornix liċ-CEF. It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li din l-ittra saret wara t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-FEG u lil TU fil-25 ta' Lulju 1991 u li, minħabba f'hekk, hija ma kinitx ta' natura konvinċenti.

90      Rigward l-ittra mibgħuta fit-22 ta' Mejju 1991 liċ-CEF minn Spaanderman, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li din ta' l-aħħar kienet tindika biss li hija ma xtaqitx testendi n-netwerk tagħha ta' bejjiegħa. Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li din l-ittra kienet ġiet ifformulata meta l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet diġà bdiet.

91      B'hekk, mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat suffiċjentement in-natura mhux konvinċenti ta' l-imsemmija ittri u ċ-ċaħda tagħhom bħala prova ġustifikattiva.

92      Rigward l-allegata kontradizzjoni fil-motivi tas-sentenza kkontestata sostnuta minn TU, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, fin-nuqqas ta' kull rabta loġika bejn l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien tal-proċedura amministrattiva u dik tal-valur probatorju tad-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Prim'Istanza bħala prova, l-imsemmija sentenza ma fiha ebda kontradizzjoni.

93      Barra minn hekk, il-valur probatorju, li għandu jiġi evalwat biss mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ta' l-elementi sottomessi lil din ta' l-aħħar mill-partijiet bħala prova ma jiddependix neċessarjament mill-istadju tal-proċedura amministrattiva li matulha huma jkunu ġew ifformulati. Kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-valur probatorju għandu jiġi vverifikat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Issa mill-punti 196 u 208 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni kienet diġà bdiet l-investigazzjoni tagħha mhuwiex l-uniku fattur deċiżiv li għalih il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet, b'mod partikolari, li l-ittri tat-22 ta' Mejju u ta' l-14 ta' Awwissu 1991 ta' Spaanderman Licht jistgħu jqiegħdu fid-dubju l-provi mressqa mill-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-gentlemen's agreement. Għaldaqstant, l-imsemmija punti 196 u 208 ma jistgħux jiġi interpretati fis-sens li ebda valur probatorju ma jista', min-natura tiegħu, jingħata lil dokument ifformulat wara li tkun diġà bdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

94      Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tieni raġuni invokata in sostenn ta' l-appell għanda tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq il-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni

95      TU tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt jew, ta' l-anqas, immotivat s-sentenza kkontestata b'mod inkomprensibbli meta hija ddeċidiet, fil-punti 367 sa 379 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet korretta meta imputat lil TU l-fatt li pparteċipat attivament fil-ksur relattiv għas-sistema kollettiva ta' esklużività u għall-akkordji fuq il-prezzijiet tal-FEG. It-tielet raġuni fiha tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużività

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Permezz ta' din il-parti tat-tielet raġuni, TU ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żball ta' dritt jew, ta' l-inqas, immotivat s-sentenza kkontestata b'mod inkomprensibbli meta qieset li hija kienet ħadet sehem attiv fis-sistema kollettiva ta' esklużività, li kienet ippreżentata fil-forma tal-gentlemen's agreement.

97      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza la ħadet in kunsiderazzjoni r-regoli ta' funzjonament intern tal-FEG u lanqas is-sistema leġiżlattiva Olandiża applikabbli fil-qasam ta' assoċjazzjonijiet.

98      TU tfakkar f'dan ir-rigward li hija sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li, fid-dritt, hija ma setgħet teżerċita ebda influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-FEG. Hija tindika li, minkejja din l-affermazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 352 tas-sentenza kkontestata, li la l-oġġezzjonijiet li hija kienet qajmet rigward it-teżi tal-Kummissjoni li TU kellha rwol importanti fis-sistema kollettiva ta' esklużività u lanqas dawk ibbażati fuq ir-regoli ta' funzjonament intern tal-FEG u tal-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam ta' l-assoċjazzjonijiet ma kienu rilevanti.

99      L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan ir-rigward hija inkomprensibbli peress li hija qieset, fil-punt 356 tas-sentenza kkontestata, li dawn l-istess regoli ta' funzjonament intern tal-FEG kienu effettivament rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tar-rwol ta' TU fit-tmexxija ta' l-operazzjonijiet ta' din l-assoċjazzjoni.

100    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li din l-allegata kontradizzjoni bejn il-punti 352 u 356 tas-sentenza kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta' l-imsemmija sentenza.

101    Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, fil-punt 352 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li TU ma setgħetx tinħeba wara d-dispożizzjonijiet letterali tar-regoli ta' funzjonament intern tal-FEG jew id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża li tirregola d-dritt ta' l-assoċjazzjonijiet sabiex issostni li hija ma pparteċipatx fil-ksur kkonstatat. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza li kellu biss jittieħed kont ta' dak li seħħ fir-realtà u mhux ta' dak li kien formalment possibbli jew awtorizzat.

102    Barra minn hekk, fil-punt 356 tas-sentenza kkonstata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, billi bbażat ruħha speċifikament fuq evalwazzjoni tar-rwol effettiv li kellha TU fl-operazzjonijiet tal-FEG, li TU kienet effettivament ipparteċipat fis-sistema kollettiva ta' esklużività.

103    It-tieni nett, TU tikkwalifika bħala inkomprensibbli r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 353 tas-sentenza kkontestata, li fih huwa kkonfermat il-kriterju użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-koinċidenza ta' l-interessi tal-FEG u ta' TU. Skond TU, il-fatt li hija waħda mill-impriżi l-iktar importanti tal-FEG ma jipprovax l-eżistenza ta' "konverġenza ta' interessi naturali" bejn TU stess u din l-assoċjazzjoni.

104    Peress li l-kriterju bbażat fuq il-koinċidenza ta' l-interessi ma kienx rilevanti f'dan il-każ, il-Qorti kien imissha fittxet l-eżistenza ta' rieda komuni bejn TU u l-FEG.

105    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-konverġenza ta' interessi bejn il-FEG u TU mhijiex esklużivament ibbażata fuq il-fatt li din ta' l-aħħar kienet waħda mill-iktar membri kbar u importanti tal-FEG. Skond il-Kummissjoni, mill-punt 356 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, matul diversi snin, rappreżentant ta' TU kien jagħmel parti mill-bord tad-diretturi tal-FEG u għal xi żmien kien ukoll il-president ta' dan il-korp, u li l-imsemmija kumpannija kienet irrappreżentata sewwa f'diversi kumitati ta' prodotti.

106    Il-Kummissjoni tikkritika wkoll t-teżi ta' TU li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet obbligata teżamina l-eżistenza ta' "konverġenża ta' intenzjonijiet" bejn TU u l-FEG. Skondha, il-Qorti tal-Prim'Istanza vverifikat jekk TU kinitx ipparteċipat fis-sistema kollettiva ta' esklużività u minn dan ikkonkludiet li dan kien il-każ, u dan huwa suffiċjenti sabiex timputalha ksur.

107    It-tielet nett, TU tirreferi għall-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 356 tas-sentenza kkonstatata, li hija "hija waħda mill-ikbar impriżi membri tal-FEG" u li "[h]uwa bis-saħħa t'hekk li wħud mid-diretturi jew mill-impjegati tagħha kienu jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi tal-FEG u pparteċipaw fid-diskussjonijiet tal-korpi ta' din l-assoċjazzjoni bejn l-1985 u l-1995" [traduzzjoni mhux uffiċjali], u hija tqis li tali konstatazzjoni hija insuffiċjenti sabiex tistabbilixxi jekk hija pparteċipatx "attivament" fil-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

108    F'dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissha vverifikat jekk TU wrietx, bi kwalunkwe mod ieħor, l-approvazzjoni tagħha ta' l-aġir tar-rappreżentant "tagħha" fil-bord tad-diretturi tal-FEG u, għaldaqstant, l-approvazzjoni tagħha tal-politika ta' din ta' l-aħħar kif ukoll ta' l-eżekuzzjoni ta' din il-politika. Il-Kummissjoni ma għamlitx dan u, għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata fuq dan il-punt.

109    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li TU qed tinjora b'mod manifest il-provi kollha li analizzat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 356 sa 361 tas-sentenza kkontestata. Hija tfakkar li, fl-imsemmija punti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat il-parteċipazzjoni ta' TU fil-gentlemen's agreement, peress li din mhux biss attendiet il-laqgħat li matulhom dan l-akkordju kien ġie diskuss mingħajr ma tbiegħdet minn tali akkordu, iżda kienet direttament implikata fit-tħejjija u fl-implementazzjoni ta' dan l-akkordju, bħala membru tal-bord tad-diretturi tal-FEG.

110    Minn dan jirriżulta li, fl-evalwazzjoni li wettqet ta' l-imputabbiltà lil TU tal-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema kollettiva ta' esklużività, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterju ġuridiku korrett.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111    Permezz ta' din l-ewwel parti tat-tielet raġuni, TU tikkontesta, essenzjalment, il-kriterju ġuridiċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tevalva l-provi mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużività. Peress li l-evalwazzjoni ta' l-imputabbiltà tal-ksur lil impriża tikkostitwixxi kwistjoni ta' dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li teżamina jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqitx żball ta' dritt meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li TU kienet ipparteċipat b'mod attiv f'tali aġir antikompetittiv.

112    Barra minn hekk, fil-kuntest ta' din il-parti tat-tielet raġuni, TU tikkritika l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni ta' diversi punti tas-sentenza kkontestata li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema kollettiva ta' esklużività.

113    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet raġuni hija ammissibbli.

114    Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f'laqgħat li matulhom ġew konklużi akkordji ta' natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiet dawn l-akkordji b'mod manifest, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta' din l-impriża fil-ftehim. Meta jiġi stabbilit li impriża ħadet sehem f'tali laqgħat, din għandha l-obbligu li tressaq provi ta' natura li jistabbilixxu li din il-parteċipazzjoni ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f'dawn il-laqgħat b'ottika differenti minn tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra I‑4125, punt 96, u Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 155).

115    Mill-punti 359 sa 361 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li huma dawn il-prinċipji li kienu l-bażi ta' l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-prova mressqa mill-Kummissjoni in sostenn tal-konstatazzjoni tagħha rigward il-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużività. Fl-eżami tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma bdiet mill-premessa li l-affiljazzjoni ta' impriża f'assoċjazzjoni professjonali timplika awtomatikament li l-aġir divers ta' din l-assoċjazzjoni li jikkostitwixxi ksur għandu jiġi imputat lil din l-impriża, F'dan ir-rigward, mill-punt 355 ta' l-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza applikat il-kriterju tal-parteċipazzjoni personali fit-twettiq tal-ksur.

116    Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 357 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet ġabret indizji li jipprovaw l-eżistenza tal-gentlemen's agreement. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni ġabret provi dokumentali tal-kuntatti bejn il-FEG u n-NAVEG li matulhom kien ġie diskuss il-gentlemen's agreement. Dawn id-dokumenti jkopru perijodu li jibda mill-11 ta' Marzu 1986 permezz ta' laqgħa bejn il-bord tad-diretturi tan-NAVEG u dak ta' FEG. Il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll l-iskambji li saru matul il-laqgħat ta' dawn l-istess bordijiet tad-diretturi li nżammu fit-28 ta' Frar 1989 u fil-25 ta' Ottubru 1991, kif ukoll ittra tal-FEG lin-NAVEG tat-18 ta' Novembru 1991.

117    Għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni personali ta' TU fil-gentlemen's agreement, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 358 tas-sentenza kkontestata, li, fost il-laqgħat tal-bordijiet tad-diretturi tal-FEG u tan-NAVEG imsemmija mill-Kummissjoni, anki jekk TU la kienet preżenti u lanqas irrappreżentata għal dik tat-28 ta' Frar 1989, il-FEG, mandankollu ħejjiet rapport ta' din il-laqgħa. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li l-preżenza ta' TU f'laqgħat oħra (fil-11 ta' Marzu u fil-25 ta' Ottubru 1991) kif ukoll ir-rappreżentazzjoni tagħha fil-bord tad-diretturi tal-FEG fl-1991 mhumiex ikkontestati.

118    Fil-punt 360 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li, fin-nuqqas ta' prova ta' tbiegħed u, iktar u iktar, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha bħala membru tal-bord tad-diretturi tal-FEG, TU kellha tiġi kkunsidrata li ħadet sehem fil-gentlemen's agreement

119    Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt fl-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużività.

120    Għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti invokati minn TU sabiex issostni li ċerti punti tas-sentenza kkontestata dwar il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema kollettiva ta' esklużività fihom motivazzjoni insuffiċjenti.

121    L-ewwel nett, rigward l-argument ta' TU dwar l-allegata kontradizzjoni bejn il-punti 352 u 356 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta minn qari diliġenti ta' dawn il-punti li huma mhuma vvizzjati minn ebda kontradizzjoni.

122    Fil-fatt, mill-punt 350 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet l-eżami ta' l-ilmenti invokati minn TU sabiex tikkonfuta l-provi tal-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-ksur, u dan sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kinitx ipprovat suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta' din il-kumpannija fil-ksur previst fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

123    Għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta' TU fis-sistema kollettiva ta' esklużività, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 352 tas-sentenza kkontestata, ċaħdet ir-raġunament li din il-kumpannija ma setgħetx teżerċita influwenza fuq id-deċiżjonijiet tal-FEG. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-argumenti ta' TU dwar ir-regoli ta' funzjonament intern tal-FEG u dwar il-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tad-dritt ta' l-assoċjazzjoniet ma kinux rilevanti. Skondha, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk TU pparteċipatx fil-gentlemen's agreement u mhux li jiġi stabbilit jekk l-Istatuti tal-FEG jew ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni kinux jippermettu tali parteċipazzjoni min-naħa tagħha.

124    Dan ir-raġunament huwa ġustament ibbażat fuq in-neċessità li jiġi pprovat jekk effettivament seħħitx il-parteċipazzjoni ta' TU fil-gentlemen's agreement u mhux jekk tali parteċipazzjoni kinitx sempliċiment possibbli.

125    U huwa preċiżament bl-użu ta' tali raġunament li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-kuntest ta' l-eżami tal-kwistjoni jekk TU effettivament ipparteċipatx fis-sistema kollettiva ta' esklużività, li l-fatt li wħud mid-diretturi u mill-impjegati ta' TU kienu jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi tal-FEG kien rilevanti u rreferiet, fil-punt 356 tas-sentenza kkontestata, għall-Istatut ta' din ta' l-aħħar sabiex tfakkar li dan il-korp jassigura l-amministrazzjoni ġenerali ta' l-assoċjazzjoni.

126    Għaldaqstant, is-sentenza kkontestata mhija vvizzjata minn ebda kontradizzjoni fil-motivazzjoni f'dan ir-rigward.

127    It-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-kritika tal-punt 353 tas-sentenza kkontestata, għandu jiġi rilevat li l-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-konverġenza ta' l-interessi tal-FEG u ta' TU mhijiex esklużivament ibbażata fuq il-fatt li din ta' l-aħħar kienet waħda mill-iktar impriżi importanti tal-FEG. Fil-fatt, mill-punt 356 ta' l-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet ukoll in kunsiderazzjoni l-fatt li, matul diversi snin, rappreżentant ta' TU kien membru tal-bord tad-diretturi ta' l-imsemmija assoċjazzjoni, li dan ir-rappreżentant kien għal xi żmien il-president ta' dan il-korp u li TU kienet irrappreżentata sewwa f'diversi kumitati ta' prodotti.

128    Għal dak li jikkonċerna l-allegata neċessità, għall-Qorti tal-Prim'Istanza, li teżamina l-eżistenza ta' rieda komuni bejn TU u l-FEG, għandu jiġi kkonstatat li, safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza vverifikat jekk TU kinitx effettivament ipparteċipat fil-gentlemen's agreement u kkonkludiet li dan kien il-każ, il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-imputazzjoni ta' dan il-ksur lill-imsemmija impriża hija sodisfatta.

129    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, l-ewwel parti tat-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività

–       L-argumenti tal-partijiet

130    TU ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt jew, ta' l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b'mod inkomprensibbli meta evalwat jekk hija kinitx ipparteċipat b'mod attiv għall-prattiċi miftiehma tal-FEG jew, ta' l-anqas, tal-membri ta' din l-assoċjażżjoni – u, fl-affermattiv, għal kemm żmien – prattiċi intiżi sabiex jiksbu l-adeżjoni mal-gentlemen's agreement ta' impriżi mhux affiljati man-NAVEG.

131    Ma ttieħed ebda kont tal-fatt li TU kienet għamlet pressjoni għall-aħħar darba fit-2 ta' Lulju 1991 fuq produttur mhux affiljat man-NAVEG sabiex ma jagħtix materjal elettrotekniku lil impriżi mhux affiljati mal-FEG. Fil-fatt, TU ssostni li huwa żbaljat li jiġi affermat b'mod impliċitu, kif għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija kkontribwixxiet b'mod attiv għall-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata wara t-2 ta' Lulju 1991 jew li, ta' l-anqas, is-sentenza kkontestata hija mmotivata b'mod insuffiċjenti fuq dan il-punt. Wara l-imsemmija data, il-Kummissjoni ma rrilevat ebda attività min-naħa ta' TU f'dan is-sens.

132    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li TU qed tipprova tqiegħed in kwistjoni l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar id-data tat-2 ta' Lulju 1991 u li, skond ġurisprudenza stabbilita, parteċipant f'akkordju projbit huwa meqjus responsabbli ta' dan l-akkordju sakemm huwa ma jitbiegħedx pubblikament mill-kontenut tiegħu, ħaġa li TU qatt ma għamlet.

133    B'mod għal kollox sussidjarju, il-Kummissjoni tosserva li TU qed tinjora l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 366 tas-sentenza kkontestata, li skondha TU eżerċitat pressjoni fuq impriżi li ma jappartjenux lin-NAVEG, mhux biss individwalment, iżda wkoll, in segwitu, "flimkien ma' membri oħra tal-FEG". Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi raġuni addizzjonali sabiex TU tinżamm responsabbli għall-ksur għall-perijodu kollu li matulu ġie mwettaq dan il-ksur.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

134    Safejn it-tieni parti tat-tielet raġuni tikkontesta, essenzjalment, il-kriterji ġuridiċi li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat il-provi pprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta' TU fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività, din il-parti hija ammissibbli.

135    Mandakollu, hija tinjora l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 365 sa 376 tas-sentenza kkontestata.

136    Fil-fatt, fil-punt 365 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li TU kienet waħda mill-membri prinċipali tal-FEG u li, bis-saħħa t'hekk, hija kienet irrappreżentata fil-bord tad-diretturi tal-FEG kontinwament bejn l-1985 u l-1995, bl-eċċezzjoni, madankollu, tas-sena 1990. Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, barra minn hekk, li f'din il-kwalità, TU kienet ipparteċipat direttament fit-tħejjija tal-politika tal-FEG u/jew kienet informata bid-diskussjonijiet bejn din l-assoċjazzjoni u n-NAVEG dwar is-sistema kollettiva ta' esklużività, mingħajr ma qatt ipprovat titbiegħed minn dan pubblikament.

137    Fil-punt 366 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet li jirriżulta suffiċjentement mill-provi eżaminati mill-Kummissjoni fil-punti 53 sa 70 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li TU kellha rwol partikolarment importanti fil-prattika miftiehma li kienet tikkonsisti fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività lil ċerti fornituri li ma kinux affiljati man-NAVEG. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li TU, kemm individwalment kif ukoll flimkien ma' membri oħra tal-FEG, kienet eżerċitat pressjoni fuq dawn l-impriżi sabiex ma jfornux lill-grossisti mhux affiljati ma' din ta' l-aħħar li kienu f'kompetizzjoni magħhom.

138    Peress li l-fatt li għamlet tali pressjoni kien ikkonstatat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma tistax tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid fil-kuntest ta' appell u li l-ineżattezza materjali tagħha ma ġietx ikkontestata minn TU, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament kienet ikkonstatat il-parteċipazzjoni ta' TU fl-estensjoni tas-sistema kollettiva ta' esklużività, wara t-2 ta' Lulju 1991, billi l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq l-evalwazzjoni tar-rwol personali ta' TU f'dan il-ksur sabiex waslet għal tali konklużjoni. Barra minn hekk, ebda nuqqas ta' motivazzjoni ma seta' jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward.

139    F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet raġuni, dwar il-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur fir-rigward tal-prezzijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

140    TU sssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta’ dritt jew, ta’ l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b’mod inkomprensibbli safejn hija qieset li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, iżżommha responsabbli tal-ksur previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-akkordji fuq il-prezzijiet, minħabba l-parteċipazzjoni attiva tagħha f'dawn l-akkordji.

141    TU tikkritika l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 371 tas-sentenza kkontestata, li “TU ma tistax tippretendi li, min-natura tieghu stess, il-ksur previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kkontestata] jikkonċerna biss il-FEG u ma jistax, konsegwentement, jiġi imputat lilha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

142    TU tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset b’mod impliċitu li hija kienet ipparteċipat fi prattika miftiehma billi applikat żewġ deċiżjonijiet vinkolanti, waħda fuq il-prezzijiet fissi u l-oħra fuq il-pubblikazzjonijiet. Hija tiddeduċi mill-punt 376 tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li s-sempliċi fatt, għal TU, li hija membru tal-FEG kien biżżejjed sabiex jirrendiha responsabbli tal-ksur.

143    TU ssostni li l-fatt li tkun membru ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni mhuwiex suffiċjenti, bħala tali, sabiex jimputa dan il-ksur lil dan il-membru. Skondha, irid ikun hemm, f’dan il-każ, attività individwali li tista’ tiġi pprovata u li minnha jista’ jiġi dedott li l-membru ta’ l-assoċjazzjoni in kwistjoni wera r-rieda tiegħu li jipparteċipa fil-ksur in kwistjoni.

144    Billi ma vverifikatx safejn TU effettivament kienet implikata fil-ksur previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt jew, ta’ l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b’mod inkomprensibbli fuq dan il-punt.

145    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet parti tat-tielet raġuni hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punt 371 tas-sentenza kkontestata.

146    Skondha, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fl-imsemmi punt 371, li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata żamm lil TU responsabbli tal-ksur, b’mod partikolari, minħabba l-parteċipazzjoni attiva tagħha f’dan il-ksur. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-punt 349 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument ta’ TU li l-ksur ġie imputat lilha għas-sempliċi raġuni li hija kienet membru tal-FEG. Din iċ-ċaħda ġiet spjegata fil-punti 351 sa 379 ta’ l-istess sentenza, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fuq il-bażi ta’ provi disponibbli – u mhux biss fuq il-bażi tas-sempliċi affiljazzjoni ta’ TU fil-FEG – li ż-żewġ vjolazzjonijiet ikkonstatati fl-imsemmija deċiżjoni setgħu jiġi imputati lil TU.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147    Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq il-premessa li TU għandha awtomatikament, bħala membru tal-FEG, tinżamm responsabbli ta’ l-aġir illegali ta’ din ta’ l-aħħar.

148    Għall-kuntrarju, il-punti 375 sa 379 tas-sentenza kkontestata huma dedikati għall-eżami, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-parteċipazzjoni personali u attiva ta’ TU fil-ksur relattiv għall-iffissar tal-prezzijiet.

149    Konsegwentement, ebda żball ta’ dritt ma jista’ jiġi attribwit lill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, is-sentenza kkontestata hija mmotivata suffiċjentement f’dan ir-rigward.

150    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tielet parti tat-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, din għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ir-raba’ raġuni, ibbażata fuq id-determinazzjoni tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU mill-Kummissjoni

151    Permezz tar-raba’ raġuni, li fiha tliet partijiet, TU ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt jew, ta’ l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b’mod insuffiċjenti f’dak li jikkonċerna t-tul taż-żmien ta’ kull waħda mill-vjolazzjonijiet kontinwi previsti fl-Artikolu 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Sar żball meta l-istess perijodi kienu meqjusa sabiex jiġi kkalkulat it-tul taż-żmien tal-ksur previst fl-Artikolu 3 ta’ l-istess deċiżjoni.

152    TU tikkritika l-punt 413 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset “l-elementi kostituttivi tal-vjolazzjonijiet previsti fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni [ikkontestata] kienu damu għaddejjin tmien, ħmistax, disa’, erba’ u sitt snin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ raġuni, dwar it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta’ esklużività

–       L-argumenti tal-partijiet

153    TU ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ddeċidiet li l-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kien, min-natura tiegħu, kontinwu u li dan dam għaddej mill-11 ta’ Marzu 1986 sa l-25 ta’ Frar 1994 inkluż. F’dan ir-rigward, TU tirreferi għall-punt 406 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-vjolazzjonijiet previsti fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata kienu "min-natura tagħhom" kontinwi, minħabba li “[i]l-ġrajjiet relattivi għall-estensjoni tas-sistema kollettiva ta’ esklużività u r-rakkomandazzjonijiet fuq il-prezzijiet mibgħuta mill-FEG ma jikkostitwixxux vjolazzjonijiet awtonomi; huma elementi kostituttivi tal-vjolazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq “indizji”, peress li ma kellhiex provi diretti f'dan ir-rigward.

154    Barra minn hekk, TU tqis li, fil-punt 408 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx ir-raġuni li għaliha xorta seta' jitqies li kien hemm sistema kollettiva ta' esklużività miftiehma bejn il-FEG u n-NAVEG matul il-perijodu bejn il-11 ta' Marzu 1986 u l-25 ta' Frar 1994, fin-nuqqas ta' provi ta' l-eżistenza ta' tali sistema matul ċerti perijodi bejn dawn iż-żewġ dati. Fil-fatt, mhemm l-ebda prova ta' l-eżistenza ta' tali ksur:

–        matul il-perijodu bejn il-11 ta' Marzu 1986, id-data tal-laqgħa li matulha l-FEG u n-NAVEG tkellmu għall-ewwel darba fuq "akkordji bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet", u t-28 ta' Frar 1989, id-data li fiha l-bordijiet tad-diretturi taż-żewġ assoċjazzjonijiet semmew il-gentlemen's agreement għall-ewwel darba wara l-imsemmija laqgħa;

–        matul il-perijodu bejn it-18 ta' Novembru 1991, id-data li fiha l-FEG ikkorrispondiet għall-aħħar darba man-NAVEG, u l-25 ta' Frar 1994, id-data li fiha din ta' l-aħħar enfasizzat għall-aħħar darba l-eżistenza tas-sistema kollettiva ta' esklużività bejn il-FEG u n-NAVEG.

155    TU tqis li tali ċirkustanza tmur kontra r-regoli li jikkonċernaw il-ġbir tal-provi. Skondha, jista' jitqies li ksur baqa' jissussisti matul perijodu li jkopri diversi snin jekk jiġi pprovat li, matulhom, l-impriżi kkonċernati komplew ikollhom rieda komuni rigward is-suġġett tal-ksur u li dan effettivament baqa' jeżisti jew, ta' l-anqas, baqa' jitwettaq.

156    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat kriterju żbaljat fil-qasam ta' provi.

157    Għal dak li jikkonċerna r-raba' raġuni kollha kemm hi, il-Kummissjoni tqis li din hija inammmissibbli safejn hija tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-atti u l-aġir restrittivi tal-kompetizzjoni li ġew ikkonstatati kellhom għan komuni u, konsegwentement, kienu jikkostitwixxu ksur wieħed.

158    Sussidjarjament, għal dak li jikkonċerna l-ewwel parti tar-raba' raġuni, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 406 tas-sentenza kkontestata, ikkritikata minn TU, isemmi b'mod ċar li l-kwalifikazzjoni tal-prattiċi miftiehma kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata bħala "vjolazzjonijiet kontinwi" mhija bl-ebda mod immotivata minn referenza għar-relazzjoni bejn id-diversi atti restrittivi tal-kompetizzjoni, iżda hija bbażata fuq in-natura tal-vjolazzjonijiet relattivi għal akkordji konklużi bejn tul taż-żmien indefinit u għal atti intiżi sabiex dawn l-akkordji jiġu implementati jew estiżi.

159    Rigward l-argument ta' TU dwar it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività u l-allegat nuqqas ta' prova rigward l-eżistenza tagħha matul perijodi twal, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 90, 406 u 411 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet diversi drabi li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala "kontinwu". Issa fil-każ ta' akkordju konkluż għal tul taż-żmien indefinit, il-Kummissjoni, preċiżament minħabba n-natura ta' dan l-akkordju, mhijiex obbligata tipprova l-eżistenza tiegħu f'kull mument speċifiku.

160    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, peress li l-allegati vjolazzjonijiet ġew ikkwalifikati bħala "kontinwi" mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ħaġa li tikkostitwixxi konstatazzjoni ta' fatt, u peress li ebda parteċipant fis-sistema kollettiva ta' esklużività ma tbiegħed b'mod espliċitu minn din is-sistema, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, ġustament, li l-Kummissjoni kellhiex għalfejn tressaq provi addizzjonali sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' l-akkordju fi kwalunkwe mument matul il-perijodi msemmija minn TU.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

161    Fil-kuntest ta' l-ewwel parti tar-raba' raġuni, TU ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq kriterji ġuridiċi żbaljati sabiex tevalwa l-prova mressqa mill-Kummissjoni in sostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività li TU hija akkużata li pparteċipat fiha. Għalhekk, din il-parti tar-raba' raġuni tikkonċerna kwistjoni ta' dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tieħu konjizzjoni tagħha fil-kuntest ta' appell u, għaldaqstant, hija għandha tiġi meqjusa ammissibbli.

162    Peress li l-eżistenza tal-gentlemen's agreement kienet ġiet ikkontestata mill-FEG u minn TU, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 141 tas-sentenza kkontestata, li kellu jiġi evalwat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha meta hija kkonkludiet li kien hemm provi ta' l-eżistenza ta' dan il-gentlemen's agreement mill-11 ta' Marzu 1986. Il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq evalwazjoni globali tal-provi u ta' l-indizji rilevanti kollha.

163    Wara li eżaminat l-oriġini u l-implementazzjoni ta' l-imsemmi gentlemen's agreement, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punt 210 tas-sentenza kkontestata, li, abbażi ta' evalwazzjoni globali, TU u l-FEG ma kienx irnexxielhom iqiegħdu fid-dubju n-natura vinkolanti, oġġettiva u kkorroborata ta' l-indizji kkonstatati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

164    Fil-kuntest ta' dan l-appell, TU tikkontesta, b'mod partikolari, in-natura xierqa tar-referenza għall-"indizji" bħala prova ta' l-eżistenza u tat-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività.

165    Dan l-argument ma jistax jintlaqa'. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta' prattika jew ta' akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta' koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57).

166    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta' aġir jew ta' akkordji antikompetittivi, iżda wkoll it-tul taż-żmien ta' aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta' applikazzjoni ta' akkordju konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

167    Fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha ta' l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività kif ukoll tat-tul taż-żmien ta' din is-sistema fuq "evalwazjoni globali tal-provi u ta' l-indizji rilevanti kollha". Il-kwistjoni dwar x'valur probatorju ngħata mill-Qorti tal-Prim'Istanza lil kull element ta' dawn il-provi u indizji mressqa mill-Kummissjoni tikkostitwixxi, madankollu, kwistjoni ta' evalwazzjoni ta' fatt li ma taqax, bħala tali, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

168    Fil-kuntest ta' din l-ewwel parti tar-raba' raġuni, TU tilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza injorat in-nuqqas ta' provi dwar l-eżistenza ta' sistema kollettiva ta' esklużività matul ċerti perijodi speċifiċi.

169    F'dan ir-rigward għandu jiġi speċifikat li, fil-punt 406 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet ressqet il-prova ta' l-eżistenza ta' ksur kontinwu matul il-perijodu bejn l-1986 u l-1994. Il-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma jimpedixxix il-ksur milli jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn ta' l-aħħar ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta' ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-ftehim iseħħu f'perijodi differenti, eventwalment separati b'intervalli iktar jew inqas twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta' tali ftehim, sakemm id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta' ksur ta' natura unika u kontinwa.

170    Issa fil-punt 342 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi relatati ma' l-iffissar tal-prezzijiet kienu jsegwu l-istess għan antikompetittiv, li kien jikkonsisti fiż-żamma tal-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li jirriżulta mill-kompetizzjoni, minn naħa, billi titnaqqas il-kompetittività ta' l-impriżi li kienu qed ifittxu li joperaw fis-suq ta' distribuzzjoni bl-ingrossa ta' materjal elettrotekniku fl-Olanda u b'hekk jikkompetu mal-membri tal-FEG, mingħajr ma jkunu affiljati ma' din l-assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi tiġi parzjalment ikkoordinata l-politika tagħhom tal-prezzijiet.

171    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, minn din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta li kull waħda mill-imsemmija vjolazzjonijiet, jiġifieri s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet, kellhom dan l-għan wieħed.

172    Barra minn hekk, għandu jiġi enfassizat li, fil-punt 408 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza spjegat b'mod dettaljat l-indizji li ppermettew lill-Kummissjoni tiddetermina t-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività. Dan il-punt jaqra kif ġej:

"Rigward il-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tiddetermina b'mod preċiż id-data li fiha ġiet konkluża s-sistema kollettiva ta' esklużività. Minkejja dan, hija setgħet iġġib il-prova ta' l-eżistenza ta' din is-sistema mil-laqgħa tal-11 ta' Marzu 1986, li fiha l-bordijiet tad-diretturi tal-FEG u tan-NAVEG semmew il-gentlemen's agreement. Il-Kummissjoni strieħet ukoll fuq diversi indizji sussegwenti għal dik il-laqgħa li abbażi tagħhom hija qieset li l-gentlemen's agreement baqa' jiġi applikat mill-membri tan-NAVEG (ara d-deċiżjoni [kkontestata], premessi 47 sa 49). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat diversi indizji li juru li l-membri tan-NAVEG kienu segwew il-pariri ta' l-assoċjazzjoni tagħhom, b'implementazzjoni tal-gentlemen's agreement (deċiżjoni [kkontestata], premessi 50 sa 52). L-aħħar wieħed minn dawn l-indizji huwa r-rapport ta' laqgħa interna tal-kumpannija Hemmink tal-25 ta' Frar 1994, li matulha dan il-membru tan-NAVEG indika li kien irrifjuta li jforni lil grossista li ma kienx membru tal-FEG. Rigward il-pressjonijiet magħmula, b'mod partikolari minn TU, fuq produtturi mhux afflijati man-NAVEG sabiex huma ma jfornux lill-grossisti li mhumiex membri tal-FEG, huwa wkoll paċifiku li dawn saru waqt perijodu ta' tnax-il xahar li jibda mix-xahar ta' Lulju 1990." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

173    Peress li l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prova mressqa mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien tas-sistema kollettiva ta' esklużività hija bbażata fuq kriterji ġuridiċi korretti u l-punti tas-sentenza kkontestata relattivi għal din il-kwistjoni huma mmotivati suffiċjentement, l-ewwel parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tar-raba' raġuni, dwar it-tul taż-żmien tal-ksur fir-rigward ta' l-iffissar ta' prezzijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

174    TU ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 406 tas-sentenza kkontestata, li l-ksur relattiv għall-iffissar tal-prezzijiet previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata kien, min-natura tiegħu, kontinwu u li dam għaddej mill-21 ta' Diċembru 1988 sa l-24 ta' April 1994 inkluż.

175    TU tikkritika, b'mod partikolari, il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset l-elementi li wassluha għall-konstatazzjoni tal-ksur previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata mhux bħala li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet indipendenti, iżda bħala elementi ta' vjolazzjoni waħda u unika. Hija tenfasizza li, fl-istess ħin, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat madankollu li t-tul taż-żmien li damu għaddejjin dawn l-elementi kien differenti ħafna, jiġifieri 15, 9, 4 u 6 snin, kif jirriżulta mill-punt 413 tas-sentenza kkontestata.

176    TU tqis li eżami iktar bir-reqqa ta' dawn l-"elementi" juri li dawn huma ta' natura totalment eteroġena. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha teżamina kull element separatament fid-dawl tal-kriterji ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, u b'mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju ta' l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

177    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li din il-parti tar-raba' raġuni hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata. Hija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 406 ta' l-imsemmija sentenza, dwar in-natura kontinwa tal-ksur fir-rigward ta' l-iffissar tal-prezzijiet, hija bbażata fuq in-natura tal-ksur. Fil-fatt, dan il-ksur jikkonsisti f'deċiżjonijiet vinkolanti meħuda għal tul taż-żmien indefinit kif ukoll f'numri ta' atti u aġir li kollha kienu intiżi sabiex il-prezzijiet fis-suq Olandiż jinżammu artifiċjalment f'livell għoli, u dan għal tul taż-żmien indefinit.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

178    Ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE jista' jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta' atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar ta' din is-serje ta' atti jew ta' dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur ta' l-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt "pjan ġenerali", minħabba l-għan identiku tagħhom ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista' timputa r-responsabbiltà ta' dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 258).

179    Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li huwa preċiżament tali raġunament li fuqu hija bbażata l-kwalifikazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet bħala li jikkostitwixxu vjolazzjoni waħda kontinwa.

180    B'mod partikolari, fil-punt 342 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet kienu jsegwu l-istess għan antikompetittiv, li kien jikkonsisti fiż-żamma tal-prezzijiet f'livell ogħla minn dak li jirriżulta mill-kompetizzjoni, minn naħa, billi titnaqqas il-kompetittività ta' l-impriżi li kienu qed ifittxu li joperaw fis-suq ta' distribuzzjoni bl-ingrossa ta' materjal elettrotekniku fl-Olanda u b'hekk jikkompetu mal-membri tal-FEG, mingħajr ma jkunu affiljati ma' din l-assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi tiġi parzjalment ikkoordinata l-politika tagħhom tal-prezzijiet.

181    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, minn tali konstatazzjoni jirriżulta wkoll li kull waħda mill-vjolazzjonijiet fiha nfisha, jiġifieri s-sistema kollettiva ta' esklużività u l-prattiċi miftiehma fil-qasam tal-prezzijiet, kellhom dan l-għan wieħed.

182    Għaldaqstant, mill-punt 406 tas-sentenza kkontestata, moqri fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-imsemmi punt 342, la jirriżulta xi żball ta' dritt u lanqas xi nuqqas ta' motivazzjoni ta' din is-sentenza.

183    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-effetti konkreti ta' akkordju huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 261).

184    Għaldaqstant, peress li hija kkonstatat l-għan antikompetittiv tal-prattiċi miftiehma relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kienet bl-ebda mod obbligata teżamina l-effetti konkreti tagħhom fis-suq.

185    Min dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tieni parti tar-raba' raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti tar-raba' raġuni, dwar it-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU

–       L-argumenti tal-partijiet

186    TU ssostni li jekk l-ewwel u t-tieni parti tar-raba' raġuni jiġu milqugħa, it-tul taż-żmien tal-ksur previst fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu konsegwentement a fortiori jiġi mnaqqas.

187    Il-Kummissjoni tirreferi għar-raġunament tagħha dwar l-imsemmija partijiet tar-raba' raġuni u tikkonkludi li t-tielet parti ta' din ir-raġuni u, magħha, din ir-raġuni kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, ta' l-anqas, bħala infondati.

–       Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

188    Peress li l-ewwel u t-tieni partijiet tar-raġuni ġew miċħuda, għandu jiġi konkluż li t-tielet parti tar-raba' raġuni ma tistax tirnexxi.

 Fuq il-ħames raġuni, dwar it-talba għal tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

189    Skond TU, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt, safejn, minkejja l-evalwazzjoni ineżatta tat-tul taż-żmien tal-ksur u tal-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni, hija rrifjutat tagħti tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa jew, ta' l-anqas, is-sentenza kkontestata hija mmotivata insuffiċjentement f'dan ir-rigward. Din ir-raġuni fiha tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames raġuni, dwar it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba d-determinazzjoni allegatament żbaljata tat-tul taż-żmien tal-ksur imputat lil TU

–       L-argumenti tal-partijiet

190    TU ssostni li, skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni timponi fuq impriża għal ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur. Hija ssostni li l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-14 ta' Jannar 1998 (ĠU C 9, p. 3), tipprovdi l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont bażiku tal-multa meta dan ikun ġustifikat minn ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità.

191    TU tqis li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħadux in kunsiderazzjoni dawn ir-regoli meta huma ffissaw l-ammont tal-multa u li b'hekk huma kisru d-dritt Komunitarju jew, ta' l-anqas, il-prinċipju tal-motivazzjoni u dak tal-proporzjonalità għal dak li jikkonċerna l-iffissar ta' l-imsemmi ammont. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat tul taż-żmien żbaljat tal-ksur meta stabbiliet l-ammont tal-multa u l-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat b'mod insuffiċjenti r-rifjut tagħha li tagħti tnaqqis addizzjonali ta' dan l-ammont.

192    TU tqis li peress li l-vjolazzjonijiet li hija allegatament wettqet ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu ksur wieħed kontinwu, ma jistax jiġi sostnut li t-tul taż-żmien tal-ksur, li abbażi tiegħu ġew imposti l-multi, seħħ fuq perijodu ta' tmien snin. Għal kuntrarju ta' dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 258 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ma jistax ikun hemm, f'dan il-każ, "pjan ġenerali".

193    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li l-ħames raġuni hija manifestament inammissibbli. Il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punti 436 sa 438 tas-sentenza kkontestata, li fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' din il-kawża, ma kienx iġġustifikat tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa. Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 614), din ta' l-aħħar ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi fuq l-ammont tal-multi.

194    Sussidjarajament, il-Kummissjoni tirreferi, fir-rigward tal-"pjan ġenerali" li l-eżistenza tiegħu hija kkontestata minn TU, għall-punt 342 tas-sentenza kkontestata, li fih il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li ż-żewġ vjolazzjonijiet kienu jfittxu li jilħqu l-istess għan antikompetittiv.

195    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel parti tal-ħames raġuni hija manifestament infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

196    Għandu jiġi mfakkar li hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f'kull każ partikolari l-gravità ta' l-aġir illegali. Fil-kuntest ta' l-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta' aġir speċifiku fid-dawl ta' l-Artikoli 81 KE u 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza weġbitx suffiċjentement skond il-liġi għall-argumenti kollha invokati in sostenn tat-talba għat-tneħħija tal-multa jew għal tnaqqis ta' l-ammont tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 128).

197    F'dan il-każ, huwa paċifiku li TU ma pprovdiet ebda prova li tista' turi li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta' l-aġir allegat fid-dawl ta' l-Artikoli 81 KE u 15 tar-Regolament Nru 17. L-imsemmija impriża lanqas tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma weġbitx suffiċjentement skond il-liġi għall-argumenti kollha tagħha intiżi għat-tneħħija tal-multa jew għat-tnaqqis ta' l-ammont tagħha.

198    Barra minn hekk, huwa evidenti li l-ewwel parti tal-ħames raġuni hija dirrettament marbuta ma' l-argumenti invokati minn TU in sostenn tar-raba' raġuni tagħha, li skondhom il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt safejn hija qieset konvinċenti l-prova mressqa mill-Kummissjoni rigward it-tul taż-żmien tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li dawn l-argumenti ġew miċħuda fil-kuntest ta' l-eżami ta' din ir-raba' raġuni, l-ewwel parti tal-ħames raġuni għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames raġuni, dwar it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

–       L-argumenti tal-partijiet

199    TU ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt fid-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa imposta fuqha, jew, ta' l-anqas, immotivat is-sentenza kkontestata b'mod insuffiċjenti fuq dan il-punt, filwaqt li kien imissha naqqset dan l-ammont minħabba t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

200    TU tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 77 u 85 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni kienet responsabbli tal-ksur tal-prinċipju tan-natura raġonevoli tat-tul taż-żmien u li madankollu affermat, fil-punt 438 ta' l-imsemmija sentenza, li l-FEG u TU "ma ressqu ebda prova li tiġġustifika għaliex il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tikkunsidra li tagħti tnaqqis ulterjuri ta' l-ammont tal-multa" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Tali evalwazzjoni hija mmotivata b'mod inkomprensibbli.

201    Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza kkontestata hija mmotivata b'mod ċar u dettaljat fuq il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn it-tul taż-żmien tal-proċedura amministrattiva u t-tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa imposta fuq TU. Minn naħa, il-Kummissjoni tindika li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punti 87 sa 93 ta' l-imsemmija sentenza, li TU ma kinitx ostakolata fid-difiża tagħha mill-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kinux jiġġustifikaw tnaqqis addizzjonali ta' l-ammont tal-multa u kkonstatat, f'dan ir-rigward, li TU ma ressqet ebda prova li tiġġustifika tali tnaqqis.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

202    Kif jirriżulta mill-punti 152 u 153 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati fil-punt 9 ta' din is-sentenza, meta l-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi, hija ħadet in kunsiderazzjoni t-tul taż-żmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva li huwa imputabbli lilha.

203    Fil-punt 438 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li "il-Kummissjoni naqqset il-multa ex officio. Il-possibbiltà li jingħata tali tnaqqis jidħol fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ma ressqu ebda prova li tiġġustifika għaliex il-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għandha tikkunsidra li tagħti tnaqqis ulterjuri ta' l-ammont tal-multa. Konsegwentement, mhemmx lok li tintlaqa' t-talba tar-rikorrenti f'dan ir-rigward" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

204    Din il-konstatatazzjoni ma fiha ebda żball ta' dritt.

205    Barra minn hekk, din il-parti tal-ħames raġuni hija direttament marbuta ma' l-argumenti invokati minn TU in sostenn ta' l-ewwel raġuni tagħha, li skondhom il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt safejn ikkunsidrat li l-fatt li nqabeż iż-żmien raġonevoli ma kienx jiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata. Peress li r-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli ma ntlaqatx, ħaġa li tirriżulta, minn naħa, mill-parti tas-sentenza kkontestata li ma ġietx annullata u, min-naħa l-oħra, mill-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet dwar l-imsemmija raġuni, din il-parti tal-ħames raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ħames raġuni, dwar id-determinazzjoni ta' l-ammont tal-multa fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta' TU fil-ksur previst fid-deċiżjoni kkontestata

–       L-argumenti tal-partijiet

206    TU ssostni li meta l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq TU, hija mmotivat b'mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha li dan l-ammont huwa raġonevoli meta mqabbel ma' dak tal-multa imposta fuq l-FEG (punti 431 sa 433 tas-sentenza kkontestata).

207    Il-Kummissjoni tirreferi, f'dan ir-rigward, għall-punti 416 sa 438 tas-sentenza kkontestata, li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat u ċaħdet b'mod immotivat l-argumenti kollha intiżi għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa.

208    Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tielet parti tal-ħames raġuni hija inammissibbli u, f'kull każ, hija infondata u li dan jgħodd ukoll għall-ħames raġuni kollha kemm hi.

209    Iċ-CEF issostni wkoll li l-ħames raġuni mhijiex ammissibbli peress li tirrigwarda konstatazzjonijiet ta' fatt tal-Qorti tal-Prim'Istanza li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' eżami mill-ġdid fil-kuntest ta' dan l-appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

210    Rigward in-natura allegatament sproporzjonata ta' l-ammont tal-multa, huwa importanti li jiġi mfakkar li mhix il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta' dritt fil-kuntest ta' appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta' ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur li huma wettqu tad-dritt Komunitarju (sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 31, u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 129).

211    Minn dan isegwi li din il-parti tal-ħames raġuni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli safejn hija għandha bħala għan li jsir eżami ġenerali mill-ġdid ta' l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 129).

212    Barra minn hekk, mill-qari bir-reqqa ta' din il-parti tal-ħames raġuni jidher li din il-parti hija marbuta ma' l-argumenti invokati minn TU in sostenn tat-tielet raġuni tagħha, li skondhom il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta qieset li l-Kummissjoni setgħet, ġustament, iżżomm lil din l-impriża responsabbli personalment għall-ksur previst fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li t-tielet raġuni ġiet miċħuda, it-tielet parti tal-ħames raġuni għandha, f'kull każ, tiġi miċħuda bħala infondata.

213    Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-ħames raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi, in parti bħala inammissibbli u in parti bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

214    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li TU tilfet, bl-eċċezzjoni tar-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, li madankollu ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' dawn il-proċedimenti. Rigward l-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' l-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza kkontestata, hemm lok li jiġi deċiż li, minkejja l-annullament parzjali tas-sentenza kkontestata, dawn għandhom jibqgħu a karigu ta' TU skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 3 tad-dispożittiv ta' l-imsemmija sentenza.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00), hija annullata biss safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset, fil-kuntest ta' l-eżami tar-raġuni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, milli tivverifika jekk it-tul taż-żmien eċċessiv, imputabbli lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-totalità tal-proċedura amministrattiva, inkluża l-fażi ta' qabel id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, setax jaffettwa l-possibbiltajiet futuri ta' difiża ta' Technische Unie BV.

2)      Il-bqija ta' l-appell huwa miċħud.

3)      Ir-rikors imressaq minn Technische Unie BV quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa parzjalment ibbażat fuq ir-raġuni bbażata fuq ksur tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli, huwa miċħud.

4)      Technische Unie BV għandha tbati l-ispejjeż ta' dawn il-proċedimenti. L-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' l-ewwel istanza li wasslu għas-sentenza tas-16 ta' Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni (T-5/00 u T-6/00), għandhom jibqgħu a karigu ta' Technische Unie BV skond il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 3 tad-dispożittiv ta' l-imsemmija sentenza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.