Language of document : ECLI:EU:F:2012:130

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Settembru 2012 (*)

“Servizz pubbliku — Dmir ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku — Investigazzjoni amministrattiva”

Fil-Kawża F‑58/10,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Timo Allgeier, membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, residenti fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentat minn L. Levi u M. Vandenbussche, avukati,

rikorrent,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), irrappreżentata minn M. Kjærum, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn H. Kreppel (Relatur), President, E. Perillo u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2011,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Lulju 2010, T. Allgeier qed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“FRA” jew l-“Aġenzija”) li ċaħdet it-talba tiegħu għal assistenza, kif ukoll il-kundanna tal-FRA sabiex tħallsu d-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi li “‘Turment [fastidju] psikoloġiku’; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perijodu, hija ripetittiva jew si[s]tematika u tinvolvi atteġġament fis[i]ku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna”.

3        Skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“L-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba il-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.

Huma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata [kkawżatha].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fl-1 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrent ġie rreklutat miċ-Ċentru ta’ Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC) permezz ta’ kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju għal perijodu ta’ erba’ snin, liema perijodu ġie mġedded, mill-1 ta’ Jannar 2006, għal perijodu ġdid ta’ erba’ snin. Il-persuna kkonċernata għall-ewwel intbagħtet taħdem mad-Diviżjoni 2 “Riċerka u Netwerks” sabiex primarjament tiġġestixxi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tan-netwerk ta’ informazzjoni Ewropea fuq ir-razziżmu u l-ksenofobija.

5        Fit-22 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrent ġie ttrasferit għad-Diviżjoni 1 “Amministrazzjoni” fejn din ġiet mitluba tiċċentralizza l-proċeduri kollha għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-kap ta’ din id-diviżjoni kien, dak iż-żmien, M., wieħed miż-żewġ membri tal-persunal li eventwalment ġie akkużat mill-persuna kkonċernata b’fastidju psikoloġiku. F’din id-data, M. kien ukoll assistent direttur tal-EUMC.

6        Fi ħdan id-Diviżjoni 1 “Amministrazzjoni”, ir-rikorrent kien inkarigat mill-kwistjonijiet kollha dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi bħala assistent għall-għoti tal-kuntratti.

7        A., il-membru l-ieħor tal-persunal akkużat b’fastidju psikoloġiku mir-rikorrent, ġie rreklutat mill-EUMC fl-2005 u tqiegħed fid-Diviżjoni 1 “Amministrazzjoni” bħala l-uffiċjal ewlieni għall-għoti tal-kuntratti.

8        Fix-xahar ta’ Diċembru 2005, l-EUMC innegozja mal-kumpannija S. kuntratt għall-provvista ta’ exchange tat-telefon privat [private branch exchange] għall-ammont ta’ EUR 34 391.43. Fit-23 ta’ Diċembru 2005, il-kuntratt iffirmat minn EUMC intbagħat lill-kumpannija S. sabiex din, min-naħa tagħha, tiffirmah.

9        F’Jannar 2006, filwaqt li kienet għadha ma ffirmatx il-kuntratt, il-kumpannija S. bdiet teżegwih. L-EUMC kkunsidra li l-kumpannija kienet aċċettat il-kundizzjonijiet u għalhekk għamel trasferiment tal-allokazzjoni tas-somma fissa ta’ EUR 34 391.43 mis-sena 2005 għas-sena 2006.

10      F’Marzu 2006, l-EUMC u S. iddeċidew li l-kuntratt kien ser jiġi emendat b’addendum.

11      Fid-19 ta’ April 2006, ir-rikorrent, flimkien ma’ wieħed mill-kollegi tiegħu, mar fil-bini tal-kumpannija S. u talabha tiffirma l-kuntratt u l-addendum, u tiddatahom rispettivament it-23 ta’ Diċembru 2005 u l-15 ta’ Jannar 2006. Skont ir-rikorrent, dan sar fuq talba espressa ta’ M. u kien ġie mmotivat mix-xewqa tiegħu li jirregolarizza t-trasferiment tal-allokazzjoni tas-somma ta’ flus imwettaq diġà fuq il-bażi tal-kuntratt.

12      F’April 2006, fuq il-bażi tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent indika lil M. u A. li t-trasferiment tal-allokazzjoni tas-somma ta’ flus ma kellux bażi legali, billi l-kuntratt ma kienx ġie iffirmat mill-partijiet kontraenti kollha sal-31 ta’ Diċembru 2005. Ir-rikorrent żied jgħid li l-fatt li l-kuntratt ingħata data retroattiva kien jikkostitwixxi frodi intiż sabiex jgħatti l-illegalità tat-trasferiment tal-allokazzjoni tas-somma ta’ flus.

13      Billi l-fehmiet tar-rikorrent u dawk ta’ M. u A. dwar ir-regolarità tat-trasferiment tal-allokazzjoni tas-somma ta’ flus u tal-iddatar tal-kuntratt ma kinux jaqblu, ir-rikorrent informa lill-awditur intern tal-EUMC dwar is-sitwazzjoni.

14      Waqt laqgħa li saret fit-28 ta’ April 2006, ir-rikorrent informa wkoll lil B. Winkler, direttriċi tal-EUMC, bil-pressjoni li kien vittma tagħha sabiex imur fil-bini tal-kumpannija S. u jikseb mingħandha data retroattiva tal-kuntratt.

15      Fit-22 ta’ Mejju 2006, id-direttriċi tal-EUMC ddeċidiet li tannulla l-kuntratt mal-kumpannija S. għar-raġuni li dan kien ġie ffirmat retroattivament mill-kumpannija S. quddiem żewġ membri tal-EUMC u li l-fatt li tniżżlet data mhux eżatta kien jikkostitwixxi irregolarità.

16      Madankollu, meta saret taf li d-data li tidher fil-kuntratt setgħet ġiet emendata, id-direttriċi tal-EUMC aċċettat fl-aħħar, fis-6 ta’ Ġunju 2006, li ma tannullax il-kuntratt u tat istruzzjonijiet sabiex id-dati tal-firem tal-kumpannija S. fuq il-kuntratt u l-addendum jiġu emendati sabiex jikkorrispondu mar-realtà.

17      Fis-6 ta’ Ġunju 2006 stess, ir-rikorrent mar mill-ġdid fil-bini tal-kumpannija S. sabiex hija temenda d-dati tal-firma. Ir-rappreżentanti tal-kumpannija S. niżżlu d-data tad-19 ta’ April 2006 fuq il-kuntratt u s-6 ta’ Ġunju 2006 fuq l-addendum.

18      Ir-rikorrent jgħid li, wara d-data tas-6 ta’ Ġunju 2006, ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ M. u A. marru għall-agħar ħafna. Huwa jsostni li l-fatt li huwa kien wera manifestament ir-riluttanza tiegħu li jkun hemm data retroattiva tal-kuntratt innegozjat mal-kumpannija S. u li kien informa lid-direttriċi tal-EUMC dwar dak li qies bħala prattika frawdolenti wasslu sabiex M. u A. jikkawżawlu fastidju psikoloġiku u, b’mod partikolari, iċaħħduh minn xogħol li għalih kien ġie rreklutat u iżolawh ġewwa l-EUMC.

19      Fl-1 ta’ Marzu 2007, l-FRA ssostitwixxiet lill-EUMC.

20      Fil-25 ta’ Ġunju 2007, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (l-OLAF) irċieva ittra anonima li fiha ġew irrapportati irregolaritajiet li allegatament wettaq M. fl-eżerċizzju tal-kariga tiegħu, liema irregolaritajiet kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-firma retroattiva ta’ kuntratti ta’ provvista, l-għoti illegali ta’ allowances skolastiċi favur ċerti membri tal-persunal kif ukoll amministrazzjoni finanzjarja ħażina.

21      F’Lulju 2007, id-direttur tal-FRA rriżenja mill-kariga tiegħu u M. sar id-direttur fuq bażi ad interim tal-Aġenzija.

22      Fit-28 ta’ Novembru 2007, l-OLAF għamel investigazzjoni interna dwar l-allegati irregolaritajiet irrapportati fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2007. Mill-15 sas-17 ta’ Jannar 2008, l-OLAF għamel żjara fil-bini tal-FRA.

23      Fl-1 ta’ Ġunju 2008, M. Kjærum, li sa dakinhar kien direttur eżekuttiv tal-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem (Institut for Menneskerettigheder) (iktar ’il quddiem l-“IMR”) inħatar bħala d-direttur tal-FRA.

24      B’nota tat-23 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent ressaq talba quddiem M. Kjærum għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’din in-nota huwa spjega li kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa ta’ M. u ta’ A. u talab lill-FRA li tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni tieqaf.

25      Wara din it-talba, id-direttur tal-FRA ddeċieda, fis-7 ta’ Lulju 2008, li jittrasferixxi lir-rikorrent mid-Diviżjoni 1 “Amministrazzjoni” għad-Diviżjoni 3 “Komunikazzjoni u relazzjonijiet esterni”. Barra minn hekk, id-direttur iltaqa’ mar-rikorrent fis-7, fit-8 u fil-11 ta’ Lulju 2008, mingħajr l-avukati tiegħu, sabiex jiġi eżaminat jekk kinitx teżisti alternattiva għall-proċedura formali stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent ma kienx aċċetta din il-proposta.

26      B’ittra tat-18 ta’ Lulju 2008 indirizzata lid-direttur tal-FRA, l-avukati tar-rikorrent ikkonfermaw li dan tal-aħħar kellu l-intenzjoni li jżomm it-talba tiegħu għal assistenza u talbu li jiġu mgħarrfa bir-regoli proċedurali u l-modalitajiet tal-investigazzjoni amministrattiva. L-avukati tar-rikorrent talbu wkoll li l-FRA tħallas l-onorarji tagħhom.

27      Fit-18 ta’ Lulju 2008 stess, ir-rikorrent ġie infurmat mid-direttur tal-FRA bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ investigazzjoni.

28      Fl-aħħar tax-xahar ta’ Lulju 2008, ir-rikorrent tqiegħed fuq leave tal-mard. Dan il-leave ġie estiż sa nofs Settembru 2009.

29      B’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2008, id-direttur tal-FRA informa lill-avukati tar-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jaħtar lis-Sur Jensen sabiex imexxi l-investigazzjoni (iktar ’il quddiem l-“investigatur”). F’din id-data, l-investigatur kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Bord tal-IMR.

30      B’ittra tat-18 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrent qajjem ċertu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-investigazzjoni, partikolarment dwar jekk ix-xhieda kinux ser jingħataw l-anonimat.

31      B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2009, id-direttur tal-FRA wieġeb il-mistoqsijiet li għamillu r-rikorrent fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2008. Huwa ppreċiża li x-xhieda ma jistgħux jibbenefikaw mill-anonimat, sakemm ma jkunx jidher b’mod ċar li jeżistu ċirkustanzi fil-każ li jeħtieġu dan

32      Fl-20 ta’ Frar 2009, l-FRA bagħtet lir-rikorrent dokument bl-isem “Qafas legali tal-investigazzjoni amministrattiva”, imħejji mid-direttur wara konsultazzjoni mal-investigatur.

33      Ġew organizzati tliet seduti suċċessivament mill-investigatur, l-ewwel waħda fit-2 u t-3 ta’ Marzu 2009, it-tieni waħda fit-23, l-24 u l-25 ta’ Marzu 2009, it-tielet waħda fit-23 u l-24 ta’ April 2009. Fl-ewwel seduta, ir-rikorrent kif ukoll M. u A. nstemgħu mill-investigatur. Matul it-tieni seduta, minbarra r-rikorrent u M., l-investigatur sema’ tliet xhieda li isimhom kien ġie ssuġġerit minn M. kif ukoll żewġ membri oħra tal-persunal li dehrlu li kellhom jinstemgħu. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet seduta, instemgħu r-rikorrent u M. kif ukoll tliet membri oħra tal-persunal.

34      F’rapport imħejji fit-22 ta’ Ġunju 2009 wara l-investigazzjoni interna tiegħu, l-OLAF ikkonkluda li l-allegazzjonijiet fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2007 kienu mingħajr bażi u rrakkomanda li ma jkun hemm l-ebda miżura dixxiplinarja jew ġudizzjarja wara l-investigazzjoni. Ir-rapport ġie kkomunikat lid-direttur tal-FRA b’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2009.

35      Fis-16 ta’ Lulju 2009, l-investigatur ħejja abbozz ta’ rapport ta’ investigazzjoni. F’dak ir-rapport, l-investigatur ikkonkluda li ma kienx hemm fastidju psikoloġiku. Huwa ssuġġerixxa wkoll lill-FRA twiddeb lil M. fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu għall-eżistenza ta’ “atmosfera intensa ta’ biża” fi ħdan id-Diviżoni 1 “Amministrazzjoni”. L-abbozz tar-rapport ġie kkomunikat lir-rikorrent kif ukoll lil M. u lil A.

36      Fil-31 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fuq l-abbozz tar-rapport.

37      Fil-15 ta’ Settembru 2009, l-investigatur ħejja l-verżjoni finali tar-rapport ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali”). L-investigatur ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ fastidju psikoloġiku.

38      Fis-16 ta’ Settembru 2009, ir-rapport finali ntbagħat lir-rikorrent sabiex dan ikun jista’ jippreżenta kwalunkwe osservazzjoni xierqa, u dan għamlu fit-22 ta’ Settembru 2009.

39      B’deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2009, li ġiet innotifikata fl-istess jum lir-rikorrent, id-direttur tal-FRA ddeċieda li ma kienet ser tinfetaħ l-ebda proċedura dixxiplinarja kontra M. u A. (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-direttur ammetta li r-relazzjonijiet bejn ir-rikorrent, minn naħa, u M. u A., min-naħa l-oħra kienu kunfliġġenti minħabba, fost affarijiet oħrajn, “kunflitt ta’ personalitajiet” u “ideat differenti fir-rigward tal-interazzjonijiet soċjali” u li M. seta’ jipprova jsolvi l-kunflitt b’mod differenti sabiex inaqqas it-tensjonijiet u joħloq ambjent tax-xogħol xieraq għar-rikorrent. Madankollu, id-direttur xorta waħda sostna li ma setax jiġi ppruvat li kien hemm fastidju psikoloġiku. Minħabba ċ-ċirkustanzi msemmijin iktar ’il fuq, id-direttur ikkunsidra, fl-aħħar nett, li l-ispejjeż raġonevolment esposti mir-rikorrent fil-kuntest tal-investigazzjoni kienu ser jiġu rrimborsati lilu.

40      Fil-proċeduri bil-miktub tagħha, l-FRA ssostni li, fis-16 ta’ Ottubru 2009, id-direttur tal-FRA ltaqa’ suċċessivament ma’ A. u M. sabiex ifakkarhom fil-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba li għandhom jiġu applikati fis-servizz u l-ħtieġa li jtejbu l-applikazzjoni ta’ kuljum ta’ dawn il-prinċipji.

41      Mill-1 ta’ Jannar 2010, il-kuntratt tar-rikorrent ġie mġedded għal perijodu indeterminat.

42      B’nota tal-14 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

43      B’deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010, innotifikata l-għada fis-7 ta’ April, id-direttur tal-FRA ċaħad l-ilment.

 Il-kawża u t-talbiet tal-partijiet

44      Dan ir-rikors ġie ppreżentat fis-16 ta’ Lulju 2010.

45      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jekk ikun il-każ, jannulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010 li ċaħdet l-ilment;

–        jikkonstata li kien il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku minn naħa ta’ M. u A., bil-konsegwenzi kollha dixxiplinarji li dan jimplika; jew sussidjarjament, i) jiftaħ investigazzjoni amministrattiva ġdida, ekwa, indipendenti u imparzjali li tkun tfisser il-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti inkarigati mill-investigazzjoni amministrattiva, u ii) jadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-investigazzjoni tkun ekwa, ħielsa minn kull pressjoni u ndħil eventwali;

–        jagħtih kumpens għad-dannu materjali li huwa sofra, provviżorjament ikkalkulat għal EUR 71 823.23;

–        jagħtih is-somma ta’ EUR 85 000 bħala kumpens għad-dannu morali, marbut ma’ kif żvolġiet il-proċedura u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż.

46      L-FRA titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

47      Il-proposta magħmula lill-partijiet mill-imħallef relatur sabiex il-kwistjoni tiġi riżolta bonarjament ma kellhiex suċċess.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010 li ċaħdet l-ilment

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom l-effett, meta d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li jressqu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li kontrih sar l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Lulju 2009, Hoppenbrouwers vs Il‑Kummissjoni, F‑104/07, punt 31). F’dawn il-kundizzjonijiet, billi d-deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010 li ċaħdet l-ilment ma kellhiex kontenut awtonomu, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu bħala li huma intiżi biss kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talbiet sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li r-rikorrent kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku

49      Peress li t-talbiet imsemmija iktar ’il fuq fil-verità huma intiżi sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikonoxxi l-fondatezza ta’ ċerti motivi invokati insostenn għat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 1993, Vjenna vs Il‑Parlament, T‑15/93, punt 13).

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

50      Insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent qajjem għadd ta’ motivi bbażati, b’mod partikolari fuq:

–        in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigatur;

–        ir-rifjut tal-investigatur li jiggarantixxi l-anonimat lix-xhieda;

–        żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ġuridiku ta’ fastidju psikoloġiku;

–        żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-investigatur fir-rifjut tiegħu li jikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

51      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigatur kif ukoll il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut tiegħu li jiggarantixxi l-anonimat lix-xhieda.

 L-argumenti tal-partijiet

52      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigatur, ir-rikorrent jispjega li dan tal-aħħar kien jokkupa, meta nħatar biex immexxi l-investigazzjoni, il-kariga ta’ President tal-Bord tal-IMR. Qabel ma nħatar, fl-1 ta’ Ġunju 2008, bħala direttur tal-FRA, M. Kjærum kien id-direttur eżekuttiv tal-istess istitut. Ir-rikorrent iżid jgħid li l-IMR kien ikkonkluda kuntratt importanti mal-FRA fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni dwar id-diskriminazzjoni fuq l-orjentament sesswali, u li l-investigatur u M. Kjærum kienu koawturi ta’ xogħol akkademiku. Għalhekk, skont ir-rikorrent, l-interess tal-investigatur kien li tiġi ppreservata l-immaġni tal-FRA u li ma jkollha l-ebda ħtija fi kwalunkwe akkuża ta’ fastidju psikoloġiku. Ir-rikorrent iżid jgħid li l-imparzjalità suġġettiva tal-investigatur hija dubjuża wkoll, kif jidher b’mod partikolari, min-nuqqas ta’ dettall fir-rapport finali.

53      Fir-rigward tat-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-rifjut tal-investigatur li jiggarantixxi lix-xhieda l-anonimat, ir-rikorrent isostni li tali rifjut, li jmur kontra l-“[q]afas legali tal-investigazzjoni amministrattiva”, kien wassal ċerti persuni li jirrifjutaw li jixhdu jew jixhdu b’mod mhux sinċier biżżejjed minħabba l-biża’ ta’ tpattija.

54      Fid-difiża tagħha, l-FRA titlob li l-motivi msemmija iktar ’il fuq jiġu miċħuda.

55      L-ewwel nett l-FRA ssostni li l-ebda dokument tal-proċess ma jwassal lil dak li jkun jissuspetta nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa tal-investigatur kemm fil-konfront tar-rikorrent kif ukoll fil-konfront tal-membri tal-persunal li jakkuża huwa stess. B’mod partikolari, la ċ-ċirkustanza li l-investigatur u d-direttur kellhom fil-passat relazzjonijiet professjonali ma’ xulxin fil-kuntest tal-IMR, u lanqas l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ negozju bejn l-FRA u dan l-istitut ma jippermettu li jkun hemm dubju f’dan ir-rigward.

56      L-FRA tispjega sussegwentement li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma kinux jeħtieġu l-anonimat tax-xhieda u żżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, minħabba d-daqs żgħir tal-Aġenżija, l-anonimat ma kienx jikkostitwixxi garanzija għax-xhieda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

57      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, id-direttur ibbaża ruħu essenzjalment kemm fuq elementi li ġabar l-investigatur matul l-investigazzjoni kif ukoll fuq il-konklużjonijiet li wasal għalihom fir-rapport finali. Dan jixhdu l-fatt li, fl-istess kliem tad-deċiżjoni kkontestata, id-direttur espressament warrab l-ilment ta’ fastidju psikoloġiku filwaqt li rrefera għall-każ “kif ippreżentat mill-investigatur fir-rapport finali”.

58      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, kif qed jitlob ir-rikorrent, l-investigazzjoni kinitx tmexxiet f’kundizzjonijiet irregolari.

–       Fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigazzjoni

59      Ir-rikorrent iqiegħed fid-dubju l-imparzjalità kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva tal-investigatur. Skont l-persuna kkonċernata, mhux talli l-investigatur, minħabba l-kariga tiegħu fi ħdan l-IMR, sab ruħu f’sitwazzjoni oġġettiva li setgħet toħloq dubji fuq l-indipendenza tiegħu, iżda, barra minn hekk, ma kienx imparzjali fit-tmexxija effettiva tal-investigazzjoni.

60      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-imparzjalità oġġettiva tal-investigatur, ma jirriżulta mill-ebda dokument tal-proċess u lanqas ma huwa allegat mir-rikorrent li l-investigatur kellu relazzjoni mill-qrib mal-membri tal-persunal involuti direttament fit-talba għal assistenza, jiġifieri r-rikorrent kif ukoll iż-żewġ membri tal-persunal akkużati minnu b’fastidju psikoloġiku. Barra minn dan, il-fatt biss li M. Kjærum u l-investigatur kellhom, fil-passat, relazzjonijiet professjonali fi ħdan l-IMR u kienu koawturi ta’ xogħol akkademiku ma jfissirx li l-indipendenza tal-investigatur fit-tmexxija tal-investigazzjoni kienet kompromessa jew setgħet tidher bħala tali f’għajnejn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il‑Kummissjoni, T‑89/01, punt 58).

61      Madankollu, huwa minnu li l-IMR, li l-Bord tiegħu kien ippresjedut mill-investigatur fid-data li dan tal-aħħar inħatar sabiex imexxi l-investigazzjoni, kien ikkonkluda mal-FRA kuntratt fl-ammont ta’ kważi EUR 500 000 sabiex jipprovdilha informazzjoni dwar id-diskriminazzjoni minħabba l-orjentament sesswali, bejn l-2007 u l-2008, fid-Danimarka. Barra minn hekk, meta l-investigatur mexxa l-investigazzjoni, dan il-kuntratt seta’ jiġġedded suċċessivament fil-futur, kif ikkonfermat mill-FRA matul is-seduta.

62      Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-eżistenza u l-importanza tar-relazzjoni ta’ xogħol li kienet teżisti bejn l-FRA u l-IMR kienet ta’ natura li kkawżat fir-rikorrent biża’ ġġustifikata dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-investigatur, billi l-persuna kkonċernata seta’ kellha biża’ leġittima li l-investigatur, peress li xtaq iżomm din ir-relazzjoni ta’ xogħol, kien iggwidat mix-xewqa li jipproteġi r-reputazzjoni tal-Aġenzija.

63      Huwa veru li l-investigatur ma kienx jeżerċita fi ħdan l-IMR karigi eżekuttivi direttament, billi dawn kienu l-obbligu tad-direttur u tal-uffiċjali responsabbli tad-dipartimenti differenti tal-istitut. Madankollu, id-dokumenti fil-proċess juru r-rwol ċentrali tal-Bord ? u b’hekk tal-president tiegħu ? fl-operat tal-IMR. Dan jixhdu l-fatt li f’editorjal ippubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha f’Ġunju 2008, l-IMR indika li l-Bord, taħt it-tmexxija tas-Sur Jensen, kien ser ikompli jissorvelja t-“tmexxija ġenerali tal-IMR”. Barra minn hekk, dejjem fuq is-sit tal-IMR, kien ġie enfasizzat fl-istess żmien li l-Bord kien ser ikun “inkarigat mill-kwistjonijiet kollha sostantivi u ta’ natura professjonali, inklużi r-riċerka u l-istrateġija”.

64      Għaldaqstant, l-investigatur, li ngħatatlu wkoll assistenza segretarjali minn wieħed mill-assistenti tad-direttur tal-FRA, ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-imparzjalità oġġettiva tiegħu ma tiġix ddubitata.

65      Għalhekk ir-rikorrent għandu raġun jgħid, għal dan il-motiv, u f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, li l-investigazzjoni kienet ivvizzjata minn irregolarità.

66      Fir-rigward tal-imparzjalità suġġettiva tal-investigatur, għalkemm id-dokumenti tal-proċess ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li l-investigatur mexxa l-investigazzjoni sabiex jiffavorixxi lill-membri tal-persunal akkużati mir-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li ma kienx sewwa li matul l-investigazzjoni l-investigatur bagħat lil M. u lil A. l-korrispondenza kollha skambjata bejn, minn naħa, l-FRA u min-naħa l-oħra, ir-rikorrent u l-avukati tiegħu, meta parti minn din il-korrispondenza, dwar talba sabiex l-FRA tħallas l-onorarji tal-avukati li semma r-rikorrent, ma kinitx tinteressa la lil M. u lanqas lil A.

67      Bl-istess mod, filwaqt li r-rikorrent kien akkumpanja t-talba tiegħu għal assistenza b’numru kbir ta’ dokumenti, l-investigatur iddedika, għad-diskussjoni dwar il-fondatezza tal-ilmenti mqajma, inqas minn tliet paġni, barra minn hekk ftit li xejn iddettaljati, mit-tnax-il paġna li fih ir-rapport finali, u l-bqija tar-rapport huwa limitat għall-preżentazzjoni tal-fatti mhux ikkontestati mill-partijiet, għall-punti tad-dritt u għad-deskrizzjoni tal-proċedura.

–       Ir-rifjut li jiġi ggarantit l-anonimat lix-xhieda

68      Preliminarjament għandu jitfakkar li qabel ma’ nbdiet l-investigazzjoni, id-direttur stabbilixxa, f’kooperazzjoni mal-investigatur, il-“[q]afas legali tal-investigazzjoni amministrattiva”. Dan il-qafas, li ma hemmx kontestazzjoni li japplika għall-partijiet, kellu fih intestatura bl-isem “modalitajiet dwar is-smigħ tax-xhieda” fejn kien stabbilit, b’mod partikolari, li “x-xhieda ma setgħux jibbenefikaw mill-anonimat fil-konfront ta’ ebda parti ħlief jekk ċirkustanzi partikolari juru b’mod ċar il-ħtieġa tal-anonimat”.

69      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk f’dan il-każ kienx hemm ċirkustanzi partikolari fejn l-investigatur kellu jagħti l-anonimat lix-xhieda li kien sema’ kif ukoll lil dawk li probabbilment seta’ jisma’.

70      Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ jeħtieġ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħti risposta fl-affermattiv.

71      Fil-fatt, l-investigatur stess kien konsapevoli għal kollox mid-diffikultajiet għall-membri tal-persunal li jixhdu mingħajr ma jibbenefikaw mill-garanzija li l-identità tagħhom ma tiġix ikkomunikata liż-żewġ persuni akkużati b’fastidju psikoloġiku. Għalhekk, fir-rapport finali, l-investigatur indika li huwa “[seta’] josserva f’diversi każijiet li l-membri tal-persunal tal-FRA ? partikolarment tad-Diviżjoni 1 ‘Amministrazzjoni’ ? ma kinux disposti, anzi kienu kontra, li jixhdu, minħabba biża’ ta’ tpattija” u li, b’mod partikolari, wieħed minnhom, li ġie rrifjutat l-anonimat minkejja t-talba tiegħu, “kien irrifjuta li jixhed”. L-investigatur osserva wkoll li għalkemm “persuni oħra, minkejja r-riżervi tal-bidu tagħhom, kienu aċċettaw finalment li jixhdu [huwa kellu] l-impressjoni ċara li [kienu] ’il bogħod milli jgħidu dak kollu li setgħu jgħidu” u li għalhekk “[ma setax jeskludi] l-possibbiltà li din l-investigazzjoni ma setgħetx titfa’ d-dawl kollu u li proċeduri ulterjuri ta’ investigazzjoni eventwali ma jkunux jistgħu jagħmlu aħjar”. Fl-aħħar nett, fil-konklużjoni tar-rapport finali, l-investigatur ippreċiża li, minħabba d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom sabiex jipperswadi lill-membri tal-persunal biex jixhdu, “ix-xhieda li ngħatat kienet limitata ħafna”.

72      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-investigatur, fl-istess ħin li enfasizza dawn id-diffikultajiet, sostna li l-investigazzjoni kienet ippermettiet li tiġi identifikata “atmosfera intensa ta’ biża’ fi ħdan id-Diviżjoni 1 ‘Amministrazzjoni’, atmosfera li [kellha] bħala konsegwenza li l-membri tal-persunal ma [kinux azzardaw] jesprimu l-fehma tagħhom jew, għall-inqas, [kienu] riluttanti ħafna li jagħmlu dan”.

73      Issa, filwaqt li l-elementi kollha li semma l-investigatur stess kellhom iwassluh sabiex jiggarantixxi l-anonimat lix-xhieda, huwa, b’mod kontradittorju, ma kienx tah, minkejja talba magħmula f’dan is-sens mir-rikorrent.

74      Huwa veru li fir-rapport finali, l-investigatur iġġustifika r-rifjut tiegħu li jiggarantixxi l-anonimat lix-xhieda proposti mir-rikorrent bil-fatt li protezzjoni bħal din kienet illużorja, għaliex, fil-fehma tiegħu, il-persuni inkwistjoni fit-talba għal assistenza kienu neċessarjament f’pożizzjoni, bi grad għoli ta’ probabbiltà, li jiskopru l-oriġni tal-informazzjoni. Madankollu, bl-ebda mod ma huwa stabbilit li kieku l-anonimat ingħata, l-investigatur ma kienx ikun jista’ jiżgura lix-xhieda protezzjoni adegwata u, b’mod partikolari, kien ikun fl-impossibbiltà li jħejji proċessi verbali tas-seduti f’kundizzjonijiet li jipprekludu l-identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fis-6 ta’ Frar 2009, il-membru tal-persunal prinċipali akkużat mir-rikorrent, jiġifieri M., bagħat lid-direttur, li fuq kollox kien għadu subordinat tiegħu, nota li fiha indika lil dan tal-aħħar li l-“anonimat [tax-xhieda] ma [setax] jiġi aċċettat fl-ebda ċirkustanza”. Minħabba l-kuntest deskritt mill-investigatur stess, partikolarment l-“atmosfera intensa ta’ biża’ fi ħdan id-Diviżjoni 1 ‘Amministrazzjoni’” l-eżistenza ta’ nota bħal dik u t-termini tagħha jikkonfermaw li l-anonimat tax-xhieda kien jikkostitwixxu ħtieġa sabiex l-investigazzjoni tista’ titwettaq f’kundizzjonijiet xierqa.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li r-rifjut tal-investigatur li jiggarantixxi l-anonimat lix-xhieda ma ħalliehx jagħmel eżami komplet taċ-ċirkustanzi tal-każ u, għaldaqstant, l-investigazzjoni kienet ivvizzjata b’irregolarità.

77      Għaldaqstant, u sa fejn, kif intqal, id-direttur ibbaża ruħu fuq ir-rapport finali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li din hija vvizzjata b’illegalità.

78      Billi l-ewwel żewġ motivi mqajma kontra d-deċiżjoni kkontestata ntlaqgħu, dik id-deċiżjoni għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors u, b’mod partikolari, dawk ibbażati fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett legali ta’ fastidju psikoloġiku u fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

79      Ir-rikorrent jitlob li l-FRA tiġi kkundannata tagħti kumpens ta’ EUR 71 823.23 għad-dannu materjali li sofra minħabba l-fastidju psikoloġiku.

80      Barra minn hekk, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jikkundanna lill-FRA tħallsu s-somma ta’ EUR 85 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat, minn naħa, mill-fastidju psikoloġiku li sofra u, minn naħa l-oħra, mil-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, li rrifjutat milli tikkonstata dan il-fastidju.

81      L-FRA titlob li dawn it-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

82      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għall-kundanna tal-FRA sabiex tikkumpensa d-dannu materjali u morali minħabba l-fatt tal-fastidju psikoloġiku, għandu jiġi mfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan il-kumpens għad-danni kkawżati lil uffiċjali jew lil membru tal-persunal mill-aġir ta’ terzi jew ta’ uffiċjali oħra msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, bil-kundizzjoni li huwa ma setax jikseb kumpens mill-persuni li kkawżawlu d-dannu (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown vs Il‑Kummissjoni, C‑365/05 P, punt 78). L-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal hija għalhekk suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-danni allegati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Marzu 2005, L vs Il‑Kummissjoni, T‑254/02, punt 148; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, punt 67).

83      Issa, f’dan il-każ, la huwa stabbilit u lanqas allegat li, sabiex jiġi kkumpensat id-dannu li jirriżulta mill-fastidju psikoloġiku li sofra, ir-rikorrent eżawrixxa r-rimedji nazzjonali jew li dawk ir-rimedji ma kinux jipprovdu protezzjoni effettiva. Minn dan jirriżulta li t-talbiet għal kumpens għal dak id-dannu għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

84      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-kundanna tal-FRA sabiex tikkumpensa d-dannu morali li rriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, punt 127; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Mejju 2008, Suvikas vs Il‑Kunsill, F‑6/07, punt 151), sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha hija bbażata l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat għal kollox b’din l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummisssjoni, C‑343/87, punti 27 u 28 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, punt 131).

85      F’din il-kawża, huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda evalwazzjoni dwar il-kapaċitajiet jew l-aġir tar-rikorrent li jista’ jikkawżalu dannu. Madankollu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet dubjużi li fihom it-talba għal assistenza tar-rikorrent ġiet ittrattata u kif tmexxiet l-investigazzjoni, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha kumpens adegwat u biżżejjed għad-dannu morali kkawżat b’din l-istess deċiżjoni, liema dannu jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà kkawżat mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant hemm lok li l-FRA tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 5 000.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

87      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-FRA hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-FRA għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2009 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali hija annullata.

2)      L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali hija kkundannata tħallas lil T. Allgeier is-somma ta’ EUR 5 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għandha tħallas l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tħallas l-ispejjeż sostnuti minn T. Allgeier.

Kreppel

Perillo

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2011.

W. Hakenberg

 

       H. Kreppel

Ir-Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.