Language of document : ECLI:EU:F:2007:194

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Novembru 2007

Kawża F-77/06

Fotini Colovea

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Xogħol fuq bażi part-time bi tħejjija għall-irtirar – Esklużjoni tad-drittijiet ta’ pensjoni ttrasferiti fil-kalkolu tas-salarju bażi għar-remunerazzjoni tax-xogħol fuq bażi part-time – Konklużjoni Nru 241/05 tal-Bord ta’ Kapijiet ta’ l-Amministrazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Colovea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament, ta’ l-20 ta’ Settembru 2005, ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006, li tiċħad it-talba tagħha, li ma jiġux ikkunsidrati d-drittijiet tagħha għal pensjoni li huma ttrasferiti lejn is-sistema Komunitarja ta’ pensjonijiet fil-kalkolu tal-perċentwali tas-salarju bażi li ġie rikonoxxut lir-rikorrenti meta ġiet aċċettata t-talba tagħha li taħdem fuq bażi part-time sabiex tħejji ruħha għall-irtirar tagħha

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Xogħol fuq bażi part-time qabel l-irtirar

(Regolamenti tal-Persunal, Annessi IV a, Artikolu 4(b), u VIII, Artikoli  2 sa 5, 9, 9a u 11)

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv minn qabel – Suġġett u bażi ġuridika identiċi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu  90(2))

1.      L-Artikolu 4(b) ta’ l-Anness IV tar-Regolament,  li jirregola r-regoli ddettaljati tal-kalkolu tas-salarju mnaqqas għax-xogħol fuq bażi part-time imwettaq minn uffiċjal li qiegħed iħejji ruħu għall-irtirar tiegħu, jinkludi lista eżawrjenti tas-snin ta’ servizz li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi kkalkolat il-perċentwali tas-salarju bażi li għandha dritt għalih il-parti interessata. Dan jipprovdi li huma kkunsidrati s-snin ta’ servizz miksuba skond l-Artikoli 2 sa 5, 9 u 9a ta’ l-Anness VIII tar-Regolament, iżda bl-ebda mod ma jsemmi l-Artikolu 11 ta’ l-Anness VIII tar-Regolament. Konsegwentement, is-snin ta’ servizz miskuba wara trasferiment ta’ drittijiet ta’ pensjoni lejn is-sistema ta’ pensjoni Komunitarja awtorizzat mill-isemmi Artikolu 11 mhumiex previsti mill-Artikolu 4(b), ta’ l-Anness IV a tar-Regolament.

Din l-interpretazzjoni letterali ta’ l-Artikolu 4(b) ta’ l-Anness IV a tar-Regolament hija msaħħa permezz ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sistema li hija parti minnha din id-dispożizzjoni. Minn naħa, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu IV a tar-Regolament jikkostitwixxu sistema awtonoma li tirregola r-regoli ddettaljati għall-kalkolu tas-salarju mnaqqas għax-xogħol fuq bażi part-time imwettaq mill-uffiċjal sabiex iħejji ruħu għall-irtirar tiegħu, fejn l-imsemmija sistema tagħmel parti mis-sistema ġenerali tar-regoli ddettaljati ta’ xogħol fuq bażi part-time, elenkati fl-Anness IV a tar-Regolament. Bil-kontra, ir-regola prevista fl-Artikolu 11 ta’ l-Anness VIII tar-Regolament hija speċifika għas-sistema tal-pensjonijiet u ma tistax tiġi interpretata bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jimponi l-kunsiderazzjoni bħala servizz effettiv ix-xogħol imwettaq qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-kuntest ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Anness IV a tar-Regolament u mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha, jiġifieri s-sistema tar-regoli ddettaljati tax-xogħol fuq bażi part-time, li għandhom jitqiesu s-snin ta’ qabel id-dħul fis-servizz fil-Komunitajiet fil-kalkolu tal-perċentwali tas-salarju bażi rikonoxxut  lill-parti interessata meta tintlaqa’ t-talba tagħha sabiex twettaq xogħol fuq bażi part-time sabiex tħejji ruħha għall-irtirar.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali relatat mas-salarju tas-snin ta’ servizz miksuba fi ħdan istituzzjoni meta mqabblin mas-snin ta’ servizz miksuba wara t-trasferiment tad-drittijiet ta’ pensjoni, somma ta’ flus li permezz tagħha l-uffiċjal ikkontribwixxa għall-baġit Komunitarju u perijodu ta’ żmien iddedikat għas-servizz ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jikkostitwixxux valuri li jistgħu jiġu mqabblin. Għaldaqstant l-uffiċjal li, fil-mument li daħal fis-servizz tal-Komunitajiet, ittrasferixxa lejn is-sistema ta’ pensjonijiet Komunitarji, kapital li jikkorrispondi għad-drittijiet li huwa kiseb fis-sistema nazzjonali ma jinsabx f’sitwazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik ta’ uffiċjal li daħal fis-servizz tal-Komunitajiet qabel, u li kkontribwixxa għas-sistema ta’ pensjoni Komunitarja minn dak iż-żmien ’il quddiem permezz ta’ kontribuzzjonijiet meħudin mis-salarju tiegħu.

(ara l-punti 35 sa 40 u 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : 11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C‑227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punti 67 u 68

Il-Qorti tal-Prim’Istanza : 16 ta’ Diċembru 2004, Pappas vs Il-Kummissjoni, T‑11/02, ĠabraSP p. I‑A‑381 u II‑1773, punt 44

2.      Ir-regola tal-qbil bejn l-ilment amministrattiv fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolament u r-rikors sussegwenti teħtieġ, sabiex ma jiġix miċħud bħala inammissibbli, li motiv imqajjem quddiem il-qorti Komunitarja jkun diġà tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenjuża, sabiex l-awtorità tal-ħatra tkun f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni, b’mod suffiċjentement preċiż, ta’ l-ilmenti li l-parti interessata tressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata. Din ir-regola hija ġġustifikata mill-għan innifsu tal-proċedura prekontenzjuża li huwa li tippermetti ftehim bonarju tal-kwistjonijiet li jqumu bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija awtorità għandha tkun informata b’mod ċar bl-ilmenti mqajmin mir-rikorrenti sabiex tkun f’pożizzjoni li tipproponilu ftehim bonarju.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: l-1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il-Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punt 32 ; l-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 9

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: id-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraFP I-A-2-297 et II-A-2-1527, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata.