Language of document : ECLI:EU:C:2021:515

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑24 ta’ Ġunju 2021 (1)

Kawża C709/20

CG

vs

The Department for Communities in Northern Ireland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit – Perjodu ta’ tranżizzjoni – Artikolu 18 TFUE – Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24 – Dritt ta’ residenza nazzjonali – Benefiċċji ta’ għajnuna soċjali – Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċju ta’ għajxien liċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li għandhom dritt ta’ residenza nazzjonali – Ugwaljanza fit-trattament”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.

2.        Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn CG, ċittadina Olandiża u Kroata, residenti fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) sa mis-sena 2018, u d-Department for Communities in Northern Ireland (il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha benefiċċju ta’ sussistenza, imsejjaħ “Universal Credit” (kreditu universali).

3.        Id-domanda li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda, essenzjalment, il-protezzjoni dovuta lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, meta l-Istat Membru ospitanti jkun tah dritt ta’ residenza, ibbażat fuq id-dritt nazzjonali, f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38/KE (2).

4.        Din il-kawża toffri għalhekk l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża kif huma artikolati l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva u f’liema kundizzjonijiet għandu jiġi implimentat il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali teskludi mill-aċċess għal benefiċċji soċjali, li huma intiżi sabiex jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom il-minimu ta’ mezzi ta’ għajxien, ċerti ċittadini tal-Unjoni minħabba n-natura tad-dritt ta’ residenza tagħhom, filwaqt li dawn il-benefiċċji huma żgurati liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ faqar.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rifjut ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali minn Stat Membru fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li huwa ekonomikament inattiv abbażi biss tan-natura tad-dritt ta’ residenza tiegħu, mogħti mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi skont dispożizzjoni nazzjonali, jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u li, f’tali każ, din il-leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm l-ekwilibriju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit

6.        Il-paragrafu 6 u 8 tal-preambolu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3), approvat permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 (4), jipprovdu:

“Filwaqt li jirrikonoxxu li jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal dawk tar-Renju Unit, kif ukoll għall-membri tal-familji rispettivi tagħhom, fejn huma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu qabel id-data stabbilita f’dan il-Ftehim, u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom taħt dan il-Ftehim ikunu infurzabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li d-drittijiet li joriġinaw minn perjodi ta’ assigurazzjoni ta’ sigurtà soċjali jenħtieġ li jiġu protetti,

[…]

Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu […] id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) jew ir-relazzjonijiet futuri,”

7.        L-Artikolu 2(a) u (c) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘dritt tal-Unjoni’ tfisser:

(i)      it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘TUE’), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE’) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika […], kif emendati jew supplimentati, kif ukoll it-Trattati tal-Adeżjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”], flimkien imsejħa ‘t-Trattati’;

(ii)      il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni;

(iii)      l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni;

[…]

ċ)      ‘ċittadin tal-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”.

8.        It-tieni parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolata “Drittijiet taċ-ċittadini” (5), tinkludi l-Artikoli 9 sa 39.

9.        L-Artikolu 13(1) ta’ dan il-ftehim jippreċiża:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit għandu jkollhom id-dritt li jirrisjedu fl-Istat ospitanti bil-limitazzjonijiet u bil-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikoli 21, 45 jew 49 TFUE u fl-Artikolu 6(1), fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 7(3), fl-Artikolu 14, fl-Artikolu 16(1) jew fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2004/38/KE”.

10.      L-Artikolu 86(2) u (3) tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“2.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, skont il-każ”.

11.      L-Artikolu 89(1) tal-istess ftehim jipprovdi:

“Sentenzi u digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll sentenzi u digrieti tali mogħtija wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-proċedimenti msemmija fl-Artikoli 86 u 87, għandhom ikunu legalment vinkolani fl-intier tagħhom fil-konfront tar-Renju Unit u fir-Renju Unit”.

12.      L-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprovdi:

“Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020”.

13.      L-Artikolu 127 ta’ dan il-ftehim jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

[…]

3.      Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni”.

14.      Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit daħal fis-seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2020 f’nofs il-lejl (6).

2.      Id-Direttiva 2004/38

15.      Il-premessi 10, 20 u 21 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedu:

“(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx […] ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(20)      Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.

(21)      Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni”.

16.      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

ċ)      il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.

17.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom”.

18.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafu (1)(b) u (d) tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

d)      membri tal-familja [fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2] li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ)”.

19.      Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament ugwali”:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.

20.      L-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva”.

B.      Id-dritt tar-Renju Unit

1.      L-EU Settlement Scheme – Immigration Rules Appendix EU

21.      L-EU Settlement Scheme – Immigration Rules Appendix EU (sistema ta’ residenza UE – L-Anness UE għar-regoli dwar l-immigrazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Anness UE”) (7) joħloq, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit, sistema ġdida li ġiet maħsuba bi tħejjija u bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Dan jippermetti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-Isvizzera, residenti fir-Renju Unit qabel il‑31 ta’ Diċembru 2020 u lill-membri tal-familja tagħhom, li jitolbu l-awtorizzazzjoni li jibqgħu fir-Renju Unit. Dan l-Anness UE daħal fis-seħħ fit‑30 ta’ Marzu 2019. Huwa jipprovdi li t-talbiet għad-dritt ta’ residenza għandhom jiġu ppreżentati mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021 (8).

22.      L-Anness UE jipprovdi għall-għoti:

–        tal-istatus ta’ resident permanenti li jagħti d-dritt li jibqgħu b’mod indefinit fir-Renju Unit, lill-applikanti li għexu b’mod kontinwu fir-Renju Unit għal ħames snin, skont l-Artikoli 2, 2A u 11 sa 13, kif ukoll

–        l-istatus ta’ resident provviżorju li jawtorizza lill-applikanti jibqgħu fir-Renju Unit għal ħames snin, u b’hekk jingħaddu mat-tmiem tal-perijodu ta’ residenza meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ resident permanenti, skont l-Artikoli 3, 3A u 14.

23.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, b’differenza mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 (9), l-Anness UE jippermetti liċ-ċittadini ekonomikament inattivi, li bħalissa ma għandhomx dritt ta’ residenza skont id-dritt tal-Unjoni, li jkomplu jirrisjedu fit-territorju sakemm ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni. Dawn il-persuni jistgħu wkoll jiksbu l-istatus ta’ resident permanenti wara ħames snin ta’ residenza sempliċi. Sa minn meta jiksbu dan l-istatus, huma għandhom aċċess inkundizzjonat għas-sistema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit.

2.      Ir-Regolament tal2016 dwar il-Kreditu Universali

24.      L-Universal Credit Regulations (Northern Ireland) 2016 (ir-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali (l-Irlanda ta’ Fuq)), kif emendat mis-Social Security (Income-related Benefits) (Updating and Amendment) (EU Exit) Regulations (Northern Ireland) 2019 (ir-Regolament tal‑2019 dwar is-Sigurtà Soċjali (allowances marbuta mar-riżorsi) (aġġornar u emenda) (ħruġ mill-Unjoni Ewropea) (l-Irlanda ta’ Fuq) (10)) (11), jinkludi dispożizzjonijiet intiżi li jiddeterminaw liema persuni għandhom dritt għall-kreditu universali u kif jikkalkulawh.

25.      Il-kreditu universali huwa skema ta’ protezzjoni soċjali ffinanzjata mit-taxxa u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ dħul li l-għan tagħhom huwa li jissostitwixxu diversi benefiċċji soċjali oħra li sparixxew (jew li għadhom fis-seħħ), bħall-allowance għal min ifittex impjieg kif ukoll l-allowance għal impjieg u ta’ sostenn ibbażati fuq id-dħul, l-għajnuna għad-dħul, il-kreditu tat-taxxa għall-persuni attivi, il-kreditu tat-taxxa għall-ulied u l-allowance għal akkomodazzjoni (12).

26.      Il-fatt li wieħed jinsab fl-Irlanda ta’ Fuq huwa kundizzjoni li għaliha huwa suġġett id-dritt għall-kreditu universali, skont l-Artikolu 9(1)(c) tal-Welfare Reform (Northern Ireland) Order 2015 (Digriet tal‑2015 dwar ir-riforma tas-sigurtà soċjali (l-Irlanda ta’ Fuq)) (13).

27.      L-Artikolu 9 tar-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali jipprovdi:

“(1)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna tissodisfax il-kundizzjoni bażika sabiex tinsab fl-Irlanda ta’ Fuq, ħlief fil-każ fejn persuna taqa’ taħt il-paragrafu 4, persuna għandha titqies li ma tinsabx fl-Irlanda ta’ Fuq jekk hija ma għandhiex ir-residenza abitwali tagħha fir-Renju Unit, fiċ-Channel Islands, fl-Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda.

(2)      Persuna titqies li għandha r-residenza abitwali tagħha fir-Renju Unit, fiċ-Channel Islands, f’Isle of Man jew fir-Repubblika tal-Irlanda biss jekk ikollha dritt ta’ residenza f’wieħed minn dawn il-postijiet.

(3)      Għall-finijiet tal-paragrafu 2, dritt ta’ residenza ma jinkludix dritt li jeżisti taħt jew skont:

(a)      l-Artikolu 13 tal-Immigration (Ewropean Economic Area) Regulations 2016 [ir-Regolament tal‑2016 dwar l-Immigrazzjoni (ŻEE) (14)] jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2004/38],

(b)      l-Artikolu 14 tar-[Regolament ŻEE] [(15)], iżda biss fil-każijiet fejn tali dritt jeżisti skont ir-Regolament ŻEE minħabba l-fatt li l-persuna hija:

(i)      persuna eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, jew

(ii)      membru tal-familja (fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament) ta’ tali persuna li qiegħda tfittex xogħol,

(c)      l-Artikolu 16 tar-Regolament ŻEE, iżda biss fil-każijiet fejn jeżisti dritt taħt dan ir-regolament għaliex il-persuna tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 16(5) tal-imsemmi regolament [(16)], jew fl-Artikolu 20 [TFUE] (fil-każijiet fejn id-dritt ta’ residenza jitnissel mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ dan, ċittadin Brittaniku jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni), jew

(d)      persuna li kisbet awtorizzazzjoni limitata għad-dħul jew għar-residenza fir-Renju Unit skont l-Immigration Act 1971 (il-Liġi tal‑1971 dwar l-Immigrazzjoni) skont:

(i)      [l-Anness UE (17)], jew

(ii)      is-sitwazzjoni tagħha bħala persuna li għandha dritt ta’ residenza kif irrikonoxxut skont il-ġurisprudenza Zambrano [sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124)] u ddefinita fl-Anness 1 tal-[Anness UE] adottati skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tal‑1971 dwar l-Immigrazzjoni.

(4)      Persuna taqa’ taħt dan il-paragrafu jekk hija —

(a)      persuna eliġibbli għall-finijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament ŻEE bħala persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha,

(b)      membru tal-familja ta’ persuna msemmija taħt (a) fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (c) tar-Regolament ŻEE [(18)],

(c)      persuna li għandha dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit skont l-Artikolu 15(1)(c), (d) jew (e) tar-Regolament ŻEE,

(d)      refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit‑28 ta’ Lulju 1951, kif emendata permezz tal-Artikolu 1(2) tal-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmat fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967,

(e)      persuna li kisbet, jew li hija meqjusa li kisbet, awtorizzazzjoni barra mir-regoli stabbiliti skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tal‑1971 dwar l-Immigrazzjoni, meta din l-awtorizzazzjoni hija:

(i)      awtorizzazzjoni diskrezzjonali sabiex persuna tidħol jew tibqa’ fir-Renju Unit,

(ii)      awtorizzazzjoni biex persuna tibqa’ taħt l-eċċezzjoni bbażata fuq il-vjolenza familjari, jew

(iii)      awtorizzazzjoni meqjusa li tkun ingħatat skont l-Artikolu 3 tad-Displaced Persons (Temporary Protection) Regulations 2005 [ir-Regolamenti tal‑2005 dwar il-Persuni Spostati (Protezzjoni Temporanja)],

(f)      persuna li tibbenefika minn protezzjoni umanitarja mogħtija skont dawn ir-regoli, jew

(g)      persuna li ma hijiex persuna suġġetta għall-kontroll tal-immigrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 115(9) tal-Immigration and Asylum Act 1999 [il-Liġi tal‑1999 dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil] u li tinsab fir-Renju Unit minħabba t-tneħħija tagħha, it-tkeċċija tagħha jew refoulement legali ieħor mit-territorju ta’ pajjiż ieħor lejn ir-Renju Unit.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, CG, hija ċittadina Olandiża u Kroata, omm waħedha ta’ żewġt itfal żgħar (19), li ddikjarat li waslet fl-Irlanda ta’ Fuq matul is-sena 2018 (20). Din qatt ma eżerċitat attività ekonomika fir-Renju Unit u kienet tgħix mas-sieħeb tagħha, ċittadin tal-Unjoni, ta’ nazzjonalità Olandiża u missier it-tfal tagħha, sakemm hi marret f’rifuġju għan-nisa msawta wara allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika (21). CG ma għandhiex riżorsi u ma għandha aċċess għall-ebda benefiċċji soċjali sabiex issostni l-bżonnijiet tagħha u dawk tat-tfal tagħha.

29.      Fl‑4 ta’ Ġunju 2020, CG kisbet status ta’ resident provviżorju fir-Renju Unit abbażi tal-Anness UE. Dan l-istatus jingħata mill-Home Office (il-Ministeru għall-Intern, ir-Renju Unit) liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu rrisjedew fir-Renju Unit għal perijodu ta’ inqas minn ħames snin, mingħajr ma jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ biżżejjed riżorsi. Dan l-istatus joffri l-possibbiltà li persuna tibqa’ fir-Renju Unit għal żmien determinat ta’ ħames snin wara t-tmiem tal-perijodu tranżitorju (22) previst mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit.

30.      Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza ta’ CG (23), il-qorti tar-rinviju tikkonstata li:

–        CG ma tistax tibbaża ruħha fuq il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, peress li hija ma wrietx li hija miżżewġa jew li għad għandha relazzjoni stabbli ma’ ċittadin tal-Unjoni, u

–        CG kisbet awtorizzazzjoni ta’ residenza temporanja (status ta’ resident provviżorju), li għandha tiġi distinta minn “residence permit” (permess ta’ residenza).

31.      Fit‑8 ta’ Ġunju 2020, CG talbet benefiċċju ta’ għajnuna soċjali (kreditu universali), mingħand il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq. Dan ċaħad it-talba tagħha permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020 abbażi tal-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali, introdott permezz tar-Regolament tal‑2019 dwar is-Sigurtà Soċjali, għar-raġuni li, minħabba din l-emenda, iċ-ċittadini tal-Unjoni, li għandhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit għal żmien determinat, skont l-Anness UE, ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ residenza fl-Irlanda ta’ Fuq stabbilita minn dan l-artikolu sabiex jiksbu benefiċċju ta’ għajnuna soċjali. L-appell intern ippreżentat minn CG ġie miċħud fit‑30 ta’ Ġunju 2020.

32.      Il-qorti tar-rinviju hija adita bl-appell ippreżentat minn CG kontra din id-deċiżjoni. CG tikkontesta l-legalità tal-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni, li teskludi mit-tgawdija ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ċ-ċittadini tal-Unjoni li r-Renju Unit irrikonoxxa bħala residenti legalment fit-territorju tiegħu, hija inkompatibbli mal-obbligi tar-Renju Unit taħt il-European Communities Act 1972 (il-Liġi tal‑1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej) (24) u tkun tikser l-Artikolu 18 TFUE.

33.      F’dan ir-rigward, CG issostni li r-rifjut li jingħatalha benefiċċju ta’ għajnuna soċjali, filwaqt li ngħatalha dritt ta’ residenza għal żmien determinat skont id-dritt nazzjonali, minkejja li hija ma jkollhiex dritt ta’ residenza fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi differenza fit-trattament meta mqabbla maċ-ċittadini Brittaniċi u, għaldaqstant, diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

34.      Min-naħa l-oħra, il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq isostni, għall-kuntrarju, li, skont id-dritt tar-Renju Unit, l-istatus ta’ resident provviżorju ma jagħtix minnu nnifsu dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, liema jibqgħu suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà rispettivi tagħhom.

35.      Huwa jirrileva li ċ-ċirkustanzi tal-każ huma distinti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Trojani (25), u li l-qrati nazzjonali segwew b’mod kostanti s-sentenza Patmalniece, tas‑16 ta’ Marzu 2011, tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, ir-Renju Unit), li kkonstatat li, minkejja li l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ residenza abitwali kienet indirettament diskriminatorja, din kienet iġġustifikata.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell għall-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Ir-Regola 9(3)[d](i) [tar-Regolament tal_2016 dwar il-Kreditu Universali] li ġiet inkluża permezz tar-[Regolament tal‑2019 dwar is-Sigurtà Soċjali] li teskludi d-dritt għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li għandhom dritt ta’ residenza domestika (awtorizzazzjoni ta’ residenza limitata) [f’dan il-każ l-‘istatus ta’ residenza provviżorja’ miksub abbażi tal-Anness UE] hija diskriminatorja u illegali (direttament jew indirettament) skont l-Artikolu 18 tat-[TFUE] u hija inkonsistenti mal-obbligi tar-Renju Unit taħt [l-Att dwar il-Komunitajiet Ewropej tal-1972]?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, u r-Regola 9(3)[d](i) tar-[Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali] titqies li hija indirettament diskriminatorja, din id-dispożizzjoni hija ġġustifikata skont l-Artikolu 18 [TFUE] u hija inkonsistenti mal-obbligi tar-Renju Unit taħt [l-Att dwar il-Komunitajiet Ewropej tal-1972]?”

37.      Fil‑11 ta’ Frar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura.

38.      CG (26), il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl‑4 ta’ Mejju 2021.

IV.    Analiżi

39.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk teżistix diskriminazzjoni diretta jew indiretta, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li tkun tirriżulta mill-esklużjoni ta’ ċerti ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fir-Renju Unit mit-tgawdija tal-benefiċċji soċjali minħabba n-natura tad-dritt ta’ residenza li ngħatalhom abbażi tad-dritt nazzjonali.

40.      Iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali kif ukoll il-ġurisprudenza abbondanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament marbuta mad-dritt għal benefiċċji soċjali li ċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom jistgħu jitolbu jwassluni sabiex nikkunsidra li huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih taqa’ t-talba għal deċiżjoni preliminari.

A.      Fuq il-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari u r-riformulazzjoni tagħha

41.      Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi ppreċiżata l-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex is-suġġett tat-tilwima huwa talba għal benefiċċju soċjali, ippreżentata fit‑8 ta’ Ġunju 2020 minn ċittadin tal-Unjoni resident fir-Renju Unit, li ġiet miċħuda fit‑30 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit (27). F’dan ir-rigward, nenfasizza li t-tilwima ma tikkonċernax id-dritt ta’ residenza, imsejjaħ l-“istatus ta’ resident provviżorju”, li ngħata lil CG fl‑4 ta’ Ġunju 2020 skont l-Anness UE (28), iżda dwar ir-rifjut tal-benefiċċju tal-kreditu universali li ngħata lilha minħabba n-natura tad-dritt ta’ residenza tagħha. Peress li l-fatti u d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli kollha jinsabu, kemm qabel, kif ukoll matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, u li t-talba tal-qorti tar-rinviju ġiet irreġistrata mir-Reġistru fit‑30 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 86(2) u (3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit (29).

42.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-benefiċċji mitluba minn CG abbażi tal-Artikolu 18 TFUE, li fuqha tiddependi l-identifikazzjoni tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li permezz tagħha għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (30), nirrileva li huwa paċifiku li hija l-assenza ta’ riżorsi li fuqha hija bbażata t-talba ta’ CG ta’ kreditu universali għaliha nnifisha u għat-tfal tagħha (31) u li dan il-benefiċċju huwa kklassifikat bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38. Il-preċiżazzjoni magħmula matul is-seduta li skontha l-benefiċċju mitlub minn CG ikollu jkopri l-ispejjeż tas-saħħa tagħha ma hijiex ta’ natura li tibdel din il-klassifikazzjoni.

43.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett ta’ “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” jkopri kull benefiċċju fi flus ta’ natura mhux kontributorja, li jikkostitwixxi l-espressjoni tas-solidarjetà nazzjonali u ffinanzjata bħala tali (32). Peress li hija intiża sabiex tiżgura l-għajxien tal-persuna li tirċeviha, din hija inkundizzjonata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-benefiċċji ta’ għajxien intiżi sabiex jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom il-minimu tal-mezzi ta’ għajxien neċessarji sabiex jgħixu ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem, għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (33).

44.      Fit-tielet lok, il-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ CG huma differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, huwa paċifiku li fl‑4 ta’ Ġunju 2020, CG kisbet, skont l-Anness UE, dritt ta’ residenza msejjaħ “status ta’ resident provviżorju”, li jingħata mingħajr ebda kundizzjoni ta’ riżorsi jew ta’ sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjoni soċjali u anki jekk il-persuna ma għandhiex attività professjonali. Dan l-istatus jippermettilha tirrisjedi legalment fir-Renju Unit għal ħames snin u li tkun tista’ titlob, fi tmiem dan it-terminu, l-istatus ta’ resident permanenti, li jiftħilha l-possibbiltà li tgawdi minn benefiċċji soċjali.

45.      Peress li CG, ċittadina tal-Unjoni, eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha u tirrisjedi, f’din il-kapaċità, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (34), anki jekk dritt ta’ residenza ingħata lilha skont id-dritt nazzjonali taħt kundizzjonijiet aktar flessibbli mir-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2004/38. Għandu jiġi speċifikat fuq dan il-punt li, wara li persuna takkwista d-dritt ta’ residenza tagħha u titlob it-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija garantita mill-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit.

46.      Konsegwentement u, fir-raba’ lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (35). Issa, fil-qasam tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 (36).

47.      Għalhekk, minħabba s-sempliċi fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li s-sitwazzjoni tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE kif titlob il-qorti tar-rinviju.

48.      Konsegwentement, ma jistax jinsilet argument mill-analoġija taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali ma’ dawk li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 18 TFUE, f’każijiet ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq id-dritt nazzjonali, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38 (37), anki jekk din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti minn ċerti aspetti sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja implimentat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ippreċiżat sussegwentement fl-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva (38).

49.      Fi kliem ieħor, peress li huwa stabbilit il-prinċipju tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/38 u, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 24 tagħha u s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma huwiex iktar fid-dawl tal-Artikolu 18 TFUE li l-kwistjoni tad-drittijiet għat-tgawdija tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali għandha tiġi eżaminata, sakemm ma jiġix adottat raġunament kontradittorju (39).

50.      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (40).

51.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifformula mill-ġdid iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju li hemm lok, fil-fehma tiegħi, li jiġu eżaminati flimkien u li jiġi kkunsidrat li din tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, ċittadini tal-Unjoni li lilhom huwa ta dritt ta’ residenza legali mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi, filwaqt li dawn il-benefiċċji huma żgurati liċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ta’ faqar, u jekk, skont il-każ, tali diskriminazzjoni tistax tkun iġġustifikata.

52.      F’dan l-istadju tar-riflessjoni, għandu jiġi redatt il-bilanċ tal-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 qabel ma tiġi evalwata l-possibbiltà li tevolvi fil-każ ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza legali permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali iktar favorevoli mir-rekwiżiti li jinsabu f’din id-direttiva.

B.      Fuq il-kriterju tal-applikabbiltà tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 ibbażat fuq id-dritt ta’ residenza “skont id-direttiva” fil-qasam tad-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali

53.      Nosserva li, mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-effetti, fil-qasam ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, ta’ dritt ta’ residenza legali, mogħti f’kundizzjonijiet li ma humiex dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni li jirregolaw id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom.

54.      Min-naħa l-oħra, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit illum fl-Artikolu 18 TFUE, sabiex jgawdu minn benefiċċju ta’ għajnuna soċjali (41).

55.      Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva fuq il-bażi ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-persuni kkonċernati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiksbu dritt ta’ residenza previsti mill-imsemmija direttiva u kellhom biss ċertifikati ta’ residenza għal perijodu mingħajr limitu li għandhom biss valur dikjarattiv (42). Infakkar, f’dan ir-rigward, illi l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk huma għandhom biżżejjed riżorsi sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti u jkollhom assigurazzjoni ta’ mard. Jekk jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, ir-residenza ma tistax tiġilu rrifjutata. Għall-kuntrarju, dan ifisser li l-Istati Membri ma humiex obbligati jippermettu r-residenza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi mit-tgawdija ta’ ċerti “benefiċċji soċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” u li jikkostitwixxu wkoll “benefiċċju ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva u għalhekk ma jistgħux jinvokaw dritt ta’ residenza fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (43). Fis-sentenza Brey, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kundizzjoni, jiġifieri li din l-esklużjoni ma tkunx awtomatika fiċ-ċirkustanzi kollha (44).

57.      Jidhirli li għandha tiġi enfasizzata konsegwenza importanti ta’ din l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Dano, wara li rrilevat li s-sitwazzjoni inkwistjoni kienet taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (45) u li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE (46), madankollu fittxet abbażi tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva taħt liema kundizzjonijiet ċittadin li għandu ċertifikat ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat lilu l-għoti ta’ benefiċċji soċjali, filwaqt li l-uniċi esklużjonijiet għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din il-motivazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 (47), li leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-aċċess għall-benefiċċji soċjali biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li r-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti hija konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 ma tikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament (48).

60.      Sabiex tiddeċiedi b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-espressjoni “li jgħixu skond din id-Direttiva” fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38. Minn din il-formulazzjoni hija ddeduċiet li l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament seta’ jkun ta’ benefiċċju biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu skont il-liġi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minħabba li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, hija teskludi mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 24(1) tal-imsemmija direttiva liċ-ċittadini tal-Unjoni li, bħal CG, ingħataw dritt ta’ residenza għal ħames snin fi Stat Membru mingħajr ebda kundizzjoni ta’ riżorsi u li ma jiġġustifikawx li jkollhom, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess direttiva. Dawn il-persuni lanqas ma jistgħu jinvokaw il-protezzjoni tal-Artikolu 18 TFUE għar-raġunijiet esposti fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

61.      Dan għandu bħala konsegwenza li ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi regolarment u legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, filwaqt li huwa mingħajr mezzi ta’ għajxien, jista’ jiġi ttrattat b’mod differenti miċ-ċittadini ta’ dan l-Istat għas-sempliċi raġuni li l-Istat ospitanti jkun tah dritt ta’ residenza mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi.

62.      Dan il-kriterju bbażat fuq il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza “skond din id-Direttiva”, skont l-espressjoni użata fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, jikkostitwixxi għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-bażi tal-kwistjoni mingħajr preċedent li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din ma tirrigwardax dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li minnha jirriżulta d-dritt ta’ residenza (49).

63.      Il-ġustifikazzjoni ta’ dan il-kriterju, li huwa intiż sabiex jillimita l-għoti ta’ benefiċċji sabiex jinżamm l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ assigurazzjoni soċjali tal-Istati Membri minn piż mhux raġonevoli (50) hija marbuta mal-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2004/38, imfakkra fis-sentenza Ziolkowski u Szeja (51), li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fis-sentenza Dano fil-punti 70 sa 72, kif ukoll fis-sentenza Jobcenter Krefeld, mogħtija fis‑6 ta’ Ottubru 2020, fil-punt 63.

64.      Madankollu, f’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, inkluż taħt id-deroga prevista fil-paragrafu 2 tiegħu, minħabba li huma jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, iżda li xorta jistgħu jinvokaw dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 (52), l-imsemmija deroga ma tistax tiġi invokata kontrihom (53).

65.      Konsegwentement, fl-istat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Jobcenter Krefeld, il-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 ma għadux limitat għas-sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, iżda japplika wkoll għal dawk li fihom id-dritt ta’ residenza huwa bbażat fuq dispożizzjoni oħra tad-dritt sekondarju (54).

66.      Għalhekk, bħal fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza Jobcenter Krefeld, għandhom jiġu ddeterminati l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 mill-għoti ta’ residenza legali lil ċittadini tal-Unjoni minn Stat Membru f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn din id-direttiva fir-rigward tad-deċiżjoni li dawn iċ-ċittadini jiġu esklużi mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali sempliċement minħabba l-istatus tagħhom ta’ resident provviżorju (55).

C.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fil-każ ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza “legali nazzjonali”

67.      Mir-risposti tal-partijiet matul is-seduta jirriżulta li, billi stabbilixxa, permezz tal-Anness UE, dritt ta’ residenza mingħajr rekwiżit partikolari, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi taċ-ċittadin tal-Unjoni, ir-Renju Unit adotta miżura iktar favorevoli fis-sens tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 (56).

68.      Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi dwar l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni introdotta fid-Direttiva 2004/38.

69.      Fis-sentenza Ziolkowski u Szeja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li ma jkunx ta’ preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli minn dawk tad-Direttiva 2004/38 bl-ebda mod ma jimplika li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu integrati fis-sistema implimentata minn din id-direttiva (57). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li kull Stat Membru għandu jiddeċiedi mhux biss jekk din toħloqx tali sistema, iżda wkoll liema huma l-kundizzjonijiet u l-effetti ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi legali ta’ dritt ta’ residenza mogħti fuq il-bażi biss tad-dritt nazzjonali (58). U fir-rigward tal-qasam tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali?

1.      Il-portata tas-sentenza Ziolkowski u Szeja

70.      Minn naħa, nosserva li, fis-sentenza Ziolkowski u Szeja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq kwistjoni relatata mal-kisba ta’ permess ta’ residenza permanenti li tirriżulta minn dispożizzjoni ġdida mdaħħla fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 (59). Din id-deċiżjoni għalhekk ma kinitx tirrigwarda l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil ċittadin tal-Unjoni residenti fi Stat Membru u ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni il-bżonn għall-protezzjoni tal-persuni kkonċernati jew tal-kwistjonijiet relatati mal-piż mhux raġonevoli għall-finanzi ta’ dan l-Istat li seta’ jikkawża l-għoti ta’ tali benefiċċji lil persuni li għandhom permess ta’ residenza umanitarju bħal dawk maħruġa f’din il-kawża (60). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tinterpreta l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u lanqas li tevalwa differenza possibbli fit-trattament bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru u ċ-ċittadini ta’ dak l-istat.

71.      Għalhekk jidhirli li l-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għalihom fis-sentenza Ziolkowski u Szeja billi interpretat l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu trasposti b’mod utli fil-qasam tal-ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali.

72.      F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 li ħoloq dritt ta’ residenza permanenti, l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva huwa biss il-konkretizzazzjoni fil-qasam tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ċittadini tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE. Għaldaqstant, ma jistgħux jeżistu sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jista’ jirrisjedi legalment u regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma jibbenefika mid-dritt għan-nondiskriminazzjoni marbut mal-istatus tiegħu taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu 24.

73.      Fit-tieni lok, tali soluzzjoni jidhirli li hija konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38. L-għażla għall-Istati Membri li jieħdu dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti minn din id-direttiva fil-qasam tad-dritt ta’ residenza tagħmel sens biss jekk tiġi implimentata sabiex tadatta għal ċirkostanzi speċifiċi.

74.      Konsegwentement, inqis li l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “residenza legali” għandha tkun adattata sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ċittadini tal-Unjoni fil-qasam tal-benefiċċji soċjali fil-kuntest strettament stabbilit fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

2.      L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza legali”

75.      L-ewwel nett, jiena tal-fehma li s-sempliċi konstatazzjoni tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-persuna li tirrisjedi legalment fi Stat Membru ieħor (61) ikollha twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “residenza legali” jkopri dak ta’ “dritt ta’ residenza regolari” (62), a fortiori meta d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jiffavorixxi, minħabba din il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, iż-żamma fit-territorju tiegħu ta’ ċittadini ekonomikament inattivi, mingħajr kundizzjonijiet relatati mar-riżorsi jew ma’ assigurazzjoni soċjali.

76.      It-tieni, tali interpretazzjoni, li għandha l-effett li ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, tissodisfa r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni ta’ dan b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, inklużi dawk dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif imfakkra fis-sentenza Jobcenter Krefeld (63).

77.      F’dan ir-rigward, hija bbażata fuq in-neċessità, ikkonstatata fis-sentenza Jobcenter Krefeld (64), li ssir distinzjoni bejn ċerti sitwazzjonijiet minn kawżi preċedenti li taw lok għas-sentenzi Alimanovic u García-Nieto et, dwar l-esklużjonijiet espressament previsti f’dan l-Artikolu 24(2) (65), kif ukoll fis-sentenza Dano (66).

78.      It-tielet, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, li jiggarantixxi li “ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti” jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament hija wkoll konformi mal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva. Għalkemm għandha evidentement tingħata attenzjoni partikolari għal-libertà tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli favur ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom għal iktar minn tliet xhur fi Stat Membru li tiegħu ma humiex ċittadini, madankollu tali dispożizzjonijiet ma għandhomx ikollhom bħala riżultat li jirrestrinġu l-protezzjoni żgurata fl-Artikolu 18 TFUE li dan l-Artikolu 24(1) tagħha jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu.

79.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’tali mod li jkun ta’ ħsara għall-għan tad-Direttiva 2004/38, li huwa, b’mod partikolari, li jiffaċilita u jsaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u għall-effett utli ta’ dan (67).

80.      Ir-raba’, tali interpretazzjoni ma tmurx kontra l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u li jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li r-riskju li jiġi ppreġudikat l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tar-Renju Unit li jġibu magħhom il-persuni ekonomikament inattivi li jkollhom jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-għajxien tagħhom, ġie evalwat minn dan l-Istat Membru qabel ma ħoloq dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ ħames snin dovut mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi u li n-natura temporanja ta’ dan id-dritt ta’ residenza neċessarjament ittieħdet inkunsiderazzjoni.

81.      Il-ħames, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-konstatazzjoni li, billi jagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38, Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li l-portata tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dano dwar l-invokabbiltà tal-Artikoli 1 u 20 tal-Karta hija limitata, peress li tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet ta’ persuni li ma għandhomx dritt ta’ residenza legali (68).

82.      Dawn l-argumenti kollha jwassluni sabiex insostni li ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jibbenefika, fir-rigward tal-aċċess għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, kif ippreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, meta d-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat jirriżulta minn miżura adottata minn dan fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva.

83.      Issa għandu jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

3.      L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ippreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38

84.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ippreċiżat fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 bid-derogi tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2 tiegħu, jista’, fil-fehma tiegħi, iwassal, b’estensjoni ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jobcenter Krefeld (69), għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 fis-sens li jipprekludi, bħala prinċipju, l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu fit-territorju tiegħu huma esklużi mit-tgawdija tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Istat ospitanti, sa fejn huma għandhom dritt ta’ residenza li ingħata lilhom minn dak l-Istat, fil-kuntest tal-għażla offerta fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva.

85.      Konkretament, kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċċju ta’ tali dritt ikollu l-effett li jagħti mingħajr restrizzjoni l-aċċess għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Istat ospitanti bħalma huwa l-każ għal kull ċittadin tal-Unjoni li jislet id-dritt ta’ residenza tiegħu b’mod partikolari mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 (70).

86.      Madankollu, l-ammissjoni ta’ tali awtomatiċità, jidhirli li tmur lil hinn mill-ekwilibriju mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2004/38, espress b’mod ċar fl-Artikolu 24(2) tagħha, speċjalment meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt ta’ residenza ngħata liċ-ċittadin tal-Unjoni mingħajr kundizzjoni ta’ dħul jew ta’ assigurazzjoni soċjali. Fi kliem ieħor, kif enfasizzat il-Kummissjoni oralment, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza ma għandux ikollu l-effett li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li ma jagħmlu ebda verifika fir-rigward tad-dritt għall-benefiċċji soċjali.

87.      Barra minn hekk, nosserva li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrifjutaw l-għoti ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini ekonomikament inattivi, hija interpretat l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li jipprekludi l-esklużjoni tagħhom fiċ-ċirkustanzi kollha u awtomatikament (71).

88.      Għalhekk, jidhirli li tista’ ssir distinzjoni, fost iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza mogħti mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi, bejn dawk li huma ekonomikament inattivi, u l-oħrajn. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-informazzjoni miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-diversità tas-sitwazzjonijiet individwali li fihom jistgħu jitressqu talbiet għal kreditu universali tikkorrobora n-neċessità li jiġi eskluż kull mekkaniżmu ta’ rifjut sistematiku tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali (72).

89.      Huwa għalhekk li nikkunsidra li, fil-każ ta’ dritt ta’ residenza mogħti f’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38, din għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jimponi restrizzjonijiet leġittimi fuq l-għoti tal-benefiċċji soċjali (73), sabiex “il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx […] ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti”, fis-sens tal-premessa 10 ta’ din id-direttiva.

90.      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ammess li ma jkunx imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarat fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 li jkun jista’ jkun hemm, għaċ-ċittadini tal-Unjoni residenti bis-saħħa ta’ dritt ta’ residenza nazzjonali, differenza fit-trattament bejn dawk li huma ekonomikament inattivi u l-oħrajn, peress li din id-differenza ma hijiex ibbażata fuq in-nazzjonalità. Fil-fatt, kif stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, imfakkar fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, ifisser li d-differenza fit-trattament ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq in-nazzjonalità iżda ma hijiex intiża li tipprojbixxi li din tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi bħal, f’dan il-każ, l-attività ekonomika taċ-ċittadin tal-Unjoni.

91.      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament, sa fejn hija bbażata biss fuq l-attività ekonomika taċ-ċittadin, taffettwax, b’mod definittiv, meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, unikament jew fil-parti l-kbira tagħhom liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi fit-territorju tiegħu. F’dan il-każ, din id-differenza fit-trattament tkun ikklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità (74).

92.      F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal‑2019 dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex persuna tibbenefika mill-kreditu universali (75), nikkonstata li, taħt ċerti kundizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ekonomikament attivi ma jistax jiġilhom invokat l-istatus tagħhom ta’ resident provviżorju sabiex jiksbu l-kreditu universali u li ċerti ċittadini tar-Renju Unit għandhom jiġġustifikaw ir-residenza tagħhom fis-sens ta’ dan l-Artikolu 9, sabiex jiksbu dan il-benefiċċju (76). Għalhekk, differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq in-nazzjonalità jidhirli li tista’ tiġi skartata. Madankollu, min-natura stess tal-kriterju adottat, il-leġiżlazzjoni tidher li taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali u tirriskja, konsegwentement, li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel. Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni toħloq, fil-fehma tiegħi, diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità (77). Madankollu, din il-konklużjoni tista’ tiġi adottata biss wara eżami fil-fond tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti tar-rinviju biss tista’ twettaq.

93.      Jekk kellu jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni indiretta, infakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tkun iġġustifikata, tali diskriminazzjoni għandha tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (78).

94.      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq l-għan taż-żamma tar-riskju ta’ piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi li l-Istati għandhom jipprovdu, nenfasizza biss li, fl-istat tal-ġurisprudenza, għalkemm tali ġustifikazzjonijiet huma ammessi bħala prinċipju (79), l-Istati Membri ma humiex eżentati milli jsostnu l-affermazzjonijiet tagħhom (80).

95.      F’dan il-każ, ir-Renju Unit għażel li jeskludi mill-aċċess għall-benefiċċji soċjali ċerti ċittadini tal-Unjoni sempliċement minħabba n-natura tad-dritt ta’ residenza li dan l-Istat tahom, jiġifieri l-istatus ta’ resident provviżorju.

96.      Ċertament, il-libertà tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali u l-modalitajiet tagħhom, stabbiliti fil-qasam ta’ benefiċċji soċjali ta’ natura mhux kontributorja, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, tista’ tiġi invokata (81).

97.      Madankollu, in-natura sistematika tar-rifjut tal-aċċess għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet individwali tar-rikorrenti (82), li barra minn hekk ma ġewx eżaminati fl-għoti ta’ dan l-istatus ta’ resident provviżorju minħabba nuqqas ta’ rekwiżit fir-rigward tal-awtonomija finanzjarja tagħhom, ma jidhirlix li hija proporzjonata mal-għan segwit.

98.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-eżami tal-konsegwenzi tal-legalità tar-residenza, fid-dawl tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, għandha tinkludi indikazzjonijiet dwar id-diversi elementi li jistgħu jintużaw sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, bħalma ddeċidiet fis-sentenza Brey (83).

4.      L-individwalizzazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-benefiċċji soċjali

99.      Bħal CG, nikkunsidra li s-sitwazzjoni tagħha turi l-limiti tan-nuqqas ta’ eżami individwali li jippreċedi d-deċiżjoni dwar jekk ċittadin tal-Unjoni jiġix eskluż jew le mit-tgawdija ta’ benefiċċji ta’ għajnuna soċjali. Anki jekk, jistgħu jiġu rrilevati diversi punti komuni maċ-ċirkustanzi ta’ fatt imfakkra fis-sentenza Dano, dawk tal-kawża prinċipali għandhom karatteristiċi, enfasizzati b’mod iktar partikolari waqt is-seduta, li jiġġustifikaw evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun xi tkun is-soluzzjoni adottata fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza legali” (84). Fil-fatt, dawn jimmobilizzaw drittijiet fundamentali oħra, li fuqhom ser niddeskrivi iktar fid-dettall il-pożizzjoni tiegħi.

100. Fil-fehma tiegħi, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatt li l-imsemmija awtoritajiet ikunu tawh dritt ta’ residenza mingħajr verifika tal-awtonomija finanzjarja tiegħu, is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu marbuta mal-kundizzjonijiet taċ-ċaqliq tiegħu u t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sa fejn din tiżvela livell ta’ integrazzjoni ċert (85) kif ukoll il-perijodu li matulu l-benefiċċju mitlub jista’ jingħata lilu, b’mod partikolari jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju tad-dritt ta’ residenza kellu jkollhom natura temporanja (86)

101. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika li hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk l-għoti ta’ benefiċċju ta’ għajxien lil persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ CG jistax jirrappreżenta piż mhux raġonevoli għas-sistema nazzjonali ta’ għajnuna soċjali. F’dan ir-rigward, nippreċiża li, skont CG, ser isiru eżamijiet ta’ sitwazzjonijiet individwali, fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jiksbu, f’ċerti ċirkustanzi, il-benefiċċju ta’ fondi pubbliċi (87).

102. Dan l-eżami fattwali għandu neċessarjament isir fid-dawl ta’ drittijiet fundamentali oħra applikabbli għas-sitwazzjoni individwali inkwistjoni, peress li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 (88).

5.      Il-ġustifikazzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-obbligu li jiġi previst eżami tas-sitwazzjonijiet individwali

103. Is-sitwazzjoni ta’ CG timplika, fil-fehma tiegħi, analiżi tal-kwistjoni tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar drittijiet fundamentali oħra għajr dak tal-ugwaljanza fit-trattament, li jmur lil hinn mit-tfakkira ġenerali li l-benefiċċji ta’ għajxien huma intiżi sabiex jagħtu lill-benefiċjarji tagħhom il-minimu ta’ mezzi ta’ għajxien neċessarji sabiex jgħixu ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem (89).

104. F’dan ir-rigward, nirrileva li CG marret fir-Renju Unit sabiex issegwi lis-sieħeb tagħha, ċittadin Olandiż, matul it-tqala tagħha bl-ewwel wild tagħhom u kienet tiddependi finanzjarjament fuqu. Hija welldet it-tieni wild fir-Renju Unit, li tiegħu bħalissa għandha l-kustodja (90). Mis-sitwazzjoni ta’ CG jista’ jiġi dedott li l-missier ma jikkontribwixxix għall-manutenzjoni tat-tfal.

105. Jidhirli li dawn il-konstatazzjonijiet jawtorizzaw l-approssimazzjoni mad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chavez-Vilchez et, anki jekk din il-kawża kellha bħala suġġett id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istat Membru li uliedhom kienu ċittadini tiegħu, u dan għal tliet raġunijiet.

106. Qabelxejn, dawn is-sitwazzjonijiet huma rregolati minn leġiżlazzjonijiet li jaqgħu a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Sussegwentement, dawn għandhom madankollu rabta intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni (91).

107. Fl-aħħar nett, it-talba għal interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iġġustifikata mill-fatt li ma kienx eskluż li l-ġenitur, li huwa wkoll ċittadin tal-istess Stat Membru ospitanti, jista’ jieħu ħsieb il-wild tiegħu kuljum u effettivament (92).

108. F’din is-sitwazzjoni, l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hija r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie rrifjutat id-dritt ta’ residenza li tista’ tpoġġi f’dubju l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, peress li hija din id-dipendenza li twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jsib ruħu mġiegħel, de facto, jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fit-totalità tiegħu, bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut (93). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li sabiex jiġi evalwat ir-riskju li l-wild ikkonċernat, ċittadin tal-Unjoni, jkun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jagħtih l-Artikolu 20 TFUE jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jingħatax dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jassumi l-kustodja effettiva tal-wild, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, liema artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) ta’ din il-Karta (94). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild għandha tiġi evalwata inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni tiegħu minn dan tal-aħħar iġġib għall-bilanċ ta’ dan il-wild (95).

109. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji jidhirli li tista’ tiġi trasposta a fortiori, fil-qasam tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, speċjalment meta dawn iservu sabiex jiżguraw ħajja tal-familja normali għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi permess li l-ġenitur iżolat u fqir li jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tat-tfal ta’ età żgħira tiegħu, kemm għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom kif ukoll fir-relazzjoni tagħhom mal-ġenitur l-ieħor tagħhom, ċittadin tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, dawn il-prinċipji jiġġustifikaw ampjament li jsir eżami individwali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni, li jitlob benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, u li jirrisjedi legalment fl-Istat Membru ospitanti.

110. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li, billi ma tipprovdix li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu għal evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ faqar tal-persuna kkonċernata u tal-konsegwenzi ta’ rifjut tat-talba tagħha fid-dawl, skont is-sitwazzjoni tagħha, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, u tal-aħjar interess tal-wild, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm l-ekwilibriju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

V.      Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) kif ġej:

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità u tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinżamm l-ekwilibriju tas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ekonomikament inattiv li għandu dritt ta’ residenza, mogħti mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi skont dispożizzjoni nazzjonali, ma jistax igawdi minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fuq il-bażi biss tan-natura tad-dritt ta’ residenza tiegħu jekk dan ir-rifjut tat-tgawdija ta’ tali benefiċċji jaffettwa iktar jew fil-biċċa l-kbira tiegħu liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra minn dawk tal-Istat ospitanti – li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika – peress li din il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għall-eżami taċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ faqar tagħha, id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tagħha kif ukoll l-aħjar interess tal-wild tagħha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 46).


3      ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit”.


4      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1).


5      Enfasi miżjuda minni.


6      Ara fil-qosor il-fażijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://eur-lex.europa.eu/content/news/Brexit-UK-withdrawal-from-the-eu.html?locale=fr.


7      https://www.gov.uk/guidance/immigration-rules/immigration-rules-appendix-eu.


8      Dan huwa l-istess terminu bħal dak stabbilit għat-talbiet imressqa skont l-Artikolu 18(1)(b) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, li jgħodd mill‑1 ta’ Jannar 2021. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ir-Renju Unit jirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ziolkowski u Szeja”, EU:C:2011:866).


10      Iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑2019 dwar is-sigurtà soċjali”.


11      Iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-“Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali”.


12      Ara l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali, aċċessibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.legislation.gov.uk/nisr/2016/216/pdfs/nisrem_20160216_en.pdf.


13      Dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi japplikaw fil-bqija tar-Renju Unit, peress li t-territorju ta’ referenza huwa l-Gran Brittanja, skont l-Artikolu 4(1)(c) tal-Welfare Reform Act 2012 (il-Liġi tal‑2012 dwar is-Sigurtà Soċjali) u għar-Regoli tal-2019 dwar is-Sigurtà Soċjali.


14      Iktar ’il quddiem “ir-Regolament ŻEE”. Dan l-artikolu jirrigwarda d-dritt ta’ residenza inizjali u jittratta r-residenza ta’ inqas minn tliet xhur.


15      Dan l-artikolu jirreferi għad-dritt ta’ residenza estiż, li jikkorrispondi għal dak imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.


16      Jiġifieri persuna li għandha r-responsabbiltà prinċipali ta’ ċittadini tar-Renju Unit.


17      Enfasi miżjuda minni. Din hija l-emenda li toħroġ mir-Regolament tal‑2019 dwar is-Sigurtà Soċjali li fuqha hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Ministeru għall-Komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq jippreċiża li r-riferiment, fl-ewwel u fit-tieni domandi tal-qorti tar-rinviju, għall-Artikolu 9(3)(c)(i) jirreferi għad-dispożizzjoni applikabbli fil-Gran Brittanja. Konsegwentement, għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li joriġina mill-Irlanda ta’ Fuq, id-domandi għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw l-Artikolu 9(3)(d)(i) tar-“Regolament tal‑2016 dwar il-Kreditu Universali”, li huwa l-ekwivalenti tiegħu għall-Irlanda ta’ Fuq.


18      Fid-deċiżjoni tar-rinviju huwa ppreċiżat li, skont is-servizz tal-kreditu universali, id-definizzjoni tal-“membru tal-familja li żamm id-dritt ta’ residenza” hija identika għal dik imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament ŻEE u li CG ma tistax tinvokah, fin-nuqqas li turi li hija kienet miżżewġa jew li għad kellha relazzjoni stabbli mas-sieħeb tagħha, ċittadin tal-Unjoni.


19      Skont l-elementi tal-proċess, iż-żewġt itfal twieldu fir-Renju Unit, fl‑1 ta’ Marzu 2019 u matul is-sena 2020 rispettivament. Il-kbir ma jistax jattendi l-iskola. L-Appeal Tribunal for Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell għall-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit), il-qorti tar-rinviju, ippreċiżat fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal proċedura mħaffa li, skont CG, iż-żewġt itfal huma suġġetti għal miżura ta’ sorveljanza mis-Social Services (is-Servizzi Soċjali, ir-Renju Unit).


20      CG tindika li waslet fir-Renju Unit “fl-aħħar tas-sena 2018 jew fil-bidu tas-sena 2019” sabiex is-sieħeb tagħha jkun jista’ jaċċetta offerta ta’ impjieg. Il-Kummissjoni Ewropea żżomm id-data tal‑21 ta’ Jannar 2019.


21      Skont l-osservazzjonijiet ta’ CG, wara li kienet ġejja u sejra bejn id-domiċilju li hija kienet taqsam mas-sieħeb tagħha vjolenti u din id-dar, hija stabbilixxiet ruħha hemmhekk b’mod definittiv mill-bidu tas-sena 2020. Fir-risposta tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal proċedura mħaffa, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-akkomodazzjoni ta’ CG f’ċentru ta’ akkoljenza ma tistax titqies bħala akkomodazzjoni stabbli. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, CG ippreċiżat li hija stabbilixxiet ruħha f’akkomodazzjoni indipendenti pprovduta mis-servizzi soċjali fix-xahar ta’ Jannar 2021.


22      Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, CG ippreċiżat, minn naħa, li, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħha fir-Renju Unit, hija kellha d-dritt li tirrisjedi hemm mingħajr kundizzjonijiet jew formalitajiet, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38. Fl-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, hija ma ġietx mistiedna mill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex tipprova dritt ta’ residenza permanenti. Huwa ma ġiex mitlub jew ordnat minnha sabiex titlaq mir-Renju Unit. CG u l-ewwel wild tagħha telqu temporanjament mir-Renju Unit għall-Pajjiżi l-Baxxi, bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2019 u x-xahar ta’ Jannar 2020, sabiex jibqgħu mal-ġenituri tagħha, u wara rritornaw hemmhekk. Hija tenfasizza li hija għaddiet ir-residenza kollha tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq. Min-naħa l-oħra, hija tippreċiża li hija ma tistax titlob awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien indeterminat bħala vittma ta’ vjolenza domestika. L-applikazzjoni tagħha għal dan l-għan, imressqa fil‑11 ta’ Novembru 2020, ġiet miċħuda fit‑3 ta’ Marzu 2021. Ara, dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Il-Liġi tal-1972 dwar il-Komunitajiet Ewropej hija l-Liġi dwar l-Adeżjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni.


25      C‑456/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trojani”, EU:C:2004:488.


26      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, CG ippreċiżat li, fil-kawża Fratila vs Secretary of State for Work and Pensions [2020] EWCA Civ 1741, dispożizzjonijiet analogi għal dawk ikkritikati f’dan il-każ, applikabbli għall-Gran Brittanja, instabu li huma illegali, minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità li tmur kontra l-Artikolu 18 TFUE, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2020 tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit). Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell min-naħa tas-Secretary of State for Work and Pensions (il-Ministru għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet, ir-Renju Unit) quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), li d-data tal-eżami tiegħu ġiet iffissata għas-seduta tat‑18 u tad‑19 ta’ Mejju 2021. CG tindika li din il-proċedura tikkonċerna żewġ ċittadini Rumeni, jiġifieri Fratila, li waslet fir-Renju Unit, li ħadmet ftit inqas minn sena, u sussegwentement tneħħielha l-istatus ta’ ħaddiem. Hija talbet li tibbenefika mill-kreditu universali, u dan ġie rrifjutat lilha. Ftit żmien qabel, kien ingħatalha l-istatus ta’ resident provviżorju. F’dan il-mument, hija kienet tinsab fir-Renju Unit għal kważi ħames snin. Sussegwentement hija kisbet status ta’ resident permanenti u l-kreditu universali ngħatalha. Il-persuna l-oħra kkonċernata, Tanase, għandu diżabbiltà għal ħajtu u jiċċaqlaq bis-siġġu tar-roti. Huwa mar fir-Renju Unit sabiex jirċievi kura mingħand Fratila. Huwa jibbenefika minn diversi benefiċċji fir-Rumanija, inkluża pensjoni tal-invalidità, pensjoni bażika u allowance għall-ispejjeż tal-kura. Il-kreditu universali ġie rrifjutat lilu wkoll ftit wara li kiseb status ta’ resident provviżorju. Huwa kien jirrisjedi fir-Renju Unit għal ħames xhur. Ara l-punti 13 u 14 tad-deċiżjoni disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://files.gcnchambers.co.uk/wp-content/uploads/2020/12/18111043/Fratila-v-Secretary-of-State-for-Work-and-Pensions-2020-EWCA-1741-18-December-2020.pdf


27      Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      F’din id-data, l-istatus ġdid ta’ resident, stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, ma setax jingħata. Għalkemm, skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-ftehim, matul il-perijodu tranżitorju, it-talbiet sabiex jinkiseb dan l-istatus setgħu jiġu ppreżentati b’mod antiċipat, id-deċiżjonijiet li jiġu aċċettati jew li jiġu rrifjutati daħlu fis-seħħ biss mill‑1 ta’ Jannar 2021. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2004/38.


29      Kien ikun differenti li kieku, bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 158(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, il-proċedura mibdija wara l‑1 ta’ Frar 2020, jiġifieri matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, kellha bħala suġġett deċiżjoni dwar talba ppreżentata skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-ftehim li tipprevedi l-possibbiltà li jintalab minn qabel status ġdid ta’ resident jew permess ta’ residenza kif previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi ftehim (paragrafi 1 u 4).


30      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alimanovic”, EU:C:2015:597, punti 42 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      Fir-rigward ta’ dak li tkopri l-espressjoni “kreditu universali”, ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Hija sservi sabiex tindika varjetà ta’ allowances li wħud minnhom jistgħu jiġu rregolati minn regoli speċjali tad-dritt tal-Unjoni. Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit”, EU:C:2016:436, punti 27 u 55).


32      Fuq il-kunċett ta’ “sistema ta’ għajnuna soċjali” li jinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u l-interpretazzjoni tiegħu li tipprovdi li hija tagħmel riferiment għall-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brey”, EU:C:2013:565, punti 60 u 61).


33      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jobcenter Krefeld”EU:C:2020:794, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dano”, EU:C:2014:2358, punt 59).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dano (punti 59 sa 61). Nosserva li, fit-tieni parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huma riprodotti l-Artikolu 18 TFUE fl-Artikolu 12 tiegħu u l-espressjoni iktar preċiża tiegħu, jiġifieri, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, fl-Artikolu 23 ta’ dan il-ftehim. Fuq il-ġurisprudenza preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll l-analiżi ta’ Robin-Olivier, S., “Les droits sociaux des ‘étrangers communautaires’”, L’Avenir de l’État de Droit Social en Europe, Julia Iliotiulos-Strangas (Ed.), Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 2015, p. 217 sa 246, b’mod partikolari p. 221 u 228. Ara, f’dan is-sens, J. Rondu, “Chapitre 2 – L’individu relevant du seul droit national, résultante du caractère partiel de l’intégration”, L’individu, sujet du droit de l’Union européenne, Bruylant, Bruxelles, 2020, p. 683 sa 756, b’mod partikolari p. 711, punt 898. Din l-awtriċi tikkunsidra li l-Artikolu 18 TFUE ma japplikax iktar, peress li l-lex specialis tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 tissostitwixxi l-lex generalis tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fit-Trattati.


37      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ CG huwa mfakkar li hija invokat insostenn tat-talba tagħha s-sentenza Trojani sabiex tinvoka l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE.


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brey (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      F’dan ir-rigward, nirrileva li, matul is-seduta, il-Kummissjoni l-ewwel nett irriproduċiet dan il-mod ta’ raġunament, li kien jinsab fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr madankollu ma bbażat ruħha fuq is-sentenzi ċċitati hemmhekk, u sussegwentement ifformulatu mill-ġdid, fit-tieni lok, bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Karta. F’dan ir-rigward, ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara s-sentenza Brey (punt 31).


41      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grzelczyk”, EU:C:2001:458, punti 32, 33 u 35), kif ukoll Trojani (punti 37 u 40)


42      Ara s-sentenzi Brey (punt 18), Dano (punt 36) u Alimanovic (punt 27). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għoti ta’ permess ta’ residenza ma għandux natura kostituttiva ta’ drittijiet, iżda jipproduċi biss effett dikjaratorju. Huwa ma jagħtix dritt ta’ residenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684, punti 32 u 33)). Min-naħa l-oħra, din il-klassifikazzjoni ma teskludix liċ-ċittadin tal-Unjoni li kien jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, iżda legalment abbażi ta’ strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C‑162/09, EU:C:2010:592)).


43      Ara s-sentenza Dano (punti 65 u 66).


44      Ara l-punt 80 ta’ din is-sentenza.


45      Ara s-sentenza Dano (punt 66).


46      Ara s-sentenza Dano (punti 61 u 64).


47      F’dan ir-rigward, ara D. Martin, “Article 24 – Égalité de traitement”, fid-Directive 2004/38 relative au droit de séjour des citoyens de l’Union européenne et des membres de leur famille, Bruylant, Brussell, 2020, p. 373 sa 396, b’mod partikolari p. 380, punt 16, li skont dan, “safejn il-leġiżlatur Ewropew ma kellux l-intenzjoni, fl-Artikolu 24 tad-direttiva, li jżid eċċezzjonijiet oħra għad-dritt ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fil-paragrafu 1, minbarra dawk li jidhru fil-paragrafu 2, il-Qorti tal-Ġustizzja kien għad kellha d-dritt li tinterpreta l-ewwel paragrafu bħala inklużiv, b’mod impliċitu, ta’ kundizzjoni ta’ integrazzjoni?” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


48      Fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sens tal-ġurisprudenza tagħha (punti 66 sa 69). Ara wkoll il-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-rigward tas-sentenzi Alimanovic u tal‑25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C‑299/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza García-Nieto et”, EU:C:2016:114, maħruġa qabel, relatati mal-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 14(4)(b) u fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, fir-rigward tal-importanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali, nirrileva l-osservazzjoni ta’ A. Iliopoulou-Penot, “Chapitre 11 – Citoyenneté de l’Union et accès des inactifs aux prestations sociales dans l’État d’accueil” Le rôle politique de la Cour de justice de l’Union européenne, L. Clément-Wilz, (dir.), Bruylant, Brussell, 2018, p. 315 sa 334, b’mod partikolari p. 318, li tgħid li “l-ftehim politiku li [kien] wasal għalih il-Kunsill Ewropew fid‑19 ta’ Frar 2016, f’tentattiv inutli li tiġi evitata l-Brexit, [kien] jieħu kelma b’kelma u s-soluzzjonijiet tas-sentenzi Dano u Alimanovic, filwaqt li jenfasizza l-importanza tagħhom fid-dibattitu dwar il-‘post ġdid’ tar-Renju Unit fl-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll, fuq il-pożizzjonijiet meħuda minn dan l-Istat Membru fl‑2017, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 62).


50      Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 66).


51      Ara l-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza.


52      Fuq l-applikazzjoni awtonoma tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 141) meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-Direttiva 2004/38, li tippermetti lill-ulied ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li ħadem fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll lill-ġenitur li jiżgura effettivament il-kustodja tagħhom li jagħmlu użu minnu, mingħajr ma jkunu obbligati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ riżorsi biżżejjed u ta’ assigurazzjoni ta’ mard komprensiva, ara s-sentenza Jobcenter Krefeld (punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


53      Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 69).


54      Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 87).


55      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 62). Fir-rigward tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma joħloqx drittijiet ġodda għall-benefiċċji għall-persuni li għandhom l-istatus ta’ resident provviżorju, dan l-Istat espona, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li din hija konformi mal-pożizzjonijiet pubbliċi stabbiliti meħuda minnu li kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni fix-xahar ta’ Ġunju 2017, Safeguarding the Position of EU Citizens Living in the UK and UK Nationals Living in the EU (Jinżamm l-istatus taċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-Unjoni, ara b’mod iktar preċiż punt 41).


56      Ara C. O’Brien, “Between the deviland the deep blue sea: vulnerable EU citizens cast adrift in the UK post-Brexit”, Common Market Law Review, Vol. 58, Kluwer Law International, Alphen-sur-le-Rhin, 2021, p. 431 sa 470, b’mod partikolari p. 456u 457. L-għażla tar-Renju Unit li joħloq dritt mingħajr kundizzjonijiet għar-residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, jiġifieri l-istatus ta’ resident provviżorju, minflok sempliċement ikkundizzjona d-dritt ta’ residenza għall-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, jew li joħloq biss status dikjaratorju (u li ma joħloqx drittijiet) ġiet irduppjata fl-2019 minn esklużjoni espliċita ta’ dan id-dritt għar-residenza partikolari mit-tgawdija tal-benefiċċji soċjali, sakemm iċ-ċittadini ma jipprovawx li huma jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, skont ir-Regolament tal-2016 dwar il-Kreditu Universali. Skont din l-istess awtriċi, din l-għażla tar-Renju Unit ġiet deċiża fid-dawl tal-piż amministrattiv tqil wisq għall-awtoritajiet li jikkundizzjonaw id-dritt ta’ residenza post-Brexit għaċ-ċittadini tal-Unjoni għall-kriterji tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38.


57      Sentenza Ziolkowski u Szeja (punt 49).


58      Sentenza Ziolkowski u Szeja (punt 50).


59      Ara l-punt 51 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li residenza, abbażi ta’ dritt konformi mad-dritt ta’ Stat Membru, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, ma tistax titqies bħala residenza legali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti. Ara, wkoll, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, K. u H.F. (Dritt ta’ residenza u allegazzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra) (C‑331/16 u C‑366/16, EU:C:2018:296, punt 74).


60      Sentenza Ziolkowski u Szeja (punti 18 u 19).


61      F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza Grzelczyk, fil-punt 31, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u tippermetti lil dawk li jkunu fl-istess sitwazzjoni jingħataw, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku”. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 83).


62      Nippreċiża li nislet l-espressjoni “dritt ta’ residenza regolari” mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, użata f’ċerti każijiet abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll sabiex tesprimi b’mod iktar ġenerali l-kundizzjoni ta’ regolarità tar-residenza (ara l-punti 72, 80 u 81) H. Verschueren, “The right to reside and to social benefits for economically inactive EU migrants: how to balance freedom of movement and solidarity?” La libre circulation sous pression; Régulation et dérégulation des mobilités dans l’Union européenne, L. Damay, et (dir.), Bruylant, Bruxelles, 2018, p. 33 sa 51, b’mod partikolari p. 45, tislet mill-konstatazzjoni tal-użu tal-espressjoni “residenza regolari”, mingħajr ma dejjem tirreferi għad-Direttiva 2004/38, l-argument li skontu tali residenza tista’ tkun ibbażata fuq dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, fatt li ġie kkonfermat mis-sentenza Jobcenter Krefeld, iżda wkoll fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali iktar favorevoli bħal, b’mod partikolari, fis-sentenza Trojani.


63      Ara l-punt 60 ta’ din is-sentenza.


64      Ara l-punti 67, 68 u 87 ta’ din is-sentenza.


65      Fil-punti 67 u 87 ta’ din is-sentenza huwa mfakkar li dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw ċittadini li kellhom, rispettivament, dritt ta’ residenza bbażat biss fuq l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, fuq il-bażi tat-tiftix ta’ impjieg, jew ta’ dritt ta’ residenza għal perijodu limitat ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.


66      Fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, huwa ppreċiżat li din il-kawża kienet tirrigwarda ċittadini ta’ Stat Membru ekonomikament inattivi li kienu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-għan biss li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru ieħor u li fl-Istat Membru ospitanti ma kienu jibbenefikaw minn ebda dritt ta’ residenza bbażat fuq id-Direttiva 2004/38 jew fuq dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni.


67      Ara s-sentenza Brey (punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tal-konsegwenzi fil-qasam tal-protezzjoni minn tkeċċija li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, is-sentenzi Grzelczyk (punt 43) u Trojani (punt 45), kif ukoll analiżi ta’ J. Rondu, op. cit, b’mod partikolari p. 714, punt 902, li jirreferi għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 42). Ara, b’mod partikolari, p. 717, punt 907, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 157 u 158.


68      Ara s-sentenza Dano, (punti 87, 90 u 91). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus ma jirriżultaw la mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 72) u lanqas mid-Direttiva 2004/38 jew minn atti oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti u l-estensjoni tiegħu, u li, konsegwentement, huma ma jimplimentawx id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u li din ma hijiex applikabbli.


69      Ara l-punt 65 ta’ din is-sentenza.


70      Ara s-sentenza Dano (punt 69).


71      Ara s-sentenzi Brey (punti 77 u 80), kif ukoll Jobcenter Krefeld (punt 79).


72      Ara, f’dan ir-rigward, ċirkustanzi ta’ fatt fil-kawża pendenti fir-Renju Unit, indikata minn CG deskritti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73      Ara s-sentenza Brey, punti 72 u 77.


74      Ara, b’mod partikolari, s-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 41).


75      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76      Din il-kundizzjoni tista’ ma tkunx issodisfatta minn ċerti ċittadini tar-Renju Unit li, pereżempju, ikunu rrisjedew barra mill-pajjiż. Ara, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirriżervax tali ipoteżi, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Sürül (C‑262/96, EU:C:1999:228, punti 102 u 104).


77      Ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).


78      Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


79      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punt 80).


80      Ara s-sentenza Brey (punt 78).


81      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punt 81). Ara wkoll is-sentenza Brey (punt 77).


83      Ara l-punt 78 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punti 91 u 92).


84      Infakkar li mis-sentenza Dano (punt 81) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx neċessarju li jkunu rriżervati s-sitwazzjonijiet li fihom ikun meħtieġ eżami individwali.


85      F’dan ir-rigward, naqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni li skontha l-esklużjoni awtomatika mit-tgawdija tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali hija partikolarment inadatta għar-residenzi ta’ perijodu relattivament twil. Ara, bħala eżempju, is-sitwazzjoni ta’ Fratila mfakkra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


86      Ara s-sentenza Brey (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87      Skont ir-rappreżentant ta’ CG, dawn huma ċittadini ta’ pajjiż terz li d-dritt ta’ residenza tagħhom kien suġġett għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(c)(ii) tal-Liġi tal‑1971 dwar l-Immigrazzjoni li ma jirrikorrux għal fondi pubbliċi li jitolbu li jiġi rrilevat meta huma jqisu li, fin-nuqqas ta’ użu ta’ riżorsi pubbliċi, jieħdu riskju imminenti ta’ faqar estrem. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jidhru ż-żewġ referenzi li ġejjin: “Family life (as a partner or parent), private life and exceptional circumstances”, tal-Ministeru għall-Intern (verżjoni 13.0, l‑1 ta’ Frar 2021), p. 88 u “Immigration rules Appendix FM: family members”, GEN.1.11A. fir-rigward tar-regolamenti dwar l-immigrazzjoni fir-Renju Unit.


88      Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


89      Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld (punt 57). F’dan ir-rigward, minbarra l-Artikolu 1 tal-Karta, l-Artikolu 34(2) tagħha jistħoqqlu attenzjoni partikolari peress li jagħmel rabta bejn il-prinċipji tal-moviment liberu u tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għajnuna soċjali u li huwa bbażat b’mod partikolari fuq l-Artikolu 13 tal-Karta Soċjali Ewropea, ffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961, li r-Renju Unit aċċetta. Għalhekk, ma neskludix li din id-dispożizzjoni jista’ jkollha effett utli bħala element ta’ stħarriġ tal-legalità tal-miżuri nazzjonali li jipproċedu għall-implimentazzjoni tagħha jew, a minima, sabiex tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament mill-qorti nazzjonali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 80 u 92).


90      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, CG ippreċiżat li t-tfal għandhom in-nazzjonalità Olandiża. Is-sitwazzjoni tal-familja ta’ CG hija simili b’mod partikolari għal dik ta’ H. C. Chavez-Vilchez deskritta fis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chavez-Vilchez et”, EU:C:2017:354, punti 21 u 22).


91      Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 64).


92      Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 59).


93      Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


94      Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 70).


95      Ara s-sentenza Chavez-Vilchez et (punt 71).