Language of document : ECLI:EU:T:2012:288





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2012 — Insula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-366/09)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti ta’ finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp — Kuntratti Ecres, El Hierro, Islands 2010, Opet I, Opet II, Opet Ola, Respire, Sustainable Communities u Virtual Campus — Assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn u nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali fir-rigward ta’ parti mill-ispejjeż iddikjarati — Rimbors ta’ somom antiċipati jew imħallsa — Inammissibbiltà parzjali tar-rikors — Kontrotalba tal-Kummissjoni”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jipprovdi għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp — Talba għar-rimbors ta’ ċerti spejjeż — Talba għad-danni — Kontrotalba li tinkludi interessi moratorji — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt — Dritt tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-antiċipu, miżjud bl-interessi moratorji skont ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 238 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 86(2)) (ara l-punti 81, 105, 203-206, 262)

2.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt suġġett għad-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni — Esklużjoni (Artikolu 238 KE) (ara l-punt 82)

3.                     Proċedura ġudizzjarja — Suġġett tat-tilwima — Emenda fil-mori tal-kawża — Projbizzjoni (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1) u 48(2)) (ara l-punti 88, 89)

4.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Elaborazzjoni ta’ motiv eżistenti u rabta stretta ma’ dan tal-aħħar (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2)) (ara l-punt 224)

5.                     Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja — Rikors li għandu bħala għan kumpens mingħajr ma jagħti l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward — Inammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 229, 241, 247)

Suġġett

Talba intiża sabiex, fuq il-bażi tal-Artikolu 238 KE, il-Qorti Ġenerali tiddikjara, minn naħa, bħala infondat kreditu tal-Kummissjoni ta’ EUR 114 996.82 u, min-naħa l-oħra, bħala fondat kreditu tal-Kummissjoni ta’ EUR 253 617.83, u sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni tagħtih bħala kumpens, is-somma prinċipali ta’ EUR 146 261.06 u s-somma sussidjarja ta’ EUR 573 273.42.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors ippreżentat mill-Conseil scientifique international pour le développement des îles (Insula) huwa miċħud.

2)

Insula huwa kkundannat jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-somom prinċipali ta’ EUR 146 261. 06, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 2.5 % fis-sena, li jibdew jiddekorru mis-16 ta’ Awwissu 2009 u sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma prinċipali.

3)

Insula huwa kkundannat jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-somma prinċipali ta’ EUR 253 617.83, miżjud bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 2.5 % fis-sena, li jibdew jiddekorru mit-8 ta’ Settembru 2009 u sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma prinċipali.

4)

Il-kumplament tal-kontrotalba tal-Kummissjoni huwa miċħud.

5)

Insula għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.