Language of document : ECLI:EU:T:2010:539

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

16 ta’ Diċembru 2010

Kawża T-364/09 P

Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leave annwali — Kollokament għal nofs il-ħin għal għanijiet ta’ rappreżentazzjoni sindakali — Assenza irregolari — Tnaqqis ta’ ġranet mid-dritt għal leave annwali — Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2009, Lebedef vs Il-Kummissjoni (F-39/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑241 u II‑A‑1‑1305), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Giorgio Lebedef għandu jbati l-ispejjez tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, paragrafu 6 tal-Artikolu 1)

2.      Appell — Aggravji — Aggravju ppreżentat kontra motiv tas-sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġusizzja, Anness I, Artikolu 9)

3.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1)(ċ))

4.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Rikors mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal motivazzjoni impliċita — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

1.      Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż, fit-tieni sentenza tiegħu, għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-membri tal-kumitat tal-persunal u tal-uffiċjali maħtura mill-Kumitat taħt organu stabbilit jew maħluq mir-Regolamenti tal-Persunal jew mill-istituzzjoni, billi jipproteġihom minn kull dannu li jistgħu jsofru minħabba l-attivitajiet tagħhom ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal skont ir-Regolamenti. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni hija intiża, permezz tal-ewwel sentenza tagħha, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-uffiċjali għar-rappreżentazzjoni tal-persunal, billi tippermettilhom, b’mod partikolari, li jipparteċipaw fiha fil-kuntest tal-ħin tax-xogħol normalment assenjat għas-servizz li huma obbligati jiżguraw fl-istituzzjoni tagħhom u mhux b’żieda fuq dan il-ħin.

Min-naħa l-oħra, minn parti, din id-dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li teżenta lill-uffiċjali li jeżerċitaw tali attivitajiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal, u li ma jibbenefikawx minn kollokament għal dan il-għan, mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari minn dawk tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tiegħu. F’dan ir-rigward, l-uffiċjal għandu jkun fi kwalunkwe mument għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-funzjonijiet ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal skont ir-Regolamenti jiġu kkunsidrati bħala “parti mi[s]-servizz” li għandhom jiġu effettwati fl-istituzzjoni ma jfisser bl-ebda mod li l-uffiċjal li jeżerċitahom huwa, minħabba f’hekk, preżenti fis-servizz ta’ fejn ġie kkollokat, u lanqas li ma għandux jiġi kkunsidrat bħala assenti mill-imsemmi servizz. Tali interpretazzjoni fil-fatt ma tirriżulta la mill-formulazzjoni u lanqas mill-għan tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 23 u 24)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2000, F vs Il‑Parlament, T‑110/99 u T‑160/99, Ġabra SP p. I‑A‑291 u II‑1333, punt 64

2.      Aggravju mqajjem fil-kuntest ta’ appell huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud meta jkun intiż kontra motivi ta’ sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma jipprovdux il-bażi neċessarja għad-deċiżjoni appellata.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, De Fays vs Il‑Kummissjoni, T‑355/08 P, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Mill-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. Appell li ma jinkludi l-ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li hija vvizzjata bih is-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

Barra minn hekk, affermazzjonijiet wisq ġeneriċi u mhux preċiżi sabiex jiġu evalwati ġuridikament għandhom jiġi kkunsidrati bħala manifestament inammissibbli.

(ara l-punt 32)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Frar 2009, Correia de Matos vs Il‑Kummissjoni, C‑290/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2010, Kerelov vs Il‑Kummissjoni, T‑100/08 P, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-istess statut. Is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom ikunu biżżejjed motivati sabiex il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, dan l-obbligu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimplika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jwieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent, b’mod partikolari jekk ma jkunx ta’ natura ċara u preċiża biżżejjed u ma jkunx ibbażat fuq provi dettaljati. Il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, sakemm tkun tippermetti lill-parti kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet għalfejn il-qorti tal-ewwel istanza ma laqgħetx l-argumenti tagħha u lill-qorti tal-appell li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 71 sa 73)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il‑Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Settembru 2010, Skareby vs Il‑Kummissjoni,T‑91/09 punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata.