Language of document : ECLI:EU:T:2022:627

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

12 ta’ Ottubru 2022 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Miżuri ta’ intervent bikri – Deċiżjoni tal-BĊE li Banca Carige SpA titqiegħed taħt amministrazzjoni temporanja – Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat minn azzjonist – Locus standi – Interess distint minn dak tal-bank – Ammissibbiltà – Żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali – Interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mill-qorti tal-Unjoni – Limitu – Projbizzjoni li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat contra legem”

Fil-Kawża T‑502/19,

Francesca Corneli, residenti fi Velletri (L-Italja), irrappreżentata minn M. Condinanzi, L. Boggio u F. Ferraro, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, A. Pizzolla u G. Marafioti, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, D. Triantafyllou u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

parti intervenjenti

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, S. Gervasoni, L. Madise, P. Nihoul (Relatur) u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: P. Nuñez Ruiz, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2019,

–        id-digriet li l-eċċezzjoni tingħaqad mal-mertu tad‑29 ta’ April 2020, skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        id-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020 li tawtorizza lill-Kummissjoni tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE,

–        id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż,

–        il-miżura istruttorja tas‑17 ta’ Novembru 2021, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ordnat lill-BĊE, abbażi tal-Artikolu 91(b) u tal-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni tiegħu ECB-SSM-2019-ITCAR-11, tal‑1 ta’ Jannar 2019, li tqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja, u t-tliet deċiżjonijiet ta’ proroga ta’ din il-miżura,

–        id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tal‑15 ta’ Diċembru 2021, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni l-aċċess għad-dokumenti prodotti mill-BĊE, abbażi tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva,

wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Francesca Corneli, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE, ECB-SSM-2019-ITCAR-11, tal‑1 ta’ Jannar 2019, li tqiegħed lil Banca Carige SpA (iktar ’il quddiem il-“bank”) taħt amministrazzjoni temporanja, kif ukoll kull att konsekuttiv jew sussegwenti, inkluż, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-BĊE, ECB-SSM-2019-ITCAR-13, tad‑29 ta’ Marzu 2019, li testendi sat‑30 ta’ Settembru 2019 il-perijodu tat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Il-Bank huwa istituzzjoni ta’ kreditu stabbilit fl-Italja, ikkwotat fil-Borża u suġġett għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sa mill‑2014. Huwa akkumula telf ta’ iktar minn EUR 1.6 biljun bejn Diċembru 2014 u l‑1 ta’ Jannar 2019. Ir-rikorrenti hija azzjonista minoritarja tal-bank. Mal-preżentata tar-rikors, hija kellha 200 000 azzjoni ordinarji li jikkorrispondu għal 0.000361 % tal-kapital azzjonarju tal-bank.

3        Fl‑2016, il-BĊE adotta miżura ta’ intervent bikri fir-rigward tal-bank, permezz tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2016 – F1T 87K3OQ2OV1UORLH26/26, li kienet tistabbilixxi għanijiet li kellhom jintlaħqu bejn l‑2017 u l‑2019 għas-self li ma jrendix u l-kopertura relatata miegħu.

4        Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, il-Bord tad-Diretturi, f’Settembru 2017, approva pjan ta’ rikapitalizzazzjoni intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid livell adegwat ta’ fondi proprji, sabiex ikopri t-telf iġġenerat u, b’mod iktar ġenerali, sabiex isaħħaħ l-istruttura tal-kapital u jiġu stabbiliti mill-ġdid il-proporzjonijiet aċċettabbli ta’ fondi proprji.

5        Minkejja l-ħruġ ta’ strumenti għall-ammont ta’ EUR 544 miljun, li ngħalqu fil‑21 ta’ Diċembru 2017, il-bank ma kienx josserva, fl‑1 ta’ Jannar 2018, ir-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-fondi proprji.

6        Sussegwentement, il-bank ipprova, mingħajr suċċess, iżid il-fondi proprji tiegħu sabiex josserva r-rekwiżiti applikabbli. Għalhekk, tentattiv ta’ ħruġ ta’ strumenti ta’ fondi proprji falla tliet darbiet fl‑2018 (f’Marzu, Mejju u Ġunju), minħabba l-interess żgħir tal-investituri.

7        Dawn is-skali aggravaw, fi ħdan il-Bord tad-Diretturi tal-bank, tensjonijiet li wasslu għal diversi riżenji (sittax bejn Marzu 2016 u Awwissu 2018) li kienu jeħtieġu l-ħatra ta’ membri ġodda. Huwa għalhekk li l-azzjonisti tal-bank, fil-laqgħa ġenerali straordinarja tal‑20 ta’ Settembru 2018, ġeddew l-imsemmi Bord tad-Diretturi u nnominaw lil P. Modiano fil-pożizzjoni ta’ President. Waqt il-laqgħa ta’ dan il-Bord tad-Diretturi tal‑21 ta’ Settembru 2018, F. Innocenzi nħatar Direttur Ġenerali.

8        Fi tmiem ix-xahar ta’ Settembru 2018, il-bank kien għad kellu proporzjonijiet ta’ fondi proprji iktar baxxi mir-rekwiżiti. Il-BĊE għalhekk talab lill-bank jippreżenta pjan ta’ konservazzjoni konformement mal-Artikolu 142 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95). Il-bank ippreżenta għalhekk, pjan ġdid ta’ konservazzjoni, wara t-tielet tentattiv mingħajr suċċess ta’ żieda tal-fondi proprji tiegħu (ara l-punt 6 iktar iżid il-fondi proprji tiegħu il fuq). Billi qies madankollu li dan il-pjan ma kellu ebda modifika sostanzjali, il-BĊE rrifjuta li japprovah u talab lill-bank jippreżenta, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2018, strateġija intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid u tiggarantixxi fit-tul l-osservanza tar-rekwiżiti qabel l‑1 ta’ Jannar 2019.

9        Sabiex jissodisfa din it-talba, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank adotta, fit‑12 ta’ Novembru 2018, “pjan ta’ tisħiħ tal-fondi proprji ta’ Novembru 2018” li kien ibbażat fuq żewġ stadji, jiġifieri, qabel kollox, il-ħruġ ta’ bonds subordinati ta’ kategorija 2 u, sussegwentement, żieda fil-kapital suġġetta għall-approvazzjoni tal-azzjonisti.

10      L-ewwel stadju twettaq b’sottoskrizzjoni ta’ bonds li jammontaw għal EUR 318.2 miljun mill-fond ta’ intervent volontarju tal-Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Protezzjoni tad-Depożiti, l-Italja) u EUR 1.8 miljun mill-Banco di Desio e della Brianza SpA.

11      It-tieni stadju ma setax jiġi implimentat wara l-oppożizzjoni murija minn azzjonisti li kellhom 70 % tal-kapital f’laqgħa ġenerali straordinarja tat‑22 ta’ Diċembru 2018 għal żieda fil-kapital intiża permezz tal-iskambju ta’ bonds subordinati ma’ azzjonijiet ġodda maħruġa. Qabel ma jiddeċiedu, l-azzjonisti inkwistjoni xtaqu li jiġu kkomunikati lilhom, minn naħa, il-pjan tan-negozju u, min-naħa l-oħra, il-bilanċ relatat mal-attivitajiet imwettqa fl‑2018 mill-bank.

12      Wara dawn l-avvenimenti:

–        fit‑23 ta’ Diċembru 2018, il-bank indika permezz ta’ stqarrija għall-istampa li, wara ċ-ċaħda tal-proposta magħmula mill-Bord tad-Diretturi tiegħu, il-Viċi Presidenta u membru ieħor ta’ dan il-bord kienu rriżenjaw b’effett immedjat;

–        fit‑2 ta’ Jannar 2019, stqarrija għall-istampa oħra, maħruġa wkoll mill-bank, ħabbret ir-riżenja, b’effett minn din id-data, ta’ ħames membri oħra tal-imsemmi Bord tad-Diretturi, inkluż il-President, P. Modiano, u d-Direttur Ġenerali, F. Innocenzi;

–        dawn ir-riżenji wasslu għar-revoka ta’ dan il-Bord tad-Diretturi b’applikazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 18(12) tal-Istatuti tal-bank u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 2386 tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

13      Skont l-Istatuti tal-bank, l-erba’ membri tal-Bord tad-Diretturi li ma rriżenjawx baqgħu fil-kariga sabiex jiżguraw l-amministrazzjoni kurrenti.

14      Fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-BĊE ddeċieda li jqiegħed lill-bank taħt amministrazzjoni temporanja (iktar il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja”) bl-effetti li ġejjin:

–        xoljiment tal-Bord tad-Diretturi tal-bank u sostituzzjoni tal-membri preċedenti bi tliet amministraturi temporanji, fosthom P. Modiano u F. Innocenzi, li kienu rispettivament President tal-imsemmi Bord tad-Diretturi u Direttur Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni;

–        xoljiment tal-Kumitat ta’ Superviżjoni tal-bank u sostituzzjoni tal-membri preċedenti bi tliet persuni oħra;

–        Attribuzzjoni lill-korpi l-ġodda tal-missjoni li tikkonsisti fit-“teħid tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li [il-bank] jikkonforma ruħu mill-ġdid mar-rekwiżiti ta’ kapital b’mod sostenibbli”.

15      Fit‑2 ta’ Jannar 2019, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja tħabbret, b’mod parallel, permezz ta’ stqarrija għall-istampa, minn naħa, tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, tal-bank. Fl-istess ġurnata, in-negozjati dwar it-titoli maħruġa jew iggarantiti ġew sospiżi mill-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u għall-Borża, l-Italja) “sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni [ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja] jew sal-istabbiliment mill-ġdid, b’mod partikolari wara l-inizzjattivi l-ġodda meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam ta’ superviżjoni prudenzjali, ta’ qafas informatiku sħiħ dwar it-titoli maħruġa jew iggarantiti mill-bank”

16      Fil‑5 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti talbet lill-BĊE kopja tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-BĊE, BCE/2004/3, tal‑4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51); peress li din it-talba ġiet miċħuda, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2022, Corneli vs BĊE, T‑501/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:402).

17      Fid‑29 ta’ Marzu 2019, il-BĊE estenda sat‑30 ta’ Settembru 2019 il-perijodu tat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ta’ estensjoni”); l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tħabbret, mill-bank, fi stqarrija għall-istampa, fit‑30 ta’ Marzu 2019.

18      Fit‑30 ta’ Settembru 2019, il-BĊE estenda sal‑31 ta’ Diċembru 2019 it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ estensjoni”).

19      Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, il-BĊE estenda sal‑31 ta’ Jannar 2020 l-amministrazzjoni temporanja sabiex tkun tista’ tiġi ffinalizzata l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi proprji (iktar ’il quddiem it-“tielet deċiżjoni ta’ estensjoni”).

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, kif ukoll kull att konsekuttiv jew sussegwenti, inkluż, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ estensjoni u d-deċiżjonijiet ta’ estensjoni suċċessivi;

–        tikkundanna lill-BĊE u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

 Fuq lammissibbiltà

 Fuq latti li lannullament tagħhom huwa mitlub

22      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob l-annullament ta’ diversi atti:

–        fir-rikors, hija titlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja u ta’ “kull att konsekuttiv jew sussegwenti”, inkluża d-deċiżjoni ta’ estensjoni;

–        f’ittra indirizzata lir-Reġistru dwar il-preżentata tar-replika, hija tippreċiża li, peress li din ġiet adottata fil-frattemp, it-tieni deċiżjoni ta’ estensjoni għandha tiġi inkluża fis-suġġett tar-rikors;

–        fir-replika, hija ssostni li s-suġġett tar-rikors għandu jinkludi, bl-istess mod, it-tielet deċiżjoni ta’ estensjoni.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-suġġett tal-kawża għandu jiġi indikat fir-rikors.

24      Barra minn hekk, ir-rikorsi għal annullament għandhom ikunu diretti kontra atti eżistenti u li jikkawżaw preġudizzju (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2017, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑149/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:693, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, ir-regoli stabbiliti fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq huma osservati, minn naħa, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ estensjoni, peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma msemmija fir-rikors, kienu jeżistu fil-mument tal-preżentata tar-rikors u għalhekk kienu jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrenti.

26      Għall-kuntrarju, it-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ estensjoni ġew adottati wara l-preżentata tar-rikors u ma humiex imsemmija fih. Ċertament, ir-rikorrenti indikat, fir-rikors, minbarra d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, “kull att konsekuttiv jew sussegwenti”. Madankollu, formula daqshekk ġenerali ma tistax titqies li hija sodisfaċenti fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u riprodott fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, is-suġġett tal-kawża għandu jiġi identifikat fir-rikors u dan għandu jkun akkumpanjat, fil-każ ta’ rikors għal annullament, minn kopja tal-att ikkontestat, b’mod li jippermetti d-determinazzjoni, mingħajr dubju possibbli, tas-suġġett tal-kawża. F’dan il-każ, huwa ċar li dan ir-rekwiżit ma huwiex osservat meta rikorrenti tillimita ruħha li tinkludi fir-rikors formola ta’ dan it-tip.

27      Barra minn hekk, ma jistax jitqies li r-rikorrenti għamlet talba għall-adattament tar-rikors fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi:

–        meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid (paragrafu 1).

–        f’każ bħal dan, l-adattament tar-rikors għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu previst (paragrafu 2).

28      F’dan il-każ, ir-rekwiżit li jsir l-adattament tar-rikors permezz ta’ att separat ma ġiex osservat f’dan il-każ. Ċertament, ir-rikorrenti kkontestat il-legalità tat-tieni u tat-tielet deċiżjoni ta’ estensjoni. Madankollu, dan l-approċċ seħħ għaż-żewġ dokumenti, minn naħa, fir-replika u, min-naħa l-oħra, f’ittra indirizzata lir-Reġistru dwar il-preżentata ta’ dan l-aħħar dokument. Issa, indikazzjoni imdaħħla f’dokument li jikkonċerna att ieħor ma tistax titqies, fid-dawl tad-dispożizzjoni analizzata, bħala talba mressqa permezz ta’ “att separat”.

29      Għalhekk, jidher li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura ma humiex osservati f’dan il-każ u li, konsegwentement, it-talbiet għal adattament tar-rikors ma humiex ammissibbli. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 iktar ’il fuq, ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja u d-deċiżjoni ta’ estensjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), iżda ma huwiex ammissibbli għal “kull att konsekuttiv jew sussegwenti” inklużi t-tieni u t-tielet deċiżjoni ta’ estensjoni.

 Fuq illocus standi

30      Sostnut mill-Kummissjoni, il-BĊE jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ma għandhiex il-locus standi kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li din la hija direttament u lanqas individwalment ikkonċernata minn dawn id-deċiżjonijiet.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kwalità meħtieġa għall-preżentata ta’ rikors għal annullament hija rregolata mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li, fil-każ imsemmi f’dan il-każ, persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija tixtieq tikkontesta meta din id-deċiżjoni tkun indirizzata lil persuna oħra.

32      Sabiex tingħata deċiżjoni, għandhom jiġu eżaminati dawn ir-rekwiżiti fid-dawl tas-sitwazzjoni li fiha kienet tinsab ir-rikorrenti.

–       Fuq linċidenza diretta tarrikorrenti

33      Skont il-ġurisprudenza, persuna hija direttament ikkonċernata (interess dirett) meta, b’mod kumulattiv, l-att ikkontestat:

–        jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu;

–        ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Trasta”, EU:C:2019:923, punt 103).

34      Kif jirriżulta mill-proċess, is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti hija affettwata, f’dan il-każ, mingħajr intervent ta’ att intermedjarju, mid-deċiżjonijiet ikkontestati, peress li dawn tal-aħħar jemendaw huma stess id-drittijiet li hija għandha sabiex tipparteċipa bħala azzjonist fil-ġestjoni tal-bank skont ir-regoli applikabbli:

–        għalhekk, l-imsemmija deċiżjonijiet jaffettwaw id-dritt tar-rikorrenti li teleġġi, bħala azzjonista, il-korpi ta’ tmexxija u ta’ superviżjoni tal-bank, peress li, fl-assenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-azzjonisti li, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, għandhom ċertu proporzjon tal-kapital jistgħu jippreżentaw lista ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Bord Superviżorju u kull azzjonist jista’ jeleġġi, fost il-kandidati, il-membri ta’ dawn iż-żewġ korpi, skont l-Istatuti tal-bank (Artikoli 18 u 26);

–        barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja taffettwa d-dritt tal-azzjonisti, bħar-rikorrenti, li jsejħu l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u li jiffissaw l-aġenda, peress li, skont l-Artikolu 10(4) tal-Istatuti tal-bank, l-azzjonisti jistgħu jsejħu ż-żamma ta’ laqgħa ġenerali u jistabbilixxu l-punti tal-aġenda, li, f’dan il-każ, dan id-dritt huwa sospiż mid-deċiżjonijiet ikkontestati u li, skont l-Artikolu 70(2) tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 – Test Uniku tal-Liġi dwar il-Banek u l-Kreditu), tal‑1 ta’ Settembru 1993 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 230, tat‑30 ta’ Settembru 1993) (iktar ’il quddiem it-“Test Uniku dwar il-Banek”), huma biss l-amministraturi temporanji li jistgħu jikkonvokaw il-laqgħa ġenerali u jiffissaw l-aġenda, bl-approvazzjoni tal-BĊE konformement mal-Artikolu 72(6) tat-Test Uniku dwar il-Banek;

–        fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jbiddlu l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-korpi ta’ tmexxija u ta’ superviżjoni tista’ tiġi stabbilita mill-azzjonisti, bħar-rikorrenti, peress li, bħala prinċipju, irregolata mill-Artikolu 2392 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, din ir-responsabbiltà hija limitata, fil-każ ta’ amministrazzjoni temporanja, skont l-Artikolu 72(9) tat-Test Uniku dwar il-Banek, għall-każijiet ta’ frodi, jew ta’ nuqqas serju, li, barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-azzjonijiet ta’ natura ċivili mibdija kontra l-amministraturi temporanji huma suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-BĊE u li l-paragrafu 5 tal-imsemmi artikoli jagħti lill-amministraturi temporanji d-dritt li jippreżentaw rikors għad-danni fil-konfront tal-membri tal-korpi xolti tal-bank jew tad-Direttur Ġenerali, b’tali mod li l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew l-azzjonisti li, flimkien, għandhom proporzjon partikolari tal-kapital azzjonarju huma miċħuda mid-dritt li jippreżentaw tali rikors konformement mal-Artikoli 2393 u 2393 bis tal-Kodiċi Ċivili Taljan.

35      Minn dawn l-elementi, jidher li r-relazzjoni legali bejn il-Bank u l-azzjonisti tiegħu, li fosthom hemm ir-rikorrenti, inbidlet, mingħajr intervent ta’ kwalunkwe att intermedjarju, mid-deċiżjonijiet ikkontestati, li għalhekk jikkonċernawha direttament.

36      Madankollu, din il-konklużjoni hija kkontestata mill-BĊE u mill-Kummissjoni.

37      Fl-ewwel lok, dawn l-istituzzjonijiet isostnu, essenzjalment, li l-effett tad-deċiżjonijiet ikkontestati fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti, jekk jitqies li huwa pprovat, affettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom b’mod temporanju biss, matul il-perijodu kopert minn dawn id-deċiżjonijiet.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja, ma ssir ebda differenza bejn l-effetti prodotti minn att skont jekk dawn tal-aħħar jikkonċernawx l-eżistenza ta’ dritt jew l-eżerċizzju tiegħu; jeżisti dritt sabiex jiġi eżerċitat, b’tali mod li, anki jekk l-effett prodott mill-att jikkonċerna l-eżerċizzju tad-dritt, dan tal-aħħar huwa affettwat fir-rigward ta’ dak li għalih inħoloq u ngħata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Accorinti et vs BĊE, T‑224/12, mhux ippubblikat, EU:T:2014:611, punt 89). B’hekk, fil-ġurisprudenza ma hemm xejn li jindika li għandhom jiġu esklużi mill-protezzjoni ġudizzjarja s-sitwazzjonijiet li fihom tiġi ppreġudikata, għal perijodu limitat, is-sitwazzjoni legali ta’ parti.

39      Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

40      Fit-tieni lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ma affettwatx id-drittijiet l-iktar essenzjali tal-azzjonisti, peress li, skont ir-regoli applikabbli, id-deċiżjonijiet ta’ natura importanti għall-bank jibqgħu fil-kompetenza tal-azzjonisti.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindikaw il-BĊE u l-Kummissjoni, ċerti deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-bank kienu għadhom jistgħu jittieħdu, taħt amministrazzjoni temporanja, mill-azzjonisti miġbura fil-laqgħa ġenerali. Madankollu, f’dawn il-każijiet, il-laqgħa ġenerali kellha tissejjaħ mill-amministraturi temporanji, mingħajr ma setgħet tissejjaħ mill-azzjonisti nfushom. Issa, xejn ma jippermetti li ssir distinzjoni, fost id-drittijiet li jgawdu l-azzjonisti, bejn uħud minnhom li huma essenzjali u li jistħoqqilhom protezzjoni, filwaqt li oħrajn, meqjusa inqas importanti, huma nieqsa minn dan.

42      Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

43      Fit-tielet lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li d-drittijiet allegatament affettwati jappartjenu għal-laqgħa ġenerali u mhux għall-azzjonisti kkunsidrati b’mod individwali. Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni legali ta’ kull azzjonist ma hijiex affettwata direttament mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-BĊE u tal-Kummissjoni bbażat fuq id-drittijiet tal-laqgħa ġenerali jinjora, tal-inqas, id-dritt tal-vot li jippermetti lil kull azzjonist jipparteċipa, b’mod individwali, fl-elezzjoni tal-membri msejħa sabiex ikunu membri tal-korpi ta’ tmexxija u ta’ superviżjoni. Issa, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, dan id-dritt ma setax jibqa’ jiġi eżerċitat mill-azzjonisti minħabba l-amministrazzjoni temporanja, peress li din il-ħatra kellha tiġi deċiża, fil-kuntest ta’ tali sistema, mill-BĊE stess, mingħajr ma dan kellu jikkonsulta l-azzjonisti.

45      Ċertament, il-vot espress minn azzjonist partikolari ma jippermettix, waħdu, li tittieħed deċiżjoni fi ħdan il-laqgħa ġenerali meta dan l-azzjonist ma jkollux sehem suffiċjentement kbir fil-kapital azzjonarju. Madankollu, tali ċirkustanza ma ċċaħħadx lil dan id-dritt tal-vot, għal kull azzjonist, l-eżistenza tiegħu u, għaldaqstant, il-protezzjoni ġudizzjarja neċessarja tiegħu.

46      Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

47      Fir-raba’ lok, kuntrarjament għar-rikorrenti li tqis li l-ammissibbiltà tar-rikors f’dan il-każ tista’ tkun ibbażata fuq il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Trasta, il-BĊE u l-Kummissjoni jqisu li din is-sentenza pjuttost tikkonferma l-perspettiva tagħhom, jiġifieri li r-rikors huwa inammissibbli.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, mingħajr ma indirizzat l-interess individwali tal-azzjonisti, iddeċidiet dwar il-kundizzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar setgħu jinżammu direttament ikkonċernati minn deċiżjoni adottata abbażi tas-superviżjoni bankarja fir-rigward ta’ istituzzjoni li fiha kellhom azzjonijiet.

49      F’dan il-każ, il-BĊE, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kien irtira l-awtorizzazzjoni li din l-istituzzjoni kellha bżonn sabiex teżerċita l-attivitajiet bankarji tagħha. Wara dan l-irtirar, l-istituzzjoni inkwistjoni kienet ġiet stralċjata, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, minn qorti nazzjonali. Sabiex twettaq l-istralċ, din il-qorti kienet ħatret stralċjarju. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet dik li permezz tagħha l-awtorizzazzjoni kienet ġiet irtirata mill-BĊE lill-imsemmija istituzzjoni.

50      Fis-sentenza Trasta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-deċiżjoni ta’ rtirar kienet taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-istituzzjoni ikkonċernata stess, peress li, ladarba ttieħdet id-deċiżjoni, l-istituzzjoni ma kinitx għadha awtorizzata tkompli bl-attivitajiet bankarji tagħha.

51      Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni ta’ rtirar ma kinitx tipproduċi tali effett fuq l-azzjonisti. Ċertament, il-valur tal-azzjonijiet jew il-proporzjon ta’ dividendi li jistgħu jitqassmu kienu naqsu wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, dan l-effett ma kienx jippreżenta, għall-Qorti tal-Ġustizzja, natura ġuridika, iżda pjuttost natura ekonomika. Fih innifsu, l-irtirar tal-liċenzja ma kienx jipprekludi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-azzjonisti jkomplu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fi ħdan il-laqgħa ġenerali, pereżempju sabiex jitolbu li jiġi mmodifikat l-għan korporattiv tal-istituzzjoni b’tali mod li jippermettilha tkompli attivitajiet f’qasam minbarra dak bankarju.

52      Fl-aħħar mill-aħħar, mis-sentenza Trasta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li hija biss id-deċiżjoni ta’ tqegħid fi stralċ li taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti, peress li din id-deċiżjoni kienet tagħti l-ġestjoni tal-istituzzjoni kkonċernata lill-istralċjarju billi neħħiet għall-azzjonisti l-possibbiltà li jinfluwenzaw din il-ġestjoni. Issa, l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ġiet adottata mill-BĊE, iżda minn qorti nazzjonali b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mingħajr ma kienet prevista tali konsegwenza, jiġifieri l-istralċ, fid-dritt tal-Unjoni f’każ ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, dan l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, ordnat mill-BĊE, ma kienx jaffettwa direttament, fih innifsu, is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti. Peress li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni kien l-att ikkontestat, ir-rikors, ippreżentat mill-azzjonisti, kellu jiġi ddikjarat inammissibbli (punti 105 sa 115 tal-imsemmija sentenza).

53      Għalhekk, is-sentenza Trasta kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti, peress li, b’differenza għal din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kellha ebda effett, fiha nnifisha, fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

54      Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikorrenti tista’ titqies li hija direttament ikkonċernata, f’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

–       Fuq linteress individwali tarrikorrenti

55      Skont il-BĊE u l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata (inċidenza individwali), peress li d-drittijiet tagħha ġew affettwati mid-deċiżjonijiet ikkontestati b’tali mod li ma huwiex differenti minn kif ġew affettwati l-azzjonisti l-oħra tal-bank.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-persuni li ma humiex id-destinatarji huma individwalment ikkonċernati minn att ikkontestat jekk dan l-att jolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinatarju (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

57      Fir-rigward tar-rikorrenti, ir-rekwiżit marbut mal-inċidenza individwali huwa ssodisfatt f’dan il-każ, peress li:

–        hija tagħmel parti minn grupp li l-membri tiegħu kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        u din l-identifikazzjoni setgħet tkun ibbażata fuq kriterji proprji għall-membri ta’ dan il-grupp (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni, C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel kriterju, għandu jiġi rrilevat li, kif tosserva r-rikorrenti, hija kienet identifikabbli, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonist, fil-mument meta ttieħdu d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ġiet adottata fl‑1 ta’ Jannar, jiġifieri ġurnata li fiha, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu magħluqa, l-azzjonijiet fil-kapital ma setgħux jiġu nnegozjati. Kif irrikonoxxa l-BĊE, huwa barra minn hekk minħabba l-impossibbiltà f’dak iż-żmien ta’ xiri jew bejgħ tal-azzjonijiet li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ttieħdet matul dik il-ġurnata. F’dak il-mument, il-lista tal-azzjonisti kienet magħluqa. L-identità ta’ kull wieħed minnhom kienet verifikabbli, kif teħtieġ il-ġurisprudenza. Is-sitwazzjoni ma kinitx differenti għad-deċiżjoni ta’ estensjoni. Ċertament, din id-deċiżjoni ma ġietx adottata fi btala pubblika, kuntrarjament għall-ewwel waħda. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, il-lista tal-azzjonisti li jistgħu jiġu affettwati kienet, ukoll, iddeterminata.

59      Fir-rigward tat-tieni kriterju, għandu jiġi kkonstatat, bl-istess mod, li l-azzjonisti, fosthom ir-rikorrenti, sabu ruħhom affettwati, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, f’kwalità li tikkaratterizzahom fihom infushom, jiġifieri, minn naħa, dik li kellhom azzjonijiet fil-kapital tal-bank u, min-naħa l-oħra, dik li sabu ruħhom preklużi, minħabba l-effett ta’ dawn id-deċiżjonijiet, milli jeżerċitaw ċerti drittijiet marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet.

60      Il-kriterju bbażat fuq inċidenza proprja ġie ppreċiżat fis-sens li jista’ jitqies li huwa ssodisfatt, b’mod partikolari, meta l-att ikkontestat ibiddel drittijiet miksuba, qabel l-adozzjoni tiegħu, mill-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Issa, ir-rikorrenti kellha, preċiżament, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, drittijiet marbuta mal-azzjonijiet tagħha li, meta ġew akkwistati, kienu affettwati matul il-perijodu kopert.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 70(2) tat-Test Uniku dwar il-Banek, l-ewwel effett prodott mit-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja jikkonsisti fis-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-laqgħa ġenerali, jiġifieri l-possibbiltà għall-azzjonisti li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-proposti indirizzati lilhom.

63      Barra minn hekk, fost l-azzjonisti, ir-rikorrenti kienet fost dawk li kienu vvotaw kontra l-proposta li kienet ġiet ippreżentata fil-laqgħa ġenerali tat‑22 ta’ Diċembru 2018, liema vot, għalkemm kien jesprimi biss talba għal posponiment, wassal għar-riżenja ta’ membri tal-Bord tad-Diretturi, u sussegwentement għax-xoljiment ta’ dan tal-aħħar, u l-bank kien għalhekk tqiegħed fis-sitwazzjoni li, fil-kuntest li kienet taf bih, wasslet, kif tindika d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, għall-intervent tal-BĊE, bis-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-laqgħa ġenerali u għalhekk għall-possibbiltà, tal-azzjonisti, li jinfluwenzaw bil-vot tagħhom l-istrateġija kellha tiġi segwita mill-bank.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li huma ssodisfatti fir-rigward tagħha r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17).

65      Din il-konklużjoni hija kkontestata mill-BĊE u mill-Kummissjoni.

66      Fl-ewwel lok, huma jenfasizzaw li, jekk il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li r-rikors għal annullament huwa inammissibbli, tali dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ma tkunx kuntrarja għall-obbligu, għall-qorti tal-Unjoni, li tiżgura lir-rikorrenti reali jew potenzjali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li r-rikorrenti tkun għadha tista’ tippreżenta, f’tali każ, quddiem l-istess qorti, rikors għad-danni bil-għan li tikseb, jekk ikun il-każ, kumpens għad-dannu mġarrab.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikorsi għal annullament u għad-danni jsegwu għanijiet li, peress li huma distinti, ma jistgħux jiġu konfużi (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116); f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tikkunsidra li tip ta’ rikors (f’dan il-każ, rikors għal annullament) jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba li rikors ieħor (pereżempju, rikors għad-danni) jista’ jiġi deċiż, sa fejn jikkonċernah, konformi mar-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà.

68      Għaldaqstant, l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

69      Fit-tieni lok, il-BĊE jsostni, bis-sostenn tal-Kummissjoni, li l-ġurisprudenza dwar gruppi magħluqa għandha tkun limitata għal entitajiet li fihom numru żgħir ta’ membri. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li, fil-mument meta ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati, il-bank kellu madwar 35 000 azzjonist. Għal dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, il-fatt li tintlaqa’ l-ammissibbiltà ta’ rikors li jista’ jiġi ppreżentat minn numru daqshekk kbir ta’ rikorrenti jmur kontra l-approċċ segwit fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17).

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizzaw il-BĊE u l-Kummissjoni, diversi sentenzi invokati mir-rikorrenti jirrigwardaw gruppi li fihom numru żgħir ta’ membri, pereżempju tmien entitajiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 63), sitta fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 76), jew sebgħa u għoxrin fis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1965, Toreifer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il-Kummissjoni (106/63 u 107/63, EU:C:1965:65, p. 529).

71      Skont ir-rikorrenti, il-kliem użat fil-ġurisprudenza hekk eżaminata għandu biss l-għan, madankollu, li jispjega l-kriterju inkwistjoni, jiġifieri r-rekwiżit li l-grupp ikkonċernat jinkludi membri identifikabbli fil-mument meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, u jikkostitwixxi għalhekk grupp li ma jistax jiġi estiż u li jippreżenta, konsegwentement, din il-karatteristika li jkun grupp “ristrett”, “limitat” jew “magħluq” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C 125/06 P, EU:C:2008:159, punt 71, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

72      Ir-rikorrenti tqis, fi kwalunkwe każ, li l-ġurisprudenza taċċetta rikorsi f’sitwazzjonijiet li jistgħu jimplikaw numru kbir ta’ rikorrenti. Dan japplika għar-rikorsi ppreżentati minn benefiċjarji kontra deċiżjonijiet indirizzati mill-Kummissjoni lil Stat Membru wieħed jew iktar fir-rigward ta’ skemi li jikkonċernaw għajnuna mogħtija jew li tista’ tingħata minn dawn tal-aħħar. Għalkemm dan it-tip ta’ deċiżjoni ma huwiex indirizzat lilhom, il-ġurisprudenza tippermetti lil dawn il-benefiċjarji jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-legalità tad-deċiżjonijiet hekk adottati, minkejja l-fatt li jista’ jkun hemm numru kbir, saħansitra ħafna, rikorrenti skont it-tip ta’ skema kkonċernata (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Andres (faillite Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505).

73      Bħala risposta, il-Kummissjoni ssostni li, f’tali kawżi li jikkonċernaw benefiċjarji ta’ għajnuna, l-atti kkontestati għandhom natura regolatorja u mhux natura individwali; dawn jirrigwardaw, fil-fatt, miżuri nazzjonali li jinkludu skema ta’ għajnuna applikabbli għal kategoriji ta’ persuni li għandhom karatteristiċi speċifiċi.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura regolatorja tal-atti msemmija fil-kawżi li jikkonċernaw benefiċjarji tal-għajnuna ma għandhiex l-effett li twassal, jekk din in-natura tiġi kkonfermata, għall-inammissibbiltà tar-rikors. Fil-fatt, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiżgura l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati kontra atti regolatorji meta s-sitwazzjoni tar-rikorrenti tkun affettwata mingħajr miżura ta’ implimentazzjoni. Issa, huwa mingħajr l-intervent ta’ ebda att intermedjarju, ta’ kwalunkwe natura, li d-deċiżjonijiet ikkontestati affettwaw is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti, f’dan il-każ, billi ċaħdithom mill-possibbiltà li jeżerċitaw uħud mid-drittijiet tagħhom marbuta mal-azzjonijiet tagħhom matul it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja tal-bank (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 28 u 58).

75      Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax validament, minn naħa, tikkontesta l-inċidenza individwali tar-rikorrenti minħabba li din tifforma parti minn kategorija ta’ operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, issostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li huwa dirett kontra att li, fir-rigward ta’ tali kategorija, huwa ta’ natura regolatorja, f’kuntest fejn dan l-att affettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti mingħajr l-intervent ta’ att intermedjarju.

76      Għaldaqstant, it-tieni oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll u jista’ jiġi kkunsidrat, minn naħa, li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq dwar l-inċidenza diretta, li hija tissodisfa r-rekwiżiti imposti mit-Trattat fir-rigward tal-locus standi.

 Fuq linteress ġuridiku

77      Il-BĊE jsostni li r-rikorrenti ma għandhiex l-interess ġuridiku meħtieġ sabiex tippreżenta dan ir-rikors.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza, sabiex tippreżenta r-rikors tagħha r-rikorrenti għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku billi turi li l-effetti legali vinkolanti prodotti mid-deċiżjonijiet ikkontestati huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, fejn din il-prova tista’ tingħata bl-istabbiliment tal-fatt li l-att biddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37).

79      Peress li r-rikorrenti għandha azzjonijiet fil-kapital ta’ impriża, l-interess ġuridiku għandu jkun distint minn dak segwit mill-impriża, f’dan il-każ il-bank, li fih hija għandha azzjonijiet. Fil-fatt, hija biss l-impriża li għandha d-dritt, bħala prinċipju, li tippreżenta rikors, sabiex tiddefendi l-interess tagħha stess. Għalkemm l-interess ta’ difiża huwa dak tal-impriża, l-azzjonist jista’ jitlob lil-laqgħa ġenerali jew lill-Korp Maniġerjali jippreżentaw ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il-Kunsill, T‑597/97, EU:T:2000:157, punt 50, u tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il-Kummissjoni, T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 31).

80      Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddistingwi, minn naħa, ir-rikorsi ppreżentati mill-azzjonisti għad-difiża tad-drittijiet tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, dawk ippreżentati minnhom sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impriża (Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2020, Albert et vs L-Ungerija, CE:ECHR:2020:0707JUD000529414).

81      F’dan il-każ, ir-rikorrenti, sabiex tiġġustifika r-rikors tagħha, ma tinvokax l-effett prodott fuq il-bank mid-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda tenfasizza l-effett ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq id-drittijiet li hija għandha, personalment, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonist, b’mod partikolari dak li ssejjaħ laqgħa ġenerali sabiex tipproponi l-preżentata ta’ rikors jew inkella d-dritt li żżid punt f’dan is-sens mal-aġenda ta’ tali laqgħa.

82      Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat, kif madankollu jagħmel il-BĊE, li, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu annullati, l-effett fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti jkun identiku għal dak li jipproduċi annullament għall-bank: billi taġixxi fuq il-bażi tal-effett prodott mid-deċiżjonijiet ikkontestati fuq id-drittijiet tagħha stess, ir-rikorrenti tista’ turi interess li titlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet li ma huwiex l-istess bħal dak tal-bank, iżda huwa distint minnu. Ir-rekwiżit ta’ interess distint huwa għalhekk issodisfatt f’dan il-każ.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn ġie ppreżentat f’isimha fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq ilmertu

84      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi bbażati, rispettivament fuq:

–        ksur tar-regoli dwar il-proporzjonalità;

–        ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ;

–        il-ħatra, bħala amministraturi temporanji, ta’ persuni li preċedentement eżerċitaw funzjonijiet importanti fit-tmexxija u fl-amministrazzjoni tal-bank;

–        żball ta’ liġi mwettaq fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        il-fatt li l-BĊE pprova jsolvi problemi ta’ governanza billi ħatar persuni li kienu ħolquhom;

–        fuq il-ksur, minn naħa, tar-regoli dwar id-drittijiet tal-azzjonist u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tal-proprjetà u tat-tfaddil, il-libertà ta’ inizjattiva ekonomika privata u l-awtodeterminazzjoni taċ-ċittadin fl-għażliet personali tiegħu, u tan-natura inadegwata tal-amministrazzjoni temporanja sabiex issolvi l-problema kkonstatata.

85      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tibda l-eżami permezz tal-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq ilmotiv ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq millBĊE fiddeterminazzjoni talbażi legali użata għalladozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati

86      Ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta bbaża d-deċiżjonijiet ikkontestati fuq l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax is-sitwazzjoni invokata sabiex jiġi ġġustifikat it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, jiġifieri “deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni tal-bank.

87      Il-motiv huwa kkontestat mill-BĊE bis-sostenn tal-Kummissjoni.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek, li jittrasponi l-Artikolu 28, intitolat “Tneħħija tal-maniġment superjuri u l-korp maniġerjali” tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), jipprevedi:

“1. Il-Bank tal-Italja jista’ jieħu l-miżuri li ġejjin fir-rigward ta’ bank jew tal-kumpannija omm ta’ grupp bankarju:

[…]

(b)      it-tneħħija tal-atturi msemmija fl-Artikolu 69vicies semel, fil-każ ta’ ksur serju tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew statutorji jew ta’ irregolaritajiet serji fil-kuntest tal-amministrazzjoni, jew inkella meta d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju jkun partikolarment sinjifikattiv, bil-kundizzjoni li l-miżuri msemmija fis-subparagrafu (a) jew previsti fl-Artikoli 53 bis u 67 ter ma jkunux biżżejjed sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.”

89      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, li jittrasponi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Amministratur temporanju”, jipprovdi:

“1. Il-Bank tal-Italja jista’ jordna x-xoljiment tal-korpi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-banek fil-każ ta’ ksur jew irregolarità msemmija fl-Artikolu 69 octiesdecis (1)(b), jew jekk ikun hemm telf serju patrimonjali, jew meta x-xoljiment jintalab b’rikors motivat mill-korpi amministrattivi jew mil-laqgħa ġenerali straordinarja.”

90      Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li ż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw żewġ każijiet differenti:

–        minn naħa, l-Artikolu 69 octiesdecis (1)(b) jirregola t-“tneħħija” tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek li, ladarba tiġi adottata din il-miżura, għandhom jiġu ssostitwiti skont il-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali u fid-dritt tal-Unjoni;

–        min-naħa l-oħra, l-Artikolu 70 jirregola x-“xoljiment” (scioglimento) tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek, liema xoljiment iwassal għas-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-laqgħa ġenerali u tal-korpi oħra u l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni straordinarja.

91      Mill-qari tal-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2014/59 li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma intiżi sabiex jittrasponu, il-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti jew alternattivi, peress li l-ewwel waħda hija inqas intrużiva mit-tieni waħda, li tista’ tiġi adottata biss jekk is-sostituzzjoni tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni titqies bħala insuffiċjenti mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

92      Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek u tal-Artikolu 70 tal-imsemmi test huma wkoll differenti. Għalhekk, it-“tneħħija” tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll hija prevista fil-każ:

–        ta’ ksur serju tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew statutorji;

–        jew ta’ irregolaritajiet serji fil-kuntest tal-amministrazzjoni;

–        jew meta d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju huwa partikolarment sinjifikattiv.

93      Għall-kuntrarju, ix-“xoljiment” tal-korpi ta’ amministrazzjoni jew ta’ kontroll u l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni straordinarja huma previsti:

–        fil-każ ta’ ksur serju ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew statutorji msemmija fl-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b);

–        jew fil-każ ta’ irregolaritajiet serji fil-kuntest tal-amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b);

–        jew jekk ikun mistenni telf patrimonjali serju;

–        jew meta x-xoljiment jintalab permezz ta’ talba motivata mill-korpi amministrattivi jew mil-laqgħa ġenerali straordinarja.

94      Minn analiżi testwali dwar il-formulazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek u tal-Artikolu 70 tal-imsemmi test jirriżulta li l-enumerazzjoni tagħhom hija eżawrjenti u li huma alternattivi, kif jindika l-użu tal-konġunzjoni alternattiva “jew”. Għalhekk, it-tieni dispożizzjoni tipprovdi li x-xoljiment tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek u l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni straordinarja huma possibbli f’erba’ każijiet, li tnejn minnhom huma previsti mill-ewwel dispożizzjoni u għandhom, kif jindika r-riferiment dirett għal din id-dispożizzjoni, jiġu interpretati bl-istess mod bħal fil-kuntest tat-“tneħħija”. L-analiżi tat-test tindika wkoll li ma hemmx ġerarkija bejn dawn il-kundizzjonijiet.

95      Għaldaqstant, mill-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek u mill-Artikolu 70 tal-imsemmi test jirriżulta li t-tieni dispożizzjoni ma tipprevedix ix-xoljiment tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek u l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni straordinarja fil-każ fejn id-“deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju [ikun] partikolarment sinjifikattiv”.

96      F’dan il-każ, il-BĊE, bid-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, iddeċieda dwar ix-“xoljiment tal-korpi amministrattivi u ta’ kontroll tal-[bank], u [is-]sostituzzjoni ta’ dawn tal-aħħar permezz ta’ tliet kummissarji straordinarji u ta’ kumitat ta’ superviżjoni”.

97      Għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa qies, fil-punt 2.1 li “il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 69 octiesdecies u fl-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, jiġifieri deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-[bank], [kienu] issodisfatti”, qabel ma kkonkluda, fil-punt 2.6, li “l-amministrazzjoni straordinarja [kienet] neċessarja u xierqa” u li “l-eżerċizzju tas-setgħa indikata fil-punt 70 [tal-imsemmi test kien] ukoll meqjus li huwa proporzjonat sabiex tiġi affaċjata s-sitwazzjoni serja [tal-bank f’dak iż-żmien]”.

98      Għalhekk, mill-motivazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li s-setgħa eżerċitata mill-BĊE f’din il-kawża sabiex il-bank jitqiegħed taħt amministrazzjoni temporanja hija dik imsemmija fl-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, peress li r-riferiment għall-Artikolu 69 tal-imsemmi test ma jippermettix li din il-konstatazzjoni tiġi miċħuda.

99      Bl-istess mod, il-BĊE, fid-deċiżjoni ta’ estensjoni, qies li l-amministrazzjoni temporanja kellha titkompla, minħabba l-persistenza tad-“deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-entità taħt superviżjoni” (punt 2.1), u li “l-eżerċizzju tas-setgħa skont l-Artikolu 70 [tat-Test Uniku dwar il-Banek]” kien xieraq fiċ-ċirkustanzi (punt 2.6).

100    Minn dan isegwi li l-BĊE kiser l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek billi bbaża ruħu, meta din il-kundizzjoni ma kinitx prevista minn din id-dispożizzjoni, fuq id-“deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni [tal-bank]” sabiex ixolji korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-bank, jistabbilixxi amministrazzjoni temporanja u jżommha fis-seħħ matul il-perijodu indikat fid-deċiżjoni ta’ estensjoni.

101    Din il-konklużjoni hija kkontestata mill-BĊE u mill-Kummissjoni.

102    Fl-ewwel lok, it-tnejn josservaw li t-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja huwa previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59. Issa, l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek għandu jinqara fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa kien intiż li jittrasponi, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi. Minn dan il-qari, jirriżulta li tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja huwa permess skont l-Artikolu 70 anki jekk is-sitwazzjoni kkunsidrata, jiġifieri d-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-bank, ma tkunx imsemmija b’mod espliċitu f’din id-dispożizzjoni.

103    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretawh sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE sa fejn dan jippermetti lill-qorti nazzjonali tiggarantixxi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta din tiddeċiedi l-kawżi li jkollha quddiemha (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019 Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 55, 57 u 58). Il-Qorti Ġenerali għandha l-istess obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali fid-dawl ta’ direttiva meta din twassal, bħal f’din il-kawża, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti, sabiex tapplika dan id-dritt.

104    Barra minn hekk, sa fejn tinsab inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Caisse régionale de crédit agricole mutuel Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Fil-fatt, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100, u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 25).

106    Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali li għadu kif tfakkar ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra l-kliem użat fid-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva.

107    Issa, dan ikun ir-riżultat miksub li kieku dan il-metodu ta’ interpretazzjoni kellu jintuża f’dan il-każ. Fil-fatt, il-miżura meħuda hija dik prevista mill-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek u, konsegwentement, huma l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu li għandhom jiġu ssodisfatti. Ir-riferiment għall-Artikolu 69 octiesdecies tal-imsemmi test fid-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, li jista’ forsi jiġi spjegat permezz tar-riferiment għal dan l-artikolu għal tnejn mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 70 tal-istess test, ma jistax ibiddel ir-regoli applikabbli għall-adozzjoni tal-miżuri previsti, u lanqas il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

108    Id-“deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank” ma hijiex espressjoni ġenerika, iżda kundizzjoni stabbilita minn test leġiżlattiv, li tirreferi għal lista eżawrjenti ta’ erba’ kundizzjonijiet alternattivi. Dawn il-kundizzjonijiet espliċitament stabbiliti mil-liġi sabiex tiġi adottata miżura daqstant intrużiva — l-iktar intrużiva fis-sistema ta’ intervent bikri — bħal dik tat-tqegħid ta’ bank taħt amministrazzjoni temporanja għandhom jiġu osservati u dawk previsti għall-adozzjoni tal-miżura l-inqas intrużiva ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-miżura l-iktar intrużiva, mingħajr riferiment konkret fit-test.

109    Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

110    Fit-tieni lok, il-BĊE u l-Kummissjoni sostnew waqt is-seduta li l-BĊE kien obbligat japplika, minbarra d-dritt nazzjonali, meta jintervjeni bħala awtorità kompetenti taħt il-leġiżlazzjoni bankarja, ir-regoli kollha li jinsabu fid-dritt tal-Unjoni; f’dan ir-rigward, huwa kien marbut, skont dawn l-istituzzjonijiet, li japplika d-dispożizzjoni li, inkluża fid-Direttiva 2014/59, tipprevedi t-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja f’każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni kkunsidrata.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif huma jindikaw, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni fl-azzjonijiet tagħhom. Dan l-obbligu jirriżulta mill-prinċipju ta’ legalità, li jimponi fuq l-istituzzjonijiet li josservaw, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ir-regoli li huma suġġetti għalihom. B’mod speċifiku, dan huwa indikat, fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali, kif enfasizzaw l-istituzzjonijiet ikkonċernati, fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li jipprevedi b’mod partikolari li “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi.”

112    Madankollu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta d-dritt tal-Unjoni jinkludi direttivi, huwa d-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi li għandu jiġi applikat. Id-dispożizzjoni ma tistax tinqara bħala li tinkludi żewġ sorsi distinti ta’ obbligi, jiġifieri d-dritt tal-Unjoni kollu, inklużi d-direttivi, li magħhom għandu jiżdied id-dritt nazzjonali li jittrasponihom. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippreżupponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma differenti mid-direttivi u li, f’tali każ, iż-żewġ tipi ta’ dokumenti jorbtu lill-BĊE bħala sorsi normattivi distinti. Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li tmur kontra l-Artikolu 288 TFUE, li jipprevedi li “[d]irettiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.” Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi għal individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fir-rigward tiegħu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48; ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Għalhekk, l-iżball imwettaq mill-BĊE fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ interpretazzjoni libera tat-testi li tippermetti li jerġgħu jinbnew il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet maħsuba b’mod distint fid-Direttiva 2014/59 u fid-dritt nazzjonali.

114    Għaldaqstant, il-motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

116    Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

117    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-BĊE, ECB-SSM-2019-ITCAR-11 tal1 ta’ Jannar 2019, li tqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-BĊE, ECB-SSM-2019-ITCAR-13 tad29 ta’ Marzu 2019, li testendi sat30 ta’ Settembru 2019 il-perijodu tat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja huma annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, kif ukoll għal dawk sostnuti minn Francesca Corneli.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Gervasoni

Madise

Nihoul

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ottubru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.