Language of document : ECLI:EU:T:2014:664

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Ambjent — Direttiva 94/62/KE — Imballaġġ u skart mill-imballaġġ — Direttiva 2013/2/UE — Rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli — Assoċjazzjoni professjonali — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑202/13,

Group’Hygiène, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑M. Leprêtre u N. Chahid-Nouraï, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Alcover San Pedro u J.‑F. Brakeland, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament parzjali tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2/UE, tas-7 ta’ Frar 2013, li temenda l-Anness I għad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 37, p. 10), sa fejn il-Kummissjoni inkludiet ir-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk maħsuba li jifformaw parti minn tagħmir tal-produzzjoni u li ma humiex użati sabiex jippreżentaw prodott bħala unità ta’ bejgħ, fil-lista ta’ eżempji ta’ prodotti li juru l-applikazzjoni tal-kriterji li jippreċiżaw il-kunċett ta’ “imballaġġ”.

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-20 ta’ Diċembru 1994, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349) intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tarmonizza l-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-immaniġġjar tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ sabiex, minn naħa, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent tal-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, hija timponi fuq l-Istati Membri li jimplementaw miżuri ta’ prevenzjoni tal-formazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ u għat-tnaqqis tal-qerda finali tiegħu, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ sistemi, minn naħa, ta’ ritorn jew ta’ ġbir tal-imballaġġ użat jew tal-iskart mill-imballaġġ u, min-naħa l-oħra, għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru tal-imballaġġ jew tal-iskart mill-imballaġġ miġbur.

2        Skont il-ħames premessa u l-Artikolu 2 tagħha, id-Direttiva 94/62 trid tkopri t-tipi kollha tal-imballaġġ imqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

3        L-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “imballaġġ”.

4        F’dan ir-rigward, id-Direttiva 94/62 ġiet emendata bid-Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 3), li għandha l-intenzjoni, b’mod partikolari, li tiċċara d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “imballaġġ” [ippakkjar] permezz tal-introduzzjoni ta’ ċerti kriterji u tal-Anness I li jinkludi eżempji illustrati, pożittivi u negattivi, għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji (premessa 2 tad-Direttiva 2004/12). Id-Direttiva 2004/12 emendat l-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 billi żiedet żewġ subparagrafi, fosthom ir-raba’ wieħed li jipprovdi li l-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21 ta’ din tal-aħħar, u, fil-każ ineżami, temenda l-lista ta’ eżempji illustrati li jissemmew fl-Anness I. It-tubi u rollijiet li magħhom jiddawwar materjal flessibbli huma issa msemmija espressament fost il-prodotti li jridu jiġu studjati b’mod prijoritarju mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha.

5        B’applikazzjoni tas-subparagrafu 4 tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62 u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 tagħha, il-Kummissjoni adottat, fis-7 ta’ Frar 2013, id-Direttiva 2013/2/UE li temenda l-Anness I tad-Direttiva 94/62 (ĠU L 37, p. 10, iktar ʼil quddiem id-“direttiva kkontestata”). Permezz tad-direttiva kkontestata, il-Kummissjoni elenkat fil-lista eżempji ta’ prodotti li jikkostitwixxi imballaġġ, li jissemmew fl-Anness I tad-Direttiva 94/62, b’mod partikolari r-“rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli (pereżempju: film tal-plastik, aluminju, karta), bl-eċċezzjoni tar-rollijiet, tubi u ċilindri intenzjonati bħala parts ta’ makkinarju ta’ produzzjoni u li ma jintużawx għall-preżentazzjoni ta’ prodott bħala unità ta’ bejgħ” (iktar ʼil quddiem ir-“rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli”).

6        Id-Direttiva 94/62 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż b’mod partikolari permezz tal-Artikoli L 541‑10 et seq u R 543‑42 et seq tal-Kodiċi għall-ambjent, emendati, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/12, permezz tad-Digriet Ministerjali, tas-7 ta’ Frar 2012, dwar l-eżempji ta’ applikazzjoni tal-kriterji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ “imballaġġ” iddefinit fl-Artikolu R 543‑43 tal-Kodiċi għall-Ambjent (JORF tat-23 ta’ Frar 2012, p. 3070). Mill-Artikoli L 541‑10 II u R 543‑56 tal-Kodiċi għall-Ambjent jirriżulta li l-produtturi, l-importaturi jew l-impriżi responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq Franċiż tal-prodotti kkonsmati jew użati fid-djar u mibjugħa f’imballaġġ huma obbligati li jikkontribwixxu jew jipprovdu għall-immaniġġjar tal-iskart tal-imballaġġ kollu tagħhom. Għal dan il-għan, huma jidentifikaw l-imballaġġ li organu jew impriża, approvati għal dan il-għan, għandhom jieħdu ħsieb u li għandhom jirkupraw l-imballaġġ l-ieħor. L-Artikolu R 543‑43 I jistabbilixxi l-kriterji intiżi li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “imballaġġ” u jipprovdi li eżempji li jillustraw l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għandhom jiġu speċifikati b’digriet tal-ministru responsabbli għall-ambjent.

7        Id-Direttiva kkontestata ġiet trasposta fid-dritt Franċiż bid-Digriet Ministerjali, tas-6 ta’ Awwissu 2013, li jemenda d-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, dwar l-eżempji ta’ applikazzjoni tal-kriterji li jispeċifikaw il-kunċett ta’ “imballaġġ” iddefinit fl-Artikolu R 543‑43 tal-Kodiċi għall-Ambjent (JORF tas-27 ta’ Awwissu 2013, p. 14487), fejn hemm inkluż, b’mod partikolari, ir-rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli bħala eżempji ta’ prodotti li jikkostitwixxu l-imballaġġ.

8        Ir-rikorrenti, il-Group’Hygiène, hija assoċjazzjoni ta’ professjonisti stabbilita taħt id-dritt Franċiż li, skont l-istatuti tagħha, tirrappreżenta l-interessi tal-fabbrikanti tal-prodotti li jintużaw darba waħda biss għall-iġjène, għas-saħħa u għall-imsiħ, bħal karta iġenika u għall-użu domestiku, li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-suq Franċiż. Il-membri tal-Group’Hygiène jipproduċu prodotti li l-istruttura ta’ appoġġ tagħhom tinkludi tubi tal-kartun li jinsabu fiċ-ċentru tar-rollijiet tal-karta iġenika jew karti assorbenti tal-kċina.

9        F’Jannar 2013, bosta mill-membri tar-rikorrenti tressqu quddiem il-qorti Franċiża minn organu ekoloġiku privat approvat fi Franza sabiex jiżgura l-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ (iktar ʼil quddiem l-“organu ekoloġiku”) minħabba l-fatt li huma ma kinux iddikjaraw, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fis-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ, l-iskart ikkostitwit mir-rollijiet, mit-tubi u miċ-ċilindri użati fil-prodotti mibjugħa minnhom fis-suq Franċiż u li, konsegwentement, ma kinux ħalsu t-tariffa għal dan il-għan.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

11      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2013, Sphère France SAS u Schweitzer SAS talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

13      Fit-23 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla “b’effett immedjat” id-direttiva kkontestata, sa fejn din iżżid ir-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk użati mill-industrija, fil-lista tal-eżempji ta’ imballaġġ li jissemmew fl-Anness I tad-Direttiva 94/62;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Fl-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla “b’effett immedjat” parzjalment id-direttiva kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni kuntrarja. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, f’din il-kawża, hija għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess, u ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-preżenti rikors jiġi ddikjarat inammissibbli billi tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti, sa fejn l-annullament tad-direttiva kkontestata ma jistax jipprovdi vantaġġ la lilha stess u lanqas lill-membri tagħha, it-tieni nett, fuq il-fatt li d-direttiva kkontestata ma hijiex att regolatorju li jirrigwarda direttament lill-membri tar-rikorrenti u li ma tinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll, it-tielet nett, fuq l-assenza tal-locus standi tar-rikorrenti, minħabba n-nuqqas ta’ interess dirett u individwali tal-membri tagħha.

19      Skont il-ġurisprudenza, peress li l-Group’Hygiène hija assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-fabbrikanti tal-prodotti li jintużaw darba waħda biss għall-iġjène, għas-saħħa u għall-imsiħ, hija għandha locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament fil-każ biss, bħala prinċipju, li l-persuni li hija tirrappreżenta, jew xi wħud minnhom, għandhom il-locus standi individwali jew jekk tista’ tinvoka l-interess tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, punt 18).

20      Ir-rikorrenti ma ssostnix l-interess tagħha stess għall-annullament tad-direttiva kkontestata, iżda ssostni li l-membri tagħha għandhom interess li din id-direttiva tiġi annullata kif ukoll locus standi individwali sabiex jippreżentaw rikors għal annullament kontra din tal-aħħar.

21      Qabel kollox għandu jiġi eżaminat il-locus standi tal-membri tar-rikorrenti.

22      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

23      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, Direttiva għandha bħala destinatarji lill-Istati Membri. Għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, individwi, bħall-membri tar-rikorrenti, ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra direttiva ħlief jekk, jew tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma għandha l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni, jew tikkonċernahom direttament u individwalment [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2010, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra p. II‑7697, punt 19, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, punt 29].

24      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tibda teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess dirett, peress li din hija bbażat fuq il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors li huwa komuni għat-tieni u għat-tielet kategorija ta’ atti ppreżentati fil-punt 22 iktar ʼil fuq.

25      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-direttiva kkontestata ma tinfluwenzax b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li din id-direttiva tista’ taffettwahom finanzjarjament ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkunsidrata li tikkonċernahom direttament. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-għanijiet previsti mid-Direttiva 94/62 għal dak li jirrigwarda r-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, miżjuda mid-direttiva kkontestata mal-lista ta’ eżempji ta’ prodotti li jikkostitwixxu imballaġġ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62.

26      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-direttiva kkontestata timplika, awtomatikament, li r-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli għandhom minn issa ʼil quddiem jiġu kkunsidrati bħala imballaġġ, u b’dan il-mod ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għaldaqstant, id-direttiva kkontestata għandha bħala konsegwenza diretta u immedjata li l-membri ta’ Group’Hygiène ikollhom impost fuqhom obbligi addizzjonali, b’mod partikolari ta’ natura finanzjarja, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ li jinħoloq minħabba dawn il-prodotti.

27      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata, kemm minħabba l-forma kif ukoll minħabba l-kontenut tagħha, hija att ta’ applikazzjoni ġenerali li japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li jirrigwarda, b’mod ġenerali u astratt, lill-operaturi ekonomiċi kollha tal-Istati Membri li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-imballaġġ ikkostitwit mill-prodotti elenkati mid-direttiva kkontestata fl-Anness I tad-Direttiva 94/62, inkluż dak ikkostitwit mir-rollijiet, mit-tubi u miċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli.

28      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat diversi drabi lil direttiva bħala att li għandu portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 1984, Kloppenburg, 70/83, Ġabra p. 1075, punt 11, u tad-29 ta’ Ġunju 1993, Gibraltar vs Il-Kunsill, C‑298/89, Ġabra p. I‑3605, punt 16; Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1995, Asocarne vs Il-Kunsill, C‑10/95 P, Ġabra p. I‑4149, punt 29). Madankollu, ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ tali att ta’ portata ġenerali jistgħu jirrigwardaw direttament u individwalment persuna partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il‑Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punti 19 sa 22; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2000, Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑172/98, T‑175/98 sa T‑177/98, Ġabra p. II‑2487, punt 30, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra p. II‑211, punt 96).

29      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tal-interess dirett kif imsemmi fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors tirrikjedi li l-att jipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu inkarigati mill-implementazzjoni tiegħu, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra intermedjarji [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43; sentenzi Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 28 iktar ʼil fuq, punt 52; Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 28 iktar ʼil fuq, punt 97, u Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ʼil fuq, punt 27].

30      Dan ifisser li, fil-każ li att tal-Unjoni jkun indirizzat lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istat Membru bħala risposta għall-att hija ta’ natura awtomatika jew jekk, fi kwalunkwe każ, ma hijiex dubjuża, l-att għaldaqstant jikkonċerna direttament lil kull persuna li hija affettwata minn din l-azzjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-att iħalli lill-Istat Membru l-possibbiltà li jieħu jew ma jiħux azzjoni, hija l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru li tirrigwarda direttament lill-persuna affettwata, u mhux il-miżura fiha nnifisha. Fi kliem ieħor, l-att inkwistjoni ma għandux jiddependi, sabiex jipproduċi l-effetti tiegħu, mill-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali minn parti terza, sakemm ma jkunx evidenti li tali setgħa trid tiġi eżerċitata biss f’sens determinat (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 46).

31      Peress li l-kriterju tal-interess dirett imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġiex emendat, din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għall-każ ineżami (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2013, Regione Puglia vs Il‑Kummissjoni, C‑586/11 P, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2011, Ax vs Il‑Kunsill, T‑259/10, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 21, u tat-12 ta’ Ottubru 2011, GS vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑149/11, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 19).

32      Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk id-direttiva kkontestata tinfluwenzax, minnha nnifisha, is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu, u għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata, bħala tali, kontra tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48, u tas-7 ta’ Marzu 1996, El Corte Inglés, C‑192/94, Ġabra p. I‑1281, punt 15; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C ‑91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 25). Minn dan isegwi li direttiva li, bħal fil-każ ineżami, iġġiegħel lill-Istati Membri jikkunsidraw ċerti prodotti bħala imballaġġ, fis-sens tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, ma hijiex, minnha nnifisha, preċedentement għal, u indipendentement mill-adozzjoni tal-miżuri statali tat-traspożizzjoni, ta’ natura li jkollha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali tal-operaturi ekonomiċi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 28 iktar ’il fuq, punt 54).

34      Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li d-direttiva kkontestata influwenzat direttament lill-membri tagħha saħansitra qabel, u indipendentement mit-traspożizzjoni tagħha.

35      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirreferi għar-riperkussjonijiet finanzjarji li l-membri tagħha jġarrbu jew jistgħu jġarrbu minħabba l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, minħabba l-fatt li din tinkludi r-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli fil-lista tal-eżempji tal-imballaġġ. Għaldaqstant, il-membri tar-rikorrenti, li jużaw dawn il-prodotti f’dak li jimmanifatturaw, għandhom l-obbligu li jipparteċipaw fis-sistema ta’ immaniġġjar tal-imballaġġ magħmul minn dawn il-prodotti billi jkollhom iħallsu, għal dan il-għan, ċerti kontribuzzjonijiet finanzjarji. Il-kawża, pendenti quddiem il-qorti Franċiża, fit-tilwima mal-organu ekoloġiku tixed in-natura ineżorabbli u tal-imminenza ta’ dawn ir-riperkussjonijiet finanzjarji.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali konsegwenzi ma jirriżultawx mid-direttiva kkontestata, iżda mit-traspożizzjoni tagħha mill-awtoritajiet Franċiżi. Fil-fatt, din id-direttiva tillimita ruħha li temenda l-lista tal-eżempji ta’ prodotti li għandhom jew li ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala imballaġġ, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62. Is-sempliċi reġistrazzjoni ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari tar-rollijiet, tat-tubi u taċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, fil-lista tal-eżempji tal-imballaġġ ma timponix fuq l-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-qasam tal-imballaġġ ikkostitwit minn dawn il-prodotti bl-obbligu li jipparteċipaw fis-sistema tal-immaniġġjar tagħhom. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata u l-Anness I tagħha għandhom bħala konsegwenza li r-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli għandhom jiġu kkunsidrati, fis-sistema legali nazzjonali, li jikkostitwixxu imballaġġ, fis-sens tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, id-direttiva kkontestata ma tagħti l-ebda indikazzjoni speċifika fir-rigward tal-miżuri li ser jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jilħqu l-għanijiet imposti mid-Direttiva 94/62 fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

37      B’mod iktar partikolari, l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62, li tiġi stabbilita sistema ta’ ritorn, tal-ġbir u tal-irkupru tal-iskart li ġej mill-prodotti indikati fid-direttiva kkontestata bħala li jikkostitwixxu imballaġġ ma huwiex direttament applikabbli għall-membri tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan jeħtieġ att min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex huwa jispeċifika b’liema mod ser jimplementa l-obbligu inkwistjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2006, Freiherr von Cramer-Klett u Rechtlerverband Pfronten vs Il‑Kummissjoni, T‑136/04, Ġabra p. II‑1805, punt 52).

38      Għalhekk, huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-direttiva kkontestata, u mhux din tal-aħħar, li jistgħu jipproduċu effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-membri tar-rikorrenti.

39      Konsegwentement, id-direttiva kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata li tinfluwenza direttament id-drittijiet ta’ dawn il-membri jew l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet.

40      Ir-riperkussjonijiet finanzjarji li tagħmel riferiment għalihom ir-rikorrenti ma humiex eżerċitati, fi kwalunkwe każ, fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha, iżda fuq is-sitwazzjoni fattwali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salamander et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 28 iktar ʼil fuq, punt 62, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2006, Benkö et vs Il‑Kummissjoni, T‑122/05, Ġabra p. II‑2939, punt 47). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-fatt biss li att jista’ jkollu impatt fuq is-sitwazzjoni materjali ta’ rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi meqjus li jikkonċernaha direttament. Hija biss l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi li tista’ tawtorizza lil individwu, li jallega li l-att qed jaffettwa l-pożizzjoni tiegħu fis-suq, li jagħmel rikors abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il‑Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7, u d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il‑Kummissjoni, T‑189/97, Ġabra p. II‑335, punt 48, u tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T‑343/10, Ġabra p. II‑6611, punt 41). Fil-każ ineżami, peress li r-rikorrenti sostniet biss li l-membri tagħha kellhom obbligi finanzjarji addizzjonali rigward l-immaniġġjar tal-iskart ikkostitwit mir-rollijiet, mit-tubi u miċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, ma ġietx stabbilita l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi speċifiċi.

41      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-direttiva kkontestata għandha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tagħha, peress li l-organu ekoloġiku jista’ jinvokaha direttament fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti Franċiża sabiex jeżiġi li huma jħallsu l-kontribuzzjonijiet minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ ikkostitwit mir-rollijiet, mit-tubi u miċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jitfakkar fil-punt 33 iktar ʼil fuq, li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq persuna partikolari u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata, bħala tali, kontra tagħha. Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti huwa infondat.

43      Fit-tielet lok, lanqas ma huwa fondat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-membri tagħha huma direttament ikkonċernati mid-direttiva kkontestata indipendentement mit-traspożizzjoni tagħha, sa fejn din ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ traspożizzjoni. Huwa ċertament veru, kif issostni r-rikorrenti, li d-direttiva kkontestata ma tagħtix setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li r-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli jiġu minn issa ʼil quddiem ikkunsidrati bħala imballaġġ, fis-sens tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62. Madankollu, l-Istati Membri dejjem għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-għanijiet iffissati mid-Direttiva 94/62 għal dak li jirrigwarda dawn il-prodotti. Issa, l-effetti eventwali fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti ma jirriżultawx mir-rekwiżit li jinkiseb dan ir-riżultat, iżda mill-għażla tal-miżuri li l-Istat Membru ddeċieda li jadotta sabiex dan ir-riżultat jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punti 62 u 63).

44      Fil-fatt, la d-Direttiva 94/62 u lanqas id-direttiva kkontestata ma jistabbilixxu s-sistema tal-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ domestiku għal użu uniku, bħal rollijiet, tubi u ċilindri użati fi prodotti mmanifatturati mill-membri tar-rikorrenti, li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija. Għalhekk, huma jħallu f’idejn l-Istati Membri l-għażla tas-sistema li hija l-iktar adattata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 42). Id-Direttiva 94/62 tħalli wkoll f’idejn l-Istati Membri l-għażla tad-definizzjoni tal-kategorija tal-operaturi ekonomiċi obbligati li jipparteċipaw fis-sistemi li jiżguraw ir-ritorn, il-ġbir u l-irkupru tal-imballaġġ kif ukoll tal-iskart mill-imballaġġ stabbiliti skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, sakemm dawn ikunu “miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti” (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2006, Plato Plastik Robert Frank, C‑26/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 33). Għalhekk, la d-Direttiva 94/62 u lanqas id-direttiva kkontestata ma jipprovdu għal parteċipazzjoni obbligatorja tal-utenti tal-imballaġġi, bħall-membri tar-rikorrenti, fis-sistema tal-immaniġġjar tal-imballaġġ li r-Repubblika Franċiża tistabbilixxi fir-rigward tar-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli.

45      Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali diġà adottaw miżuri skont id-Direttiva 94/62 ma jimplikax li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru għall-implementazzjoni tad-direttiva kkontestata huwa purament teoretiku, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw tipi oħra ta’ miżuri wara din il-miżura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2008, Calebus vs Il‑Kummissjoni, T‑366/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 43).

46      Fir-raba’ lok, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ʼil fuq, skont liema l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li d-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi għal projbizzjoni mill-bejgħ tas-sustanza kimika kkonċernata, ipproduċiet direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-att ikkontestat mir-rikorrenti f’din il-kawża kienet deċiżjoni li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha. Issa, f’din il-kawża, l-att ikkontestat huwa direttiva li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, torbot lill-Istati Membri mar-riżultat li jrid jinkiseb filwaqt li tħalli l-għażla tal-forom u l-metodi tal-implementazzjoni f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali.

47      It-tieni nett, għal kuntrarju tad-deċiżjoni msemmija fil-kawża Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ʼil fuq, id-direttiva kkontestata ma tipprovdi għal ebda projbizzjoni u lanqas ordni fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, iżda tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jieħdu ħsieb jistabbilixxu l-konsegwenzi għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati mir-reġistrazzjoni ta’ ċerti prodotti fil-lista tal-eżempji tal-imballaġġ, fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 94/62.

48      L-istess jgħodd għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il‑Kummissjoni (T‑420/05, Ġabra p. II‑3841), li tgħid li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti f’din il-kawża setgħet tippreżenta rikors għal annullament kontra direttiva li tipprovdi rekwiżiti ta’ bejgħ fis-suq tal-Unjoni ta’ sustanza attiva li tikkostitwixxi komponent tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-direttiva inkwistjoni kienet tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti bħala kumpannija li tipproduċi din is-sustanza attiva. Issa, iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li waslet għall-imsemmija sentenza huma differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami, peress li d-direttiva kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma tipprovdix għal rekwiżiti ta’ bejgħ tal-imballaġġ ikkostitwit mill-prodotti li hija tinkludi fil-lista tal-Anness I tad-Direttiva 94/62.

49      Għalhekk, iċ-ċirkustanzi msemmija kemm fil-kawża li waslet għas-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 23 iktar ʼil fuq (punt 29), kif ukoll fil-kawża li waslet għas-sentenza Vischim vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ʼil fuq (punt 77), huma differenti minn dawk imsemmija f’din il-kawża.

50      Peress li r-rekwiżit tal-interess dirett huwa rekwiżit ta’ ammissibbiltà komuni għar-rikorsi kontra atti li d-destinatarju tagħhom ma huwiex ir-rikorrent u dawk kontra atti regolatorji li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-direttiva kkontestata tikkostitwixxix jew le att regolatorju fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jiġi konkluż li l-membri tar-rikorrenti ma għandhomx locus standi fil-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, id-digrieti Ax vs Il‑Kunsill, punt 31 iktar ʼil fuq, punt 25, u GS vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, punt 31 iktar ʼil fuq, punt 28).

51      Peress li l-membri tar-rikorrenti ma għandhomx locus standi u r-rikorrenti ma invokatx l-interess proprju tagħha, għandu jiġi konkluż, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 19 iktar ʼil fuq, li dan ir-rikors huwa inammissibbli mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-motiv tal-inammissibbiltà bbażat fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tal-membri tar-rikorrenti.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ta’ Sphère France u ta’ Schweitzer insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il‑Kummissjoni, C‑341/00 P, Ġabra p. I‑5263, punti 33 sa 37).

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, apparti l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, b’mod konformi mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent ta’ Sphère France SAS u ta’ Schweitzer SAS.

3)      Il-Group’Hygiène hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2014.

E. Coulon

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.