Language of document : ECLI:EU:T:2014:664

Kawża T‑202/13

Group’Hygiène

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Ambjent — Direttiva 94/62/KE — Imballaġġ u skart mill-imballaġġ — Direttiva 2013/2/UE — Rollijiet, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli — Assoċjazzjoni professjonali — Nuqqas ta’ interess dirett — Inammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2014

Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Kriterji — Direttiva 2013/2 li temenda l-lista ta’ eżempji ta’ prodotti li jikkostitwixxu imballaġġ fis-sens tad-Direttiva 94/62 — Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ritorn, tal-ġbir u tal-irkupru tal-iskart li ġej mill-prodotti li jikkostitwixxu imballaġġ — Rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-interessi tal-produtturi ta’ dawn il-prodotti — Assenza ta’ interess dirett — Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62, l-ewwel punt tal-Artikolu 3, Artikolu 7 u Anness II; Direttiva tal-Kummissjoni 2013/2)

Fir-rigward ta’ rikors għal annullament, assoċjazzjoni professjonali li tirrapreżenta l-interessi tal-membri tagħha hija ammissibbli sabiex tippreżenta rikors għal annullament biss jekk il-persuni li hija tirrappreżenta, jew xi wħud minnhom, għandhom il-locus standi individwali jew jekk tista’ tinvoka l-interess tagħha stess.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha bħala destinatarji lill-Istati Membri. Għalhekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, individwi, bħall-membri tar-rikorrenti, ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra direttiva ħlief jekk, jew tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma għandha l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni, jew tikkonċernahom direttament u individwalment.

F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika trid tkun direttament ikkonċernata mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors tirrikjedi li l-att jipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu inkarigati mill-implementazzjoni tiegħu, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra intermedjarji.

Għalhekk, huwa inammissibbli r-rikors ta’ assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-interessi tal-membri tagħha intiż għall-annullament tad-Direttiva 2013/2, li temenda l-Anness I għad-Direttiva 94/62 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, meta dawn il-membri ma jkollhomx locus standi u l-assoċjazzjoni professjonali ma tkunx invokat l-interess proprju tagħha.

Fil-fatt, din id-direttiva, kemm minħabba l-forma kif ukoll minħabba l-kontenut tagħha, hija att ta’ applikazzjoni ġenerali li japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li jirrigwarda, b’mod ġenerali u astratt, lill-operaturi ekonomiċi kollha tal-Istati Membri li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-imballaġġ ikkostitwit mill-prodotti elenkati mid-direttiva kkontestata fl-Anness I tad-Direttiva 94/62, inkluż dak ikkostitwit mir-rollijiet, mit-tubi u miċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli. Direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fuq individwu, u għaldaqstant, ma tistax tiġi invokata, bħala tali, kontra tiegħu. Minn dan isegwi li direttiva li, bħal fil-każ ineżami, iġġiegħel lill-Istati Membri jikkunsidraw ċerti prodotti bħala imballaġġ, fis-sens tal-ewwel punt tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/62, ma hijiex, minnha nnifisha, preċedentement għal, u indipendentement mill-adozzjoni tal-miżuri statali tat-traspożizzjoni, ta’ natura li jkollha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali tal-operaturi ekonomiċi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod iktar partikolari, l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62, li tiġi stabbilita sistema ta’ ritorn, tal-ġbir u tal-irkupru tal-iskart li ġej mill-prodotti indikati fid-Direttiva 2013/2 bħala li jikkostitwixxu imballaġġ ma huwiex direttament applikabbli għall-membri tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan jeħtieġ att min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex huwa jispeċifika b’liema mod ser jimplementa l-obbligu inkwistjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rollijiet, it-tubi u ċ-ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli.

Barra minn hekk, l-Istati Membri dejjem għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-għanijiet iffissati mid-Direttiva 94/62 għal dak li jirrigwarda dawn il-prodotti. Issa, l-effetti eventwali fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri tar-rikorrenti ma jirriżultawx mir-rekwiżit li jinkiseb dan ir-riżultat, iżda mill-għażla tal-miżuri li l-Istat Membru ddeċieda li jadotta sabiex dan ir-riżultat jintlaħaq.

Għalhekk, huma d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2013/2, u mhux din tal-aħħar, li jistgħu jipproduċu effetti legali fuq is-sitwazzjoni tal-membri tal-assoċjazzjoni professjonali rikorrenti. Konsegwentement,id-Direttiva 2013/2 ma tistax tiġi kkunsidrata li tinfluwenza direttament id-drittijiet ta’ dawn il-membri jew l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet.

(ara l-punti 19, 23, 27, 29, 33, 37-39, 43, 51)