Language of document : ECLI:EU:T:2013:659

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ Novembru 2013

Kawża T‑203/13 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Rikors miċħud fl-ewwel istanza bħala manifestament inammissibbli — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata tiegħu u ffirmat permezz ta’ timbru li jirriproduċi l-firma tal-avukat — Preżentata tal-oriġinal wara l-iskadenza tat-terminu — Tardività tar-rikors — Appell manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Jannar 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑92/12), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn — Regola sostanzjali li għandha applikazzjoni stretta — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks — Firma tal-avukat stampata permezz ta’ timbru — Firma miktuba b’mod differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors indirizzat b’ittra — Data meta waslet il-faks li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21)

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-firma tal-avukat li jirrappreżenta rikorrent li jissemma’ fir-rikors mibgħut permezz ta’ faks u dik li tinsab fuq l-oriġinal ippreżentat mhux iktar tard minn għaxart-ijiem wara, peress li l-firma li tidher fil-qiegħ tar-rikors ippreżentat permezz ta’ faks ma hijiex identika għal dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors suċċessiv, ir-rikors ippreżentat permezz ta’ faks ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Barra minn hekk, it-timbru, fuq rikors promotur, li jirriproduċi l-firma tal-avukat imqabbad mir-rikorrent huwa mod indirett u mekkaniku ta’ kif issir firma li waħdu ma jippermettix li jiġi kkonstatat li l-avukat stess iffirma l-att proċedurali inkwistjoni. Fil-fatt, ir-rekwiżit tal-firma miktuba bl-idejn ta’ rikors intiż li jiggarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li, fil-verità, din ma tkunx ix-xogħol tal-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat bħala regola sostanzjali proċedurali u huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni stretta, b’mod li l-ksur tagħha jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

Minn dan isegwi li, meta l-firma ta’ dokument mibgħut permezz ta’ faks, kemm fil-każ ta’ firma magħmula permezz ta’ timbru kif ukoll fil-każ ta’ firma miktuba bl-idejn, ma tikkorrispondix għall-firma li tinsab fl-oriġinal tar-rikors ippreżentat sussegwentement, din id-differenza tinvolvi l-istess konsegwenzi legali, jiġifieri li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni d-dokument irċevut permezz ta’ faks għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 13 sa 15 u 17)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, Ġabra p. II 1581, punti 50 sa 52; 29 ta’ Novembru 2011, ENISA vs CEPD, T‑345/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 15 sa 17; 3 ta’ Ottubru 2012, Tecnimed vs UASI – Ecobrands (ZAPPER-CLICK), T‑360/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 15 sa 17, u l-ġurisprudenza ċċitata