Language of document : ECLI:EU:C:2008:194

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

M. Poiares Maduro

ippreżentati fit-3 ta’ April 20081(1)

Kawża C-524/06

Heinz Huber

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein - Westfalen (il-Ġermanja))






1.        Dan il-każ jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali ta’ ċittadini tal-UE li huma residenti fil-Ġermanja. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ipproċessar ta’ data f’reġistru ċentrali miżmum mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati), li għalih għandhom aċċess ukoll awtoritajiet pubbliċi oħrajn, huwiex kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, id-dritt tal-istabbiliment u d-Direttiva 95/46(2), ladarba ebda reġistru bħal dan ma jeżisti għaċ-ċittadini Ġermaniżi.

I –    Il-fatti

2.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Heinz Huber, huwa ċittadin Awstrijak. Huwa ilu jgħix u jaħdem fil-Ġermanja mill-1996. Id-data personali ta’ ċittadini barranin li jgħixu fil-Ġermanja, inklużi dik ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, hija miżmuma f’reġistru ċentrali miżmum mill-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati. Informazzjoni dwar H. Huber li hija miżmuma fir-reġistru tinkludi d-dettalji personali tiegħu u l-istatus matrimonjali tiegħu, id-dettalji tal-passaport, id-data tal-ewwel dħul tiegħu fil-Ġermanja, l-istatus ta’  residenza tiegħu, id-diversi tibdiliet tad-domiċilju tiegħu ġewwa l-pajjiż kif ukoll dettalji tal-awtoritajiet ta’ reġistrazzjoni u l-ismijiet tal-uffiċċji amministrattivi li kkomunikaw id-data tiegħu. Id-data personali taċ-ċittadini Ġermaniżi hija miżmuma biss fir-reġistri lokali u muniċipali, peress li ma jeżisti l-ebda reġistru ċentrali għalihom fuq il-livell federali.

3.        Fl-2002 H. Huber talab, abbażi tal-Artikoli 12 u 49 KE u tad-Direttiva 95/46 it-tneħħija mir-reġistru ċentrali ta’ kull data li kellha x’taqsam miegħu. It-talba tiegħu ġiet miċħuda mill-Bundesverwaltungsamt (Uffiċċju Amministrattiv Federali), li kien il-korp kompetenti f’dak iż-żmien, filwaqt li appell amministrattiv quddiem l-istess Uffiċċju wkoll ġie miċħud. Imbagħad, H. Huber ressaq kawża quddiem il-Verwaltungsgericht (Tribunal Amministrattiv) bl-istess talba. Dan laqa’ t-talba, filwaqt li qies li l-ħżin tad-data tar-rikorrent kien inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. L-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati appella mis-sentenza tat-Tribunal Amministrattiv, u għalhekk l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (Qorti ta’ Appell Amministrattiva tar-Rhine Westphalia ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel it-tliet domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

‘L-ipproċessar ġenerali ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn f’reġistru ċentrali ta’ barranin huwa kompatibbli ma’:

(a)      il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza kontra ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18(1) KE),

(b)       il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE),

(ċ)       ir-rekwiżit tan-neċessità skont l-Artikolu 7(e) ta’ [Direttiva 95/46]?’

II – Analiżi

4.        L-ewwel żewġ domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali jikkonċernaw il-kompatibbiltà tas-sistema Ġermaniża ta’ pproċessar tad-data ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, fl-ewwel lok, mal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE (moqri flimkien, rispettivament, mal-Artikoli 17 KE u 18(1) KE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri) u, fit-tieni lok, mad-dritt tal-istabbiliment iggarantit bl-Artikolu 43 KE. Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 12 KE huwa l-bażi legali l-iktar adattata biex tiġi analizzata l-kwistjoni, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent kien manifestament diġà eżerċita d-dritt mogħti lilu mid-dritt Komunitarju, iggarantit bl-Artikolu 18(1) KE, li jmur fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, jien tal-fehma li l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni tinsab fil-qofol ta’ din il-kawża. Jekk is-sistema Ġermaniża titqies li hija inkompatibbli mal-projbizzjoni, stipulata fl-Artikolu 12 KE, ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fir-rigward tad-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, hija tkun inammissibbli indipendentement minn jekk taffettwax, jew għandhiex il-potenzjal li taffettwa, id-drittijiet tal-istabbiliment tar-rikorrent. Għalhekk, se neżamina fl-ewwel lok il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni u mbagħad ngħaddi għar-rekwiżit ta’ neċessità skont id-Direttiva 95/46, li huwa s-suġġett tat-tielet domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja(3).

A –    Is-sistema Ġermaniża hija diskriminatorja fil-konfront taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn?

1.      Sitwazzjonijiet komparabbli

5.        Il-partijiet jaqblu li hemm differenzi sostanzjali bejn l-ipproċessar tad-data personali ta’ ċittadini Ġermaniżi u dak tad-data ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Il-Ġermanja m’għandhiex sistema ċentralizzata għar-reġistrazzjoni, ħżin u pproċessar ta’ data taċ-ċittadini tagħha. Madankollu, jeżistu madwar 7 700 reġistru muniċipali tal-popolazzjoni, li jirreġistraw id-dettalji personali bażiċi ta’ ċittadini iżda li mhumiex marbuta bejniethom u ma jistgħux jiġu kkonsultati fuq livell ċentrali u simultanju. Bil-kontra, id-data personali ta’ ċittadini barranin, inkluża dik ta’ ċittadini ta’ Stati Membri tal-UE, tiġi maħżuna mhux biss fir-reġistri muniċipali iżda anki f’reġistru ċentrali taċ-ċittadini barranin li huwa miżmum mill-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati. Barra minn dan, ir-reġistru ċentrali għandu portata ħafna iktar wiesgħa u jinkludi informazzjoni addizzjonali li mhijiex irreġistrata fir-reġistri muniċipali bħal dettalji tal-passaport, dati tad-dħul u tal-ħruġ mill-pajjiż, l-istatus ta’ residenza, dettalji ta’ kull applikazzjoni għal status ta’ refuġjati u l-eżitu tagħha, dettalji ta’ ordnijiet ta’ deportazzjoni u miżuri biex jiġu inforzati dawn l-ordnijiet, informazzjoni dwar attivitajiet kriminali suspettati tas-suġġett tad-data u informazzjoni dwar kundanni kriminali. Għalhekk, hemm differenza fit-trattament bejn ċittadini Ġermaniżi u ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn taħt tliet aspetti: fl-ewwel lok, id-data personali ta’ ċittadini barranin jiġu reġistrati mhux biss fir-reġistri muniċipali, fejn tiġi reġistrata wkoll id-data ta’ ċittadini Ġermaniżi, iżda wkoll fir-reġistru ċentrali taċ-ċittadini barranin; fit-tieni lok, ir-reġistru ċentrali jinkludi iktar informazzjoni dwar suġġetti tad-data milli jinkludu r-reġistri lokali; fit-tielet lok, id-data ta’ ċittadini barranin hija disponibbli malajr għal diversi awtoritajiet governattivi permezz ta’ reġistru ċentrali filwaqt li ma teżistix possibbiltà bħal din fir-rigward taċ-ċittadini Ġermaniżi. Il-kwistjoni hija jekk differenza fit-trattament bħal din tikkostitwix diskriminazzjoni pprojbita.

6.        Il-Gvern Ġermaniż ifakkarna li, biex jinstab li teżisti diskriminazzjoni, jenħtieġ li jkun hemm żewġ sitwazzjonijiet komparabbli li jiġu trattati b’mod differenti. Għalhekk, l-obbligu tal-Istati Membri li ma jiddiskriminawx abbażi taċ-ċittadinanza tfisser li s-sitwazzjonijiet analogi biss għandhom jiġu trattati bl-istess mod. Peress li l-istatus ta’ residenza taċ-ċittadini Ġermaniżi huwa differenti minn dak taċ-ċittadini barranin, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni mhumiex f’pożizzjoni simili u, għalhekk, ma tqum l-ebda kwistjoni ta’ diskriminazzjoni. L-istess pożizzjoni tittieħed mill-Gvern Daniż, li jinnota li ċittadini ta’ Stat partikolari għandhom dejjem id-dritt li jidħlu u jkunu residenti f’pajjiżhom li, bis-saħħa tal-Artikolu 3 tar-Raba’ Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, qatt ma jista’ jiddeportahom jew jirrifjuta d-dħul tagħhom, filwaqt li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jiġu mogħtija drittijiet għal dħul u residenza biss bis-saħħa tad-dritt Komunitarju. Skont il-Gvern Olandiż, il-kriterju l-iktar rilevanti biex jiġi deċiż jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet humiex komparabbli huwa l-ipproċessar tad-data marbuta mad-dritt ta’ residenza. Peress li ċittadin Ġermaniż li jgħix fil-Ġermanja u ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jgħix fil-Ġermanja għandhom drittijiet ta’ residenza differenti – tal-ewwel għandu dritt illimitat ibbażat fuq iċ-ċittadinanza tiegħu u t-tieni għandu dritt limitat mogħti mid-dritt Komunitarju – huwa possibbli li d-data personali tagħhom tiġi ttrattata b’mod differenti mingħajr ma jinkiser id-dritt taċ-ċittadin barrani li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Essenzjalment, dak li qed jiġi argumentat huwa li, għalkemm fil-Ġermanja jeżistu żewġ sistemi differenti ta’ pproċessar ta’ data, li japplikaw skont iċ-ċittadinanza tas-suġġett tad-data, ma tista’ tqum l-ebda kwistjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għaliex iċ-ċittadini Ġermaniżi mhumiex komparabbli maċ-ċittadini tal-UE. tal-ewwel għandhom dritt illimitat li jkunu residenti fil-pajjiż filwaqt li tal-aħħar m’għandhomx tali dritt.

7.        Ma ninsabx konvint bil-loġika ta’ dan ir-raġunament. Il-punt tat-tluq tal-analiżi tagħna għandu jkun li jeżistu żewġ sistemi għall-ipproċessar ta’ data, waħda għaċ-ċittadini Ġermaniżi u l-oħra għaċ-ċittadini l-oħrajn tal-Unjoni. Ċertament huwa korrett mil-lat deskrittiv li wieħed jiddikjara li d-drittijiet ta’ residenza taċ-ċittadini Ġermaniżi u taċ-ċittadini barranin mhumiex l-istess. Iżda dan jammonta biss għal konstatazzjoni tal-ovvju; ma jingħad xejn dwar il-mod kif id-differenza fl-istatus ta’ residenza hija riflessa fuq il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali taċ-ċittadini Ġermaniżi u taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Fi kliem ieħor, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tad-Danimarka u tal-Olanda jriduna nemmnu li l-fatt li ċittadini tal-UE barranin għandhom drittijiet ta’ residenza limitati meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali jsolvi l-problema b’mod definittiv, filwaqt li l-verità hija bil-kontra: dan huwa biss il-bidu. Biex jiġi stabbilit li ma kienx hemm diskriminazzjoni, mhuwiex biżżejjed li wieħed jindika li ċ-ċittadini Ġermaniżi u ċ-ċittadini barranin mhumiex fl-istess sitwazzjoni. Huwa meħtieġ li jintwera wkoll li d-differenza fis-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom tista’ tiġġustifika d-differenza fit-trattament. Fi kliem ieħor, id-differenza fit-trattament għandha tkun marbuta u tkun proporzjonali mad-differenza fis-sitwazzjoni rispettiva tagħhom. Għalhekk, jien naqbel mal-Kummissjoni li, sabiex jiġi deċiż jekk ċittadin Ġermaniż huwiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ ċittadin tal-UE fir-rigward tal-ġbir u tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet Ġermaniżi, huwa meħtieġ li neżaminaw l-għanijiet ta’ dan il-ġbir u ta’ dan l-ipproċessar. Il-Gvern Ġermaniż isostni li pproċessar sistematiku ta’ data personali f’reġistru ċentrali huwa meħtieġ għall-finijiet tal-liġi tal-immigrazzjoni u tal-istatus ta’ residenza, għall-infurzar effettiv tal-liġi in ġenerali u għall-ġbir ta’ data statistika. Ser neżamina b’mod suċċessiv kull waħda minn dawn it-temi.

2.      Status ta’ residenza u regoli dwar l-immigrazzjoni

8.        L-argument ewlieni tal-Gvern Ġermaniż huwa li d-dritt Komunitarju jippermetti lill-Istati Membri sabiex jimponu restrizzjonijiet fuq id-dħul u r-residenza, fit-territorju tagħhom, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, li jistgħu wkoll jiġu ddeportati. Sabiex ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw dan is-setgħa, l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom bżonn mekkaniżmu effikaċji għal ġbir tad-data personali u għas-sorveljanza tal-movimenti ta’ barranin li jieħdu r-residenza tagħhom f’dak il-pajjiż; tali mekkaniżmu mhuwiex neċessarju għall-Ġermaniżi peress li dawn għandhom dritt illimitat ta’ residenza fil-pajjiż u ma jistgħu qatt jiġu deportati. Il-Gvern Ġermaniż iqajjem żewġ argumenti sabiex isostni din il-pożizzjoni. L-ewwel nett, huwa jsostni li d-Direttiva 2004/38/KE, meta tat lill-Istati Membri s-setgħa li jeżiġu li residenti barranin ċittadini tal-UE jirreġistraw ruħhom mal-awtoritajiet rilevanti, impliċitament awtorizzat il-ġbir u l-ipproċessar tad-data tagħhom(4). Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż jibbaża ruħu b’mod qawwi fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Watson u Belmann(5). Dik il-kawża kienet tikkonċerna liġi Taljana li kienet tobbliga lill-barranin kollha, inklużi ċittadini tal-Komunità, biex jirreġistraw mal-pulizija lokali fi żmien tliet ijiem mid-dħul tagħhom fl-Italja, u li kienet tipprovdi għal multa jew priġunerija u eventwalment għal deportazzjoni f’każijiet fejn l-individwu jkun naqas milli jikkonforma ma’ dan l-obbligu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deportazzjoni kienet “ċertament inkompatibbli”(6) mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, filwaqt li kull multa oħra kellha tkun proporzjonali mal-gravità tal-ksur u ma toperax bħala ostaklu għal-libertà tal-moviment tal-persuni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat: “meta stabbilixxa l-prinċipju tal-libertà tal-moviment tal-persuni u billi ta lil kull persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-dritt tal-aċċess għat-territorju tal-Istati Membri, għall-iskopijiet intiżi mit-Trattat, id-dritt Komunitarju ma eskludiex is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw miżuri li jagħmluha possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom tagħrif eżatt dwar il-movimenti tal-popolazzjoni li jaffettwa t-territorju tagħhom”(7). Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li, peress li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw miżuri sabiex ikollhom tagħrif eżatt tal-movimenti tal-popolazzjoni, huwa ċar li dawn għandhom il- possibbiltà li jistabbilixxu reġistru li jkun fih informazzjoni dwar minn jidħol jew jitlaq mill-pajjiż anki meta dan jagħmluh biss fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE.

9.        Madankollu, la d-Direttiva 2004/38 u lanqas Watson u Belmann ma jikkonferixxu fuq l-Istati Membri setgħa illimitata biex jadottaw sistemi ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Ovvjament, obbligu ta’ reġistrazzjoni neċessarjament ifisser li ċerta data personali ta’ ċittadini tal-UE ser tiġi miġbura, maħżuna u pproċessata. Id-Direttiva 2004/38, madankollu, ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar kif dan għandu jsir. Din hija materja li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, li, madankollu, għandu jeżerċita din is-setgħa b’mod li jkun kompatibbli mal-obbligi tad-dritt Komunitarju, inkluż l-obbligu li ma ssirx diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini nazzjonali. Għalhekk, il-fatt li l-leġislatur Komunitarju aċċetta impliċitament il-possibbiltà li jsir ġbir ta’ data ma jfissirx li huwa jawtorizza lill-Istati Membri ssabiex jistabbilixxu kwalunkwe sistema ta’ ġbir ta’ data u ipproċessar li huma jidhrilhom li tkun adattata.

10.      Bl-istess mod, jien naħseb li l-Gvern Ġermaniż jagħti importanza żejda lis-silta mis-sentenza Watson u Belmann ċċitata iktar ’il fuq. Din is-sentenza hija awtorità biss għall-affermazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jissorveljaw il-movimenti tal-popolazzjoni. Din ma tistabbilixxi l-ebda dritt ġenerali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iwettqu din is-sorveljanza bi kwalunkwe mod li huma jidhrilhom xieraq jew konvenjenti, u ċertament ma teżonerax lill-Istati Membri milli jikkonformaw mal-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. L-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jadottaw miżuri biex jissorveljaw il-movimenti tal-popolazzjoni, iżda miżuri bħal dawn għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tad-dritt Komunitarju.

11.      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati dawn it-tliet elementi tas-sistema Ġermaniża li jwasslu għal differenza fit-trattament bejn ċittadini Ġermaniżi u ċittadini tal-Unjoni u għandu jiġi evalwat jekk humiex ġustifikati bħala mezzi biex jiġu infurzati regoli dwar residenza u immigrazzjoni.

12.      Huwa ċar li t-tqegħid tad-data taċ-ċittadini tal-Unjoni għad-dispożizjoni mhux biss tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni iżda tal-amministrazzjoni b’mod ġenerali mhuwiex ġustifikat minn xi bżonn ta’ implementazzjoni tar-regoli dwar residenza. Anki jekk is-sistema inkwistjoni hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, ma jsegwix li d-data maħżuna fihom għandha tkun disponibbli għal awtoritajiet u aġenziji amministrattivi u ġudizzjarji oħrajn. L-ordni tar-rinviju jsemmi li l-informazjoni maħżuna fir-reġistru ta’ ċittadini barranin tista’ tiġi wżata mhux biss mill-Uffiċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati iżda minn ħafna awtoritajiet u aġenziji pubbliċi oħrajn bħall-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, il-qrati. Uħud minn dawn l-awtoritajiet jistgħu jsibu d-data permezz ta’ proċedura awtomatizzata. L-aċċess għal din l-informazzjoni jista’ jingħata wkoll lil organizzazzjonijiet ta’ karità li mhumiex pubbliċi, awtoritajiet pubbliċi ta’ Stati oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa ovvju li l-portata tal-ġbir tad-data u l-ipproċessar permezz ta’ reġistru ċentrali għal barranin hija wiesgħa ħafna u tmur lil ’hinn mill-iskopijiet ta’ immigrazzjoni biex jinkludi kull tip ta’ relazzjonijiet bejn l-individwu u l-Istat. Permezz tar-reġistru ċentrali, id-diversi awtoritajiet fil-Ġermanja mhumiex f’pożizzjoni li jsibu data dwar l-istatus personali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fil-pajjiż, li jissorveljaw b’mod sistematiku u mingħajr diffikultà l-movimenti tagħhom u li jaqsmu bejniethom kull informazzjoni li jkollhom bżonn għal din is-sorveljanza. Ir-reġistru tal-Uffiċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati huwa, għalhekk, ferm iktar minn reġistru tal-immigrazzjoni; huwa database komprensiva li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-Istat ikollhom aċċess faċli u rapidu għad-data personali taċ-ċittadini tal-UE. It-trattament taċ-ċittadini Ġermaniżi huwa kompletament differenti, peress li għalihom ma jeżistix mekkaniżmu simili għall-ġbir ta’ data. Aġenzija amministrattiva li għandha bżonn informazzjoni dwar ċittadin Ġermaniż ikollha tagħmel tfittxija ferm iktar diffiċli u kkumplikata bbażata fuq reġistri muniċipali li mhumiex amministrati ċentralment, li ma tistax issir tfittxija simultanja fihom u li jinkludu inqas informazzjoni mir-reġistru għaċ-ċittadini barranin.

13.      Għall-istess raġuni, ma nikkunsidrax li l-ammont ta’ data maħżuna fir-reġistru ċentrali għall-barranin jista’ jiġi ġġustifikat. Ir-reġistrazzjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni hija awtorizzata bid-Direttiva 2004/38 esklużivament bl-iskop li jiġu stabbiliti l-istatus u d-drittijiet ta’ residenza tal-persuna. Għaldaqstant l-uniċi elementi ta’ data li l-Istati Membri jistgħu leġittimament jiġbru u jipproċessaw huma dawk li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet ta’ residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38 li jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, għall-possibbiltà ta’ obbligu ta’ reġistrazzjoni, jiddefinixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-informazzjoni u d-dokumenti li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeżiġu sabiex jinħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jiġu mistoqsija jippruvaw l-identità tagħhom billi jippreżentaw il-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom u jipprovdu dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-impieg jew mal-istudju fil-pajjiż ospitanti (jekk qed jiġu bħala studenti jew ħaddiema) jew prova tar-riżorsi finanzjarji tagħhom; din il-lista hija eżawrjenti u mhux indikattiva. Bl-adozzjoni tal-Artikolu 8(3), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qiesu li l-informazzjoni li ssir referenza għaliha hemmhekk mhijiex biżżejjed biex tippermetti lill-Istati Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jissorveljaw min jidħol fil-pajjiż u jieħu r-residenza tiegħu hemmhekk. B’hekk, il-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar ta’ iktar data minn dawk awtorizzati mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38, kif tagħmel il-Ġermanja fil-preżent, ma jistgħux jiġu ġġustifikati bil-ħtieġa li jiġu osservati regoli dwar ir-residenza u l-immigrazzjoni.

14.      It-tielet element tas-sistema Ġermaniża li jwassal għal differenza fit-trattament bejn ċittadini Ġermaniżi u ċittadini tal-Unjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ reġistru ċentrali għal dawn tal-aħħar u reġistri lokali għal tal-ewwel, jagħti lok għal domanda iktar diffiċli: l-ipproċessar sistematiku u ċentralizzat ta’ data personali ta’ ċittadini tal-Unjoni huwa meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar dħul u residenza?

15.      Għandi ngħid mill-bidu li l-eżistenza ta’ żewġ sistemi separati ta’ pproċessar ta’ data tixħet dell xejn pjaċevoli fuq iċ-ċittadini tal-UE, li l-Gvern Ġermaniż jissorvelja b’mod iktar strett u sistematiku miċ-ċittadini Ġermaniżi. Filwaqt li l-idea inerenti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar ċittadinanza u d-dritt ta’ dħul u residenza hija li l-individwi għandhom ikun kapaċi jintegraw ruħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u jgawdu l-istess trattament bħaċ-ċittadini nazzjonali, is-sistema inkwistjoni tipperpetwa d-distinzjoni bejn “aħna” – in-nies tal-post – u “huma” – il-barranin. Sistema bħal din tista’ ssaħaħ il-preġudizzju ta’ individwi jew ċerti sezzjonijiet tas-soċjetà kontra l-barranin u x’aktarx toħloq stigma fuq ċittadini tal-Unjoni sempliċement minħabba l-oriġini taċ-ċittadinanza tagħhom. Għandu jiġi osservat ukoll li s-sorveljanza sistematika ta’ individwi hija assoċjata, f’xi Stati Ewropej, għal raġunijiet storiċi, ma’ reġimi anti-demokratiċi u totalitarji, u din hija r-raġuni parzjali għalfejn daqstant nies fl-Ewropa jqisu dawn is-sistemi partikolarment kontestabbli. Min-naħa l-oħra, jeżistu Stati Ewropej fejn sistemi ċentralizzati ta’ pproċessar ta’ data jeżistu mingħajr ma jqajmu ebda kontroversja soċjali partikolari. F’din il-kawża, is-sensittività tal-kwistjoni tassumi iktar importanza minħabba l-fatt li hija biss id-data taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li hija suġġetta għal proċessar ċentralizzat bħal dan. Fl-istess waqt, dan jista’ jinftiehem bħala l-konsegwenza tad-differenza fl-istatus residenzjali taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fil-Ġermanja.

16.      Jiena naħseb li l-kriterju xieraq hawnhekk huwa wieħed ta’ effikaċja, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplikah. Id-domanda li għandha tistaqsi hija jekk hemmx modi oħra ta’ pproċessar ta’ data li permezz tagħhom l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jistgħu jiżguraw l-osservanza tar-regoli dwar l-istatus ta’ residenza. Jekk il-qorti tar-rinviju twieġeb għal din id-domanda fl-affermattiv, il-ħażna u l-ipproċessar b’mod ċentralizzat tad-data li tirrigwarda ċ-ċittadini tal-Unjoni għandha tiġi ddikjarata illegali. Mhuwiex meħtieġ li s-sistema alternattiva tkun l-iktar waħda effikaċji jew adattata; huwa biżżejjed li din tkun kapaċi taħdem b’mod adegwat. Fi kliem ieħor, anki jekk ir-reġistru ċentrali huwa iktar effikaċji jew konvenjenti jew faċli biex jintuża mill-alternattivi tiegħu (bħal reġistri deċentralizzati, lokali), huwa ċar li dawn tal-aħħar għandhom jingħataw preferenza jekk jistgħu jiġu użati biex jindikaw l-istatus ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni.

17.      Fl-evalwazzjoni tal-effikaċja tad-diversi sistemi ta’ reġistrazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu in konsiderazzjoni il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ dħul u residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, peress li huwa f’din il-ġurisprudenza huma ddefiniti s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-qasam u l-limiti tagħhom. Per eżempju, huwa b’dan il-mod li issa ilu stabbilit għal ħafna snin li Stat Membru la jista’ jżomm ċittadin ta’ Stat Membru ieħor milli jidħol fit-territorju tiegħu u lanqas li jiddeportah fid-diskrezzjoni tiegħu; hija biss l-imġiba personali tal-individwu li tqiegħed lis-soċjetà f’riskju reali u serju li jista’ jiġġustifika projbizzjoni fuq id-dħul jew ordni ta’ deportazzjoni(8). Barra minn hekk, din is-setgħa għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, peress li hija tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-moviment f’kull parti tal-Unjoni(9). Dawn il-prinċipji ġew affermati reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja(10) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja(11) u ġew stabbiliti fuq il-livell leġiżlattiv bid-Direttiva 2004/38(12).

18.      Huwa ċar li kull diskussjoni dwar id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru u l-limiti tiegħu għandha ssir fil-kuntest tal-kunċett taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Wara t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea m’għadux possibbli li wieħed jaħseb bl-istess mod bħal qabel dwar l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u d-drittijiet li huma għandhom biex jidħlu fi Stat Membru u jirrisjedu hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ir-regola fis-sentenza Baumbast b’dan il-mod: “…iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ġiet introdotta fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 18(1) KE ikkonferixxa dritt, fuq kull ċittadin, li jmur minn post għal ieħor u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri” (enfażi miżjuda)(13). Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grzelczyk, il-punt tat-tluq f’każijiet ta’ diskriminazzjoni għandu jkun li ċittadini tal-Unjoni huma intitolati għall-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru, mingħajr ħsara għal eċċezzjonijiet previsti speċifikament f’dan ir-rigward(14). Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza m’għadhiex sempliċi strument fis-servizz tal-libertà tal-moviment; hija tinsab fil-qalba tal-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea u tistabbilixxi l-limiti tiegħu meta timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jittrattaw ċittadini tal-Unjoni bħala ċittadini nazzjonali. Għalkemm l-Unjoni m’għandhiex l-għan li tissostitwixxi “poplu Ewropew” minflok il-popli nazzjonali, hija teżiġi li l-Istati Membri tagħha ma jaħsbux u ma jaġixxux esklużivament iktar f’termini tal-aħjar interessi taċ-ċittadini tagħhom iżda wkoll, sa fejn possibili, f’termini tal-interessi taċ-ċittadini kollha tal-UE.

19.      Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeskrivi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni bħala l-“istatus fundamentali” taċ-ċittadini nazzjonali, hija ma tagħmilx dikjarazzjoni politika; hija qed tagħmel referenza għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni bħala kunċett legali li jmur id f’id ma’ drittijiet speċifiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni. Id-dritt ewlieni fosthom huwa d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva 2004/38 tirrifletti din ir-regola ġdida fil-premessa 11, li tgħid li “Id-dritt fondamentali u personali ta’ residenza fi Stat Membru ieħor hu konferit direttament mit-Trattat fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u ma jiddependix fuq it-tlestija tagħhom tal-proċeduri amministrattivi”.

20.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, jien tal-fehma li tnejn mill-elementi tas-sistema tal-ipproċessar tad-data li qed tiġi eżaminata, jiġifieri li hija aċċessibbli minn awtoritajiet oħrajn minbarra l-Uffiċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati u li hija tinkludi diversi elementi ta’ informazzjoni personali minbarra dawk permessi taħt l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38, ma jistgħux jiġu ġġustifikati bil-bżonn li tiġi assigurata l-osservanza tal-liġi tal-immigrazzjoni u tad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta’ residenza. In-natura ċentralizzata tas-sistema tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk il-qorti nazzjonali tikkonkludi, wara li tikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, li reġistru ċentrali huwa l-uniku mod effettiv sabiex tiġi assigurata l-osservanza tal-liġi dwar l-immigrazzjoni u tad-dispożizzjonijiet dwar l-istatus ta’ residenza.

3.      Il-prinċipju ġenerali tal-osservanza tal-legalità u data statistika

21.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li minbarra kwistjonijiet li huma relatati mal-istatus ta’ residenza u mar-regoli dwar l-immigrazzjoni, jeżistu wkoll kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-assigurazzjoni tal-osservanza tal-liġi, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-theddid għas-sigurtà, li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn Ġermaniżi u ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn. Fil-fatt, l-osservanza tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità jistgħu, fil-prinċipju, ikunu raġuni leġittima ta’ politika nazzjonali li tillimita d-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju. Dak li ma jistgħux jagħmlu l-Istati Membri, huwa li jinvokawha b’mod selettiv, jiġifieri li jinvokawha kontra ċittadini tal-UE li jgħixu fit-territorju tagħhom, iżda mhux kontra ċ-ċittadini tagħhom stess. Jekk reġistru ċentrali huwa daqshekk importanti għall-garanzija ta’ sigurtà ġenerali effettiva, dan ovvjament għandu jinkludi lil kull min qed jgħix f’pajjiż partikolari indipendentement miċ-ċittadinanza tiegħu. L-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux isostnu li l-ġlieda kontra l-kriminalità teħtieġ l-ipproċessar sistematiku ta’ data personali ta’ ċittadini tal-UE iżda mhux dik taċ-ċittadini nazzjonali. Dan ikun jammonta għall-affermazzjoni li ċ-ċittadini tal-UE jirrappreżentaw theddida ikbar għas-sigurtà u li huwa iktar probabbli li dawn iwettqu reati kriminali miċ-ċittadini nazzjonali, li, kif ġie osservat mill-Kummissjoni, huwa kompletament inaċċettabbli.

22.      Naturalment tqum il-kwistjoni tal-konvenjenza. Li wieħed ikollu database eżawrjenti li jkun fiha d-data personali ta’ kull barrani fil-pajjiż tagħmilha iktar faċli għall-pulizija u għas-servizzi tas-sigurtà li jissorveljaw il-movimenti u l-imġiba ta’ individwu. Huwa ferm iktar ikkumplikat u jieħu iktar ħin jekk wieħed ikollu jfittex f’eluf ta’ reġistri lokali biex jikseb l-informazzjoni li jista’ jkollu bżonn, kif ikollu jsir fil-każ ta’ ċittadini Ġermaniżi. Madankollu, l-ewwel nett, il-konvenjenza amministrattiva ma tista’ qatt tkun raġuni li tiġġustifika trattament diskriminatorju bbażat fuq ċittadinanza jew kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq id-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju;(15) fit-tieni lok, jekk il-pulizija għandhom bżonn metodu konvenjenti ta’ sorveljanza, huwa ċar li dawn għandhom bżonn l-istess metodu kemm għall-Ġermaniżi u għall-barranin.

23.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-reġistru ċentrali għal ċittadini tal-UE huwa meħtieġ sabiex tinġabar informazzjoni statistika dwar il-migrazzjoni u l-moviment tal-popolazzjoni fl-Ewropa. Huwa jiċċita, f’dan is-sens, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 862/2007 tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali(16). Madankollu, ir-Regolament la jeħtieġ u lanqas jawtorizza l-istabbiliment ta’ database li jkun fiha d-data personali taċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu. L-istatistika hija, min-natura tagħha, anonima u impersonali. Kull m’għandhom jagħmlu l-awtoritajiet Ġermaniżi biex jikkoformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament huwa li jiġbru din l-informazzjoni anonima dwar il-migrazzjoni.

24.      Għalhekk, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda jekk is-sistema Ġermaniża tikkostitwix diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità b’dan il-mod:

“Sistema ta’ ħżin u ta’ pproċessar ta’ data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità sa fejn din tinkludi data oħra differenti minn dik speċifikata fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38 u sa fejn hija aċċessibbli minn awtoritajiet pubbliċi minbarra l-awtorità tal-immigrazzjoni. L-ipproċessar ċentralizzat ta’ data personali applikabbli biss għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra lanqas ma huwa kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jekk jeżistu mezzi iktar effikaċji sabiex tiġi assigurata l-osservanza tar-regoli dwar l-immigrazzjoni u l-istatus ta’ residenza; din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.”

B –    Ir-rekwiżit tan-neċessità skont id-Direttiva 95/46

25.      Għall-finijiet ta’ din il-kawża, id-dispożizzjoni rilevanti hija dik tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, li jipprovdi: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk … l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur jew f’terza persuna li lilha jkun żvelat id-data”. Għalhekk, id-domanda li għandna nistaqsu hija jekk din il-forma partikolari ta’ pproċessar ċentralizzat hijiex meħtieġa biex jintlaħaq oġġettiv leġittimu fl-interess pubbliku.

26.      Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-interess pubbliku inkwistjoni f’dan il-każ huwa l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħa tagħhom li jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju fir-rigward tad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tagħhom. Il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li s-sistema ta’ pproċessar li tinsab fis-seħħ fil-preżent,hija meħtieġa għat-twettiq ta’ dan il-kompitu, peress li ma jeżistux miżuri oħra, inqas intrusivi, li jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jassiguraw l-osservanza tal-liġi tal-immigrazzjoni.

27.      Il-kunċett tan-neċessità għandu storja twila fid-dritt Komunitarju u huwa stabbilit sew bħala parti mill-kriterju ta’ proporzjonalità. Huwa jfisser li l-awtorità li tadotta miżura li thedded id-dritt protett mid-dritt Komunitarju sabiex jintlaħaq għan leġittimu għandha turi li l-miżura hija l-inqas waħda restrittiva sabiex jintlaħaq dan il-għan(17). Barra minn dan, meta l-ipproċessar tad-data personali jista’ jwassal għal ksur tad-dritt fundamentali għal ħajja privata, isir rilevanti wkoll l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jiggarantixxi d-dritt għal ħajja privata u tal-familja. Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Österreichischer Rundfunk et, meta miżura nazzjonali tkun inkompatibbli mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, din ma tistax tissodisfa l-kriterju tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46(18). It-tieni paragafu tal-Artikolu 8 jipprovdi li indħil fil-ħajja privata jista’ jkun leġittimu jekk isegwi wieħed mill-għanijiet elenkati hemmhekk u jkun “meħtieġ f’soċjetà demokratika”. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-aġġettiv “meħtieġ” jimplika li jkun jeżisti “bżonn soċjali imperattiv” għall-Istat li jaġixxi b’mod partikolari u li l-miżura adottata tkun proporzjonali mal-għan leġittimu segwit(19).

28.      Dan kollu jfisser li, fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ, ir-risposta għat-tielet domanda tidher li tiddependi fuq analiżi essenzjalment simili għal dik użata biex tingħata risposta għad-domanda dwar diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità. Jien diġà spjegajt li jeżistu tliet elementi kontestabbli fis-sistema ta’ pproċessar tad-data inkwistjoni. Fir-rigward tal-ewwel tnejn fosthom, ir-risposta għad-domanda tan-neċessità tagħhom skont id-Direttiva 95/46 hija l-istess bħall-konklużjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità: dawn mhumiex neċessarji, almenu għall-iskop tal-assigurazzjoni tal-osservanza tar-regoli dwar id-dritt ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini barranin tal-UE, li huwa l-interess pubbliku li qed jiġi invokat mill-Gvern Ġermaniż, bis-saħħa tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46. Biex jiġi milħuq dan il-għan, kull ma huwa meħtieġ huwa li l-awtorità rilevanti, jiġifieri l-Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati, tipproċessa d-data personali taċ-ċittadini tal-Unjoni. It-trażmissjoni(20) tad-data lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn ma tikkonformax mal-obbligu tan-neċessità impost bid-Direttiva. L-istess japplika għall-ammont ta’ data miġbura fir-reġistru ċentrali. L-unika informazzjoni li tista’ tiġi leġittimament maħżuna u pproċessata hija dik li hija essenzjali għall-assigurazzjoni tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-istatus ta’ residenza. Għaċ-ċittadini tal-Unjoni, din l-informazzjoni hija elenkata b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38; kulma mhuwiex inkluż hemmhekk, ma jistax jitqies li huwa neċessarju għall-iskopijiet tal-liġi tal-immigrazzjoni. Għalhekk, anki l-fatt li r-reġistru ċentrali għall-barranin jinkludi data addizzjonali ma jissodisfax ir-rekwiżit tan-neċessità skont id-Direttiva 95/46.

29.      Jifdal it-tielet element tas-sistema Ġermaniża, in-natura ċentralizzata tagħha. Dan il-metodu ta’ pproċessar ta’ data huwa kompatibbli mar-rekwiżit tan-neċessità skont id-Direttiva 95/46? Mill-ġdid, ir-risposta mhijiex ser tkun differenti mit-tweġiba pprovduta għall-ewwel domanda. Jien naħseb li hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti deċiżjoni fuq dan il-punt abbażi tal-elementi li ssemmew iktar ’il fuq(21). Filwaqt li l-Ġvern Ġermaniż għandu ċerta setgħa diskrezzjonali biex jiddeċidi dwar kif għandu jsegwi l-għanijiet leġittimi tiegħu, l-obbligu tan-neċessità skont id-Direttiva 95/46 ifisser li dan għandu juri li huwa impossibbli li tiġi assigurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar id-dħul u r-residenza fil-Ġermanja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jekk id-data tagħhom ma tiġix ipproċessata b’mod ċentrali. L-argument li l-ipproċessar ċentralizzat huwa iktar konvenjenti, faċli jew rapidu minn forom alternattivi ta’ pproċessar m’għandux ikun biżżejjed għall-Gvern biex jissodisfa l-kriterju tan-neċessità.

30.      Id-domanda tkun differenti u essenzjalment iktar kumplessa u r-risposta potenzjalment iktar diffiċli biex tingħata li kieku l-qorti nazzjonali kienet qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema ċentralizzata ta’ pproċessar ta’ data applikabbli għall-individwi kollha residenti fil-Ġermanja mal-obbligu stipulat fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46; in-neċessità ta’ sistema bħal għandha tiġi sostnuta abbażi ta’ interessi pubbliċi differenti minn dawk inerenti fil-politika tal-immigrazzjoni. Dan ikun jeħtieġ li jiġu bbilanċjati l-interessi pubbliċi li għandhom jiġu segwiti b’sistema ċentralizzata bħal din mad-drittijiet individwali protetti minn din id-direttiva. Filwaqt li d-Direttiva hija intiża sabiex tneħħi l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni ta’ data personali li jistgħu jaffettwaw l-attivitajiet ekonomiċi transkonfini, hija tipprovdi wkoll għall-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data f’kull parti tal-Komunità. Dan it-tħassib dwar il-protezzjoni ta’ data u tal-ħajja privata mhuwiex subordinat għall-għan li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ data: huwa jeżisti b’mod parallel ma’ dan l-għan, u jikkostitwixxi l-bażi li fuqha jseħħ kwalunkwe pproċessar leġittimu ta’ data. Fi kliem ieħor, fil-kuntest tad-Direttiva 95/46, il-protezzjoni tad-data mhijiex sempliċement inċidentali għall-attività ekonomika li tista’ tiġi faċilitata bl-ipproċessar tad-data, iżda hija fuq l-istess livell magħha. Dan huwa espress fit-titolu tad-Direttiva (“dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data”), fil-premessi 2, 10, 11 u 12 u naturalment, fl-għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet tagħha li jimponu obbligi speċifiċi fuq l-awtoritajiet li jissorveljaw id-data. Barra minn dan, id-dritt għall-ħajja privata, li huwa essenzjalment is-suġġett tal-kawżi dwar protezzjoni ta’ data, huwa protett bl-Artikolu 7 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea. F’kull każ, la huwa meħtieġ u lanqas xieraq li tiġi mqajma din id-domanda ipotetika fil-kuntest tal-kawża preżenti.

31.      Għalhekk, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tielet domanda kif ġej:

“Sistema ta’ ħżin u pproċessar ta’ data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex kompatibbli mar-rekwiżit tan-neċessità previst fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE sa fejn hija tinkludi data oħra differenti minn dik speċifikata fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38/KE u sa fejn hija aċċessibbli minn awtoritajiet pubbliċi minbarra l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. L-ipproċessar ċentralizzat ta’ data personali applikabbli biss għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn lanqas ma huwa kompatibbli mar-rekwiżit tan-neċessità previst taħt l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE, ħlief fejn jista’ jiġi stabbilit li ma jeżistix mezz ieħor sabiex tiġi assigurata l-osservanza tar-regoli dwar l-immigrazzjoni u dwar l-istatus ta’ residenza; din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.”

III – Konklużjoni

32.      Għal dawn ir-raġunijiet jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi rrinvjati mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen:

“(1)      Sistema ta’ ħżin u ta’ pproċessar ta’ data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità sa fejn din tinkludi data oħra differenti minn dik speċifikata fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38 u sa fejn hija aċċessibbli minn awtoritajiet pubbliċi minbarra l-awtorità tal-immigrazzjoni. L-ipproċessar ċentralizzat ta’ data personali applikabbli biss għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra lanqas ma huwa kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jekk jeżistu mezzi iktar effikaċji sabiex tiġi assigurata l-osservanza tar-regoli dwar l-immigrazzjoni u l-istatus ta’ residenza; din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

(2)      Sistema ta’ ħżin u pproċessar ta’ data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex kompatibbli mar-rekwiżit tan-neċessità previst fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE sa fejn hija tinkludi data oħra differenti minn dik speċifikata fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/38/KE u sa fejn hija aċċessibbli minn awtoritajiet pubbliċi minbarra l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. L-ipproċessar ċentralizzat ta’ data personali applikabbli biss għal ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn lanqas ma huwa kompatibbli mar-rekwiżit tan-neċessità previst taħt l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE, ħlief fejn jista’ jiġi stabbilit li ma jeżistix mezz ieħor sabiex tiġi assigurata l-osservanza tar-regoli dwar l-immigrazzjoni u dwar l-istatus ta’ residenza; din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data bħal din (ĠU L 281, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).


3 – Raġuni supplementari għalfejn iż-żewġ domandi għandhom jiġu trattati flimkien hija li l-ordni għal rinviju ma jipprovdix informazzjoni biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina jekk din il-forma partikolari ta’ pproċessar ta’ data għandhiex impatt negattiv fuq id-dritt tal-istabbiliment tar-rikorrent skont l-Artikolu 43 KE. Il-Gvern Grieg ukoll huwa tal-fehma li l-każ għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 12 KE u mhux tal-Artikolu 43 KE, peress li ma jqajjimx kwistjonijiet dwar id-dritt tal-istabbiliment.


4 – L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 229, 30.4.2004, p. 35).


5 – Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1976 (118/75, Ġabra p. 1185).


6 – Ibidem, punt 20.


7 – Ibidem, punt 17.


8 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġusitzzja tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra 1974, p. 1337); tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore (67/74, Ġabra 1975, p. 297); u tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra 1977, p. 1999).


9 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, (36/75, Ġabra 1975 p. 1219) u Bouchereau, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


10 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Jannar 2006 (C-503/03, Ġabra 2006 p. I-1097).


11 – Sentenza tas-27 ta’ April 2006 (C-441/02, Ġabra 2006 p. I‑3449).


12 – L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u residenza għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat li għandu jirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Skont l-Artikolu 31, individwu li hu suġġett għal miżuri bħal dawn għandu jkollu aċċess għal rimedji ġudizzjarji u amministrattivi, inklużi talbiet għal miżuri provviżorji.


13 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast (C-413/99, Ġabra p. I‑7091, punti 81u 82).


14 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra I-6193, punt 31).


15 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95, Ġabra I-345, punt 45: “[…] kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ma jistgħux jiġġustifikaw deroga, minn Stat Membru, mir-regoli tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju japplika iktar u iktar fejn id-deroga inkwistjoni tammonta għal esklużjoni jew restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali tad-dritt Komunitarju”).


16 – ĠU 2007 L 199, p. 23


17 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1987, Rau Lebensmittelwerke et (133/85 sa 136/85, Ġabra p. 2289).


18 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, (C-465/00, C-138/01 u C-139/01 Ġabra I-4989, punt 91).


19 – Ara, inter alia, is-sentenza Gillow vs Ir-Renju Unit (1989) 11, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Europea għad-Drittijiet tal-Bniedem 335, u Z vs Il-Finlandja (2003) 25, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Europea għad-Drittijiet tal-Bniedem 371.


20 – L-iżvelar bi trażmissjoni u tixrid ta’ data personali jikkostitwixxi forma ta’ pproċessar: l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46.


21 – L-istess approċċ għall-evalwazzjoni tan-neċessità ġie adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Österreichischer Rundfunk et, punt 88.