Language of document : ECLI:EU:T:2012:39

Kawża T‑291/09

Carrols Corp.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva Pollo Tropical CHICKEN ON THE GRILL — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell li taqta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Kontestazzjoni permezz tal-invokazzjoni ta’ fatti ġodda — Inammissibbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, ta’ ġurisprudenza Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali mhux invokata quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet assoluti ta’ invalidità — Applikant in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti eżistenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 52(1)(b))

1.      Ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja. Konsegwentement, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex dik li jerġgħu jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. B’hekk jirriżulta li l-provi biss li kienu tressqu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem l-Uffiċċju huma ammissibbli.

Madankollu, xi deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, għalkemm mhux invokati fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Uffiċċju, ġew iddikjarati ammissibbli. Fil-fatt, la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma huma preklużi milli jiġu ispirati, fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn elementi dedotti mill-ġurisprudenza tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali. B’hekk jirriżulta li parti għandha jkollha l-possibbiltà li tirreferi għal deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dment li ma tallegax li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax elementi ta’ fatt f’deċiżjoni nazzjonali speċifika, iżda li kiser dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, u li tinvoka l-ġurisprudenza insostenn ta’ dan il-motiv.

(ara l-punti 30, 31, 34, 35)

2.      L-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi evalwata globalment, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ ineżami.

Il-preżunzjoni ta’ għarfien, mill-applikant, tal-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari minn għarfien ġenerali, fis-settur ekonomiku kkonċernat, ta’ tali użu, u dan l-għarfien jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mid-dewmien ta’ tali użu. Fil-fatt, iktar ma kien hemm użu twil, iktar huwa probabbli li l-applikant kellu għarfien fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-anqas fi Stat Membru wieħed, sa minn żmien twil, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant. Fil-fatt, għandha, tiġi kkunsidrata l-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti, li hija element suġġettiv li għandu jiġi stabbilit b’referenza għaċ-ċirkustanzi oġġettivi tal-każ ineżami. B’hekk, l-intenzjoni li terz jiġi prekluż milli jikkummerċjalizza prodott tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-applikant ikun irreġistra bħala trade mark Komunitarja sinjal mingħajr l-intenzjoni li jużaha, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz.

Il-fatt li terz juża għal żmien twil sinjal għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u li dan is-sinjal igawdi minn ċertu livell ta’ protezzjoni legali huwa wieħed mill-fatturi rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant. Madankollu, anki f’każ bħal dan, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tista’ ma tiġix interpretata bħala li saret in mala fide, b’mod partikolari, meta l-applikant jaf, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, li terz, li huwa attur reċenti fis-suq jipprova jieħu vantaġġ minn dan is-sinjal billi jikkopja l-preżentazzjoni tiegħu, li jwassal lill-applikant sabiex jirreġistrah bil-għan li jipprekludi l-użu ta’ din il-preżentazzjoni.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ notorjetà li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ppreżentata sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja. Tali livell ta’ notorjetà jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jassigura ruħu protezzjoni legali iktar wiesa’ tas-sinjal tiegħu.

(ara l-punti 48-54)