Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Frar 2012 - Nu Air Polska vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-75/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nu Air Polska sp. z o.o. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara l-ammissibbiltà tar-rikors;

tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8826, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8803 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8801, it-tlieta li huma deċiżjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2011, sa fejn jagħtu biss rimbors parzjali tad-dazji antidumping imħallsa mir-rikorrenti u sa fejn iżommu b'mod illegali ammonti addizzjonali ta' rimbors ta' dazji antidumping dovuti b'mod leġittimu lir-rikorrenti;

tordna ż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet ikkontestati sakemm il-Kummissjoni Ewropea tkun addottat il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' kull sentenza tal-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta applikat marġni ta' profitt xieraq u raġjonevoli ta' importatur tal-UE indipendenti, u b'hekk naqset milli tistabbilixxi prezz ta' esportazzjoni affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont korrett għar-rimbors tad-dazji antidumping, u dan bi ksur tal-Artikoli 2(9) u 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 .

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta naqqset id-dazji antidumping bħala spiża fil-kalkolu tal-prezz ta' esportazzjoni, u b'hekk naqset milli tistabbilixxi marġni ta' dumping affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont korrett għar-rimbors tad-dazji antidumping, u dan bi ksur tal-Artikoli 2(9), 2(11) u 11(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenuta naqset milli tinforma lir-rikorrenti b'mod immedjat u adegwat bil-kriterji neċessarji sabiex jiġi sodisfatt l-Artikolu 11(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, u b'hekk wettqet ksur tad-dritt għad-difiża li huwa parti mid-dritt ġenerali tal-UE kif ukoll tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li huwa wkoll stabbilit fid-dritt ġenerali tal-UE u wkoll fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, (ĠU L 343, p. 51).