Language of document : ECLI:EU:C:2005:636

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta' Ottubru 2005 (*)

"Agrikoltura – Indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' oriġini għal prodotti agrikoli u ikel – L-isem 'feta' – Regolament (KE) Nru 1829/2002 – Validità"

Fil-kawżi magħquda C-465/02 u C-466/02,

li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ippreżentati fit-30 ta' Diċembru 2002,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.‑D. Plessing, bħala aġent, assistit minn M. Loschelder, Rechtsanwalt,

rikorrenti fil-kawża C-465/02,

ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde u J. Bering Liisberg, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent fil-kawża C-466/02,

sostnuti minn:

ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Colomb, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentati minn C. Jackson, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. L. Iglesias Buhigues u H. C. Støvlbæk, kif ukoll minn A.‑M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn V. Kontolaimos u I.‑K. Chalkias, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Frar 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tad-Danimarka qegħdin jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 ta' l-14 ta' Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem "Feta" (ĠU L 277, p. 10, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat").

 Il-kuntest ġuridiku

2       Il-paragrafi 1 sa 3 ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel (ĠU L 208, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' bażi"), jipprovdu:

"1.      Il-protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta' oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

2.      Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)      denominazzjoni ta' oriġini: dan ifisser l-isem ta' reġjun, post speċifiku jew, f'każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel:

–       illi joriġinaw f'dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż […]

u

–       li għandhom kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari nklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita;

(b)      indikazzjoni ġeografika: tfisser l-isem ta' reġjun, ta' post speċifiku jew, f'każijiet eċċezzjonali[,] ta' pajjiż, użati biex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel:

–       illi joriġinaw f'dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż […]

u

–       li jippossjedu kwalità, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi marbuta ma' dik l-oriġini ġeografika u li l-produzzjoni u/jew l-ipproċessar u/jew it-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita.

3.      Ċerti ismijiet [tradizzjonali] ġeografiċi jew mhux ġeografiċi illi jiddeskrivu prodotti agrikoli jew prodotti ta' l-ikel li joriġinaw f'reġjun jew post speċifiku, illi jissodisfaw il-kondizzjonijiet msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2(a) għandhom ukoll jitqiesu bħala deskrizzjoni ta' oriġini."

3       L-Artikolu 3(1) ta' l-istess Regolament jiddisponi:

"1.      Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, 'isem li sar ġeneriku' ifisser l-isem ta' prodott agrikolu jew ta' l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manufatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta' prodott agrikolu jew ta' prodott ta' l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b'mod partikolari:

–       is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

–       is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–       il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità.

Meta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda minħabba illi l-isem ikun sar ġeneriku, il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej."

4       L-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament ta' bażi jistabbilixxu proċedura ta' reġistrazzjoni ta' isem imsejħa "proċedura normali". F'dan il-kuntest, l-Artikolu 7 ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi proċedura ta' oġġezzjoni għal applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

5       Skond l-Artikolu 6(3) ta' l-istess Regolament:

"Jekk ma tiġi nnotifikata ebda nota ta' oġġezzjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7, l-isem għandu jiddaħħal f'reġistru miżmum mill-Kummissjoni imsejjaħ 'Reġistru ta' [denominazzjonijiet] ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti', li għandu jinkludi l-ismijiet tal-gruppi u l-għaqdiet ta' spezzjoni involuti."

6       Għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament ta' bażi, l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament jipprovdi:

"Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u immexxi mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f'terminu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. F'dawk id-deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa mitlub li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni, l-opinjoni għandha tingħata minn maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jiġu mwieżna skond il-metodu stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri previsti jekk ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi perjodu ta' tlett xhur mid-data tar-riferenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni."

7       Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' bażi jistabbilixxi s-segwenti proċedura ta' reġistrazzjoni, imsejħa "proċedura simplifikata":

"1.      Fi żmien sitt xhur mi[d]-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f'dawk l-Istati Membri fejn m'hemmx sistema ta' protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz ta' l-użu[,] huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament.

B'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma' l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m'għandux japplika. Madankollu m'għandhomx jiġu miżjuda ismijiet ġeneriċi.

L-Istati Membri jistgħu iżommu sistema ta' protezzjoni nazzjonali ta' l-ismijiet komunikati skond il-paragrafu 1 saż-żmien meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni."

8       Permezz ta' l-Artikolu 1(15) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2003 tat-8 ta' April 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 99, p. 1), l-imsemmi Artikolu 17 ġie mħassar, iżda d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jibqgħu jgħoddu għall-ismijiet irreġistrati jew għall-ismijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bil-proċedura prevista fl-Artikolu 17 qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 692/2003, jiġifieri l-24 ta' April 2003.

9       Permezz tad-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi kumitat xjentifiku għad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u ċertifikati ta' karattru speċifiku (93/53/KEE) (ĠU 1993, L 13, p. 16), il-Kummissjoni stabbiliet kumitat, imsejjaħ "Kumitat xjentifiku", li għandu l-inkarigu li jeżamina, fuq talba tal-Kummissjoni, il-problemi tekniċi, b'mod partikolari, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-Regolament ta' bażi.

10     Skond l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, il-membri tal-Kumitat xjentifiku għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost esperti kwalifikati ħafna bil-kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 ta' l-istess Deċiżjoni. Skond l-Artikoli 7(1) u 8(1) ta' din id-Deċiżjoni, l-imsemmi Kumitat għandu jiltaqa' fuq talba ta' rappreżentant tal-Kummissjoni u d-deliberazzjonijiet tiegħu għandhom jirrelataw mal-materji li dwarhom il-Kummissjoni tkun talbet opinjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11     B'ittra tal-21 ta' Jannar 1994, il-Gvern Elleniku applika għar-reġistrazzjoni ta' l-isem "feta" bħala denominazzjoni ta' oriġini, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' bażi.

12     Fit-12 ta' Ġunju 1996, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (ĠU L 148, p. 1). Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-isem "feta", imniżżel fil-Parti A ta' l-Anness ta' l-imsemmi Regolament, taħt l-intestatura "Ġobnijiet", ġie rreġistrat bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini.

13     B'sentenza tas-16 ta' Marzu 1999, id-Danimarka et vs il-Kummissjoni (C-289/96, C-293/96 u C-299/96, Ġabra p. I-1541), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-Regolament Nru 1107/96 safejn irreġistra l-isem "feta" bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini.

14     Fil-punt 101 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta rreġistrat l-isem "feta", il-Kummissjoni xejn ma kienet qieset il-fatt li dan l-isem kien ilu żmien twil jiġi użat f'ċerti Stati Membri barra mir-Repubblika Ellenika.

15     Fil-punt 102 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li meta l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni jekk "feta" kienx jikkostitwixxi isem ġeneriku, hija ma kienitx qieset kif jixraq il-fatturi kollha li t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi kien jobbligaha tieħu in kunsiderazzjoni.

16     Wara l-istess sentenza, il-Kummissjoni adottat, fil-25 ta' Mejju 1999, ir-Regolament (KE) Nru 1070/1999 li jemenda l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1107/96, li ħassar l-isem "feta" kemm mir-Reġistru ta' denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti kif ukoll mill-Anness mar-Regolament Nru 1107/96.

17     B'ittra tal-15 ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri dwar il-manufattura u l-konsum tal-ġbejjen imsejħa "feta" u dwar kemm dan l-isem huwa magħruf mill-konsumaturi f'kull wieħed minn dawn l-Istati.

18     L-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni bi tweġiba għal dan il-kwestjonarju ġiet ippreżentata lill-Kumitat xjentifiku, li ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta' April 2001 (iktar 'il quddiem l-"opinjoni tal-Kumitat xjentifiku"). F'din l-opinjoni, l-imsemmi Kumitat ikkonkluda unanimament li l-isem "feta" mhuwiex ta' natura ġenerika.

19     Fl-14 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat. Permezz ta' dan ir-Regolament, l-isem "feta" ġie rreġistrat mill-ġdid bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini.

20     L-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament jiddisponi:

"1.      L-isem 'Φέτα' (Feta) għandu jiġi inkluż fir-reġistru ta' denominazzjonijiet protetti ta' oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO).

2.      L-isem 'Φέτα' jiżdied mal-parti A ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 taħt l-intestatura 'Ġobnijiet', 'Greċja'[.]"

21     Skond l-għoxrin premessa tar-Regolament ikkontestat:

"(20) Skond l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, dawk il-ġbejjen li attwalment ikollhom l-isem 'Feta' fit-territorju tal-Komunità ġeneralment jagħmlu referenza espliċita jew impliċita għal territorju, kultura jew tradizzjoni Griegi, ukoll meta jiġu prodotti fi Stati Membri barra mill-Greċja, biż-żieda ta' kliem jew tpinġijiet b'konnotazzjoni tassew Griega. Il-konnessjoni bejn l-isem 'Feta' u l-Greċja hija għalhekk deliberatament issuġġerita u mfittxija bħala parti minn strateġija ta' bejgħ li tikkapitalizza fuq ir-reputazzjoni tal-prodott oriġinali, u dan joħloq riskju reali ta' konfużjoni għall-konsumatur. It-tikketti għal ġobon 'Feta' li ma joriġinax fil-Greċja iżda imqiegħed fis-suq attwalment fil-Komunità taħt dak l-isem mingħajr ma ssir riferenza diretta jew indiretta għall-Greċja huma fil-minoranza u l-kwantitajiet ta' ġobon attwalment imqiegħda fis-suq b'dan il-mod jammontaw għal proporzjon żgħir ħafna tas-suq tal-Komunità."

22     Skond it-tlieta u tletin u s-sebgħa u tletin premessa ta' l-imsemmi Regolament:

"(33) Il-Kummissjoni ħadet nota tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku. Hija jidhrilha li l-analiżi eżawrjenti u totali ta' l-informazzjoni legali, storika, kulturali, politika, soċjali, ekonomika, xjentifika u teknika innotifikata mill-Istati Membri jew li tirriżulta minn investigazzjonijiet li saru jew tħallsu mill-Kummissjoni twassal għall-konklużjoni li partikolarment l-ebda mill-kriterji meħtieġa taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 li juru li isem huwa ġeneriku ntlaħqu, u konsegwentement l-isem 'Feta' ma sarx 'l-isem ta' prodott agrikolu jew ta' ikel li, minkejja li jirrelata għall-post jew għar-reġjun fejn dan il-prodott jew ikel ġie oriġinarjament prodott jew imqiegħed fis-suq, sar l-isem komuni ta' prodott agrikolu jew ta' ikel'.

(34)      Ladarba t-terminu 'Feta' ma ġiex stabbilit bħala ġeneriku, il-Kummissjoni ivverifikat, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, li l-applikazzjoni mill-awtoritajiet Griegi biex l-isem 'Feta' jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini protetta tikkonforma ma' l-Artikoli 2 u 4 tiegħu.

(35)      L-isem 'Feta' huwa isem tradizzjonali mhux ġeografiku skond it-tifsira fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. It-termini 'reġjun' u 'post' imsemmija f'dik id-disposizzjoni jistgħu jiġu nterpretati biss minn perspettiva ġeomorfoloġika u mhux amministrattiva, sa fejn il-fatturi naturali u umani inerenti fi prodott definit x'aktarx jittraxxendu l-fruntieri amministrattivi. Taħt l-imsemmi Artikolu 2(3), madankollu, iż-żona ġeografika inerenti fid-denominazzjoni ma tistax tkopri pajjiż sħiħ. Fil-każ ta' l-isem 'Feta' għalhekk ġie osservat li ż-żona ġeografika definita msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 tkopri biss it-territorju tal-Greċja ewlenija u d-dipartiment ta' Lesbos; il-gżejjer u l-arċipelagi l-oħrajn huma esklużi għaliex il-fatturi naturali u/jew umani meħtieġa ma japplikawx hemm. Barra dan, id-definizzjoni amministrativa taż-żona ġeografika ġiet iċċarata u żviluppata, ladarba l-ispeċifikazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fiha rekwiżiti kumulattivi obbligatorji: b'mod partikolari, iż-żona ta' l-oriġini tal-materja prima ġie limitat b'mod sostanzjali ladarba l-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon 'Feta' għandu jiġi min-nagħaġ u mill-mogħoż ta' razez lokali mrobbija tradizzjonalment, li l-ikel tagħhom għandu jiġi bbażat fuq il-flora preżenti f'mergħat tar-reġjunijiet eliġibbli.

(36)      Iż-żona ġeografika koperta mid-definizzjoni amministrattiva u li tilħaq ir-rekwiżiti ta' speċifikazzjoni tal-prodott hija uniformi biżżejjed li tilħaq ir-rekwiżiti ta' l-Artikoli 2(2)(a) u 4(2)(f) tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Ir-rigħi u transumanza estensivi, li huma ċentrali għall-metodu li bih in-nagħaġ u l-mogħoż jinżammu biex jagħtu l-materja prima għall-produzzjoni tal-ġobon 'Feta', huma r-riżultat ta' tradizzjoni ta' l-antenati li tippermetti adattament għal tibdiliet ta' klima u l-impatt tagħhom fuq il-veġetazzjoni disponibbli tagħhom. Dan wassal għall-iżvilupp ta' razez żgħar u nativi ta' nagħaġ u mogħoż li huma estremament robusti u reżistenti, xierqa għal sopravivenza f'ambjent li joffri ftit ikel f'termini ta' kwalità, iżda li f'termini ta' kwalità hu mogħni bi flora diversifikata ħafna, u b'hekk jagħti lill-prodott lest l-aroma u t-togħma speċifiċi tiegħu. L-azzjoni reċiproka bejn dawn il-fatturi naturali u l-fatturi umani speċifiċi, partikolarment il-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali, li [j]eħtieġ tisfija mingħajr pressa, b'dan il-mod tat lill-ġobon 'Feta' ir-reputazzjoni notevoli internazzjonali.

(37)      Ladarba l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mogħtija mill-awtoritajiet Griegi tinkludi l-informazzjoni kollha mitluba taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92, u l-analiżi formali ta' dik l-ispeċifikazzjoni ma kixfet l-ebda żball ovvju ta' stima, l-isem 'Feta' għandu jiġi reġistrat bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini."

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23     Fil-kawża C-465/02, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla r-Regolament ikkontestat;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

24     Fil-kawża C-466/02, ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla r-Regolament ikkontestat;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

25     Il-Kummissjoni titlob, fiż-żewġ kawżi, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

26     B'digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Mejju u tat-3 ta' Ġunju 2003, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ġew awtorizzati jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tar-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika ġiet awtorizzata tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

27     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Ġunju 2005, il-kawżi C-465/02 u C-466/02 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà

28     Il-Gvern Elleniku jsostni li r-rikorsi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju tad-Danimarka ġew imressqa wara li skada t-terminu. Ir-Regolament ikkontestat ġie ppubblikat fil-15 ta' Ottubru 2002. Billi r-rikorsi ġew imressqa biss fit-30 ta' Diċembru 2002, it-terminu ta' xahrejn previst fil-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE ma ġiex osservat.

29     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, it-terminu għall-preżentata ta' rikors jibda jiddekorri biss, skond l-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċedura, minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' l-att in kwistjoni. Ma' dan għandu jiżdied it-terminu għal raġuni ta' distanza previst fl-Artikolu 81(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri għaxart ijiem ulterjuri. Fid-dawl ta' dawn ir-regoli, il-preżenti rikorsi ġew imressqa fit-terminu.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel raġuni

30     Il-Gvern Ġermaniż jilmenta kemm dwar ksur tar-regoli tal-proċedura tal-Kumitat previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta' bażi (iktar 'il quddiem il-"Kumitat regolatorju") kif ukoll dwar ksur tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385). Id-dokumenti li kellhom jiġu eżaminati fil-laqgħa tal-Kumitat regolatorju ta' l-20 ta' Novembru 2001 ma ġewx innotifikati lill-Gvern Ġermaniż erbatax-il jum qabel din il-laqgħa u lanqas ma ġew innotifikati fil-lingwa Ġermaniża.

31     Skond l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kumitat regolatorju kien għad ma kellux regoli tal-proċedura fid-data ta' l-imsemmija laqgħa. Għalhekk għandha ssir referenza għar-Regoli standard tal-proċedura – Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (ĠU 2001, C 38, p. 3).

32     Skond l-Artikolu 3(1) u (2) ta' dawn ir-Regoli standard tal-proċedura:

"1.      L-istedina għal-laqgħa, l-aġenda, l-abbozzi ta' miżuri li dwarhom il-Kumitat huwa mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu u kull dokument ta' ħidma ieħor għandhom jintbagħtu mill-President lill-membri tal-Kumitat skond l-Artikolu 13(2), bħala regola ġenerali mhux iktar tard minn erbatax-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa […].

2.      F'każijiet urġenti u meta l-miżuri li għandhom jittieħdu jkunu jridu jiġu applikati minnufih, il-President jista', fuq talba ta' membru tal-Kumitat jew b'inizjattiva tiegħu stess, iqassar it-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti sa ħamest ijiem kalendarji qabel id-data tal-laqgħa […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33     L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 jipprovdi:

"Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta' dak l-Istat."

34     Huwa paċifiku li l-Kummissjoni, permezz ta' imejl tad-9 ta' Novembru 2001, bagħtet stedina lill-Gvern Ġermaniż għal-laqgħa tal-Kumitat regolatorju ta' l-20 ta' Novembru 2001. Din l-istedina kienet tindika, bħala l-ewwel punt fuq l-aġenda, skambju ta' opinjonijiet fuq il-fajl "feta". Il-Kummissjoni hemżet żewg annessi ma' l-imsemmi imejl, it-tnejn miktuba bl-Ingliż u bil-Franċiż. Wieħed minn dawn l-annessi kien jiġbor fil-qosor it-tweġibiet ta' l-Istati Membri għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 1999 dwar il-manufattura, il-konsum u l-fama tal-"feta". L-anness l-ieħor kien jinkludi abbozz preliminari ta' opinjoni tal-Kumitat xjentifiku fuq l-imsemmi fajl.

35     Waqt il-laqgħa tal-Kumitat regolatorju ta' l-20 ta' Novembru 2001, id-delegazzjoni Ġermaniża talbet verżjoni bil-Ġermaniż ta' dawn iż-żewġ annessi. Huwa paċifiku li hija qatt ma rċevietha.

36     Anki jekk jitqies li n-nuqqas ta' verżjoni bil-Ġermaniż taż-żewġ annessi in kwistjoni mhijiex konformi ma' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, irregolarità bħal dik ma tikkawżax l-annullament tar-Regolament ikkontestat.

37     Fil-fatt, irregolarità proċedurali bħal dik tista' tikkawża l-annullament ta' l-att finalment adottat biss jekk, fin-nuqqas ta' din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta' Ottubru 1980, Van Landewyck et vs il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47; ta' l-20 ta' Ottubru 1987, Spanja vs il-Kummissjoni, 128/86, Ġabra p. 4171, punt 25, u tal-21 ta' Marzu 1990, il-Belġju vs il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Tubemeuse", C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 48).

38     Issa, waqt il-laqgħa in kwistjoni, il-Kumitat regolatorju żamm biss diskussjoni dwar il-fajl "feta" u dwar ir-riżultati tal-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Kien biss f'okkażjoni sussegwenti, waqt il-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Mejju 2002, li dan il-Kumitat eżamina abbozz ta' regolament. Madankollu, f'din l-okkażjoni, l-imsemmi Kumitat ma rnexxilux jiġbor maġġoranza kwalifikata tal-voti li tippermettilu jadotta l-abbozz. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill, waqt il-laqgħa tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2002, ma rnexxilux jadotta l-abbozz ta' regolament fuq l-istess suġġett, ukoll minħabba nuqqas ta' maġġoranza kwalifikata. Waqt kull waħda minn dawn il-laqgħat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-abbozz ippreżentat. Anki li kieku dan l-Istat Membru kellu verżjoni bil-Ġermaniż taż-żewġ dokumenti in kwistjoni għad-dispożizzjoni tiegħu waqt il-laqgħa ta' l-20 ta' Novembru 2001, huwa ma kienx ikun kapaċi jopponi l-imsemmi abbozz b'mod iktar effikaċi.

39     Fin-nuqqas ta' adozzjoni ta' regolament min-naħa tal-Kunsill, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat hija stess, skond il-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament ta' bażi. Għalhekk, din l-istituzzjoni kellha s-setgħa tadotta l-miżuri proposti taħt ir-responsabbiltà tagħha stess.

40     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-invit għal-laqgħa tal-Kumitat regolatorju ta' l-20 ta' Novembru 2001 intbagħat inqas minn erbatax-il jum qabel din il-laqgħa u li f'din il-laqgħa ma kienx hemm verżjoni bil-Ġermaniż taż-żewġ dokumenti in kwistjoni ma seta' jkollu ebda effett fuq il-miżura li finalment ġiet adottata.

41     Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni

42     Il-Gvern Ġermaniż jallega ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi. Il-kelma "feta" ġejja mit-Taljan u tfisser "qatgħa". Daħlet fil-lingwa Griega fis-seklu XVII. L-isem "feta" mhux użat biss fil-Greċja, iżda wkoll f'pajjiżi oħra tal-Balkani u tal-Lvant Nofsani biex jirreferi għal ġobon fis-salmura. Il-Kummissjoni żbaljat meta eżaminat, fil-premessi tar-Regolament ikkontestat, jekk "feta" sarx isem ġeneriku. Billi din il-kelma hija, qabel xejn, terminu mhux ġeografiku, il-Kummissjoni kien imissha stabbiliet li l-kelma akkwistat tifsira ġeografika, u dan b'mod li ma testendix sat-territorju kollu ta' Stat Membru. Barra minn hekk, is-sottoreġjun indikat mill-Gvern Elleniku fl-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni ġie ffurmat artifiċjalment; la huwa msejjes fuq it-tradizzjoni u lanqas fuq l-opinjoni ġeneralment aċċettata. Minbarra dan, il-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-feta mhumiex ikkawżati essenzjalment jew esklużivament minn ambjent ġeografiku partikolari; id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fis-sitta u tletin premessa tar-Regolament ikkontestat la huma sostnuti mill-applikazzjoni tal-Gvern Elleniku għar-reġistrazzjoni u lanqas mill-konstatazzjonijiet tal-Kumitat xjentifiku. Fl-aħħar nett, kif jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet legali Elleniċi u mill-fatt li l-Komunità tagħti għajnuna għall-produzzjoni tal-feta fil-Gżejjer Eġej, m'hemm ebda korrelazzjoni bejn iż-żona ġeografika ta' produzzjoni u dik ta' tħejjija.

43     Il-Gvern Daniż jallega li l-isem "feta" ma jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista' jiġi rreġistrat bħala isem tradizzjonalment mhux ġeografiku, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi. F'dan ir-rigward, l-imsemmi Gvern jikkunsidra li huma l-Istat applikant, fl-ewwel lok, u l-Kummissjoni, fit-tieni lok, li għandhom jippruvaw li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' denominazzjoni ta' oriġini bħala isem tradizzjonali mhux ġeografiku huma sodisfatti. Skond dan il-Gvern, iż-żona ġeografika indikata f'dan il-każ għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, jiġifieri l-Greċja ewlenija u d-dipartiment ta' Lesbos, tkopri prattikament il-Greċja kollha u ebda raġuni oġġettiva ma tressqet biex tiġġustifika x'inhu li jiddistingwi r-reġjuni li ġew esklużi mill-bqija. Il-Gvern Daniż jispeċifika li l-konnessjoni esklużiva meħtieġa bejn il-ġobon feta u ż-żona ġeografika indikata fl-applikazzjoni ma teżistix, għas-sempliċi raġuni li l-feta joriġina mill-Balkani kollha kemm huma u mhux biss mill-Ġreċja. Iż-żona ġeografika indikata tippreżenta bosta differenzi fuq il-livell klimatiku u dak morfoloġiku u jeżistu diversi varjetajiet ta' feta Griegi, li t-togħmiet tagħhom huma differenti minn xulxin. Ir-reputazzjoni internazzjonali tal-feta ma tistax tiġi attribwita b'mod ċar u dirett liż-żona ġeografika indikata, iżda hija dovuta fil-parti l-kbira għall-produzzjoni sinifikattiva u għall-esportazzjoni minn Stati oħra, fosthom ir-Renju tad-Danimarka, fit-tieni nofs tas-seklu XX.

44     Il-Gvern Franċiż, li qiegħed jintervjeni sabiex isostni l-Gvern Ġermaniż u dak Daniż, jirrileva li l-kelma "feta", li bit-Taljan tfisser "qatgħa", mhijiex isem ġeografiku. Għaldaqstant, huma applikabbli d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi. Mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu referenza għat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2)(a) ta' l-istess Regolament, isegwi li l-isem "feta" jista' jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini biss jekk il-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta' dan il-prodott huma kkawżati essenzjalment jew esklużivament minn ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu u jekk il-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija ta' dan il-prodott iseħħu fiż-żona ġeografika definita. Issa, min-naħa, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmi Regolament, iż-żona ġeografika ta' produzzjoni tal-feta fil-Greċja tirrappreżenta kważi t-territorju kollu tar-Repubblika Ellenika u, min-naħa l-oħra, il-feta jiġi prodott barra mit-territorju Grieg, b'mod partikolari fi Franza, f'kundizzjonijiet simili għal dawk li jeżistu fit-territorju Grieg. Fil-fatt, bis-saħħa tas-sostenn minn sussidji Komunitarji, il-fabbriki tal-ġobon Franċiżi rnexxielhom jadattaw il-metodi tradizzjonali għall-produzzjoni industrijali u attwalment qegħdin jipproduċu bejn 10 000 u 12 000 tunnellata ta' ġobon feta fis-sena. Dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet jimpedixxu r-reġistrazzjoni, favur ir-Repubblika Ellenika, ta' l-isem "feta" bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini.

45     Il-Gvern tar-Renju Unit intervjena wkoll sabiex isostni l-Gvern Ġermaniż u dak Daniż, mingħajr ma ppreżenta sottomissjonijiet.

46     F'din il-kawża, huwa paċifiku li t-terminu "feta" ġej mill-kelma Taljana "fetta" li tfisser "qatgħa" u li din il-kelma ġiet adottata mil-lingwa Griega fis-seklu XVII. Huwa wkoll paċifiku li "feta" mhuwiex isem ta' reġjun, ta' post jew ta' pajjiż skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament ta' bażi. Għaldaqstant, dan it-terminu ma jistax jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini taħt din id-dispożizzjoni. L-iktar l-iktar tista' tiġi rreġistrata taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi, li jestendi d-definizzjoni tad-denominazzjoni ta' oriġini għal ċerti ismijiet tradizzjonali mhux ġeografiċi.

47     Huwa fuq din il-bażi li t-terminu "feta" ġie rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini permezz tar-Regolament ikkontestat. Skond il-ħamsa u tletin premessa ta' dan ir-Regolament, "[l]-isem 'Feta' huwa isem tradizzjonali mhux ġeografiku skond it-tifsira fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament [ta' bażi]".

48     Sabiex jiġi protett taħt din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, isem tradizzjonali mhux ġeografiku għandu, b'mod partikolari, jiddeskrivi prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel "li joriġina[...] f'reġjun jew post speċifiku".

49     Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi jitlob, billi jagħmel referenza għat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2)(a) ta' l-istess Regolament, li l-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel ikunu kkawżati essenzjalment jew esklużivament minn ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija ta' dan il-prodott iseħħu fiż-żona ġeografika definita.

50     Mill-qari ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonjiet meħuda flimkien jirriżulta li l-post jew ir-reġjun li għalihom jirreferi l-imsemmi Artikolu 2(3) għandhom jiġu definiti bħala ambjent ġeografiku inklużi l-fatturi naturali u umani partikolari tiegħu u li jkun kapaċi jagħti lil prodott agrikolu jew lil prodott ta' l-ikel il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Għalhekk, iż-żona ta' oriġini għandha tippreżenta fatturi naturali omoġeni li jiddistingwuha miż-żoni li jmissu magħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-20 ta' Frar 1975, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, 12/74, Ġabra p. 181, punt 8).

51     Huwa fid-dawl ta' dawn id-diversi kriterji li għandu jiġi eżaminat jekk id-definizzjoni tar-reġjun ta' oriġini adottata fir-Regolament ikkontestat hijiex konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi.

52     Billi għal dan il-għan il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-leġiżlazzjoni Ellenika f'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tad-Digriet Ministerjali Elleniku Nru 313025, tal-11 ta' Jannar 1994, li jirrikonoxxi d-denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) tal-ġobon feta, jipprovdi:

"1.      L-isem 'feta' huwa rikonoxxut bħala denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) għall-ġobon abjad fis-salmura manufatturat tradizzjonalment fil-Greċja, u speċifikament ('syngekrimena') fir-reġjuni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, minn ħalib tan-nagħaġ jew minn taħlita ta' dan il-ħalib mal-ħalib tal-mogħoż.

2.      Il-ħalib użat għall-manufattura tal-'feta' għandu jiġi esklużivament mir-reġjuni tal-Maċedonja, ta' Thrace, ta' Epirus, ta' Thessaly, tal-Greċja Ċentrali, Peloponnese u d-dipartiment ('Nomos') ta' Lesbos."

53     Iż-żona ġeografika hekk definita għall-produzzjoni tal-feta tinkludi b'mod esklużiv il-parti ewlenija tal-Greċja kif ukoll id-dipartiment ta' Lesbos. Il-gżira ta' Kreta kif ukoll ċerti arċipelagi Griegi, jiġifieri l-Gżejjer Sporades, Ċikladi, Dodekaneżi u Jonji, huma esklużi minn din iż-żona ġeografika.

54     Iż-żoni esklużi minn din iż-żona ġeografika ma jistgħux jitqiesu negliġibbli. Għalhekk, iż-żona definita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-produzzjoni tal-ġobon li jġib l-isem "feta" ma tkoprix it-territorju kollu tar-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant, m'hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi jippermettix li ż-żona ġeografika inerenti għal isem tkopri t-territorju kollu ta' pajjiż.

55     Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żona ġietx hekk definita b'mod artifiċjali.

56     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1)(e) tad-Digriet Ministerjali Nru 313025 jispeċifika li "il-ħalib użat għall-manufattura tal-feta għandu jiġi minn razez ta' nagħaġ u ta' mogħoż imrobbija b'mod tradizzjonali u adattati għar-reġjun ta' manufattura tal-feta u l-flora ta' l-imsemmi reġjun għandu jikkostitwixxi l-bażi ta' l-ikel tagħhom".

57     Mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, u b'mod partikolari mill-ispeċifikazzjonijiet li l-Gvern Elleniku bagħat lill-Kummissjoni, fil-21 ta' Jannar 1994, fid-dawl tar-reġistrazzjoni ta' l-isem "feta" bħala denominazzjoni ta' oriġini, jirriżulta li l-effett ta' din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 1 ta' l-istess Digriet Ministerjali, huwa li jiddefinixxi ż-żona kkonċernata b'referenza, b'mod partikolari, għal karatteristiċi ġeomorfoloġiċi, jiġifieri n-natura prinċipalment muntanjuża jew semimuntanjuża tat-terren, għal karatteristiċi klimatiċi, jiġifieri xtiewi mhux qliel, sjuf sħan u ħin twil ta' dawl tax-xemx, kif ukoll għal karatteristiċi botaniċi, jiġifieri l-flora tipika tal-muntanji Balkaniċi.

58     Dawn l-elementi jindikaw b'mod suffiċjenti li din iż-żona tippreżenta karatteristiċi naturali omoġenji li jiddistingwuha miż-żoni li jmissu magħha. Jirriżulta mill-proċess li ż-żoni tal-Greċja esklużi miż-żona definita ma jippreżentawx l-istess karatteristiċi naturali bħal dawk taż-żona definita. Għalhekk, jidher li ż-żona definita f'din il-kawża ma ġietx determinata b'mod artifiċjali.

59     Għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-feta fil-Gżejjer Eġej, huwa minnu li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill [(KEE)] Nru 2019/93 tad-19 ta' Lulju 1993 li jintroduċi miżuri speċifiċi għall-Gżejjer [...] iż-żgħar [ta' l-Eġew] rigward ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 184, p. 1), kien jipprovdi, qabel ma ġie emendat bl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 442/2002 tat-18 ta' Frar 2002 (ĠU L 68, p. 4), għajnuna "għall-ħażna privata ta' ġobnijiet iffabbrikati lokalment: Feta, [ta'] mill-inqas xahrejn [...]".

60     Din id-dispożizzjoni turi li l-feta jiġi prodott ukoll fil-Gżejjer iż-żgħar ta' l-Eġew.

61     Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat, fis-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-feta effettivament huwa manufatturat lokalment f'uħud mill-Gżejjer iż-żgħar ta' l-Eġew.

62     Madankollu, hija speċifikat ukoll li, amministrattivament, dawn il-gżejjer jaqgħu taħt id-dipartiment ta' Lesbos.

63     Issa l-imsemmi dipartiment jagħmel parti miż-żona ġeografika definita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi ż-żona ta' produzzjoni tal-feta.

64     Isegwi li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 2019/93 huwa koerenti mad-definizzjoni taż-żona ġeografika ta' manufattura tal-feta preskritta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' dan l-isem, bil-konsegwenza li l-argument oppost imressaq mill-Gvern Ġermaniż huwa infondat.

65     Ir-rikorrenti jsostnu li l-kwalitajiet u l-karatteristiċi tal-feta mhumiex ikkawżati essenzjalment jew esklużivament mill-ambjent ġeografiku definit, kif jitlob it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament ta' bażi.

66     Madankollu, is-sitta u tletin premessa tar-Regolament ikkontestat issemmi serje ta' fatturi li jindikaw li l-karatteristiċi tal-feta huma kkawżati essenzjalment mill-ambjent ġeografiku definit. Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Ġermaniż, din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq l-ispeċifikazzjonijiet sottomessi mill-Gvern Elleniku, li jelenkaw b'mod dettaljat il-fatturi naturali u umani li jagħtu lill-feta l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu.

67     Fost dawn il-fatturi wieħed isib il-perijodu ta' dawl tax-xemx, il-varjazzjonijiet fit-temperatura, il-prattika tat-tranżumanza, ir-rigħi estensiv u l-flora.

68     Ir-rikorrenti ma ppruvawx li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward hija żbaljata.

69     Għaldaqstant, ir-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta' bażi għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet raġuni

70     Il-Gvern Ġermaniż isostni li r-Regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi. "Feta" huwa isem ġeneriku skond it-tifsira ta' l-imsemmi Artikolu 3(1). Il-Kummissjoni ma qisitx kif jixraq il-fatturi kollha, b'mod partikolari l-manufattura tal-feta fi Stati Membri oħra apparti l-Greċja, il-konsum tal-feta barra mill-Greċja, il-perċezzjoni tal-konsumaturi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja, kif ukoll l-evalwazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Ir-riskju ta' konfużjoni tal-konsumatur invokat fl-għoxrin premessa tar-Regolament ikkontestat ma jistax jikkostitwixxi l-bażi għall-protezzjoni ta' l-isem "feta", billi l-preżentazzjoni ta' prodott b'mod li jqarraq bil-konsumatur m'għandha x'taqsam xejn mal-kwistjoni jekk isem huwiex ġeneriku jew jikkostitwixxix denominazzjoni ta' oriġini.

71     Barra minn hekk, skond l-istess Gvern, il-konstatazzjoni li l-isem "feta" ma sarx ġeneriku mhijiex suffiċjentement immotivata skond it-tifsira ta' l-Artikolu 253 KE, billi r-referenza għall-opinjoni konsultattiva ta' kumitat mhijiex adegwata għal dan il-għan.

72     Għall-Gvern Daniż, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat bi ksur ta' l-Artikoli 3(1) u 17(2) tar-Regolament ta' bażi, billi t-terminu "feta" huwa isem ġeneriku. Skond dan il-Gvern, meta isem ikollu natura ġenerika mill-bidu nett, jew inkella jakkwistaha sussegwentement, huwa jżomm din in-natura għal dejjem, b'mod irreversibbli. Huwa l-Istat applikant, u fit-tieni lok il-Kummissjoni, li għandhom jippruvaw li isem li ma jkunx ġeografiku mhuwiex ġeneriku.

73     Il-Gvern Daniż jenfasizza wkoll li l-feta ma joriġinax speċifikament mill-Greċja, la bħala isem u lanqas bħala prodott. Iż-żona tradizzjonali ta' konsum u ta' produzzjoni tkopri diversi pajjiżi Balkaniċi. Ir-Repubblika Ellenika stess importat, ipproduċiet, ikkonsmat u esportat ġobon li jġib l-isem "feta", inkluz feta manufatturat bil-ħalib tal-baqar. Huwa probabbli li, wara ħafna snin, il-konsumaturi Griegi jikkunsidraw dan l-isem bħala ġeneriku. Bl-istess mod, fi Stati oħrajn, Komunitarji jew le, fejn il-feta huwa kkonsmat u prodott fi kwantitajiet kbar, il-konsumatur jikkunsidra l-feta bħala isem ġeneriku. Barra miż-żona ta' oriġini tiegħu, il-feta jiġi prodott u kkummerċjalizzat legalment f'diversi Stati Membri u pajjiżi terzi.

74     Dejjem skond il-Gvern Daniż, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-feta fid-Danimarka b'ebda mod m'huma kuntrarji għall-użanzi pprattikati lealment u tradizzjonalment u lanqas ma joħolqu riskji reali ta' konfużjoni, sempliċement għaliex il-leġiżlazzjoni Daniża ilha mill-1963 li imponiet l-isem "feta Daniż". Il-fatt li l-feta huwa isem ġeneriku joħroġ minn serje ta' dispożizzjonijiet u atti tal-leġiżlatur Komunitarju, inkluża l-Kummissjoni.

 Fuq in-natura ġenerika ta' l-isem

75     Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi:

"Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b'mod partikolari:

–       is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn joriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

–       is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–       il-liġijiet relevanti nazzjonali jew tal-Komunità."

76     Fir-rigward ta' l-argument imressaq mill-Gvern Daniż li jgħid li t-terminu "feta" jirreferi għal tip ta' ġobon li joriġina mill-Balkani, huwa paċifiku li ilhom żmien twil jiġu prodotti ġbejjen bojod fis-salmura mhux biss fil-Greċja, iżda f'diversi pajjiżi tal-Balkani u tax-Xlokk tal-baċir Mediterranju. Madankollu, kif jidher fil-punt B(a) ta' l-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku, dawn il-ġbejjen huma magħrufa, f'dawn il-pajjiżi, b'ismijiet differenti mill-isem "feta".

77     Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-produzzjoni fir-Repubblika Ellenika stess, il-Gvern Daniż isostni, mingħajr ma ġie kontradett, li, sa l-1988, ġobon manufatturat mill-ħalib tal-baqar skond metodi differenti mill-metodi tradizzjonali Griegi ġie importat fil-Greċja taħt l-isem "feta" u li, sa l-1987, ġobon feta ġie mmanufatturat fit-territorju ta' dan l-Istat Membru skond metodi mhux tradizzjonali u b'mod partikolari mill-ħalib tal-baqar.

78     Għandu jiġi rrikonoxxut li, kieku tali attivitajiet kellhom ikomplu, huma jwasslu biex jagħtu natura ġenerika lill-isem "feta". Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-Digriet Ministerjali Nru 2109/88, tal-5 ta' Diċembru 1988, li japprova s-sostituzzjoni ta' l-Artikolu 83 "Prodotti tal-ġobon" tal-kodiċi ta' l-ikel, ġiet stabbilita d-definizzjoni taż-żona ġeografika ta' produzzjoni bbażata fuq użanzi tradizzjonali. Fl-1994, id-Digriet Ministerjali Nru 313025 ikkodifika l-preskrizzjonijiet kollha applikabbli għall-ġobon feta. Issa din il-leġiżlazzjoni kollha ħolqot sitwazzjoni ġdida fejn tali attivitijiet m'għandhomx iseħħu iżjed.

79     Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-produzzjoni fi Stati Membri oħra, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza d-Danimarka et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li l-fatt li prodott ikun ġie kkummerċjalizzat legalment taħt isem partikolari f'ċerti Stati Membri jista' jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta wieħed jiġi biex jevalwa jekk dan l-isem ikunx sar ġeneriku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi.

80     Barra minn hekk, il-Kummisssjoni tammetti li l-feta jiġi manufatturat f'ċerti Stati Membri barra mir-Repubblika Ellenika, jiġifieri fir-Renju tad-Danimarka, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fir-Repubblika Franċiża. Skond it-tlettax sas-sbatax-il premessa tar-Regolament ikkontestat, ir-Repubblika Ellenika tipproduċi madwar 115 000 tunnellata fis-sena. Fl-1998, kważi 27 640 tunnellata ġew prodotti fid-Danimarka. Mill-1988 sa l-1998, il-produzzjoni Franċiża varjat bejn 7 960 tunnellata u 19 964 tunnellata. Għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni Ġermaniża, din varjat, mill-1985, bejn 19 757 u 39 201 tunnellata.

81     Mill-istess premessi joħroġ li l-produzzjoni tal-feta fil-Ġermanja bdiet fl-1972, fi Franza bdiet fl-1931 u fid-Danimarka bdiet fis-snin 1930.

82     Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ġobon hekk prodott seta' jiġi kkummerċjalizzat b'mod kompletament legali, saħansitra fil-Greċja, għall-inqas sa l-1988.

83     Anki jekk il-produzzjoni tal-feta fil-pajjiżi l-oħra kienet relattivament sinifikattiva u kienet ilha sseħħ għal żmien sostanzjali, għandu jiġi enfasizzat, kif jagħmel il-Kumitat xjentifiku fl-ewwel inċiż tal-konklużjonijiet ta' l-opinjoni tiegħu, li l-produzzjoni tal-feta baqgħet ikkonċentrata fil-Greċja.

84     Barra minn hekk, il-fatt li prodott ikun ġie prodott legalment fi Stati Membri oħra barra mir-Repubblika Ellenika huwa biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi.

85     Għal dak li jirrigwarda l-konsum tal-feta fid-diversi Stati Membri, b'kuntrast mal-produzzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li mid-dsatax-il premessa tar-Regolament ikkontestat joħroġ li iktar minn 85% tal-konsum Komunitarju tal-feta, għal kull persuna kull sena, iseħħ fil-Greċja. Kif josserva l-Kumitat xjentifiku, il-konsum tal-feta, għalhekk, huwa kkonċenrat f'dan l-Istat Membru.

86     L-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-maġġoranza tal-konsumaturi fil-Greċja tikkunsidra li l-isem "feta" għandu konnotazzjoni ġeografika u mhux ġenerika. Jidher, bil-maqlub, li fid-Danimarka l-maġġoranza tal-konsumaturi ssostni li dan l-isem għandu konnotazzjoni ġenerika. Il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex informazzjoni konklużiva għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward l-Istati Membri l-oħra.

87     Il-provi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru wkoll li, fl-Istati Membri l-oħra barra mill-Greċja, il-feta huwa kkummerċjalizzat b'mod regolari b'tikketti li jirreferu għat-tradizzjonijiet kulturali Griegi u għaċ-ċiviltà Griega. Minn dan jista' jiġi leġittimament konkluż li l-konsumaturi f'dawn l-Istati Membri jipperċepixxu l-feta bħala ġobon assoċjat mar-Repubblika Ellenika, anki jekk fir-realtà jkun ġie prodott fi Stat Membru ieħor.

88     Dawn id-diversi provi relattivi għall-konsum tal-feta fl-Istati Membri jwasslu biex juru li l-isem "feta" mhuwiex ta' natura ġenerika.

89     Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Ġermaniż relattiv għat-tieni sentenza ta' l-għoxrin premessa tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta mill-punt 87 ta' din is-sentenza li wieħed ma jkunx żbaljat jekk isostni, b'referenza għall-konsumaturi fl-Istati Membri l-oħra barra mir-Repubblika Ellenika, li "[… i]l-konnessjoni bejn l-isem 'Feta' u l-Greċja hija […] deliberatament issuġġerita u mfittxa bħala parti minn strateġija ta' bejgħ li tikkapitalizza fuq ir-reputazzjoni tal-prodott oriġinali, u dan joħloq riskju reali ta' konfużjoni għall-konsumatur".

90     Għalhekk, l-argument fis-sens oppost imressaq mill-Gvern Ġermaniż mhuwiex fondat.

91     Fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni li, skond id-dsatax u l-wieħed u tletin premessa tar-Regolament ikkontestat, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Ellenika huma l-uniċi Stati Membri li dak iż-żmien kellhom leġiżlazzjoni speċifika dwar il-feta.

92     Min-naħa tagħha, il-leġiżlazzjoni Daniża ssemmi mhux il-"feta" iżda l-"feta Daniż", ħaġa li tagħti x'tifhem li, fid-Danimarka, l-isem "feta" mingħajr ebda kwalifika żamm il-konnotazzjoni Griega tiegħu.

93     Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 27 tas-sentenza d-Danimarka et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, l-isem "feta" ġie protett permezz ta' konvenzjoni bejn ir-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju tal-Greċja, konkluża fl-20 ta' Ġunju 1972 b'applikazzjoni tal-ftehim bejn dawn iż-żewġ Stati tal-5 ta' Ġunju 1970 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ta' provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta' oriġini u ta' l-ismijiet tal-prodotti agrikoli, tas-snajja' u industrijali (BGBI. 378/1972 u 379/1972). Minn dak iż-żmien 'il quddiem, l-użu ta' dan l-isem fit-territorju Awstrijaku huwa rriżervat biss għall-prodotti Griegi.

94     Minn dan jirriżulta li, in ġenerali, il-liġijiet nazzjonali rilevanti jagħtu x'jifhem li l-isem "feta" mhuwiex ta' natura ġenerika.

95     Għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni Komunitarja, bla dubju, l-isem "feta" huwa użat fin-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni u fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, mingħajr ebda preċiżjoni fir-rigward ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

96     Madankollu, din il-leġiżlazzjoni Komunitarja u n-nomenklatura doganali japplikaw għall-qasam doganali u mhumiex intiżi biex jirregolaw drittijiet ta' proprjetà industrijali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tagħhom mhumiex konklużivi fil-kuntest preżenti.

97     Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, huwa minnu li, fil-21 ta' Ġunju 1985, din l-istituzzjoni wieġbet il-mistoqsija bil-miktub Nru 13/85 ta' Membru Parlamentari Ewropew kif ġej: "[…] il-feta huwa tip ta' ġobon u mhux denominazzjoni ta' oriġini." (ĠU tat-30 ta' Settembru 1985, C 248, p. 13)

98     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li, dak iż-żmien, kienet għadha ma teżistix protezzjoni Komunitarja tad-denominazzjonijiet ta' oriġini u ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi, ħaġa li ġiet stabbilita għall-ewwel darba permezz tar-Regolament ta' bażi. Fid-data ta' din it-tweġiba, l-isem "feta" kien protett biss permezz ta' użanzi tradizzjonali fil-Greċja.

99     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li diversi provi rilevanti u importanti jindikaw li dan it-terminu ma sarx ġeneriku.

100   Fid-dawl ta' dawn il-provi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tiddeċiedi, fir-Regolament ikkontestat, li t-terminu "feta" ma sarx ġeneriku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' bażi.

 Fuq il-motivazzjoni

101   Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat relattiva għall-konstatazzjoni li l-isem "feta" mhuwiex ġeneriku hija insuffiċjenti, għandhom jiġu eżaminati, min-naħa, il-portata ta' l-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku, u min-naħa l-oħra, kemm hija dettaljata l-motivazzjoni mogħtija.

102   Mill-ħdax sal-wieħed u għoxrin premessa kif ukoll fit-tlieta u tletin premessa, il-Kummissjoni tanalizza hija stess il-kwistjoni tan-natura ġenerika tat-terminu "feta". Huwa biss mit-tnejn u għoxrin sat-tnejn u tletin premessa li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku. Għalhekk, ikun żbaljat li wieħed isostni li l-motivazzjoni dwar il-kwistjoni tan-natura ġenerika tat-terminu "feta" li tinsab fl-imsemmi Regolament tikkonsisti biss f'riproduzzjoni ta' din l-opinjoni.

103   Joħroġ mid-Deċiżjoni 93/53 li l-Kumitat xjentifiku ġie stabbilit mill-Kummissjoni u li l-membri tiegħu jinħatru minnha. Dan il-Kumitat jiltaqa' fuq talba ta' rappreżentant ta' l-imsemmija istituzzjoni u d-deliberazzjonijiet tiegħu jirrelataw mal-materji li dwarhom il-Kummissjoni tkun talbet opinjoni.

104   Skond dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet fil-libertà li, jekk jidhrilha xieraq, tissottometti kwistjonijiet dwar denominazzjoni ta' oriġini lill-esperti maħtura għal dan il-Kumitat sabiex huma jassistuha biex tiċċara l-problema, kif ġara f'dan il-każ. Hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi safejn tkun trid issegwi l-opinjoni mogħtija mill-imsemmi Kumitat.

105   Jirriżulta mit-tlieta u tletin premessa tar-Regolament ikkontestat li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni adottat il-konklużjonijiet li wasal għalihom dan il-Kumitat. Din il-proċedura hija konformi kemm mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 93/53 kif ukoll ma' dawk ta' l-Artikolu 253 KE.

106   Fir-rigward ta' kemm hija dettaljata l-motivazzjoni dwar il-kwistjoni tan-natura ġenerika tat-terminu "feta" mogħtija fir-Regolament ikkontestat, il-motivazzjoni li jitlob l-Artikolu 253 KE għandha, skond ġurisprudenza stabbilita, tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att, b'mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tas-7 ta' Frar 2002, Weber, C-328/00, Ġabra p. I-1461, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-istituzzjoni li tadotta tali att mhijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq elementi li jkunu evidentement sekondarji jew li jantiċipaw oġġezzjonijiet potenzjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta' April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 64).

107   Il-Kummissjoni esponiet b'mod ċar, mill-ħdax sat-tlieta u tletin premessa tar-Regoalment ikkontestat, l-elementi essenzjali li wassluha għall-konklużjoni li l-isem "feta" ma kienx ġeneriku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' bażi. Din l-espożizzjoni tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għall-finijiet ta' l-Artikolu 253 KE.

108   Minn dan jirriżulta li l-argument, li jgħid li l-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat relattiva għall-konstatazzjoni li l-isem "feta" mhuwiex ġeneriku hija insuffiċjenti, huwa infondat.

109   Minn dan isegwi li r-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' bażi u ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

110   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-preżenti rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

111   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tad-Danimarka tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż relattivi għall-kawża C-465/02 u r-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż relattivi għall-kawża C-466/02.

3)      Ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u d-Daniż.