Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-9 ta’ Novembru 2023 – Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs X

(Kawża C-662/23, Izmir 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Konvenut: X

Domandi preliminari

a) Fil-każ ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjoni li huma introdotti simultanjament fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1 , l-awtorità determinanti tista’ tagħmel użu mis-setgħa tagħha li testendi t-terminu ta’ deċiżjoni ta’ sitt xhur jekk iż-żieda tan-numru kbir ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sseħħ progressivament fuq ċertu perijodu u bħala konsegwenza huwa diffiċli ħafna, fil-prattika, li l-proċedura tiġi konkluża fit-terminu ta’ sitt xhur? F’dan ir-rigward, kif għandu jiġi interpretat it-terminu “simultanjament”?

b) Fuq il-bażi ta’ liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk din hijiex kwistjoni ta’ “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kif imsemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri?

Limitazzjoni ratione temporis tal-perijodu li matulu żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandha tirriżulta tapplika sabiex ikunu jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri? Fl-affermattiv, kemm jista’ jdum dan il-perijodu?

Sabiex jiġi evalwat jekk fil-prattika huwiex diffiċli ħafna li l-proċedura tiġi konkluża f’terminu ta’ sitt xhur, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva – ċirkustanzi li ma joriġinawx miż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħaċ-ċirkustanza li l-awtorità determinanti għandha xogħol lura li kien diġà jeżisti qabel iż-żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew minħabba assenza ta’ kapaċità fil-persunal?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.