Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2024 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-69/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Norris u E. Schmidt, aġenti)

Konvenut: L-Irlanda

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li r-Repubblika tal-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20 tad-Direttiva (EU) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE 1 sa fejn naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tkun konformi mad-Direttiva, jew fi kwalunkwe każ billi naqset milli tinnotifikahom lill-Kummissjoni;

tordna lill-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla mill-ammonti li ġejjin (i) ammont ta’ kuljum ta’ EUR 3 300 immultiplikat bin-numru ta’ jiem li fihom il-ksur ikun ippersista bejn il-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew fin-nuqqas ta’ konformità, id-data tal-għoti tas-sentenza skont l-Artikolu 260(3) TFUE; jew (ii) somma f’daqqa minima ta’ EUR 1 540 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru msemmi fl-[ewwel inċiż] ikompli sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tordna lir-Repubblika tal-Irlanda tħallas lill-Kummissjoni penalità fl-ammont ta’ EUR 14 850 għal kull jum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sad-data li fiha l-obbligi taħt id-Direttiva (UE) 2019/1158 jiġu ssodisfatti;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-perijodu pprovdut għat-traspożizzjoni tad-Direttiva skada fit-2 ta’ Awwissu 2022.

Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas legali tal-Unjoni u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tiggarantixxi rekwiżiti minimi relatati mal-leave tal-paternità, il-leave tal-ġenituri u l-leave tal-carers, u ma’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli għal ħaddiema li huma ġenituri, jew carers. Skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-Istati Membri huma meħtieġa li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Awwissu 2022. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jinformaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġi adottati filwaqt li jispjegaw kif dawn jikkorrispondu mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni tissottometti li r-Repubblika tal-Irlanda ma ssodisfatx dan l-obbligu. Hija tgħid li, fil-21 ta’ Settembru 2022, hija għalhekk bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Irlanda. Ir-Repubblika tal-Irlanda wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Novembru 2022 fejn spjegat li d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1158 kien dovut għall-fatt li l-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex timplimenta l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva kienet għadha fil-proċess tal-proċedura leġiżlattiva domestika.

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-19 ta’ April 2023, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Irlanda, li din tal-aħħar wieġbet b’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2023 li fiha ammettiet li ma kinitx ittrasponiet kompletament id-Direttiva u li x-xogħol kien “għadu għaddej”. F’korrispondenza ulterjuri mir-Repubblika tal-Irlanda tal-24 ta’ Lulju 2023 u tat-13 ta’ Novembru 2023, ir-Repubblika tal-Irlanda esprimiet id-dispjaċir tagħha li d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta għal kollox. B’mod partikolari, leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-intitolament għal xogħol flessibbli skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva kienet għadha ma saritx effettiva taħt il-liġi nazzjonali. Ir-Repubblika tal-Irlanda indikat li x-xogħol għadu għaddej.

Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Irlanda naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2019/1158 li tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tikkonforma ma’ dik id-Direttiva sat-2 ta’ Awwissu 2022 u li tinforma immedjatament lill-Kummissjoni. tiegħu. Hija ssostni li, konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma sodisfatti.

Il-Kummissjoni għalhekk issostni li r-Repubblika tal-Irlanda għandha tiġi kkundannata tħallas somma f’daqqa u penalità skont l-Artikolu 260(3) TFUE u titlob ammonti li hija kkalkolat skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur 1 .

____________

1 ĠU 2019, L 188, p. 79.

1 ĠU 2023, C 2, p. 1.