Language of document : ECLI:EU:T:2011:510

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tal-21 ta’ Settembru 2011 (*)

“Rikors għal annullament – REACH – Identifikazzjoni tal-aċidu boriku u tat-tetraborat tad-diossidju anidrat bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑346/10,

Borax Europe Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn K. Nordlander, avukat, u H. Pearson, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck u A.-M. Vandromme, avukati,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u E. Manhaeve, bħala aġenti, assistiti minn K. Sawyer, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-18 ta’ Ġunju 2010, li tidentifika l-aċidu boriku (KE Nru 233-139-2) u t-tetraborat tad-diossidju anidrat (KE Nru 215-540-4) bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), u li tinkludi dawk is-sustanzi fil-lista ta’ sustanzi identifikati bil-ħsieb ta’ inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Borax Europe Ltd, hija kumpannija rregolata mil-liġi Ingliża. L-attività tagħha tikkonsisti fl-importazzjoni u l-bejgħ, fl-Unjoni Ewropea, ta’ aċidu boriku (KE Nru 233-139-2) u ta’ tetraborat tad-diossidju anidrat (KE Nru 215-540-4) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, bħala l-“borati”) li huma pprovduti lilha minn kumpannija rregolata mil-liġi Amerikana.

2        Fost applikazzjonijiet oħra, il-borati jintużaw b’mod partikolari fil-ħġieġ u fil-fibra tal-ħġieġ għall-iżolazzjoni. Il-borati jintużaw ukoll fid-deterġenti u fil-prodotti tat-tindif kif ukoll bħala trattamenti maħsuba għall-konservazzjoni tal-injam.

3        Il-borati ġew inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 27), permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/58/KE, tal-21 ta’ Awissu 2008, li temenda, bil-għan li tadatta għall-progress tekniku, għat-30 darba d-Direttiva Nru 67/548/KEE (ĠU L 246, p. 1), li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Ottubru 2008. Permezz ta’ din l-inklużjoni, il-borati ġew ikklassifikati fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2.

4        Bid-dħul fis-seħħ, fl-20 ta’ Jannar 2009, tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE (ĠU L 353, p. 1), ġie mħassar l-Anness I tad-Direttiva 67/548 u l-kontenut tiegħu, fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda mwettqa permezz tad-Direttiva 2008/58, ġie ttrasferit fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Għaldaqstant, dan l-aħħar anness ma kienx isemmi l-borati fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1272/2008.

5        Bid-dħul fis-seħħ, fil-25 ta’ Settembru 2009, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 790/2009, tal-10 ta’ Awwissu 2009, li jemenda, għall-finijiet tal-addattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (ĠU L 235, p. 1), il-klassifikazzjoni tal-borati fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 iddaħħlet fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 790/2009, dik il-klassifikazzjoni kienet applikabbli mill-1 ta’ Diċembru 2010, iżda setgħet tiġi applikata qabel dik id-data.

6        Fit-8 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tas-Slovenja ttrażmettew lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fajl li huma kienu pproduċew li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-aċidu boriku bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1), kif emendat sussegwentement b’mod partikolari mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, billi għamlu riferiment għall-klassifikazzjoni tal-aċidu boriku fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008.

7        Fl-istess jum, ir-Renju tad-Danimarka ttrażmetta lill-ECHA fajl li huwa kien ipproduċa li jirrigwarda l-identifikazzjoni tat-tetraborat tad-diossidju anidrat bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(ċ), tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, billi għamel riferiment għall-klassifikazzjoni tat-tetraborat tad-diossidju anidrat fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 fil-parti 3 tal-AnnessVI tar-Regolament Nru 1272/2008.

8        Sussegwentement, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha avviż li jistieden lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-fajls stabbiliti li jikkonċernaw il-borati. Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet fuq il-fajls inkwistjoni, b’mod partikolari min-naħa tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-borati, li r-rikorrenti hija waħda mill-membri tagħha, l-ECHA bagħtet dawk il-fajls lill-kumitat tagħha tal-Istati Membri. Fid-9 ta’ Ġunju 2010, dak il-kumitat laħaq ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

9        Fit-18 ta’ Ġunju 2010, ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA l-lista ta’ sustanzi identifikati bil-ħsieb ta’ inklużjoni eventwali fl-Anness XIV tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ sustanzi kandidati”), li tinkludi l-borati.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annnullament tad-deċiżjoni tal-ECHA, tat-18 ta’ Ġunju 2010 li tidentifika l-borati bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li tinkludi dawk is-sustanzi fil-lista ta’ sustanzi kandidati skont l-Artikolu 59 tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-ECHA. Wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, din it-talba ġiet akkolta permezz ta’ digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 2011.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-14 ta’ Diċembru 2010, l-ECHA invokat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-31 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal trattament kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħhom fir-rigward tal-parti intervenjenti. Din it-talba ma ġietx ikkontestata.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-preżentata ta’ nota ta’ intervent limitata għall-ammmissibbiltà.

15      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikklassifika l-borati bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tistabbilixxi l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ sustanzi kandidati;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

16      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tordna li l-ECHA għandha tipproduċi kopja tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tidentifika l-borati bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006 u tinkludihom fil-lista ta’ sustanzi kandidati.

 Id-dritt

18      Skont l-Artikolu 114(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet tagħmel talba f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tħoss li hija edotta biżżejjed mill-atti tal-proċess u li għalhekk ma hemmx lok li jinfetħu l-proċeduri orali.

19      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-ECHA tinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, ibbażati fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma tikkonċernax individwalment lir-rikorrenti.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, ibbażata fuq nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti

20      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tippreżenta appell kontra att li hija d-destinatarju tiegħu jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

21      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti li għaldaqstant ma hijiex destinatarju ta’ dak l-att. F’dik is-sitwazzjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tista’ tippreżenta rikors għal annullament kontra l-imsemmi att bil-kundizzjoni li dan ikun jirrigwardaha direttament.

22      Fir-rigward tal-interess dirett, skont ġurisprudenza stabbilita din il-kundizzjoni tirrikjedi, fl-ewwel lok, li l-miżura kkontestata tkun tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna u, fit-tieni lok, li hija ma tkun tħalli l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni f’idejn id-destinatarji ta’ dik il-miżura li huma fdati bl-implementazzjoni tagħha, peress li hija tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C‑486/01 P, Ġabra p. I‑6289, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45).

23      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament safejn is-sitwazzjoni legali tagħha ser tkun affettwata mill-obbligu, li jirriżulta minn dik id-deċiżjoni, li tforni skeda ta’ data ta’ sigurtà jew li taġġorna tali skeda, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1907/2006. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 31(1)(a), (b) u (ċ) ta’ dak ir-regolament, il-fornituri ta’ sustanza għandhom ifornu lir-riċevitur ta’ din tal-aħħar bi skeda ta’ data ta’ sigurtà meta s-sustanza tkun tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanza perikoluża skont id-Direttiva 67/548, meta s-sustanza tkun persistenti, bijo-akkumulattiva u tossika jew persistenti ħafna u bijo-akkumulattiva ħafna, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tal-imsemmi regolament, jew meta s-sustanza tkun inkluża fil-lista stabbilita skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba raġunijiet differenti minn dawk previsti preċedentement. L-Artikolu 31(9)(a) ta’ dak ir-regolament jipprovdi f’dan ir-rigward li din l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiġi aġġornata mingħajr dewmien mill-fornituri hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ immaniġġar tar-riskji jew informazzjoni ġdida dwar il-perikli.

24      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat obbligu li għandha tiġi fornuta skeda ta’ data ta’ sigurtà skont l-Artikolu 31(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-borati ġew inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati minħabba li huma jissodisfaw, skont l-Artikolu 57(ċ) tal-imsemmi regolament, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bħala sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2, b’mod konformi mad-Direttiva 67/548. Peress li tali każ huwa previst espressament mill-Artikolu 31(1)(a) tal-imsemmi regolament, huwa ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31(1)(ċ) ta’ dak ir-regolament, li jikkonċerna biss il-każ fejn sustanza tkun inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati minħabba raġunijiet differenti minn dawk previsti mill-Artikolu 31(1)(a) u (b). Għaldaqstant ir-rikorrenti ma kinitx obbligata, wara d-deċiżjoni kkontestata, li tforni skeda ta’ data ta’ sigurtà skont l-Artikolu 31(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, li għandha tiġi aġġornata l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 permezz tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix informazzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006 li tista’ tagħti lok għall-obbligu msemmi f’dik id-dispożizzjoni, jiġifieri l-aġġornament tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

26      Fir-rigward tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li din tal-aħħar għandha tiġi stabbilita skont l-Anness II ta’ dak ir-regolament. Skont dak l-anness, li jinkludi gwida għat-tfassil tal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà, dawk l-iskedi għandhom ifornu mekkaniżmu sabiex tiġi trażmessa l-informazzjoni korretta ta’ sigurtà dwar is-sustanzi kklassifikati lill-utent immedjatament suċċessiv fil-katina tal-provvista. L-għan ta’ dak l-anness huwa li tiġi żgurata l-koerenza u l-preċiżjoni tal-kontenut ta’ kull waħda mill-intestaturi obbligatorji enumerati fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006 b’tali mod li l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà li jirriżultaw minnhom ikunu jippermettu lill-utenti jieħdu l-miżuri neċessarji fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ta’ protezzjoni tal-ambjent.

27      L-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, tista’ tikkostitwixxi informazzjoni ġdida relatata mal-intestaturi 2 (identifikazzjoni ta’ perikli) u 15 (informazzjoni regolatorja) tal-Artikolu 31(6) tal-imsemmi regolament.

28      Fir-rigward tal-intestatura 2 (identifikazzjoni tal-periklu), skont il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 67/548 għandha tiġi indikata fiha. Għandhom jiġu indikati b’mod ċar u fil-qasir, il-perikli prinċipali li sustanza tippreżenta għall-bniedem u għall-ambjent.

29      F’dan il-każ, l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tikkonċernax il-klassifikazzjoni ta’ dawk is-sustanzi skont id-Direttiva 67/548. Dik l-identifikazzjoni saret minħabba li l-borati kienu jissodisfaw, skont l-Artikolu 57(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 b’mod konformi mad-Direttiva 67/548. Issa, il-fatt li l-borati jissodisfaw dawk il-kriterji kien diġà ġie stabbilit fl-Anness I tad-Direttiva 67/548, kif emendata bid-Direttiva 2008/58 u sussegwentement fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 790/2009 (ara l-punti 3 sa 5 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Istati Membri kkonċernati għamlu riferiment, fil-fajls tagħhom li ġew trażmessi lill-ECHA fit-8 ta’ Marzu 2010, għad-dħul tal-borati fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 (ara l-punti 6 u 7 iktar ’il fuq).

30      Huwa veru li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-18 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti ma kinitx suġġetta b’mod obbligatorju għal klassifikazzjoni tal-borati. Fil-fatt, bid-dħul fis-seħħ, fl-20 ta’ Jannar 2009, tar-Regolament Nru 1272/2008, l-Anness I tad-Direttiva 67/548 li jinkludi l-borati ġie mħassar u l-obbligu li l-borati għandhom jiġi kklassifikati skont il-klassifikazzjonijiet armonizzati definiti fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 kif emendat bir-Regolament Nru 790/2009 ma kienx japplika peress li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 790/2009 kien jistabbilixxi d-data tal-1 ta’ Diċembru 2010 bħala l-punt tat-tluq f’dak ir-rigward.

31      Madankollu, il-perikli li wasslu għall-klassifikazzjoni tal-borati kienu ġew definiti legalment sal-grad rikjest mill-liġi fil-mument tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, kien evidenti għall-partijiet interessati kollha li dawk il-perikli ma kinux sparixxew minħabba s-sempliċi fatt li tħassar l-Anness I tad-Direttiva 67/548 li l-kontenut tiegħu kellu jiġi ttrasferit fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Min-naħa l-oħra, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 790/2009, fil-25 ta’ Settembru 2009, il-klassifikazzjoni tal-borati fost is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 iddaħħlet fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008. Il-fatt li dawk il-klassifikazzjonijiet ma kellhomx jiġu applikati b’mod obbligatorju qabel l-1 ta’ Diċembru 2010 ma jikkonfutax l-eżistenza legali tal-konstatazzjoni li tixhed li l-kriterji ta’ klassifikazzjoni kienu ġew sodisfatti mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 790/2008. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 790/2009 jiddiferixxi sal-1 ta’ Diċembru 2010 l-obbligi legali li jirriżultaw minn dawk il-klassifikazzjonijiet skont ir-Regolament Nru 1272/2008, kif emendat bir-Regolament Nru 790/2009. Dik il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 790/2009 li l-klassifikazzjonijiet armonizzati tal-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1272/2008 kif emendat bir-Regolament Nru 790/2009 setgħu jiġu applikati qabel l-1 ta’ Diċembru 2010.

32      Isegwi li l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna ma kinitx tinkludi informazzjoni ġdida li tikkonċerna l-proprjetajiet perikolużi ta’ dawk is-sustanzi, iżda kienet tirrapreżenta r-riżultat tal-proċedura ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata ma pproduċiet l-ebda informazzjoni ġdida fuq l-identifikazzjoni tal-perikli fis-sens tal-intestatura 2 tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006.

33      Fir-rigward tal-intestatura 15 (informazzjoni regolatorja) tal-Artikolu 31(6) tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, skont il-punt 15 tal-Anness II tal-imsemmi regolament, jekk is-sustanza msemmija fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni, pereżempju, awtorizazzjonijiet mogħtija skont it-Titolu VII jew restrizzjonijiet imposti skont it-Titolu VIII tal-istess regolament, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, safejn possibbli, jiġu ddikjarati.

34      F’dak ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa veru li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 tista’ tagħti lok għall-obbligi ta’ informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, din ma għandhiex bħala konsegwenza li s-sustanza kkonċernata taqa’ taħt sistema partikolari b’tali mod li tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet partikolari. Għall-kuntrarju, l-imsemmija identifikazzjoni ma tinċidix fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tas-sustanza.

35      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 u r-restrizzjonijiet imposti skont it-Titolu VIII ta’ dak ir-regolament, il-punt 15 tal-Anness II tal-imsemmi regolament jiddikjara li huma biss l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u r-restrizzjonijiet li jaqgħu taħt dik id-dispożizzjoni. Peress illi l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma tikkonċernax ir-restrizzjonijiet imposti skont it-Titolu VIII tal-imsemmi regolament, iżda tifforma parti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mit-Titolu VII ta’ dak ir-regolament, ir-riferiment għar-restrizzjonijiet fil-punt 15 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jixhidx il-fatt li l-imsemmija identifikazzjoni taqa’ taħt l-intestatura 15 tal-Artikolu 31(6) tal-imsemmi regolament.

36      Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija, jirriżulta mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 60 tal-istess regolament li jifformaw parti minn fażi ulterjuri tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni (Artikoli 60 sa 64 ta’ dak ir-regolament). Dawn jistgħu jintalbu mill-ECHA skont l-Artikolu 62(1) ta’ dak ir-regolament għal użu wieħed jew iktar ta’ sustanza li l-kummerċjalizzazzjoni tagħha hija pprojbita minħabba l-inklużjoni tagħha fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament, ma kinitx imsemmija espressament mil-leġiżlatur fil-punt 15 tal-Anness II tal-imsemmi regolament. Għalkemm huwa veru li r-riferiment għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont it-Titolu VII ta’ dak ir-regolament huwa pprovdut biss bħala eżempju, xorta jibqa’ l-fatt li dak ir-riferiment huwa l-uniku wieħed li jikkonċerna l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont it-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalkemm ma huwiex eskluż li l-intestatura 15 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà hija affettwata minn dispożizzjonijiet partikolari oħra fil-qasam tal-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni, fir-rigward tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006, dik il-kunsiderazzjoni tindika l-fatt li huma biss l-awtorizzazzjonijiet li jaqgħu taħt dik l-intestatura. Dik il-konklużjoni hija kkorroborata miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 31(9)(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà għandha tiġi aġġornata appena tingħata jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni.

37      Isegwi li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, ma għandhiex l-effett li tissuġġetta s-sustanza għad-dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent fil-livell tal-Unjoni fis-sens tal-punt 15 tal-Anness II tal-imsemmi regolament.

38      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-identifikazzjoni tal-borati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 59 tar-regolament Nru 1907/2006, ma tikkostitwixxix informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ immaniġġar tar-riskji jew informazzjoni dwar perikli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006, b’tali mod li r-rikorrenti ma kinitx obbligata li taġġorna l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti minħabba l-obbligu previst f’dik id-dispożizzjoni.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament minħabba li s-sitwazzjoni legali tagħha ser tiġi affettwata mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(2) u (3) tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawk id-dispożizzjonijiet jinkludu obbligi ta’ informazzjoni għall-produtturi, l-importaturi u l-fornituri ta’ oġġetti bħal dawk definiti fil-punti 4, 11 u 33 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament.

40      Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, kull produttur jew importatur ta’ oġġetti għandu jinnotifika lill-ECHA jekk sustanza tkun tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dak ir-regolament u hija identifikata b’mod konformi mal-Artikolu 59(1) tal-istess regolament, jekk, minn naħa, is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti fi kwantitajiet totali ta’ iktar minn tunellata metrika kull produttur jew importatur kull sena u jekk, min-naħa l-oħra, is-sustanza tkun preżenti f’dawk l-oġġetti f’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w). Fejn ma japplikax l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-produttur jew l-importatur għandu jipprovdi istruzzjonijiet adatti lir-riċevitur tal-oġġett. Skont l-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 1907/2006, mill-1 ta’ Ġunju 2011, il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandhom japplikaw sitt xhur wara li sustanza tkun ġiet identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-regolament.

41      Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, kull fornitur ta’ oġġett li jkun fih sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tal-imsemmi regolament u identifikata skont l-Artikolu 59(1) ta’ dak ir-regolament b’konċentrazzjoni ta’ iktar minn 0.1 % piż b’piż (w/w) għandu jipprovdi lil min jirċievi l-oġġett b’informazzjoni suffiċjenti li tkun disponibbli għall-fornitur sabiex l-oġġett ikun jista’ jintuża b’mod sikur u għandha tinkludi, bħala minimu, l-isem tas-sustanza. Skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-fornitur huwa marbut bl-istess obbligu fir-rigward ta’ konsumatur, meta ssir talba minn dan tal-aħħar. L-informazzjoni rilevanti għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas, fi żmien ħamsa u erbgħin ġurnata minn meta tkun ġiet riċevuta t-talba.

42      Huwa stabbilit li r-rikorrenti la għandha l-istatus ta’ produttur jew ta’ importatur ta’ oġġetti u lanqas dak ta’ fornitur ta’ oġġett fis-sens tal-punti 4, 11 u 33 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006. L-attività tagħha tikkonsisti fl-importazzjoni u l-bejgħ ta’ borati. L-obbligi previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) u fl-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament jistgħu biss jorbtu b’mod dirett lill-klijenti tar-rikorrenti safejn dawn tal-aħħar huma produtturi jew importaturi ta’ oġġetti jew fornituri ta’ oġġett.

43      Madankollu, billi tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 52), ir-rikorrenti ssostni li hija affettwata direttament mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din tal-aħħar taffettwa l-mod kif il-klijenti tagħha jistgħu jipproduċu jew ifornu oġġetti li jinkludu l-borati, billi timponi fuqhom obbligi ta’ informazzjoni li huma infurzabbli fi qrati nazzjonali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali u ċivili.

44      F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, punt 43 iktar ’il fuq, id-drittijiet inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ ċertu numri ta’ limiti legali minħabba l-att ikkontestat, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża fir-rigward tal-borati. Fil-fatt, l-obbligi ta’ informazzjoni li jorbtu lill-klijenti kkonċernati tar-rikorrenti, li huma previsti mill-Artikoli 7 u 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 u li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, ma jissuġġettawx lill-borati għal limiti ġodda jew restrizzjonijiet. Huwa veru li l-produtturi jew importaturi ta’ oġġetti u l-fornituri ta’ oġġett għandhom jipprovdu l-informazzjoni jekk sustanza hija identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, u jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 33 tal-imsemmi regolament. Madanakollu, dawk l-obbligi ta’ informazzjoni ma għandhomx bħala konsegwenza l-limitazzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tas-sustanzi inkwistjoni b’tali mod li tkun affettwata s-sitwazzjoni legali tal-fornitur ta’ dik is-sustanza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx li l-obbligi eventwali ta’ informazzjoni tal-klijenti tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 jippreżupponu neċessarjament li hija għandha tipprovdi l-informazzjoni lill-klijenti tagħha sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

45      Isegwi li l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(2) u (3) u fl-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

46      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament peress li din tal-aħħar taffettwa s-sitwazzjoni materjali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li att jista’ jinfluwenza s-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan jikkonċernah direttament. Sabiex persuna suġġetta għad-dritt Ewropew, li tippretendi li l-att jinfluwenza l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq, tkun tista’ tipprevalixxi ruħha mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hemm bżonn tassattiv tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Frar 1998, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, T‑189/97, Ġabra p. II‑335, punt 48). F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti sostniet biss li l-klijenti tagħha sejrin jieqfu milli jużaw il-borati, hija ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi speċifiċi.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Peress li ma ġiex sodisfatt l-ewwel kriterju ta’ effett dirett, ir-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni kkontestata.

48      Konsegwentement, din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà għandha tintlaqa’ u r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni l-oħra ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà invokata mill-ECHA.

 Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

49      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna li l-ECHA għandha tipproduċi kopja tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ miżura istruttorja skont l-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

50      Issa, kif jirriżulta mill-iżviluppi kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq ir-rikors mingħajr ma tordna miżuri istruttorji. Barra minn hekk din it-talba hija mingħajr ebda skop peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA u ġiet prodotta mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors.

51      Għaldaqstant hemm lok li t-talba għal miżura istruttorja tiġi miċħuda bl-istess mod bħar-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

52      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4 ta’ dak l-artikolu, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

53      Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-ECHA, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Borax Europe Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Settembru 2011.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       A. Dittrich


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.