Language of document : ECLI:EU:C:2013:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ — Artikolu 1(2)(a) — Kuntratt konkluż bejn żewġ awtoritajiet lokali — Trasferiment minn entità waħda, tar-responsabbiltà għat-tindif ta’ xi bini tagħha, lill-entità l-oħra, inkambju għal kumpens finanzjarju”

Fil-Kawża C‑386/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Piepenbrock Dienstleistungen GmbH & Co. KG

vs

Kreis Düren,

fil-preżenza ta’:

Stadt Düren,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Piepenbrock Dienstleistungen GmbH & Co. KG, minn L. Wionzeck, avukat,

–        għall-Kreis Düren, minn R. Gruneberg u A. Wilden, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, G. Wilms u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Piepenbrock Dienstleistungen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Piepenbrock”) u l-Kreis Düren (id-distrett ta’ Düren, il-Ġermanja) dwar abbozz ta’ kuntratt li permezz tiegħu dan tal-aħħar jittrasferixxi lil Stadt Düren (il-belt ta’ Düren) ir-responsabbiltà għat-tindif ta’ bini li jinsab fit-territorju ta’ din tal-aħħar iżda li jappartjeni lill-Kreis Düren u huwa użat minnu, inkambju għal kumpens finanzjarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18:

“L-għoti tal-kuntratti ffinalizzati fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u korpi oħra mmexxija minn entitajiet legali pubbliċi, huwa soġġett li josserva l-prinċipji tat-Trattat [KE] u in partikolari għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-prinċipju ta’ l-istabbiliment ħieles u l-prinċipju tal-libertà li tipprovdi servizzi u l-prinċipji li jitnisslu minn dawn, bħal ma huwa il-prinċipju tat-trattament ugwali, il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ għarfien reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza. Madankollu, għall-kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu ammont, huwa rakkomandat li jinħarġu disposizzjonijiet ta’ kordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti bħal dawn li huma bbażati fuq dawn il-prinċipji sabiex jiġu assigurati l-effetti li dawn jista’ jkollhom u biex jiggarantixxu l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni. [...]”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[...]

2.      (a)   ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[...]

      (d)      ‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[...]

8.      It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

[...]”

5        Is-servizzi tat-tindif tal-bini huma servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/18, skont il-kategorija 14 tal-Anness II A ta’ din tal-aħħar.

 Id-dritt Ġermaniż

6        L-Artikolu 28(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) jipprovdi:

“Il-muniċipalitajiet għandhom ikunu ggarantiti d-dritt li jirregolaw l-affarijiet lokali kollha taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fil-limiti tal-liġijiet. Fil-limiti tal-funzjonijiet tagħhom mogħtija mil-liġi, assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet għandhom ikollhom ukoll id-dritt għall-awtonomija amministrattiva taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-liġi. [...]”

7        L-Artikolu 23 tal-Liġi tal-Land Nordrhein-Westfalen dwar il-kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet (Gesetz über die Kommunale Gemeinschaftsarbeit des Landes Nordrhein-Westfalen, iktar ’il quddiem il-“GkG NRW”) jaqra kif ġej:

“(1)      Il-muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet jistgħu jiftiehmu li waħda mill-partijiet fil-kuntratt tieħu taħt ir-responsabbiltà tagħha kompiti li għalihom huma responsabbli l-partijiet l-oħra jew tobbliga ruħha li twettaq dawn il-kompiti għall-partijiet l-oħra.

(2)      Jekk waħda mill-partijiet tieħu taħt ir-responsabbiltà tagħha kompiti li għalihom huma responsabbli l-partijiet l-oħra, id-dritt u l-obbligu li jitwettqu dawn il-kompiti jiġu ttrasferiti lilha. Jekk waħda mill-partijiet tobbliga ruħha li twettaq kompitu għall-partijiet l-oħra, dan isir bla ħsara għad-drittijiet u għall-obbligi tagħhom bħala l-partijiet responsabbli għall-kompitu.

(3)      Il-kuntratt jista’ jipprovdi li l-partijiet l-oħra jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fit-tlestija u fit-twettiq tal-kompiti; dan jgħodd ukoll għar-reklutaġġ tal-persunal.

(4)      Il-kuntratt għandu jipprovdi għal kumpens xieraq li għandu, bħala prinċipju, jiġi kkalkulat b’mod li jkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mit-teħid ta’ responsabbiltà għall-kompitu mogħti jew mit-twettiq tiegħu.

(5)      Jekk il-kuntratt jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew jekk il-perijodu ta’ validità tiegħu jeċċedi 20 sena, il-kuntratt għandu jispeċifika taħt liema kundizzjonijiet u f’liema forma jista’ jiġi rexiss minn parti.”

8        Id-deċiżjoni tar-rinviju tenfasizza li, minn naħa, il-GkG NRW tagħmel distinzjoni bejn il-kuntratti msejħa “ta’ mandat”, li permezz tagħhom entità tobbliga ruħha li twettaq ċerti kompiti f’isem entità oħra, u l-kuntratti msejħa “ta’ delega”, li jirriżultaw fi trasferiment ta’ kompetenza, li permezz tagħhom entità tieħu responsabbiltà għal kompitu li għaliha hija responsabbli entità oħra. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza nazzjonali tikkunsidra li l-kuntratti msejħa “ta’ mandat” huma suġġetti għar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi jekk ikunu ta’ natura oneruża.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Il-Kreis Düren huwa assoċjazzjoni ta’ muniċipalitajiet li Stadt Düren tifforma parti minnha. Permezz ta’ diversi kuntratti, Piepenbrock ħadet ħsieb it-tindif tal-bini li jappartjeni għal dan il-Kreis.

10      Dan tal-aħħar ħejja abbozz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku ma’ Stadt Düren li permezz tiegħu huwa kellu jittrasferixxi lil din tal-aħħar ir-responsabbiltà għat-tindif tal-bini tiegħu użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel, li jinsab fit-territorju ta’ Stadt Düren, għall-ewwel għal fażi pilota ta’ sentejn.

11      L-Artikolu 1 tal-abbozz tal-kuntratt jaqra kif ġej:

“(1)      Il-Kreis Düren jittrasferixxi lil Stadt Düren, bl-effett li jinħeles mill-obbligi tiegħu, il-kompitu tiegħu li jnaddaf il-bini li jappartjeni lilu u li jinsab fit-territorju muniċipali.

(2)      Il-kompitu ta’ tindif jirrigwarda t-tindif tal-bini u tal-ħġieg fil-bini użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel tal-Kreis Düren.

(3)      Stadt Düren tieħu responsabbiltà unika għall-kompitu deskritt fil-punti 1 u 2. Id-dritt u l-obbligu li jitwettaq dan il-kompitu huma ttrasferiti lil Stadt Düren (l-ewwel opzjoni tal-Artikolu 23(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(2) tal-GkG NRW). Stadt Düren tieħu responsabbiltà għall-obbligi tal-Kreis u f’dan ir-rigward ikollha responsabbiltà unika.

(4)      Stadt Düren hija awtorizzata tirrikorri għal terzi sabiex iwettqu l-kompitu ttrasferit permezz tal-punt 1.”

12      Skont l-Artikolu 23(4) tal-GkG NRW, dan l-abbozz ta’ kuntratt jistipula kumpens finanzjarju għall-ispejjeż inkorsi minn Stadt Düren, li huwa stabbilit abbażi ta’ rata għal kull siegħa.

13      Barra minn hekk, mill-proċess li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja kellha aċċess jirriżulta li l-imsemmi abbozz jirriżerva lill-Kreis Düren id-dritt li jittermina l-kuntratt unilateralment fil-każ ta’ twettiq ħażin min-naħa ta’ Stadt Düren.

14      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kompiti ta’ tindif ikkonċernati ser jitwettqu minn Dürener Reinigungsgesellschaft mbH, li hija kumpannija li tappartjeni lil Stadt Düren.

15      Piepenbrock ippreżentat rikors bil-għan li l-Kreis Düren jiġi impedit milli jikkonkludi l-imsemmi kuntratt mingħajr ma ssir proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, billi sostniet li t-twettiq ta’ dawn il-kompiti bi ħlas jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi li tissodisfa l-kundizzjonijiet tas-suq u li tista’ tiġi pprovduta minn fornituri ta’ servizzi privati. Barra minn hekk, f’tali kuntest, dan ma huwiex il-każ ta’ tip ta’ aġġudikazzjoni interna li tevita l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi skont is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121), peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma humiex sodisfatti, filwaqt li referenza għas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑480/06, Ġabra p. I‑4747), ma hijiex rilevanti, fin-nuqqas ta’ “kooperazzjoni orizzontali” bejn iż-żewġ entitajiet pubbliċi kkonċernati.

16      Piepenbrock tilfet fl-ewwel istanza, billi ġie deċiż li l-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jirrigwarda kuntratt imsejjaħ “ta delega”, skont l-Artikolu 23 tal-GkG NRW, li ma huwiex suġġett għar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Din il-kumpannija ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf), billi sostniet li din il-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta’ delega ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-karatteristiċi tal-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

17      Għall-kuntrarju, il-Kreis Düren isostni li tali delega ta’ kompitu ta’ dritt pubbliku tikkostitwixxi deċiżjoni li taqa’ taħt l-organizzazzjoni nazzjonali interna, li ma hijiex suġġetta għar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

18      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza din il-karatteristika tal-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li teżamina r-rilevanza tan-natura ta’ dritt pubbliku ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

19      L-ewwel nett, hija tikkonstata li l-kompitu kkonċernat ma jirrigwardax l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE u tal-Artikolu 62 TFUE, u għalhekk, fuq din il-bażi, ma jevitax id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħalma hija d-Direttiva 2004/18.

20      It-tieni nett, hija tikkonstata li l-eċċezzjoni mogħtija prominenza mis-sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax għall-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi l-Kreis Düren ma jeżerċitax fuq Stadt Düren, kif lanqas ma jagħmel fuq il-kumpannija Dürener Reinigungsgesellschaft, kontroll simili għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess.

21      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha huwa differenti mill-fatti tal-kawża li taw lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat minn assenza ta’ kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi kkonċernati, billi entità waħda tiddelega purament u sempliċement waħda mill-funzjonijiet tagħha lill-oħra, ħaġa li tippermetti l-GkG NRW.

22      Madankollu din il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, tipi oħra ta’ kuntratti bejn awtoritajiet lokali minbarra dak li għalih tirreferi din is-sentenza jevitawx ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-kuntratti dwar funzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala tali, bħar-rimi tal-iskart, u l-kuntratti li jikkonċernaw it-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet biss b’mod indirett, bħal, f’dan il-każ, it-tindif ta’ bini użat għat-twettiq ta’ tali funzjoni.

23      L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk kuntratti ta’ kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet jevitawx b’mod ġenerali r-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, bħala “atti ta’ organizzazzjoni amministrattiva interna”. F’dan ir-rigward hija tirrileva li l-organizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri ma taqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u, barra minn hekk, li l-awtonomija amministrattiva tal-muniċipalitajiet, u għalhekk il-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni volontarja bejn il-muniċipalitajiet, hija ggarantita mill-Artikolu 28(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

24      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-suġġett tal-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa prattikament identiku għal kwalunkwe kuntratt suġġett għad-Direttiva 2004/18 li permezz tiegħu Stadt Düren tingħata l-inkarigu li twettaq servizzi ta’ tindif bi ħlas. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk id-distinzjoni magħmula mill-GkG NRW bejn il-kuntratti msejħa “ta’ mandat” u l-kuntratti msejħa “ta’ delega”, li l-kuntratt ikkonċernat jaqa’ f’din it-tieni kategorija, hijiex determinanti, fid-dawl tal-fatt li, meta kuntratt jirrigwarda kompiti anċillari li ma jikkonċernawx direttament l-attivitajiet esterni tal-muniċipalitajiet, il-fatt li jseħħ trasferiment ta’ kompetenza huwa purament formali, billi l-għażla ta’ wieħed jew l-ieħor mit-tipi ta’ kuntratti possibbli tipproduċi konkretament l-istess effetti mill-aspett ekonomiku. Għal din ir-raġuni, li wieħed jirrikorri għal kuntratt imsejjaħ “ta’ delega” jista’ jikkostitwixxi “mekkaniżmu sabiex [jiġu evitati ]r-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi”, kif imsemmi fil-punt 48 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

25      F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Għandu [...] jiġi kkunsidrat bħala ‘kuntratt pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18[...], kuntratt bejn żewġ awtoritajiet lokali li permezz tiegħu waħda minnhom tittrasferixxi lill-awtorità l-oħra, kompetenza limitata ħafna inkambju għar-rimbors tal-ispejjeż, partikolarment meta l kompitu ttrasferit ma jirrigwardax attività ta’ awtorità pubblika bħala tali, iżda jirrigwarda biss [attivitajiet] anċillari?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu entità pubblika tinkariga lil entità pubblika oħra bil-funzjoni li tnaddaf xi bini użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel, bl-awtorizzazzjoni lil din it-tieni entità li tirrikorri għal terzi għat-twettiq ta’ din il-funzjoni, inkambju għal kumpens finanzjarju li jitqies li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi għat-twettiq tal-imsemmija funzjoni, filwaqt li tirriżerva s-setgħa li tivverifika t-twettiq tajjeb tal-imsemmija funzjoni, jikkostitwixxix kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18 u huwiex suġġett, fuq din il-bażi, għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

27      F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kreis Düren jirriżerva tali setgħa ta’ verifika, billi dan il-kuntratt jipprovdi li huwa jista’ jitterminah unilateralment fil-każ ta’ twettiq ħażin min-naħa ta’ Stadt Düren.

28      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2004/18, kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti, u li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi previsti fl-Anness II A ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi kuntratt pubbliku.

29      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huwa irrilevanti, minn naħa, jekk dan l-operatur ikunx huwa stess awtorità kontraenti u, min-naħa l-oħra, jekk l-entità kkonċernata ma jkollhiex prinċipalment għan li tagħmel qligħ, jekk ma jkollhiex struttura ta’ impriża jew inkella jekk ma jkollhiex preżenza kontinwa fis-suq (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della provincia di Lecce et, punt 26).

30      It-tieni nett, attivitajiet bħal dawk li huma s-suġġett tal-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma servizzi tat-tindif tal-bini msemmija fil-kategorija 14 tal-Anness II A tad-Direttiva 2004/18.

31      It-tielet nett, kuntratt għandu jitqies li huwa konkluż “għall-interess tal-flus”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, anki jekk ir-remunerazzjoni prevista tkun limitata għar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

32      Suġġett għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher, minn naħa, li kuntratt bħall-abbozz ta’ kuntratt fil-kawża prinċipali għandu l-karatteristiċi kollha msemmija iktar ’il fuq u, għaldaqstant, jikkostitwixxi, bħala prinċipju, kuntratt pubbliku.

33      Min-naħa l-oħra, jidher li tali kuntratt ma jaqax taħt iż-żewġ tipi ta’ kuntratti li, minkejja li huma konklużi minn entitajiet pubbliċi, madankollu ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

34      L-ewwel tip ta’ kuntratti huma dawk li huma konklużi minn entità pubblika ma’ persuna ġuridikament distinta minn din tal-aħħar meta, fl-istess ħin, din l-entità teżerċita fuq din il-persuna kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u meta l-imsemmija persuna twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-entità jew mal-entitajiet li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Teckal, punt 50, u Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, punt 32).

35      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija sodisfatta fil-kuntest ta’ kuntratt bħall-abbozz ta’ kuntratt fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-ewwel nett, ebda entità ma tikkontrolla entità oħra. It-tieni nett, l-entità li tinkariga lill-oħra bit-twettiq ta’ kompitu, minkejja li tirriżerva d-dritt li tivverifika t-twettiq tajjeb ta’ dan il-kompitu, ma teżerċitax fuq it-tieni entità kontroll li jista’ jiġi kklassifikat bħala simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fl-aħħar nett, din it-tieni entità ma twettaqx il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha għall-ewwel entità.

36      It-tieni tip ta’ kuntratti huma dawk li jistabbilixxu kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi, li għandhom bħala għan li jiżguraw it-twettiq ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku li hija komuni għalihom (ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

37      F’din is-sitwazzjoni, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma humiex applikabbli sa fejn tali kuntratti jkunu konklużi esklużivament minn entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata, ebda fornitur privat ma jitpoġġa f’sitwazzjoni privileġġata fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu tkun irregolata biss minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti intiżi sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku (sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

38      Il-kriterji kollha msemmija iktar ’il fuq huma kumulattivi, b’mod li kuntratt bejn entitajiet pubbliċi jista’ joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi abbażi ta’ din l-eċċezzjoni biss jekk il-ftehim li jistabbilixxi dan il-kuntratt jissodisfa dawn il-kriterji kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

39      Issa mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-abbozz ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhirx li għandu l-għan li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet pubbliċi kontraenti bl-iskop li titwettaq funzjoni ta’ servizz pubbliku komuni.

40      Barra minn hekk, minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta wkoll li dan il-kuntratt jawtorizza r-rikors għal terz għat-twettiq tal-funzjoni prevista mill-imsemmi kuntratt b’mod li dan it-terz jista’ jiġi vvantaġġat meta mqabbel mal-impriżi l-oħra attivi fl-istess suq.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu, mingħajr ma tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi kontraenti bl-iskop li titwettaq funzjoni ta’ servizz pubbliku komuni, entità pubblika tinkariga lil entità pubblika oħra bil-funzjoni li tnaddaf xi bini użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel, filwaqt li tirriżerva s-setgħa li tivverifika t-twettiq tajjeb ta’ din il-funzjoni, inkambju għal kumpens finanzjarju li jitqies li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi għat-twettiq tal-imsemmija funzjoni, bl-awtorizzazzjoni, barra minn hekk, lit-tieni entità li tirrikorri għal terzi li possibbilment ikollhom il-kapaċità li jaġixxu fis-suq għat-twettiq ta’ din il-funzjoni, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/18.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu, mingħajr ma tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi kontraenti bl-iskop li titwettaq funzjoni ta’ servizz pubbliku komuni, entità pubblika tinkariga lil entità pubblika oħra bil-funzjoni li tnaddaf xi bini użat bħala uffiċċji, bini amministrattiv u skejjel, filwaqt li tirriżerva s-setgħa li tivverifika t-twettiq tajjeb ta’ din il-funzjoni, inkambju għal kumpens finanzjarju li jitqies li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi għat-twettiq tal-imsemmija funzjoni, bl-awtorizzazzjoni, barra minn hekk, lit-tieni entità li tirrikorri għal terzi li possibbilment ikollhom il-kapaċità li jaġixxu fis-suq għat-twettiq ta’ din il-funzjoni, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.