Language of document : ECLI:EU:T:2022:689

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

9 ta’ Novembru 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 FA, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Iffissar tal-prezzijiet – Limitazzjoni u kontroll tal-produzzjoni u tal-bejgħ – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament ta’ deċiżjonijiet preċedenti – Żamma ta’ seduta ta’ smigħ ġdida fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Żmien raġonevoli – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑655/19,

Ferriera Valsabbia SpA, stabbilita f’Odolo (l-Italja),

Valsabbia Investimenti SpA, stabbilita f’Odolo,

irrappreżentati minn D. Fosselard, D. Slater u G. Carnazza, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, G. Conte u C. Sjödin, bħala aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 4969 finali tal‑4 ta’ Lulju 2019 dwar ksur tal-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ AT.37956 – Vireg li jirrinforzaw il-konkrit), sa fejn tikkonstata li r-rikorrenti kissru din id-dispożizzjoni u sa fejn hija tikkundannahom in solidum għal multa ta’ EUR 5.125 miljuni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Ir-rikorrenti, Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA, huma kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan, li jirriżultaw mid-diviżjoni, fl‑1 ta’ Marzu 2000, ta’ Ferriera Valsabbia SpA, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li ilha mill-1954 attiva fis-settur tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit. Il-parti operattiva ta’ din tal-aħħar ġiet ittrasferita lil Enifer Srl, li ħadet l-isem ta’ Ferriera Valsabbia. Valsabbia Investimenti tikkontrolla 100 % tal-kapital ta’ dik li llum hija Ferriera Valsabbia.

 Lewwel deċiżjoni talKummissjoni (2002)

2        Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet, konformement mal-Artikolu 47 FA, verifiki f’impriżi Taljani li jipproduċu vireg li jirrinfurzaw il-konkrit, fosthom ir-rikorrenti, u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Federazione Imprese Siderurgiche Italiane (il-Federazzjoni tal-Impriżi tal-Azzar Taljani, iktar ’il quddiem il-“Federacciai”). Hija bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

3        Fis‑26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni fetħet proċedura skont l-Artikolu 65 FA u fformulat oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 36 FA (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) li ġew innotifikati b’mod partikolari lir-rikorrenti. Dawn tal-aħħar wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-14 ta’ Mejju 2002.

4        Fit‑13 ta’ Ġunju 2002 inżammet seduta għas-smigħ tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva.

5        Fit‑12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni indirizzat, lill-istess destinatarji, oġġezzjonijiet addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), abbażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). Fiha hija spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit‑23 ta’ Lulju 2002. Ir-rikorrenti wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali fl‑20 ta’ Settembru 2002.

6        Fit‑30 ta’ Settembru 2002 inżammet seduta ġdida għas-smigħ tal-partijiet fil-proċedura amministrattiva, fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Din is-seduta ta’ smigħ kienet tikkonċerna s-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, jiġifieri l-konsegwenzi legali tal-iskadenza tat-Trattat KEFA fuq it-tkomplija tal-proċedura.

7        Fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2002) 5087 final tas‑17 ta’ Diċembru 2002 dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (COMP/37.956 – Vireg li jirrinfurzaw il-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2002”), indirizzata lill-Federacciai u lil tmien impriżi, fosthom ir-rikorrenti. F’din id-deċiżjoni hija kkonstatat li dawn tal-aħħar kienu, bejn Diċembru 1989 u Lulju 2000, implimentaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit fi strixxi jew f’rombli (iktar ’il quddiem il-“vireg li jirrinfurzaw il-konkrit”) li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) FA. Abbażi ta’ dan, hija imponiet fuq ir-rikorrenti, in solidum, multa li tammonta għal EUR 10.25 miljuni.

8        Fil‑5 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni tal-2002. Il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tar-rikorrenti (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni, T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317) u tal-impriżi destinatarji l-oħra, għar-raġuni li l-bażi legali użata, jiġifieri l-Artikolu 65(4) u (5) FA, ma kinitx għadha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 65(1) FA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-aspetti l-oħra ta’ din id-deċiżjoni.

9        Id-Deċiżjoni tal-2002 saret definittiva fir-rigward tal-Federacciai, li ma ppreżentatx rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Ittieni deċiżjoni talKummissjoni (2009)

10      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida filwaqt li tikkoreġi l-bażi legali użata. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-imsemmija deċiżjoni kienet ser tkun ibbażata fuq il-provi prodotti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Fuq stedina tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fl‑4 ta’ Settembru 2008.

11      Fit‑30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2009) 7492 final dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), indirizzata lill-istess impriżi bħad-Deċiżjoni tal‑2002, fosthom ir-rikorrenti. Din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata abbażi tar-regoli proċedurali tat-Trattat KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Hija kienet ibbażata fuq l-elementi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u kienet tirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut u l-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tal‑2002. B’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta, in solidum, fuq ir-rikorrenti, ta’ EUR 10.25 miljuni, baqa’ l-istess.

12      Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni emendatorja, li kienet tinkludi, fl-anness tagħha, it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz li kienu tħallew barra mid-deċiżjoni tagħha tat‑30 ta’ Settembru 2009 u li kienet tikkoreġi r-riferimenti nnumerati għall-imsemmija tabelli fi tmien noti ta’ qiegħ il-paġna.

13      Fis‑17 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Settembru 2009, kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2009”). Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il‑Kummissjoni, T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032). Il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-2009 fir-rigward ta’ wieħed mid-destinatarji tagħha, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq tnejn oħra mid-destinatarji tagħha u ċaħdet ir-rikorsi l-oħra ppreżentati.

14      Fl‑20 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw appell mis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il‑Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032). Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-Deċiżjoni tal-2009 fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rikorrenti.

15      Fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni tkun adottata abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, il-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni għandha tkun konformi mar-regoli proċedurali previsti f’dan ir-regolament kif ukoll fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċedura mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), anki jekk din il-proċedura tkun bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

16      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’dan il-każ, is-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002, l-unika seduta ta’ smigħ li kienet tikkonċerna l-mertu tal-proċedura, ma setgħetx titqies li kienet konformi mar-rekwiżiti proċedurali relatati mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, fl-assenza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

17      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2009, li torganizza seduta ta’ smigħ ġdida minħabba li l-impriżi kien diġà kellhom il-possibbiltà li jinstemgħu oralment matul is-seduti ta’ smigħ li nżammu fit‑13 ta’ Ġunju u fit‑30 ta’ Settembru 2002.

18      Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-importanza taż-żamma, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, ta’ seduta ta’ smigħ li għaliha jkunu mistiedna l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, peress li l-ommissjoni tagħha tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li dan id-dritt previst speċifikament fir-Regolament Nru 773/2004 ma kienx ġie rrispettat, ma kienx meħtieġ li l-impriża li d-dritt tagħha nkiser b’dan il-mod turi li dan il-ksur seta’ kellu influwenza għad-detriment tagħha fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża.

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll sentenzi oħrajn tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li tiddeċiedi fuq il-legalità tad-Deċiżjoni tal-2009 kif ukoll dik id-deċiżjoni fir-rigward ta’ erba’ impriżi oħra, għall-istess raġunijiet. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tal-2009 saret definittiva għall-impriżi destinatarji li ma ppreżentawx appell mill-imsemmija sentenzi.

 Ittielet deċiżjoni talKummissjoni (2019)

21      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tkompli l-proċedura amministrattiva u li torganizza, f’dan il-kuntest, seduta ġdida għas-smigħ tal-partijiet fl-imsemmija proċedura fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

22      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet li fihom ikkontestaw is-setgħa tal-Kummissjoni li tkompli l-proċedura amministrattiva u b’hekk stiednu lil din tal-aħħar sabiex ma tkomplix din il-proċedura.

23      Fit‑23 ta’ April 2018, il-Kummissjoni żammet seduta ta’ smigħ ġdida dwar il-mertu tal-proċedura, li fiha pparteċipaw, fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti kif ukoll tliet impriżi oħra destinatarji tad-Deċiżjoni tal‑2009.

24      Permezz ta’ ittri tad‑19 ta’ Novembru 2018 kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar u tas‑6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom.

25      Fl‑4 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 4969 final, dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Każ AT.37956 – Vireg li jirrinforzaw il-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), indirizzata lil ħames impriżi li fir-rigward tagħhom id-Deċiżjoni tal‑2009 kienet ġiet annullata, jiġifieri, minbarra r-rikorrenti, Alfa Acciai SpA, Feralpi Holding SpA (li kienet Feralpi Siderurgica SpA u Federalpi Siderurgica SRL), Participazioni Industriali SpA (li kienet Riva Acciaio SpA u sussegwentement Riva Fire SpA, iktar ’il quddiem “Riva”) u Ferriere Nord SpA.

26      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-istess ksur bħal dak li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni tal‑2009, filwaqt li naqqset il-multi imposti fuq l-impriżi destinatarji b’50 % minħabba t-tul tal-proċedura. Permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk imponiet fuq ir-rikorrenti, ikkundannati in solidum, multa fl-ammont ta’ EUR 5.125 miljuni.

27      Fit‑8 ta’ Lulju 2019, kopja inkompleta tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tinkludi biss il-paġni bil-fard, ġiet innotifikata lir-rikorrenti.

28      Verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit‑18 ta’ Lulju 2019.

 Il-proċedura u ttalbiet talpartijiet

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

30      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

31      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu numru ta’ dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet u għal dawn it-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti fit-terminu mogħti.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ April 2021, il-Kawżi T‑655/19 u T‑656/19 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2021.

34      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

36      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi bbażati:

–        l-ewwel motiv, fuq ksur tar-regoli proċedurali waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, li wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        it-tieni motiv, fuq ir-rifjut illegali tal-Kummissjoni li tivverifika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà ta’ din l-adozzjoni mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli tal-proċedura;

–        it-tielet motiv u parti mir-raba’ motiv, fuq ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli;

–        ir-raba’ motiv, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur taddrittijiet taddifiża u tarregoli proċedurali waqt isseduta ta’ smigħ tat23 ta’ April 2018

37      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem proċedura kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa fl-organizzazzjoni tas-seduta ta’ smigħ wara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717).

38      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti, dwar l-imparzjalità meħtieġa min-naħa tal-kumitat konsultattiv, l-assenza ta’ atturi importanti waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 u l-impossibbiltà, għall-Kummissjoni, li tirrimedja n-nuqqas proċedurali kkundannat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ilmenti dawn li huma kollha kkontestati mill-Kummissjoni.

 Fuq isseduta ta’ smigħ organizzata wara li tkompliet ilproċedura amministrattiva

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717, punti 42 sa 47), il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat lill-Kummissjoni li ma tatx lir-rikorrenti l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta ta’ smigħ li kienet tirrigwarda l-mertu tal-każ fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet li n-nuqqas hekk identifikat kellu jiġi analizzat bħala ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jivvizzja l-proċedura indipendentement mill-konsegwenzi dannużi li jistgħu jirriżultaw minnu għar-rikorrenti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717, punti 48 sa 50).

41      Filwaqt li analizzat is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), il-Kummissjoni qieset li, jekk dan in-nuqqas jiġi korrett, il-proċedura amministrattiva setgħet titkompla kontra l-impriżi li għadhom ikkonċernati (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni indikat lill-impriżi inkwistjoni li hija xtaqet tkompli l-proċedura amministrattiva mill-punt li minnu kien irriżulta n-nuqqas identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri sa mis-seduta ta’ smigħ.

43      Fl-ittra tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni talbet lill-impriżi inkwistjoni sabiex juru bil-miktub, jekk xtaqu, l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’seduta ta’ smigħ ġdida li, filwaqt li kellha tirrigwarda l-mertu tal-fajl, kienet ser tiġi organizzata fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

44      Wara li rċeviet it-tweġibiet mogħtija mill-impriżi inkwistjoni, il-Kummissjoni organizzat seduta ta’ smigħ ġdida fit‑23 ta’ April 2018 fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

 Fuq leżekuzzjoni tassentenzi ta’ annullament

45      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266(1) TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjonijiet għandhom josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv, fis-sens li dawn il-motivi jkunu indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑74/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:471, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva ma jaffettwax l-istadji kollha li ppreċedew l-adozzjoni tiegħu, iżda biss dawk li huma kkonċernati mill-motivi, sostanzjali jew proċedurali, li ġġustifikaw l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑74/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:471, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Għaldaqstant, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat tista’, bħala prinċipju, titkompla mill-istadju affettwat mill-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 73, u tas‑6 ta’ Lulju 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑74/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:471, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, peress li l-att ġie annullat wara ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li seħħ fl-organizzazzjoni tas-seduta ta’ smigħ (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni, C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), il-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura, kif fil-fatt għamlet, minn dan l-istadju.

50      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv.

 Fuq lewwel ilment, dwar limparzjalità meħtieġa minnaħa talkumitat konsultattiv

51      Ir-rikorrenti jsostnu li l-kumitat konsultattiv ma ġiex ikkonsultat b’mod validu peress li l-modalitajiet implimentati sabiex tiġi organizzata s-seduta ta’ smigħ li għaliha kellhom jiġu mistiedna l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, li r-rappreżentanti tagħhom jikkostitwixxu l-imsemmi kumitat, ma ppermettewx li tiġi ggarantita l-imparzjalità tagħhom fil-mument meta dan kellu jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-leġiżlazzjoni.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 101 u 102 TFUE hija rregolata, għall-aspetti kkonċernati minn din it-tilwima, mir-Regolament Nru 1/2003:

–        skont l-Artikolu 14(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni, qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, għandha tikkonsulta ma’ kumitat kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri;

–        l-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament jippreċiża li dan il-kumitat għandu jagħti opinjoni bil-miktub dwar l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni ppreżentat mill-Kummissjoni;

–        l-Artikolu 14(5) tal-istess regolament jippreċiża li l-Kummissjoni għandha tieħu kont sħiħ tal-opinjoni mogħtija minn dan il-kumitat filwaqt li għandha tinformah dwar il-mod kif hija tkun wettqet dan l-obbligu.

53      Għall-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ, ir-Regolament Nru 773/2004 jistabbilixxi r-regoli segwenti:

–        l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom fis-seduta ta’ smigħ, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom;

–        l-Artikolu 14(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fis-seduta ta’ smigħ.

54      Skont il-ġurisprudenza, il-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv tikkostitwixxi formalità essenzjali li l-ksur tagħha jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża u jwassal għall-annullament tagħha jekk jiġi stabbilit li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli pprekluda lill-imsemmi kumitat milli jagħti l-opinjoni tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Ir-rikorrenti ma jsostnux li r-regoli msemmija fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq ma ġewx osservati bħala tali. Madankollu, huma jqisu li meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri pparteċipaw fis-seduta tat‑23 ta’ April 2018 u, sussegwentement, taw l-opinjoni tagħhom, huma ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni li tiggarantixxi l-imparzjalità tagħhom. Fil-fehma tar-rikorrenti, dawn l-awtoritajiet kienu jafu, fil-fatt, fil-mument tal-għoti ta’ din l-opinjoni, il-pożizzjoni li kienu adottaw il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet u fis-sentenzi li kienu adottaw matul il-proċedura. Huma josservaw li, minn naħa, qabel ma ħadet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet diġà adottat, f’żewġ okkażjonijiet (fl-2002 u 2009), deċiżjoni ta’ sanzjoni mingħajr ma kkonsultat l-imsemmija awtoritajiet fuq il-mertu tal-każ u li, min-naħa l-oħra, fl-2014, il-Qorti Ġenerali kienet tat sentenza li tikkonferma l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet u ta’ din is-sentenza, il-kuntest inevitabbilment influwenza lil dawn l-istess awtoritajiet b’mod li jirrendi impossibbli l-formulazzjoni ta’ opinjoni b’imparzjalità sħiħa.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta att jiġi annullat, dan jisparixxi mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk, meta jkollu portata individwali, l-annullament jibbenefika biss, taħt ċerti riżervi, lill-partijiet fil-proċess (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Lucchini vs Il‑Kummissjoni, T‑185/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:298, punti 33 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għalhekk, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, li huma atti adottati minn waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jisparixxu b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku meta jiġu annullati fl-appell.

58      Għaldaqstant, f’dan il-każ, minkejja li l-kumitat konsultattiv ta l-opinjoni tiegħu, minn naħa, wara li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-2002 u sussegwentement dik tal-2009 u, min-naħa l-oħra, wara li l-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il‑Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032), xorta jibqa’ l-fatt li, peress li ġew annullati, dawn id-deċiżjonijiet u din is-sentenza kienu sparixxew mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kienu meqjusa, skont din il-ġurisprudenza, li qatt ma eżistew.

59      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li kienet rendiet impossibbli l-formulazzjoni mill-kumitat konsultattiv ta’ opinjoni b’imparzjalità sħiħa, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Karta”), kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

60      Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41 tal-Karta jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li hija responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, l-imparzjalità tal-kumitat konsultattiv meta ta l-opinjoni tiegħu hija kkontestata sa fejn, skont ir-rikorrenti, l-attitudni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet li jifformaw l-imsemmi kumitat setgħet kienet influwenzata mill-fatt li dawn l-awtoritajiet kienu jafu bil-pożizzjoni adottata fuq il-każ, minn naħa, mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet tal-2002 u tal-2009 tagħha u, min-naħa l-oħra, mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il‑Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032).

62      Madankollu, minn tali għarfien, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax jiġi dedott nuqqas ta’ imparzjalità li jista’ jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jiġu kkontestati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li permezz tagħhom atti ddikjarati illegali jistgħu jiġu ssostitwiti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk hijiex l-imparzjalità suġġettiva jew l-imparzjalità oġġettiva li hija kkontestata hawnhekk mir-rikorrenti.

63      Fil-fatt, l-għarfien possibbli ta’ soluzzjoni adottata preċedentement u, jekk ikun il-każ, ikkonfermata f’sentenza tal-Qorti Ġenerali annullata sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell huwa inerenti għall-obbligu li jinstiltu l-konsegwenzi ta’ annullament. Jekk jiġi deċiż li l-għarfien ta’ tali sitwazzjoni jista’ jostakola, fih innifsu, it-tkomplija tal-proċedura, dan jaffettwa, fih innifsu, il-mekkaniżmu ta’ annullament billi jindika li dan tal-aħħar jimplika mhux biss it-tneħħija retroattiva tal-att annullat, iżda wkoll il-projbizzjoni li titkompla l-proċedura. Tali eventwalità tkun inkompatibbli mal-Artikolu 266 TFUE, li, fil-każ ta’ annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, jimponi fuq l-istituzzjonijiet, fuq il-korpi jew fuq l-organi tal-Unjoni l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija fil-konfront tagħhom mingħajr madankollu ma jeżentahom mill-missjoni li tikkonsisti f’li tiġi żgurata, fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

64      Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni lment, dwar l-assenza ta’ atturi importanti matul isseduta ta’ smigħ tat23 ta’ April 2018

65      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, minn naħa, kisret diversi regoli dwar l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ u, min-naħa l-oħra, wettqet żball meta naqset milli tistieden diversi entitajiet għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, filwaqt li, peress li kellhom rwol importanti fil-proċess, dawn l-entitajiet setgħu jikkomunikaw lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri elementi li jippermettu lil dawn tal-aħħar jadottaw il-pożizzjoni tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti. Fil-fehma tar-rikorrenti, peress li ma setgħux jibbenefikaw minn opinjoni mogħtija b’għarfien sħiħ tal-fatti minn dawn l-awtoritajiet, id-drittijiet tad-difiża tagħhom inkisru għar-raġunijiet segwenti:

–        il-Federacciai kellha tipparteċipa fl-imsemmija seduta, l-istess bħal Leali SpA, li fil-frattemp falliet, fid-dawl tar-rwol ċentrali li kellhom dawn tal-aħħar li huma fil-fatti kollha koperti mill-investigazzjoni;

–        Lucchini SpA, li falliet ukoll, u għal Riva, imqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja, li kienu l-mexxejja tas-suq, kien imisshom ukoll japparteċipaw fl-imsemmija seduta;

–        Industrie Riunite Odolesi SpA (iktar ’il quddiem “IRO”), li ma kinitx ikkontestat, min-naħa tagħha, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, IRO vs Il‑Kummissjoni (T‑69/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1030) kien imissha hija wkoll tipparteċipa fl-imsemmija seduta;

–        l-Associazione Nazionale Sagomatori Ferro (l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Impriżi li Jaħdmu l-Ħadid, iktar ’il quddiem l-“Ansfer”) kien imissha ġiet mistiedna peress li din l-assoċjazzjoni, li tirrappreżenta klijenti tal-impriżi kkonċernati, intervjeniet bħala terz waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002 u kienet iddikjarat, f’din l-okkażjoni, li l-eżistenza ta’ akkordji restrittivi ta’ kompetizzjoni qatt ma kienet inħasset fis-suq.

66      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fl-organizzazzjoni tas-seduta ta’ smigħ, il-Kummissjoni kisritx regola li kienet imposta fuqha u jekk, b’dan il-mod jew b’xi mod ieħor, kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018.

67      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni fis-seduta ta’ smigħ tagħmel parti mid-drittijiet proċedurali li l-ksur tagħhom, minħabba n-natura suġġettiva tagħhom, għandu jiġi invokat mill-impriża jew mit-terz li għandhom dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 186; tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 77, u tad‑19 ta’ Settembru 2019, Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑228/17, EU:T:2019:619, punt 36).

68      Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jitolbu b’suċċess l-annullament ta’ deċiżjoni għas-sempliċi raġuni li ġew miksura, f’dan il-każ, id-drittijiet proċedurali li jibbenefikaw minnhom terzi jew partijiet oħra.

69      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk is-seduti ta’ smigħ li nżammu fil-kuntest tal-proċeduri fil-qasam tal-akkordji jseħħu l-iktar spiss f’forma kollettiva skont il-prassi tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni ma tirrikonoxxix dritt għal seduta ta’ smigħ kollettiva għall-impriżi li lilhom tkun intbagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

70      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 14(6) tar-Regolament Nru 773/2004 jippreċiża li kull persuna tista’ tinstema’ separatament jew fil-preżenza ta’ persuni oħra mistiedna sabiex jattendu għas-seduta ta’ smigħ, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 697).

71      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat, lil hinn mir-rispett dovut għad-drittijiet li għandhom persuni jew entitajiet oħra, jekk, b’mod li seta’ ostakola d-difiża tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisritx regoli dwar l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-drittijiet tad-difiża huma drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom. Tali osservanza fi proċedura quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat. Dawn id-drittijiet huma msemmija fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, ir-rikorrenti insistew fuq il-fatt li l-assenza ta’ ċerti entitajiet kellha bħala konsegwenza li l-kumitat konsultattiv ma setax jagħti l-opinjoni tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti. Fil-fehma tagħhom, li kieku dawn l-entitajiet instemgħu, il-kontenut tal-opinjoni tiegħu, u, konsegwentement, dak tad-deċiżjoni kkontestata, seta’ għalhekk ikun differenti. Din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ skambji bejn il-partijiet, kemm bil-miktub kif ukoll matul is-seduta.

74      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata, is-sitwazzjoni ta’ terzi li juru interess suffiċjenti u s-sitwazzjoni ta’ terzi oħra.

–       Fuq issitwazzjoni talimpriżi destinatarji taddikjarazzjoni taloġġezzjonijiet u taddeċiżjoni kkontestata

75      Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati mill-proċedura mmexxija għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imressqa kontrihom qabel ma tittieħed fir-rigward tagħhom deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Il-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fir-rigward tagħhom biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet kkonċernati setgħu jinvokaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

76      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 jippreċiża li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tindirizza dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt seduta ta’ smigħ, jekk huma jitolbu dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

77      F’dan il-każ, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004 kienu għalhekk intiżi li japplikaw għall-impriżi kollha li pparteċipaw fl-akkordju u li għalihom id-Deċiżjoni tal-2002 jew id-Deċiżjoni tal-2009 ma kinitx saret definittiva, inkluża Riva.

78      Skont ir-rikorrenti, l-assenza ta’ Riva fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 setgħet ikkontribwixxiet sabiex tivvizzja l-proċedura billi affettwat il-kundizzjonijiet li fihom huma setgħu jiżguraw id-difiża tagħhom.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif huwa indikat fil-premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet:

–        Riva ġiet informata mill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, bit-tkomplija tal-proċedura;

–        bi tweġiba għal din l-ittra, Riva ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub mingħajr madankollu ma talbet li tipparteċipa f’seduta ta’ smigħ;

–        peress li Riva ma fformulatx tali talba, il-Kummissjoni ma stednithiex tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat-23 ta’ April 2018.

80      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jitqies li, billi naqset milli tistieden lil Riva tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004. Peress li ma talbitx sabiex tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ, Riva ma kellhiex għalfejn tiġi mistiedna tagħmel dan mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li seta’ jaffettwa d-difiża tagħhom.

–       Fuq issitwazzjoni ta’ terzi li juru interess suffiċjenti

81      Is-seduta ta’ smigħ tal-partijiet terzi interessati hija rregolata mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi li juru interess suffiċjenti jitolbu li jinstemgħu, it-talba tagħhom għandha tintlaqa’.

82      L-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 773/2004 jippreċiża:

–        jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi jitolbu li jinstemgħu u juru interess suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tinformahom bil-miktub bin-natura u s-suġġett tal-proċedura;

–        hija għandha tagħti lil dawn il-persuni l-possibbiltà li jesprimu l-fehma tagħhom bil-miktub f’terminu li hija tistabbilixxi;

–        hija tista’ tistedinhom jiżviluppaw l-argumenti tagħhom waqt is-seduta ta’ smigħ jekk dawn il-persuni jitolbu dan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

83      F’dan il-każ, l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 773/2004 kienu għalhekk intiżi li japplikaw b’mod partikolari għal ħames entitajiet li l-preżenza tagħhom kienet neċessarja, skont ir-rikorrenti, sabiex is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 tiġi organizzata b’mod validu, jiġifieri, minn naħa, il-Federacciai, Leali, IRO u Lucchini u, min-naħa l-oħra, l-Ansfer.

84      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel erba’ entitajiet imsemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dawn irrinunzjaw, fi stadju preċedenti tal-proċedura, li jikkontestaw id-deċiżjoni li kienet ġiet indirizzata lilhom:

–        il-Federacciai ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-2002;

–        Leali, IRO u Lucchini ma ppreżentawx appell mis-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Leali u Acciaierie u Ferriere Leali Luigi vs Il‑Kummissjoni (T‑489/09, T‑490/09 u T‑56/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1039), tad‑9 ta’ Diċembru 2014, IRO vs Il‑Kummissjoni (T‑69/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1030), u tad‑9 ta’ Diċembru 2014 Lucchini vs Il‑Kummissjoni (T‑91/10, EU:T:2014:1033), li kienu ċaħdu r-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-2009.

85      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fil-konfront ta’ dawn l-entitajiet saret definittiva għal dak li jikkonċernhom u, konsegwentement, peress li l-proċedura għalihom intemmet, huma ma kinux għadhom partijiet fil-proċedura li tkompliet fil‑15 ta’ Diċembru 2017 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 63).

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel erba’ entitajiet imsemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq ma kellhomx dritt li jipparteċipaw fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 bħala partijiet fil-proċedura.

87      Huwa minnu li l-ewwel erba’ entitajiet imsemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq kellhom il-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni, filwaqt li juru li kellhom interess suffiċjenti, tawtorizzahom jipparteċipaw fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 bħala terzi interessati, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 81 u 82 iktar ’il fuq.

88      Madankollu, il-Federacciai, Leali u IRO ma wettqux tali pass u, għalhekk, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, setgħet kisret xi regola, bil-konsegwenza li setgħet taffettwa l-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

89      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li Lucchini qieset, min-naħa tagħha, li hija kellha tibbenefika mill-annullament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il‑Kummissjoni (C‑85/15 P, EU:C:2017:709), tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni (C‑88/15 P, EU:C:2017:716), u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Riva Fire vs Il‑Kummissjoni (C‑89/15 P, EU:C:2017:713), anki jekk hija ma ppreżentatx appell mis-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014 (Lucchini vs Il‑Kummissjoni (T‑91/10, EU:T:2014:1033). Abbażi ta’ dan l-argument, hija talbet lill-Kummissjoni tawtorizzaha tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018. Madankollu, din it-talba tressqet minn Lucchini bħala parti fil-proċedura li tkompliet fil‑15 ta’ Diċembru 2017, bl-istess mod, b’mod partikolari, bħar-rikorrenti, u mhux fil-kwalità ta’ terz interessat. Din it-talba ġiet miċħuda ġustament mill-Kummissjoni għar-raġunijiet indikati fil-punti 84 u 85 iktar ’il fuq (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Lucchini vs Il‑Kummissjoni, T‑185/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:298, punti 41 u 42). Wara li ġiet irrifjutata din il-possibbiltà bħala parti fil-proċedura, Lucchini ma sostnietx, sussegwentement, li hija setgħet tiġi mistiedna għas-seduta ta’ smigħ bħala terz li għandu interess suffiċjenti.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li, billi naqset milli tistieden, minn naħa, lill-Federacciai u, min-naħa l-oħra, lil Leali, lil IRO u lil Lucchini sabiex jipparteċipaw fis-seduta, il-Kummissjoni kisret regola proċedurali li seta’ kellha effett fuq l-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

91      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ħames entità msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, jiġifieri l-Ansfer, ir-rikorrenti jqisu li hija kien imissha ġiet mistiedna għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kellha u li setgħet teżerċita influwenza fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, fir-rigward tal-għarfien li huma kellhom tal-fajl.

92      Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tliet argumenti.

93      L-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li, probabbilment, jekk l-Ansfer kienet ġiet informata mill-Kummissjoni bit-tkomplija tal-proċedura, hija kienet tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, kif kienet għamlet għas-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar kif infetħet fl-2002 il-proċedura mibdija kontra r-rikorrenti u kontra l-impriżi l-oħra li kienu kkonċernati f’dak iż-żmien.

95      Kif indikat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u fis-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, il-ftuħ inkwistjoni seħħ fis‑26 ta’ Marzu 2002, segwit bin-notifika lill-partijiet ikkonċernati tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 36 FA.

96      Għaldaqstant, il-ftuħ inkwistjoni ma kien akkumpanjat minn ebda miżura ta’ pubbliċità, għaliex il-leġiżlazzjoni ma kinitx teħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel pubblika d-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura amministrattiva, l-adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew, bħal f’dan il-każ, ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

97      L-approċċ ma kienx differenti wara li l-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317), u wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717).

98      Wara li analizzat is-sentenzi msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, l-ewwel darba permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008 u t-tieni darba permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, bl-intenzjoni tagħha li “tkompli” l-proċedura.

99      B’mod partikolari, it-tieni ittra ġiet innotifikata lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ma ġiet ikkomunikata lil ebda persuna jew entità oħra u, bl-istess mod, ma kienet is-suġġett ta’ ebda miżura ta’ pubbliċità.

100    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet obbligata tinforma lill-pubbliku bit-tkomplija tal-proċedura wara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2009 u, li kieku dan l-obbligu kien ġie osservat f’dan il-każ, l-Ansfer kienet tiġi informata u kienet tkun tista’ titlob sabiex tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ ġdida.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ebda regola ma teżiġi li l-Kummissjoni tagħmel pubblika t-tkomplija ta’ proċedura wara l-annullament ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali.

102    Fil-fatt, tali tkomplija tal-proċedura sseħħ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament.

103    Issa, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata tevita li kull att maħsub sabiex jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fl-imsemmija sentenza. Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu dwar il-mezzi li għandhom jimplimentaw sabiex jinstiltu l-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, bla ħsara għall-fatt li dawn il-mezzi għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni u mar-raġunijiet li jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju għalih. Ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jistgħu, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att preċedenti annullat jew invalidat, ikomplu l-proċedura mill-istadju li fih tkun twettqet din l-irregolarità (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2017, Léon Van Parys vs Il‑Kummissjoni, T‑125/16, EU:T:2017:884, punti 49 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Fi tmiem l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel f’dan il-kuntest, hija tista’ għalhekk tiddeċiedi li tkompli l-proċedura kif għamlet f’din il-każ, u tista’ anki tabbanduna l-proċedura jekk hija tqis li l-fajl jista’ jingħalaq jew, jekk taħseb li miżuri investigattivi huma meħtieġa, tista’ tiftaħ proċedura ġdida, li tista’, f’dan il-każ, twassal għan-notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lill-impriżi destinatarji skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

105    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara li wettqet l-imsemmija evalwazzjoni, iddeċidiet li tkompli l-proċedura mill-punt fejn din ġiet interrotta, kif tippermetti l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq.

106    Fis-seduta, il-partijiet iddiskutew l-Avviż tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2011 dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ĠU 2011, C 308, p. 6) (ara, b’mod partikolari, il-punt 20 ta’ dan l-avviż), li fih il-Kummissjoni impenjat ruħha, minn naħa, li tħabbar il-ftuħ ta’ kull proċedura ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li tippubblika stqarrija għall-istampa dwar is-suġġett, ħlief meta tali miżuri ta’ pubbliċità jistgħu jippreġudikaw l-iżvolġiment tal-investigazzjoni.

107    Madankollu, l-avviż inkwistjoni ma kienx jobbliga, f’dan il-każ, lill-Kummissjoni timplimenta l-impenji msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, ma hemmx lok li tiġi estiża l-portata ta’ dawn l-impenji meta l-Kummissjoni tkompli proċedura fl-istadju ta’ seduta ta’ smigħ li saret qabel b’mod irregolari, li huwa l-istadju fejn din il-proċedura ġiet interrotta, kif iddeċidiet il-Kummissjoni f’dan il-każ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja, sitwazzjoni li hija distinta minn dik tal-ftuħ tal-proċedura msemmija f’dan l-avviż.

108    Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud.

109    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, għad-determinazzjoni tat-terzi li għandhom jiġu mistiedna għas-seduta ta’ smigħ, l-Ansfer ma setgħetx titqies bħala sempliċi membru tal-pubbliku, iżda kellha l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti” fis-sens tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 773/2004.

110    Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jfakkru li l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti” kien ġie rrikonoxxut fl-2002 lill-Ansfer mill-uffiċjal tas-seduta ta’ smigħ, li kien ippermetta l-parteċipazzjoni ta’ din l-assoċjazzjoni fis-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002.

111    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi kellha l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti”, l-Ansfer ma setgħetx tilfitu fil-frattemp u kellha tiġi mistiedna tipparteċipa, bħala tali, fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018.

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti fir-rigward taż-żamma tal-istatus ta’ “terzi li juru interess suffiċjenti” huwa konformi mal-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni dwar il-kontinwità li teżisti bejn l-istadji tal-proċedura amministrattiva anki jekk din tkun ġiet interrotta minn proċeduri ġudizzjarji li taw lok għal sentenzi ta’ annullament.

113    Minn din il-perspettiva, ikun leġittimu li jiġi kkunsidrat li entità li ngħatat l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti” fi stadju preċedenti tal-proċedura setgħet iżżommu matul il-proċedura kollha, anki jekk din setgħet ġiet interrotta permezz ta’ proċedura ġudizzjarja li tat lok għal annullament deċiż mill-qorti tal-Unjoni.

114    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, peress li ġiet rikonoxxuta l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti” f’mument tal-proċedura, l-Ansfer setgħetx iżżomm dan l-istatus matul din il-proċedura kollha u jekk kellhiex tiġi mistiedna għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 jew, minn tal-inqas, jekk kellhiex tiġi informata bit-tkomplija tal-proċedura sabiex tkun tista’ tesprimi l-interess tagħha u, għalhekk, tiġi mistiedna, jekk ikun il-każ, sabiex tipparteċipa fl-imsemmija seduta ta’ smigħ.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-interess muri mill-Ansfer sabiex tipparteċipa fil-proċedura ma nżammx matul din il-proċedura tal-aħħar kollha.

116    Fil-fatt, filwaqt li ġabret fil-qosor l-istadji li seħħew, il-Kummissjoni ppreċiżat, fis-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, li:

–        fl-2002, l-Ansfer saret taf bil-ftuħ tal-proċedura permezz ta’ informazzjoni li dehret fl-istampa Taljana;

–        abbażi ta’ din l-informazzjoni, Ansfer kienet talbet lill-Kummissjoni sabiex tiġi awtorizzata tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002 billi sostniet li setgħet turi, għal dan il-għan, l-eżistenza, sa fejn kienet ikkonċernata, ta’ interess suffiċjenti;

–        wara li ġiet mistiedna tipparteċipa, Ansfer ippreżentat ruħha għall-imsemmija seduta ta’ smigħ, fejn, mingħajr ma sar intervent mir-rappreżentant tagħha, hija kienet ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub;

–        fuq din il-bażi, hija kienet ġiet mistiedna tipparteċipa fit-tieni seduta ta’ smigħ tat‑30 ta’ Settembru 2002, dwar il-konsegwenzi tal-iskadenza tat-Trattat KEFA fuq il-proċedura;

–        madankollu, hija ma weġbitx għal din l-istedina u lanqas ma kienet ippreżentat ruħha għal din is-seduta ta’ smigħ;

–        peress li Ansfer ma weġbitx għall-istedina għas-seduta ta’ smigħ ġdida indirizzata lilha u peress li ma kinitx preżenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ma kinitx għadha tixtieq tipparteċipa fil-istadji sussegwenti tal-proċedura u li għalhekk ma kellhiex tiġi mistiedna għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018;

–        f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, il-parteċipazzjoni ta’ Ansfer waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002 kienet limitata għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub, mingħajr ma tkellmet, u, li, min-naħa l-oħra, dawn l-osservazzjonijiet kienu ddaħħlu fil-fajl.

117    Issa, skont il-leġiżlazzjoni, terzi jistgħu jipparteċipaw f’seduta ta’ smigħ organizzata fi proċedura dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda, sabiex jagħmlu dan, huma għandhom jimmanifestaw ruħhom mal-Kummissjoni u għandhom jikkonvinċu lil din tal-aħħar li huma għandhom interess suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fiha (ara l-punti 81 u 82 iktar ’il fuq).

118    Barra minn hekk, għandu jitqies li, meta terz ikun ingħata l-istatus ta’ “terz li juri interess suffiċjenti” matul proċedura amministrattiva li tkun ġiet interrotta minn stħarriġ ġudizzjarju li fi tmiemu jkun ġie deċiż annullament mill-qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi jekk dan it-terz għadx għandu interess suffiċjenti sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu. Fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni, meta hija tkompli l-imsemmija proċedura, tipproċedi għas-smigħ ta’ terzi li ma jkunx għad għandhom tali interess suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 406, u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, T‑582/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:497, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, jeħtieġ, fil-fatt, li tiġi evitata multiplikazzjoni ta’ intervenjenti filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta’ dawk li jistgħu jagħtu kontribuzzjoni reali, inkriminanti jew skaġunanti, għall-analiżi tal-fajl u għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, b’tali mod li jiġi żgurat li l-opinjoni tingħata mill-kumitat konsultattiv u li d-deċiżjoni tittieħed mill-Kummissjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti u b’osservanza tal-garanziji proċedurali.

120    Huwa wara tali evalwazzjoni li, f’dan il-każ, l-Ansfer ġiet mistiedna bħala “terz li juri interess suffiċjenti” sabiex tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑13 ta’ Ġunju 2002 u dik tat‑30 ta’ Settembru 2002.

121    Sussegwentement, fid-dawl tan-nuqqas ta’ tweġiba tal-Ansfer għall-istedina għall-parteċipazzjoni fit-tieni seduta ta’ smigħ tat‑30 ta’ Settembru 2002 u tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha f’din is-seduta ta’ smigħ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta setgħet tikkunsidra li hija kienet irrinunzjat milli tintervjeni fit-tkomplija tal-proċedura jew, minn tal-inqas, ma xtaqitx tiżviluppa iktar l-argumenti tagħha matul is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 u li l-kontribuzzjoni tagħha, li kienet diġà inkluża fil-fajl u li sussegwentement ġiet inkluża fl-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx tiġġustifika li hija tiġi informata bit-tkomplija tal-proċedura sabiex tippermettilha li turi mill-ġdid l-interess tagħha u, b’hekk, li tiġi mistiedna, jekk ikun il-każ, li tipparteċipa fl-imsemmija seduta ta’ smigħ.

122    Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud.

123    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni, fl-ittra tagħhom tal‑1 ta’ Frar 2018, għall-fatt li l-proċedura ma setgħetx titkompla b’mod validu peress li l-atturi kollha preżenti fl-2002 ma setgħux ikunu preżenti għas-seduta l-ġdida, bil-konsegwenza li tingħata biss viżjoni parzjali tal-każ lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, li r-rappreżentanti tagħhom huma inkarigati li jesprimu opinjoni sabiex jippermettu lill-kumitat konsultattiv jagħti l-opinjoni tiegħu skont il-leġiżlazzjoni.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ifformulata, tali rimarka ma tistax tiġi analizzata bħala talba li ġiet indirizzata lill-Kummissjoni u intiża sabiex il-Kummissjoni tistieden għas-seduta ta’ smigħ lill-Ansfer jew lil terzi oħra skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li jippermetti lill-partijiet jipproponu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom “li l-Kummissjoni tisma’ persuni li jistgħu jikkorroboraw il-fatti esposti fis-sottomissjoni tagħhom”.

125    Kif tindika l-Kummissjoni, kienu r-rikorrenti li kellhom, jekk huma kienu jqisu li l-intervent tal-Ansfer kien neċessarju, jew sempliċement utli, għad-difiża tal-argumenti tagħhom, li jinformaw lil din l-assoċjazzjoni bit-tkomplija tal-proċedura sabiex hija timmanifesta ruħha mal-Kummissjoni jew li jitolbu lil din tal-aħħar, b’mod speċifiku, li tistieden lil din l-entità.

126    Issa, ir-rikorrenti, fit-tweġibiet bil-miktub tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ammettew li ma ħadu ebda passi f’dan is-sens mal-Kummissjoni jew mal-Ansfer.

127    Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tisma’ lil terzi, jekk iqisu li dan ikun xieraq.

128    Xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti milli jissuġġerixxu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, waqt is-seduta tat‑23 ta’ April 2018, jew qabilha, li jitolbu lill-Kummissjoni tisma’ lill-Ansfer.

129    Issa, ir-rikorrenti ma wettqux tali azzjoni quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, u lanqas l-imsemmija awtoritajiet ma talbu lill-Kummissjoni tisma’ lill-Ansfer.

130    Għaldaqstant, peress l-Ansfer ma kienx għad għandha interess suffiċjenti sabiex tagħti l-opinjoni tagħha matul it-tkomplija tal-proċedura (ara l-punti 112 sa 122 iktar ’il fuq), u peress li ebda talba intiża sabiex tinstema’ ma ġiet indirizzata lill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tiġi kkritikata b’mod validu li ma stednithiex tipparteċipa fis-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018.

131    Dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud.

–       Fuq issitwazzjoni ta’ terzi oħra

132    Sa fejn l-argument imressaq mir-rikorrenti jista’ jiġi interpretat bħala li jagħmel riferiment għaliha, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni tipprevedi, għall-organizzazzjoni tas-seduti, it-tielet sitwazzjoni, li tikkonċerna terzi li ma għandhomx interess suffiċjenti fis-sens stabbilit fil-punti 81 u 82 iktar ’il fuq.

133    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedi l-possibbiltà li kull persuna fiżika jew ġuridika, minbarra l-impriżi kkonċernati mill-proċedura jew terzi li juru tali interess, tiġi mistiedna sabiex tesprimi l-opinjoni tagħha bil-miktub u sabiex tassisti, jekk ikun il-każ, għas-seduta ta’ smigħ. Minbarra li jistgħu jiġu awtorizzati jassistu għaliha, dawn il-persuni jistgħu jiġu mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom matul is-seduta ta’ smigħ.

134    Hija f’din is-sitwazzjoni li kienet tinsab b’mod partikolari l-Ansfer, peress li, kif ġie stabbilit, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li din l-assoċjazzjoni ma kienx għad għandha interess suffiċjenti sabiex tesprimi l-opinjoni tagħha, waqt it-tkomplija tal-proċedura (ara l-punti 112 sa 122 iktar ’il fuq).

135    Issa, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina jekk il-parteċipazzjoni ta’ terzi mhux interessati tistax tkun utli fid-dibattiti, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma teżiġix fil-każijiet kollha li l-Kummissjoni tipproċedi għas-seduti ta’ smigħ mitluba (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq).

136    B’hekk, f’dan il-każ, huwa mingħajr ma twettaq żball li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 112 sa 122 iktar ’il fuq, li l-istedina tal-Ansfer għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 ma kinitx ser tipproduċi elementi ġodda għad-dibattiti.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi ikkritikata b’mod validu li kisret regola proċedurali li seta’ jkollha effett fuq l-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tad-drittijiet tad-difiża tagħhom billi naqset milli tistieden lil terzi oħra għas-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018.

138    Għaldaqstant, l-argument għandu jiġi miċħud.

139    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx regoli proċedurali dwar is-seduta ta’ smigħ ta’ persuni jew entitajiet oħra u, għaldaqstant, li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża invokati mir-rikorrenti bl-ebda mod ma seta’ jiġi ostakolat bil-ksur ta’ tali regoli.

140    Sa fejn huwa neċessarju, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li ġew ostakolati fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom indipendentement mill-ksur ta’ regola, minħabba l-assenza ta’ impriża jew ta’ terz waqt is-seduta ta’ smigħ organizzata bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

141    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet ilment, dwar limpossibbiltà, għallKummissjoni, li tirrimedja għannuqqas proċedurali kkritikat mill-Qorti tal-Ġustizzja

142    Ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li kien impossibbli li jiġi rrimedjat in-nuqqas proċedurali kkritikat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minħabba ż-żmien li għadda, il-bidliet li seħħew fl-identità tal-atturi u fl-istruttura tas-suq kienu tali, fil-fehma tagħhom, li ebda seduta ta’ smigħ ma setgħet tiġi organizzata f’kundizzjonijiet identiċi jew, tal-inqas, ekwivalenti għal dawk li kienu jeżistu fl-2002.

143    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-portata tal-kompiti li dawn jimplikaw, il-kuntest li fih huma organizzati l-proċeduri ta’ kompetizzjoni huwa inevitabbilment mibdul bil-mogħdija taż-żmien.

144    F’tali kuntest, fejn il-kompetizzjoni twassal kostantement għall-bidliet fl-atturi, fil-prodotti u fl-ishma mis-suq, il-possibbiltà li tali bidliet irendu impossibbli, minnhom infushom, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida taffettwa, fil-prinċipju stess, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tkompli proċedura sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni b’eżekuzzjoni tal-missjoni assenjata lilha mit-Trattati.

145    Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tkompli proċedura wara annullament ta’ waħda mid-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, hija għandha madankollu twettaq evalwazzjoni intiża li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tat-tkomplija, u b’mod partikolari tal-effetti li setgħu jirriżultaw mill-mogħdija taż-żmien, jekk it-tkomplija tal-proċedura għadhiex tidher li hija soluzzjoni xierqa għas-sitwazzjoni, kif hija għamlet f’dan il-każ, kif spjegat bi tweġiba għall-ewwel ilment tat-tieni motiv ippreżentat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors (ara l-punti 149 sa 173 iktar ’il quddiem).

146    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq irrifjut illegali talKummissjoni li tivverifika, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ilkompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni malprinċipju ta’ żmien raġonevoli tal-proċedura

147    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma vverifikatx b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tiġi adottata, filwaqt li, fil-fehma tagħhom, il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, kien jipprekludi dan. Minn naħa, huma jakkużaw lill-Kummissjoni bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, huma jilmentaw li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

148    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi

149    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41 tal-Karta billi rrifjutat li tevalwa, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindikaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli rrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 179, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 285).

151    Għalhekk, il-mogħdija taż-żmien għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta, filwaqt li tagħmel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha mid-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tevalwa jekk, b’applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandhomx jinbdew proċeduri u jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni.

152    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-mogħdija taż-żmien meta tevalwa jekk għandhomx jinbdew tali proċeduri u jekk għandhiex tiġi adottata deċiżjoni ta’ sanzjoni ma ġiex miksur mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni kkontestata tindika fil-fatt li din l-istituzzjoni eżaminat, qabel ma tat deċiżjoni, jekk, f’dan il-każ, il-proċedura setgħetx titkompla u jekk din setgħetx twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, li timponi multa.

153    B’hekk, il-Kummissjoni analizzat, f’diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, jekk il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din tal-aħħar kinitx twettqet b’mod sodisfaċenti fir-rigward tat-termini u, min-naħa l-oħra, jekk kellhomx jinsiltu konsegwenzi mit-tul tal-fażijiet li wasslu għal din l-adozzjoni.

154    Pereżempju, il-Kummissjoni rrilevat li, skont l-analiżi li hija setgħet twettaq, minn naħa, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni kienu twettqu b’diliġenza u, min-naħa l-oħra, l-interruzzjonijiet li seħħew matul il-proċedura amministrattiva kienu dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju (premessi 528 u 555 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, kif ġie sostnut mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317), u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), hija kienet wettqet żbalji proċedurali. Madankollu, hija sostniet li dawn l-iżbalji, li setgħu estendew it-tul tal-proċedura, kienu dovuti għall-inċertezza legali li kienet tinsab fiha wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA (premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ammettiet li, wara l-iżbalji proċedurali li kienu twettqu, id-diversi fażijiet sussegwenti setgħu jwasslu, għall-proċedura prevista kollha kemm hi, inklużi l-fażijiet amministrattivi u l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, għal perijodu “oġġettivament” twil (premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata).

157    Il-Kummissjoni żiedet, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li, fil-fehma tagħha, dan it-tul ma kienx jaqbeż iż-żmien ikkunsidrat bħala aċċettabbli fid-dawl tal-ġurisprudenza (premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    B’mod komplementari, il-Kummissjoni indikat li, skont il-ġurisprudenza, tul kuntrarju għall-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ma setax iwassal, fih innifsu, għall-annullament ta’ deċiżjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali riżultat jista’ jintlaħaq biss jekk it-tul irraġonevoli jkun affettwa d-drittijiet tad-difiża billi jikkomprometti l-possibbiltà, għall-impriżi kkonċernati, li jiġbru l-provi u li jressqu l-argumenti tagħhom. Issa, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kinux urew li dan kien il-każ hanwhekk (premessi 556 u 557 tad-deċiżjoni kkontestata).

159    Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 536 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u konformement mal-ġurisprudenza żviluppata f’dan il-qasam, hija kellha s-setgħa li tadotta deċiżjoni ġdida.

160    Il-Kummissjoni ammettiet li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida kellha tkun ippreċeduta minn eżami intiż, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lilha fil-qasam ta’ prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-interess pubbliku li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, dak tal-partijiet li jiksbu deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u li jiġu mmitigati l-konsegwenzi possibbli tal-iżbalji li setgħu twettqu matul il-proċedura (premessi 536 u 559 tad-deċiżjoni kkontestata).

161    F’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet tali bbilanċjar filwaqt li kkonkludiet, fid-dawl tan-natura serja tal-ksur ikkonstatat, minn naħa, li kien neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li kellha tiġi imposta sanzjoni fuq l-impriżi destinatarji (premessi 560 sa 568 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa skont is-suġġeriment magħmul mill-uffiċjal tas-seduta, b’mod li tnaqqsu, sa ċertu punt (50 %), il-konsegwenzi negattivi li setgħu rriżultaw, għall-impriżi kkonċernati, mit-tul tal-proċedura u mill-iżbalji proċedurali mwettqa (premessi 570 sa 573 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni vverifikat, qabel ma adottat din id-deċiżjoni, jekk il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli kienx ġie osservat, billi analizzat it-tul tal-proċedura amministrattiva, inklużi l-fażijiet amministrattivi u l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, il-kawżi li jistgħu jispjegaw it-tul tal-proċedura u l-konsegwenzi li jistgħu jinstiltu minn dan.

164    Din il-konklużjoni hija kkontestata mir-rikorrenti, li jgħidu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrifjutat li tagħti deċiżjoni dwar it-tul irraġonevoli tal-proċedura minħabba li din l-evalwazzjoni kellha tiġi rriżervata lill-qorti tal-Unjoni mingħajr ma hija tista’ tagħti deċiżjoni dwar dan.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiġi adita bi kwistjonijiet dwar it-tul tal-proċeduri. Fil-kontenzjuż dwar ir-responsabbiltà, hija għandha tikkundanna lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi tal-Unjoni meta dawn tal-aħħar ikunu kkawżaw dannu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli (sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il‑Kummissjoni, C‑50/12 P, EU:C:2013:771, punt 94, u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Italmobiliare et vs Il‑Kummissjoni, T‑523/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:499, punt 159). Fil-kontenzjuż dwar l-annullament, it-tul ta’ proċedura jista’ jkollu bħala konsegwenza l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv, fejn l-ewwel kundizzjoni hija li dan it-tul ikun jidher li huwa irraġonevoli u t-tieni waħda hija li l-fatt li jkun għadda iktar minn żmien raġonevoli jkun ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 47 u 48; tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, C‑414/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:301, punti 84 u 85; u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punti 74 sa 76).

166    Kif jindikaw ir-rikorrenti, il-kompetenza hekk fdata lill-qorti tal-Unjoni ma tistax teħles lill-Kummissjoni mill-evalwazzjoni li hija għandha twettaq fil-mument li tiddetermina l-passi li għandhom jittieħdu wara sentenza ta’ annullament skont l-Artikolu 266 TFUE.

167    Kif ġie indikat, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta twettaq tali evalwazzjoni, l-elementi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-opportunità li tadotta deċiżjoni ġdida, l-opportunità li timponi sanzjoni u l-opportunità, jekk ikun il-każ, li tnaqqas is-sanzjoni prevista jekk ikun jidher, b’mod partikolari, li, mingħajr ma jikkostitwixxi fih innifsu nuqqas illegali, it-tul tal-proċedura, sa fejn din tkun inkludiet fażijiet amministrattivi iżda wkoll, jekk ikun il-każ, interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, seta’ kellu effett fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, u b’mod partikolari fuq in-natura eventwalment dissważiva tagħha meta tiġi imposta ħafna żmien wara l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

168    Din l-evalwazzjoni, li tirrigwarda b’mod partikolari t-tul globali tal-proċedura, inklużi l-fażijiet ġudizzjarji, saret prinċipalment fil-premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata.

169    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni vverifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk it-tul tal-proċedura setax jostakola t-tkomplija tal-proċedura filwaqt li rrikonoxxiet li tali evalwazzjoni kienet suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fil-kontenzjuż dwar il-legalità u, jekk ikun il-każ, dwar ir-responsabbiltà.

170    Fir-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fir-rigward tal-obbligu, li għandha l-Kummissjoni, li tivverifika, qabel ma tadotta deċiżjoni ġdida, jekk din l-adozzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bħall-Artikolu 47 tal-Karta, invokat ukoll mir-rikorrenti, l-Artikolu 6 tal-KEDB jinkludi l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.

172    F’dan il-każ, l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistgħux fi kwalunkwe każ ikollhom effett fuq is-soluzzjoni li għandha tingħata lit-tilwima fir-rigward tal-motiv eżaminat hawnhekk, peress li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet, fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-verifika li hija inkwistjoni fl-argumenti żviluppati minnhom.

173    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

174    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma spjegatx b’mod suffiċjenti fid-dritt għalfejn hija qieset li ma kinitx obbligata tevalwa l-osservanza tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment huwa fattwalment infondat.

176    Fil-fatt, kif ġie deċiż bi tweġiba għall-ewwel ilment ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ma rrifjutatx li tivverifika, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar mal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

177    Għall-kuntrarju, mit-tweġiba għall-ewwel ilment jirriżulta li hija wettqet din il-verifika b’mod suffiċjenti fid-dritt meta kkonkludiet li ebda kunsiderazzjoni ma setgħet tostakola t-tkomplija tal-proċedura, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida u l-impożizzjoni ta’ multa.

178    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittielet u, parzjalment, irraba’ motiv, ittnejn li huma bbażati fuq ksur talprinċipju ta’ żmien raġonevoli tal-proċedura 

179    Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li ġiet adottata fi tmiem proċedura li kienet qabżet żmien raġonevoli. Fil-fehma tagħhom, it-tul eċċessiv tal-proċedura għandu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni ma kellhiex iktar setgħa ta’ sanzjoni u li l-imsemmija deċiżjoni hija, għalhekk, ukoll illegali minħabba eċċess ta’ poter. L-argument żviluppat insostenn tat-tielet motiv jidher ukoll, parzjalment, fir-raba’ motiv. Essenzjalment, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti, li jikkonċernaw rispettivament it-tul tal-fażijiet amministrattivi, it-tul globali tal-proċedura u l-effett, fuq id-drittijiet tad-difiża, tat-tul tal-proċedura, kollha kkontestati mill-Kummissjoni.

180    Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-ilmenti, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tul ta’ proċedura jista’ jkollu bħala konsegwenza l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv, fejn l-ewwel kundizzjoni hija li dan it-tul ikun jidher li huwa irraġonevoli u t-tieni waħda hija li l-fatt li jkun għadda iktar minn żmien raġonevoli ostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (ara l-punt 165 iktar ’il fuq).

181    Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi annullata għas-sempliċi raġuni li jkun jinqabeż żmien raġonevoli jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma jkunux ġew affettwati minn dan il-qbiż. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li s-sempliċi qbiż ta’ żmien raġonevoli kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tirrinunzja milli tadotta d-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud sa mill-bidu.

182    Għall-analiżi tal-motiv, il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel kundizzjoni, billi tikkunsidra suċċessivament it-tul tal-fażijiet amministrattivi (l-ewwel ilment) u t-tul globali tal-proċedura amministrattiva, inklużi l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju (it-tieni lment). Sussegwentement, ser jiġi analizzat, skont it-tieni kundizzjoni, jekk l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġiex ostakolat (it-tielet ilment).

 Fuq lewwel ilment, dwar ittul talfażijiet amministrattivi

183    Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li kien mifrux fuq iktar minn sitt snin, it-tul tal-fażijiet amministrattivi jmur kontra l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Huma jikkritikaw, b’mod partikolari, id-dewmien li bih il-Kummissjoni rreaġixxiet għall-annullamenti deċiżi suċċessivament mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        bejn l-għoti tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317), u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2009, jiġifieri għal iktar minn sentejn, il-Kummissjoni kienet sempliċement bagħtet l-ittra tat‑30 ta’ Ġunju 2008 msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, li tħabbar it-tkomplija tal-proċedura, kif ukoll talbiet għal informazzjoni, u matul dan il-perijodu la kien hemm dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida u lanqas seduta ta’ smigħ ġdida, minkejja li kien faċli għall-Kummissjoni li tikkoreġi n-nuqqas li kien wassal għall-invalidità tad-deċiżjoni annullata, sa fejn dan in-nuqqas kien ġie identifikat b’mod ċar mill-Qorti Ġenerali;

–        bl-istess mod, bejn is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferriera Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717), u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri għal sena u disa’ xhur, l-attività mwettqa mill-Kummissjoni kienet limitata għat-trażmissjoni tal-ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2017, li tħabbar it-tkomplija tal-proċedura, ta’ ittri li jħabbru u jispjegaw is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 kif ukoll ta’ talbiet limitati għal informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti.

184    Skont ir-rikorrenti, it-tul ta’ dawn il-fażijiet ma jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-ġurisprudenza:

–        fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il‑Kummissjoni (T‑235/07, EU:T:2011:283, punt 323), tul ta’ 20 xahar għat-tieni fażi amministrattiva, li jestendi minn meta rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dik il-kawża, tqies li ma kienx raġonevoli;

–        fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582), il-proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid damet biss għaxar xhur;

–        barra minn hekk, il-proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid damet inqas minn tmien xhur fil-kawża Solvay vs Il‑Kummissjoni (konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 242), disa’ xhur fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Bolloré vs Il‑Kummissjoni (C‑414/12 P, EU:C:2014:301), tliet xhur fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il‑Kummissjoni (T‑201/17, EU:T:2019:81), u erba’ xhur fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, GEA vs Il‑Kummissjoni (T‑640/16, EU:T:2018:700).

185    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-istituzzjonijiet jittrattaw fi żmien raġonevoli l-każijiet fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi mmexxija minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 284).

186    Fil-fatt, l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt irrikonoxxut, b’mod partikolari, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 167; tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162; u tas‑7 ta’ Ġunju 2013, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑267/07, EU:T:2013:305, punt 61).

187    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li matul it-trattament tal-każ kien hemm erba’ fażijiet suċċessivi quddiem il-Kummissjoni, li damu total ta’ sitt snin u xahar:

–        l-ewwel fażi, li damet sena u ħames xhur, isseparat l-ewwel miżuri investigattivi mit-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-Federacciai u lill-impriżi kkonċernati;

–        it-tliet fażijiet segwenti huma dawk li wasslu rispettivament għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, ta’ dik tal-2009 u tad-deċiżjoni kkontestata, u li kull waħda minnhom damet, rispettivament, disa’ xhur, sentejn u xahar, u sena u disa’ xhur.

188    Skont il-ġurisprudenza, in-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, l-interess tat-tilwima għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-każ kif ukoll l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 187 u 188).

189    Għalhekk, anki jekk jitqies li, f’każijiet oħra, il-fażi amministrattiva li segwiet l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ proċedura li tkompliet sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida, kienet iqsar milli fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, kif isostnu r-rikorrenti, dan ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

190    Fil-fatt, in-natura raġonevoli taż-żmien għandha tiġi eżaminata billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ fid-dawl b’mod partikolari tal-kriterji msemmija fil-punt 189 iktar ’il fuq.

191    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interess tat-tilwima għall-parti kkonċernata, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ tilwima dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li minnha għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern huma ta’ interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrenti stess u għall-kompetituri tagħhom iżda wkoll għal terzi, u dan minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u ta’ interessi finanzjarji inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea, T‑725/14, EU:T:2017:47, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 65(1) FA billi pparteċipaw, mis‑6 ta’ Diċembru 1989 sas‑27 ta’ Ġunju 2000, fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma li jikkonċernaw il-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit, li kellhom bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq intern.

193    Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, ikkundannati in solidum, multa ta’ EUR 5.125 miljuni.

194    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-interess tal-każ kien importanti għar-rikorrenti.

195    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kumplessità tal-każ, għandu jiġi rrilevat li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni jikkonċernaw il-konsegwenzi li kellhom jinstiltu, għall-proċedura, mill-iskadenza tat-Trattat KEFA.

196    Issa, għandu jitfakkar li l-kwistjonijiet marbuta mar-regoli applikabbli għall-fatti tal-każ, kemm għal dak li jirrigwarda l-mertu kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-proċedura, minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, kienu jippreżentaw, kif indikat il-Kummissjoni, ċerta kumplessità.

197    Barra minn hekk, l-akkordju kien ikopri perijodu relattivament twil (10 snin u 7 xhur), kien jikkonċerna numru sinjifikattiv ta’ atturi (8 impriżi, li jinkludu total ta’ 11-il kumpannija u assoċjazzjoni professjonali) u kien jimplika volum kbir ta’ dokumenti pprovduti jew miksuba matul l-ispezzjonijiet (madwar 20 000 paġna).

198    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-każ għandu jitqies li kien kumpless.

199    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni wettqet attività kontinwa minħabba t-talbiet abbundanti li kienu jaslulha mill-partijiet fil-proċedura amministrattiva.

200    Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tittratta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, diversi ittri, fl-istess ħin li hija kellha tipprepara s-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 u teżamina proposta ta’ soluzzjoni għat-tilwima ppreżentata minn ċerti partijiet fil-proċedura amministrattiva fl‑4 ta’ Diċembru 2018.

201    Minn dawn l-elementi kkunsidrati flimkien jirriżulta li t-tul tal-fażijiet amministrattivi tal-proċedura ma jidhirx li huwa irraġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u, b’mod partikolari, tal-kumplessità tiegħu, f’kuntest fejn il-Kummissjoni ma tista’ tiġi kkritikata dwar ebda perijodu ta’ inattività mhux spjegata matul l-istadji li kkaratterizzaw l-imsemmija fażijiet amministrattivi.

202    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni lment, dwar ittul globali talproċedura

203    Ir-rikorrenti jikkontestaw it-tul globali li kien meħtieġ għat-trattament tal-fajl sa mill-ewwel atti ta’ investigazzjoni sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħhom, il-fatt li, fil-mument ta’ din l-adozzjoni, dan it-tul kien jammonta għal kważi 19-il sena u kien jikkonċerna aġir li ċerti elementi tiegħu kienu seħħew iktar minn 30 sena ilu jfisser li dan it-tul imur kontra l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

204    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt irrikonoxxut b’mod partikolari fl-Artikolu 41(1) tal-Karta. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jikkostitwixxi irregolarità proċedurali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 191). Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 6 tal-KEDB, kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ b’mod ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi jew dwar il-kontestazzjonijiet marbuta mad-drittijiet u mal-obbligi ta’ natura ċivili tagħha, jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża fil-qasam kriminali mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 177 sa 179, u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punti 282 u 283).

205    Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-istituzzjonijiet, il-kopri u l-organi tal-Unjoni jittrattaw fi żmien raġonevoli l-każijiet fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi mmexxija minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 284).

206    L-obbligu li jiġi osservat żmien raġonevoli japplika għal kull stadju li jagħmel parti minn proċedura kif ukoll għal din il-proċedura fl-intier tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 230 u 231, u l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 239).

207    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-perijodu li matulu żvolġiet il-proċedura amministrattiva kollha kien eċċezzjonalment twil, fatt li barra minn hekk wassal lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas il-multa finalment imposta fuq ir-rikorrenti (ara l-punt 163 iktar ’il fuq).

208    Madankollu, it-tul globali tal-proċedura amministrattiva jista’ jiġi spjegat, f’dan il-każ, mill-kumplessità tal-fajl, filwaqt li, fir-rigward ta’ ċerti aspetti, dan it-tul huwa dovut għal elementi relatati mal-każ fih innifsu, filwaqt li, fir-rigward ta’ aspetti oħra, l-istess tul huwa marbut mal-kuntest li fih jaqa’ l-fajl, jiġifieri l-iskadenza tat-Trattat KEFA (ara l-punti 196 sa 199 iktar ’il fuq).

209    Huwa minnu li twettqu żbalji mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li kellhom jinstiltu mill-iskadenza tat-Trattat KEFA u li dawn l-iżbalji taw lok għal annullamenti deċiżi mill-Qorti Ġenerali u sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

210    Madankollu, dawn l-iżbalji kif ukoll l-impatt li seta’ kellhom fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma.

211    Barra minn hekk, it-tul globali tal-proċedura amministrattiva huwa parzjalment imputabbli għall-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju u għalhekk huwa marbut man-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni fuq aspetti differenti tal-każ.

212    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà għall-impriżi, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti, li jaraw il-każijiet tagħhom eżaminati iktar minn darba mill-awtoritajiet amministrattivi u, jekk ikun il-każ, mill-qrati tal-Unjoni hija inerenti għas-sistema implimentata prevista mill-awturi tat-Trattati għall-kontroll tal-aġir u tal-operazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni. B’hekk, l-obbligu għall-awtorità amministrattiva li twettaq diversi formalitajiet u passi qabel ma tkun tista’ tadotta deċiżjoni finali fil-qasam tal-kompetizzjoni, u l-possibbiltà li dawn il-formalitajiet jew dawn il-passi jistgħu jagħtu lok għal rikors ma jistgħux jintużaw minn impriża bħala argumenti fi tmiem il-proċess sabiex issostni li jkun inqabeż żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi Feralpi et vs Il‑Kummissjoni, C‑85/15 P, C‑86/15 P u C‑87/15 P, C‑88/15 P u C‑89/15 P, EU:C:2016:940, punt 70).

213    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li, evalwat fl-intier tiegħu, it-tul tal-proċedura amministrattiva kien eċċessiv u, għalhekk, li huwa seta’ jipprekludi li tiġi adottata, mill-Kummissjoni, deċiżjoni ġdida li timponi multa.

214    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet ilment, dwar leffett, fuq iddrittijiet taddifiża, tattul talproċedura

215    Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-proċedura amministrattiva affettwa d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Fil-fehma tagħhom, minħabba dan it-tul, is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018 ma ppermettietx lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jisimgħu lill-atturi kollha li l-opinjonijiet tagħhom seta’ jkollhom influwenza fuq il-kapaċità tagħhom li jiddefendu ruħhom.

216    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 181 iktar ’il fuq, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex il-qorti tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli. Peress li l-ewwel waħda (tul irraġonevoli tal-proċedura) ma hijiex issodisfatta, ma huwiex neċessarju, bħala prinċipju, li jiġi vverifikat, bi tweġiba għar-raba’ ilment, jekk it-tul tal-proċedura amministrattiva ostakolax l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Madankollu, dan l-eżami għandu jsir, għal finijiet ta’ kompletezza, sabiex tingħata tweġiba sħiħa għall-preokkupazzjonijiet espressi mir-rikorrenti.

217    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura kkunsidrata fl-intier tagħha, ir-rikorrenti kellhom, minn tal-inqas seba’ darbiet, l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom u li jressqu l-argumenti tagħhom (ara l-punti 3 sa 6, 10, 22 u 23 iktar ’il fuq).

218    B’mod partikolari, ir-rikorrenti setgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom, waqt it-tielet fażi amministrattiva, fl-osservazzjonijiet tagħhom tal‑1 ta’ Frar 2018 u waqt is-seduta tat‑23 ta’ April 2018 (ara l-punti 22 u 23 iktar ’il fuq).

219    Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-ewwel motiv ippermetta li jiġi stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma kinux ġew affettwati la mill-fatt li l-atturi kollha li pparteċipaw fis-seduti ta’ smigħ preċedenti ma kinux preżenti waqt is-seduta ta’ smigħ tat‑23 ta’ April 2018, u lanqas mill-fatt li r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri kienu jafu, fil-mument li esprimew l-opinjoni tagħhom fi ħdan il-kumitat konsultattiv, li żewġ deċiżjonijiet, li waħda minnhom kienet ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, kienu ġew adottati, preċedentement fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (ara l-punti 66 sa 146 iktar ’il fuq).

220    Minn dawn l-elementi jirriżulta li, anki jekk jitqies li t-tul tal-proċedura amministrattiva jista’ jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkiseb annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex issodisfatti, peress li r-rikorrenti ma rnexxielhom jistabbilixxu ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-imsemmi tul.

221    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ebda wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ma huwa ssodisfatt.

222    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud u, miegħu, il-motiv ikkunsidrat kollu kemm hu.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

223    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti, dwar, l-ewwel, l-assenza ta’ spjegazzjoni suffiċjenti dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multa, it-tieni, żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-effett dissważiv li jista’ jiġi prodott bl-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, it-tielet, żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-possibbiltà, għal terzi, li jippreżentaw rikors għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, kif ukoll argumenti oħra, li huma kkontestati kollha mill-Kummissjoni.

 Fuq lewwel ilment, dwar l-assenza ta’ spjegazzjoni suffiċjenti dwar irraġunijiet li wasslu lillKummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida li timponi multa

224    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li setgħu wassluha sabiex tkompli l-proċedura:

–        minn naħa, il-motivazzjoni ma tiġġustifikax l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa minbarra li tikkonstata ksur;

–        min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx id-dikjarazzjoni tagħha li multa hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv fis-suq inkwistjoni meta dan kien inbidel radikalment.

225    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha, permezz tal-Artikolu 105(1) TFUE, il-missjoni li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

226    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija meħtieġa tiddefinixxi u timplimenta, skont il-ġurisprudenza, il-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il‑Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, kif joħroġ mir-Regolament Nru 1/2003, li jgħid li, jekk tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, hija “tista’”, minn naħa, tobbliga lill-impriżi kkonċernati jtemmu dan il-ksur (Artikolu 7(1)) u, min-naħa l-oħra, timponi multi fuq l-impriżi li jkunu wettqu dan il-ksur (Artikolu 23(2)).

228    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni b’hekk ingħatat, indipendentement mill-mod segwit sabiex il-fajl jitressaq quddiemha, jiġifieri b’mod partikolari fil-kuntest ta’ lment jew fuq inizjattiva tagħha stess, is-setgħa li tiddeċiedi jekk aġir għandux ikun is-suġġett ta’ proċeduri, ta’ deċiżjoni u ta’ multa, skont il-prijoritajiet li hija tiddefinixxi fil-kuntest tal-politika tagħha dwar il-kompetizzjoni.

229    Madankollu, l-eżistenza ta’ din is-setgħa ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, LL-Carpenter vs Il‑Kummissjoni, T‑531/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:91, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230    F’kuntest fejn, bħal f’dan il-każ, minn naħa, deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni ġiet annullata darbtejn u fejn, min-naħa l-oħra, iż-żmien li għadda bejn l-ewwel atti ta’ investigazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kien eċċezzjonalment twil, hija din l-istituzzjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-proċedura u l-konsegwenzi li dan it-tul seta’ kellu fuq id-deċiżjoni tagħha li tmexxi proċeduri kontra l-impriżi kkonċernati, evalwazzjoni din li għandha għalhekk tidher fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

231    Issa, dan kien dak li fil-fatt għamlet il-Kummissjoni meta indikat fid-dettall, minn naħa, fil-premessi 526 sa 529 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fil-premessi 536 sa 573 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat li kellha tiġi adottata deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u li timponi multa fuq l-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, hija indikat li l-impożizzjoni ta’ multa tippermetti li jiġi ggarantit li l-impriżi destinatarji, li pparteċipaw f’akkordju għal żmien twil, ma jibqgħux impuniti, billi żiedet li, fil-fehma tagħha, hija biss l-impożizzjoni ta’ multa li tiggarantixxi applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tipproduċi effett dissważiv fir-rigward tal-impriżi (premessa 565 tal-imsemmija deċiżjoni).

232    Għaldaqstant, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

233    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 505 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kienet informat lill-impriżi destinatarji meta temmet l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li hija xtaqet tkompli l-proċedura sabiex tistabbilixxi, wara seduta ta’ smigħ dwar il-mertu u miżmuma skont ir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, jekk il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriżi fil-ksur li kienu akkużati bih fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tirriżultax jew le b’ċarezza suffiċjenti.

234    Fir-rigward tas-sanzjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 232 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 565 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impożizzjoni ta’ multa tippermetti li tiġi evitata kull impunità tal-impriżi kkonċernati u li tali impożizzjoni ta’ multa biss tiggarantixxi applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u effett dissważiv.

235    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-bidla li kien hemm fis-suq, li, skont ir-rikorrenti, għandha tiġġustifika li l-Kummissjoni tkun iktar indulġenti fil-qasam tal-multa, din il-kwistjoni hija ttrattata fil-premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha din indikat li, anki jekk il-ksur kien ilu li waqaf għal żmien relattivament twil, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa żżomm l-importanza tagħha, b’mod partikolari għas-suq tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit fl-Italja, sabiex tiddisswadi lill-impriżi destinatarji milli jwettqu mill-ġdid aġir ta’ tali gravità.

236    Minn dawn l-elementi jista’ jiġi konkluż li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li timponi multa minkejja l-annullamenti li seħħew fil-passat, inkluż it-tħassib li jingħata effett dissważiv lid-deċiżjoni kkontestata.

237    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud u, miegħu, l-ilment ikkunsidrat kollu kemm hu.

 Fuq ittieni lment, dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq millKummissjoni firrigward taleffett dissważiv li jista’ jiġi prodott bladozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li timponi multa

238    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, minkejja l-bidliet li seħħew fis-suq tal-vireg li jirrinfurzaw il-konkrit, li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kienu għadhom neċessarji sabiex l-impriżi destinatarji jiġu dissważi milli jadottaw tali aġir fil-futur u sabiex l-atturi kollha eventwalment ikkonċernati jiġu dissważi milli jwettqu ksur paragunabbli fil-futur.

239    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fid-dawl tan-natura gravi tal-ksur ikkonstatat, li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kienu għadhom iġġustifikati, fil-mument meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fid-dawl tal-effett dissważiv li jistgħu jipproduċu, fis-swieq, din id-deċiżjoni u din is-sanzjoni.

240    Fil-fatt, hija s-sanzjoni, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu jħallas il-multa imposta, li tiddisswadi effettivament impriża, u b’mod ġenerali l-atturi tas-suq, milli twettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE.

241    Huwa minnu li r-rikorrenti ġew suġġetti għal sanzjoni f’żewġ okkażjonijiet matul il-proċedura, l-ewwel darba mid-Deċiżjoni tal-2002 u t-tieni darba f’dik tal-2009. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-qorti tal-Unjoni rispettivament fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il‑Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317) u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ferreira Valsabbia et vs Il‑Kummissjoni (C‑86/15 P u C‑87/15 P, EU:C:2017:717). F’dawn il-kundizzjonijiet, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fid-deċiżjoni kkontestata setgħet titqies li kienet iġġustifikata fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv.

242    Jista’ jingħad ukoll li l-impożizzjoni ta’ multa mill-Kummissjoni ma kellhiex bħala għan uniku, f’dan il-każ, li tagħti ċertu effett dissważiv lid-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll li tevita l-impunità sħiħa għall-impriżi kkonċernati, kif kien ikun il-każ li kieku huma ma kinux ġew issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 527 tad-deċiżjoni kkontestata).

243    Issa, dan l-aħħar għan kien suffiċjenti, waħdu, fid-dawl tal-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, u fid-dawl b’mod għal kollox partikolari, minn naħa, tan-natura gravi tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tat-tul ta’ dan il-ksur, kif kien ġie stabbilit mill-imsemmija istituzzjoni, sabiex tkun iġġustifikata f’dan il-każ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni.

244    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet ilment, dwar żball imwettaq millKummissjoni flevalwazzjoni talpossibbiltà, għal terzi, li jressqu azzjoni għallkumpens quddiem ilqrati nazzjonali

245    Ir-rikorrenti jikkontestaw wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika t-tkomplija tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri li kien hemm lok li tiġi ggarantita l-possibbiltà għal terzi li jressqu wkoll kawżi għal kumpens wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħhom, ebda azzjoni ċivili ma kienet għadha tista’ titressaq fil-mument meta ġiet adottata din id-deċiżjoni, peress li tali azzjoni kienet preskritta wara ħames snin fl-Italja u l-aġir ikkonċernat minn din il-proċedura kien imur lura, għal xi wħud, għal iktar minn tletin sena.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 564 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, fil-fehma tagħha, it-tkomplija tal-proċedura u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida setgħu jiffaċilitaw il-kompitu ta’ terzi li xtaqu jintroduċu, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati nazzjonali, kawża għad-danni.

247    Din l-evalwazzjoni hija fondata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li ċerti vittmi kienu interrompew il-preskrizzjoni u li l-imsemmija deċiżjoni tista’ għalhekk tiffaċilita t-tressiq, minn dawn tal-aħħar, ta’ azzjoni intiża li jinkiseb kumpens għal eventwali dannu.

248    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jiffokaw l-argument tagħhom fuq it-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam ċivili fl-Italja.

249    Madankollu, pajjiżi oħra minbarra l-Italja setgħu jkunu kkonċernati mit-tressiq ta’ azzjonijiet bil-għan li jinkiseb il-kumpens għal eventwali dannu li jirriżulta mill-akkordju, peress li l-prodotti li ġew affettwati minn dan l-akkordju setgħu jinxtraw minn klijenti li jinsabu barra mill-pajjiż.

250    F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali oħra, li jipprevedu, jekk ikun il-każ, regoli differenti dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni jew il-kawżi li jistgħu jissospendu, jew jinterrompu, il-preskrizzjoni, ma setgħetx tiġi eskluża mill-Kummissjoni.

251    Għalhekk, fl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti baqgħu ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ żball, peress li l-pożizzjoni tagħhom sempliċement tindika li huma ma għandhomx l-istess opinjoni bħall-Kummissjoni dwar il-kwistjoni kkonċernata, jiġifieri l-interess tal-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali minn terzi eventwalment leżi.

252    Għaldaqstant, l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq largumenti loħra

253    Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jqajmu wkoll żewġ argumenti li ġew analizzati, parzjalment fi kwalunkwe każ, fit-tweġiba mogħtija għall-motivi l-oħra eżaminati preċedentement.

254    Permezz tal-ewwel argument, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk it-tul tal-proċedura amministrattiva kienx qabeż it-terminu raġonevoli.

255    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx b’mod suffiċjenti fid-dritt għalfejn, fil-kuntest tal-analiżi tagħha, hija kellha teżamina biss it-tul tal-proċedura amministrattiva.

256    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat fil-punti 153 sa 170 iktar ’il fuq bi tweġiba għall-ewwel ilment tat-tieni motiv, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ivverifikat it-tul globali tal-proċedura amministrattiva, inklużi l-fażijiet amministrattivi u l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, u eżaminat jekk dan it-tul setax jew kellux ikollu konsegwenzi fuq il-possibbiltà li titkompla l-imsemmija proċedura u fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati.

257    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ammettiet li, wara żbalji proċedurali li kienu twettqu, id-diversi fażijiet sussegwenti setgħu jwasslu, għall-proċedura amministrattiva kkunsidrata kollha kemm hi, inklużi l-fażijiet amministrattivi u l-interruzzjonijiet dovuti għall-istħarriġ ġudizzjarju, għal tul “oġġettivament” twil, kif indikat fil-punti 157 u 158 iktar ’il fuq.

258    Wara li bbilanċjat l-interess pubbliku li tinkiseb l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-interess tal-partijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi possibbli tal-iżbalji proċedurali mwettqa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda li tnaqqas il-multa imposta għal 50 %.

259    Għaldaqstant, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

260    Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li ma kienx inqabeż żmien raġonevoli.

261    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tafferma, kif għamlet, li l-proċedura amministrattiva żvolġiet b’ħeffa.

262    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-elementi msemmija bi tweġiba għat-tielet motiv (ara l-punti 184 sa 216 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li, meta kkonkludiet li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma kienx irraġonevoli, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni.

263    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet u, b’mod partikolari, mill-punti 186 sa 203 iktar ’il fuq, jirriżulta, fl-istess sens, li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “[f]il-każ preżenti, f’dak li jikkonċerna l-fażi amministrattiva, [hija] tqis li dejjem wettqet l-attività ta’ investigazzjoni tagħha b’ħeffa u mingħajr interruzzjonijiet inġustifikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], lanqas ma fiha żball ta’ evalwazzjoni.

264    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud.

265    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq ittalba mressqa fisseduta mirrikorrenti dwar ilbidla talmulta

266    Ir-rikorrenti indikaw, waqt is-seduta, li huma kkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rikors tagħhom, iżda wkoll, impliċitament, l-ammont tal-multa, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali kienet ukoll adita b’talba għal bidla tal-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa.

267    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax teżerċita ex officio l-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

268    Fil-fatt, peress li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem din it-talba kontra d-deċiżjoni kkontestata, li għandu jispeċifika l-motivi li jiġġustifikaw din it-talba u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑89/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 335).

269    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikors ma fih ebda talba għal bidla tal-multa. Huwa minnu li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostnew li tali talba tirriżulta mill-ekonomija tar-rikors. Madankollu, huma ma ressqu ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 76(e) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu li r-rikorrent huwa obbligat jindika t-talbiet tiegħu fir-rikors tiegħu, ma humiex issodisfatti. Skont din id-dispożizzjoni, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-fondatezza tar-rikors tista’ tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il‑Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

270    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal bidla tal-multa ġiet ifformulata, matul il-proċedura, b’mod tardiv u, filwaqt li jinstiltu l-konsegwenzi ta’ din in-natura tardiva, li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba hija inammissibbli.

271    Fi kwalunkwe każ, peress li l-argumenti insostenn tar-rikors ġew kompletament miċħuda, il-multa ma tistax titnaqqas, u lanqas a fortiori ma tista’ tiġi annullata, abbażi tal-motivi mqajma insostenn tar-rikors.

 Konklużjoni

272    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

273    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ferreira Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Novembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.