Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fid-9 ta’ Frar 2021 – Airbnb Ireland UC, Airbnb Payments UK Ltd vs Agenzia delle Entrate

(Kawża C-83/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Airbnb Ireland UC, Airbnb Payments UK Ltd.

Konvenuta: Agenzia delle Entrate

Domandi preliminari

Kif għandhom jiġu interpretati l-kliem “regolament tekniku” tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u “regola dwar is-servizzi” tas-soċjetà tal-informazzjoni li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2015/1535 1 u, b’mod partikolari, dan il-kliem għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopru wkoll miżuri ta’ natura fiskali li ma humiex immirati direttament biex jirregolaw is-servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni, iżda li huma ta’ natura li jirregolaw l-eżerċizzju konkret tal-attività fit-territorju tal-Istat Membru, b’mod partikolari billi jiġi impost fuq il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni ta’ proprjetà immobiljari responsabbli, inklużi, għalhekk, dawk li ma humiex stabbiliti f’dan l-Istat u li jipprovdu s-servizzi tagħhom online, obbligi li għandhom il-funzjoni li jikkontribwixxu għall-ġbir effettiv ta’ taxxi dovuti minn sidien il-kera, bħal:

(a)    il-ġbir u l-komunikazzjoni sussegwenti lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ informazzjoni rrelatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi bħala riżultat tal-attività tal-intermedjarju ;

(b)    iż-żamma tas-sehem dovut lill-awtoritajiet tat-taxxa tas-somom imħallsa mill-kerrejja lis-sidien tal-kera u l-ħlas sussegwenti ta’ dawn is-somom lit-Teżor Pubbliku ?

(a)    Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/123/KE 2 u 2000/31/KE 3 jipprekludi miżura nazzjonali li tipprevedi, impożizzjoni fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli attivi fl-Italja - inklużi, konsegwentement, operaturi mhux stabbiliti li jipprovdu s-servizzi tagħhom online - obbligi li tinġabar informazzjoni rrelatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi permezz tagħhom u komunikazzjoni sussegwenti ta’ din l-informazzjoni lill-amministrazzjoni tat-taxxa, għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz ?

(b)     Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/123/KE u 2000/31/KE jipprekludu miżura nazzjonali li tipprevedi, impożizzjoni fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli attivi fl-Italja – inklużi, konsegwentement, operaturi mhux stabbiliti li jipprovdu s-servizzi tagħhom online – li jseħħu matul il-fażi tal-ħlas irrelatata ma’ kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir konklużi permezz tagħhom, l-obbligu ta’ ġbir, għall-fini ta’ rkuprar tat-taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz, ta’ taxxa minn ras il-għajn minn dawn il-ħlasijiet u ħlas wara lit-Teżor Pubbliku ?

(c)     F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/123/KE u 2000/31/KE tista’ madankollu tiġi ristretta, skont id-dritt tal-Unjoni, b’miżuri nazzjonali bħal dawk deskritti hawn fuq, taħt (a) u (b), minħabba l-ineffettività, fil-każ kunrarju, tal-impożizzjoni fiskali rrelatata ma’ taxxi diretti dovuti minn utenti tas-servizz ?

(d)     l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE u, jekk jitqiesu applikabbli fil-qasam inkwistjoni, il-prinċipji simili li jirriżultaw mid-Direttivi 2006/123/KE u 2000/31/KE tista’ madankollu tiġi ristretta, skont id-dritt tal-Unjoni, b’miżura nazzjonali li timponi fuq intermedjarji tal-propjetà immobbli mhux stabbiliti fl-Italja, l-obbligu li jaħtru rappreżentant fiskali meħtieġ biex jeżegwixxi, f’isem u għall-intermedjarju mhux stabbilit, il-miżuri nazzjonali deskritti hawn fuq, taħt (b), fid-dawl tal-ineffettività, fil-każ kuntrarju, tal-impożizzjoni fiskali rrelatata ma’ taxxi diretti dovuti mill-utenti tas-servizz ?

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jkun hemm kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (primarju jew sekondarju) imqajma minn waħda mill-partijiet u assoċjata mal-indikazzjoni preċiża tat-test tad-domandi, il-qorti madankollu tirriżerva d-dritt li tipproċedi bil-formulazzjoni awtonoma ta’ dawn id-domandi, billi tindika b’mod diskrezzjonali, skont l-għarfien u t-twemmin tiegħu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma potenzjalment kuntrarji għal dawn u l-kliem eżatt tad-domandi, sakemm jibqgħu fil-kuntest tas-suġġett tal-kawża, jew hija obbligata tirriproduċi d-domandi kif ifformulati mill-parti li titlob ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ?

____________

1     Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

2     Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

3     Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).