Language of document : ECLI:EU:T:2005:318

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

13 ta' Settembru 2005(*)

"Uffiċjali – Rimunerazzjoni – Benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni– L-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal– Kunċett ta' 'servizzi mwettqa għal Stat ieħor’"

Fil-kawża T-72/04

Sonja Hosman-Chevalier, uffiċċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li toqgħod fi Brussell, irrappreżentata minn J.‑R. García-Gallardo Gil-Fournier, E. Wouters u A. Sayagués Torres, Avukati,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u M. Velardo, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2003, li tiċħad lir-rikorrenti l-pagament tal-benefiċċju tal-pagament ta' espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew, kif ukoll tal-pagamenti li huma relatati miegħu,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (l-Ewwel Awla),

komposta minn  J. D. Cooke, President, R. García-Valdecasas u V. Trstenjak, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 69 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti") fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża preżenti jipprovdi li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni jekwivali 16% tat-total tas-salarju bażiku u tal-benefiċċju tal-familja kif ukoll tal-benefiċċju tat-tfal dipendenti li l-uffiċċjal għandu dritt għalihom.

2        L-Artikolu 4(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti jipprovdi li l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni ta' 16% ta' l-ammont globali tal-paga bażika kif ukoll tal-benefiċċju tal-familja u tal-benefiċċju tat-tfal dipendenti li tħallsu lill-uffiċjal hu jingħata.

"a) lill-uffiċjal

–        li m'għandu u li qatt ma kellu n-nazzjonalità ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jinsab il-post ta' l-impjieg tiegħu.

u

–        li matul l-aħħar ħames snin, li jintemmu sitt shur qabel id-dħul fis-seħħ tas-servizz tiegħu, ma għex b'mod abitwali jew ma eżerċitax l-attività professjonali prinċipali tiegħu fit-territorju Ewropew ta' l-imsemmi Stat. Sabiex tapplika din id-dispożizzjoni, ċirkustanzi li jirriżultaw minn servizzi mwettqa għal Stat Membru ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali m'għandhomx jiġu kkunsidrati;

[…] " [Traduzzjoni mhux Uffiċjali]

3        L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti jistabbilixxi li benefiċċju għal stallazzjoni li hu daqs xahrejn paga bażika, fil-każ ta’ uffiċjal li huwa intitolat għall-benefiċċju tal-familja, jew daqs xahar paga bażika ta’ xahar wieħed, f'każ ta' uffiċjal li mhuwiex intitolat għal dan il-benefiċċju, għandu jitħallas lil uffiċjal li jissodisfa l-kondizzjonijiet biex igawdi mill-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni jew li jipprovdi evidenza ta’ bidla fir-residenza biex jissodisfa l-obbligi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolamenti. Fl-aħħarnett, fit-termini ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10(1), ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, l-uffiċċjal li jipprovdi evidenza ta’ bidla fir-residenza biex jissodisfa l-obbligi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolamenti huwa intitolat, għal perijodu speċifikat, għal benefiċċju ta’ l-għajxien.

 Il-fatti li wasslu għar-rikors

4        Ir-rikorrenti, ta' nazzjonalità Awstrijaka, studjat u ħadmet fl-Awstrija sa l-14 ta' Mejju 1995. Mill-15 ta' Mejju 1995 sas-17 ta' Marzu 1996, hija ħadmet fil-Belġju għall-Verbindungsbüro tal-Länder tat-Tirol, l-uffiċċju tal-Länder tat-Tirol, li jinsab fi Brussell.

5        Mit-18 ta' Marzu 1996 sal-15 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti għamlet parti mill-persunal tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea fi Brussell. F'din il-kwalità, hija eżerċitat l-attività tagħha, l-ewwel, għall-Verbindungstelle der Bundesländer (iktar 'il quddiem il-"VB"), l-uffiċju ta' kuntatt ta' Länder u wara, għall-Österreichischer Gewerkschaftsbund (iktar 'il quddiem l-"OGB"), il-Federazzjoni ta' trejdjunjins Awstrijaċi.

6        Fis-16 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti daħlet fil-kariga tagħha mal-Kummissjoni bħala uffiċjal. Il-perijodu ta' ħames snin msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, fir-rigward tal-benefiċċju tal-pagament ta' espatrijazzjoni, imsejjaħ il-"perijodu ta' referenza", ġie iffissat bejn is-16 ta' Mejju 1997 u l-15 ta' Mejju 2002.

7        B'nota tat-8 ta' April 2003, ir-rikorrenti ġiet informata mid-Direttorat Ġenerali (DG) ta' l-Amministrazzjoni u tal-Persunal tal-Kummissjoni li l-benefiċċju tal-espatrijazzjoni ma setax jingħatalha.

8        Fis-7 ta' Lulju 2003, ir-rikorrenti ppreżentat ilment, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, kontra din in-nota tat-8 ta' April 2003. Hija ippreżentat żewġ annessi għal dan l-ilment b'imejl ta' l-14 ta' Awissu 2003 u b'faks tal-11 ta' Settembru 2003.

9        B'nota tad-29 ta' Ottubru 2003, li r-rikorrenti saret taf biha fit-3 ta' Novembru 2003, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar 'il quddiem l-"AIPN") ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti.

10      Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-pagament ta' espatrijazzjoni u l-pagamenti relatati miegħu ġew irrifjutati lir-rikorrenti prinċipalment minħabba li l-attivitajiet professjonali li hija kienet eżerċitat fi Brussell matul il-perijodu ta' referenza ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" fis-sens ta' l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. L-AIPN ikkunsidra li, anki jekk kien minnu li l-VB kien jinsab fil-bini tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija, huwa kien jikkostitwixxi madankollu entità awtonoma distinta, li toħroġ mill-Länder u li hija inkarigata tiddefendi l-interessi tagħhom u mhux dawk tal-Bund (Stat federali). Għal dak li jirrigwarda l-OGB, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti u, b'mod partikolari, il-kuntratt ta' xogħol tagħha, ma jsemmu l-ebda rabta mar-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-raġuni għalfejn lanqas ix-xogħol imwettaq għall-OGB ma seta' jiġi assimilat mas-servizzi mwettqa għal dan l-Istat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      B'rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-20 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Fl-10 ta' Ġunju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċiediet, bis-saħħa ta' l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma kienx hemm bżonn tieni skambju ta' sottomissjonijiet, billi l-inkartament kien komplut biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet jiżviluppaw ir-raġunijiet u l-argumenti tagħhom matul il-proċedura orali, fuq liema r-rikorrenti ma għamlet l-ebda osservazzjoni.

13      Fir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet lir-rikorrenti tissottometti ċerti dokumenti. Ir-rikorrenti qagħdet għal din it-talba fit-terminu mogħti.

14      Il-partijiet ġew mismugħa fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fir-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tal-5 ta' April 2005. Waqt din is-seduta u bħala miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li tinkludi mal-kontenut ta' l-inkartament tal-kawża s-sottomissjonijiet tad-difiża u l-kontro-replika ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kawża T-83/03 Salazar Brier vs il-Kummissjoni. Il-partijiet ġew mismugħa dwar dawn id-dokumenti.

15      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha:

–        tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta' Ottubru 2003 li tirrifjutalha l-pagament tal-benefiċċju ta' espatrijazzjoni u l-pagamenti li huma relatati miegħu;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għandha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tordna r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 Fuq is-suġġett tal-kontroversja

17      Għalkemm it-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2003 li tiċħad l-ilment ippreżentat fis-7 ta' Lulju 2003, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti, kontra d-deċiżjoni tat-8 ta' April 2003, dan ir-rikors għandu bħala effett, konformi ma' ġurisprudenza kostanti, li jressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza l-att kuntenzjuż li kontrih ġie ppreżentat l-ilment (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 1997, (Echauz Brigaldi et vs il-Kummissjoni, T-156/95, Ġabra (Servizz Pubbliku) p. I-A-171 u II-509, punt 23,u tal-15 ta' Diċembru 1999, Latino vs il-Kummissjoni T-300/97 Ġabra (Servizz Pubbliku) p. I-A-259 u II-1263 punt 30). Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors huwa wkoll intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2003 li tirrifjuta lir-rikorrenti l-pagament tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u ta' l-indennizzi relatati miegħu.

 Id-dritt

18      Ir-rikorrenti tipprovdi tliet motivi sabiex issostni r-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat mill-iżball ta' evalwazzjoni tal-fatti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Fl-aħħarnett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament indaqs.

19      L-ewwelnett, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti

 L-argumenti tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti hi ta' l-opinjoni li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta' dritt meta sostniet li x-xogħol li hija kienet wettqet għall-VB u għall-OGB fir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi kkwalifikat bħala "servizzi mwettqa għal Stat ieħor", fis-sens ta' l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

21      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tat interpretazzjoni żbaljata lill-kunċett ta' Stat stabbilit fl-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Hija ħadmet għar-Repubblika ta' l-Awstrija, u dan indipendentement mill-organizzazzjoni li magħha hija kellha relazzjoni kuntrattwali. Ir-rikorrenti tfakkar li r-Regolamenti jistabbilixxu, bħala eċċezzjoni fil-kalkolu tal-perijodu ta' referenza, is-sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn "servizzi mwettqa għal Stat ieħor". Għaldaqstant mhuwiex importanti li dan is-servizz jkun provdut għal ministeru jew organizzazzjoni oħra ta' l-amministrazzjoni, għax l-element deċisiv huwa li s-servizz jiġi mwettaq għal Stat ieħor. Skond ir-rikorrenti, ġaladarba hija ġiet rikonoxxuta mhux biss mir-Repubblika ta' l-Awstrija, imma anki mir-Renju tal-Belġju bħala li tagħmel parti mis-servizzi tekniċi u amministrattivi tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni differenti.

22      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li t-teżi tal-Kummissjoni li r-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija ma tagħmilx ħlief takkomoda l-istituzzjonijiet – il-VB u l-OGB – li huma assolutament awtonomi ma' dan l-Istat tmur kontra l-pożizzjoni li l-Kummissjoni nnifisha żammet sal-ġurnata tal-lum rigward servizzi pprovduti lil rappreżentazzjoni permanenti. Il-persunal kollu tal-VB u l-OGB huwa akkreditat bħala parti mis-servizzi tal-Protokoll Belġjani mir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija. Il-VB taqdi funzjonijiet li kienu ġew delegati lilha mir-Repubblika Awstrijaka, skond il-Kostituzzjoni tagħha. L-OGB tagħmel parti mill-imsieħba soċjali Awstrijaċi u tipparteċipa fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat billi tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-proposti leġiżlattivi jew fuq proġetti politiċi oħra, raġuni għaliex il-persunal tagħha huwa integrat fir-Rappreżentazzjoni Permanenti u jaqa' taħt l-Ambaxxatur Awstrijaku. Ir-rikorrenti titlob għaldaqstant li s-servizzi pprovduti għall-VB u għall-OGB ġewwa r-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija għandhom jiġu kkunsidrati bħala "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" fis-sens ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

23      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, għaliex il-perijodi ta' impjieg imwettqa fis-servizz tal-VB u ta' l-OGB ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" għall-finijiet ta' l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

24      Il-Kummissjoni ssostni li l-frażi "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" għandha tiġi interpretata b'mod awtonomu meta mqabbla mad-drittijiet nazzjonali differenti sabiex jiġu evitati diverġenzi, hekk kif il-Qorti iddikjarat fis-sentenza tal-31 ta' Mejju 2001, D u l-Isvezja vs il-Kunsill (C‑122/99P u C‑125/99Ġabrapunt11). Dan il-metodu jiġi mpost, b'mod partikolari, sabiex jiġu evitati d-differenzi fil-paga li jistgħu jinqalgħu bejn persuni fis-servizz ta' l-istess istituzzjoni kieku wieħed kellu jifhem din il-frażi bħala referenza għad-drittijiet nazzjonali differenti. L-interpretazzjoni stretta li hija tipproponi hija konformi mar-ratio legis ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tar-rikorrenti twassal sabiex l-entitajiet pubbliċi jew privati kollha li ġew trasferiti kompetenzi interni mill-Gvern Ċentrali jiġu kkunsidrati bħala Stati, li mhuwiex l-intenzjoni tal-leġiżlatur komunitarju. Il-leġiżlatur kien għamel referenza għall-kunċett ta' "Stat" meta f'dik l-epoka kienu diġà jeżistu Stati bi struttura federali, li jfisser li, kieku ried iwessa' dan il-kunċett u jinkludi subdiviżjonijiet politiċi jew kollettivitajiet reġjonali fid-dispożizzjoni in kwistjoni, huwa kien jagħmel dan espressament.

25      Rigward ix-xogħol imwettaq għall-VB, il-Kummissjoni tenfasizza li, anki jekk l-Awstrijaċi jgawdu minn kompetenzi vasti li ġew ittrasferiti lilhom direttament mill-Kostituzzjoni, dan ma jfissirx li l-Länder huma Stati, fis-sens ta' l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Skond il-Kummissjoni, huma biss is-servizzi pprovduti minn organizzazzjoni b'attività li jkollha effetti fuq it-territorju kollu ta' Stat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala servizzi mwettqa għal Stat ieħor. Dan mhuwiex il-każ tal-Länder li għandhom l-għan li jeżerċitaw il-poteri tagħhom ġewwa it-territorju tagħhom u, f'kull każ, fl-interess tat-territorju tagħhom biss. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi mill-fatt li kienet tgawdi minn status diplomatiku matul is-servizz tagħha mal-VB li din l-istituzzjoni għandha il-kwalità ta' Stat. Hija ma kellhiex status diplomatiku propju, imma status ta' persunal amministrattiv u tekniku u, barra minn hekk, hija lanqas ma tista tippretendi li kienet tgawdi minn status diplomatiku skond il-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-18 ta' April 1961 fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi, imma biss minn ċerti vantaġġi marbuta ma' dan l-istatus.

26      Rigward ix-xogħol imwettaq fi ħdan l-OGB, il-Kummissjoni tikkunsidra li din l-organizzazzjoni tirrappreżenta interessi eskussivament privati. (difiża, punt 30)

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

27      Skond ġurisprudenza kostanti, ir-raġuni għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni huwa li jpatti għall-ispejjeż u l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw mill-eżerċizzju permanenti ta' funzjonijiet fi Stat li miegħu l-uffiċjal ma stabbilixxiex rabtiet duraturi qabel id-daħla fis-servizz tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Marzu 1993, Vardakas vs il-Kummissjoni T‑4/92 Ġabra p. II‑357, punt 39; ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Diamantaras vs il-Kummissjoni T‑72/94, Ġabra (Servizz Pubbliku) p. I‑A‑285 u II‑865, punt 48, u tat- 28 ta' Settembru 1999, J vs il-Kummissjoni, T‑28/98, Ġabra (Servizz Pubbliku) p.  I‑A‑185 u II‑973, punt 32). Sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dawn ir-rabtiet duraturi biex b'hekk l-uffiċjal jitlef il-pagament tal-benefiċċju ta' espatrijazzjoni, il-leġiżlatur jeżiġi li l-uffiċjal ikun kellu r-residenza abitwali tiegħu jew eżerċita l-attività professjonali prinċipali tiegħu matul perijodu ta' ħames snin fl-Istat ta' l-impjieg tiegħu (sentenza Diamantaras vs il-Kummissjonipreċitata, punt 48).

28      Għandu jiġi mfakkar ukoll li eċċezzjoni hija pprovduta fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a), ta' l-Anness VII tar-Regolamenti hija pprovduta eċċezzjoni favur uffiċjali li wettqu servizzi għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali matul il-perijodu ta' referenza ta' ħames snin li jintemm sitt xhur qabel jidħol fil-kariga tiegħu. Din l-eċċezzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, f'tali kundizzjonijiet, dawn l-uffiċjali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li stabbilixxew rabtiet duraturi ma' l-Istat fejn huma impjegati minħabba l-karattru temporanju tas-sekondar tagħhom f'dan l-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1981, Vutera vs il-Kummissjoni 1322/79, Ġabra p. 127, punt 8, u tat-2 ta' Mejju 1985, De Angelis vs il-Kummissjoni, 246/83, Ġabra p. 1253, punt 13).

29      Il-mistoqsija li tqum hija li jiġi ddeterminat jekk is-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fir-Rappreżentazzjoni Permanenti ta' Awstrija fl-Unjoni Ewropea fi Brussel, matul il-perijodu ta' referenza, għandhomx ikunu kkunsidrati, hekk kif tippretendi r-rikorrenti, bħala servizzi mwettqa għal Stat fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Il-kunċett ta' Stat previst f'dan l-Artikolu ikopri biss l-Istat bħala persuna legali u bħala suġġett komuni ta' dritt internazzjonali u organizzazzjonijiet tiegħu.

30      Mhuwiex ikkuntestat li s-servizzi pprovduti għall-organizzazzjonijiet, bħar-Rappreżentazzjoni Permanenti ta' Stat Membru fl-Unjoni Ewropea jew l-ambaxxati ta' Stat huma kkunsidrati bħala servizzi mwettqa fis-sens ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

31      F'din il-kawża, jirriżulta mill-inkartament li r-rikorrenti ħadmet mar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea fi Brussel, bħala membru tal-persunal ta' din ir-rappreżentazzjoni, matul il-perijodu kollu ta' referenza, jiġifieri mis-16 ta' Mejju 1997 sal-15 ta' Mejju 2002.

32      B'hekk, l-attestazzjoni tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea ddatata s-7 ta' Awissu 2002 jiċċertifika li r-rikorrenti "għamlet parti mill-persunal amministrattiv u tekniku tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea mit-18 ta' Marzu 1996", jiġifieri waqt il-perijodu kollu ta' referenza.

33      L-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija indirizzata lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, tal-Kummerċ u tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tar-Renju ta' Belġju, bid-data tad-9 ta' Marzu 1996, tikkonferma li din ir-rappreżentazzjoni talbet karta ta' identità speċjali lill-Awtoritajiet Belġjani f'isem ir-rikorrenti għar-raġuni tal-bidu tax-xogħol tagħha f'din ir-Rappreżentazzjoni fit-18 ta' Marzu 1996. Bl-istess mod, l-ittra tas-26 ta' April 1996 tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Belġjan tirrikonoxxi l-fatt li l-Awtoritajiet Belġjani bagħtu lir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija l-karta ta' identità speċjali maħruġa f'isem ir-rikorrenti. Din l-ittra hija akkumpanjata minn kopja tal-karta ta' l-identità in kwistjoni, maħruġa fis-16 ta' April 1996 u li għandha validità sas-16 ta' April 2000, u fuq liema hemm iddikjarat bil-miktub li r-rikorrenti hija membru tal-persunal amministrattiv u tekniku tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija. Barra minn hekk, il-karti ta' l-identità speċjali mogħtija sussegwentement lir-rikorrenti mill-Awtoritajiet Belġjani juru li l-validità ta' l-imsemmija karta ġiet estiża sas-16 ta' April 2003.

34      L-ittra tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija trasmessa lill-Awtoritajiet Belġjani fil-21 ta' Jannar 2003 tikkonferma li din ir-rappreżentazzjoni indikat lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Belġjan li " [ir-rikorrenti], membru tal-persunal amministrattiv u tekniku tar-Rappreżentazzjoni, telqet ir-rappreżentazzjoni definittivament" u li, għaldaqstant, il-karta ta' identità speċjali tal-persuna msemmija ġiet restitwita.

35      Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ppreżentat talba ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud datata 7 ta' Awissu 1997 (VAT) lill-Awtoritajiet Belġjani, bħala membru tal-persunal amministrattiv u tekniku tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija, għax-xiri ta' ċerti beni u servizzi ddestinati għall-użu personali tagħha. Bl-istess mod, l-ittra ta' l-amministrazzjoni tal-finanzi tal-Ministeru tar-Reġjun tal-Kapitali ta' Brussel tesponi li r-rikorrenti ġiet eżonerata mit-taxxi reġjonali fuq l-immobbli għas-sena 1997, billi l-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-18 ta' April 1961 fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi kienet applikabbli għaliha.

36      Konsegwentement, minn dawn l-elementi kollha, jirriżulta, mingħajr ekwivoku, li r-rikorrenti kienet membru tal-persunal tar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija, li hija kienet sottomessa għall-awtorità ġerarkika ta' l-ambaxxatur, rappreżentant permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija fl-Unjoni Ewropea, u li l-istatus tagħha kien l-istess bħal dak ta' uffiċjali oħra assenjati fl-imsemmija rappreżentazzjoni. Għaldaqstant, is-servizzi li r-rikorrenti pprovdiet lir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija matul il-perijodu ta' referenza għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizzi mwettqa għal dan l-Istat.

37      Din il-konklużjoni mhijiex ivvizzjata mill-argumenti tal-Kummissjoni li r-rikorrenti, għalkemm ħadmet fir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija, ma kinitx qed tagħmel dan għar-Repubblika ta' l-Awstrija, minħabba illi hija pprovdiet servizzi lill-VB u lill-OGB, li huma organizzazzjonijiet li għandhom bħala funzjonijiet d-difiża ta' l-interessi tal-Länder u tat-trejdjunjins u mhux dawk ta' l-Istat.

38      Sabiex issostni t-teżi tagħha, il-Kummissjoni żviluppat serje ta' argumenti bbażati fuq l-effetti u l-firxa tal-kompetenzi tal-Länder Awstrijaċi, tal-VB u ta' l-OBG, u fuq ir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Istat fuq il-bażi tad-dritt intern Awstrijaku.

39      It-teżi tal-Kummissjoni m'għandhiex tiġi milqugħa.

40      Din it-teżi hija bbażata fil-fatt, kif diġà intqal, fuq l-elementi li jirriżultaw mid-dritt intern Awstrijaku u, għal din ir-raġuni, hija tmur kontra l-eżiġenzi ta' l-applikazzjoni uniformi tad-dritt komunitarju u tal-prinċipju ta' ugwaljanza, mil-liema jirriżulta li l-kliem tad-dispożizzjoni ta' dritt komunitarju li ma tinkludi l-ebda referenza espressa għad-dritt ta' l-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom fil-Komunità kollha interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha titfittex billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u ta' l-għan segwit mil-legiżlazzjoni in kwistjoni. Fin-nuqqas ta' riferenza espressa, l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju tista' madankollu timplika, jekk ikun il-każ, riferenza għad-dritt ta' l-Istati Membri peress illi l-imħallef komunitarju ma jistax jiddeduċi fid-dritt komunitarju jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt komunitarju l-elementi li jippermettulu jippreċiża l-kontenut u l-portata permezz ta' interpretazzjoni awtonoma (sentenza tal-Qorti tat-18 ta' Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Díaz García vs il-Parlament T‑43/90 Ġabra p. II‑2619 punt 36; tat-28 ta' Jannar 1999, D vs il-Kunsill, T‑264/97 Ġabra (Servizz Pubbliku) p. I‑A‑1 u II‑1, punti 26 u27 ikkonfermatha mis-sentenza D u l-Isvezja vs il-Kunsill ċitata iktar 'il fuq.) F'dan il-każ, ir-referenza għad-dritt Awstrijaku mhijiex neċessarja, għax mhuwiex ikkontestat li r-Rappreżentazzjoni Permanenti fl-Unjoni Ewropea ta' Stat Membru tagħmel parti mill-organizzazzjonijiet ta' l-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

41      Barra minn hekk, din it-teżi tal-Kummissjoni hija kontradetta permezz tal-pożizzjoni propja tagħha f'din il-kawża, jiġifieri li l-frażi "servizzi mwettqa għal Stat ieħor" għandha tiġi interpretata b'mod awtonomu meta mqabbla mal-legiżlazzjonijiet nazzjonali differenti sabiex jiġu evitati diverġenzi, hekk kif il-Qorti ddikjarat fis-sentenza D u l-Isvezja vs il-Kunsill, ċitata iktar 'il fuq (punt 11). Barra minn hekk, l-imsemmija teżi tipprekludi mill-bidu nett pożizzjoni li hija stess esprimiet fl-istess waqt f'kawżi oħra miġjuba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar l-istess mistoqsija bħal dik mpoġġija f'din il-kawża. Għaldaqstant, fil-kawża T-83/03 vs il-Kummissjonil-Kummissjoni fir-risposta tagħha b'żewġ kopji ippreżentata fit-30 ta' Settembru 2003 b'mod ferm sostniet li organizzazzjonijiet bħar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea kienu inklużi fit-tifsira tal-kelma "Stat" ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti u li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu validi kienu x'kienu l-funzjonijiet partikolari eżerċitati minn persuna ġewwa dawn l-organizzazzjonijiet. Fil-fatt, hija sostniet li ma kienx neċessarju li jiġu analizzati l-funzjonijiet partikolari u speċifiċi mwettqa minn uffiċjal li kien jaħdem għal Rappreżentazzjoni Permanenti, minħabba li l-fatt li dan l-uffiċjal eżerċita l-attività tiegħu għal din l-organizzazzjoni, u li din ta' l-aħħar kienet inkluża fil-kunċett ta' "Stat" fis-sens ta' l-eċċezzjoni pprovduta fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, kien biżżejjed biex jagħmel din id-dispożizzjoni applikabbli.

42      Madankollu, huwa biżżejjed li persuna teżerċita l-attività professjonali tagħha għal organizzazzjoni li tagħmel parti mill-Istat fis-sens imsemmi, bħal Rappreżentazzjoni Permanenti, sabiex hija tkun pjenament inkluża fl-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, huma x'inhuma l-funzjonijiet partikolari u speċifiċi eżerċitati minnha ġewwa l-imsemmija istituzzjoni. Kieku kien mod ieħor, kien ikun hemm lok sabiex wieħed iwettaq analiżi dettalljata tax-xogħol imwettaq u l-funzjonijiet eżerċitati mill-perspettiva tad-dritt intern, fatt li jmur kontra l-eżiġenzi fuq imsemmija. U dan iktar u iktar billi huwa esklussivament għal kull Stat Membru li jorganizza is-servizzi tiegħu kif iqis li huwa l-iktar konvenjenti u li jistabbilixxi b'hekk l-għanijiet u l-funzjonijiet li huwa jassenja lill-uffiċjali u l-ħaddiema tiegħu.

43      Minn dan kollu li jippreċedi, u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq id-diżposizzjonijiet ta' dritt intern Awstrijaku, jirriżulta li s-servizzi li r-rikorrenti pprovdiet għar-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija matul il-perijodu ta' referenza għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizzi mwettqa għall-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti. Konsegwentement, dawn is-snin għandhom jiġu newtralizzati u m'għandhomx jitqiesu, konformement ma' din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ħadmet fi ħdan ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija mit-18 ta' Marzu 1996 u matul il-perijodu ta' referenza kollu, il-perijodu ta' ħames snin fuq imsemmi għandu jingħadd bejn it-18 ta' Marzu 1991 u s-17 ta' Marzu 1996.

44      Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li r-rikorrenti la rrisjedit u lanqas eżerċitat l-iċken attività professjonali fil-Belġju qabel il-15 ta' Mejju 1995, data li fiha hija marret tgħix Brussel biex taħdem għas-servizz ta' l-uffiċċju ta' Land de Tyrol. Għaldaqstant, billi r-rikorrenti ma rrisjedietx b'mod abitwali fi Brussel matul il-perijodu ta' ħames snin ipprovdut fl-imsemmi Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni biex tibbenefika mill-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

45      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat li tinnewtralizza l-perijodu li fih ir-rikorrenti kienet ħadmet fi ħdan ir-Rappreżentazzjoni Permanenti tar-Repubblika ta' l-Awstrija u meta kkunsidrat, konsegwentement, li hija ma kinitx tissodisfa l-kondizzjonijiet sabiex jingħata l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti.

46      Għaldaqstant it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 4 ta' l-Anness VII tar-Regolamenti għandu jiġi milqugħ.

47      Konsegwentement, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra miġjuba mir-rikorrenti, hemm lok li dan ir-rikors jiġi ddikjarat fondat u li d-deċiżjonijiet kontenzjużi safejn huma jirrifjutaw lir-rikorrenti l-pagament tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni jiġu annullati.

 Fuq l-indennizzi assoċjati mal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni

 L-Argumenti tal-partijiet

48      Ir-rikorrenti tissottometti li, jekk jiġi rikonoxxut li hija għandha d-dritt għall-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, hija titlob l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tat-28 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni vs Lozano Palacios (C‑62/97P, Ġabra p. I-3273), bis-saħħa ta' liema l-benefiċċju ta' l-għajxien u l-benefiċċju għall-istallazzjoni huwa awtomatikament dovuti lilha.

49      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-ġurisprudenza mhijiex applikabbli f'din il-kawża, billi r-rikorrenti m'għandiex id-dritt li tirċievi l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

50      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tinnota li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti jipprovdi li pagament għall-istallazzjoni li jammonta għal xahrejn salarju bażiku, fil-każ ta’ uffiċjal li huwa intitolat għall-benefiċċju tal-familja, jew għal salarju bażiku ta’ xahar, f'każ ta' uffiċjal li mhuwiex intitolat għal dan il-benefiċċju, għandu jitħallas lill-uffiċjal li jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet alternattivi segwenti, jiġifieri, jew jissodisfa l-kondizzjonijiet biex igawdi l-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni jew jipprovdi evidenza li kellu jbiddel ir-residenza biex jissodisfa l-obbligi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolamenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Lozano Palacios vs il-Kummissjoni, T‑33/95, Ġabra (Servizz Pubbliku) p. I‑A‑575 u II-1535, punti 57 u 58, ikkonfermata mill-Qorti, fuq appell, permezz tas-sentenza il-Kummissjoni vs Lozano Palacios, ċitata iktar 'il fuq, punti 20 sa 22).

51      Għaldaqstant, billi l-benefiċċju għall-istallazzjoni, stabbilit bl-imsemmi Artikolu 5(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, huwa dovut lill-uffiċjal li jissodisfa l-kondizzjonijiet sabiex jibbenefika mill-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti għandha dritt għall-benefiċċju għall-istallazzjoni.

52      Rigward il-benefiċċju ta' l-għajxien, għandu jiġi osservat li dan l-indennizz mhuwiex marbut mal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni u li huwa biss konċess, skond l-Artikolu 10(1) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti, lill-uffiċjal li jipprovdi evidenza li għandu jbiddel ir-residenza sabiex jissodisfa l-obbligi ta' l-Artikolu 20 tar-Regolamenti. Peress illi r-rikorrenti ma talbitx li tibbenefika minn dan l-indennizz meta ppreżentat it-talba amministrattiva tagħha, hemm lok li jiġi ddikjarat li l-kap tat-talbiet li jipprovdu għall-għotja ta' l-imsemmi indennizz, ma jistax jiġi milqugħ.

53      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li hemm ukoll lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet kontenzjużi safejn huma jirrifjutaw lir-rikorrenti l-pagament tal-benefiċċju għall-istallazzjoni.

 Dwar l-ispejjeż

54      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (l-Ewwel Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Id-deċiżjonijiet tat-8 ta' April u 29 ta' Ottubru 2003 huma annullati safejn huma jirrifjutaw li jikkonċedu lir-rikorrenti l-pagament tal-benefiċċju ta' l-espatrijazzjoni previst fl-Artikolu 4(1)(a) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-pagament tal-benefiċċju għall-istallazzjoni pprovdut fl-Artikolu 5(1) ta' dan l-istess Anness.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Mogħtija f'seduta pubblika fil-Lussemburgu fit-13 ta' Settembru 2005.



Cooke

García-Valdecasas

Trstenjak


Reġistratur

 

       il-President


H. Jung

 

      J. D. Cooke 


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.