Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court (l-Irlanda) - l-Irlanda) – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited, Maximillian Schrems

(Kawża C-311/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 47 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 2(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi għal finijiet kummerċjali – Artikolu 45 – Deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni – Artikolu 46 – Trasferimenti suġġetti għal salvagwardji xierqa – Artikolu 58 – Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji – Ipproċessar mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz, għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, tad-data ttrasferita – Evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni żgurat fil-pajjiż terz – Deċiżjoni 2010/87/UE – Klawżoli standard ta’ protezzjoni għat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi – Salvagwardji xierqa offruti mill-kontrollur tad-data – Validità – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 – Adegwatezza tal-protezzjoni żgurata mill-Ħarsien tal-Privatezza Unjoni Ewropea-Stati Uniti – Validità – Ilment ta’ persuna fiżika li d-data tagħha ġiet ittrasferita mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Data Protection Commissioner

Konvenuti: Facebook Ireland Limited, Maximillian Schrems

fil-preżenza ta’: The United States of America, Electronic Privacy Information Centre, BSA Business Software Alliance Inc., Digitaleurope

Dispożittiv

L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament trasferiment ta’ data personali mwettaq għal finijiet kummerċjali minn operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru lejn operatur ekonomiku ieħor stabbilit f’pajjiż terz, minkejja l-fatt li, matul jew wara dan it-trasferiment, din id-data tista’ tkun ipproċessata mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat għal finijiet ta’ sigurtà pubblika, ta’ difiża u ta’ sigurtà tal-Istat.

L-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 46(2)(c) tar-Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-salvagwardji xierqa, id-drittijiet infurzabbli u r-rimedji legali effettivi meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-persuni li d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita lejn pajjiż terz fuq il-bażi ta’ klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data jibbenefikaw minn livell ta’ protezzjoni sostanzjalment ekwivalenti għal dak iggarantit fi ħdan l-Unjoni Ewropea minn dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni żgurat fil-kuntest ta’ tali trasferiment għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-istipulazzjonijiet kuntrattwali miftiehma bejn il-kontrollur jew il-proċessur stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u r-riċevitur tat-trasferiment stabbilit fil-pajjiż terz ikkonċernat u kemm, fir-rigward ta’ eventwali aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ dan il-pajjiż terz għad-data personali ttrasferita, l-elementi rilevanti tas-sistema ġuridika tiegħu, b’mod partikolari dawk indikati fl-Artikolu 45(2) tal-imsemmi regolament.

L-Artikolu 58(2)(f) u (j) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni ta’ adegwatezza adottata b’mod validu mill-Kummissjoni Ewropea, l-awtorità superviżorja kompetenti hija obbligata tissospendi jew tipprojbixxi trasferiment ta’ data lejn pajjiż terz ibbażat fuq klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data adottati mill-Kummissjoni f’sitwazzjoni fejn din l-awtorità superviżorja tqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ dan it-trasferiment, li dawn il-klawżoli ma humiex jew ma jistgħux jiġu osservati f’dan il-pajjiż terz u li l-protezzjoni tad-data ttrasferita meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikoli 45 u 46 ta’ dan ir-regolament u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma tistax tiġi żgurata b’mezzi oħra, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur stabbiliti fl-Unjoni ma jkunux issospendew jew temmew it-trasferiment huma stess.

Mill-eżami tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/87/UE tal-5 ta’ Frar 2010 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ dejta personali għall-proċessuri stabbiliti f’pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2297 tas-16 ta’ Diċembru 2016, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta’ Lulju 2016 skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S., hija invalida.

____________

1     ĠU C 249, 16.7.2018.