Language of document : ECLI:EU:C:2003:244

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Mejju 2003(*)

“Trade marks ─ Approssimazzjoni tal-liġijiet ─ Direttiva 89/104/KEE ─ Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark ─ Karattru distintiv ─ Kulur fih innifsu ─ Kulur oranġjo”

Fil-Kawża C‑104/01

li għandha bħala suġġett talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda) skond l-Artikolu 234 KE, u intiża sabiex tinkseb, fil-kawża pendenti quddiem din l-istess qorti bejn

Libertel Groep BV

u

Benelux Merkenbureau,

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

komposta minn J.-P. Puissochet, President tas-Sitt Awla, fil-kariga ta’ President, M. Wathelet u C.W.A. Timmermans, Presidenti ta’ Awla, minn C. Gulmann, D.A.O. Edward, P. Jann, F. Macken, S. von Bahr u J.N. Cunha Rodrigues (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Libertel Groep BV, minn D. W. F. Verkade u D. J. G. Visser, advocaten,

–        għall-Benelux Merkenbureau, minn C. J. J. C. van Nispen, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Magrill, bħala aġent, assistita minn D. Alexander, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u H. M. H. Speyart, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Benelux-Merkenbureau, irrappreżentat minn C.J.J.C. van Nispen, tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn M. Tappin, barrister, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn H.M.H. Speyart, fis-seduta tat-30 ta’April 2002,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’digriet tat-23 ta’ Frar 2001, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2001, il-Hoge Raad der Nederlanden għamlet, skond l-Artikolu 234 KE, erba’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Libertel Groep BV (iktar ’il quddiem “Libertel”) u l-Benelux-Merkenbureau (Uffiċċju tal-Benelux tat-Trade marks, iktar ’il quddiem l-“UBT”) minħabba r-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ kulur oranġjo bħala trade mark għal prodotti u servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli, fuq talba ta’ Libertel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

3        Fuq il-livell internazzjonali, id-dritt tat-trade marks huwa rregolat mill-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar f’Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, (Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Nru 11851, Vol. 828, p. 305 sa 388, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). L-Istati Membri kollha huma firmatarji ta’ din il-konvenzjoni.

4        L-Artikolu 6d B(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi li r-reġistrazzjoni tat-trade marks tista’ tkun irrifjutata jew it-trade marks jistgħu jkunu invalidati jekk dawn ma jkollomx karattru distintiv.

5        L-Artikolu 6d C(1)tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprovdi li:

“Sabiex ikun evalwat jekk it-trade mark tistax tkun protetta, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, b’mod partikolari d-dewmien ta’ l-użu tat-trade mark” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Sinjali li trade mark jistgħu [tista’] jikkonsistu [tikkonsisti] minnhom” jipprovdi:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul [rrappreżentat] grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija [prodott] jew l-imballaġġ tagħhom [tiegħu], basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija [prodott] jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (3):

“1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

(a) sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

(b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

(ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddisinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni ta’ l-merkanzija [tal-prodott] jew li jagħtu s-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ l-merkanzija [tal-prodott] jew tas-servizz

(d) tat-trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa korrenti jew fil-bona fide prattiċi stabbiliti tal-kummerċ;

(e) sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

–        l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija [tal-prodott] nnifishom [innifsu], jew

–        l-għamla ta’ l-merkanzija [tal-prodott] li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew

–        l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija [prodott];

[…]

3.       Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat ħadet karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi:

“1. It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ,

(a) l-isem jew l-indirizz tiegħu; Article 6

(b) indikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni ta’ l-merkanzija [tal-prodott] jew l-għoti tas-servizz, jew karatteristika oħra ta’ merkanzija [prodott] jew servizzi;

(ċ) t-trade mark fejn hi neċessarja biex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari bħala aċċessorji jew spare parts;

sakemm jużahom skond prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali

2. It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi terza persuna milli tuża matul il-kummerċ, dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jekk dak id-dritt hu rikonoxxut mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u fil-limiti tat-territorju fejn hu rikonoxxut.”

 Il-Liġi Uniformi tal-Benelux dwar it-Trade marks

9        Ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ l-Olanda għaqqdu l-liġijiet tagħhom dwar it-trade marks f’liġi waħda komuni, il-Liġi Uniformi tal-Benelux dwar it-Trade marks (Trb. 1962, 58). B’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, din il-liġi kienet ġiet emendata permezz tal-Protokoll tat-2 ta’ Diċembru 1992 (Trb. 1993, 12), li jemenda din il-liġi, sabiex tiġi implementata d-Direttiva fis-sistema legali ta’ dawn it-tliet Stati Membri.

10      L-Artikolu 6a tal-Liġi Uniformi tal-Benelux dwar it-Trade marks, kif emendata (iktar ’il quddiem l-“LBT ) tipprovdi:

“1.      L-Uffiċċju tal-Benelux tat-Trade marks jirrifjuta li jirreġistra reġistrazzjoni meta huwa jikkunsidra li:

a)      is-sinjal li għalih saret applikazzjoni ma jikkostitwixxix trade mark skond l-ewwel Artikolu b’mod partikolari minħabba li m’għandu ebda karattru distintiv kif previst fl-Artikolu 6d B(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi;

b)      ir-reġistrazzjoni tirrigwarda trade mark imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2).

2.      Ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni għandu jikkonċerna s-sinjal li jikkostitwixxi t-trade mark fl-intier tiegħu. Dan jista’ jkun limitat għal prodott wieħed jew iktar li għalih it-trade mark hija intiża.

3.      L-Uffiċċju tal-Benelux għandu jinforma lill-applikant mingħajr dewmien u bil-miktub bl-intenzjoni tiegħu li jirrifjuta r-reġistrazzjoni kollha jew parti minnha, jinformah bir-raġunijiet u jagħtih il-possibiltà jirrispondi f’terminu li għandu jkun stabbilit f’regolament ta’ implementazzjoni.

4.      Jekk l-oġġezzjonijiet ta’ l-Uffiċċju tal-Benelux kontra r-reġistrazzjoni ma jitneħħewx fit-terminu mogħti, ir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni għandha tkun kompletament jew parzjalment irrifjutata. L-Uffiċċju tal-Benelux għandu jinforma lill-applikant mingħajr dewmien u bil-miktub filwaqt li jinformah bir-raġunijiet għar-rifjut u jindika r-rimedju possibbli kontra din id-deċiżjoni, imsemmi fl-Artikolu 6b.

5.      Ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha jew ta’ parti minnhom iwassal għall-invalidità totali jew parzjali ta’ tali applikazzjoni. Din l-invalidità tkun effettiva biss wara li jkun għadda t-terminu għall-appell previst fl-Artikolu 6b jew wara li t-talba għal ordni ta’ reġistrazzjoni tkun ġiet irrifjutata irrevokabilment.”

11      L-Artikolu 6b tal-LBT jipprovdi illi:

“Fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6a (4), l-applikant jista’ jippreżenta rikors intiż għall-ksib ta’ ordni ta’ reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni lill-Cour d’Appel ta’ Brussel, lill-Gerechtshof ta’ l-aja jew lill-Cour d’Appel tal-Lussemburgu. L-indirizz ta’ l-applikant, dak tar-rappreżentant tiegħu jew l-indirizz postali mogħti fil-mument tar-reġistrazzjoni għandhom jiddeterminaw liema qorti għandha ġurisdizzjoni territorjali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Libertel hija kumpannija stabbilita fl-Olanda li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli.

13      L-UBT huwa l-awtorità kompetenti fir-rigward tat-trade marks fir-Renju tal-Belġju, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju ta’ l-Olanda. Mill-1 ta’ Jannar 1996, l-UBT huwa responsabbli milli jeżamina r-reġistrazzjonijiet ta’ trade marks fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut.

14      Fis-27 ta’ Awwissu 1996, Libertel ippreżentat applikazzjoni lill-UBT għar-reġistrazzjoni ta’ kulur oranġjo bħala trade mark għal ċerti prodotti u servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, jiġifieri, fir-rigward tal-prodotti fil-Klassi 9, it-tgħamir tat-telekomunikazzjonijiet u, għas-servizzi fil-Klassijiet 35 sa 38, is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet kif ukoll ta’ ġestjoni materjali, finanzjarja u teknika tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni.

15      Il-formula tar-reġistrazzjoni kienet tinkludi, fl-ispazju intiż għar-riproduzzjoni tat-trade mark, rettangolu ta’ kulur oranġjo u, fl-ispazju intiż għad-deskrizzjoni tat-trade mark, il-kelma “orange”, mingħajr referenza għal edba kodiċi ta’ kulur.

16      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 1997, l-UBT informa lil Libertel li huwa kien qiegħed provviżorjament jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal. Huwa kkunsidra li, sakemm Libertel ma turix li s-sinjal li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni, li huwa kompost biss mill-kulur oranġjo, kien kiseb karattru distintiv permezz ta’ l-użu, dan is-sinjal ma kellu ebda karattru distintiv skond l-Artikolu 6a (1)(a) tal-LBT.

17      Libertel ikkontestat dan ir-rifjut provviżorju. L-UBT, li kkunsidra li ma kienx hemm lok għalfejn dan ir-rifjut jerġa’ jkun ikkunsidrat mill-ġdid, innotifika r-rifjut definittiv tiegħu permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Settembru 1997.

18      Skond l-Artikolu 6b tal-LBT, Libertel ippreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage (l-Olanda), li hija ċaħdet permezz tas-sentenza ta’ l-4 ta’ Ġunju 1998.

19      Fit-3 ta’ Awwissu 1998, Libertel appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

20      Matul l-eżami ta’ din il-kwistjoni mill-Hoge Raad, qamu domandi dwar l-applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 6a (1)(a) tal-LBT u, għaldaqstant ukoll dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva. Għalhekk, b’digriet tat-23 ta’ Frar 2001, il-Hoge Raad irrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Sempliċi kulur speċifiku, riprodott bħala tali jew indikat permezz ta’ kodiċi internazzjonali, jista’ jkollu karattru distintiv fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva?

2)      F’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

a)      F’liema ċirkustanzi jista’ jkun meqjus li sempliċi kulur speċifiku għandu karattru distintiv fis-sens imsemmi iktar ’il fuq?

b)      Il-fatt li r-reġistrazzjoni hija mitluba għal numru kbir ta’ prodotti jew servizzi jew għal prodott jew servizz speċifiku jew grupp speċifiku ta’ prodotti jew servizzi jista’ jbiddel ir-risposta għall-ewwel domanda?

3)      Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv li kulur speċifiku jista’ jkollu bħala trade mark, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk jeżistix interess ġenerali li jiġġustifika li dan il-kulur jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd bħal fil-każ ta’ sinjali li jindikaw oriġini ġeografika?

4)       Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk sinjal li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark għandux karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, l-Uffiċċju tal-Benelux tat-Trade marks għandu jillimita ruħu għal evalwazzjoni in abstracto ta’ din is-setgħa distintiva jew għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-każ, b’mod partikolari, l-użu li jsir minn dan is-sinjal u, l-mod li bih huwa użat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

21      Id-domandi preliminari, li jikkonċernaw l-Artikolu 3 tad-Direttiva, huma intiżi sabiex isir magħruf jekk u, eventwalment, taħt liema kundizzjonijiet kulur fih innifsu, mingħajr limitazzjoni ta’ spazju, jista’ jkollu karattru distintiv għal ċerti prodotti jew servizzi.

22      L-eżami ta’ dawn id-domandi jeħtieġ li preliminarjament ikun iddeterminat jekk kulur fih innifsu jistax jikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

23      Għal dan il-għan, kulur fih innifsu għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, dan għandu jkun jikkostitwixxi sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat b’mod grafiku. It-tielet nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

24      Meta kienet adottata d-Direttiva, il-Kunsill u l-Kummissjoni għamlu dikjarazzjoni konġunta, li tniżżlet fil-minuti tal-Kunsill li abbażi tagħha huma “jikkunsidraw li l-Artikolu 2 ma jeskludix il-possibbiltà […] li tkun irreġistrata bħala trade mark taħlita ta’ kuluri jew kulur wieħed […] sakemm tali sinjali jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra” (ĠU UASI Nru 5/96, p. 607).

25      Madankollu, dikjarazzjoni bħal din ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju meta, bħal f’dan il-każ, il-kontenut tagħha mhuwiex imsemmi fit-test tad-dispożizzjoni in kwistjoni u għalhekk m’għandhiex sinjifikat legali (sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, u tad-29 ta’ Mejju 1997, VAG Sverige, C-329/95, Ġabra p. I-2675, punt 23). Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni espressament irrikonoxxew dan il-limitu fil-preambolu tad-dikjarazzjoni tagħhom li abbażi tiegħu “[p]eress li d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li t-test tagħhom jinsab hawn taħt ma jifformawx parti mit-test leġiżlattiv, dawn ma jippreġudikawx l-interpretazzjoni ta’ dan it-test mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej”.

26      Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandux ikun interpretat fis-sens li kulur fih innifsu jista’ jikkostitwixxi trade mark.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma jistax ikun preżunt li kulur fih innifsu jikkostitwixxi sinjal. Bħala regola ġenerali, kulur huwa sempliċi attribut ta’ xi ħaġa. Madankollu, kulur jista’ jikkostitwixxi sinjal. Dan jiddependi mill-kuntest li fih il-kulur huwa użat. F’relazzjoni ma’ prodott jew servizz, kulur fih innifsu dejjem jista’ jikkostitwixxi sinjal.

28      Barra minn dan, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, rappreżentazzjoni grafika, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, għandha tippermetti li s-sinjal ikun irrappreżentat b’mod viżiv, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew karattri b’mod li jkun jista’ jiġi identifikat b’eżattezza (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punt 46).

29      Sabiex twettaq il-funzjoni tagħha, ir-rappreżentazzjoni grafika, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, għandha tkun ċara, preċiża, fiha nnifisha kompluta, faċilment aċċessibli, intelliġibbli, ta’ natura durabbli u objettiva (sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 sa 55).

30      F’dan il-każ, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizza tikkonċerna l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kulur fih innifsu, li hu rappreżentat permezz ta’ kampjun tal-kulur fuq superfiċje ċatta, deskrizzjoni verbali tal-kulur u/jew kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kulur irrikonoxxut internazzjonalment.

31      Madankollu, sempliċi kampjun ta’ kulur ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza.

32      B’mod partikolari, kampjun ta’ kulur biż-żmien jista’ jinbidel. Ma jistax ikun eskluż li ċerti formati jippermettu li jkun irreġistrat kulur b’mod li ma jinbidilx. Madankollu, formati oħra, b’mod partikolari l-karta, ma jippermettux li l-iskala tal-kulur tkun protetta mill-effetti taż-żmien. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni ta’ kulur m’għandhiex in-natura durabbli meħtieġa mill-Artikolu 2 tad-Direttiva (ara s-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

33      Minn dan isegwi li r-reġistrazzjoni ta’ kampjun ta’ kulur fih innifsu ma jikkostitwixxix rappreżentazzjoni grafika skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

34      Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni verbali ta’ kulur, in kwantu din hija komposta minn kliem li fihom infushom huma komposti minn ittri, tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika ta’ l-istess kulur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sieckmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

35      Deskrizzjoni verbali tal-kulur mhux neċessarjament tissodisfa fil-każijiet kollha l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza. Din il-kwistjoni għandha tkun evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali.

36      L-assoċjazzjoni bejn kampjun ta’ kulur u deskrizzjoni verbali tiegħu tista’ għalhekk tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, sakemm id-deskrizzjoni tkun ċara, preċiża, fiha nnifisha kompluta, faċilment aċċessibli, intelliġibbli u objettiva.

37      Għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni ta’ kulur permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni internazzjonalment rikonoxxut tista’ tkun meqjusa bħala li tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika. Kodiċi bħal dawn huma meqjusa li huma preċiżi u stabbli.

38      Jekk kampjun ta’ kulur, akkumpanjat minn deskrizzjoni verbali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva sabiex jikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni jew ta’ durabbiltà, dan in-nuqqas jista’, jekk ikun il-każ, jiġi kkumpensat biż-żieda ta’ indikazzjoni tal-kulur permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni internazzjonalment rikonoxxut.

39      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kulur fih innifsu jistax jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kuluri fihom infushom humiex, kapaċi jgħaddu jew le informazzjoni preċiża, b’mod partikolari, dwar l-oriġini ta’ merkanzija jew ta’ servizz.

40      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jkun imfakkar li, filwaqt li l-kuluri huma adatti sabiex iwasslu ċerta assoċjazzjonijiet ta’ ideat u sabiex inisslu sentimenti, ftit huma adatti biex jikkomunikaw informazzjoni preċiża, Dawn huma inqas u inqas adatti peress li dawn normalment u fil-biċċa l-kbira huma użati fir-reklamar u fil-kummerċjalizazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi minħabba s-setgħa tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni, lil hinn minn kull messaġġ preċiż.

41      Madankollu, ma jistax ikun iġġustifikat li minn din il-konstatazzjoni ta’ natura fattwali tiġi dedotta projbizzjoni, bħala regola ġenerali, li l-kuluri, minnhom infushom jiġu meqjusa bħala adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu sitwazzjonijiet fejn kulur fih innifsu jista’ jservi bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti jew servizzi ta’ impriża. Għalhekk għandu jiġi ammess li, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, il-kuluri fihom infushom jistgħu jkunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ imriżi oħra, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma osservati, kulur fih innifsu jista’ jikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva

43      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 22 sa 42 ta’ din is-sentenza, li huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għall-eżami tad-domandi preliminari.

 Fuq it-tielet domanda

44      L-ewwel nett, jeħtieġ li tkun eżaminata t-tielet domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex ikun evalwat il-karattru distintiv li kulur speċifiku jista’ jkollu bħala trade mark, huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk hemmx interess ġenerali li jiġġustifika li dan il-kulur jibqa’ għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, kif inhu l-każ fil-każ ta’ sinjali li jindikaw oriġini ġeografika.

45      Skond ċerti osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-mezzi tekniċi attwali, huwa possibli li jkunu distinti numru kbir ta’ sfumaturi ta’ kuluri. Din l-affermazzjoni tista’ tkun vera, madankollu hija irrilevanti għal din id-domanda. Sabiex jiġi stabbilit jekk kulur fih innifsu jistax ikun irreġistrat bħala trade mark, jeħtieġ li wieħed ipoġġi ruħu fil-pożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat

46      Fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni kuntrarja fid-digriet tar-rinviju, għandu jkun ikkunsidrat li l-kawża prinċipali tikkonċerna prodotti u servizzi intiżi għall-konsumaturi kollha. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jitqies li l-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u astut. (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26).

47      In-numru ta’ kuluri li dan il-pubbliku jista’ jiddistingwi ma tantx huwa kbir, minħabba li dan ftit ikollu l-possibbiltà jqabbel direttament il-prodotti li għandhom sfumaturi differenti ta’ kuluri. Minn dan isegwi li n-numru ta’ kuluri differenti li huma effettivament disponibbli, bħala trade marks potenzjali sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi, għandu jkun ikkunsidrat bħala limitat.

48      Skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt tat-trade marks jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat KE jrid jistabbilixxi u jżomm (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG II, C-10/89, Ġabra p. I 3711, punt 13, u tat-23 ta’ Frar 1999, BMW, C-63/97, Ġabra p. I-905, punt 62). Id-drittijiet u l-possibbiltajiet li t-trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha għandhom ikunu eżaminati fid-dawl ta’ dan l-għan.

49      Minbarra minn dan, skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi speċifiċi, it-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv li jippermettilu jimmonopolizza s-sinjal irreġistrat bħala trade mark mingħajr limitazzjoni ta’ żmien.

50      Il-possibbiltà li trade mark tiġi rreġistrata tista’ tkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet ibbażati fuq l-interess pubbliku.

51      Għalhekk, jeħtieġ li d-differenti raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva jkunu interpretati fid-dawl ta’ l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat kull wieħed minn dawn il-motivi (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 77).

52      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din id-dispożizzjoni trid tilħaq għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddiskrivu kategoriji ta’ prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom qed tintalab ir-reġistrazzjoni jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 25, u tat-8 ta’ April 2003, Linde et, C-53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I-3161, punt 73).

53      Bl-istess mod, fil-każ ta’ l-Artikolu 3 (1)(e) tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat li din id-dispożizzjoni għandha għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li forma li l-karatteristiċi essenzjali tagħha għandhom funzjoni teknika u ntagħżlu sabiex din tkun sodisfatta tista’ tintuża liberament minn kulħadd (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Philips punt 80, u Linde et punt 72).

54      F’dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ kuluri fihom infushom, mingħajr limitazzjoni ta’ spazju, in-numru limitat tal-kuluri effettivament disponibbli għandu bħala riżultat li numru żgħir ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade marks għal servizzi jew prodotti partikolari jista’ jeżawrixxi l-gamma ta’ kuluri disponibbli. Monopolju daqshekk estiż ma jkunx kompattibli ma’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, b’mod partikolari peress li dan joħloq riskju li jinħoloq vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat favur operatur ekonomiku wieħed. L-anqas ma jkun adatt għall-iżvilupp ekonomiku u għall-promozzjoni ta’ l-ispirtu ta’ impriża jekk operaturi diġà stabbiliti jkunu jistgħu jirreġistraw favur tagħhom il-kuluri kollha effettivament disponibbli għad-detriment ta’ operaturi ġodda.

55      Jeħtieġ għalhekk li fil-kamp tad-dritt Komunitarju tat-trade marks ikun rikonoxxut interess ġenerali li d-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti u servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rigward tagħhom qegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, ma tkunx indebitament ristretta.

56      Iktar ma jkun kbir in-numru ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom qegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, iktar id-dritt esklużiv eventwalment mogħti mit-trade mark jista’ jkun eċċessiv u minħabba f’hekk f’kunflitt maż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta u ma’ l-interess ġenerali li ma tkunx ristretta indebitament id-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rgiward tagħhom ir-reġistrazzjoni hija mitluba.

57      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-idea li ċerti sinjali għandhom jibqgħu disponibbli u għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw minn protezzjoni hija espressa fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, għajr milli fl-Artikoli 2 u 3 tagħha. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

58      Fil-fatt, l-Artikolu 6 tad-Direttiva jikkonċerna l-limitazzjoni ta’ l-effetti tat-trade mark, meta din tkun ġiet irreġistrata. L-argument tal-Kummissjoni jammonta għal proposta li jkun hemm stħarriġ minimu tar-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, meta tkun qegħda tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, peress li r-riskju li l-operaturi jistgħu japproprjaw ruħhom minn ċerti sinjali li għandhom jibqgħu disponibbli huwa nnewtralizzat mil-limiti imposti, bis-saħħa ta’ l-imsemmi Artikolu 6, fl-istadju tat-twettiq ta’ l-effetti tat-trade mark irreġistrata. Dan ir-raġunament iwassal, essenzjalment, sabiex iċaħħad lill-awtorità kompetenti mill-evalwazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva fil-mument tar-reġistrazzjoni tat-trade mark u jittrasferiha lill-qrati inkarigati li jiggarantixxu l-eżerċizzju konkret tad-drittijiet li t-trade mark tagħti.

59      Approċċ tali huwa inkompatibbli mas-sistema tad-Direttiva, li hija bbażata fuq stħarriġ qabel ir-reġistrazzjoni u mhux fuq stħarriġ a posteriori. Xejn fid-Direttiva ma jippermetti li tinstilet tali konklużjoni mill-Artikolu 6 tagħha. Għall-kuntrarju, in-numru u n-natura ddettaljat ta’ l-ostakoli għar-reġistrazzjoni mniżżla fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva, kif ukoll in-numru kbir ta’ rimedji possibbli f’każ ta’ rifjut, jindikaw li l-eżami mwettaq mal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni m’għandux ikun wieħed minimu. Dan l-eżami għandu jkun strett u komplut sabiex ikun evitat li trade marks ikunu indebitament irreġistrati. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, jeħtieġ li jkun żgurat li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’ jkun ikkontestat b’suċċess quddiem il-qrati ma jkunux irreġistrati (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 21).

60      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li, sabiex ikun evalwat il-karattru distintiv li kulur partikolari jista’ jkollu bħala trade mark, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li d-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra, li joffru prodotti u servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rigward tagħhom qegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, ma tkunx indebitament ristretta.

 Fuq l-ewwel domanda u fuq id-domanda 2(a)

61      Permezz ta’ l-ewwel domanda u tad-domanda 2(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, kulur fih innifsu jista’ jkun meqjus li għandu karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva.

62      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark huwa f’li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-tade mark, b’mod li dan ikun jista’ jiddistingwi mingħajr konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Canon, iċċitata ikar ’il fuq, punt 28, u ta’ l-4 ta’Ottubru 2001, Merz & Krell,C-517/99, Ġabra. p. I-6959, punt 22). Trade mark għandha tkun kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li joriġinaw minn impriża partikolari. F’dan ir-rigward għandu jittieħed in kunsiderazzjoni kemm l-użu abitwali tat-trade marks bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini fis-setturi konċernati kif ukoll il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat.

63      Il-pubbliku kkonċernat, kif iddefinit fil-punt 46 iktar ’il fuq, huwa magħmul mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u astut.

64      Jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li huwa biss rarament li l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti iżda għandu jibbaża ruħu fuq l-immaġini mhux perfetta li huwa jkun żamm tagħhom fil-memorja tiegħu (ara, f’kuntesti differenti, is-sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion, C-291/00, Ġabra p. I-2799, punt 52,).

65      Il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ sinjal magħmul minn kulur fih innifsu bħal fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiv, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li din tkopri. Fil-fatt, għalkemm il-pubbliku għandu d-drawwa jipperċepixxi, immedjatament, trade marks verbali jew figurattivi bħala sinjali li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott, dan mhux neċessarjament japplika meta s-sinjal huwa konfuż mad-dehra tal-prodott li fir-rigward tiegħu r-reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark qegħda tiġi mitluba. Fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew verbali, il-konsumaturi m’għandhomx id-drawwa jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-kulur tagħhom jew fuq dak ta’ l-imballaġġ tagħhom, peress li, fil-prattiki kummerċjali attwali, kulur fih innifsu mhuwiex, bħala regola ġenerali, użat bħala mezz ta’ ta’ identifikazzjoni. Kulur fih innifsu mhuwiex normalment kapaċi jiddistingwi l-prodotti ta’ impriża partikolari.

66      Fil-każ ta’ kulur fih innifsu, l-eżistenza ta’ karattru distintiv qabel kull użu hija konċepibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta n-numru tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom it-trade mark hija mitluba huwa limitat ħafna u s-suq rilevanti huwa speċifiku ħafna.

67      Madankollu, anki jekk kulur fih innifsu m’għandux ab initio karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva, dan jista’ jakkwistah fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi mitluba, wara l-użu tiegħu skond l-Artikolu 3(3). Dan il-karattru distintiv jista’ jinkiseb, b’mod partikolari, wara proċess normali ta’ familjarizzazzjoni mill-pubbliku kkonċernat. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti hija obbligata tevalwa globalment l-elementi li jistgħu juru li l-trade mark saret adatta sabiex tidentifika l-prodott kkonċernat bħala li joriġina minn impriża partikolari u, għalhekk, sabiex tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq , punt 49).

68      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li kulur fih innifsu, mingħajr limitazzjoni ta’ spazju, jista jkollu, fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi, karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva, sakemm, b’mod partikolari, dan jista’ jkun is-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika li tkun ċara, preċiża, fiha nnifisha kompluta, faċilment aċċessibli, intelliġibbli, ta’ natura durabbli u objettiva. Din l-aħħar kundizzjoni ma tistax tkun sodisfatta permezz tas-sempliċi riproduzzjoni fuq karta tal-kulur ikkonċernat, iżda tista’ tkun hekk sodisfatta permezz ta’ l-indikazzjoni ta’ dan il-kulur permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni rrikonoxxut internazzjonalment.

69      Hemm lok li r-risposta għad-domanda preliminari 2(a) tkun li kulur fih innifsu jista’ jkun irrikonoxxut bħala li għandu karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva, bil-kundizzjoni li, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, it-trade mark tkun adatta sabiex tidentifika l-prodott jew is-servizz li fir-rigward tiegħu r-reġistrazzjoni hija mitluba bħala li joriġina minn impriża partikolari u sabiex tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra.

 Fuq id-domanda 2(b)

70      Permezz tad-domanda 2(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ kulur fih innifsu tkun mitluba għal numru kbir ta’ prodotti jew servizzi, jew li din hija hekk mitluba għal prodott jew servizz speċifiku jew għal grupp speċifiku ta’ prodotti jew ta’ servizzi, huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kulur għandux karattru distintiv skond l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56, 66 u 67 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għad-domanda preliminari 2(b) għandha tkun li l-fatt li r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ kulur fih innifsu tkun mitluba għal numru kbir ta’ prodotti jew servizzi, jew li din hija hekk mitluba għal prodott jew servizz speċifiku jew għal grupp speċifiku ta’ prodotti jew ta’ servizzi, huwa rilevanti, flimkien maċ-ċirkustanzi l-oħra ta’ dan il-każ, kemm sabiex ikun evalwat il-karattru distintiv tal-kulur li fir-rigward tiegħu r-reġistrazzjoni qegħda tiġi mitluba kif ukoll sabiex jiġi evalwat jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu tmurx kontra l-interess ġenerali li ma tkunx ristretta indebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rigward tagħhom ir-reġistrazzjoni hija mitluba.

 Fuq ir-raba’ domanda

72      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk sabiex jiġi evalwat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks għandhiex twettaq eżami astratt jew konkret, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ in kwistjoni u, b’mod partikolari, għall-użu li sar mit-trade mark.

73      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li t-tnax-il premessa tad-Direttiva tistipola li, “l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-propjetà industrijali” u li “huwa neċessarju li d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi”

74      Issa, l-Artikolu 6d C(1) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jistipola li, “sabiex ikun evalwat jekk it-trade mark tistax tkun protetta, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, b’mod partikolari d-dewmien ta’ l-użu tat-trade mark” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

75      It-tieni nett, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark hija dejjem mitluba fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għaldaqstant il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jkun evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rgiward tagħhom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tat-trade mark.

76      Peress li l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks għandha tiżgura ruħha li s-sinjal mhuwiex nieqes minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ l-impriża li qed titlob ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, din ma tistax twettaq eżami in abstracto, iżda dan l-eżami għandu bil-fors ikun imwettaq in concreto. Dan l-eżami għandu jieħu in kunsiderazzjoni ċ-cirkustanzi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, l-użu li kien sar mis-sinjal li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark hija mitluba

77      Għalhekk ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li, sabiex tevalwa jekk trade mark għandhiex karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks għandha twettaq eżami konkret, billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikulari, l-użu li kien sar mit-trade mark.

 Fuq l-ispejjeż

78      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet Olandiż u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

hija u tiddeċiedi fuq id-domandi magħmula lilha mill-Hoge Raad der Nederlanden, permezz ta’ digriet tat-23 ta’ Frar 2001, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Kulur fih innifsu, mingħajr limitazzjoni ta’ spazju, jista jkollu, fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi, karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, sakemm, b’mod partikolari, dan jista’ jkun is-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika li tkun ċara, preċiża, fiha nnifisha kompluta, faċilment aċċessibli, intelliġibbli, ta’ natura durabbli u objettiva. Din l-aħħar kundizzjoni ma tistax tkun sodisfatta permezz tas-sempliċi riproduzzjoni fuq karta tal-kulur ikkonċernat, iżda tista’ tkun hekk sodisfatta permezz ta’ l-indikazzjoni ta’ dan il-kulur permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni rrikonoxxut internazzjonalment.

2)      Sabiex ikun evalwat il-karattru distintiv li kulur partikolari jista’ jkollu bħala trade mark, jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni l-interess ġenerali li d-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra, li joffru prodotti u servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rigward tagħhom qegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, ma tkunx indebitament ristretta.

3)      Kulur fih innifsu jista’ jkun irrikonoxxut bħala li għandu karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva 89/104, bil-kundizzjoni li, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, it-trade mark tkun adatta sabiex tidentifika l-prodott jew is-servizz li fir-rigward tiegħu r-reġistrazzjoni hija mitluba bħala li joriġina minn impriża partikolari u sabiex tiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħra.

4)      Il-fatt li r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ kulur fih innifsu tkun mitluba għal numru kbir ta’ prodotti jew servizzi, jew li din hija hekk mitluba għal prodott jew servizz speċifiku jew għal grupp speċifiku ta’ prodotti jew ta’ servizzi, huwa rilevanti, flimkien maċ-ċirkustanzi l-oħra ta’ dan il-każ, kemm sabiex ikun evalwat il-karattru distintiv tal-kulur li fir-rigward tiegħu r-reġistrazzjoni qegħda tiġi mitluba kif ukoll sabiex jiġi evalwat jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu tmurx kontra l-interess ġenerali li ma tkunx ristretta idebitament id-disponibbiltà tal-kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi ta’ l-istess tip bħal dawk li fir-rgiward tagħhom ir-reġistrazzjoni hija mitluba.

5)      Sabiex tevalwa jekk trade mark għandhiex karattru distintiv skond l-Artikoli 3(1)(b) u 3(3) tad-Direttiva 89/104, l-awtorità kompetenti fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade marks għandha twettaq eżami konkret, billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari, l-użu li kien sar mit-trade mark.

Puissochet

Wathelet

Timmermans

Gulmann

Edward

Jann

Macken

von Bahr

Cunha Rodrigues

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Mejju 2003.

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż