Language of document : ECLI:EU:T:2022:262

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

27 ta’ April 2022 (*)

“Saħħa pubblika – Rekwiżit ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID‑19 diġitali tal-Unjoni validu għall-aċċess fil-bini tal-Parlament – Bażi legali – Libertà u indipendenza tal-membri parlamentari – Obbligu li tiġi żgurata s-saħħa tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni – Immunità parlamentari – Ipproċessar ta’ data personali – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-integrità fiżika – Dritt għas-sigurtà – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda T‑710/21, T‑722/21 u T‑723/21,

Robert Roos u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness (1), irrappreżentati minn P. de Bandt, M. Gherghinaru, L. Panepinto u V. Heinen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u A.‑M. Dumbrăvan, bħala aġenti,


konvenut,

li għandhom bħala suġġett,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen, President, R. Barents, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑15 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, li huma kollha membri eletti fil-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura 2019–2024, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas‑27 ta’ Ottubru 2021 dwar regoli eċċezzjonali fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà li jirregolaw l-aċċess għall-bini tal-Parlament fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fil-kuntest tal-kriżi sanitarja kkawżata mill-pandemija ta’ COVID‑19, il-leġiżlatur Ewropew, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea, adotta r-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2021, L 211, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 72, p. 7), kif ukoll ir-Reoglament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU 2021, L 211, p. 24).

3        Abbażi ta’ dawn ir-regolamenti, ċerti Stati Membri ddeċidew li jimplimentaw applikazzjonijiet nazzjonali taċ-ċertifikat COVID diġitali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat COVID”) u li jestendu l-użu tagħhom, b’mod partikolari għall-aċċess għal ċerti avvenimenti, bini jew trasport, sabiex jillimitaw it-tixrid tal-virus SARS-CoV-2 u li jippreżervaw is-saħħa pubblika. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tat-tliet Stati Membri fejn jinsab il-bini tal-Parlament, jiġifieri l-Belġju, Franza u l-Lussemburgu.

4        Sa mill-bidu tal-kriżi sanitarja f’Marzu 2020, il-President tal-Parlament adotta diversi miżuri bil-għan li jipproteġi s-saħħa tal-Membri, tal-persunal u ta’ persuni l-oħra preżenti fil-bini tiegħu, filwaqt li jiggarantixxi l-kapaċità tal-Parlament li jiżgura l-funzjonijiet essenzjali tiegħu kif iddefiniti mit-Trattati.

5        Dawn il-miżuri temporanji ġew regolarment imġedda jew emendati. Skont, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, ċerti miżuri setgħu jiddgħajfu jew jissaħħu. Dawn il-miżuri jinkludu, b’mod partikolari, sa mir-rebbiegħa tal‑2020, l-ilbies tal-maskla u l-kontroll tat-temperatura. Dawn kienu jipprevedu wkoll, sal-ħarifa tal‑2021, il-projbizzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ avvenimenti jew ta’ żjarat individwali jew fi grupp. Is-sessjonijiet plenarji nżammu fi Brussell (il-Belġju) bejn Marzu 2020 u Mejju 2021.

6        Barra minn hekk, b’effett mis‑16 ta’ Marzu 2020, ġiet implimentata sistema sħiħa ta’ xogħol mid-dar mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament bħala risposta għall-pandemija tal‑COVID-19. Din is-sistema ġiet adattata għall-evoluzzjoni tal-pandemija u ġiet issostitwita mill‑1 ta’ Settembru 2021 bid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tas‑16 ta’ Lulju 2021 dwar ix-xogħol mid-dar, li kienet tgħid li x-xogħol mid-dar kien issa fuq bażi volontarja filwaqt li l-preżenza fiżika kellha tkun il-mezz ta’ xogħol awtomatiku, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

7        Fil‑25 ta’ Marzu 2021, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ Brussell, il-Parlament fetaħ ċentru ta’ tilqim kontra l-COVID‑19 fil-bini tiegħu fi Brussell, sabiex jiffaċilita t-tilqim, b’mod partikolari, tal-Membri u tal-membri tal-persunal tiegħu, mingħajr ma kellhom bżonn, jekk ikun il-każ, li jmorru fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Barra minn hekk, sa mill-bidu tal-pandemija f’Marzu 2020, il-Parlament stabbilixxa proċeduri eċċezzjonali temporanji sabiex jippermettu lill-Membri jipparteċipaw mill-bogħod fid-dibattiti u fil-votazzjonijiet.

8        Fit‑2 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Parlament adotta deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà intiżi sabiex jillimitaw it-tixrid tal-COVID‑19. Skont din id-deċiżjoni, l-aċċess għall-bini tal-Parlament għall-viżitaturi, l-assistenti lokali, l-intervenjenti esterni u r-rappreżentanti tal-interessi huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID jew ċertifikat ekwivalenti. Din id-deċiżjoni tipprevedi wkoll l-obbligi li tintlibes maskla u li jiġi osservat tbegħid soċjali fi ħdan il-Parlament, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ aċċess għall-Parlament għal kull persuna li t-temperatura tagħha tkun ta’ iktar minn 37.7 C, li tagħtas jew li tisgħol, li tkun ittestjat pożittiva għall-COVID‑19 jew li kienet f’kuntatt ma’ xi ħadd li ttestja pożittiv għall-COVID‑19.

9        Fl-istess jum, il-President tal-Parlament adotta deċiżjoni dwar il-miżuri straordinarji li tippermetti lill-Parlament jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu u jeżerċita l-prerogattivi mogħtija lilu mit-Trattati. Din id-deċiżjoni tipprevedi, b’mod partikolari, l-istabbiliment mill-ġdid ta’ ċerti attivitajiet parlamentari, bħall-missjonijiet u d-delegazzjonijiet, kif ukoll l-obbligi li jiġi osservat tbegħid soċjali u li tintlibes il-maskla waqt id-dibattiti parlamentari.

10      Fit‑30 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Parlament adotta żewġ deċiżjonijiet li jestendu, sas‑17 ta’ Ottubru 2021, l-applikazzjoni tal-miżuri meħuda permezz tad-deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Settembru 2021.

11      Fl‑14 ta’ Ottubru 2021, il-President tal-Parlament adotta deċiżjoni ġdida dwar il-miżuri ta’ sigurtà intiżi li jillimitaw it-tixrid tal-virus, u li tipprevedi, għal perijodu ta’ bejn it‑18 ta’ Ottubru u t‑2 ta’ Novembru 2021, li l-organizzazzjoni ta’ numru kbir ta’ avvenimenti u ta’ żjarat fi ħdan il-bini tal-Parlament tiġi limitata, li jiġi impost kontroll tat-temperaturi fid-dħul tal-bini, li jiġi impost it-tbegħid soċjali u l-ilbies tal-maskla waqt id-dibattiti parlamentari u li l-aċċess għall-bini jiġu suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID fir-rigward tal-viżitaturi, l-assistenti lokali, l-oraturi esterni u r-rappreżentanti tal-interessi.

12      Fl-istess jum, il-President tal-Parlament adotta deċiżjoni ġdida dwar il-miżuri straordinarji li jippermettu lill-Parlament jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu u jeżerċita l-prerogattivi mogħtija lilu mit-Trattati, u li tipprevedi, għal perijodu mit‑18 ta’ Ottubru sat‑2 ta’ Novembru 2021, sistema ta’ parteċipazzjoni mill-bogħod għall-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet, ta’ kumitati u ta’ delegazzjonijiet interparlamentari, għaż-żamma ta’ laqgħat ta’ ċerti korpi, għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot, eċċ.

13      Minkejja l-miżuri ta’ tbegħid u l-prekawzjonijiet sanitarji implimentati, u minkejja l-kopertura vaċċinali stmata għal iktar minn 80 % tal-persunal, mix-xahar ta’ Settembru 2021, instabu numru dejjem ikbar ta’ każijiet ta’ trażmissjoni fi ħdan il-Parlament.

14      Għalhekk, fis‑27 ta’ Ottubru 2021, il-Bureau tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Bureau”) adotta d-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni timponi, għal perijodu mit‑3 ta’ Novembru 2021 sal‑31 ta’ Jannar 2022, fuq kull persuna li tixtieq taċċedi fil-bini tal-Parlament, fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID validu.

15      Huwa speċifikat fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata li dawn il-miżuri għandhom għan doppju, peress li huma intiżi, minn naħa, li jiżguraw l-osservanza mill-istituzzjoni tal-obbligu legali tagħha, li jirriżulta mit-Trattati, li tmur lura għall-proċeduri normali u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-persuni kollha preżenti fil-bini tal-Parlament.

16      Konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2021/953, il-kuntest taċ-ċertifikat COVID jippermetti l-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni transfruntiera ta’ wieħed miċ-ċertifikati li ġejjin:

–        ċertifikat li jikkonferma li d-detentur irċieva vaċċin kontra l-COVID‑19 fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat (“ċertifikat tal-vaċċinazzjoni”);

–        ċertifikat li jikkonferma li d-detentur kien suġġett għal test ta’ amplifikazzjoni tal-antiġeni tal-aċidu nuklejku molekulari (iktar ’il qudidem it-“test PCR”) jew test rapidu tal-antiġeni (iktar ’il qudidem it-“test TRA”), li jinsab fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet TRA għad-dijanjostika tal-COVID‑19 stabbilita abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal‑21 ta’ Jannar 2021, imwettqa minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal ikkwalifikat inkarigat mit-testijiet fl-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat u li jindika t-tip ta’ test, id-data li sar u r-riżultat tat-test (iktar ’il qudidem iċ-“ċertifikat tat-test”);

–        ċertifikat li jikkonferma li wara riżultat pożittiv ta’ test PCR imwettaq minn professjonisti tas-saħħa jew minn persunal ikkwalifikat inkarigat mit-testijiet, id-detentur fieq minn infezzjoni bis-SARS-CoV-2 (iktar ’il qudidem iċ-“ċertifikat ta’ fejqan”).

II.    Ittalbiet talpartijiet

17      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura sommarja.

18      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura sommarja.

III. Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikorsi

1.      Fuq linteress ġuridiku tarrikorrenti

19      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta, il-partijiet ġew mistiedna jippreċiżaw jekk ir-rikorrenti għadx għandhom interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-fatt li din kienet applikabbli biss sal‑31 ta’ Jannar 2022.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih dan jitressaq, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino‑Sandberg vs Il-Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrenti tista’ żżomm interess fit-talba għall-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li bih ikun ivvizzjat dan l-att ma terġax isseħħ fil-futur (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50).

22      Skont il-ġurisprudenza, dan l-interess ġuridiku jista’ madankollu jeżisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ terġa’ sseħħ fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 52).

23      F’dan il-każ, kif sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, ma huwiex eskluż li l-illegalitajiet li huma jinvokaw jerġgħu jseħħu fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikorsi ppreżentati minnhom.

24      Fil-fatt, permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw diversi illegalitajiet, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-assenza ta’ bażi legali xierqa għad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet tagħhom kif ukoll il-ksur tal-libertà u l-indipendenza tagħhom, jew ukoll il-ksur tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata, li jistgħu jirriproduċu ruħhom fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet analogi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li taw lok għal dawn ir-rikorsi.

25      Barra minn hekk, kif indika l-Parlament waqt is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata ġiet estiża, inizjalment, sat‑13 ta’ Marzu 2022, b’deċiżjoni tal-Bureau tas‑26 ta’ Jannar 2022 u, sussegwentement, sal‑10 ta’ April 2022, b’deċiżjoni tal-Bureau tas‑7 ta’ Marzu 2022. Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li d-deċiżjoni kkontestata għadha tista’ tiġi pprorogata jew li deċiżjoni simili tkun tista’ tiġi adottata mill-ġdid.

26      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq illocus standi tarrikorrenti

27      Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors u jqis li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi kif iddefinit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

28      Huwa jfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi tliet każijiet fejn persuna jista’ jkollha locus standi, jiġifieri, l-ewwel, meta din il-persuna tkun id-destinatarja tal-att inkwistjoni, it-tieni, meta l-att inkwistjoni jikkonċernaha direttament u individwalment u, it-tielet, meta l-att inkwistjoni jkun att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. Madankollu, il-Parlament iqis li ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma tikkorrispondi għall-każ ineżami.

29      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafu, tippreżenta rikors kontra atti indirizzati lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra kull att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

31      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif isostni l-Parlament, ir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma d-destinatarji tal-att ikkontestat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma hijiex indirizzata lilhom personalment u tapplika, skont l-Artikolu 2 tagħha, għall- “persuni kollha li jixtiequ jaċċedu għall-bini tal-Parlament fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, inklużi l-Membri, l-uffiċjali, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Parlament”.

32      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “destinatarju tal-att” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għandu jinftiehem fis-sens formali, bħala l-persuna indikata f’dan l-att bħala destinatarja tiegħu. Il-fatt li persuna li ma hijiex id-destinatarja formali ta’ att tista’ tkun ikkonċernata mill-kontenut tiegħu jista’, ċertament, jagħti lil din il-persuna l-locus standi jekk hija turi b’mod partikolari li, fid-dawl ta’ dan il-kontenut, dan l-att jikkonċernaha direttament, iżda mhux bħala destinatarja tal-imsemmi att. Barra minn hekk, il-fatt li ġiet trażmessa kopja tad-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqiesu bħala destinatarji ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il-Kummissjoni u INEA, C‑281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).

33      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li ma hijiex destinatarja tiegħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi rrikonoxxut il-locus standi tagħha, li jseħħ f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li teżamina fl-ewwel lok jekk ir-rikorrenti għandhomx locus standi skont it-tieni sitwazzjoni msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq.

35      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “att regolatorju”, fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ikopri l-atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali kollha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 28). Il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-portata ġenerali ta’ att tista’ tiġi dedotta mill-fatt li dan l-att japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali u astratt (ara sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2001, Sadam Zuccherifici et vs Il-Kunsill, C‑41/99 P, EU:C:2001:302, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, għalkemm adottata fil-forma ta’ deċiżjoni, tikkostitwixxi fir-realtà att regolatorju ta’ portata ġenerali, sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tipproduċi l-effetti legali tagħha fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, fatt li l-Parlament ma jikkontestax.

37      It-tieni, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 TFUE, teżiġi li jkunu ssodisfatti ż-żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, kif isostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali diretti u obbligatorji fir-rigward tagħhom, peress li, mid-dħul fis-seħħ tagħha fit‑3 ta’ Novembru 2021, huma jista’ jkollhom aċċess għall-bini tal-Parlament sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ Membri Ewropej u jipparteċipaw fix-xogħlijiet ta’ dan tal-aħħar biss jekk ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw ċertifikat COVID validu.

39      F’dan ir-rigward, anki jekk il-Parlament iddeċieda li jintroduċi mill-ġdid, mit‑22 ta’ Novembru 2021, sistema ta’ xogħol mid-dar obbligatorju, għal massimu ta’ tlett ijiem fil-ġimgħa fuq bażi mensili, għall-membri tal-persunal kollha, sakemm dan ikun kompatibbli mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom, u li jippermetti lill-Membri li jipparteċipaw mill-bogħod fid-dibattiti u fil-votazzjonijiet plenarji u fil-kumitati, kif ikkonferma l-Parlament waqt is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata u l-obbligu li jippreżentaw dan il-bini matul iż-żmien kollu.

40      Barra minn hekk, huwa paċifiku li ma teżisti ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari l-aġenti ta’ sigurtà tal-Parlament inkarigati mill-kontroll tal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID validu. Din għandha natura purament awtomatika u ma teħtieġx miżuri intermedji.

41      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

42      Preliminarjament, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-frażi “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jikseb aċċess għal qorti. Meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiċċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma kellhiex rimedju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (ara sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għall-kuntrarju, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni inklużi f’dan l-att (ara sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Meta l-implimentazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jistgħu jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att ta’ bażi inkwistjoni (ara sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ individwi oħra (ara sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “miżuri ta’ implimentazzjoni” jimplika, minn naħa, l-adozzjoni ta’ att, mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, jew mill-Istati Membri, li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il-Kummissjoni, C‑313/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:869, punt 37) u, min-naħa l-oħra, li l-effetti ġuridiċi tal-att ikkontestat jimmaterjalizzaw biss, fir-rigward tar-rikorrenti, permezz ta’ dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 50; tat‑13 ta’ Marzu 2018 Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 57, u s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 64).

47      Skont il-Parlament, mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-aċċess għall-bini tal-Parlament huwa mogħti jew irrifjutat wara verifika mwettqa mis-servizzi ta’ sigurtà tal-Parlament. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, mhux biss il-pussess ta’ ċertifikat COVID huwa vverifikat, iżda, jekk ikun il-każ, anki l-fatt li l-persuna inkwistjoni tibbenefika minn deroga mogħtija mis-Segretarju Ġenerali skont l-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, fir-rigward tar-rikorrenti, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jimmanifestaw ruħhom biss wara l-kontroll imwettaq mis-servizzi ta’ sigurtà tal-Parlament.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata mmaterjalizzaw fir-rigward tar-rikorrenti sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jeħtieġu ebda miżura ta’ implimentazzjoni addizzjonali, sa fejn dawn tal-aħħar kellhom ikollhom minn din id-data ċertifikat COVID validu sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għall-bini tal-Parlament.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-aġenti ta’ sigurtà tal-Parlament, inkarigati mill-istħarriġ tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jadottaw ebda att li jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, iżda sempliċement jivverifikaw, permezz tal-applikazzjoni CovidScanBE jew CovidCheck.lu, jekk persuna li tixtieq taċċedi għall-bini tal-Parlament għandhiex jew le ċertifikat COVID validu.

50      Waqt is-seduta, il-Parlament madankollu sostna li l-persuni li jiġu rrifjutati l-aċċess għall-bini tiegħu, peress li huma ma għandhomx ċertifikat COVID validu, jistgħu jiksbu, fuq talba, dokument li jikkonferma r-rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament, li jikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li jkun artifiċjali li r-rikorrenti jiġu obbligati jitolbu aċċess għall-bini tal-Parlament, meta ma jkollhomx ċertifikat COVID validu, sabiex jiksbu tali dokument li jikkonstata li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u li jistgħu, sussegwentement, jikkontestaw dan l-att quddiem il-Qorti Ġenerali u jinvokaw insostenn tar-rikors tagħhom, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 59 sa 64 u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Gazprom Neft vs Il-Kunsill, T‑735/14 u T‑799/14, EU:T:2018:548, punt 102).

52      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Parlament li r-rikorrenti jistgħu jressqu talba għal deroga lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, skont l-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata, u sussegwentement jikkontestaw rifjut eventwali li tingħata tali deroga. Fil-fatt, kif ikkonferma l-Parlament waqt is-seduta, tali derogi jingħataw biss għal raġunijiet leġittimi partikolari ħafna, bħat-tilqim f’pajjiż terz, u qatt ma jingħataw b’mod diskrezzjonali lil persuni li ma għandhomx ċertifikat COVID validu mingħajr ebda raġuni valida.

53      Għaldaqstant, minbarra l-fatt li jkun artifiċjali li r-rikorrenti jintalbu jippreżentaw tali talbiet għal deroga, għandu jiġi rrilevat li dawn qatt ma ppreżentaw tali talbiet f’dan il-każ, b’tali mod li tali miżuri ta’ eżekuzzjoni eventwali huma, fi kwalunkwe każ, irrilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq.

54      Fl-aħħar, il-Parlament ma jistax jinvoka b’mod utli s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2017, Petrov et vs Il-Parlament (T‑452/15, EU:T:2017:822), sabiex isostni li rifjut eventwali ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament jikkostitwixxi, f’dan il-każ, att li jista’ jiġi kkontestat mill-persuna kkonċernata quddiem il-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża, ir-rikorrenti, ċittadini ta’ Stat terz, kienu qegħdin jikkontestaw id-deċiżjoni li tirrifjuta li tagħtihom l-akkreditament neċessarju sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għall-bini tal-Parlament. Għalhekk, b’differenza mir-rikorrenti f’din il-kawża, dawn ir-rikorrenti ma kellhomx, fl-assenza ta’ din id-deċiżjoni, dritt ta’ aċċess permanenti għall-bini tal-Parlament. Barra minn hekk, id-deċiżjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet deċiżjoni espliċita ta’ rifjut ta’ aċċess, ta’ portata individwali, u mhux sempliċi miżura ta’ kontroll tal-aġenti tas-sigurtà tal-Parlament, inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni preliminari, ta’ portata ġenerali, li tikkundizzjona l-aċċess għall-bini tal-Parlament, bħal f’dan il-każ.

55      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

56      Konsegwentement, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom locus standi skont it-tielet sitwazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

B.      Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal adattament tarrikorsi

57      Waqt is-seduta, il-Parlament indika li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet estiża, inizjalment, sat‑13 ta’ Marzu 2022, b’deċiżjoni tal-Bureau tas‑26 ta’ Jannar 2022, imbagħad, sussegwentement, sal‑10 ta’ April 2022, b’deċiżjoni tal-Bureau tas‑7 ta’ Marzu 2022. Il-Parlament ippreċiża wkoll li dawn id-deċiżjonijiet ġodda kienu bbażati fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni sanitarja u tad-data xjentifika disponibbli.

58      Mistoqsija dwar l-impatt ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġodda fuq dan ir-rikors, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li huma xtaqu jadattaw it-talbiet tar-rikorsi tagħhom sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ġodda.

59      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-adattament tar-rikors għandu jitwettaq permezz ta’ att separat qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

60      Dan ir-rekwiżit għandu b’mod partikolari bħala għan li jiżgura l-kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża, billi jippermetti lill-konvenut jirreaġixxi għall-motivi u għall-argumenti tar-rikorrent kif adattati, sa fejn dawn jikkonċernaw elementi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2019, Haswani vs Il-Kunsill, C‑313/17 P, EU:C:2019:57, punti 36 sa 40, tad‑9 ta’ Novembru 2017, HX vs Il-Kunsill, C‑423/16 P, EU:C:2017:848, punt 23, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il-Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 139).

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti u r-rappreżentanti tagħhom ħadu neċessarjament konjizzjoni tad-deċiżjonijiet il-ġodda adottati mill-Bureau qabel is-seduta, b’tali mod li, li kieku riedu wkoll jikkontestaw il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet, huma kellhom juru d-diliġenza neċessarja billi jippreżentaw jew rikorsi ġodda, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, jew adattamenti tar-rikorsi, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura.

62      Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti ma ppreżentawx talbiet għal adattament tar-rikorsi permezz ta’ att separat qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, l-imsemmija talbiet, magħmula oralment matul is-seduta, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

C.      Fuq ilmertu

63      Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi distinti, ibbażati, l-ewwel, fuq l-assenza ta’ bażi legali valida tad-deċiżjoni kkontestata sabiex joħolqu effetti fir-rigward tal-Membri tal-Parlament, it-tieni, fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza tal-Membri tal-Parlament u l-immunitajiet mogħtija lilhom mit-Trattat, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali dwar l-ipproċessar tad-data personali u, ir-raba’, fuq ksur mhux iġġustifikat tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, tad-dritt għall-integrità fiżika, tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà kif ukoll tad-dritt għall-ugwaljanza fil-liġi u għan-nondiskriminazzjoni.

1.      Lewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali valida taddeċiżjoni kkontestata sabiex jinħolqu effetti firrigward talMembri talParlament Ewropew

64      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jikkostitwixxix bażi legali valida għad-deċiżjoni kkontestata sabiex din tkun tista’ tipproduċi effetti fir-rigward tagħhom. Fil-fatt, huma jenfasizzaw li l-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, li fl-opinjoni tagħhom huwa l-uniku wieħed li jista’ jkun rilevanti, jattribwixxi lill-Bureau biss kompetenzi ġenerali ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, li ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri daqstant stretti bħal dawk previsti mid-deċiżjoni kkontestata.

65      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jeħtieġ “liġi” sabiex jiġu ddeterminati l-elementi essenzjali tal-ipproċessar tad-data personali. Madankollu, skonthom, huwa ċert li deċiżjoni tal-Bureau ma tikkostitwixxix liġi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-effett li tagħti, fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, protezzjoni inqas minn dik mogħtija fil-livell tal-Istati Membri, li jistabbilixxu bħala rekwiżit, għall-ipproċessar tad-data personali, l-adozzjoni ta’ regola ta’ natura leġiżlattiva, wara dibattitu parlamentari.

66      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jqisu li l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jistax ikun il-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri li jmorru kontra d-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat‑28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem l- “Istatut tal-Membri”), jew tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”).

67      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

68      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 232 TFUE jipprevedi li l-Parlament għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza tal-Membri li jikkomponuh.

69      F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Din id-dispożizzjoni tagħti kompetenza lill-Bureau sabiex jirregola kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi li jirrigwardaw l-organizzazzjoni interna tal-Parlament, is-segretarjat u l-korpi tiegħu.

70      Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li d-deċiżjoni kkontestata, li hija intiża li tillimita l-aċċess għall-bini tal-Parlament biss għall-persuni li għandhom ċertifikat COVID validu, taqa’ effettivament taħt il-kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, fis-sens tal-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

71      Fil-fatt, mis-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa awtorizzat jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu u l-iżvolġiment tal-proċeduri tiegħu (sentenzi tal‑10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, EU:C:1983:32, punt 38; tal‑10 ta’ Lulju 1986, Wybot, 149/85, EU:C:1986:310, punt 16, u tat‑2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 144).

72      Kif isostni l-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi tali miżura sa fejn hija għandha, skont il-premessa 2 tagħha, l-għan li tippermetti ritorn lejn sistema ta’ xogħol bi preżenza sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri normali li jirriżultaw mit-Trattati, li tiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tal-proċeduri abitwali kollha previsti fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha u li tistabbilixxi mill-ġdid ir-rwol komplet u illimitat tagħha bħala istituzzjoni tal-Unjoni demokratikament eletta, li tirrappreżenta direttament liċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni.

73      Is-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq, hija rrikonoxxuta wkoll mill-ftehimiet dwar is-sede awtorizzati bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri li jospitaw il-bini tagħhom. Għalhekk, l-arranġament fil-qasam tas-sigurtà, iffirmat fil‑31 ta’ Diċembru 2004, bejn, minn naħa, il-Parlament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, u l-Bank Ewropew tal-Investiment, u, min-naħa l-oħra, il-Gvern Belġjan, jipprevedi li l-istituzzjonijiet huma responsabbli għas-sigurtà u għaż-żamma tal-ordni fl-aspetti kollha tagħhom fi ħdan il-bini li huma jokkupaw, kif ukoll awtorizzazzjonijiet u kontrolli tal-aċċess għal dan il-bini. Bl-istess mod, il-ftehim bejn il-Parlament u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tat‑2 ta’ Diċembru 1983, jipprevedi li l-Parlament huwa responsabbli għas-sigurtà fil-postijiet u l-bini tiegħu u li jadotta leġiżlazzjonijiet interni għal dan il-għan. Fl-aħħar, fir-rigward tal-bini tal-Parlament fi Strasbourg (Franza), l-arranġament amministrattiv bejn dan tal-aħħar u l-awtoritajiet Franċiżi dwar is-sigurtà tal-bini tal-Parlament fi Strasbourg, tal‑25 ta’ Ġunju 1998, jirrikonoxxi wkoll ir-responsabbiltà esklużiva tal-Parlament fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet u l-kontrolli tal-aċċess għall-bini tiegħu.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata hija ekwivalenti għal limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess permanenti tal-Membri għall-bini tal-Parlament, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni tal-Bureau tat‑3 ta’ Mejju 2004 li tistabbilixxi r-regoli relatati mal-laissez-passer. Peress li din l-aħħar deċiżjoni ġiet adottata mill-Bureau, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 22 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni preċedenti tiegħu, li jikkorrispondi għall-Artikolu 25 tar-Regoli ta’ Proċedura attwalment fis-seħħ, huwa koerenti li dan l-istess korp adotta d-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-istess bażi legali, konformement mal-prinċipju tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali (ara sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il-Kummissjoni, T‑364/16, EU:T:2018:696, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fit-tieni lok, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar in-natura effettiva tiegħu, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex “liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta, li tippermetti li jiġu ddeterminati l-elementi essenzjali tal-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrenti.

76      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8 tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha” u li “[d]in id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi.”

77      L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi wkoll li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet”.

78      L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi, barra minn hekk, li “[s]afejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

79      L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, intitolat “Dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu” u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[m]a għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor”. Barra minn hekk, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 8 tal-Karta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8 tal-KEDB, bħala limitu ta’ protezzjoni minima, sa fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jinkludu drittijiet ekwivalenti Dès lors, pour l’interprétation de l’article 8 de la Charte, il convient de tenir compte de l’article 8 de la CEDH, en tant que seuil de protection minimale, dans la mesure où ces deux dispositions contiennent des droits équivalents (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54).

80      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rekwiżit li kwalunkwe interferenza fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 8(2) tal-KEDB, jimplika mhux biss li l-miżura li tipprevedi l-interferenza għandu jkollha bażi legali fid-dritt intern, iżda wkoll li din il-bażi legali għandu jkollha ċerti kwalitajiet ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà b’mod li jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 38; Il-Qorti EDB, 26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, § 49, u 4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, § 228).

81      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-kelma “liġi” fl-espressjoni “prevista mil-liġi”, li tinsab b’mod partikolari fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB, għandha tinftiehem fis-sens materjali u mhux formali tagħha. Huwa jinkludi għalhekk kemm id-dritt bil-miktub kif ukoll id-dritt mhux miktub u ma huwiex limitat għat-testi leġiżlattivi iżda jinkludi wkoll l-atti u l-istrumenti legali ta’ livell inferjuri. Fil-qosor, il-“liġi” hija t-test fis-seħħ kif il-qrati kompetenti jkunu interpretawha (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, § 47, u 8 ta’ April 2021, Vavřička et vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2021:0408JUD004762113, § 269).

82      Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix regola ta’ livell leġiżlattiv, adottata wara dibattitu parlamentari, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li din ma tikkostitwixxix “liġi” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

83      Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta wkoll li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ kwalità tal-liġi, id-dritt intern għandu joffri ċerta protezzjoni kontra ksur arbitrarju tas-setgħa pubblika għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB u li, fil-każ ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali, il-liġi tmur kontra l-preeminenza tad-dritt, wieħed mill-prinċipji fundamentali ta’ soċjetà demokratika stabbiliti mill-KEDB, jekk is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-eżekuttiv ma kinitx limitata. Konsegwentement, hija għandha tiddefinixxi l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ tali poter bi kjarezza suffiċjenti [ara Cour EDH, 15 ta’ Marzu 2022, Communauté genevoise d’action syndicale (CGAS) vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2022:0315JUD002188120, § 78 u l-ġurisprudenza ċċitata].

84      Madankollu, f’dan il-każ, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi fiha nnifisha “liġi” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ma jistax jitqies li l-Parlament kellu bżonn ta’ awtorizzazzjoni espressa min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jadotta tali miżuri, li huma bbażati fuq l-Artikolu 232 TFUE u l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

85      Barra minn hekk, f’dan il-każ, kif isostni l-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-kriterji ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà meħtieġa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitrarjetà.

86      F’dan il-kuntest, għandu jiftakkar li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi regoli ċari u preċiżi fir-rigward tal-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li tipprovdi b’mod partikolari lill-persuni kkonċernati garanziji suffiċjenti li jippermettu li jipproteġu b’mod effikaċi d-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Għalhekk, jirriżulta mill-premessi 22 sa 25 tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata li l-persuni li d-data personali tagħhom hija pproċessata mill-Parlament abbażi ta’ din id-deċiżjoni huma protetti skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

88      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament ma jistax ikun il-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri li jmorru kontra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament jew tal-Protokoll Nru 7 ma jikkonċernax il-kwistjoni tal-bażi legali adatta tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-kwistjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjonijiet, kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv iktar ’il quddiem.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament kien jikkostitwixxi bażi legali valida għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

90      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza talMembri talParlament kif ukoll fuq ksur talimmunitajiet ikkonferiti lilhom mitTrattat

91      It-tieni motiv tar-rikorrenti huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament, li jistabbilixxi l-prinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza tal-Membri tal-Parlament u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-immunitajiet mogħtija lil dawn il-Membri Parlamentari, b’mod partikolari mill-Protokoll Nru 7.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilkuntrarjetà taddeċiżjoni kkontestata għallprinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza talMembri tal-Parlament

92      Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata hija vinkolanti ħafna u tippreġudika serjament il-prinċipju tal-eżerċizzju liberu u indipendenti tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Membri, sa fejn huma jistgħu, minħabba din id-deċiżjoni, isibu ruħhom impediti milli jassumu u jeżerċitaw il-missjoni tagħhom ta’ rappreżentanza, fatt li jista’ jaffettwa negattivament l-ekwilibriju tal-poteri u l-eżerċizzju liberu tad-demokrazija.

93      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li r-rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament previst mid-deċiżjoni kkontestata, fil-każ ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID validu, japplika indipendentement mir-raġuni għal dan in-nuqqas ta’ preżentazzjoni. B’hekk, Membru tal-Parlament jista’ jsib ruħu fl-impossibbiltà li jippreżenta ċertifikat COVID validu peress li ma għandux jew ma jixtieqx ikollu tali ċertifikat, iżda wkoll minħabba li huwa nsieh jew tilfu, jew inkella għaliex l-ismartphone tiegħu ma jiffunzjonax fil-mument tal-kontroll. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li l-Membri tal-Parlament li ma għandhomx ċertifikat ta’ tilqim jew ċertifikat ta’ fejqan għandhom jiġu ttestjati mill-inqas kull jumejn, minħabba l-perijodu ta’ validità limitat ta’ dawn it-testijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi previst żmien ta’ stennija kunsiderevoli bejn il-mument tat-test u l-mument meta jiġi ġġenerat il-kodiċi b’risposta rapida (iktar ’il quddiem il-“kodiċi QR”). Għalhekk, jekk huma jixtiequ jmorru l-Parlament it-Tnejn filgħodu, ir-rikorrenti ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jagħmlu dawn it-testijiet matul il-jiem ta’ mistrieħ tagħhom u fil-prattika huma jkunu fl-impossibbiltà prattika li jagħmlu test matul il-ġimgħat “ħomor” ta’ sessjonijiet plenarji u “roża” ta’ trilogi, peress li, matul dawn il-ġimgħat, id-dibattiti jintemmu filgħaxija u jerġgħu jibdew filgħodu kmieni.

94      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

95      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Istatut tal-Membri, “il-membri għandhom ikunu ħielsa u indipendenti”. Bl-istess mod, l-Artikolu (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Membri għandhom jeżerċitaw il-mandat tagħhom b’mod liberu u indipendenti. Il-prinċipju tal-mandat liberu u indipendententi tal-Membri huwa prinċipju komuni għas-sistemi parlamentari demokratiċi, li jikkostitwixxi element essenzjali tad-demokrazija rappreżentattiva li fuqha huwa bbażat il-funzjonament tal-Unjoni, skont l-Artikolu 10(1) TFUE. Dan il-prinċipju jinkludi d-dritt għall-Membri Ewropej li jaċċedu mingħajr xkiel għall-binjiet tal-Parlament sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament, skont l-Artikolu 5(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

96      Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi għalhekk indħil fl-eżerċizzju tal-mandat tal-Membri tal-Parlament Ewropew, peress li din timponi fuqhom kundizzjoni addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għall-bini tal-Parlament, jiġifieri l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID validu.

97      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju tal-mandat liberu u indipendenti tal-Membri ma huwiex prinċipju assolut u jista’ jkun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet, b’mod partikolari mill-Parlament, bis-saħħa tas-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 232 TFUE, meta huwa jfittex li jilħaq għan leġittimu.

98      Madankollu, kull indħil fil-prinċipju tal-mandat liberu u indipendenti mill-Membri jew kull limitazzjoni tiegħu għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, EU:T:2001:242, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Fl-ewwel lok, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1 sa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, din għandha għan leġittimu, intiż sabiex jikkonċilja żewġ interessi kompetittivi f’kuntest ta’ pandemija, jiġifieri l-kontinwità tal-attivitajiet tal-Parlament, minn naħa, u s-saħħa tal-persuni preżenti fil-bini tal-Parlament, min-naħa l-oħra.

100    Fil-fatt, minn naħa, il-Parlament huwa obbligat jiżgura l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu li jirriżultaw mit-Trattati. Għalhekk, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-kapaċità operattiva tal-Parlament, b’mod partikolari l-attività leġiżlattiva u baġitarja tiegħu, kellha tissokta. Għal dan il-għan, il-Parlament adotta miżuri straordinarji, ibbażati fuq it-Titolu XIII a tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ parteċipazzjoni mill-bogħod. Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 237a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, tali miżuri straordinarji għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, ikunu limitati ratione temporis. Konsegwentement, il-Parlament kien obbligat li jerġa’ jibda bl-iktar mod rapidu possibbli l-attivitajiet tiegħu f’format abitwali, jiġifieri bil-preżenza fiżika tad-deputati, sabiex jiżgura l-funzjonament normali tal-Parlament bħala istituzzjoni tal-Unjoni li l-membri tagħha huma eletti demokratikament.

101    Min-naħa l-oħra, il-Parlament huwa obbligat, skont id-dmir ta’ premura tiegħu u mill-obbligu tiegħu, li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni skont l-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), li jiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni. Mingħajr ma jkun hemm obbligu ta’ riżultat, tali dmir għall-istuzzjonijiet tal-Unjoni, fil-kwalità tagħhom ta’ impjegat, li jiżguraw is-sigurtà tal-persunal tagħhom japplika b’rigoriżità partikolari u l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni f’dan il-qasam hija, minkejja li mhux ineżistenti, ridotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs Il-Kummissjoni, C‑308/87, EU:C:1990:134, punt 14, u tat‑12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano Il-Kummissjoni, F‑50/09, EU:F:2011:55, punt 126). L-istess japplika fir-rigward tal-obbligu li tiġi żgurata s-saħħa tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni. Għaldaqstant, u sa fejn il-preżenza tal-Membri tal-Parlament timplika li dawn tal-aħħar ser ikunu f’kuntatt mal-persunal ta’ din l-istituzzjoni, l-osservanza tal-obbligu li tiġi żgurata s-saħħa ta’ dan il-persunal timplika, għall-Parlament, li jiżgura li tali ritorn għal attività normali jkun possibbli mingħajr effetti dannużi ġenerali fuq is-saħħa tal-persuni preżenti fil-bini tiegħu, li jinkludi l-persunal ta’ din l-istituzzjoni.

102    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizz mediku tal-Parlament qies kif ġej:

“[I]l-preżenza ikbar ta’ persuni fil-bini tal-Parlament, iż-żieda fl-ispostar minħabba l-issoktar tal-missjonijiet, il-frekwenza ikbar ta’ kuntatti mill-qrib waqt il-laqgħat bi preżenza fiżika u ż-żieda tal-impatt tal-COVID‑19 fis-soċjetà, iwasslu għal riskju ogħla ta’ introduzzjoni tal-virus fil-Parlament Ewropew u riskju ikbar ta’ trażmissjoni tal-COVID‑19 internament u ta’ kwarantina. Barra minn hekk, bħala organizzazzjoni internazzjonali u istituzzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, il-Parlament Ewropew għandu jieħu inkunsiderazzjoni vjaġġi internazzjonali frekwenti bħala fattur ta’ riskju addizzjonali li jista’ joħloq ċentru ta’ trażmissjoni. Konsegwentement, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni sanitarja fl-Unjoni, u mhux biss is-sitwazzjoni fil-livell tal-Istati Membri fejn il-Parlament għandu s-sede jew il-post tax-xogħol tiegħu.”

103    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, id-data pprovduta mis-servizz mediku tal-Parlament turi li, matul l-ewwel ġimagħtejn u nofs tax-xahar ta’ Settembru 2021, kien hemm iktar każijiet elenkati ta’ kuntatti mill-qrib ma’ persuni li rċevew test PCR pożittiv għall-COVID‑19 milli matul kwalunkwe xahar preċedenti minn Novembru 2020, u li din it-tendenza nżammet matul ix-xahar ta’ Settembru 2021 u l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2021.

104    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata għandha għan leġittimu u li ma tikkostitwixxix strument manifestament mhux xieraq għall-finijiet li jintlaħaq dan l-għan, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Parlament kellu fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

105    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix interferenza sproporzjonata jew irraġonevoli fil-mandat liberu tal-Membri tal-Parlament u jekk tiksirx is-sostanza stess ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan ir-rigward, kif ifakkar il-Parlament, aċċess universali, rapidu u affordabbli għat-tilqim u għall-ittestjar tal-COVID‑19 jeżisti fl-Unjoni kollha, li jikkostitwixxi l-bażi tal-ħruġ taċ-ċertifikati COVID. Il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID minn Membri tal-Parlament li jidħlu fil-bini tal-Parlament ma tistax għalhekk tinftiehem bħala interferenza sproporzjonata u irraġonevoli fl-eżerċizzju tal-mandat liberu, fid-dawl tal-għan leġittimu tad-deċiżjoni kkontestata li tipproteġi l-ħajja u s-saħħa tal-persuni preżenti fil-bini tal-Parlament filwaqt li tiżgura r-ritorn tiegħu għal attività normali.

107    Għandu jitfakkar ukoll li l-Parlament stabbilixxa miżuri sabiex joffri lill-Membri tiegħu l-appoġġ neċessarju sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ aċċess il-ġodda, fil-każ fejn huma ma jkollhomx ċertifikat COVID, bħalma hija l-possibbiltà li jiġu ttestjati fuq il-post, mingħajr ħlas, fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu.

108    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi żgurat ritorn għall-attivitajiet normali tal-Parlament. Fil-fatt, skont l-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament, tal‑10 ta’ Ottubru 2021, ir-ritorn għal xogħol normali tal-Parlament iwassal inevitabbilment għal każijiet ta’ COVID‑19 u ta’ kwarantina. Madankollu, skont din l-istess opinjoni, tali riskji jistgħu jitnaqqsu permezz ta’ miżuri bħal dik prevista fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, hemm minimu ta’ data personali waqt il-verifika taċ-ċertifikati COVID fid-dħul tal-bini tal-Parlament, kif jirriżulta mill-provi prodotti mill-Parlament (ara l-punt 177 iktar ’il quddiem).

109    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura permanenti. L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi, fil-fatt, li ma tibqax applikabbli mill‑31 ta’ Jannar 2022, ħlief fil-każ ta’ tiġdid, emenda jew tħassir, u li din tiġi regolarment eżaminata mill-ġdid fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni sanitarja.

110    Barra minn hekk, kif isostni l-Parlament, id-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jitwaqqfu l-miżuri straordinarji u tippermetti lill-Membri tal-Parlament jeżerċitaw mill-ġdid id-drittijiet tagħhom permezz ta’ ritorn għall-attivitajiet fuq is-sit, b’inqas restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-mandat liberu u indipendenti tagħhom milli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ parteċipazzjoni mill-bogħod.

111    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li r-rikorrenti ma indikaw ebda miżura alternattiva li hija inqas intrużiva filwaqt li jilħqu l-għan imfittex b’mod simili. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li ssoktar tal-attivitajiet tal-Parlament bi preżenza fiżika, mingħajr ebda obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-bini tal-Parlament, jippermetti, bl-istess mod, li jikkontribwixxi għall-għan li tiġi żgurata s-saħħa tal-persunal.

112    Madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw diversi konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni tagħhom (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

113    L-ewwel, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw dannu minħabba rifjut li jippreżentaw ċertifikat COVID validu jew minħabba żvista ta’ dan iċ-ċertifikat, għandu jiġi rrilevat li d-dannu li huma jinvokaw ma jirriżultax mill-effetti prodotti biss mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mill-għażla tagħhom li ma jippreżentawx tali ċertifikat, peress li dawn ma jallegawx li huma fl-impossibbiltà li jagħmlu dan (digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2021, D’Amato et vs Il-Parlament, T‑722/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:874, punt 23).

114    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata jagħti l-possibbiltà lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li jagħti derogi dwar l-obbligu li jiġi ppreżentat tali ċertifikat sabiex jidħol fil-bini tal-Parlament, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi.

115    It-tielet, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li huma jistgħu jsibu ruħhom fl-impossibbiltà li jippreżentaw ċertifikat COVID validu minħabba problemi tekniċi marbuta, pereżempju, mal-użu ta’ smartphone, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat COVID huwa aċċettat fil-forma stampata u f’format diġitali, b’tali mod li dawn il-problemi tekniċi għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jiġu evitati.

116    Ir-raba’, ir-rikorrenti jsostnu li huma għandhom jiġu ttestjati b’mod regolari ħafna, saħansitra matul il-jiem ta’ mistrieħ tagħhom, u li huwa impossibbli li jiġu ttestjati matul ġranet ta’ xogħol fejn ikollhom ħafna xogħol.

117    Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti li tlaqqmu u lanqas fiequ, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament joffri lill-Membri tiegħu fit-tliet postijiet tax-xogħol l-appoġġ neċessarju sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti ta’ aċċess il-ġodda, fil-każ li huma ma jkollhomx ċertifikat COVID validu. Għalhekk, il-Parlament stabbilixxa l-possibbiltà li wieħed jiġi ttestjat fuq il-post, mingħajr ħlas, fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu. Din il-possibbiltà, barra minn hekk, ġiet ikkomunikata lill-persunal kollu tal-Parlament fit‑28 ta’ Ottubru 2021, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli li jiġi ppreżentat ir-riżultat negattiv ta’ test PCR imwettaq fil-Belġju, fil-Lussemburgu jew fi Franza, sabiex wieħed ikun jista’ jaċċedi għall-bini tal-Parlament. Fl-aħħar, filwaqt li inizjalment it-tul tal-validità tar-riżultati tat-testijiet PCR kien ta’ jumejn kalendarji wara d-data tat-test, it-tul tal-validità ta’ test PCR ġie estiż għal 72 siegħa wara t-twettiq tal-imsemmi test, mit‑22 ta’ Novembru 2021 sas‑27 ta’ Jannar 2022, skont id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tad‑19 ta’ Novembru 2021.

118    Il-ħames, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata timplika wkoll dannu dirett għas-setgħa ta’ rappreżentanza tagħhom bħala deputati eletti fil-Parlament u l-kapaċità tagħhom li jaħdmu b’mod utli u effikaċi sa fejn tapplika wkoll għall-assistenti tagħhom u għall-persunal tal-Parlament, għandu jiġi rrilevat, bħalma jagħmel il-Parlament, li r-rikorrenti ma jressqu ebda argument speċifiku ta’ natura li jistabbilixxi li dawn il-persuni ma humiex f’pożizzjoni li jikkonformaw ruħhom fi żmien xieraq mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess imposti mid-deċiżjoni kkontestata.

119    Fl-aħħar, is-sitta, ir-rikorrenti josservaw li, fi Franza, l-emendi intiżi sabiex jikkundizzjonaw l-aċċess tad-deputati u tas-senaturi għall-bini tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID ġew miċħuda kollha, minħabba, b’mod partikolari, deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) tal‑11 ta’ Mejju 2020, li tfakkar li diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Franċiża jimponu l-osservanza tal-libertà tal-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom u li Membru tal-Parlament qatt ma jista’ jiġi rrifjutat l-aċċess għall-Parlament.

120    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Parlament, li l-bini tiegħu jinsab mhux biss fi Franza, iżda wkoll fil-Belġju u fil-Lussemburgu, għandu bażi legali awtonoma sabiex jadotta miżuri ta’ organizzazzjoni interna bħal dawk li ġew introdotti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 232 TFUE u l-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, b’tali mod li ma jistax ikun marbut bl-evalwazzjonijiet magħmula fil-livell ta’ Stat Membru b’mod partikolari.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika b’mod sproporzjonat jew irraġonevoli l-eżerċizzju liberu u indipendenti tal-mandat ta’ Membru tal-Parlament, u lanqas li s-sostanza stess ta’ dan l-eżerċizzju tiġi kkontestata.

122    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata, essenzjalment, fuq ksur talimmunitajiet mogħtija lillMembri talParlament millProtokoll Nru 7

123    Ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 7, li għandu l-effett li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli joħolqu restrizzjonijiet amministrattivi għal-libertà ta’ moviment tal-Membri Parlamentari Ewropej. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, bħala li tipprekludi kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni, inklużi miżuri li jistgħu jostakolaw il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

124    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, għalkemm indirizzat formalment lill-Istati Membri, ma hemm l-ebda dubju li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 7 japplika wkoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jadottaw huma stess miżuri restrittivi, bħad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u b’mod partikolari tal-artikoli dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dritt għall-integrità fiżika. Barra minn hekk, mill-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7 u mill-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jirriżulta li dan għandu jaġixxi b’kunsens mal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 7. B’mod partikolari, huwa l-Parlament li għandu jiżgura l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li jippreżerva d-dritt tagħhom li jipparteċipaw attivament fix-xogħlijiet tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament.

125    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

126    L-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi li “[l]-ebda restrizzjoni amministrattiva jew oħra m’għandha tingħata fuq il-moviment liberu tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jivvjaġġaw lejn jew mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew”.

127    Għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tipprekludix lill-Parlament milli jadotta miżuri intiżi sabiex jirrestrinġu jew jikkundizzjonaw l-aċċess għall-bini tiegħu, bħal dak previst mid-deċiżjoni kkontestata.

128    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti, il-Protokoll Nru 7 huwa indirizzat fl-ewwel lok lill-Istati Membri, u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

129    Sussegwentement, kif isostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 18 tal-Protokoll Nru 7 jipprovdi li, “[f] l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom jaġixxu flimkien ma’ l-Istati Membri”. L-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jipprovdi, b’mod partikolari, li l-membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet previsti mill-Protokoll Nru 7 u li, “[g]ħall-fini tal-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom, kull Membru għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa b’mod attiv fix-xogħol tal-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura”.

130    Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirriżulta, anki jekk interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar, b’mod partikolari, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u l-integrità fiżika, li l-Parlament ma huwiex kompetenti sabiex jadotta miżuri ta’ organizzazzjoni interna, bħal dawk previsti mid-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-Artikolu 25(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 5 ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi espressament li d-dritt, għall-Membri tal-Parlament, li jipparteċipaw b’mod attiv fix-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament għandu jiġi eżerċitat “skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura”.

131    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 176(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, “[i]l-President jista’ jimponi sanzjoni kontra Membru fil-każijiet fejn dawn ir-Regoli tal-Proċedura jew deċiżjoni tal-[B]ureau meħuda skont l-Artikolu 25 jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu”. Tali dispożizzjoni tkun hija stess illegali jekk tiġi adottata l-interpretazzjoni tal-Protokoll Nru 7 propost mir-rikorrenti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma invokawx l-illegalità tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 277 TFUE.

132    Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-privileġġi u l-immunitajiet irrikonoxxuti minn dan il-protokoll huma biss ta’ natura funzjonali sa fejn dawn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni. Konsegwentement, dawn il-privileġġi u immunitajiet jingħataw esklużivament fl-interess tal-Unjoni. Dan japplika neċessarjament ukoll għall-immunità tal-Membri tal-Parlament: din għandha l-għan li tevita kull ostakolu għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni li huma Membri tagħha, jiġifieri għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ din l-istituzzjoni (ara d-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2011, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:553, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-istess sens, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament tipprovdi li “[l]-immunità parlamentari ma hijiex privileġġ personali tal-membru, iżda hija garanzija ta’ indipendenza tal-Parlament fl-intier tiegħu u tal-Membri tiegħu”.

133    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix ksur tal-Protokoll Nru 7, u lanqas tal-Artikolu 7 tiegħu b’mod partikolari.

134    It-tieni parti tat-tieni motiv għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda wkoll bħala infondata, kif ukoll it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

3.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ġenerali dwar lipproċessar taddata personali

135    It-tielet motiv invokat mir-rikorrenti huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipji ta’ limitazzjoni tal-għanijiet tal-ipproċessar ta’ data u ta’ legalità u, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ trasparenza u ta’ minimizzazzjoni.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talprinċipji ta’ limitazzjoni talfinalità talipproċessar taddata u ta’ legalità

136    Ir-rikorrenti jfakkru li, skont il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finalità, id-data personali għandha tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata sussegwentement b’mod differenti. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2018/1725 li l-kontrollur jista’ jestendi l-għanijiet inizjali tal-ipproċessar.

137    Fil-fatt, sabiex id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati COVID elettroniċi tar-rikorrenti tkun tista’ tintuża sabiex jingħataw aċċess għall-bini tal-Parlament, huwa legalment meħtieġ li din tkun inġabret għal dan il-għan.

138    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament 2021/953 jipprevedi biss l-ipproċessar tad-data għall-iffaċilitar tad-dritt għaċ-ċirkulazzjoni u għas-soġġorn liberu fit-territorju tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID‑19. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 48 tar-Regolament 2021/953 jidher ċar li jekk l-Istati Membri jixtiequ jużaw id-data personali li hija pproċessata fil-kuntest tal-implimentazzjoni taċ-ċertifikat COVID għal finijiet oħra minn dawk previsti fir-Regolament 2021/953, huma għandhom jipprovdi bażi legali nazzjonali speċifika għal dan. Dan il-prinċipju tfakkar ukoll reċentement fl-Opinjoni Konġunta Nru 04/2021 tal-Kumitat Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli ta’ vaċċin, ta’ eżami u ta’ fejqan sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija ta’ COVID‑19 (ċertifikat aħdar diġitali) (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni Konġunta Nru 04/2021”), kif ukoll mil-linji gwida tal-KEPD “dwar ir-ritorn fuq il-post tax-xogħol u l-ittestjar tal-istat ta’ immunità jew ta’ infezzjoni tal-COVID mill-istituzzjonijiet Ewropej”.

139    Barra minn hekk, fil-Belġju, fejn il-Membri tal-Parlament ta’ spiss ikollhom jiġu ttestjati, il-leġiżlazzjoni Belġjana ma ssemmix l-aċċess għall-post tax-xogħol jew għall-parlamenti tal-pajjiż fost l-għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali marbuta maċ-ċertifikat COVID. Tali użu huwa espliċitament eskluż peress li jwassal għal obbligu vaċċinali moħbi. Bl-istess mod, fi Franza, l-użu ta’ ċertifikat COVID ġie espressament eskluż fir-rigward tal-aċċess għall-assemblei parlamentari.

140    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament 2018/1725 ma tapplika għal dan il-każ u li, għaldaqstant, il-Parlament ma jista’ jibbaża ruħu fuq ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet sabiex jiġġustifika “it-trattament għal għan ieħor kompatibbli”.

141    Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, fl-assenza ta’ bażi legali nazzjonali li tawtorizza espressament l-ipproċessar tad-data medika dwar it-tilqim, it-testijiet jew il-fejqan għall-finijiet tal-kundizzjonar tal-aċċess għall-post tax-xogħol u għall-assemblei parlamentari, l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Parlament jikser il-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-finijiet tal-ipproċessar u huwa, għaldaqstant, illegali.

142    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

143    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata, “[i]d-data personali estratta miċ-ċertifikat jew miċ-ċertifikat ekwivalenti waqt il-proċess tal-qari tal-kodiċi għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725”. L-Artikolu 4(1)(b) tal-Regolament 2018/1725 jindika bħala l-prinċipju ta’ gwida tat-trattament dak tal-limitazzjoni tal-iskop, li jgħid li “d-data personali għandha […] tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet”.

144    L-għanijiet tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali li jinsabu fiċ-ċertifikati COVID huma ddefiniti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2021/953, li jipprevedi kif ġej:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati maħruġin skont dan ir-Regolament għandha tiġi pproċessata biss għall-fini ta’ aċċess u verifika tal-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID‑19. Wara t-tmiem tal-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ma għandu jseħħ l-ebda pproċessar ulterjuri.”

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2021/953 għandu jinftiehem fis-sens li huwa “għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament” jew, fi kliem ieħor, meta jimplimentaw dan ir-regolament, li l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati COVID biss sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu.

146    Kuntrarjament, kif jirriżulta mill-premessa 48 tar-Regolament 2021/953 “[l]-Istati Membri jistgħu jipproċessaw data personali għal finijiet oħra, jekk il-bażi ġuridika għall-ipproċessar ta’ tali data għal finijiet oħra, inklużi l-perijodi ta’ żamma relatati, tiġi prevista fil-liġi nazzjonali, li trid tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-prinċipji ta’ effikaċja, neċessità u proporzjonalità, u jeħtieġ li jkun fiha dispożizzjonijiet li jidentifikaw b’mod ċar l-ambitu u l-portata tal-ipproċessar, l-għan speċifiku involut, il-kategoriji ta’ entità li jistgħu jivverifikaw iċ-ċertifikat kif ukoll is-salvagwardji rilevanti għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-abbuż, b’kont meħud tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.

147    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn din il-premessa jista’ jiġi dedott li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħall-Parlament f’dan il-każ, ma jistgħux jipproċessaw id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati COVID għal finijiet oħra għajr dawk previsti mir-Regolament 2021/953 ħlief jekk bażi legali, prevista mid-dritt nazzjonali, tawtorizzahom espliċitament.

148    Fil-fatt, kif isostni l-Parlament, il-fatt li r-raba’ sentenza tal-premessa 48 tirreferi biss għall-Istati Membri u għad-dritt nazzjonali, u mhux għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dan ir-regolament huwa indirizzat lill-Istati Membri u mhux lill-imsemmija istituzzjonijiet.

149    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament 2018/1725, il-bażi tal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali neċessarji għall-ġestjoni u għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet għandha tkun inkluża fid-dritt tal-Unjoni.

150    Għalhekk, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ħoloq bażi legali fid-dritt tal-Unjoni, abbażi tas-setgħa tiegħu ta’ organizzazzjoni interna li tirriżulta mill-Artikolu 232 TFUE, li tippermettilu jipproċessa d-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati COVID għall-finijiet tal-aċċess għall-bini tiegħu fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu, b’osservanza tar-Regolament 2018/1725.

151    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-leġiżlazzjoni Belġjana jew dik Franċiża għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, sa fejn bażi legali tad-dritt nazzjonali bl-ebda mod ma hija meħtieġa sabiex tippermetti lill-Parlament jipproċessa d-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati COVID għal finijiet differenti minn dawk previsti mir-Regolament 2021/953.

152    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn il-konklużjonijiet la huma invalidati mill-Opinjoni Konġunta Nru 04/2021, u lanqas mill-“linji gwida dwar ir-ritorn lejn ix-xogħol u għall-ittestjar tal-istat ta’ immunità jew ta’ infezzjoni tal-COVID mill-istituzzjonijiet Ewropej” tal-KEPD.

153    Minn naħa, fil-punt 23 tal-Avviż konġunt Nru 04/2021, il-KEPD u l-KEPD ippreċiżaw li “kull użu sussegwenti possibbli tal-kuntest u taċ-ċertifikat aħdar diġitali fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, li għandu għan differenti minn dak li jiffaċilita d-dritt għall-moviment liberu bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, ma jaqax taħt il-proposta [ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli ta’ vaċċin, ta’ eżami u ta’ fejqan sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija ta’ COVID‑19 (ċertifikat aħdar diġitali)], u konsegwentement ta’ din l-opinjoni konġunta.

154    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-“linji gwida dwar ir-ritorn lejn ix-xogħol u l-ittestjar tal-istat ta’ immunità jew ta’ infezzjoni għall-COVID mill-istituzzjonijiet Ewropej”, il-punt 6.1 jikkonferma li l-kunċett ta’ “liġi nazzjonali” fis-sens tal-premessa 48 tar-Regolament 2021/953 għandu jiġi interpretat, fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħala li jirreferi għall-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien ma’ deċiżjoni eżekuttiva ta’ istituzzjoni li tistabbilixxi miżuri xierqa sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuni kkonċernati.

155    Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2018/1725, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprevedi deroga mill-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għanijiet. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, “[m]eta l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq il-liġi tal-Unjoni li jikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 25(1)”, il-kontrollur għandu jieħu inkonsiderazzjoni ċerti kriterji sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal għan ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment.

156    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali għandu b’mod partikolari bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa jsegwi għalhekk għan ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 25(1)(ċ) tar-Regolament 2018/1725, b’tali mod li l-ipproċessar tad-data personali previst mid-deċiżjoni kkontestata, għal skop differenti minn dak previst mir-Regolament 2021/953, huwa awtorizzat minn din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li josserva l-essenza tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali previsti minn dan ir-regolament u li jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika, aspett li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv.

157    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għall-eżami tal-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrenti previst mid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ lealtà, ta’ trasparenza u ta’ minimizzazzjoni

158    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jfakkru li l-prinċipju ta’ pproċessar ġust u trasparenti jeżiġi li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza tal-attività tal-ipproċessar u l-finijiet tagħha. Huma jqisu, għalhekk, li l-użu tad-data personali mill-Parlament b’għan differenti minn dak li għalih inġabret din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jikser il-prinċipju ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 4(1)(a) u fl-Artikolu 14 tar-Regolament 2018/1725, sa fejn huma ma ġewx informati, waqt il-ġbir tad-data personali tagħhom, li din ser tintuża sabiex jiġi kkundizzjonat l-aċċess għall-post tax-xogħol tagħhom.

159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Parlament waqt l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma josservax il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data previst fl-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament 2018/1725, sa fejn l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li d-data personali dwar il-validità taċ-ċertifikat COVID għandha tiġi pproċessata u murija waqt il-proċess ta’ qari tal-kodiċi QR taċ-ċertifikat.

160    Fil-fatt, l-aġenti ta’ sigurtà inkarigati mill-kontroll taċ-ċertifikati COVID fid-dħul tal-bini tal-Parlament jistgħu faċilment jiddeduċu t-tip ta’ ċertifikat li minnu tibbenefika kull persuna, peress li l-perijodu ta’ validità massimu huwa ta’ 2 ijiem għaċ-ċertifikati ta’ test, ta’ 180 jum għaċ-ċertifikati ta’ fejqan u li ċ-ċertifikati ta’ vaċċin ma għandhomx perijodu ta’ validità massimu. Madankollu, tali data dwar il-validità taċ-ċertifikati ma hijiex neċessarja għall-finijiet li għalihom hija pproċessata.

161    F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Parlament kien huwa stess identifika dan ir-riskju fid-dokument intitolat “Miżuri ta’ sigurtà għall-ġlieda kontra l-COVID‑19 – Strudju ta’ impatt fuq il-protezzjoni tad-data” (iktar ’il quddiem l-“istudju tal-impatt”), iżda qies li r-riskji inerenti kienu dgħajfa, fid-dawl tal-miżuri tekniċi u organizzazzjonali li huwa ħa għall-ipproċessar ta’ din id-data. Madankollu, la mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas minn xi notifika oħra ma jirriżulta lir-rikorrenti li ttieħdu miżuri partikolari sabiex jiġu minimizzati dawn ir-riskji.

162    Skont ir-rikorrenti, huwa wkoll kompletament possibbli li l-aġenti ta’ sigurtà jieħdu ritratti tal-iskrin ta’ din l-informazzjoni kunfidenzjali. L-iżvelar ta’ dan it-tip ta’ data sensittiva ħafna jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna għall-persuni kkonċernati, li jistgħu jwasslu għal stigmatizzazzjoni jew għal diskriminazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Konsegwentement, l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrenti ma jistax jitqies bħala leali.

163    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jissuspettaw ipproċessar illegali u żleali tad-data personali tagħhom minħabba r-riskju marbut mal-vulnerabbiltà tal-applikazzjoni CovidScanBe użata mad-dħul tal-bini tal-Parlament sabiex isir iskannjar tal-kodiċijiet QR taċ-ċertifikati COVID. Dan ir-riskju ġie identifikat bħala riskju potenzjali fl-istudju tal-impatt. Barra minn hekk, reċentement ħafna, ġie nnotat nuqqas ta’ sigurtà kbira ħafna fil-kuntest tal-validazzjoni u tal-qari tal-kodiċijiet QR taċ-ċertifikati COVID permezz tal-applikazzjoni CovidScanBe. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li azzjoni għal miżuri provviżorji intiża sabiex tiġi ordnata s-sospensjoni tal-applikazzjoni CovidScanBe minħabba diversi ksur tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li tħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1), ġiet ippreżentata quddiem il-President tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), u dan tal-aħħar, permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2021, qies li r-riskju ta’ nuqqas kien suffiċjentement stabbilit sabiex jiġi nnominat espert indipendenti inkarigat mill-eżami ta’ dawn in-nuqqasijiet u mill-konstatazzjoni ta’ dannu eventwali. Fl-aħħar, it-tieni nuqqas tal-applikazzjoni CovidScanBe kien jikkonċerna l-possibbiltà ta’ aċċess, waqt il-qari tal-kodiċi QR taċ-ċertifikat COVID, bl-għajnuna tal-modulu tal-applikazzjoni applikabbli għall-vjaġġi, għal data personali sensittiva bħall-kunjom, l-isem, id-data tat-tilqim, it-tip ta’ tilqima, il-pajjiż fejn it-tilqima tkun saret jew inkella n-numru ta’ dożi rċevuti.

164    Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, dawn l-elementi juru li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ pproċessar leali u trasparenti tad-data personali.

165    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

166    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 2018/1725, id-data personali għandha tiġi “ipproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data”.

167    Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2018/1725 jipprovdi s-segwenti:

“Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

c)      l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar […]”.

168    L-Artikolu 16(1)(ċ) tar-Regolament 2018/1725 jipprovedi li din l-informazzjoni għandha wkoll tiġi pprovduta meta d-data personali ma tkunx inġabret mingħand il-persuna kkonċernata.

169    Barra minn hekk, l-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2018/1725 jipprovdi li “[f]ejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2”.

170    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali għal skop differenti minn dak li għalih din id-data tkun inkisbet inizjalment, huwa biss il-kontrollur ulterjuri ta’ din id-data li għandu jipprovdi, minn qabel, lill-persuni kkonċernati informazzjoni dwar dan l-għan l-ieħor u kull informazzjoni rilevanti oħra.

171    Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, kif jirrikonoxxi l-Parlament, l-ipproċessar tad-data personali previst mid-deċiżjoni kkontestata huwa pproċessar ulterjuri għal għan differenti minn dak li għalih inkisbet id-data personali, huwa kellu l-obbligu, qabel dan l-ipproċessar sussegwenti, li jipprovdi lill-persuni kkonċernati b’informazzjoni dwar dan l-għan l-ieħor, skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

172    Madankollu, mill-provi prodotti mill-Parlament jirriżulta li dan wettaq dan l-obbligu.

173    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-imsemmija elementi, l-ewwel, qabel l-ipproċessar tad-data inkwistjoni, il-Parlament ippubblika, fir-reġistru pubbliku tiegħu operazzjonijiet ta’ pproċessar, ir-reġistru Nru 464 dwar din l-operazzjoni, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità. It-tieni, huwa bagħat ittra elettronika lill-Membri u lill-persunal kollu tal-Parlament fis‑27 ta’ Ottubru 2021, li informathom dwar l-għanijiet tal-ipproċessar. It-tielet, kif speċifikat fl-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar kienet “murija b’mod viżibbli fil-punti kollha ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament li fih saret verifika”, fatt li r-rikorrenti ma jikkontestawx.

174    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament issodisfa l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ trasparenza u li l-argument tar-rikorrenti li huma kellhom jiġu informati, fil-mument meta d-data personali tagħhom inġabret inizjalment, bil-fatt li din kienet ser tintuża għal finijiet ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

175    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2018/1725 jippreċiża li “[i]d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun ipproċessata (minimizzazzjoni tad-data)”.

176    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(2) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan tal-ipproċessar tad-data li tirriżulta mill-proċess ta’ qari tal-kodiċi QR huwa strettament limitat għall-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament u li d-data murija waqt il-verifika taċ-ċertifikati COVID la hija maħżuna, irreġistrata jew miżmuma, internament jew esterna, u lanqas ma hija trażmessa lil korp ieħor tal-Unjoni jew lil terz u ma tintuża għal ebda għan ieħor.

177    Sussegwentement, kif ikkonferma l-Parlament waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, fir-rigward tal-qari tal-kodiċijiet QR taċ-ċertifikati COVID tal-persuni li xtaqu jaċċedu għall-bini tal-Parlament, l-aġenti tas-sigurtà tal-Parlament irċevew bħala struzzjoni li ma jużawx l-applikazzjoni CovidScanBe ħlief fil-funzjoni “avveniment”. Madankollu, kif jirriżulta mill-provi prodotti mill-Parlament, waqt l-użu tal-applikazzjoni CovidScanBe bil-funzjoni “avveniment”, huma biss il-validità taċ-ċertifikat, il-kunjom u l-isem tal-persuna li jintwerew. L-istess japplika fir-rigward tal-applikazzjoni Lussemburgiża CovidCeck.lu. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, it-tul tal-validità taċ-ċertifikat ma huwiex muri, b’tali mod li l-membri tal-persunal tas-sigurtà ma humiex f’pożizzjoni li jiddeduċu jekk il-persuna kkonċernata hijiex imlaqqma, tkunx għamlet test li r-riżultat tiegħu jkun negattiv jew jekk hija fiqitx mill-COVID-19.

178    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament jistgħu jkunu jafu bil-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikati u minn dan jiddeduċu li l-persuna kkonċernata hija mlaqqma jew mfejqa jew li hija għamlet test negattiv, dan mhux neċessarjament ikollu l-konsegwenzi serji li jinvokaw ir-rikorrenti.

179    Fil-fatt, kif isostni l-Parlament, il-membri tal-persunal tiegħu huma mħarrġa bl-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-attività ta’ pproċessar u rċevew istruzzjonijiet sabiex ma jikkondivux id-data personali li jkollhom aċċess għaliha ma’ persuni oħra għajr dawk involuti fil-kontroll ta’ aċċess għall-bini. Ksur ta’ dawn l-istruzzjonijiet iwassal għal sanzjonijiet dixxiplinari jew kuntrattwali. Barra minn hekk, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Parlament responsabbli għall-verifika taċ-ċertifikati COVID huma suġġetti għall-obbligi stretti tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u huma marbuta bl-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jipprekludihom milli jwettqu, inkluż wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, “kull żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni li nġiebet għall-attenzjoni [tagħhom] fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ippubblikata jew ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku”.

180    Barra minn hekk, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-Parlament waqt is-seduta, li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, ma huwiex teknikament possibbli li jittieħed ritratt tal-iskrin waqt il-verifika ta’ ċertifikat COVID permezz ta’ waħda mill-applikazzjonijiet użati mill-aġenti tas-sigurtà tal-Parlament. Għaldaqstant, anki fis-sitwazzjoni improbabbli fejn informazzjoni dwar il-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikati tiġi żvelata waqt il-proċess ta’ qari tal-kodiċi QR li jinsab fiċ-ċertifikat COVID, ir-riskju li l-membri tal-persunal tas-sigurtà jkunu jistgħu jirreġistraw informazzjoni li tidher fuq l-apparat tal-qari tal-applikazzjoni li huma jużaw u li jistgħu jxerrdu din l-informazzjoni lil hinn mill-persuni awtorizzati għal dan il-għan għandu jitqies bħala żgħir ħafna, jekk mhux ineżistenti.

181    Għalkemm huwa minnu li r-riskju assoċjat ma’ vulnerabbiltà potenzjali tal-applikazzjoni użata kien ġie identifikat fl-istudju tal-impatt, għandu jiġi rrilevat li dan ir-riskju kien tqies bħala dgħajjef, fid-dawl tal-miżuri tekniċi u organizzattivi meħuda mill-Parlament fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu ta’ pproċessar ta’ data personali, jiġifieri, b’mod partikolari, il-fatt li l-applikazzjonijiet użati ma humiex maħsuba għall-ħażna tad-data personali wara kull kontroll individwali, li ebda esportazzjoni ta’ data personali ma’ dawn l-applikazzjonijiet ma hija possibbli jew anki li ser jiġu konnessi biss man-network tal-internet intern u sigur tal-Parlament.

182    Sussegwentement, fir-rigward tad-digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2021 tal-President tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, f’dan id-digriet, il-President ta’ din il-qorti ma kkonstata ebda difett ta’ sigurtà tal-applikazzjoni CovidScanBE, iżda sempliċement ħatar espert ġudizzjarju li għandu bħala missjoni li jiddetermina jekk il-livell ta’ sigurtà marbut mal-użu ta’ din l-applikazzjoni setax jitqies bħala suffiċjenti. F’dan ir-rigward, kif isostni l-Parlament, mill-imsemmi digriet jirriżulta li l-allegati nuqqasijiet ta’ sigurtà tal-applikazzjoni CovidScanBE jirriżultaw mill-aċċessibbiltà għall-pubbliku tad-database Suspension list, li hija amministrata mill-awtoritajiet Belġjani u tikkomunika magħha l-applikazzjoni. Madankollu, kif indika l-Parlament, dawn l-iżbalji ma jikkonċernawx id-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati ppreżentati lill-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament waqt il-kontroll ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament, sa fejn, skont l-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontroll taċ-ċertifikati COVID mill-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament ma jwassal għal ebda trasferiment ta’ data personali tal-applikazzjoni CovidScanBE lejn id-database inkwistjoni.

183    Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-metodu “vjaġġ” tal-applikazzjoni CovidScanBe, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda, sa fejn, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, il-membri tal-persunal tas-sigurtà tal-Parlament jużaw bħala prinċipju l-applikazzjoni bil-funzjoni “avveniment” biss. Fi kwalunkwe każ, kif ikkonferma l-Parlament waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrenti, l-użu ta’ din l-applikazzjoni bil-funzjoni “vjaġġ” juri biss fuq l-iskrin, waqt il-verifika taċ-ċertifikati, l-isem, il-kunjom, u d-data tat-twelid tad-detentur taċ-ċertifikat COVID kif ukoll il-validità ta’ dan tal-aħħar.

184    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Parlament skont id-deċiżjoni kkontestata ma jistax jitqies li huwa illegali jew żleali.

185    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, it-tielet motiv kollu kemm hu.

4.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat essenzjalment fuq ksur inġustifikat u sproporzjonat taddritt għallħajja privata u għaddata personali, iddritt għallintegrità fiżika, iddritt għallibertà u ssigurtà kif ukoll iddritt għallugwaljanza fittrattament u għannondiskriminazzjoni

186    Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, l-ewwel, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom, tad-dritt tagħhom għall-integrità fiżika, għal-libertà u għas-sigurtà kif ukoll tad-dritt tagħhom għal ugwaljanza fid-dritt u għan-nondiskriminazzjoni. It-tieni, huma jqisu li l-ksur tad-drittijiet u l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

187    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru l-importanza tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Huma jfakkru wkoll li, anki jekk ma humiex prerogattivi assoluti, kull limitazzjoni għal dawn id-drittijiet għandha tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

a)      Fuq lallegat ksur taddritt għarrispett talħajja privata, taddritt għallprotezzjoni taddata personali, taddritt għallintegrità fiżika, taddritt għallibertà u għassigurtà kif ukoll taddritt għal ugwaljanza fittrattament u għannondiskriminazzjoni

188    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għall-integrità fiżika, stabbilit fl-Artikolu 3(1) tal-Karta, sa fejn jobbliga lir-rikorrenti li ma għandhomex ċertifikat ta’ tilqima jew ta’ fejqan li jiġu suġġetti, kull jumejn, għall-ittestjar nażofarinġali għad-detezzjoni possibbli tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. Ir-rikorrenti jqisu li dawn it-testijiet huma partikularment invażiva, iżda wkoll riskjużi, filwaqt li sostnew ruħhom abbażi ta’ stqarrija tal-Académie nationale de médecine (Franza) tat‑8 ta’ April 2021, li tirreferi għall-eżistenza ta’ komplikazzjonijiet gravi, bħall-“leżjonijiet fir-reġjun anterjuri tal-bażi tal-kranju assoċjat ma’ riskju ta’ meninġite”.

189    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, sa fejn hija tittratta bl-istess mod, minn naħa, persuni li jmorru b’mod okkażjonali fil-Parlament, jiġifieri l-viżitaturi, l-assistenti lokali, l-intervenjenti esterni, ir-rappreżentanti tal-interessi u, min-naħa l-oħra, il-membri u l-persunal tal-Parlament, li għandhom imorru fil-bini tiegħu b’mod regolari.

190    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li dawk fosthom li ma għandhomx ċertifikat ta’ tilqim jew ta’ fejqan ser jiġu ddiskriminati meta mqabbla mal-persuni li għandhom dan iċ-ċertifikat inkwantu huma jkollhom jissottomettu ruħhom, tal-inqas kull jumejn, għal ittestjar sabiex ikunu jistgħu jaħdmu u jeżerċitaw il-mandat tagħhom.

191    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li, minħabba f’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika wkoll id-dritt għal kunsens liberu u informat għal kull intervent ta’ natura medika fuq il-ġisem tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 3(2) tal-Karta, kif ukoll id-dritt għal-libertà, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta. Fil-fatt, sabiex jevitaw li jissuġġettaw ruħhom għal repetizzjoni għall-ittestjar nażofarinġali, li jista’ jkun insuperabbli għal numru kbir ta’ persuni, dawn iħossuhom obbligati li jitlaqqmu. Ir-rikorrenti jfakkru li t-tilqim kontra l-COVID‑19 ma huwa obbligatorju fl-ebda Stat Membru tal-Unjoni, b’tali mod li tali obbligu vakanti moħbi jmur kontra d-dritt għal-libertà.

192    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jqisu li, billi tissuġġetta l-aċċess għall-post tax-xogħol għall-preżentazzjoni ta’ data medika sensittiva ħafna, bħall-istat ta’ tilqim, ir-riżultat ta’ ttestjar jew il-prova tal-fejqan mill-marda, id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2018/1725, l-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa huwa pprojbit, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.

193    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

194    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-bażi legali fid-dritt tal-Unjoni li tippermetti l-adozzjoni tal-miżuri li jillimitaw id-drittijiet invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, b’tali mod li tali miżuri għandhom jitqiesu li huma “previsti mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

195    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata la tippreġudika l-kontenut essenzjali u lanqas is-sostanza stess tad-drittijiet invokati mir-rikorrenti.

196    Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tal-allegat dannu għall-integrità fiżika tar-rikorrenti li ma għandhomx ċertifikat ta’ tilqim jew ta’ fejqan minħabba l-obbligu, għal dawn ir-rikorrenti, li jissuġġettaw ruħhom, f’intervalli regolari, għall-ittestjar nażofarinġali li huma jqisu partikolarment invażiv, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement tikkundizzjona l-aċċess għall-bini tagħha għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID, mingħajr ma teżiġi testijiet speċifiċi li jinvolvu ttestjar nażofarinġali. Fil-fatt, minn naħa, huwa possibbli, għal dawn ir-rikorrenti, li jwettqu test fil-griżmejn għall-finijiet ta’ test PCR u, min-naħa l-oħra, test TRA mwettaq minn professjonist tas-saħħa huwa wkoll possibbli, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2021/953.

197    Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-istqarrija tal-Académie nationale de médecins tat‑8 ta’ April 2021, iċċitata mir-rikorrenti, minn din l-istqarrija jirriżulta, l-ewwel, li għandha tiġi rriżervata l-prattika tat-teħid ta’ testijiet nażofarinġali għall-professjonisti tas-saħħa mħarrġa fit-twettiq ta’ dan il-ġest f’kundizzjonijiet tekniċi rigorużi, it-tieni, li t-teħid ta’ kampjuni salivali għandhom jiġu ppreferuti fost it-tfal, li ma huwiex applikabbli għar-rikorrenti, u, it-tielet, li l-utenti ta’ awtotestijiet għandhom jiġu informati bil-perikoli tagħhom. Kif isostni l-Parlament, dan it-tip ta’ kumplikazzjonijiet inerenti għall-awtotestijiet huwa wieħed mir-raġunijiet li għalihom il-Parlament ma jaċċettahomx sabiex jagħti aċċess għall-bini tiegħu, peress li huma biss it-testijiet TRA mwettqa minn professjonisti tas-saħħa li huma ammessi.

198    Fl-aħħar, għandu jitfakkar, bħalma għamel il-Parlament, li r-rikorrenti jistgħu, skont l-Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata, jippreżentaw quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, talba għal deroga mill-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID validu, f’każijiet debitament iġġustifikati.

199    It-tieni, fir-rigward tal-allegat dannu għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    Fir-rigward tar-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, din tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il-Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Madankollu, f’dan il-każ, kif josserva l-Parlament, il-komparabbiltà tal-viżitaturi esterni mal-Membri u mal-persunal tal-Parlament għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan segwit mid-deċiżjoni kkontestata u mhux abbażi tal-frekwenza li dawn imorru fil-bini tal-Parlament. Għalhekk, fid-dawl tal-għan tad-deċiżjoni kkontestata, li skont il-premessa 11 ta’ din id-deċiżjoni, huwa li “jiġu pprovduti garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni kollha preżenti fil-bini tal-Parlament”, ma jistax jitqies li r-rikorrenti ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ kull persuna oħra li tixtieq taċċedi, għall-bini tal-Parlament, anki jekk, fil-każ tagħhom, il-limitazzjoni, ikkawżata mid-deċiżjoni kkontestata, tad-drittijiet tagħhom hija iktar importanti, sa fejn hija tikkundizzjona l-aċċess għalih. Fil-fatt, ladarba fil-bini tal-Parlament, ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID‑19 għall-Membri u għall-persunal tal-Parlament huwa l-istess bħal fir-rigward ta’ kull persuna oħra li taċċedi f’dan il-bini.

202    Bl-istess mod, ma jistax jitqies li dawk, fost ir-rikorrenti, li ma għandhomx ċertifikat ta’ tilqim jew ta’ fejqan huma ddiskriminati meta mqabbla mal-persuni li għandhom dan. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tiffavorixxi ebda wieħed mit-tliet ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2021/953, iżda sempliċement tipprevedi l-verifika tal-validità taċ-ċertifikat COVID li jiċċertifika l-pussess ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn it-tliet ċertifikati, kif jipprovdi l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

203    Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan segwit mid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jitqies li r-rikorrenti huma s-suġġett ta’ inugwaljanza fit-trattament jew li huma ddiskriminati meta mqabbla ma’ kull persuna oħra li tixtieq taċċedi għall-bini tal-Parlament jew fir-rigward tal-persuni li għandhom ċertifikat ta’ tilqim jew ta’ fejqan.

204    It-tielet, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw id-dritt tagħhom għal kunsens liberu u informat għal kull intervent mediku fuq il-ġisimhom kif ukoll id-dritt tagħhom għal-libertà, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma tiffavorixxi l-ebda wieħed mit-tliet ċertifikati li jagħtu dritt għal ċertifikat COVID validu, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2021/953, iżda sempliċement tissuġġetta l-aċċess għall-bini tal-Parlament għall-preżentazzjoni ta’ wieħed minn dawn iċ-ċertifikati.

205    Peress li l-Parlament implimenta miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kisba ta’ ċertifikat ta’ test bl-għajnuna ta’ test TKR, li jista’ jitwettaq mingħajr ħlas f’wieħed miċ-ċentri ta’ ttestjar stabbilit fi Brussell, fi Strasbourg jew fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), filwaqt li jirrikonoxxi l-validità ta’ test PCR imwettaq fil-Belġju, fi Franza jew fil-Lussemburgu li ma ġiex ikkonvertit f’ċertifikat COVID, ma jistax jitqies li, għall-persuni li la għandhom ċertifikat ta’ tilqima u lanqas ċertifikat ta’ fejqan, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi fir-realtà obbligu vaċċinali moħbi.

206    Ir-raba’, il-Parlament ma jikkontestax il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tikkostitwixxi interferenza fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tar-rikorrenti, stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, billi tissuġġetta l-aċċess għall-post tax-xogħol tar-rikorrenti għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID validu, li jinkludi data personali dwar l-istat ta’ saħħa tal-persuni kkonċernati.

207    F’dan ir-rigward, kif jindikaw ir-rikorrenti, l-ipproċessar ta’ tali data huwa bħala prinċipju pprojbit, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2018/1725, ħlief fil-każijiet eċċezzjonali elenkati fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament. F’dan il-każ, kif isostni l-Parlament, il-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-Artikolu 10(2)(g) u (i) tar-Regolament 2018/1725, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi l-bażi legali għall-ipproċessar tad-data personali li tinsab fiċ-ċertifikati COVID, peress li l-ipproċessar tad-data inkwistjoni huwa neċessarju għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u sabiex jiġi llimitat it-tixrid tal-COVID‑19.

208    Barra minn hekk, minn ebda element invokat mir-rikorrenti ma jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet li huma jinvokaw u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 178 sa 188 iktar ’il fuq, il-Parlament osserva l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, u l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali mwettaq skont id-deċiżjoni kkontestata ma jistax jitqies li huwa illegali jew żleali.

209    Fit-tielet lok, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-limitazzjonijiet, anki jekk minimi, imposti fuq id-drittijiet invokati mir-rikorrenti, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, humiex neċessarji u jissodisfawx effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

b)      Fuq lallegat ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

210    Ir-rikorrenti jistiednu lill-Qorti Ġenerali twettaq stħarriġ tal-proporzjonalità, kif previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, fit-tliet komponenti tagħha.

211    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument meta din ġiet adottata (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 59, u tas‑26 ta’ Ottubru 2012, Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, T‑63/12, EU:T:2012:579, punt 29).

212    Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati l-karatteristiċi xierqa, neċessarji u proporzjonati tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni u fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u tal-konoxxenzi xjentifiċi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq in-neċessità tal-miżuri inkwistjoni

213    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minnha, b’mod partikolari dak li jikkonsisti fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID‑19 fi ħdan il-Parlament u li b’hekk tiġi protetta s-saħħa tal-Membri tal-Parlament u tal-membri tal-persunal.

214    Ir-rikorrenti jqisu li miżuri oħra inqas restrittivi, li kienu diġà fis-seħħ, kienu suffiċjenti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, b’mod partikolari t-teħid ta’ temperatura, l-ilbies tal-maskla, it-tbegħid soċjali, l-arjazzjoni u l-ventilazzjoni regolari tal-uffiċċji u tas-swali tal-laqgħat kif ukoll id-diżinfezzjoni tal-idejn. Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li l-bini tal-Parlament huwa post partikularment riskjuż fir-rigward tat-trażmissjoni tal-COVID‑19. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li, skont il-pariri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-evalwazzjoni tar-riskji għandha ssir għal kull qasam tax-xogħol speċifiku u għal kull impjieg jew grupp ta’ impjieg.

215    Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-impożizzjoni ta’ miżuri supplimentari ma kinitx neċessarja fil-bini tal-Parlament. Is-sempliċi fatt li l-Parlament huwa post fejn jista’ jkun hemm preżenza ikbar ta’ persuni, li l-ispostament żdied minħabba t-teħid ta’ missjonijiet u li laqgħat bi preżenza fiżika jiġu organizzati regolarment, kif indikat fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex suffiċjenti sabiex tintwera n-neċessità li jiġu imposti miżuri daqstant liberali bħal dawk previsti mid-deċiżjoni kkontestata.

216    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

217    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 11, mill-Artikolu 168(1), mill-Artikolu 169(1) u (2) u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE. Skont dan il-prinċipju, meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-pesuni, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkunu ntwerew b’mod sħiħ ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji, bil-kundizzjoni li jkunu nondiskriminatorji u oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2014, Acino vs Il-Kummissjoni, C‑269/13 P, EU:C:2014:255, punt 57, u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Zoofachhandel Züpke et vs Il-Kummissjoni, T‑817/14, EU:T:2016:157, punt 51).

218    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Parlament huwa obbligat, skont id-dmir tiegħu ta’ premura u l-obbligu tiegħu, li jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli wkoll għall-membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni skont l-Artikolu 10 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata, li jiżgura s-saħħa tal-persunal tiegħu (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

219    F’dan il-każ, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ibbaża ruħu fuq l-elementi li ġejjin.

220    L-ewwel, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, mix-xahar ta’ Settembru 2021, il-kuntest sanitarju fl-Ewropa kien juri tendenza għaż-żieda fl-infezzjonijiet fil-COVID‑19 u, fl‑1 ta’ Novembru 2021, in-numru ta’ infezzjonijiet ġodda kien laħaq il-livell tax-xahar ta’ Novembru 2020.

221    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jitqies li s-sitwazzjoni epidemjoloġika kienet “stabbli”.

222    It-tieni, wara t-tneħħija tax-xogħol mid-dar b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2021, l-uffiċjal mediku tal-Parlament qies li r-ritorn għax-xogħol bi preżenza fiżika kien jinvolvi riskju ikbar ta’ trażmissjoni tal-virus. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-preżenza miżjuda ta’ persuni fil-bini tal-Parlament u ż-żieda tal-impatt tal-COVID‑19 fil-kumpannija wasslu għal riskju ogħla ta’ introduzzjoni tal-virus fil-Parlament kif ukoll riskju ikbar ta’ trażmissjoni tal-COVID‑19 internament u fi kwarantina. Barra minn hekk, il-Parlament ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Membri tal-Parlament kienu f’kuntatt frekwenti mal-elettorat tagħhom fis‑27 Stat Membru, li kienu jippreżentaw sitwazzjoni epidemjoloġika varjata ħafna, b’tali mod li kellu jieħu inkunsiderazzjoni vjaġġi internazzjonali frekwenti bħala fattur ta’ riskju addizzjonali li seta’ joħloq ċentru ta’ trażmissjoni.

223    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament seta’ raġonevolment iqis li l-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji msaħħa kienet neċessarja sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-persuni kollha preżenti fil-bini tiegħu. Fil-fatt, kif isostni l-Parlament, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontroll taċ-ċertifikat COVID fid-dħul tal-bini tiegħu seta’ raġonevolment jitqies bħala miżura neċessarja sabiex jillimita r-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID‑19 fi ħdan il-Parlament u, għaldaqstant, li jipproteġi s-saħħa tal-persunal tiegħu, flimkien ma’ miżuri preventivi oħra diġà implimentati.

224    Ċertament, kif josservaw ir-rikorrenti, mit‑22 ta’ Novembru 2021, ġie deċiż li jiġi introdott ix-xogħol mid-dar obbligatorju ta’ tliet ijiem fil-ġimgħa għall-membri kollha tal-persunal, sakemm dan ikun kompatibbli mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

225    Madankollu, kif tfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument meta din tkun ġiet adottata. Għaldaqstant, dan il-fatt, li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tagħha.

2)      Fuq in-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni

226    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adegwata sabiex tipproteġi kontra t-tixrid tal-virus u sabiex tipprekludi l-kontaminazzjoni tal-Membri tal-Parlament u tal-persunal li jidħlu fil-bini tal-Parlament. Ir-rikorrenti fil-fatt isostnu li ma jeżisti ebda kunsens xjentifiku fir-rigward tat-trażmissjoni tal-virus mill-persuni mlaqqma u li diversi studji juru li kemm il-persuni mlaqqma kif ukoll il-persuni mhux imlaqqma jistgħu jittrażmettu l-virus. Il-WHO stess enfasizzat, f’pubblikazzjoni tal‑5 ta’ Frar 2021, li “kien għad hemm xi nuqqasijiet sinjifikattivi fir-rigward tal-effettività tat-tilqim sabiex titnaqqas it-trażmissjoni”. Ir-rikorrenti jqisu, għalhekk, li ċertifikat ta’ tilqim jew ta’ fejqan ma jipprovdi ebda garanzija fir-rigward tal-fatt li l-persuni detenturi tiegħu ma jkunux kontaġġjużi. Bl-istess mod, il-preżentazzjoni ta’ test PCR negattiv hija wkoll miżura inadegwata u sproporzjonata, fid-dawl tan-numru għoli ta’ riżultati “pożittivi foloz”. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-obbligu li l-aċċess għall-bini tal-Parlament jiġi suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat COVID validu jippermetti li jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-virus u għalhekk li jiġu protetti l-persuni li jidħlu f’dan il-bini.

227    Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

228    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni hija intiża, b’mod partikolari, li “tipprovdi garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-persuni kollha preżenti fil-bini tal-Parlament”. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix miżura xierqa fir-rigward ta’ dan l-għan.

229    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja ċerti studji invokati mir-rikorrenti, li juru li l-persuni mlaqqma jistgħu wkoll jittrażmettu l-virus u li l-protezzjoni offruta mit-tilqima tonqos b’mod sinjifikattiv maż-żmien, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-opinjoni tal-uffiċjal mediku tal-Parlament tal‑10 ta’ Ottubru 2021, li bbaża ruħu fuqu l-Bureau fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li “[s]kont id-data reċenti, ir-riskju ta’ trażmissjoni l-iktar baxx jiġi osservat bejn żewġ persuni mlaqqma; filwaqt li r-riskju ta’ trażmissjoni l-iktar għoli jinsab bejn żewġ persuni mhux imlaqqma; [i]r-riskju ta’ infezzjoni ta’ persuna (imlaqqma) huwa ħafna iktar għoli meta din tkun f’kuntatt ma’ persuna mhux imlaqqma milli ma’ persuna kompletament imlaqqma”.

230    Barra minn hekk, skont studju pprovdut mill-Parlament [Singanayagam, A., Hakki, S., Dunning, J., et., “ Community transmission and viral load kinetics of the SARS-CoV-2 delta (B.1.617.2) variant in vaccinated and unvaccinated individuals in the UK: a prospective, longitudinal, cohort study”, Lancet Infc. Dis. 2022, 29 ta’ Ottubru 2021, p. 183 sa 195],), it-tilqim inaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni mill-varjant Delta tal-virus, li kien il-varjazzjoni dominanti fl-Ewropa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kemm billi titnaqqas il-probabbiltà għall-persuna vakanti li tiġi infettata wara kuntatt ta’ riskju u billi titnaqqas il-kontaminazzjoni ta’ persuna vaga infettata, mhux biss bħala intensità, iżda wkoll fit-tul.

231    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-effettività tal-vaċċini kontra t-trażmissjoni tal-virus tonqos b’mod sinjifikattiv maż-żmien, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Parlament, li mill-ewwel studju ċċitat mir-rikorrenti, (Riemersma, K. K., et., “ Shedding of Infectious SARS-CoV-2 Despite Vaccination”, MedRxiv, 15 ta’ Ottubru 2021, p. 4) jirriżulta li l-amministrazzjoni ta’ doża ta’ vaċċin addizzjonali wara serje vaċċinali inizjali tnaqqas kunsiderevolment ir-riskju ta’ infezzjoni mill-varjant Delta.

232    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa 7 tar-Regoalment 2021/953, il-provi xjentifiċi disponibbli juru li l-persuni mlaqqma jew li r-riżultat ta’ detezzjoni tal-COVID‑19 tagħhom huwa negattiv jew il-persuni li fiequ mill-COVID‑19 fis-sitt xhur preċedenti, għandhom inqas riskju li jinfettaw lil persuni oħra bis-SARS-CoV-2. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-validità tar-Regolament 2021/953, li jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità, mingħajr ma jinvokaw elementi iktar preċiżi u konvinċenti, u dan iktar u iktar peress li ma invokawx formalment l-illegalità ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 277 TFUE.

233    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar it-testijiet li jwasslu għal riżultati “pożittivi foloz”, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jitqies li dan jikkonċerna numru kbir ta’ testijiet, li jista’ jikkontesta l-kredibbiltà stess tagħhom, bħala bażi ta’ wieħed mit-tliet ċertifikati li jippermettu li tiġi kkonfermata l-assenza ta’ kontaminazzjoni għall-COVID‑19, skont ir-Regolament 2021/953.

234    Fi kwalunkwe każ, kif josserva l-Parlament, skont l-istituzzjoni pubblika Belġjana Sciensano, ir-riżultati tat-testijiet “pożittivi” u “ftit pożittivi” jistgħu, f’ċerti każijiet, jitqiesu bħala infezzjoni qadima jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet u, f’tali każ, ebda miżura ta’ iżolament ma hija neċessarja.

235    Għalhekk, għalkemm huwa minnu li, kif isostnu r-rikorrenti, la t-tilqim, la t-testijiet u lanqas il-fejqan ma jippermettu li tiġi evitata kompletament it-trażmissjoni tal-virus, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-opinjonijiet mediċi li bbaża ruħu fuqhom il-Parlament billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, li huma stess huma bbażati fuq l-istat tal-għarfien xjentifiku f’dak il-mument, l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID validu jippermetti li jitnaqqas dan ir-riskju u, għalhekk, li jissaħħu l-miżuri sanitarji eżistenti permezz tal-kontroll ta’ dawn it-tliet aspetti, b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju.

236    Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li l-Parlament kellu u, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u tal-għarfien xjentifiku eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan seta’ validament jqis li r-rekwiżit li wieħed ikollu ċertifikat COVID validu sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-bini tiegħu kien jikkostitwixxi miżura adegwata fir-rigward tal-għan intiż li jipproteġi s-saħħa tal-persunal tiegħu kif ukoll dak tal-persuni kollha preżenti fil-bini tiegħu.

3)      Fuq il-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni

237    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament sproporzjonata, sa fejn, skont il-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kopertura vaċċinali fi ħdan il-Parlament hija, skont l-istimi tas-servizz mediku tal-Parlament, ta’ bejn 80 u 85 %. Ir-rikorrenti jsostnu li, b’rata daqshekk għolja ta’ kopertura vaċċinali, ħlief jekk jitqies li t-tilqim kontra l-COVID‑19 huwa ineffikaċi, huwa manifestament sproporzjonat li tiġi imposta, bħala miżura addizzjonali, il-limitazzjoni tal-aċċess għall-bini tal-Parlament biss lill-persuni li għandhom ċertifikat COVID validu.

238    A fortiori, ir-rikorrenti jsostnu li l-Parlament ma jistax jiġġustifika l-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata billi jinvoka n-neċessità li jiġu protetti l-Membri tal-Parlament u l-membri tal-persunal li ma humiex imlaqqma. Fil-fatt, din hija l-għażla libera ta’ dawn il-persuni u l-Parlament ma jistax jiddiskriminahom minħabba li jixtieq jipproteġihom kontra l-effetti preżunti ta’ din l-għażla fuq is-saħħa tagħhom.

239    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

240    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva, u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45, u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 41).

241    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu li wieħed ikollu ċertifikat COVID validu, skont id-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxix miżura proporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex, fis-sens li dan l-għan jista’ biss jintlaħaq bl-għajnuna ta’ miżuri inqas vinkolanti filwaqt li jkunu daqstant effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, C‑407/19 u C‑471/19, EU:C:2021:107, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux validament isostnu li, minħabba r-rata għolja ta’ tilqim fi ħdan il-Parlament, stmat bejn 80 u 85 %, ikun manifestament sproporzjonat li tiġi imposta, bħala miżura addizzjonali, il-limitazzjoni tal-aċċess għall-bini tal-Parlament biss għall-persuni li għandhom ċertifikat COVID validu.

243    Fil-fatt, tali argument huwa bbażat fuq il-premessa li tali miżura ma tippermettix li tikkontribwixxi b’mod effikaċi sabiex tipproteġi s-saħħa tal-persunal kif ukoll dik tal-persuni kollha li jinsabu ġewwa l-bini tal-Parlament.

244    Madankollu, kif isostni l-Parlament u hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-każijiet ta’ infezzjoni elenkati fi ħdan il-Parlament, taż-żieda kunsiderevoli tal-persuni li jaċċedu fil-bini mix-xahar ta’ Settembru 2021, li r-rata ta’ tilqim tiegħu ma hijiex magħrufa, tal-predominanza tal-varjant Delta tal-virus u tat-tendenza tas-sitwazzjoni pandemika ġenerali, l-applikazzjoni kkombinata tal-miżuri sanitarji eżistenti mal-kontroll obbligatorju taċ-ċertifikati COVID hija proporzjonata mal-għan imfittex mid-deċiżjoni kkontestata, li huwa dak li tiġi żgurata s-saħħa tal-Membri tal-Parlament u tal-membri tal-persunal u li jiġi llimitat it-tixrid tal-COVID‑19.

245    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-istudji xjentifiċi pprovduti kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-Parlament, li jirriflettu l-istat ta’ għarfien xjentifiku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm it-tilqim ma jippermettix li jiġi eliminat totalment ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID‑19, hija madankollu tippermetti li dan ir-riskju jitnaqqas b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, il-Parlament seta’ validament iqis li l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID validu, sa fejn dan jimplika li wieħed ikollu ċertifikat ta’ tilqim jew ċertifikat ta’ fejqan, jew ċertifikat ta’ test sabiex ikun jista’ jaċċedi għall-bini tal-Parlament, jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ dan ir-riskju.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxew li kienu jeżistu miżuri oħra inqas vinkolanti, iżda wkoll effikaċi fid-dawl tal-għan imfittex, li setgħu ġew adottati mill-Parlament.

247    Fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żamma tal-miżuri sanitarji l-oħra eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ebda restrizzjoni addizzjonali, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx kif din il-miżura setgħet tilħaq b’mod daqstant effettiv l-għan intiż li jnaqqas in-numru ta’ trażmissjonijiet tal-virus fi ħdan il-Parlament, b’mod li tiġi protetta s-saħħa tal-persunal tiegħu. Fil-fatt, kif indika l-Parlament waqt is-seduta, in-numru ta’ kontaminazzjonijiet elenkati fi ħdan il-Parlament naqas ħafna wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan juri l-effikaċja tal-miżura inkwistjoni.

248    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ miżuri addizzjonali previsti mid-deċiżjoni kkontestata, persuna li la kienet imlaqqma u lanqas fieqet mill-COVID‑19, li potenzjalment kienet iġġorr il-virus, setgħet pereżempju taċċedi liberament għall-bini tal-Parlament, filwaqt li kellha r-riskju, minħabba f’hekk, li tikkontamina d-diversi persuni li jaħdmu hemmhekk jew li jiċċirkolaw fih kuljum, mingħajr ma jkun jista’ jiġi impost ebda kontroll fuqha.

249    Il-fatt li, kif sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata kienet iġġenerat “sentiment ta’ sigurtà falz” fost il-persuni mlaqqma, billi tagħtihom x’jifhmu li huma ma kellhomx ir-riskju li jiġu kkontaminati mill-COVID-19 billi jippreżentaw ċertifikat COVID validu, ibbażat fuq ċertifikat ta’ tilqim, jekk jitqies li dan is-sentiment ġie pprovat, ma jistax jikkontesta n-natura proporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-argument ma jippermettix li jiġi stabbilit li miżuri inqas vinkolanti u effikaċi kienu disponibbli, iżda biss, eventwalment, li setgħu jiġu adottati miżuri oħra iktar vinkolanti mill-Parlament, billi jeżiġi, pereżempju, li l-persuni mlaqqma jiġu wkoll suġġetti għal testijiet regolari.

250    Barra minn hekk, il-fatt li istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni ma imponewx restrizzjonijiet simili ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ibbaża ruħu mhux biss fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali fl-Ewropa, iżda wkoll fuq il-partikolaritajiet tal-Parlament, bħala organizzazzjoni internazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni vjaġġi internazzjonali frekwenti bħala fattur ta’ riskju addizzjonali li jista’ joħloq ċentru ta’ trażmissjoni.

251    Fl-aħħar, għandha tingħata wkoll importanza partikolari għall-fatt li l-miżuri stabbiliti mid-deċiżjoni kkontestata huma limitati fiż-żmien u huma regolarment eżaminati mill-ġdid fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni sanitarja (ara l-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata).

252    Għandu jitfakkar ukoll li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement tissuġġetta l-aċċess għall-bini tagħha fit-tliet postijiet tax-xogħol tagħha għall-preżentazzjoni ta’ wieħed miċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 3(1)(a) sa (ċ) tar-Regolament 2021/953 jew ta’ ċertifikat ekwivalenti msemmi fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. Għalkemm il-fatt li għandu jiġi ppreżentat tali ċertifikat jista’, ċertament, joħloq ċerti inkonvenjenzi prattiċi, dawn tal-aħħar madankollu ma jistgħux jipprevalu fuq il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ta’ ħaddieħor u lanqas ma jistgħu jiġu assimilati ma’ ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

253    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura s-saħħa tal-persunal u tad-dmir kawtelatorju tagħha (ara l-punti 222 u 223 iktar ’il fuq), id-deċiżjoni kkontestata hija proporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex.

254    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kuntest evoluttiv tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku, relatati, b’mod partikolari, mal-okkorrenza ta’ varjanti ġodda, kif tindika l-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat COVID validu għal aċċess għall-bini tal-Parlament għandu japplika biss sakemm jibqgħu jeżistu ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikawh, u dan għandu jiġi evalwat mill-ġdid perjodikament fid-dawl tas-sitwazzjoni sanitarja fl-Unjoni u fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament sabiex jiġi ggarantit f’kull mument bilanċ adegwat bejn id-drittijiet tal-persuni kkonċernati u l-interessi protetti mid-dritttijiet inkwistjoni”.

255    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, r-raba’ motiv fl-intier tiegħu.

256    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq lispejjeż

257    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

258    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Robert Roos u u r-rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Svenningsen

Barents

Mac Eochaidh

 

      Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ April 2022.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lammissibbiltà tarrikorsi

1. Fuq linteress ġuridiku tarrikorrenti

2. Fuq illocus standi tarrikorrenti

B. Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal adattament tarrikorsi

C. Fuq ilmertu

1. Lewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali valida taddeċiżjoni kkontestata sabiex jinħolqu effetti firrigward talMembri talParlament Ewropew

2. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza talMembri talParlament kif ukoll fuq ksur talimmunitajiet ikkonferiti lilhom mitTrattat

a) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilkuntrarjetà taddeċiżjoni kkontestata għallprinċipji ta’ libertà u ta’ indipendenza talMembri tal-Parlament

b) Fuq ittieni parti, ibbażata, essenzjalment, fuq ksur talimmunitajiet mogħtija lillMembri talParlament millProtokoll Nru 7

3. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ġenerali dwar lipproċessar taddata personali

a) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talprinċipji ta’ limitazzjoni talfinalità talipproċessar taddata u ta’ legalità

b) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talprinċipji ta’ lealtà, ta’ trasparenza u ta’ minimizzazzjoni

c) l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar […]”.

4. Fuq irraba’ motiv, ibbażat essenzjalment fuq ksur inġustifikat u sproporzjonat taddritt għallħajja privata u għaddata personali, iddritt għallintegrità fiżika, iddritt għallibertà u ssigurtà kif ukoll iddritt għallugwaljanza fittrattament u għannondiskriminazzjoni

a) Fuq lallegat ksur taddritt għarrispett talħajja privata, taddritt għallprotezzjoni taddata personali, taddritt għallintegrità fiżika, taddritt għallibertà u għassigurtà kif ukoll taddritt għal ugwaljanza fittrattament u għannondiskriminazzjoni

b) Fuq lallegat ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

1) Fuq in-neċessità tal-miżuri inkwistjoni

2) Fuq in-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni

3) Fuq il-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.