Language of document : ECLI:EU:T:2022:276

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

4 ta’ Mejju 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Trasport bl-ajru – Miżura ta’ sostenn adottata mir-Rumanija – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ TAROM – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Kwalità ta’ persuna kkonċernata – Protezzjoni tad-drittijiet proċedurali – Ammissibbiltà – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà – Miżura intiża li tevita tbatija soċjali jew li tindirizza l-falliment fis-suq – Il-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar darba’ tal-għajnuna – Effett ta’ għajnuna preċedenti mogħtija qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni – Diffikultajiet serji – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑718/20,

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn E. Vahida, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, V. Bottka u I. Barcew, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President tal-Awla, A. Kornezov, E. Buttigieg, G. Hesse u D. Petrlík (Relatur), imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Wizz Air Hungary Légiközlekedési  Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), titlob l-annullament tad-Deċiżjoni C(2020) 1160 finali tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Frar 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56244 (2020/N) – Rumanija – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ TAROM (ĠU 2020, C 310, p. 3), li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra miżura ta’ għajnuna mogħtija mir-Rumanija lill-Compania Nazzjonalia de Transporturi Aeriene Romane “TAROM SA” (iktar ’il quddiem “TAROM”) u komposta f’self ta’ ammont ta’ RON 175 952 000) (madwar EUR 36 660 000), li għandu jitħallas lura fi tmiem perijodu ta’ sitt xhur, u, min-naħa l-oħra, iddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u ddeċiżjoni kkontestata

2        TAROM hija kumpannija tal-ajru Rumena li topera minn pjattaforma ajruportwarja unika, li tinsab fl-ajruport Internazzjonali OTP Henri-Coandă ta’ Bukarest (ir-Rumanija). Din il-kumpannija hija prinċipalment attiva fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ merkanzija u ta’ posta. Fil-bidu tas-sena 2020, TAROM kienet timpjega 1 795-il persuna u kellha flotta ta’ 25 ajruplan. TAROM kienet topera kemm linji nazzjonali kif ukoll linji internazzjonali.

3        Fid‑19 ta’ Frar 2020, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni pjan ta’ għajnuna għas-salvataġġ ta’ TAROM, kompost minn self għall-finanzjament tal-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha ta’ ammont ta’ RON 175 952 000 (madwar EUR 36 660 000), li għandu jitħallas lura fi tmiem perijodu ta’ sitt xhur bil-possibbiltà ta’ ħlas lura parzjali antiċipat (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ għajnuna”).

4        Il-Kummissjoni kkonstatat li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ TAROM kienet iddeterjorat ruħha b’mod sinjifikattiv matul il-ħames snin preċedenti u enfasizzat li t-telf akkumulat fuq il-perijodu 2004-2019 kien jammonta għal RON 3 362 130 000 (madwar EUR 715 350 000), u li għalhekk kien jaqbeż iktar min-nofs tal-ammont tal-kapital ta’ TAROM.

5        Fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-networks ta’ trasport fir-Rumanija, il-Kummissjoni osservat li l-istat ġenerali u l-affidabbiltà tan-networks tal-ferroviji u tat-toroq fir-Rumanija kien medjokri, u li t-bl-ajru kien għadu essenzjali għall-iżvilupp reġjonali f’dan il-pajjiż, b’mod partikolari l-konnessjonijiet interni operati minn TAROM.

6        Il-Kummissjoni indikat li, skont ir-Rumanija, il-ħruġ mis-suq ta’ TAROM ma kienx jippermetti li jiġu żgurati t-titjiriet relatati mar-reżervazzjonijiet diġà mwettqa, mingħajr it-teħid f’qasir żmien tal-konnessjonijiet ikkonċernati mill-kompetituri ta’ TAROM, u li dan il-ħruġ kellu jaffettwa numru kbir ta’ impriżi fosthom, prinċipalment, l-ajruporti nazzjonali.

7        Fl-eżami tagħha tal-miżura ta’ għajnuna, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li din kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

8        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-miżura ta’ għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

9        L-ewwel, fil-premessi 52 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li TAROM kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

10      It-tieni, fil-premessi 58 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija kienet turi li l-miżura ta’ għajnuna kienet tissodisfa r-rekwiżit previst fil-punti 43sa 52 tal-Linji gwida li jgħid li l-għajnuna mill-Istat għandha tikkontribwixxi għal għan ta’ interess komuni.

11      It-tielet, fil-premessi 66 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-evitar tal-falliment ta’ TAROM.

12      Ir-raba’, fil-premessi 78 sa 85 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ta’ għajnuna kienet proporzjonali għall-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ TAROM fuq perijodu ta’ sitt xhur.

13      Il-ħames, fil-premessi 86 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” tal-għajnuna, li l-osservanza tiegħu hija imposta fil-punti 70 sa 74 tal-Linji gwida, kien issodisfatt.

14      B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

17      Ir-rikorrenti ssostni li hija għandha locus standi u interess ġuridiku inkwantu persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u inkwantu parti kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

18      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, hija mhux biss tiddikjara l-miżuri inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, iżda wkoll, b’mod impliċitu, tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija għandha tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont kliem din l-aħħar dispożizzjoni, tali deċiżjoni tistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu determinat, li normalment ma jaqbiżx it-terminu ta’ xahar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 46).

20      Meta l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tinfetaħx, il-partijiet ikkonċernati, li setgħu jressqu osservazzjonijiet matul din it-tieni fażi, ma jkollhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju għal dan, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(3) TFUE ppreżentat minn parti kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikollu l-intenzjoni li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li huwa jislet minn din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; Covid‑19), T‑665/20, EU:T:2021:344, punt 26).

21      Fost tali partijiet ikkonċernati hemm, fid-dawl tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari, impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C-817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; Covid‑19), T‑665/20, EU:T:2021:344, punt 28).

22      F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u TAROM, il-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna. Fil-fatt, ir-rikorrenti sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontradetta, li hija kienet l-ikbar kumpannija tal-ajru fir-Rumanija f’termini ta’ ishma ta’ kapaċità ta’ siġġijiet fl-2019. Għalhekk, hija kellha 40.8 % ta’ dawn is-siġġijiet – filwaqt li TAROM kellha biss 15.3 % minnhom –, u kienet tittrasporta madwar 9.3 miljun passiġġier fis-sena minn u lejn ir-Rumanija kif ukoll fuq il-konnessjonijiet interni ta’ dan il-pajjiż. Hija enfasizzat ukoll il-fatt li l-programm tagħha ta’ titjiriet għas-sajf 2020, stabbilit qabel il-bidu tal-pandemija tal-COVID‑19, kien jinkludi 163 il-linja bi tluq minn 11-il ajruport tar-Rumeni.

23      Minn dan isegwi li r-rikorrenti hija parti kkonċernata li għandha interess li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.

24      Għalhekk hemm lok li r-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tiegħu, il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

25      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-miżura ta’ għajnuna għal għan ta’ interess komuni tabilħaqq iddefinit, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, it-tielet wieħed, fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

26      Qabel kollox, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tfittex espliċitament li tikseb l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tagħha. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li r-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet tal-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; Covid‑19), T‑665/20, EU:T:2021:344, punt 31).

27      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li t-tielet motiv huwa ammissibbli.

28      Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni motiv, għandu jiġi speċifikat li r-rikorrenti għandha d-dritt, sabiex turi l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha minħabba dubji li l-miżura ta’ għajnuna kellha tqajjem fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li tinvoka argumenti intiżi li juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li waslet għaliha l-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni missha kellha dubji fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fuq il-mertu mressqa mir-rikorrenti, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv espressament imressaq minnha dwar l-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑287/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:395, punti 57 sa 60; tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 77, u tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (Condor; Covid‑19), T‑665/20, EU:T:2021:344, punt 32).

29      Fir-rigward tar-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u ma huwiex relatat mal-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (TAP; Covid‑19), T‑465/20, EU:T:2021:284, punt 29; ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

 Fuq ilmertu

30      Fid-dawl tal-analiżi ppreżentata fil-punti 25 sa 29 iktar ’il fuq, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat it-tielet motiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet eżami insuffiċjenti u mhux komplet, minn naħa, tal-osservanza tar-rekwiżit relatat mal-kontribuzzjoni tas-salvataġġ ta’ TAROM għal għan ta’ interess komuni u, min-naħa l-oħra, tal-osservanza tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-kontenut tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors u minnu tiddeduċi li dawn l-insuffiċjenzi huma indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

32      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li r-riżultat tal-proċedura ta’ eżami tal-miżura ta’ għajnuna seta’ kien differenti li kieku l-Kummissjoni kienet osservat id-drittijiet proċedurali tagħha, billi toffrilha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-miżura u li tipprovdilha informazzjoni fattwali jew ta’ natura oħra.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

33      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, jekk tnejn mir-rekwiżiti previsti mil-Linji gwida sabiex għajnuna għas-salvataġġ favur impriża f’diffikultà tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, jiġifieri r-rekwiżit dwar il-kontribuzzjoni tal-miżura ta’ għajnuna għal għan ta’ interess komuni u dak “tal-ewwel u tal-aħħar darba” tal-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà, ġewx osservati mill-Kummissjoni.

34      Issa, f’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju, fid-dawl tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742), li tosserva li mill-punt 43 tal-Linji gwida jirriżulta li, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Linji gwida, miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandu jkollha għan ta’ interess komuni. Skont dan l-istess punt, din l-eżiġenza ittraduċiet ruħha fir-rekwiżit li tali miżura għandu jkollha l-“għan li tipprevjeni t-tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq”. Dan huwa kkonfermat mill-punt 44 ta’ dawn il-linji gwida, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom juru li l-falliment tal-benefiċjarju x’aktarx jinvolvi tbatija soċjali serja jew il-falliment gravi tas-suq. Il-kontenut ta’ din l-eżiġenza huwa għalhekk marbut mar-rekwiżit previst fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jipprevedi li l-miżura ta’ għajnuna għandha tkun maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, hekk kif sostnew, wara kollox, il-partijiet waqt is-seduta.

35      Minn dan isegwi li s-sustanza nnifisha tar-rekwiżit previst fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida ma tmurx kontra l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, ħaġa li, barra minn hekk, ma hija allegata minn ebda waħda mill-partijiet, u li, bl-impożizzjoni ta’ din l-eżiġenza, il-Linji gwida ma naqqsux b’mod indebitu l-portata ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tas-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 24). Barra minn hekk, mill-punti 66 u 67 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li ċ-ċirkustanza li l-għajnuna ppjanata tippermetti li jiġi rrimedjat falliment fis-suq tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna tiġi evalwata abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

–       Dwar ir-regoli tal-oneru tal-prova applikabbli fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida

36      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat ir-rekwiżiti imposti fil-punti 8 u 43 tal-Linji gwida. Hija tqis b’mod partikolari, essenzjalment, li l-Istat Rumen kien obbligat li juri r-realtà tal-konsegwenzi negattivi li għalihom kienet qiegħda tipprova tirrimedja l-miżura ta’ għajnuna. Għalhekk, bħala eżempju, dan l-Istat kellu jkun obbligat li juru li kumpanniji oħra tal-ajru ma kinux ser jirnexxilhom jieħdu ċerti linji attwalment operati minn TAROM. Issa, il-Kummissjoni aċċettat, żbaljatament, li l-Istat Rumen juri biss li kien plawżibbli li l-miżura ta’ għajnuna tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida.

37      Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

38      F’dan ir-rigward, qabel kollox, mit-test tal-punt 43 tal-Linji gwida jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat għandu juru li l-għajnuna hija “bl-għan” li tevita tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq.

39      Issa, l-imsemmi punt għandu jinqara flimkien mal-punt 44(b) tal-Linji gwida, li jispeċifika li l-Istati Membri għandhom juru li l-falliment tal-benefiċjarju “x’aktarx” jinvolvi tbatija soċjali serja jew il-falliment gravi tas-suq, b’mod partikolari billi juru li jeżisti “riskju” ta’ tħarbit f’servizz importanti li jkun diffiċli li jiġi rreplikat u fejn ikun diffiċli li kompetitur jiżgura dan is-servizz minflok il-benefiċjarju.

40      Minn dan isegwi li l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex obbligat li juri li, fl-assenza tal-miżura ta’ għajnuna, ċerti konsegwenzi negattivi ser jipproduċu ruħhom neċessarjament bħala konsegwenza tal-falliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda unikament li hemm ir-riskju li dawn il-konsegwenzi jseħħu.

41      Wara dan, l-elementi prodotti f’dan is-sens mill-Istat Membru jistgħu biss, min-natura tagħhom, ikunu relatati ma’ ġrajjiet futuri li r-realizzazzjoni tagħhom ma hijiex ċerta fil-mument tan-notifika tal-għajnuna lill-Kummissjoni. Għalhekk, dawn l-elementi għandhom jippermettu li l-Kummissjoni twettaq analiżi prospettiva tal-konsegwenzi negattivi tal-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna.

42      Fl-aħħar, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-legalità ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 80, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38).

43      Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta mill-applikant għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 82, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wrietx li, fl-assenza tal-miżura ta’ għajnuna, kellu neċessarjament ikun hemm tbatija soċjali jew falliment fis-suq u li din il-miżura kellha tippermetti li dawn jiġu evitati u tipprovdi rimedju ċert għalihom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti wrietx l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, li kellhom iwasslu sabiex ikollha dubji dwar l-eżistenza ta’ riskju li, fl-assenza tal-miżura ta’ għajnuna, kellu jkun hemm tali tbatija soċjali jew tali falliment fis-suq jew dwar il-fatt li l-miżura ta’ għajnuna hija intiża li tevita li dawn iseħħu jew li tipprovdi rimedju għalihom.

45      B’konsegwenza ta’ dan, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-indizji tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida

46      Permezz tal-ewwel fergħa tat-tielet motiv tagħha, li fil-kuntest tagħha hija tagħmel ukoll riferiment għall-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-eżami tar-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida. L-ewwel, hija tosserva li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji f’dak li jirrigwarda l-importanza ta’ TAROM fis-suq nazzjonali. It-tieni, hija tqis li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-eventwalità tas-sostituzzjoni ta’ TAROM fuq l-imsemmija konnessjonijiet interni. It-tielet, hija tosserva li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa s-sehem żgħir ta’ TAROM fil-konnessjonijiet internazzjonali fl-eżami tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna.

47      Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-premessi 58 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżura ta’ għajnuna kinitx tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida, billi qieset li, konformement ma’ dawn tal-aħħar, kellu jintwera li din il-miżura kellha l-għan li tipprevjeni tbatija soċjali jew tindirizza l-falliment fis-suq.

49      Fil-premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li kien intwera li TAROM kellha rwol determinanti sabiex tiżgura l-konnettività reġjonali fi ħdan ir-Rumanija, peress li din il-kumpannija kienet tiżgura, waħedha, diversi konnessjonijiet tal-ajru interni. Barra minn hekk, il-waqfien tal-attivitajiet ta’ TAROM jaffettwa 460 000 il-passiġġier li kienu diġà rriżervaw titjiriet, fosthom 63 000 fuq konnessjonijiet esklużivament operati minnha. F’dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet imsemmija l-aħħar, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 61 u 62 ta’ din id-deċiżjoni, li kien jidher li ma kienx probabbli wisq li l-kumpanniji tal-ajru kompetituri kellhom jiżguraw b’mod sħiħ l-operat tagħhom, u dan jaffettwa l-konnettività tar-reġjuni Rumeni fid-dawl tal-istat ħażin tal-infrastrutturi tat-toroq u tal-ferrovija, li ma joffrux alternattivi validi xierqa għall-passiġġieri tal-imsemmija konnessjonijiet. Fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ TAROM jista’ jkun ta’ dannu għas-sitwazzjoni ekonomika tar-reġjuni Rumeni, b’mod partikolari għall-ajruporti reġjonali, sa tali punt li jwassal għal tnaqqis tal-attività ekonomika, li jista’ jwassal għal tnaqqis fid-domanda ta’ servizzi ta’ vjaġġar. Fil-premessa 64 ta’ din l-istess deċiżjoni, hija kkonstatat, abbażi tal-informazzjoni pprovduta, li kien jeżisti riskju konkret ta’ interruzzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri fir-Rumanija u, fil-premessa 65 tal-imsemmija deċiżjoni, hija ddeċidiet, essenzjalment, li, billi tevita l-proċess ta’ likwidazzjoni imminenti u potenzjalment ta’ tfixkil, il-miżura ta’ għajnuna kellha tevita tbatija soċjali serja u falliment importanti fis-suq.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi osservat li l-analiżi tal-Kummissjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa d-daqs tas-suq u l-importanza ta’ TAROM fil-konnessjonijiet nazzjonali u internazzjonali.

51      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-punt 43 u l-punt 44(b) tal-Linji gwida ma jimponux fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq inkwistjoni meta hija teżamina jekk is-servizz inkwistjoni huwiex “importanti”. Għalhekk, anki jekk is-suq inkwistjoni huwa relattivament limitat, dan ma jipprekludix li servizz ipprovdut f’suq jista’ jkun importanti fis-sens tal-Linji gwida.

52      F’dan il-każ, l-analiżi tal-Kummissjoni f’din il-kawża hija msejsa, essenzjalment, fuq il-konstatazzjoni li tgħid li t-tmiem tal-attività ta’ TAROM għandha tkun ta’ dannu kemm għall-konnettività tar-reġjuni Rumeni esklużivament moqdija minn din tal-aħħar kif ukoll għas-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn ir-reġjuni u li jeżisti, f’dan il-każ, riskju konkret ta’ interruzzjoni ta’ ċerti servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri fir-Rumanija.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-assenza ta’ alternattivi validi minħabba l-istat ħażin tal-infrastrutturi tat-toroq u tal-ferroviji Rumeni, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, il-konnettività reġjonali permezz ta’ konnessjonijiet tal-ajru interni u l-konnettività internazzjonali tar-Rumanija setgħu ġustament jitqiesu mill-Kummissjoni bħala li huma servizz importanti li l-interruzzjoni tiegħu kienet tirriskja li tkun tinvolvi tbatija soċjali serja jew tikkostitwixxi falliment fis-suq, fis-sens tal-punt 44(b) tal-Linji gwida.

54      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, meqjusa l-preżenza dgħajfa ta’ TAROM fis-suq tat-trasport bl-ajru nazzjonali, l-ammont tal-għajnuna għal kull passiġġier jidher li huwa sproporzjonat, hija tikkontesta, essenzjalment, il-proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna.

55      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma turix li l-implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li bih ġiet inkarigata TAROM, hekk kif hija tissuġġerixxi, setgħet titwettaq fi żmien suffiċjentement qasir sabiex jiġi evitat il-ħruġ mis-suq ta’ din tal-aħħar, li ma huwiex ikkontestat li kien imminenti. Bl-istess mod, hija ma wrietx li tali obbligi ta’ servizz pubbliku kien ikun ta’ natura li jevita t-tmiem ta’ attività ta’ TAROM u l-konsegwenzi li kienu jirriżultaw minnu għall-konnettività u għall-attività ekonomika tar-reġjuni Rumeni kkonċernati.

56      It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti marbutin mas-sostituzzjoni ta’ TAROM fuq il-konnessjonijiet interni, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari, għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta addottatha, iżda wkoll skont l-informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, C‑847/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:343, punt 41, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 42).

57      F’dan ir-rigward, għalkemm, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni, jekk ikun il-każ, tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, madankollu, ma jistax jiġi dedott li hija għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kwistjoni mressqa quddiemha, minkejja li tali informazzjoni hija ta’ dominju pubbliku (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-kuntest, qabel kollox, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, l-eventwalità tas-sostituzzjoni ta’ TAROM mill-kompetituri tagħha fuq il-konnessjonijiet interni esklużivament operati minnha ġiet evalwata mill-Kummissjoni fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-kontenut ta’ din il-premessa, li jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-premessa 17 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li ma kienx probabbli wisq li l-kumpanniji tal-ajru kompetituri preżenti fis-suq Rumen, li prinċipalment huma kumpanniji low cost, kellhom jidħlu f’dan is-suq sabiex jiżguraw it-totalità ta’ dawn il-konnessjonijiet, peress li l-interess kummerċjali ta’ dawn il-kumpanniji f’dan ir-rigward kien allegatament baxx. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li d-domanda fuq dawn il-konnessjonijiet kienet dgħajfa f’termini ta’ passiġġieri għal kull titjira u li ma kienx profittabbli li tali konnessjonijiet jitwettqu permezz ta’ ajruplani li għandhom kapaċità ta’ siġġijiet ikbar minn dawk użati minn TAROM, bħal dawk li kienu ġeneralment operati mill-kumpanniji low cost. Hija osservat li l-mudell ekonomika tal-kumpanniji low cost kien ibbażat fuq il-kwantità u fuq flotta omoġenja sabiex jiġu mminimizzati l-ispejjeż.

59      Wara dan, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM kienu joperaw fuq tlieta mis-seba’ konnessjonijiet interni ppreżentati, f’din id-deċiżjoni deċiżjoni, bħala operati esklużivament minn din tal-aħħar, hija ma tikkontestax li, f’kull każ, l-erba’ konnessjonijiet interni l-oħra kienu tabilħaqq operati esklużivament minn TAROM.

60      Barra minn hekk, hija lanqas ma ppreżentat elementi suffiċjenti li juru li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija kumpanniji tal-ajru kompetituri kienu joperaw dawn it-tliet konnessjonijiet interni.

61      Għalhekk, minn naħa, is-silta mis-sit tal-internet ta’ kumpannija tal-ajru, ippreżentata mir-rikorrenti, tippermetti biss li jiġi kkonstatat li din il-kumpannija tal-ajru kienet topera t-tliet linji interni inkwistjoni fid-data tat‑3 ta’ Novembru 2020, jiġifieri wara d-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Ma jistax, għalhekk, jiġi kkontestat li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni, f’din id-deċiżjoni, informazzjoni li tirriżulta minn dan id-dokument.

62      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda dokument ieħor prodott quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti, li jgħid li wħud mil-linji interni u internazzjonali meqjusa bħala operati esklużivament minn TAROM fid-deċiżjoni kkontestata huma operati wkoll minn kompetituri tagħha, waqt is-seduta r-rikorrenti speċifikat li din hija tabella li hija kienet fasslet hija nnifisha, li tirriproduċi l-informazzjoni li tirrigwarda l-konnessjonijiet tal-ajru għal perijodu speċifiku li toriġina minn kumpannija speċjalizzata fil-ġbir u fl-ipproċessar ta’ data dwar id-diversi konnessjonijiet tal-ajru eżistenti.

63      Għaldaqstant, jekk jitqies li l-informazzjoni li tidher f’din it-tabella hija affidabbli, xorta jibqa’ l-fatt li din tikkonferma li TAROM kienet topera, waħedha, diversi linji tal-ajru inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif barra minn hekk tammetti r-rikorrenti. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-konnessjonijiet tal-ajru oħra inkwistjoni, din l-informazzjoni ma tispeċifikax li kumpanniji tal-ajru oħra kienu wkoll joperaw dawn il-konnessjonijiet skont ċerta perjodiċità – annwali jew staġjonali – u skont ċerta frekwenza – b’mod partikolari ta’ kuljum jew fil-ġimgħa – li kien ipoġġihom f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ TAROM. Fil-fatt, la l-imsemmija tabella u lanqas in-noti tar-rikorrenti ma jippermettu li tali informazzjoni tiġi identifikata.

64      Għalhekk, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, il-fatt li kumpanniji tal-ajru oħra kienu, f’xi mument kwalunkwe tas-sena 2019, operaw ċerti linji interni u internazzjonali ma huwiex ta’ natura li juri li dawn il-kumpanniji kienu jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw faċilment is-servizz ipprovdut minn TAROM fil-każ tal-falliment tagħha fuq il-linji kollha li din tal-aħħar kienet topera b’mod esklużiv.

65      Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tindika, fir-rikors, li l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija tabella toriġina minn sorsi li huma ta’ dominju pubbliku, bħalma huma s-siti tal-internet tal-kumpanniji tal-ajru, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li tista’ tippreżenta rabta mal-kwistjoni mressqa quddiemha, minkejja li tali informazzjoni hija ta’ dominju pubbliku.

66      Barra minn hekk, hekk kif hija ammettiet ukoll matul is-seduta f’dak li jirrigwarda l-każ rispettiv tagħha, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element li jista’ juri li kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM kienu jkunu lesti li jieħdu l-konnessjonijiet kollha esklużivament operati minnha fil-każ ta’ ħruġ mis-suq ta’ din tal-aħħar.

67      Fl-aħħar, anki jekk jitqies li s-sostituzzjoni ta’ TAROM kienet tkun possibbli fuq uħud mill-konnessjonijiet interni jew internazzjonali inkwistjoni, ir-rikorrenti lanqas ma wriet li, fid-dawl tat-tmiem probabbli u imminenti tal-attività ta’ TAROM, din is-sostituzzjoni setgħet isseħħ fi żmien qasir, u tevita, għal dan il-għan, kemm jista’ jkun possibbli kull interruzzjoni tas-servizz, u taħt kundizzjonijiet li jkunu qrib għal dawk li taħthom kienu operati dawn il-konnessjonijiet.

68      Dan jgħodd iktar u iktar peress li huwa paċifiku li TAROM għandha network ta’ hub and spoke u li għalhekk hija tinsab f’pożizzjoni li tipproponi konnessjoni mal-ajruport ta’ Bukarest lill-passiġġieri li ġejjin minn ajruporti reġjonali filwaqt li l-kompetituri tagħha preżenti fuq il-linji interni minbarra dawk li huma operati esklużivament minn TAROM għandhom networks b’titjiriet minn punt sa punt. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-konnessjoni lejn destinazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali bi tluq mill-ajruport ta’ Bukarest hija ta’ natura li tiżgura l-konnettività reġjonali b’mod partikolarment sodisfaċenti.

69      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegata kapaċità żejda li kienet teżisti fir-Rumanija fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti la tikkontesta li, hekk kif tindika l-Kummissjoni, iktar min-nofs l-ajruplani li ma kinux fl-ajru f’din id-data kienu proprjetà ta’ TAROM, u lanqas li, bħala regola ġenerali, il-kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM, li huma kollha kumpanniji low cost, jużaw ajruplani li għandhom kapaċità ta’ trasport ta’ passiġġieri ikbar minn dik tal-ajruplani li hija tuża sabiex tiżgura l-konnessjonijiet li hija topera esklużivament. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod ikun profittabli li l-konnessjonijiet interni inkwistjoni, li jikkonċernaw biss numru limitat ta’ passiġġieri, jitwettqu b’tali ajruplani.

70      F’kull każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tfittex lil hinn mill-informazzjoni prodotta quddiemha mill-Istat Membru, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, informazzjoni li setgħet tindika li kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM, minkejja l-karatteristiċi tagħhom imsemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq, kienu disposti li joperaw il-konnessjonijiet interni kkonċernati.

71      B’mod partikolari, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li n-numru ta’ ajruplani mhux fl-ajru fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu indizji tal-eżistenza ta’ kapaċità żejda fir-Rumanija f’din id-data, kienet informazzjoni li kellha tiġi mfittxija mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess.

72      F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar, l-argument li jgħid li l-falliment ta’ kumpannija tal-ajru ma għandux jaffettwa l-konnettività ta’ Stat Membru, dan huwa spekulattiv u ma huwiex ta’ natura li juri li l-konsegwenzi tat-tmiem tal-attività ta’ TAROM għall-passiġġieri tal-konnessjonijiet interni u internazzjonali esklużivament operati minnha setgħu jiġu evitati, peress li r-rikorrenti ma wrietx li l-kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM setgħu jieħdu dawn il-konnessjonijiet fil-każ ta’ falliment ta’ din tal-aħħar.

73      It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-argument li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni naqset milli tevalwa s-sehem żgħir tas-suq ta’ TAROM fil-konnessjonijiet internazzjonali, għandu jiġi osservat li dan is-sehem żgħir tas-suq, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-konstatazzjoni li tgħid li s-sitwazzjoni ta’ TAROM u r-riskju li din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet tagħha fi żmien qasir setgħu jippreġudikaw il-konnettività tar-Rumanija fit-totalità tagħha, u fuq kollox il-konnettività ta’ ċerti reġjuni Rumeni, u li jkunu ta’ dannu kemm għall-passiġġieri li kienu jużaw is-servizzi ta’ trasport bl-ajru tagħha kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, għas-sitwazzjoni ekonomika tal-imsemmija reġjuni jew ta’ ċerti infrastrutturi bħalma huma l-ajruporti reġjonali, hekk kif jirriżulta mill-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Fid-dawl tal-importanza ta’ TAROM għall-konnettività tar-reġjuni Rumeni u tal-konsegwenzi li l-falliment tagħha jkollu fuq dawn ir-reġjuni, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma jkollha dubji, tiddeċiedi biss fuq din il-bażi li l-miżura ta’ għajnuna kienet tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida.

75      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx indizji fir-rigward tal-eżami tar-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida li jistgħu juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju li, fl-assenza tal-miżura ta’ għajnuna, kien ser ikun hemm tbatija soċjali jew falliment fis-suq jew fir-rigward tal-fatt li l-miżura ta’ għajnuna għandha l-għan li tevita li dawn iseħħu jew li tindirizzahom.

76      B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel motiv u l-ewwel fergħa tat-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-indizji tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” permezz tal-miżura ta’ għajnuna

77      Permezz tat-tieni fergħa tat-tielet motiv tagħha, li fil-kuntest tagħha hija tagħmel riferiment għat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi awtorizzat il-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit imsejjaħ “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, previst fil-punt 70 tal-Linji gwida. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li TAROM kienet ibbenefikat minn serje ta’ żidiet fil-kapital li kienu seħħew sal-2019, li kienu jimplimentaw għajnuna għar-ristrutturazzjoni li din tal-aħħar kienet kisbet qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM”), u, min-naħa l-oħra, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni relatat magħha kien ġie implimentat sal-2019 filwaqt li l-imsemmija għajnuna kienet, min-naħa tagħha, ġiet implimentata sal-imsemmija sena. Barra minn hekk, il-fatt li tali għajnuna tista’ titqies bħala għajnuna eżistenti huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba”.

78      Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 70 tal-Linji gwida, sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-inċentivi ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju u d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-għajnuna għandha tingħata lill-impriżi f’diffikultà għal operazzjoni waħda biss ta’ ristrutturazzjoni.

80      Il-punt 71 tal-imsemmija linji jipprevedi, f’dan il-kuntest, li, meta jinnotifika lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturazzjoni, l-Istat Membru jrid jispeċifika jekk l-impriża kkonċernata tkunx diġà bbenefikat minn għajnuna għas-salvataġġ, minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew minn appoġġ għar-ristrutturazzjoni temporanja fil-passat, inkluża kull għajnuna ta’ din ix-xorta mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji gwida u kull għajnuna oħra mhux innotifikata. Jekk dan ikun il-każ, u fejn ikunu għaddew inqas minn 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna jew minn meta jkun intemm il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni jew minn meta tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni (skont liema minn dawn ikun seħħ l-aktar tard), il-Kummissjoni ma għandhiex tawtorizza għajnuna ġdida konformement ma’ dawn il-Linji gwida.

81      Fil-premessi 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li r-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, previst fil-punti 70 sa 75 tal-Linji gwida, kien osservat. Għal dan il-għan, hija eżaminat l-effett ta’ serje ta’ żidiet tal-kapital ta’ TAROM li seħħew sal-2019. Hija qieset li dawn kienu jimplimentaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM, u dan qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija osservat li din l-għajnuna, li kienet tikkonsisti f’self u f’garanzija tar-Rumanija fir-rigward ta’ self sottoskritt minn TAROM, kienet ġiet implimentata sal-2019, fejn dan l-Istat kien issostitwixxa ruħu għal TAROM sabiex iħallas lura l-imsemmi self, u li d-dejn ta’ din tal-aħħar li jirriżulta mill-ħlas imwettaq f’dan il-kuntest kien ġie kkonvertit f’żidiet ta’ kapital sottoskritti mill-imsemmi Stat.

82      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM ma kinux jippermettu li jitqies li r-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” kien issodisfatt. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax it-terminu ta’ inqas minn għaxar snin, irrispettivament minn liema każ minn dawk imsemmi fil-punt 71 tal-Linji gwida jittieħed inkunsiderazzjoni.

83      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-ewwel każ previst fil-punt 71 tal-Linji gwida, jiġifieri l-mogħdija ta’ terminu ta’ inqas minn għaxar snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, mill-mument li fih id-dritt għal assistenza, ipprovduta permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jingħata lill-benefiċjarju abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40; tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et, C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 36, u tal‑20 ta’ Mejju 2021, Azienda Sanitaria Provinciale di Catania, C‑128/19, EU:C:2021:401, punt 45).

84      Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM tikkonsisti f’self u f’diversi garanziji ta’ self ieħor, mogħtija mill-Istat Rumen lil TAROM permezz ta’ ħames deċiżjonijiet u digrieti tal-Gvern Rumen, adottati bejn l-1997 u l-2003. L-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM ġiet, wara dan, awtorizzata mill-Consiliul Concurenţei (il-Kunsill tal-kompetizzjoni, ir-Rumanija) fl-2004.

85      Minn dan jirriżulta li l-għoti tad-diversi komponenti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM seħħ bejn l-1997 u l-2003, fejn għandu jiġi speċifikat li, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni matul is-seduta, il-garanziji ta’ self hekk mogħtija kienu kollha ġew użati immedjatament hekk kif ingħataw.

86      Barra minn hekk, in-natura ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat li tikkonsisti f’garanzija ta’ self mogħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna timplika neċessarjament li, hekk kif il-garanzija tintuża, il-ħlasijiet imwettqa f’dan il-kuntest jistgħu jestendu fuq il-perijodu kollu tas-self. Għaldaqstant, dan ma għandux riperkussjonijiet fuq id-data tal-għoti tal-għajnuna, b’tali mod li l-argumenti kollha dwar il-pagamenti relatati mal-garanziji mwettqa iktar ’il quddiem huma ineffettivi.

87      Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, essenzjalment, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pagamenti mwettqa mill-Istat Rumen, b’applikazzjoni tal-garanziji li huma s-suġġett tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM, u l-konverżjonijiet ta’ dejn ta’ TAROM, li jirriżultaw minn dan, f’żidiet ta’ kapital favur ta’ dan l-Istat sal-2019, jikkostitwixxu biss sempliċi implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna.

88      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li kemm il-kundizzjonijiet li fihom għandhom jintużaw il-garanziji ta’ self kif ukoll il-konverżjoni tad-dejn imnissel mill-pagamenti mwettqa mill-Istat Rumen, b’applikazzjoni ta’ dawn il-garanziji, f’żidiet tal-kapital ta’ TAROM favur dan l-Istat kienu previsti mid-diversi deċiżjonijiet u digrieti msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq u għalhekk saħansitra qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

89      Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li l-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha li l-użu tal-garanziji mogħtija mill-Istat Rumen kien twettaq skont il-kundizzjonijiet miftiehma inizjalment waqt l-għoti tagħhom. Madankollu, bi ksur tar-regoli tal-oneru tal-prova mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, hija ma pproduċiet l-ebda prova jew indizju li jgħid li dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew emendati matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni tad-diversi garanziji inkwistjoni.

90      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet, matul is-seduta, li l-Kummissjoni kellha tiżgura ruħha mill-kundizzjonijiet li fihom kienet twettqet l-implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM billi teżamina r-rapporti annwali li l-Istati Membri għandhom ifasslu b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni [tal-Artikolu 108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u tal-Artikolu 26 tar-Regolament 2015/1589, sabiex tneħħi kull dubju dwar l-osservanza tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” permezz tal-miżura ta’ għajnuna.

91      Issa, bi ksur tar-regoli tal-oneru tal-prova mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova tal-fatt li, minn naħa, ir-Rumanija ma osservatx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi r-rapport annwali previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 659/1999 u fl-Artikolu 26 tar-Regolament 2015/1589 matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM, u li, min-naħa l-oħra, minn dawn ir-rapporti annwali jirriżulta li din l-għajnuna kienet ġiet implimentazzjoni taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu ġew approvati mill-Kunsill tal-kompetizzjoni.

92      B’konsegwenza ta’ dan, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni missha kellha dubji dwar l-osservanza tat-terminu ta’ inqas minn għaxar snin, previst fil-punt 71 tal-Linji gwida, ikkalkolat mid-data tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM.

93      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet każ previsti fil-punt 71 tal-Linji gwida, jiġifieri l-mogħdija ta’ perijodu ta’ inqas minn għaxar snin minn tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni u minn tmiem l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-pagamenti mwettqa wara li ntużaw il-garanziji mogħtija fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM u l-konverżjoni tad-djun, li rriżultat minn dan, f’żidiet tal-kapital tagħha, sal-2019, juru li, minn naħa, il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni dam għaddej sal-imsemmija sena u li, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ntemmet matul din l-istess sena.

94      B’mod iktar konkret, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM kienet tifforma parti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li t-tmiem tiegħu jaqbel mat-tmiem tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni.

95      L-ewwel, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “perijodu ta’ ristrutturazzjoni”, għandu jiġi osservat li l-punt 7 tal-Linji gwida jindika li jista’ jkun il-każ li impriża f’sitwazzjoni ta’ falliment tkun f’pożizzjoni li tibda ristrutturazzjoni li twassalha sabiex toħroġ minn ċerti attivitajiet li strutturalment jagħmlu t-telf u li jippermettulha torganizza mill-ġdid l-attivitajiet li jifdal fuq bażi li tagħti prospett raġonevoli ta’ vijabbilità fit-tul.

96      Skont il-punt 45 tal-Linji gwida, ristrutturazzjoni tista’ tinvolvi wieħed jew iktar minn dawn l-elementi: ir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tal-benefiċjarju fuq bażi iktar effiċjenti, li tipikament jinvolvu l-irtirar minn attivitajiet li jagħmlu t-telf, ir-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet eżistenti li jkunu jistgħu jerġgħu jsiru kompetittivi u, xi drabi, id-diversifikazzjoni lejn attivitajiet ġodda u vijabbli. Normalment ir-ristrutturazzjoni tiġbor taħtha wkoll ristrutturazzjoni finanzjarja f’forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital minn azzjonisti ġodda jew eżistenti u t-tnaqqis tad-dejn minn kredituri eżistenti.

97      F’dan il-kuntest, sa fejn il-punt 47 tal-Linji gwida jispeċifika li “[i]l-perjodu ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] għandu jkun qasir kemm jista’ jkun”, l-imsemmija Linji gwida huma għalhekk ibbażati – inkluż il-punt 71 tagħhom – fuq l-idea ta’ ristrutturazzjoni qasira.

98      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ “perijodu ta’ ristrutturazzjoni” jirreferi għall-perijodu li matulu jittieħdu l-miżuri elenkati fil-punt 96 iktar ’il fuq. Għalhekk dan huwa, bħala prinċipju, differenti minn dak li matulu tiġi implimentata miżura ta’ għajnuna mill-Istat.

99      Issa, bi ksur tar-regoli tal-oneru tal-prova mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova jew indizju li jgħid li l-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, hekk kif iddefinit fil-punt 98 iktar ’il fuq, kien intemm wara l-2005, bil-kontra ta’ dak li jirriżulta mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, u, f’kull każ, inqas minn għaxar snin qabel l-għoti tal-miżura ta’ għajnuna.

100    It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “pjan ta’ ristrutturazzjoni”, għandu jitfakkar li, sabiex ikun jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà għandu jkun marbut ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni intiż li jnaqqas u jagħti direzzjoni ġdida lill-attivitajiet (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 67, u tas‑6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il‑Kummissjoni, T‑17/03, EU:T:2006:109, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑68/03, EU:T:2007:253, punt 88).

101    Għalhekk, il-fatt li għajnuna għar-ristrutturazzjoni tkun marbuta ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni ma jfissirx li, bħala tali, din l-għajnuna tifforma parti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, sa fejn l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar tikkostitwixxi, bil-kontra ta’ dan, kundizzjoni essenzjali sabiex tali għajnuna tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni, T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 283).

102    Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kunċett ta’ “pjan ta’ ristrutturazzjoni”, hekk kif dan jirriżulta mil-Linji gwida, li jiddefinixxu, fil-punti 45 sa 52, l-għanijiet u l-kontenut tiegħu, inkluża r-relazzjoni tiegħu ma’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

103    Għalhekk, il-punti 45 u 46 tal-Linji gwida jeżiġu li, fil-każ ta’ tali għajnuna, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni, u għalhekk l-għoti tal-għajnuna għandu jkun suġġett għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Il-punt 45 tal-imsemmija linji gwida jistipula l-elementi li jistgħu jkunu inklużi fi pjan ta’ ristrutturazzjoni, fejn huwa sottointiż li l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa relatat mal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-punt 47 tal-Linji gwida, minnu jirriżulta li l-għan ta’ tali pjan huwa li l-benefiċjarju mill-ġdid isir vijabbli għal terminu twil fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ previżjonijiet realistiċi.

104    Minn dan isegwi li l-Linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna” u dak ta’ “implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni”.

105    Issa, meta r-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM ġiet implimentata sal-2019 jfisser li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni wkoll dam sal-2019, hija tinterpreta ħażin kemm il-portata tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq kif ukoll id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat u dak ta’ implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

106    B’konsegwenza ta’ dan, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li l-Kummissjoni missha kellha dubji fir-rigward tad-data li fiha ntemm il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni u fir-rigward tal-perijodu li fih intemm il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

107    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika l-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fid-dawl tal-fatt li din kienet ġiet approvata mill-Kunsill tal-kompetizzjoni qabel id-data ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kinitx tabilħaqq tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-punt 4 tat-Titolu 2 tal-Anness V tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203), li jeżiġi li għajnuna ta’ din in-natura għandha tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data ta’ adeżjoni u li l-effetti tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti għandhom ikunu limitati sa tmiem it-tielet sena ta’ wara din id-data.

108    Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-klassifikazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM bħala għajnuna eżistenti hijiex rilevanti għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali klassifikazzjoni sabiex teżamina jekk l-imsemmi rekwiżit kienx osservat f’din il-kawża permezz tal-miżura ta’ għajnuna. L-argument tar-rikorrenti għalhekk ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

109    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx indizji fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba” li jistgħu juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

110    Għalhekk, it-tieni lment tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-indizji tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, relatati mal-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

111    Permezz tat-tielet fergħa tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-eżitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna seta’ jkun differenti li kieku l-Kummissjoni kienet irrispettat id-drittijiet proċedurali tagħha, billi toffrilha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din il-miżura u tipprovdilha informazzjoni fattwali jew ta’ natura oħra.

112    Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, hekk kif osservat il-Kummissjoni, tali argument huwa ineffettiv għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddikjara għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

113    Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni ltaqatx ma’ diffikultajiet serji fl-eżami tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat li ġiet innotifikata lilha.

114    Issa, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-miżura ta’ għajnuna u li tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni fattwali jew ta’ natura oħra ma tistax turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

115    Għalhekk, it-tielet fergħa tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

116    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija la indikat ir-raġuni li għaliha l-attività ta’ TAROM kellha titqies bħala li għandha importanza partikolari għar-Rumanija u lanqas l-ishma tas-suq miżmuma minn TAROM fis-segmenti nazzjonali u internazzjonali tas-suq Rumen. Iktar minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi spjegazzjonijiet mhux kompluti dwar il-possibbiltà li s-servizzi pprovduti minn TAROM jiġu riprodotti, u din hija kontradittorja u mimlija b’lakuni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżit “tal-ewwel u tal-aħħar darba”.

117    Il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE tikkostitwixxi formalità essenzjali (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37) u li din għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu, għalhekk, ikun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati mill-imsemmi att fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 269 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

119    Barra minn hekk, deċiżjoni adottata wara l-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u li tiddikjara miżura ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, li tingħata f’termini qosra, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li quddiemha ma għandhiex diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 111).

120    F’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-kritika li tirrigwarda l-motivazzjoni dwar l-importanza partikolari tas-servizzi pprovduti minn TAROM għar-Rumanija, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 60 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-miżura ta’ għajnuna kienet tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida, minħabba li l-attività ta’ TAROM, jiġifieri s-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri li din kienet tiżgura, kienu ta’ importanza partikolari għar-Rumanija għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq.

121    F’dak li jirrigwarda, wara dan, l-assenza ta’ indikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-ishma tas-suq miżmuma minn TAROM fis-segmenti nazzjonali u internazzjonali tas-suq Rumen, mill-punti 50 sa 53 u 73 iktar ’il fuq jirriżulta li tali indikazzjoni ma kinitx neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-analiżi tal-konsegwenzi dannużi tal-eventwali tmiem tal-attività ta’ TAROM kemm għas-settur kollu ta’trasport bl-ajru fir-Rumanija kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għall-ekonomija Rumena, u sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi li l-miżura ta’ għajnuna kienet tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-Linji gwida.

122    F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, il-kritika fir-rigward tal-motivazzjoni relatata mal-possibbiltà li s-servizzi ta’ TAROM jiġu riprodotti, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq il-premessi 17 sa 19 ta’ din id-deċiżjoni, li ma kienx jidher probabbli li kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ TAROM jieħdu kompletament il-konnessjonijiet interni esklużivament operati minnha, sa fejn ir-rieda tagħhom li jidħlu f’dan is-suq kienet x’aktarx dgħajfa. F’dan ir-rigward, fil-premessa 17 tal-imsemmija deċiżjoni hemm espost li l-konnessjonijiet interni ma humiex attraenti għall-imsemmija kompetituri, li huma kumpanniji tal-ajru low cost, sa fejn id-domanda għal dawn il-konnessjonijiet hija dgħajfa f’termini ta’ passiġġieri għal kull titjira u li ma kienx profittabbli li dawn jiġu operati permezz ta’ ajruplani ikbar minn dawk użati minn TAROM, bħal dawk operati minn tali kumpanniji. Fil-premessa 18 tal-istess deċiżjoni, huwa enfasizzat li ma jeżistux alternattivi validi għall-konnessjonijiet operati minn TAROM f’termini ta’ ajruporti ta’ prossimità, ta’ żminijiet minimi ta’ vvjaġġar u ta’ numru ta’ waqfiet sabiex tintlaħaq id-destinazzjoni, sa fejn it-titjiriet proposti mill-kompetituri tagħha għall-konnessjonijiet internazzjonali kienu possibbli biss permezz ta’ waqfa jew żewġ waqfiet. Fl-aħħar, fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi osservat li l-kompetituri ta’ TAROM ma jkunux jistgħu jipproponu, fi ftit xhur, kapaċità addizzjonali sabiex jieħdu l-konnessjonijiet li jiġu abbandunati u li, jekk huma jagħmlu dan, is-servizzi proposti ma jkunux ta’ l-istess livell bħal dawk ta’ TAROM f’termini ta’ frekwenza ta’ titjiriet u ta’ kwalità ta’ servizz.

123    F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar, l-argumenti relatati mal-motivazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM sal-2019, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 100 sa 106 iktar ’il fuq, tali implimentazzjoni ma għandha l-ebda effett fuq il-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba” tal-għajnuna, li l-osservanza tiegħu hija imposta fil-punti 70 sa 75 tal-Linji gwida u, għalhekk, l-ebda effett fuq il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tosserva, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ TAROM kienet ġiet implimentata sal-2019.

124    B’konsegwenza ta’ dan, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

125    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

126    Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li tilef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, hekk kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) hija kkundannata kemm għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Hesse

 

      Petrlík

Hekk mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Mejju 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.