Language of document : ECLI:EU:C:2024:54

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 376/2014 – Segwitu tal-okkorrenzi li jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni – Artikolu 15 – Kunfidenzjalità tad-dettalji ta’ dawn l-okkorrenzi – Portata ta’ din il-kunfidenzjalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11 – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni – Libertà tal-media – Talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qerda ta’ inġenju tal-ajru li jtir fuq il-Lvant tal-Ukraina, magħmul minn kumpaniji li joperaw fis-settur tal-midja tal-informazzjoni – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑451/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

RTL Nederland BV,

RTL Nieuws BV

fil-preżenza ta’:

Minister van Infrastructuur en Waterstaat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tat-Tieni Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, J. M. Hoogveld u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn F. Naert u N. Rouam, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn P.-J. Loewenthal, A. Nijenhuis, B. Sasinowska u G. Wilms, sussegwentement minn P.-J. Loewenthal, A. Nijenhuis u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU 2014, L 122, p. 18), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 212, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 376/2014”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RTL Nederland BV u RTL Nieuws BV (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“impriżi RTL”) u minister van Infrastructuur en Waterstaat (il-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ġestjoni tal-Ilma, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad talba minn dawn iż-żewġ impriżi intiża sabiex jirċievu informazzjoni dwar il-qerda ta’ ajruplan, li seħħet fis‑17 ta’ Lulju 2014 minkejja li dan kien ittajjar fuq il-Lvant tal-Ukraina.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 Illeġiżlazzjoni ġenerali dwar lavjazzjoni ċivili

3        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament 2018/1139 għandu l-objettiv prinċipali li jiġi stabbilit u jinżamm livell għoli u uniformi ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni Ewropea.

4        Għal dan l-għan, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament huma intiżi li jistabbilixxu “Sistema konġunta ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar”. Fost dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġbir, skambju u analiżi ta’ informazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Il-Kummissjoni [Ewropea], l-[Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA)] u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu skambju ta’ kwalunkwe informazzjoni li tkun disponibbli lilhom fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, li tkun rilevanti għall-partijiet l-oħra sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. [...]

[...]

5.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-iskambju tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bejn il-Kummissjoni, l-[EASA] u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali [...]

Ir-regoli dettaljati msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom iqisu l-ħtieġa li:

[...]

b)      t-tqassim u l-użu tal-informazzjoni jiġu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1;

[...]

6.      Il-Kummissjoni, l-[EASA] u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, [...] għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw kunfidenzjalità xierqa b’rabta mal-informazzjoni li jkunu rċevew skont dan l-Artikolu. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità aktar strett previst fir-[Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU 2010, L 295, p. 35), ir-Regolament (UE) Nru 376/2014], jew f’leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

[...]”

5        L-Artikolu 119 tar-Regolament 2018/1139, intitolat “Trasparenza u komunikazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Ir-[Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-[EASA]. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-aċċess għad-data u l-informazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikoli 72(5) [...] ta’ dan ir-Regolament.”

 Illeġiżlazzjoni dwar linvestigazzjoni talaċċidenti u linċidenti flavjazzjoni ċivili

6        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 996/2010, kif emendat bir-Regolament 2018/1139 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 996/2010”), intitolat “Obbligu ta’ investigazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Kull aċċident jew inċident serju li jinvolvi inġenju tal-ajru li għalih japplika r-Regolament [2018/1139] għandu jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni tas-sikurezza fl-Istat Membru li fih ikun seħħ l-aċċident jew l-inċident serju.

2.      Meta inġenju tal-ajru li għalih ikun japplika r-Regolament [2018/1139] u li jkun irreġistrat fi Stat Membru jkun involut f’aċċident jew f’inċident serju u ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’mod definittiv li l-post fejn ikun seħħ ikun fit-territorju ta’ xi Stat, l-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandha twettaq investigazzjoni tas-sikurezza.”

7        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 996/2010, intitolat “Protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva ta’ sikurezza”, jipprevedi:

“1.      Ir-reġistri li ġejjin m’għandhomx isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza:

a)      id-dikjarazzjonijiet kollha meħudin minn persuni mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza matul l-investigazzjoni tas-sikurezza;

b)      reġistrazzjonijiet li juru l-identità tal-persuni li jkunu taw xhieda fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-sikurezza;

c)      informazzjoni miġbura mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li hija ta’ natura partikolarment sensittiva u personali, inkluż l-informazzjoni rigward is-saħħa tal-individwi;

d)      materjal sussegwentament prodott matul l-investigazzjoni bħan-noti, abbozzi, opinjonijiet miktubin mill-investigaturi, opinjonijiet espressi fl-analiżi tal-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tat-titjira;

e)      informazzjoni u evidenza pprovduti minn investigaturi minn Stati Membri oħrajn jew minn pajjiżi terzi skont id-dispożizzjonijiet tal-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata, fejn ikunu mitluba mill-awtorità tagħhom tal-investigazzjoni tas-sikurezza;

f)      abbozzi ta’ rapporti preliminari jew finali jew dikjarazzjonijiet interim;

g)      ir-reġistrazzjonijiet tal-vuċijiet u tal-immaġini fil-kabina tal-pilota u t-traskrizzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet tal-vuċi ġewwa l-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni li ma tkunx rilevanti għall-investigazzjoni tas-sikurezza, b’mod partikolari informazzjoni li jkollha effett fuq il-privatezza personali, tkun adegwatament protetta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

2.      Ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin m’għandhomx ikunu disponibbli jew użati għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza, jew skopijiet oħra li jimmiraw lejn it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni:

a)      il-komunikazzjonijiet kollha bejn persuni li kienu involuti fl-operat tal-inġenju tal-ajru;

b)      ir-reġistrazzjonijiet bil-miktub jew elettroniċi u t-traskrizzjonijiet tar-reġistrazzjonijiet mill-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, inklużi r-rapporti u r-riżultati magħmulin għall-finijiet interni;

c)      ittri ta’ introduzzjoni għat-trażmissjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza lill-indirizzati, fejn ikunu mitluba mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li tkun ħarġet ir-rakkomandazzjoni;

d)      rapporti ta’ okkorrenzi ffajljati taħt id-[Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 331)].

Ir-reġistrazzjonijiet tar-reġistru tad-data tat-titjira m’għandhomx isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza, għal skopijiet tal-kapaċità tat-titjir jew għal skopijiet ta’ manutenzjoni, ħlief meta dawn ir-reġistrazzjonijiet jiġu de-identifikati jew żvelati taħt proċeduri siguri.

3.      Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar l-iżvelar tar-reġistrazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali tista’ tiddeċiedi li l-benefiċċji tal-iżvelar tar-reġistrazzjonijiet msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għal kwalunkwe skop ieħor permess mil-liġi jġorr aktar piż mill-impatt avvers domestiku jew intenazzjonali li tali azzjoni jista’ jkollha fuq dik l-investigazzjoni tas-sikurezza jew fuq kwalunkwe investigazzjoni tas-sikurezza futura. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-każijiet fejn tista’ tittieħed tali deċiżjoni ta’ żvelar, fir-rispett tal-atti legali tal-Unjoni.

Il-komunikazzjoni tar-reġistrazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 lill-Stat Membru ieħor għal skopijiet ħlief l-investigazzjoni tas-sikurezza u, barra minn hekk fir-rigward tal-paragrafu 2, għal skopijiet ħlief dawk li jimmiraw lejn it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni tista’ tingħata safejn dan ikun permess mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru komunikanti. L-iproċessar jew l-iżvelar ta’ reġistrazzjonijiet riċevuti permezz ta’ tali komunikazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru riċeventi għandhom ikunu permessi biss wara konsultazzjoni minn qabel tal-Istat Membru komunikanti u dan suġġett għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru riċeventi.

4.      Tista’ tiġi żvelata biss id-data strettament neċessarja għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 3.”

8        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Komunikazzjoni tal-informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 sa 5 tiegħu:

“3.      Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 16 u 17, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata [...] jirrilaxxaw lill-EASA u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili l-informazzjoni fattwali rilevanti miksuba matul l-investigazzjoni tas-sikurezza, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) jew li tikkawża konflitt ta’ interess. L-informazzjoni li jirċievu l-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili għandha tkun protetta skont l-Artikolu 14 u l-atti legali applikabbli tal-Unjoni u taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

4.      L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata għandha tkun awtorizzata biex tinforma lill-vittmi, u lill-qraba tagħhom jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jew biex tagħmel pubblika kwalunkwe informazzjoni dwar l-osservazzjonijiet fattwali, il-proċedimenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza u possibbilment rapporti jew konklużjonijiet preliminari u/jew rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza, sakemm tali informazzjoni ma tikkompromettix l-għanijiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza u tkun totalment konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

5.      Qabel ma jagħmel l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 4 disponibbli għall-pubbliku, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-vittmi u lill-qraba tagħhom jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom b’mod li ma jikkompromettix l-objettivi tal-investigazzjoni tas-sikurezza.”

9        Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rapport tal-investigazzjoni”:

“1.      Kull investigazzjoni tas-sikurezza għandha tkun konkluża b’rapport fil-forma adatta skont it-tip u s-serjetà tal-aċċident jew l-inċident serju. Ir-rapport għandu jindika li l-uniku għan tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fil-ġejjieni mingħajr ma wieħed jagħti tort jew responsabbiltà. Ir-rapport, fejn xieraq, għandu jkollu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza.

2.      Ir-rapport għandu jipproteġi l-anonimità ta’ kwalunkwe individwu involut fl-aċċident jew fl-inċident serju.

3.      Fejn l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jagħtu lok għal rapporti qabel it-tkomplija tal-investigazzjoni, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ tieħu l-kummenti mill-awtoritajiet ikkonċernati, inkluża l-EASA u permezz tagħhom mid-detentur taċ-ċertifikat għad-disinn, mill-manifattur u mill-operatur ikkonċernati. Huma għandhom ikunu marbutin b’regoli applikabbli tas-segretezza professjonali fir-rigward tal-kontenuti tal-konsultazzjoni.

4.      Qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport finali, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tieħu l-kummenti mill-awtiritajiet konċernati, inkluż mill-EASA u permezz tagħhom, mid-detentur taċ-ċertifikat għad-disinn, mill-manifattur u mill-operatur konċernati, li għandhom ikunu marbutin b’regoli applikabbli tas-segretezza professjonali fir-rigward tal-kontenuti tal-konsultazzjoni. Fit-teħid ta’ tali kummenti, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għanda ssegwi l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata.

5.      L-informazzjoni koperta mill-Artikolu 15 għandha tkun inkluża f’rapport biss meta tkun rilevanti għall-analiżi tal-aċċident jew l-inċident serju. L-informazzjoni jew il-partijiet tal-informazzjoni li mhumiex rilevanti għall-analiżi m’għandhomx jiġu żvelati.

6.      L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tagħmel ir-rapport finali pubbliku fl-iqsar żmien possibli u, jekk ikun possibbli, mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tal-aċċident jew l-inċident serju.

7.      Jekk ir-rapport finali ma jistax isir pubbliku fi żmien 12-il xhar, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezzza għandha tirrilaxxa dikjarazzjoni interim tal-anqas f’kull anniversarju tal-aċċident jew l-inċident serju, u tagħti dettal tal-progress tal-investigazzjoni u kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza li titqajjem.

[...]”

 Illeġiżlazzjoni dwar lavvenimenti flavjazzjoni ċivili

10      Id-Direttiva 2003/42 ġiet imħassra u ssostitwita mir-Regolament Nru 376/2014.

11      Il-premessi 6, 12, 16, 20, 32 sa 34, 40 u 50 tar-Regolament Nru 376/2014 jistabbilixxu:

“(6)      Sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili għandha tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata u għandhom jittieħdu azzjonijiet xierqa għas-sikurezza abbażi tal-informazzjoni miġbura. [...]

[...]

(12)      L-awtoritajiet ta’ investigazzjoni tas-sikurezza u kwalunkwe entità inkarigata mir-regolazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni għandu jkollhom aċċess sħiħ għad-dettalji tal-okkorrenzi miġbura u għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna mill-Istati Membri tagħhom, sabiex jiddeċiedu liema inċidenti jeħtieġu investigazzjoni dwar is-sikurezza, kif ukoll biex jiġu identifikati l-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni u biex jissodisfaw l-obbligi ta’ superviżjoni tagħhom.

[...]

(16)      Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni, ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jinħażnu f’bażijiet ta’ data li għandhom ikunu kompatibbli maċ-Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni (ECCAIRS) (is-software użat mill-Istati Membri kollha u mir-Repożitorju Ċentrali Ewropew biex jaħżnu rapporti dwar l-okkorrenzi) [...]

[...]

(20)      L-objettiv tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-okkorrenzi għandu ikun il-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni. M’għandux jintuża biex jitfa’ ħtija jew responsabbiltà jew biex jistabbilixxi valuri ta’ komparazzjoni għall-prestazzjoni tas-sikurezza.

[...]

(32)      Il-pubbliku ġenerali għandu jiġi pprovdut b’informazzjoni ġenerali aggregata dwar il-livell ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri u fl-Unjoni. Dik l-informazzjoni għandha tkopri, b’mod partikolari, kemm tendenzi u analiżi li ġejjin mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri, kif ukoll informazzjoni f’forma aggregata dwar il-kontenut tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, u jista’ tiġi pprovduta permezz tal-pubblikazzjoni tal-indikaturi ta’ prestazzjoni dwar is-sikurezza (SPI).

(33)      Is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili hija stabbilita fuq il-bażi ta’ feedback u t-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u inċidenti. Ir-rappurtar tal-okkorrenzi u l-użu ta’ informazzjoni dwar l-okkorrenzi għat-titjib tas-sikurezza jiddependu fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn min jagħmel ir-rapport u l-entità responsabbli mill-ġbir u mill-valutazzjoni tal-informazzjoni. Dan jeħtieġ applikazzjoni stretta tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità. Il-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza mill-użu mhux xieraq, u l-aċċess tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew limitat biss għall-partijiet interessati li jipparteċipaw fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, għandhom l-iskop li jiżguraw id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex ikun possibbli li tittieħed azzjoniadatta u fil-ħin ta’ prevenzjoni u biex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza għandha tkun protetta b’mod adatt, u l-ġbir tagħha għandu jiġi żgurat billi tiġi garantita l-kunfidenzjalità tagħha, il-protezzjoni tas-sors tagħha u tiġi żgurata l-fiduċja tal-ħaddiema li jaħdmu fl-avjazzjoni ċivili fis-sistemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri adatti sabiex jiżguraw li dik l-informazzjoni miġbura permezz ta’ skemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi tinżamm kunfidenzjali, u li jiġi ristrett l-aċċess għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew. Ir-regoli nazzjonali dwar il-libertà tal-informazzjoni għandhom jieħdu kont tal-kunfidenzjalità meħtieġa ta’ informazzjoni bħal din. L-informazzjoni miġbura għandha tkun protetta b’mod adatt mill-użu jew mill-iżvelar mhux awtorizzat. Għandha tkun strettament użata għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni u ma għandhiex tiġi użata għall-attribuzzjoni ta’ ħtija jew ta’ responsabbiltà.

(34)      Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-impjegati jew tal-persunal b’kuntratt fis-sistema tar-rappurtar tal-okkorrenzi, l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandha tiġi protetta b’mod adatt u m’għandhiex tintuża għal finijiet oħra jekk mhux għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni. [...]

[...]

(40)      Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-individwi fis-sistema, it-trattament tar-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu organizzati b'mod li jissalvagwardjaw b’mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-identitá ta’ min jagħmel ir-rapport u ta’ persuni oħra msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi fir-rigward tat-trawwim ta’ ‘kultura ġusta’.[...]

[...]

(50)      Ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tal-individwi [...] għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Ir-regoli dwar l-aċċess għad-data kif stipulati fir-Regolament [Nru 1049/2001] għandhom ikunu rrispettati bis-sħiħ fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ħlief fir-rigward tat-tixrid tad-data u tal-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, li huma protetti b’regoli iktar stretti ta’ aċċess stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

12      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Għanijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura li l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza relatata mal-avjazzjoni ċivili tiġi rrappurtata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata.

Dan ir-Regolament jiżgura:

a)      li, fejn adatt, tittieħed azzjoni għas-sikurezza fi żmien adatt abbażi ta’ analiżi tal-informazzjoni miġbura;

b)      id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza billi jintroduċi regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar l-użu adatt tal-informazzjoni u permezz ta’ protezzjoni armonizzata u msaħħa tal-persuni li jagħmlu rapport u tal-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenzi; u

c)      li r-riskji ta’ sikurezza tal-avjazzjoni jitqiesu u jiġu trattati sew fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali.

2.      L-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti u mhux l-attribuzzjoni ta’ ħtija jew ta’ responsabbiltà.”

13      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

3)      ‘inċident’ tfisser ‘inċident’ fit-tifsira tar-Regolament [Nru 996/2010];

4)       ‘inċident serju’ tfisser ‘inċident serju’ fit-tifsira tar-Regolament [Nru 996/2010];

5)      ‘aċċident’ tfisser ‘aċċident’ fit-tifsira tar-Regolament [Nru 996/2010];

6)      ‘informazzjoni deidentifikata’ tfisser informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi li minnhom tkun tneħħiet id-data personali kollha bħall-ismijiet jew l-indirizzi ta’ persuni fiżiċi;

7)      ‘okkorrenza’ tfisser kwalunkwe avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista’ jipperikola lill-inġenju tal-ajru, lil min ikun qiegħed abbord jew lil kwalunkwe persuna oħra u jinkludi b’mod partikolari aċċident jew inċident serju;

[...]

9)      ‘anonimizzazzjoni’ tfisser it-tneħħija mir-rapporti dwar l-okkorrenzi tad-dettalji personali kollha, li jirrelataw ma’ min jagħmel ir-rapport u lill-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenza u kwalunkwe dettall, inkluż l-isem tal-organizzazzjoni(jiet) involut(i) fl-okkorrenza, li jista’ jiżvela l-identità ta’ min jagħmel ir-rapport, jew ta’ parti terza, jew li jwassal biex din l-informazzjoni tkun tinftiehem mir-rapport dwar l-okkorrenza;

[...]”

14      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni ”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

(a)      ir-rappurtar ta’ okkorrenzi li jipperikolaw jew li, jekk ma jiġux ikkoreġuti jew indirizzati, jipperikolaw inġenju tal-ajru, lil min ikun abbord, kwalunkwe persuna, tagħmir jew installazzjoni oħra li taffettwa l-operat tal-inġenju tal-ajru; u r-rappurtar ta’ informazzjoni rilevanti oħra relatata mas-sikurezza f’dak il-kuntest;

(b)      analiżi u azzjoni ta’ segwitu fir-rigward tal-okkorrenzi rrappurtati u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza;

(c)      il-protezzjoni ta’ professjonisti tal-avjazzjoni;

(d)      l-użu xieraq ta’ informazzjoni dwar is-sikurezzamiġbura;

(e)      l-integrazzjoni tal-informazzjoni fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew; u

[...]”

15      Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rappurtar obbligatorju”:

“1.      L-okkorrenzi li jistgħu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-sikurezza tal-avjazzjoni u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin għandhom jiġu rrappurtati mill-persuni elenkati fil-paragrafu 6 permezz tas-sistemi obbligatorji ta’ rappurtar dwar l-okkorrenzi skont dan l-Artikolu:

(a)      okkorrenzi marbutin mat-tħaddim tal-inġenju tal-ajru, bħal:

[...]

(iv)      okkorrenzi waqt it-titjira;

[...]

2.      Kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi sistema ta’ rappurtar obbligatorju sabiex tiffaċilita l-ġbir ta’ dettalji tal-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1.

3.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ rappurtar obbligatorju biex jiffaċilita l-ġbir ta’ dettalji tal-okkorrenzi, li jinkludu l-ġbir ta’ dettalji tal-okkorrenzi miġbura minn organizzazzjonijiet skont il-paragrafu 2.

[...]

6.      Il-persuni fiżiċi li ġejjin għandhom jirrappurtaw l-okkorrenzi msemmijin fil-paragrafu 1 permezz tas-sistema stabbilita f’konformità mal-paragrafu 2 mill-organizzazzjoni li tħaddem, tikkuntratta jew tuża s-servizzi ta’ min jagħmel ir-rapport jew, b’mod alternattiv, permezz tas-sistema stabbilita f’konformità mal-paragrafu 3 mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni tagħhom, jew mill-Istat li jkun ħareġ, ivvalida jew ikkonverta l-liċenzja tal-bdot,, jew permezz tas-sistema stabbilita f’konformità mal-paragrafu 4 mill-[EASA]:

(a)      il-bdot fil-kmand, jew, fil-każijiet fejn il-bdot fil-kmand ma jistax jirrapporta l-okkorrenza, kwalunkwe membru ieħor tal-ekwipaġġ fil-pożizzjoni ta’ kmand li jmiss ta’ inġenju tal-arju irreġistrat fl-Unjoni jew inġenju tal-ajru rreġistrat barra mill-Unjoni iżda li jintuża minn operatur li s-superviżjoni tal-operati tiegħu jiġu żgurati mill-Istat Membru jew operatur stabbilit fl-Unjoni;

(b)      persuna involuta fid-disinn, il-manifattura, il-manutenzjoni, l-ajrunavigabbiltà kontinwa, il-monitoraġġ, il-manutenzjoni jew il-modifika ta’ inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta’ Stat Membru jew tal-[EASA];

(c)      persuna li tiffirma ċertifikat tar-reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà, jew rilaxx għas-servizz rigward inġenju tal-ajru, jew kwalunkwe tagħmir jew parti minnu, taħt is-superviżjoni ta’ Stat Membru jew tal-[EASA];

(d)      persuna li twettaq funzjoni li teħtieġ li hija tkun awtorizzata minn Stat Membru bħala membru tal-persunal ta’ fornitur ta’ servizz tat-traffiku tal-ajru li huwa fdat bir-responsabbiltajiet relatati mas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jew bħala uffiċjal fis-servizz tal-informazzjoni dwar it-titjira;

(e)      persuna li twettaq funzjoni marbuta mal-ġestjoni tas-sikurezza ta’ ajruport [...]

[...]

7.      Il-persuni elenkati fil-paragrafu 6 għandhom jirrapportaw l-okkorrenzi fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu bl-okkorrenza, sakemm ċirkostanzi eċċezzjonali ma jħallux dan iseħħ.

8.      Wara n-notifika ta’ okkorrenza, kwalunkwe organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru li ma tkunx koperta mill-paragrafu 9 għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 6(3), id-dettalji tal-okkorrenzi miġbura f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li ssir jaf bl-okkorrenza.

[...]”

16      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Rappurtar volontarju”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, l-istabbiliment, minn kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, minn kull Stat Membru u mill- [EASA], ta’ sistema ta’ rapporti volontarji sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir, minn naħa, ta’ dettalji dwar l-okkorrenzi li jistgħu ma jkunux inġabru mis-sistema obbligatorja ta’ rappurtar previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza li titqies minn min jagħmel ir-rapport bħala periklu attwali jew potenzjali għas-sikurezza tal-avjazzjoni. L-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Istati Membri, l-[EASA] u l-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu sistemi oħra ta’ ġbir u ta’ proċessar tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex jinġabru dettalji tal-okkorrenzi li jistgħu ma jinqabdux mis-sistemi ta’ rappurtar imsemmija fl-Artikolu 4 u fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

17      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Ġbir u Ħżin ta’ informazzjoni”, jipprevedi:

“[...]

3.      Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta’ dettalji tal-okkorrenzi rrappurtati skont l-Artikoli 4 u 5 b’mod indipendenti.

It-trattament tar-rapporti għandu jsir bil-ħsieb li jiġi pprevenut l-użu ta’ informazzjoni għal finijiet oħra minbarra s-sikurezza, u għandu jissalvagwardja b’mod adatt il-kunfidenzjalità tal-identitá ta’ min jagħmel ir-rapport u ta’ dawk il-persuni msemmija fir-rapporti ta’ okkorrenza, bil-ħsieb li tiġi promossa ‘kultura ġusta.’

[...]

6.      L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jaħżnu r-rapporti dwar l-okkorrenzi mfasslin abbażi ta’ dettalji tal-okkorrenzi miġbura f’konformità mal-Artikoli 4 u 5 f’bażi tad-data nazzjonali.

[...]”

18      L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kwalità u kontenut tar-rapporti dwar l-okkorrenzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Il-bażijiet tad-data imsemmijin fil-paragrafi 5, 6 u 8 tal-Artikolu 6 għandhom jużaw formati li huma:

a)      standardizzati biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni; u

b)      kompatibbli mas-software ta’ ECCAIRS [...]

[...]”

19      L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Repożitorju Ċentrali Ewropew”, jipprevedi b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li l-Kummissjoni għandu jkollha l-ġestjoni ta’ Repożitorju Ċentrali Ewropew biex jaħżen ir-rapporti kollha ta’ okkorrenza miġbura fl-Unjoni u li kull Stat Membru għandu jaġġorna r-Repożitorju Ċentrali Ewropew permezz tat-trasferiment fih tal-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6) tal-istess regolament.”

20      L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Skambju ta’ informazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“L-Istati Membri u l-[EASA] għandhom jipparteċipaw fi skambju ta’ informazzjoni, billi l-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data ta’ rappurtar rispettivi tagħhom tkun disponibbli għall-awtoritajiet Repożitorju Ċentrali Ewropew.

Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi għandhom jiġu trasferiti fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew mhux aktar tard minn 30 jum wara li jiddaħħlu fil-bażi tad-data nazzjonali.

Ir-rapporti ta’ okkorrenza għandhom jiġu aġġornati b’informazzjoni addizzjonali relatata mas-sikurezza, kull meta dan ikun meħtieġ.

[...]”

21      L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disseminazzjoni ta’ informazzjoni maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe entità li tiġi fdata biex tirregola s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jew kwalunkwe awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza fi ħdan l-Unjoni għandu jkollha aċċess sigur u sħiħ online għall-informazzjoni dwar l-okkorrenzi miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

L-informazzjoni għandha tintuża f’konformità mal-Artikoli 15 u 16.”

22      L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Analiżi u segwitu tal-okkorrenzi fuq livell nazzjonali”, huwa fformulat kif ġej:

“[...]

9.      Fejn din tkun disponibbli, l-informazzjoni relatata mal-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi individwali jew il-gruppi ta’ okkorrenzi miksuba skont dan l-Artikolu għandha tiġi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 8(2) u (3), fi żmien xieraq u sa mhux aktar tard minn xahrejn wara l-ħażna tagħha fil-bażi tad-data nazzjonali.

10.      L-Istati Membri għandhom jużaw informazzjoni miksuba mill-analiżi tar-rapporti ta’ okkorrenza biex jidentifikaw azzjoni ta’ rimedju li għandha tittieħed, skont il-każ, fi ħdan il-Programm Statali tas-Sikurezza.

11.      Sabiex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-livell tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, kull Stat Membru għandu jippubblika analiżi dwar is-sikurezza mill-inqas darba fis-sena. L-analiżi dwar is-sikurezza:

a)      għandu jkun fiha informazzjoni aggregata u anonimizzata dwar it-tip ta’ okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza rrappurtata permezz tas-sistemi nazzjonali ta’ rappurtar obbligatorju u volontarju;

b)      għandha tidentifika x-xejriet;

c)      għandha tidentifika l-azzjoni meħuda mill-Istat Membru.

12.      L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll rapporti ta’ okkorrenzi anonimizzati u eżiti tal-analiżi tar-riskju.”

23      Skont l-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni”:

“1.      L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, u l-[EASA] għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi li dawn irċevew skont l-Artikoli 4, 5 u 10.

Kull Stat Membru, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, jew l-[EASA] għandhom jipproċessaw id-data personali biss sal-punt meħtieġ għall-fini ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)].

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fl-Artikoli 12, 14 u 15 tar-Regolament [Nru 996/2010], l-informazzjoni li tkun ġejja mir-rapporti tal-okkorrenzi għandha tintuża biss għall-fini li għaliha tkun inġabret.

L-Istati Membri, l-[EASA] u l-organizzazzjonijiet ma għandhomx jagħmlu disponibbli jew jużaw l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi:

a)      sabiex jattribwixxu ħtija jew ta’ responsabbiltà, jew;

b)      għal kwalunkwe fini ieħor minbarra l-manutenzjoni jew it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

[...]”

24      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Protezzjoni tas-sors ta’ informazzjoni”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda dettall personali, ma għandu jiġi rreġistrat fil-bażi tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(6). Tali informazzjoni deidentifikata għandha tkun disponibbli għall-partijiet rilevanti kollha, pereżempju biex tippermetti li huma jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.”

25      L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta’ data personali”, jinkludi l-paragrafu 1 li huwa fformulat kif ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 10 u 11, li jistabbilixxu regoli iktar stretti ta’ aċċess għad-data u għall-informazzjoni miżmuma fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament [Nru 1049/2001].”

 Iddritt Olandiż

 IlLiġi dwar irReklamar talAmministrazzjoni

26      Id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi kien irregolat, għal dak li jikkonċerna t-tilwima fil-kawża prinċipali, mill-Wet houdende regelen betreffende de openbaarheid van bestuur (il-Liġi li Tirregola dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni), tal‑31 ta’ Ottubru 1991 (Stb. 1991, Nru 703, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni”).

27      L-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar ir-reklamar tal-amministrazzjoni kien jipprevedi:

“Fit-twettiq tal-missjoni tagħha, awtorità amministrattiva għandha tipprovdi informazzjoni skont din il-liġi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti minn liġijiet oħra, billi tibbaża ruħha fuq l-interess ġenerali tal-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.”

28      L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi kien jistabbilixxi:

“1.      Kull persuna tista’ tagħmel talba għal informazzjoni f’dokumenti relatati ma’ kwistjoni amministrattiva lil entità amministrattiva jew lil istituzzjoni, dipartiment jew kumpannija li tiffunzjona taħt l-awtorità ta’ entità amministrattiva.

2.      Fit-talba , l-applikant għandu jispeċifika l-kwistjoni amministrattiva, jew id-dokument relatat magħha, li dwarha min jagħmel it-talba jixtieq jikseb l-informazzjoni.

3.      L-applikant ma għandux għalfejn jiddikjara xi interess meta jagħmel it-talba.

[...]

5.      Talba għal informazzjoni għandha tintlaqa’ bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11.”

29      L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Il-provvista ta’ informazzjoni skont din il-liġi lanqas ma sseħħx meta l-interess ta’ din il-provvista ma jkunx jipprevali fuq l-interessi li ġejjin:

a.      ir-relazzjonijiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma’ Stati oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

[...]

(d)      l-ispezzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza mill-awtoritajiet amministrattivi;

(e)      Ir-rispett għall-privatezza

[...]”

 Il-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru

30      L-Artikolu 7.1(1) tal-Wet houdende algemene regeling met betrekking tot het luchtverkeer (il-Liġi li Tistabbilixxi Regoli Ġenerali fir-rigward tan-Navigazzjoni bl-Ajru) tat‑18 ta’ Ġunju 1992 (Stb. 1992, Nru 368), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru”), kienet tipprevedi:

“L-okkorrenzi għandhom jiġu nnotifikati lill-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ambjent.”

31      L-Artikolu 7.2(1) tal-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru kien ifformulat kif ġej:

“Data miksuba minn notifika msemmija fl-Artikolu 7.1(1) jew irċevuta minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bħala risposta għal notifika simili f’dak l-Istat Membru ma hijiex pubblika.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża u ddomandi preliminari

32      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Jannar 2018, l-impriżi RTL talbu lill-minister van Justitie en Veiligheid (il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) il-komunikazzjoni, skont il-Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni, ta’ ġabra ta’ informazzjoni relatata mal-qerda ta’ inġenju tal-ajru mikrija mill-kumpannija Malaysia Airlines, li twettaq titjira bil-kodiċi IATA (International Air Transport Association) MH17 u li tgħaqqad lil Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) ma’ Kuala Lumpur (il-Malasja) (iktar ’il quddiem il-“MH17”). Din il-qerda seħħet fis‑17 ta’ Lulju 2014, filwaqt li l-MH17 kien qiegħed jaqsam il-parti tal-ispazju tal-ajru Ukrain li tinsab fuq ir-Reġjun ta’ Donetsk, li jinsab fil-Lvant tal-Ukraina. Permezz tat-talba tagħha, li kienet tirrigwarda b’mod partikolari kategorija ta’ dokumenti identifikati bħala “ir-rapporti rreġistrati fl-ECCAIRS [matul] is-sena 2014 [u] li jikkonċernaw l-Ukraina” (iktar ’il quddiem ir-“rapporti tal-ECCAIRS”), l-impriżi RTL kienu fittxew li jirċievu informazzjoni dwar dak li l-awtoritajiet Olandiżi kienu jafu dwar din l-okkorrenza.

33      Il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà bagħat il-parti ta’ din it-talba dwar ir-rapporti tal-ECCAIRS lill-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ġestjoni tal-Ilma. Wara li għamel tfittxija fid-database Olandiża, dan ikkonstata li tliet rapporti dwar ġrajjiet li seħħew fl-ispazju tal-ajru Ukrain matul is-sena 2014 kienu nħażnu hemmhekk mill-awtorità Olandiża kompetenti. Min-naħa l-oħra, huwa ma eżaminax jekk rapporti oħra dwar dan is-suġġett kinux inħażnu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra fid-database nazzjonali rispettiva tagħhom kif ukoll fir-repożitorju ċentrali Ewropew.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2018, il-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ġestjoni tal-Ilma ċaħad l-imsemmija talba sa fejn din kienet tirrigwarda r-rapporti tal-ECCAIRS. Huwa mmotiva din id-deċiżjoni, essenzjalment, billi rrefera għall-eżistenza ta’ sistema speċjali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar li tirriżulta mir-Regolament Nru 376/2014 u li hija l-unika waħda applikabbli għall-informazzjoni inkwistjoni, bl-esklużjoni tas-sistema ġenerali ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi stabbilita mil-Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni. Fil-fehma tiegħu, din is-sistema speċjali għandha bħala konsegwenza legali li l-informazzjoni li hija maħżuna fid-databases nazzjonali tista’, minn naħa, tiġi kkomunikata biss lill-persuni kkonċernati, kif iddefiniti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, tintuża biss għall-finijiet taż-żamma jew tat-titjib tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

35      L-impriżi RTL ippreżentaw rikors amministrattiv kontra l-imsemmija deċiżjoni.

36      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018, il-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ġestjoni tal-Ilma kkonferma d-deċiżjoni tiegħu tas‑17 ta’ April 2018, billi żied motiv ibbażat, essenzjalment, fuq l-Artikolu 7.2 tal-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru, li huwa intiż li jiżgura l-applikazzjoni korretta fid-dritt intern tar-Regolament Nru 376/2014 u għalhekk jostakola wkoll il-komunikazzjoni, lil persuna ġuridika bħall-impriżi RTL, ta’ informazzjoni dwar id-distruzzjoni fl-ajru tal-MH17.

37      L-impriżi RTL għalhekk ippreżentaw rikors kontenzjuż quddiem ir-rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi taċ-Ċentru, il-Pajjiżi l-Baxxi).

38      B’deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2019, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-impriżi RTL bħala infondat.

39      Fil-kuntest tal-appell li huma ppreżentaw quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, l-impriżi RTL isostnu, b’mod partikolari, li r-Regolament Nru 376/2014 u l-Artikolu 7.2 tal-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma jistabbilixxu sistema speċjali ta’ kunfidenzjalità jew ta’ projbizzjoni ta’ żvelar li għandha bħala konsegwenza legali li ċċaħħadhom, b’mod komplet u assolut, mill-possibbiltà li huma għandhom, skont is-sistema ġenerali ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi prevista mil-Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni, li tikseb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qerda fl-ajru tal-MH17. Ċertament, l-analiżi tal-kliem tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, tal-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu u tal-għanijiet imfittxija minnu jidher li jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi sistema ta’ kunfidenzjalità speċifika fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Madankollu, din is-sistema ta’ kunfidenzjalità ma timponix projbizzjoni kompleta u assoluta tal-iżvelar tal-informazzjoni li taqa’ taħtha.

40      Sussidjarjament, l-impriżi RTL huma tal-fehma li, anki jekk jiġi aċċettat li l-imsemmija sistema ta’ kunfidenzjalità hija applikabbli bl-esklużjoni ta’ kull sistema oħra, xorta waħda għandu jiġi interpretat b’osservanza tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Għalhekk jibqa’ possibbli, għal impriżi li joperaw fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni, li jiksbu l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni li tinvolvi interess ġenerali importanti, bħalma huwa l-każ ta’ dawk li jikkonċernaw l-okkorrenza katastrofika li kkostitwixxiet il-qerda fl-ajru tal-MH17.

41      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-portata tas-sistema ta’ kunfidenzjalità stabbilita mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, dwar il-kompatibbiltà miegħu tas-sistema speċjali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar stabbilita mil-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru kif ukoll dwar ir-rabta ta’ dawn iż-żewġ sistemi mas-sistema ġenerali ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi prevista, fid-dritt intern, mil-Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni.

42      F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis, b’mod partikolari, li l-analiżi tad-Direttiva 2003/42 u tar-Regolament Nru 376/2014 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk dawn l-atti jimponux, jippermettux jew għall-kuntrarju jeskludu projbizzjoni kompleta u assoluta ta’ żvelar ta’ informazzjoni li għaliha japplikaw id-diversi sistemi ta’ kunfidenzjalità li huma jistabbilixxu. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tagħhom kif ukoll il-premessi li jistgħu jiċċaraw il-portata tagħhom jidher li jsemmu, fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Olandiża, in-neċessità li tiġi żgurata kunfidenzjalità “approprjata” jew “adegwata” għal din l-informazzjoni. Barra minn hekk, huma kienu jirreferu kultant għall- “informazzjoni” rċevuta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, xi drabi għall-“informazzjoni sensittiva” miżmuma minnhom u xi drabi għall-“informazzjoni dwar l-avvenimenti” li jistgħu jippreżentaw riskju għas-sikurezza tal-avjazzjoni, mingħajr ma jippreċiżaw espliċitament dak li jkopru dawn il-kunċetti differenti u lanqas kif dawn huma artikolati bejniethom.

43      L-imsemmija qorti tqis, barra minn hekk, li dawn is-sistemi differenti għandhom jiġu interpretati fid-dawl, minn naħa, tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni li l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB jiggarantixxu b’mod ġenerali lil kull persuna u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet u tar-rwol speċifiku ta’ “kelb tal-kustodja” li t-tieni wieħed minn dawn l-artikoli jirrikonoxxi lill-organi tal-istampa, kif fakkret il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2016:1108JUD001803011).

44      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-eventwali inkompatibbiltà tal-Liġi dwar in-Navigazzjoni bl-Ajru mar-Regolament Nru 376/2014, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija tqis li, jekk is-sistema speċjali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar prevista minn din il-liġi kellha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mar-Regolament Nru 376/2014 u, konsegwentement, bħala inapplikabbli, il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ġestjoni tal-Ilma ċaħad it-talba tal-impriżi RTL għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Liġi dwar ir-Reklamar tal-Amministrazzjoni. Issa, anki jekk din il-liġi ma hijiex intiża li tiżgura t-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni u anki jekk dan tal-aħħar ma jarmonizzax, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti amministrattivi fi ħdan l-Istati Membri, hija xorta waħda għandha tiġi interpretata wkoll, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tas-sistema ta’ kunfidenzjalità stabbilita mir-Regolament Nru 376/2014, kif barra minn hekk tfakkar fil-premessa 33 ta’ dan tal-aħħar.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      X’tifsira għandha tingħata lil ‘dettalji tal-okkorrenzi’ u ‘kunfidenzjalità’ fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-[Regolament Nru 376/2014] u fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-[Karta] u fl-Artikolu 10 tal-KEDB?

2.      Fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-[Karta] u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompatibbli ma’ regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ebda informazzjoni rċevuta wara okkorrenzi nnotifikati ma tista’ tiġi ppubblikata?

3.      Jekk għat-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tapplika sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar li abbażi tagħha l-informazzjoni ma tiġix żvelata sakemm l-iżvelar tagħha ma jkunx jipprevali fuq l-interessi involuti minħabba, pereżempju, ir-relazzjonijiet ma’ Stati oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ispezzjoni, il-kontroll u s-sorveljanza minn awtoritajiet amministrattivi, ir-rispett tal-ħajja privata u l-fatt li għandu jiġi evitat li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiġu vantaġġati jew żvantaġġati b’mod sproporzjonat?

4.      Jagħmel differenza, fl-applikazzjoni tas-sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar, il-fatt li l-informazzjoni tkun inkluża fid-database nazzjonali jew meħuda minn rapporti, jew tkun dwar dawn ir-rapporti, u tkun tinsab f’dokumenti oħra, bħal pereżempju dokumenti ta’ gwida?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel u ttieni domanda

46      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, moqri fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar “avveniment” relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità li għandha bħala konsegwenza li la l-pubbliku, u lanqas impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, ma għandhom dritt jaċċedu għaliha.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha. Din għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2022, Senatsverwaltung für Inneres und Sport, C‑646/20, EU:C:2022:879, punt 40).

48      Barra minn hekk, kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqegħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta dispożizzjoni ta’ tali att tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi din id-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju pjuttost milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tagħha miegħu (sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 77, kif ukoll tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 70).

49      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jimponi, fost l-oħrajn, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar l-okkorrenzi li huma jirċievu skont l-Artikoli 4, 5 u 10 ta’ dan ir-regolament.

50      Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) sa (3) u (6) sa (8) tar-Regolament Nru 376/2014 kif ukoll mill-Artikolu 5(1) sa (3) u (7) ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti (3) sa (5) u (7) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, l-“informazzjoni”, fis-sens tal-istess regolament, tinkludi l-“informazzjoni” kollha li tinġabar, tkun xi tkun il-forma, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, permezz tas-sistemi ta’ notifika u ta’ rappurtar previsti fl-ewwel tnejn minn dawn it-tliet artikoli, dwar okkorrenzi li jipperikolaw jew jistgħu jipperikolaw inġenju tal-ajru, l-okkupanti tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra, kemm jekk inċidenti serji jew aċċidenti. Kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 376/2014, din l-informazzjoni tinkludi wkoll, b’mod iktar wiesa’, l-“informazzjoni dwar dawn l-avvenimenti” maħżuna, fi kwalunkwe forma, fir-repożitorju ċentrali Ewropew u fid-databases nazzjonali rispettivament imsemmija fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 6(6) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-“evalwazzjoni”, il-“analiżi” u l-“monitoraġġ” li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 13(9) tal-imsemmi regolament, kif ukoll dik relatata mal-“miżuri korrettivi” li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 13(10) tal-istess regolament.

51      Konsegwentement, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 japplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-informazzjoni kollha relatata mal-okkorrenzi miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew mill-EASA skont l-Artikoli 4, 5 jew 10 ta’ dan ir-regolament. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi kemm l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara n-notifika ta’ okkorrenza li qiegħda jew li tista’ tipperikola inġenju tal-ajru, l-okkupanti tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra għajr informazzjoni oħra maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali u fir-repożitorju ċentrali Ewropew, b’mod partikolari dik inkluża fir-rapporti u f’dokumenti jew mezzi oħra mfassla jew kostitwiti minn dawk l-awtoritajiet wara tali notifika.

52      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 376/2014 jippreċiża l-portata legali tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li tiegħu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae. Għalhekk, dan il-paragrafu 2 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza li jinsabu fl-Artikoli 12, 14 u 15 tar-Regolament Nru 996/2010, l-informazzjoni meħuda mir-rapporti tal-okkorrenzi għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun inġabret. Barra minn hekk, konformement mat-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu (2), l-Istati Membri ma għandhomx iqiegħdu għad-dispożizzjoni u ma jużawx l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi għall-attribuzzjoni ta’ ħtija jew ta’ responsabbiltà u, b’mod iktar wiesa’, għal kwalunkwe għan ieħor għajr iż-żamma jew it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

53      Minkejja li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 376/2014 jirreferi, b’mod ġeneriku, “għall-fini li għaliha [tali informazzjoni] tkun inġabret”, mill-analiżi ta’ dan ir-regolament kollu jirriżulta li dawn il-finijiet huma relatati, fir-realtà, maż-żamma u mat-titjib tas-sikurezza fl-avjazzjoni, imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 13(10) tal-imsemmi regolament juru, b’mod ċar u koerenti, li din l-informazzjoni tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni u tintuża biss għal finijiet li, b’xi mod jew ieħor, jaqgħu taħt din iż-żamma jew dan it-titjib, bħal, pereżempju, l-identifikazzjoni tar-riskji li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-avjazzjoni, il-monitoraġġ ta’ dawn ir-riskji, l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jirrimedjaw għal dan jew ukoll il-protezzjoni tal-professjonisti tas-settur tal-avjazzjoni ċivili. Barra minn hekk, dawn l-aħħar tliet dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 376/2014 u l-Artikolu 9(1) tiegħu juru li l-mekkaniżmi kollha li ġew stabbiliti bl-għan li jiġu rregolati l-aspetti differenti tal-ipproċessar tal-imsemmija informazzjoni, bħan-notifika tagħha, il-ħażna tagħha, l-evalwazzjoni tagħha u l-analiżi tagħha, jew ukoll l-iskambju tagħha, huma kollha intiżi sabiex jikkontribwixxu għaż-żamma u għat-titjib tas-sikurezza fis-settur tan-navigazzjoni bl-ajru ċivili.

54      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li dan għandu l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jtejjeb is-sikurezza fl-avjazzjoni fl-Unjoni billi jiggarantixxi li l-informazzjoni rilevanti dwar l-avjazzjoni ċivili fil-qasam tas-sikurezza tiġi nnotifikata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata, imxerrda u analizzata.

55      It-tieni nett, l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 376/2014 kif ukoll il-premessi 6, 12, 20, 33, 34 u 40 ta’ dan ir-regolament jikkonfermaw li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jikkostitwixxi element kemm ċentrali kif ukoll neċessarju tas-sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll stabbilita minnu sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. Dan l-obbligu ta’ kunfidenzjalità huwa ta’ natura stretta u japplika għall-informazzjoni kollha li tinġabar jew tiġi stabbilita għal dan l-għan mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-imsemmi obbligu għandu bħala korollarju l-projbizzjoni li tali informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni jew li tintuża għal finijiet oħra tkun xi tkun.

56      It-tielet nett, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 376/2014, filwaqt li ma jikkonċernawx direttament it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-użu tal-informazzjoni inkwistjoni, għandhom, evidentement, l-għan u l-konsegwenza li jiżguraw l-effettività tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament billi jsaħħu l-projbizzjoni, li tirriżulta minn dan, li din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni jew li tintuża għal finijiet differenti minn dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament.

57      B’mod partikolari, mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 376/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 50 tiegħu, jirriżulta b’mod ċar li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, kif previst mir-Regolament Nru 1049/2001, ma japplikax fir-rigward tal-imsemmija informazzjoni. Fil-fatt, dawn huma suġġetti, b’mod esklużiv, għar-regoli iktar stretti stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 376/2014.

58      Ir-raba’ nett, l-analiżi tar-regolamenti l-oħra applikabbli fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, li għalihom ir-Regolament Nru 376/2014 jirreferi diversi drabi, tikkonferma, hija wkoll, in-natura kemm ġenerali kif ukoll stretta tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament.

59      Għalhekk, ir-Regolament 2018/1139, li għandu l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jistabbilixxi u jżomm livell uniformi għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, jipprevedi, fl-Artikolu 72(1) u (5) tiegħu, li l-informazzjoni kollha li tista’ tinġabar, tiġi analizzata u skambjata mill-Kummissjoni, l-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandha tiġi mxerrda u użata limitatament għal dak li huwa “strettament meħtieġ” sabiex jintlaħaq dan l-għan. Barra minn hekk, l-Artikolu 72(6) tal-imsemmi regolament jimponi fuq dawn l-entitajiet differenti l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-kunfidenzjalità xierqa ta’ din l-informazzjoni, bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità “iktar stretti” previsti, fost oħrajn, mir-Regolament Nru 376/2014. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 119 tar-Regolament 2018/1139 ifakkar, essenzjalment, li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax għall-informazzjoni li tinġabar jew tiġi stabbilita skont ir-Regolament Nru 376/2014.

60      B’mod koerenti, ir-Regolament Nru 996/2010, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu, japplika b’mod parallel mar-Regolament Nru 376/2014 fil-preżenza ta’ aċċidenti jew inċidenti serji li jinvolvu inġenju tal-ajru li għandu jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni ta’ sikurezza, jipprevedi, essenzjalment, fl-Artikolu 14(1) u (2) tiegħu, li l-informazzjoni sensittiva miġbura fir-rigward ta’ dawn l-aċċidenti jew ta’ dawn l-inċidenti serji fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ sikurezza li għaliha dawn iwasslu għandha tibbenefika minn “protezzjoni” paragunabbli mal-“kunfidenzjalità” prevista mir-Regolament Nru 376/2014, fis-sens li ma jistgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew jintużaw għal finijiet oħra għajr dawk relatati ma’ din l-investigazzjoni jew, f’ċerti każijiet, mat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Mill-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 996/2010 jirriżulta wkoll li, meta l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni dwar is-sikurezza tikkomunika ċerta informazzjoni sensittiva lill-EASA jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili, għal finijiet ta’ titjib tas-sikurezza fl-avjazzjoni, l-imsemmija informazzjoni għandha tibqa’ protetta kontra kull tqegħid għad-dispożizzjoni jew użu għal finijiet oħra.

61      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, mill-kuntest tiegħu u mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-informazzjoni kollha miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar “avveniment” relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, kif iddefinit mir-Regolament Nru 376/2014, hija suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità li għandha l-konsegwenza li l-pubbliku ma għandux dritt jaċċedi għaliha taħt kwalunkwe forma li tkun.

62      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar l-użu tal-kliem “approprjat” u “adegwat” mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-premessi 6, 33, 34 u 40 tar-Regolament Nru 376/2014, kif ukoll f’uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari għall-Artikolu 1(1), għall-Artikolu 3(1) u għall-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jingħad ukoll li dawn it-termini ma jirreferux għall-“kunfidenzjalità” prevista mill-imsemmi regolament bħala tali, iżda għall-“protezzjoni” jew għall-“preservazzjoni” ta’ din il-kunfidenzjalità, għall-“miżuri” li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata din il-preservazzjoni jew din il-protezzjoni kif ukoll għall-“użu” tal-informazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, dawn ma għandhomx jinftiehmu fis-sens li l-imsemmija kunfidenzjalità hija biss ta’ natura relattiva, kif tipprevedi din il-qorti, iżda li għandha tiġi żgurata bil-mezzi kollha li jiggarantixxu li l-informazzjoni inkwistjoni tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet stabbilita.

63      Għaldaqstant, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar tali okkorrenza hija suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità kompleta u assoluta li għandha l-konsegwenza li l-pubbliku ma jkollux dritt jaċċedi għaliha fi kwalunkwe forma.

64      Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 japplika, b’mod partikolari, għal kull informazzjoni miġbura, fi kwalunkwe forma, minn awtorità nazzjonali kompetenti dwar okkorrenza bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri “aċċident”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 376/2014 u tar-Regolament Nru 996/2010 li għalih din id-dispożizzjoni tirreferi, kif ukoll għal kull informazzjoni inkluża, fi kwalunkwe forma, f’dokument jew mezz li ġie stabbilit jew ikkostitwit wara n-notifika ta’ din l-okkorrenza u li jinsab fid-database nazzjonali korrispondenti kif ukoll fir-repożitorju ċentrali Ewropew. Fil-fatt, tali okkorrenza tagħmel parti minn dawk li għandhom jagħtu lok għal notifika obbligatorja skont l-Artikolu 4(1)(a)(iv) tar-Regolament Nru 376/2014, peress li din hija okkorrenza li hija marbuta mat-titjira tal-inġenju tal-ajru kkonċernat u li tippreżenta riskju sinjifikattiv għas-sikurezza fl-avjazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi obbligu għandu jiġi osservat, fost l-oħrajn, fil-preżenza ta’ “rapporti tal-ECCAIRS”, bħal dawk imsemmija fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, filwaqt li jiġi osservat li l-ECCAIRS huwa, fil-prattika, is-software li jintuża mid-databases nazzjonali u mir-repożitorju ċentrali Ewropew li r-Regolament Nru 376/2014 jimponi l-implimentazzjoni tiegħu, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu.

65      Fit-tielet u l-aħħar lok, fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 fuq id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, fil-każ speċifiku fejn il-persuna li titlob aċċess għal informazzjoni li tibbenefika mis-sistema ta’ kunfidenzjalità prevista f’dan l-artikolu hija impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat dan li ġej.

66      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-atti jew id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li huma ta’ natura li jkollhom effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni sanċit fl-Artikolu 11 tal-Karta, u għalhekk li jillimitaw tali eżerċizzju, għandhom jiġu interpretati billi jittieħed inkunsiderazzjoni dan id-dritt (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297, punti 47 u 70).

67      F’dan il-każ, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, esprimew it-tlieta li huma l-opinjoni li, filwaqt li jipprovdu limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 kien josserva l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi ammessa.

68      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti minnha jekk kemm-il darba, l-ewwel nett, dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, it-tieni nett, ikunu josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u l-libertajiet inkwistjoni u, it-tielet nett, jekk kemm-il darba, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

69      Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rekwiżit li tali limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din timplika, b’mod partikolari, li l-bażi legali tagħha għandha tiddefinixxi l-portata tagħha b’mod ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Stat Lussemburgiż (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 76).

70      Issa, dan huwa l-każ tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 51 u 61 ta’ din is-sentenza.

71      F’dak li jirrigwarda, it-tieni, ir-rekwiżit relatat mal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt inkwistjoni, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 jissuġġetta għal sistema ġenerali u stretta ta’ kunfidenzjalità l-informazzjoni miġbura jew miżmuma, skont dan ir-regolament, mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-sikurezza fl-avjazzjoni. F’dan ir-rigward, dan l-Artikolu 15 huwa ta’ natura li jippreġudika d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni sanċit fl-Artikolu 11 tal-Karta sa fejn dan jippermetti b’mod ġenerali lil kull persuna, fil-paragrafu 1 tiegħu, u b’mod iktar speċifiku lill-mezzi tax-xandir, fil-paragrafu 2 tiegħu, li tirċievi informazzjoni.

72      Fil-fatt, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 jipprekludi lil kull persuna milli jkollha aċċess liberu għall-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, milli tieħu konjizzjoni tal-kontenut tagħha, u dan irrispettivament mill-okkorrenza li għaliha tirreferi din l-informazzjoni u għalhekk ikun xi jkun l-interess li din tista’ eventwalment tippreżenta għall-pubbliku.

73      Barra minn hekk, dan jipprekludi, b’mod iktar speċifiku, lill-impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni milli jkollhom aċċess għall-imsemmija informazzjoni għall-finijiet ġurnalistiċi, fil-kuntest tal-attivitajiet preparatorji ta’ riċerka, ta’ investigazzjoni u ta’ ġbir ta’ elementi li huma inerenti għal-libertà tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u għall-għan aħħari tal-attività ġurnalistika, li tikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku kif ukoll fl-inkorporazzjoni tad-dibattitu pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, C‑302/20, EU:C:2022:190, punti 68 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Madankollu, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 japplika biss għall-informazzjoni dwar l-aċċidenti, l-inċidenti serji jew okkorrenzi oħra li jistgħu jippreżentaw riskju sinjifikattiv għas-sikurezza tal-avjazzjoni li jinġabru jew jinżammu mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti skont dan ir-regolament. Għalhekk, dan ma jipprekludix lill-pubbliku u lill-impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni milli jfittxu li jinformaw ruħhom dwar dan is-suġġett minn sorsi oħra jew b’mezzi oħra.

75      Barra minn hekk, dan l-Artikolu 15 ma jippreġudikax, fih innifsu, il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-imsemmi Artikolu 15 ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta.

77      It-tielet nett, fir-rigward tar-rekwiżit li kull limitazzjoni għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u proporzjonat għal dan l-għan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għanijiet li tiġi żgurata s-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u, b’mod iktar wiesa’, li jiġi żgurat livell uniformi u għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa, jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 42 u 43, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes, C‑353/20, EU:C:2022:423, punt 67).

78      Barra minn hekk, jista’ jikkostitwixxi tali għan ta’ interess ġenerali dak li jikkonsisti, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-istabbiliment, f’settur ikkaratterizzat minn sitwazzjoni partikolari, ta’ sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll ibbażata fuq mekkaniżmi ta’ notifika ta’ informazzjoni mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati, ta’ analiżi kondiviża ta’ din l-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni kompetenti kif ukoll ta’ protezzjoni tal-imsemmija informazzjoni permezz ta’ obbligi ta’ kunfidenzjalità. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tali obbligi jistgħu jkunu neċessarji sabiex tinżamm il-fiduċja tal-persuni kkonċernati kif ukoll sabiex jiġu protetti kontra r-riskju ta’ żvelar tal-informazzjoni li huma għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti (ara, fir-rigward tas-settur tas-sorveljanza finanzjarja, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 31 sa 33 u 46, kif ukoll, fir-rigward tas-settur tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, huma tali għanijiet li fuqhom huwa bbażat kemm ir-Regolament Nru 376/2014 fl-intier tiegħu u, b’mod iktar speċifiku, is-sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll li dan ir-regolament jistabbilixxi kif ukoll l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxi element ċentrali u neċessarju ta’ din is-sistema.

80      Barra minn hekk, kif irrilevaw il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li, filwaqt li jiġi eskluż, b’mod ġenerali u strett, kull dritt, għall-pubbliku jew anki għal impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, li jaċċedi għall-informazzjoni kkonċernata, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għall-awtoritajiet jew għall-qrati nazzjonali kompetenti, li jiddeċiedu ex officio, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi u b’osservanza ta’ kundizzjonijiet stretti, li jagħmlu pubblika ċerta informazzjoni.

81      Għalhekk, qabelxejn, l-Artikolu 13(11) u (12) tar-Regolament Nru 376/2014, li għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, jawtorizza lill-Istati Membri jippubblikaw mhux biss rapporti intiżi sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar il-livell ġenerali ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili, b’mod partikolari permezz ta’ informazzjoni aggregata u anonimizzata, iżda wkoll rapporti ta’ okkorrenzi partikolari, bil-kundizzjoni li dawn ikunu anonimizzati.

82      Sussegwentement, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 huwa, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, bla ħsara għall-possibbiltà li l-Artikolu 14(3) u (4) tar-Regolament Nru 996/2010 jagħti lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti li jiddeċiedu li jiżvelaw, sa fejn dan ikun strettament neċessarju għal għan awtorizzat mil-liġi u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mid-dritt nazzjonali applikabbli, ċerta informazzjoni relatata ma’ aċċident jew inċident serju li jinvolvi ajruplan li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni ta’ sikurezza.

83      Fl-aħħar nett, u bl-istess mod, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 huwa bla ħsara għall-possibbiltà, għall-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni ta’ sigurtà, li tiddeċiedi, skont l-Artikolu 15(4) u (5) tar-Regolament Nru 996/2010, li tinforma lill-vittmi tal-aċċident jew tal-inċident serju kkonċernat kif ukoll lill-qraba tagħhom jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom, u li tippubblika kull informazzjoni dwar il-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll l-eventwali rapporti, konklużjonijiet jew rakkomandazzjonijiet preliminari li għalihom din il-proċedura tagħti lok. Barra minn hekk, din l-awtorità għandha, skont l-Artikolu 16 tal-istess regolament, l-obbligu li tippubblika r-rapport finali li għalih tagħti lok l-imsemmija proċedura.

84      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 81 sa 83 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu lill-pubbliku, u b’mod iktar speċifiku lill-impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni, ċerti possibbiltajiet li jirċievu informazzjoni ġenerali dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni fl-Unjoni kif ukoll informazzjoni relatata ma’ ċerti avvenimenti partikolari, fil-każijiet fejn l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali kompetenti jqisu li l-pubblikazzjoni jew l-iżvelar immirat ta’ din l-informazzjoni huwa ġġustifikat, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 għandu jitqies li huwa proporzjonat għall-għan imfittex minnha. Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li dan l-obbligu ma jipprekludix lill-pubbliku u lill-impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni milli jfittxu li jinformaw ruħhom minn sorsi oħra jew b’mezzi oħra, kif jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, dan ma jeskludix kull possibbiltà ta’ żvelar tal-informazzjoni inkwistjoni, fuq l-inizjattiva u taħt il-kontroll ta’ dawn l-awtoritajiet jew qrati. Għalhekk, jidher li, billi adotta r-Regolament Nru 376/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jistabbilixxi, u effettivament stabbilixxa, bilanċ ġust bejn l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, minn naħa, u d-diversi drittijiet u interessi pubbliċi u privati preżenti, min-naħa l-oħra.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, moqri fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar “avveniment” relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità li għandha bħala konsegwenza li la l-pubbliku u lanqas impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, ma għandhom dritt jaċċedu għaliha taħt kwalunkwe forma.

 Fuq ittielet u rraba' domanda

86      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

 Fuq lispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007, kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal4 ta’ Lulju 2018 moqri fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat li jfisser li:

l-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar “avveniment” relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 376/2014, kif emendat, hija suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità li għandha bħala konsegwenza li la l-pubbliku u lanqas impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, ma għandhom dritt jaċċedu għaliha taħt kwalunkwe forma.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.