Language of document : ECLI:EU:T:2013:273

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Mejju 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi — Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Rikors għad-danni — Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑187/11,

Mohamed Trabelsi,

Ines Lejri,

Moncef Trabelsi,

Selima Trabelsi,

Tarek Trabelsi,

inizjalment irrappreżentati minn A. Metzker, sussegwentement minn A. Tekari, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn G. Étienne u A. Vitro, sussegwentement minn G. Étienne, M. Bishop u M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bordes u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tat-Tuneżija, irrappreżentata minn W. Bourdon, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 40), u min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fit-Tuneżija matul ix-xhur ta’ Diċembru 2010 u Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-31 ta’ Jannar 2011 adotta, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, p. 62).

2        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprovdu:

“Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill afferma mill-ġdid is-solidarjetà ma’ u l-appoġġ għat-Tuneżija u l-poplu tagħha fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu demokrazija stabbli, l-istat tad-dritt, pluraliżmu demokratiku u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jadotta miżuri restrittivi kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin u li b’hekk qed icaħħdu l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin, u persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku m’għandu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness.

3.      L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)      meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom [...];

(b)      maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż magħmula li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

(c)      maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew ħlasijiet għal servizzi għaż-żamma jew manteniment ta’ rutina ta’ fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi; jew

(d)      meħtieġa għal spejjeż straordinarji […]”

4        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, “[i]l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness”.

5        Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, “[l]-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuni u entitajiet”.

6        Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perijodu ta’ 12-il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”

7        Fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kien jidher biss l-isem ta’ żewġ persuni fiżiċi, jiġifieri s-Sur Zine el‑Abidine Ben Hamda Ben Ali, ex President tar-Repubblika tat-Tuneżija, u martu, is-Sinjura Leïla Bent Mohammed Trabelsi.

8        Abbażi tad-“Deċiżjoni […] 2011/72 […], u b’mod partikolari [tal-]Artikolu 2(1) tagħha, flimkien mal-Artikolu 31(2) tat-[TUE]”, il-Kunsill adotta, fl-4 ta’ Frar 2011, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/79/PESK, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU L 31, p. 40, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kien jistabbilixxi li l-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72 kienet ġiet issostitwita minn lista ġdida. Din kienet tirrigwarda 48 persuna fiżika. Fir-raba’ linja ta’ din il-lista l-ġdida, fil-kolonna intitolata “Isem”, kien hemm imsemmi “Mohamed Ben Moncef Ben Mohamed TRABELSI”. Fil-kolonna intitolata “Informazzjoni identifikattiva”, kien hemm ippreċiżat: “Tuneżin, twieled Sabha-Lybie, fis-7 ta’ Jannar 1980, iben Yamina SOUIEI, amministratur ta’ kumpannija, miżżewweġ lil Inès LEJRI, jirresjedi fir-résidence de l’étoile du nord - suite B- is-7 sular - appt. Nru 25 - Centre urbain du nord - Cité El Khadra - Tunis, detentur ta’ CNI Nru 04524472”. Fl-aħħar nett, fil-kolonna intitolata “Raġunijiet”, kien indikat: “Il-persuna hija soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tal-kisba ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus”.

10      Id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tagħha, fid-data tal-adozzjoni tagħha.

11      Abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/72, fl-4 ta’ Frar 2011, jiġifieri fl-istess jum tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 1). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, dan ir-regolament ġie adottat, peress li l-miżuri stabbiliti bid-Deċiżjoni 2011/72 “[kienu] jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE, b’mod li kienet] meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom”.

12      L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 101/2011 essenzjalment kien itenni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/72. Barra minn hekk, dan ir-regolament kien jinkludi “Anness I”, identiku għall-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata.

13      Fis-7 ta’ Frar 2011, intbagħtet posta lil Mohamed Ben Moncef Ben Mohamed Trabelsi, sabiex tindikalu, fl-ewwel lok, li kienu ġew adottati miżuri restrittivi kontrih skont id-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, li huwa kellu l-possibbiltà li jippreżenta, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, talba intiża għall-ksib tal-awtorizzazzjoni li juża l-assi ffriżati sabiex jissodisfa bżonnijiet fundamentali jew iwettaq ċerti ħlasijiet, fit-tielet lok, li kien possibbli għalih li jressaq talba għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu quddiem il-Kunsill u, fir-raba’ lok, li kien possibbli għalih li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. Mid-dokumenti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li din il-posta ntbagħtet lura lill-Kunsill mingħajr ma kienet twasslet lid-destinatarju tagħha.

14      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU L 27, p. 11), minn naħa, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU L 32, p. 20), min-naħa l-oħra, tawwlu l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi previsti bid-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata, sal-31 ta’ Jannar 2013 u sal-31 ta’ Jannar 2014 rispettivament.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Marzu 2011, Mohamed Ben Moncef Ben Mohamed Trabelsi, martu, Ines Lejri u t-tliet ulied minorenni tagħhom, Moncef, Selima u Tarek (iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“ewwel rikorrent, it-tieni rikorrent, it-tielet rikorrent, ir-raba’ rikorrent u l-ħames rikorrent”) ippreżentaw din l-azzjoni. Huma talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        “tħassar” minn din id-deċiżjoni, minn naħa, isem l-ewwel u t-tieni rikorrenti kif ukoll dak ta’ omm l-ewwel rikorrent u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni tal-indirizz ta’ dan tal-aħħar;

–        “tawtorizza dritt ta’ risposta” favur l-ewwel u t-tieni rikorrenti;

–        “tipproteġi” lill-ħames rikorrent;

–        tordna lill-Kunsill sabiex “jerġa’ jeżamina t-test tiegħu u josserva l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza”;

–        “tissospendi t-test stabbilit mill-Kunsill”;

–        tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-ewwel rikorrent l-ammont ta’ EUR 150 000 bħala danni għad-dannu subit;

–        “tordna li l-Unjoni għandha tħallas l-ammont ta’ EUR 25 000 għall-ispejjeż”;

–        “tikkundanna lill-Istat sabiex iħallas l-ispejjeż li jitħallsu darba fejn hija [...] l-Qorti [Ġenerali] li għandha tiffissa l-ammont b’mod ekwu u billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu L 761-1 [tal-Kodiċi ta’ Ġustizzja Amministrattiva Franċiż]”.

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji. B’digriet tal-14 ta’ Lulju 2011, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħadha u rriżerva l-ispejjeż.

17      Fl-24 ta’ Ġunju 2011, ir-Repubblika tat-Tuneżija ppreżentat talba għal intervent. B’digriet tas-26 ta’ Settembru 2011, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-intervent tagħha, filwaqt li indika li l-kawża kellha tibbenefika, fir-rigward tagħha, minn trattament kunfidenzjali.

18      Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat talba għal intervent. B’digriet tas-26 ta’ Settembru 2011, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-intervent tagħha.

19      Fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Huwa talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Fis-17 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tippreżenta nota ta’ intervent. Min-naħa tar-Repubblika tat-Tuneżija, din ma ppreżentatx nota ta’ intervent fit-terminu li ngħatalha b’applikazzjoni tal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

21      Ir-rikorrenti ma ppreżentawx replika fit-terminu li ngħatalhom b’applikazzjoni tal-Artikolu 47(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu domanda.

23      Permezz ta’ atti rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Settembru 2012, fit-28 ta’ Settembru 2012 u fit-2 ta’ Ottubru 2012 rispettivament, il-Kummissjoni, ir-rikorrenti u l-Kunsill osservaw din it-talba.

24      Permezz ta’ atti rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru u fil-5 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill barra minn hekk ippreżenta offerti ta’ provi ġodda.

25      Is-sottomissjonijiet orali tar-rikorrenti u tal-Kunsill u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

26      Skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li dan ikun manifestament inammissibbli, hija tista’ tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

27      A fortiori, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kap ta’ talbiet jew meta, tkun xi tkun il-kawża, rikors jinkludi kap ta’ talbiet manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem, anki ex officio, din id-domanda preliminari u tirrispondi għaliha permezz ta’ sentenza (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2009, Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni, T‑225/07 u T‑364/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 217, u tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni, T‑246/09, punt 105).

28      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kapijiet ta’ talbiet ippreżentati mir-rikorrenti kif ukoll fuq l-ammissibbiltà tagħhom.

1.     F’dak li jirrigwarda l-portata u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

a)     Fir-rigward tal-portata tat-talbiet għal annullament

29      Hekk kif għadu kif tfakkar fil-punt 15 iktar ’il fuq, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. Barra minn hekk huma talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex “tħassar” minn din id-deċiżjoni, minn naħa, isem l-ewwel u t-tieni rikorrenti kif ukoll dak ta’ omm l-ewwel rikorrent, u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni tal-indirizz tal-ewwel rikorrent.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din l-aħħar talba hija, evidentement, koperta mit-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta mistoqsi fis-seduta dwar il-portata tat-talbiet imsemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, l-avukat tar-rikorrenti indika li l-klijenti tiegħu talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn din kienet tirrigwarda lill-ewwel rikorrent. Fil-proċess verbali tas-seduta ittieħdet nota ta’ dan.

b)     Fir-rigward tal-kwalità li tagħti interess ġuridiku lir-rikorrenti

32      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tistitwixxi proċeduri kontra atti indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment.

33      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda speċifikament lill-ewwel rikorrent. Għaldaqstant, dan għandu kull interess li jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn din tirrigwardah. Barra minn hekk, dan l-interess ġuridiku jippersisti sa llum peress li l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi previsti bid-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata, ġiet estiża.

34      Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra, jiġifieri, mart u l-ulied minorenni tal-ewwel rikorrent, la hemm lok li jiġi eżaminat il-locus standi tagħhom u, konsegwentement, lanqas l-interess ġuridiku tagħhom, peress li dawn ma humiex qegħdin jippreżentaw talbiet distinti minn dawk tal-ewwel rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 57, u tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punt 50).

2.     F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talbiet l-oħra

a)     Fir-rigward tat-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali tawtorizza “dritt ta’ risposta favur [l-ewwel u t-tieni rikorrenti]” u tipproteġi lill-ħames rikorrent

35      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali “tipproteġi” lill-ħames rikorrent.

36      Madankollu, ebda dispożizzjoni tat-Trattati u ebda prinċipju ma jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq tali talba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx fuq liema bażi legali bbażaw ruħhom.

37      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmija talba għandha tiġi miċħuda bħala mressqa quddiem qorti li manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tagħha.

38      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex “tawtorizza dritt ta’ risposta favur [l-ewwel u t-tieni rikorrenti]”. Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punt 36 iktar ’il fuq, din it-talba għandha tiġi miċħuda, hekk kif kien sostna l-Kunsill, bħala mressqa quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tagħha.

b)     Fir-rigward tat-talbiet għal ordni

39      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kunsill li “jerġa’ jeżamina t-test tiegħu u [li] josserva l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza”.

40      Madankollu, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni ta’ annullament mogħtija lilha mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex awtorizzata tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il-Kummissjoni, T‑266/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 78, u tad-9 ta’ Settembru 2010, Now Pharm vs Il-Kummissjoni, T‑74/08, Ġabra p. II‑4661, punt 19).

41      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex awtorizzata tieħu konjizzjoni tat-talbiet għal ordni msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, liema talbiet għaldaqstant għandhom jinċaħdu bħala manifestament inammissibbli.

c)     Fir-rigward tat-talbiet għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni

42      Skont l-Artikolu 278 TFUE:

“Il-Qorti tista’, […] jekk tikkonsidra li ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ l-att li jkun sar ir-rikors kontra tiegħu”.

43      Skont l-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni mressqa skont l-Artikolu 278 TFUE għandha tispeċifika, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza. Barra minn hekk, skont il-paragrafu (3) tal-istess Artikolu, din għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat.

44      F’dan il-każ, fir-rikors ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex “tissospendi t-test stabbilit mill-Kunsill”.

45      Fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, dan il-kap ta’ talbiet għandu jitqies li jikkorrispondi għal talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 278 TFUE. Madankollu, dan ma ġiex ippreżentat permezz ta’ att separat. Konsegwentement, anki għal din ir-raġuni biss, dan għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

d)     Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens

46      Biex jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors li jitlob kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandu jkollu l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-aġir li r-rikorrent jilmenta dwaru fil-konfront tal-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u l-preġudizzju li allegatament sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan il-preġudizzju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra p. II‑211, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-ewwel rikorrent l-ammont ta’ EUR 150 000 bħala danni.

48      Madankollu, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni f’dan is-sens fir-rikors u, ukoll, ta’ ħjiel li jinsabu f’dokumenti oħra tal-proċess, il-Qorti Ġenerali la tista’ tidentifika b’ċertezza n-natura eżatta tal-preġudizzju invokat mir-rikorrenti u lanqas ir-rabta kawżali li allegatament teżisti bejn l-aġir li r-rikorrenti jikkritikaw lill-Kunsill bih u dan il-preġudizzju. Barra minn hekk, ebda indikazzjoni mogħtija fir-rikors ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-aġir li r-rikorrenti jikkritikaw lill-Kunsill bih jikkorrispondi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ebda motiv ma jappoġġja, tal-inqas b’mod espliċitu, it-talbiet għal kumpens, liema talbiet jissemmew biss fl-aħħar punt tar-rikors, fejn jinsabu mniżżla t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn it-talbiet għal kumpens huma vvizzjati minn impreċiżjoni u, għal dan l-għan, għandhom jinċaħdu bħala manifestament inammissibbli.

e)     Fir-rigward tat-talbiet għall-kundanna għall-ħlas ta’ spejjeż li jitħallsu darba

49      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex “tikkundanna lill-Istat sabiex iħallas l-ispejjeż li jitħallsu darba fejn hija [...] l-Qorti [Ġenerali] li għandha tiffissa l-ammont b’mod ekwu u billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu L 761-1 [tal-Kodiċi ta’ Ġustizzja Amministrattiva Franċiż]”.

50      Madankollu, hekk kif irrileva l-Kunsill, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talbiet diretti kontra Stat u ppreżentati abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, Gómez Cobacho vs Spanja, T‑413/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 7).

51      Konsegwentement, it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jinċaħdu bħala li ġew ippreżentati quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tagħhom.

B –  Fuq il-kumplament tar-rikors

52      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti qajmu motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fit-tielet lok, fuq il-ksur ta’ drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-proprjetà, fir-raba’ lok, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, fil-ħames lok, fuq użu ħażin ta’ poter.

1.     F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata

53      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata minn awtorità li ma għandhiex kompetenza, peress li l-firmatarju tagħha ma kellux delega sabiex jiffirma b’mod regolari.

a)     Dispożizzjonijiet applikabbli

54      Skont l-Artikolu 16(9) TUE:

“Il-Presidenza tal-formazzjonijiet tal-Kunsill, minbarra dik ta’ l-Affarijiet Barranin, għandha tinżamm mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill skond sistema ta’ rotazzjoni ndaqs, fil-kondizzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 236 tat-[TFUE].”

55      Skont l-Artikolu 18(3) TUE:

“Ir-Rappreżentant Għoli jippresjedi l-Kunsill ta’ l-Affarijiet Barranin.”

56      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-1 ta’ Diċembru 2009, li temenda [tadotta] r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, p. 36):

“Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin għandu jkun ippresjedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni [Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà], li jista’, fejn meħtieġ, jiġi sostitwit mill-membru ta’ din il-konfigurazzjoni li tirrappreżenta l-Istat Membru li jeżerċita l-presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill.”

57      Minn dawn id-dispożizzjonijiet magħquda jirriżulta li l-awtorità kompetenti għall-iffirmar tal-atti adottati mill-formazzjoni tal-Kunsill inkarigata mill-affarijiet barranin hija, bħala prinċipju, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Madankollu, dan tal-aħħar jista’, fejn ikun hemm bżonn, jiġi ssostitwit mill-membru tal-imsemmija formazzjoni li jirrappreżenta l-Istat Membru li jeżerċita l-Presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill.

b)     Applikazzjoni għal dan il-każ

58      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill, f’laqgħa fil-formazzjoni tiegħu inkarigata mill-affarijiet barranin. Lanqas ma huwa kkontestat li, fl-4 ta’ Frar 2011, id-data tal-adozzjoni tagħha, János Martonyi serva fi ħdan il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fil-kwalità ta’ rappreżentant tal-Istat Membru li kellu l-Presidenza ta’ sitt xhur tal-Kunsill. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’din il-kwalità, huwa seta’ jissostitwixxi legalment lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u kien kompetenti sabiex jiffirma d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma kellu jiġġustifika, kif jallegaw ir-rikorrenti, li kellu delega għall-iffirmar.

59      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)     Fir-rigward tal-portata tal-motiv

60      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax l-obbligu ta’ motivazzjoni impost bl-Artikolu 3 tal-Liġi Franċiża Nru 79‑587, tal-11 ta’ Lulju 1979, dwar il-motivazzjoni tal-atti amministrattivi u t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-pubbliku (ĠURF tat-12 ta’ Lulju 1979, p. 1711). Skont dawn, din id-deċiżjoni kulma fil-fatt tagħmel huwa li tirriproduċi formula sterjotipata, li hija xi ħaġa li tmur kontra l-ġurisprudenza amministrattiva Franċiża.

61      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt imnissel mit-Trattat UE u mit-Trattat FUE, riżultat ta’ sors awtonomu, minħabba n-natura tiegħu ma jistax jiġi kkontestat b’mod ġudizzjarju minn kwalunkwe regola ta’ dritt nazzjonali mingħajr ma titpoġġa f’dubju l-bażi legali tal-Unjoni stess. Għalhekk, dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tiġi invokata b’mod utli insostenn ta’ rikors għal annullament dirett kontra att tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 1959, Stork vs L-Awtorità Għolja, 1/58, Ġabra p. 43, punt 4; tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. I-1125, punt 3, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, Ġabra p. I‑8015, punt 61).

62      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, insostenn ta’ dan ir-rikors, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva Franċiża li timponi li l-amministrazzjoni timmotiva wħud mill-atti tagħha.

63      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li żball imwettaq fl-indikazzjoni tat-test applikabbli ma għandux jikkawża l-inammissibbiltà tal-ilment imqajjem, meta s-suġġett u s-sunt ta’ dan l-ilment joħorġu b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1969, X vs Il-Bord tal-Verifika, 12/68, Ġabra p. 109, punt 7; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑171/99, Ġabra p. II‑2967, punt 36, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 65). Minn dan isegwi li rikorrent lanqas ma huwa obbligat jindika, b’mod espliċitu, ir-regola ta’ dritt speċifika li fuqha huwa bbaża l-ilment tiegħu, bil-kundizzjoni li l-argument tiegħu jkun ċar biżżejjed sabiex il-parti avversarja u l-qorti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidentifikaw din ir-regola mingħajr diffikultà (sentenza SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II‑1291, punt 47). Konsegwentement u minkejja r-riferiment żbaljat għal dispożizzjoni tad-dritt Franċiż, il-motiv imsemmi fil-punt 60 iktar ’il fuq għandu jinftiehem fis-sens li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet li jsostnu, fid-dawl tan-natura sterjotipata tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tonqos milli tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġudizzjarji tal-Unjoni impost fl-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tar-rikors intużat matul is-seduta mill-avukat tar-rikorrenti.

b)     Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors

64      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE: “[l]-atti legali [adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni] għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”.

65      Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih ġie adottat. Hija għandha turi, b’mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedine du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew terminu li fihom hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 66 iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi, bħala prinċipju, ma jistax jikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata. Bla ħsara għar-riżervi msemmija fil-punt ta’ qabel dan, tali miżura għandha, għall-kuntrarju, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 66 iktar ’il fuq, punt 143).

69      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tindika, b’mod inekwivoku, il-kunsiderazzjonijiet ta’ dritt li fuqhom hija tistrieħ. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet legali li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni jagħmlu riferiment għad-“Deċiżjoni 2011/72 […], u b’mod partikolari [għall-] Artikolu 2(1) tagħha, [moqri flimkien] mal-Artikolu 31(2) [TUE]”. Min-naħa tiegħu, l-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel referenza għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72.

70      Barra minn hekk, mill-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mat-titolu stess ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-ewwel rikorrent kien suġġett għal miżuri restrittivi “fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija”, minħabba li dan kien “soġġett[...] għal investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tal-kisba ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus”. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt li fuq il-bażi tagħhom l-ewwel rikorrent kien suġġett għal iffriżar tal-assi għaldaqstant huma imsemmija bi kjarezza u preċiżjoni.

71      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, barra minn hekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx natura sterjotipata. Fil-fatt, huma ma għandhomx l-istess formulazzjoni bħal dik ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali. Barra minn hekk, dawn huma ċertament l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom, il-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġew suġġetti għal iffriżar tal-assi. Madankollu, huma jirrigwardaw is-sitwazzjoni konkreta tal-ewwel rikorrent, li, skont il-Kunsill, l-istess bħall-oħrajn, kien suġġett ta’ investigazzjoni ġudizzjarja mwettqa mill-awtoritajiet Tuneżini għal ħasil ta’ flus.

72      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi d-dikjarazzjoni tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkostitwixxu, skont l-awtur, il-bażi tagħha. Fi kliem ieħor, il-formulazzjoni tagħha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-Kunsill. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tosserva b’mod sħiħ ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta.

73      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     F’dak li jirrigwarda t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

74      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tosserva l-Artikolu 17(1) tal-Karta.

a)     F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà

75      L-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxi d-dritt għall-proprjetà. Madankollu, dan id-dritt ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 14, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 355) u, konsegwentement, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet.

76      F’dan il-każ, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata bl-għan li jiffriża l-assi miżmuma, b’mod partikolari, mill-ewwel rikorrent għal perijodu ta’ tnax-il xahar li jiġġeddu. Għal dan l-għan, il-Kunsill, abbażi tad-Deċiżjoni 2011/72, li l-Anness tagħha, fil-frattemp, kien ġie emendat bid-deċiżjoni kkontestata, adotta r-Regolament Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi kontra l-ewwel rikorrent, fil-forma ta’ ffriżar tal-assi tiegħu. Għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kkostitwixxiet stadju neċessarju u determinanti fil-proċess ta’ ffriżar tal-assi miżmuma mill-ewwel rikorrent, b’mod li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi, bħala tali, miżura li tillimita l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tal-ewwel rikorrent.

b)     F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li, jekk wieħed isegwihom, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tista’ tintlaqa’

77      L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minn naħa jipprevedi li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-[k]arta [tad-drittijiet fundamentali] għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

78      Minn dan l-artikolu jirriżulta li, sabiex titqies konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà għandha, fi kwalunkwe każ, tissodisfa tliet kundizzjonijiet.

79      L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 91). Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali.

80      It-tieni nett, il-limitazzjoni għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. Fost dawn l-għanijiet hemm dawk segwiti fil-kuntest tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE, jiġifieri l-appoġġ għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bl-għan primarju li jinqered il-faqar.

81      It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 26; Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punti 355 u 360). Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma tistax tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nold vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 14, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 355).

c)     F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-eżami tal-kundizzjonijiet imposti fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq

82      Skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, liema partijiet għandhom jiddelimitaw il-kuntest tat-tilwima, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 65; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2007, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni, T‑246/99, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 102, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie‑De‑Beukelaer, T‑160/08 P, Ġabra p. II‑3751, punt 65).

83      F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta għat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, huwa partikolarment neċessarju li wieħed jivverifika li l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq hija sodisfatta, u dan minkejja li ħadd mill-partijiet ma talab lill-Qorti Ġenerali sabiex twettaq tali verifika. Fil-fatt, jekk il-Qorti Ġenerali twettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra msemmija f’dawn il-punti mingħajr ma tkun wettqet din il-verifika, hija tirriskja li tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati.

d)     F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjoni imposta fil-punt 79 iktar ’il fuq

 Fir-rigward ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tikkonforma mal-previżjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/72

84      Hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tal-ewwel rikorrent, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tkun legali biss jekk din id-deċiżjoni jkollha bażi legali. Sabiex jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ, qabelxejn għandhom jiġu ddeterminati r-rapporti li d-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 2011/72 għandhom bejniethom.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 3 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/72 jiddefinixxu s-sistema tal-iffriżar tal-assi applikabbli għall-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kollha li jissodisfaw il-kriterji oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni. Dawn huma persuni “responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin” u l-persuni assoċjati magħhom. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw kategorija ta’ persuni, entitajiet u korpi ddefiniti b’mod oġġettiv, ġenerali u astratt.

86      Min-naħa tiegħu, l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72 jikkorrispondi għal “Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1”. Issa, fil-formulazzjoni oriġinali tagħha, din il-lista hija intiża li tapplika l-iffriżar tal-assi li s-sistema tiegħu ġiet iddefinita fl-Artikoli 1 sa 3 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni għal żewġ persuni fiżiċi msemmija speċifikament (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

87      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, min-naħa tagħha d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan biss li temenda l-lista annessa oriġinarjament mad-Deċiżjoni 2011/72, sabiex fiha tinkludi 46 persuna oħra, fosthom l-ewwel rikorrent.

88      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha, b’mod partikolari, tkun konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, li fuqu din hija bbażata.

 Fir-rigward tal-osservanza, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-provvedimenti tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72

89      Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda lill-ewwel rikorrent, tosservax effettivament il-provvedimenti tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, li qabelxejn jimponi li għandhom jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tad-dispożizzjoni inkwistjoni, minn naħa, u tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif intqal fil-punt 83 iktar ’il fuq, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ir-rikorrenti ma talbux b’mod espress li jitwettaq tali eżami. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-għan li tiggarantixxi n-natura kontradittorja tal-proċedura, li, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lill-partijiet sabiex jippreċiżaw “jekk, skonthom, il-kriterji […] msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72 […] [kinux] dawk li ġew effettivament applikati mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 22 iktar ’il fuq).

–       Is-sens u l-portata tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72

91      Hekk kif ġie espost fil-punt 3 u mfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 jimponi l-iffriżar tal-assi kollha miżmuma mill-persuni responsabbli għall-“misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin” jew mill-persuni assoċjati ma’ dawn il-persuni. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni, li l-formulazzjoni tagħha hija ċara u preċiża, issemmi kategorija speċifika ta’ atti ta’ natura li fid-dritt Tuneżin jirċievu klassifikazzjoni kriminali: dan bl-ebda mod ma huwa kwalunkwe att li jirriżulta mid-delinkwenza jew mill-kriminalità ekonomiċi, iżda biss mill-azzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin”.

92      F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija barra minn hekk perfettament koerenti mal-għanijiet segwiti mill-Kunsill. Fil-fatt, mill-premessi tad-Deċiżjoni 2011/72 jirriżulta li din għandha t-tendenza li tappoġġja l-isforzi mwettqa mill-poplu Tuneżin sabiex jistabbilixxi “demokrazija stabbli”, filwaqt li tgħinu jibbenefika mill-“benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom”. Issa, tali għanijiet, li jinsabu fost dawk imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE, huma maħsuba li jintlaħqu permezz ta’ ffriżar tal-assi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa, bħal f’dan il-każ, limitat għall-“persuni responsabbli” għall-użu ħażin ta’ “fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin” u l-persuni assoċjati magħhom, jiġifieri għal persuni li l-azzjonijiet tagħhom setgħu tellfu l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet pubbliċi Tuneżini u tal-korpi marbuta magħhom.

–       Is-sens u l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda lill-ewwel rikorrent

93      Kif ġie rrilevat fil-punt 9 iktar ’il fuq, skont id-deċiżjoni kkontestata, isem l-ewwel rikorrent ġie inkluż fost il-persuni kkonċernati mill-iffriżar tal-assi stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/72, għar-raġuni li dan kien persuna “soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini” għal atti mwettqa “bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus”.

94      Issa, din ir-raġuni tagħmel riferiment għal kunċett, dak tal-“ħasil tal-flus”, li ma huwiex użat fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72. Għaldaqstant, sabiex l-imsemmija raġuni tkun tista’ titqies li tinsab fost dawk previsti bl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, għandu, tal-inqas, jiġi stabbilit li, fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, jiġifieri d-dritt Tuneżin, il-kunċett ta’ “misapproprazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi]”, kif użat fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, bilfors ikopri, jew tal-inqas jimplika dak tal-“ħasil tal-flus”. Madankollu, fil-każ partikolari, il-Kunsill la jistabbilixxi u tabilħaqq lanqas ma jsostni li, minkejja d-diverġenza eżistenti prima facie bejn il-kunċetti ta’ “ħasil tal-flus” u ta’ “misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi]”, individwu jista’ jiġi kkwalifikat, fir-rigward tal-liġi kriminali Tuneżina, bħala “persuna responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi]” jew bħala persuna assoċjata ma’ tali persuna responsabbli għar-raġuni biss li din hija suġġetta għal “investigazzjoni ġudizzjarja” għal atti ta’ “ħasil tal-flus”.

95      Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jiġi nnotat li, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, il-“ħasil tal-flus” ikopri b’mod partikolari l-konverżjoni u t-trasferiment intenzjonali ta’ beni li ġejjin minn attività kriminali, tkun liema waħda tkun, bl-iskop ta’ ħabi jew travestiment tal-oriġini illeċita tal-imsemmija beni jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta f’tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħha. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15), li l-formulazzjoni tiegħu essenzjalment ittenni dik tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħasil, id-detezzjoni, il-qbid u l-konfiska tal-prodotti tar-reat u dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, miftuħa għall-iffirmar fis-16 ta’ Mejju 2005, iffirmata mill-Komunità Ewropea fit-2 ta’ April 2009, iżda li għadha ma ġietx approvata mill-Unjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif iddefinit, il-“ħasil tal-flus” ma jikkorrispondix biss għall-azzjonijiet li jippermettu li l-oriġini illeċita ta’ assi li jirriżultaw minn użu ħażin ta’ fondi pubbliċi tinħeba.

96      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata inkludiet lill-ewwel rikorrent fost il-persuni li l-assi tagħhom kellhom jiġu ffriżati skont id-Deċiżjoni 2011/72, billi applikat kriterju li ma huwiex dak previst fl-Artikolu 1(1) ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Billi għamlet hekk, hija kisret id-dispożizzjoni li hija kienet maħsuba li timplementa, b’mod li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju, mill-ewwel rikorrent, tad-dritt għall-proprjetà, li din id-deċiżjoni timplika, ma tistax titqies li hija prevista mil-liġi fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

–       L-argumenti tad-difiża

97      Sabiex jipprova jikkontesta l-konklużjoni mogħtija fil-punt ta’ qabel dan, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, essenzjalment sostna li interpretazzjoni litterali tad-deċiżjoni kkontestata hija eskluża, peress li għall-kuntrarju din għandha tinqara fid-dawl tal-kuntest fattwali li fih hija ttieħdet.

98      Insostenn ta’ tali teżi, huwa ressaq tliet argumenti.

99      Permezz tal-ewwel argument, matul is-seduta l-Kunsill sostna li l-provi li abbażi tagħhom kien ġie deċiż li l-ewwel rikorrent jiġi inkluż fost il-persuni li l-assi tagħhom kellhom jiġu ffriżati skont id-Deċiżjoni 2011/72 kienu xhieda li dan kien ikkunsidrat, mill-awtoritajiet Tuneżini, bħala “persuna responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin” jew li seta’ kien assoċjat ma’ persuna responsabbli għal dawn l-atti.

100    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument għandu jitwarrab.

101    Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li isem l-ewwel rikorrent tniżżel fid-deċiżjoni kkontestata wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni żewġ dokumenti.

102    L-ewwel dokument jikkorrispondi għal nota tad-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà Pubblika tar-Repubblika Tuneżina, tal-20 ta’ Jannar 2011, iddestinata għad-Dekan tal-imħallfin tal-istruttorja fil-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Tuneż. Mill-kliem stess ta’ din in-nota jirriżulta li din tikkorrispondi għal lista tal-“qraba u nies alleati” mal-ex Kap tal-Istat Tuneżin. F’din il-lista jinsab isem l-ewwel rikorrent.

103    It-tieni dokument huwa nota verbali indirizzata fid-29 ta’ Jannar 2011 mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Tuneżina lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fit-Tuneżija. Din in-nota tindika li l-persuni mniżżla fl-ewwel dokument huma suġġetti, fit-Tuneżija, għal investigazzjoni ġudizzjarja għal “ħasil tal-flus wara użu abbużiv mill-karigi u mill-attivitajiet professjonali u soċjali”.

104    Issa, id-dokument imsemmi fil-punt 102 iktar ’il fuq ċertament juri b’mod ċar ir-rabtiet familjari li jgħaqqdu lill-ewwel rikorrent mal-ex Kap tal-Istat Tuneżin. Iżda, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma jirriżulta li nbdew proċeduri fit-Tuneżija kontra membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar dakinhar tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għal atti ta’ “misapproprjazzjonijiet [użu ħażin] ta’ fondi pubbliċi”. Hekk kif għadu kif intqal, dan id-dokument huwa lista li tagħti biss l-“identitajiet kompleti” tal-“qraba u nies alleati” mal-ex Kap tal-Istat Tuneżin.

105    Min-naħa tagħha, in-nota verbali deskritta fil-punt 103 iktar ’il fuq ma ssemmix is-sitwazzjoni partikolari tal-ewwel rikorrent. Barra minn hekk, hija tagħmel riferiment għal investigazzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda żewġ kategoriji ta’ atti: operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus wara użu abbużiv [minn] karigi”, minn naħa, u operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus wara użu ħażin minn “attivitajiet professjonali u soċjali”, min-naħa l-oħra.

106    Issa, minkejja li l-imsemmija nota verbali ssemmi investigazzjoni ġudizzjarja dwar operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus wara “użu abbużiv [minn] karigi”, hija ma tippreċiżax jekk il-karigi inkwistjoni humiex ta’ natura pubblika jew privata. Għaldaqstant, ċertament ma jistax jiġi eskluż li, fir-rigward ta’ ċerti persuni li jinsabu fuq il-lista li tinsab fl-ewwel dokument, l-investigazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-imsemmija nota verbali effettivament tirrigwarda atti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħasil tal-flus wara użu abbużiv [minn] karigi” pubbliċi, atti li l-awturi tagħhom jistgħu raġonevolment jiġu kklassifikati bħala persuni responsabbli jew persuni “assoċjati” ma’ persuni responsabbli minn użu ħażin ta’ fondi pubbliċi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkonkludi, fid-dawl tad-dokumenti deskritti fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq biss, li tali atti ġie kkritikat speċifikament bihom l-ewwel rikorrent. Din il-konklużjoni tant timponi ruħha b’qawwa li l-Kunsill la sostna u lanqas ma ssuġġerixxa li l-ewwel rikorrent kien wettaq karigi pubbliċi.

107    Barra minn hekk, fl-eventwalità fejn l-ewwel rikorrent kien ġie implikat f’atti ta’ ħasil tal-flus wara l-użu abbużiv ta’ “attivitajiet professjonali u soċjali”, ebda wieħed mid-dokumenti deskritti iktar ’il fuq ma jindika li l-attivitajiet ikkonċernati minn tali implikazzjoni kienu marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ saħħa pubblika jew kienu jagħmlu parti mis-servizz pubbliku Tuneżin.

108    Konsegwentement, abbażi tad-dokumenti deskritti fil-punti 102 u 103 iktar ’il fuq, huwa impossibbli li wieħed jikkonkludi b’ċertezza li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni ġudizzjarja għal atti ta’ ħasil tal-flus li seħħew wara użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

109    Permezz tat-tieni argument, il-Kunsill sostna li l-operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus li r-rikorrent huwa kkritikat bihom, u li jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata, kienu neċessarjament marbuta ma’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi peress li l-persuna kkonċernata kien in-neputi ta’ mart l-ex Kap tal-Istat Tuneżin.

110    Insostenn ta’ dan l-argument, fit-30 ta’ Ottubru 2012 il-Kunsill ipproduċa silta mis-sit Internet tal-“Presidenza tal-Gvern” Tuneżin tas-26 ta’ Jannar 2011, li minnha jirriżulta li l-ex Kap tal-Istat Tuneżin, martu, kif ukoll “diversi membri tal-familji tagħhom” kienu suġġetti għal diversi kapi ta’ akkuża, fosthom dak ta’ “kisba ta’ beni korporali mobbli u immobbli […] illeċit[a] barra l-pajjiż”.

111    Madankollu, minn dan id-dokument, li ma jsemmix lill-ewwel rikorrent, ma jirriżultax li fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ċerti membri tal-familja tal-ex President Tuneżin, minbarra l-ewwel rikorrent, kienu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “responsabbli għal misapproprjazzjonijiet [użu ħażin] ta’ fondi pubbliċi”, u dan billi “kisba ta’ beni korporali mobbli u immobbli […] illeċit[a] barra l-pajjiż” ma tikkorrispondix neċessarjament għal użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

112    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 94 iktar ’il fuq, anki jekk mart l-ex Kap tal-Istat Tuneżin jew ċerti membri tal-familja tiegħu minbarra l-ewwel rikorrent setgħu jiġu kklassifikati, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin”, fin-nuqqas ta’ provi jew ta’ ħjiel konkordanti f’dan is-sens, minn dan il-qorti Ġenerali ma tistax tiddeduċi li l-“operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus” li l-ewwel rikorrent kien ikkritikat bihom kienu marbuta, direttament jew indirettament, mal-“misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin” li setgħu twettqu minn dawn il-persuni. Jekk wieħed isostni l-kuntrarju jkun qiegħed jassumi li kull att ta’ ħasil tal-flus possibbilment imwettaq minn membri tal-familja tal-ex Kap tal-Istat Tuneżin huwa neċessarjament marbut ma’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

113    Minn dan isegwi li t-tieni argument tal-Kunsill għandu, fi kwalunkwe każ, jitwarrab.

114    Permezz tat-tielet argument, imqajjem matul is-seduta, il-Kunsill sostna li minn attestazzjoni tar-Reġistratur tad-Dekan tal-imħallfin tal-istruttorja fil-Qorti tal-ewwel istanza ta’ Tuneż, ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ottubru 2012, jirriżulta li l-ewwel rikorrent kien akkużat b’mod partikolari b’“kompliċità fil-misapproprjazzjoni [fl-użu ħażin] minn uffiċjal pubbliku jew assimilazzjoni ma’ fondi pubbliċi”. Skont il-Kunsill, din l-indikazzjoni tippermetti li jiġi konkluż li l-investigazzjoni li għaliha hemm riferiment fid-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarjament ikkonċernat, anki jekk b’mod indirett, atti ta’ “misapproprjazzjoni [użu ħażin] ta’ fondi [pubbliċi] tal-Istat Tuneżin”.

115    Madankollu, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill fis-seduta, ikkonfermati mill-avukat tal-ewwel rikorrent, jirriżulta li l-attestazzjoni inkwistjoni ma hijiex tas-16 ta’ Settembru 2001, kif jirriżulta mit-traduzzjoni tagħha bil-Franċiż, iżda tas-16 ta’ Settembru 2011, kif jindika l-oriġinal bl-Għarbi. L-imsemmija attestazzjoni għaldaqstant hija sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-legalità ta’ deċiżjoni dwar iffriżar tal-assi għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kunsill seta’ kellu meta huwa adotta din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 168). Għaldaqstant, il-kliem tal-attestazzjoni inkwistjoni fi kwalunkwe każ ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

116    Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ kompletezza għandu jiġi rrilevat li din l-attestazzjoni ma tippreċiżax jekk, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kinux diġà nbdew proċeduri kontra l-ewwel rikorrent għal atti marbuta ma’ “misapproprjazzjonijiet [użu ħażin] ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin”. Kulma tagħmel huwa li telenka l-kapijiet ta’ akkuża li jirrigwardaw lill-ewwel rikorrent, fis-16 ta’ Novembru 2011, “fil-kawża struttorja bir-referenza Nru 19592/1”.

117    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, għandu jintlaqa’, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata sa fejn din tirrigwarda lill-ewwel rikorrent mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-kumplament tal-motivi tar-rikors.

C –  Fuq l-effett ratione temporis tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

118    Is-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, effett immedjat, fis-sens li l-att annullat jiġi eliminat b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 66 iktar ’il fuq, punt 35). Jibqa’ l-fatt li, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ żżomm l-effetti ta’ deċiżjoni annullata b’mod provviżorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punti 373 sa 376, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T‑316/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

119    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li kulma għamlu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq kien, li ssostitwixxew il-formulazzjoni inizjali tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72, kif imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, sabiex jindikaw bħala d-data ta’ skadenza tal-miżuri deċiżi b’din id-deċiżjoni l-ewwel dik tal-31 ta’ Jannar 2013, imbagħad dik tal-31 ta’ Jannar 2014. Għall-bqija, il-formulazzjoni tal-imsemmi artikolu ma ġietx emendata.

120    Billi għamlu hekk, l-imsemmija deċiżjonijiet ma ssostitwixxewx il-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-deċiżjoni kkontestata. Huma ma kellhom ebda effett ieħor ħlief li jestendu t-tul tal-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti b’din id-deċiżjoni. Issa, minħabba l-effett retroattiv tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel rikorrent huwa meqjus, sa minn meta l-preżenti sentenza daħlet fis-seħħ, li qatt ma kien ikkonċernat b’dawn il-miżuri.

121    Għaldaqstant, jekk il-preżenti sentenza tidħol fis-seħħ immedjatament, ir-Regolament Nru 101/2011, sa fejn jirrigwarda lill-ewwel rikorrent, ma jkollux bażi legali u, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, il-Kunsill ikun obbligat iħassru fir-rigward tal-ewwel rikorrent. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jittrasferixxi l-assi tiegħu kollha jew parti minnhom barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod li jkun hemm il-probabbiltà li jiġi kkawżat preġudizzju serju u irreversibbli għall-effikaċità ta’ kull iffriżar tal-assi li fil-futur jista’ jiġi deċiż mill-Kunsill kontra tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 373).

122    Issa, fid-dawl tan-natura tal-motiv milqugħ, ma jistax jiġi eskluż li, għal raġunijiet li ma humiex dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jiġi ġġustifikat li l-ewwel rikorrent jitniżżel fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72.

123    Minn dan isegwi li, b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jirrigwardaw il-każ tar-regolamenti annullati, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu sakemm jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

124    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura,“ [i]l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba […]”

125    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura:

“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

L-Istati kontraenti fil-Ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ukoll ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu f’kawża.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”

126    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef fil-parti l-kbira, għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, inklużi dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mir-rikorrenti. Madankollu, fir-rigward tal-indikazzjoni, mir-rikorrenti, ta’ ammont preċiż li l-Kunsill għandu jħallashom bħala spejjeż, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ kontestazzjoni bejn il-partijiet u fuq talba tal-parti interessata, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tar-rikorrenti permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

127    Barra minn hekk, bħala istituzzjoni intervenjenti, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. Fl-aħħar nett, l-istess japplika fir-rigward tar-Repubblika tat-Tuneżija.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, hija annullata sa fejn din tirrigwarda lil Mohamed Trabelsi.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/79 fir-rigward ta’ Mohamed Trabelsi huma miżmuma sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell kontra l-preżenti sentenza jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, saċ-ċaħda tiegħu.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l‑ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Mohamed Trabelsi, Ines Lejri, Moncef Trabelsi, Selima Trabelsi u Tarek Trabelsi, inklużi l-ispejjeż relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Mejju 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.  F’dak li jirrigwarda l-portata u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

a)  Fir-rigward tal-portata tat-talbiet għal annullament

b)  Fir-rigward tal-kwalità li tagħti interess ġuridiku lir-rikorrenti

2.  F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talbiet l-oħra

a)  Fir-rigward tat-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali tawtorizza “dritt ta’ risposta favur [l-ewwel u t-tieni rikorrenti]” u tipproteġi lill-ħames rikorrent

b)  Fir-rigward tat-talbiet għal ordni

c)  Fir-rigward tat-talbiet għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni

d)  Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens

e)  Fir-rigward tat-talbiet għall-kundanna għall-ħlas ta’ spejjeż li jitħallsu darba

B –  Fuq il-kumplament tar-rikors

1.  F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata

a)  Dispożizzjonijiet applikabbli

b)  Applikazzjoni għal dan il-każ

2.  F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

a)  Fir-rigward tal-portata tal-motiv

b)  Fir-rigward tal-fondatezza tar-rikors

3.  F’dak li jirrigwarda t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetŕ

a)  F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetŕ

b)  F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li, jekk wieħed isegwihom, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetŕ tista’ tintlaqa’

c)  F’dak li jirrigwarda n-natura neċessarja tal-eżami tal-kundizzjonijiet imposti fil-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq

d)  F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjoni imposta fil-punt 79 iktar ’il fuq

Fir-rigward ta’ jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex tikkonforma mal-previżjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/72

Fir-rigward tal-osservanza, mid-deċiżjoni kkontestata, tal-provvedimenti tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72

–  Is-sens u l-portata tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72

–  Is-sens u l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda lill-ewwel rikorrent

–  L-argumenti tad-difiża

C –  Fuq l-effett ratione temporis tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.