Language of document : ECLI:EU:T:2013:274





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Mejju 2013 — Chiboub vs Il-Kunsill

(Kawża T‑188/11)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi — Nuqqas ta’ bażi legali”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom — Deċiżjoni li tagħmel parti minn kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja — Limiti — Motivazzjoni li ma tistax tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata (Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punti 38-44)

2.                     Proċedura ġudizzjarja — Obbligu tal-qorti li tosserva l-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet — Obbligu tal-qorti li tiddeċiedi biss fuq l-argumenti invokati mill-partijiet — Assenza (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punti 47, 48)

3.                     Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom — Iffriżar ta’ fondi għal ħasil tal-flus impost minn deċiżjoni ta’ implementazzjoni — Sovrappożizzjoni tal-kunċetti ta’ użu ħażin minn fondi pubbliċi u ta’ ħasil tal-flus — Assenza — Preżunzjoni ta’ rabta neċessarja bejn l-atti ta’ ħasil tal-flus imwettaq mill-membri tal-familja tal-mexxejja tal-pajjiż mal-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi — Assenza — Annullament (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72, Artikolu 1(1), u 2011/79) (ara l-punti 52-57, 68-71, 73, 75, 87)

4.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati magħhom — Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72) (ara l-punt 85)

5.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Annullament f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi — Probabbiltà ta’ preġudizzju serju fuq iċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel wieħed minn dawn l-atti sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni wieħed (Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 60; Regolament tal-Kunsill Nru 101/2011; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72) (ara l-punti 92-95)

Suġġett

Talba għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, p. 62), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU L 31, p. 40), u, it-tielet nett, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 1), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent.

Dispożittiv

1)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72, tal-31 ta’ Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72, huwa annullat sa fejn dan jirrigwarda lil Mohamed Slim Ben Mohamed Hassen Ben Salah Chiboub.

2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, huwa annullat sa fejn dan jirrigwarda lil M. Chiboub.

3)

L-effetti tal-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/79, fir-rigward ta’ M. Chiboub huma miżmuma sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 101/2011 sa fejn dan jirrigwarda lil M. Chiboub.

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn M. Chiboub.

5)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.