Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Marzu 2011 - Schönberger vs Il-Parlament

(Kawża T-186/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Peter Schönberger (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: O. Mader, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni lilu nnotifikata mill-konvenut permezz ta' ittra tal-25 ta' Jannar 2011, sa fejn l-eżami tal-petizzjoni tiegħu Nru 1188/2010 ingħalaq mingħajr ma l-kumitat tal-petizzjonijiet studja l-kontenut;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin:

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt ta' petizzjoni tar-rikorrent, inkwantu l-kumitat tal-petizzjonijiet tal-Parlament irrifjuta li jittratta t-talbiet inklużi fiha minkejja l-ammissibbiltà tal-petizzjoni, biex b'hekk kiser id-dritt tar-rikorrent għall-eżami tal-kontenut tal-petizzjoni tiegħu.

Il-Parlament kiser id-dritt tar-rikorrent li jingħata deċiżjoni motivata, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom il-kumitat tal-petizzjonijiet irrifjuta li jittratta l-petizzjoni.

____________