Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Marzu 2011 - Trabelsi et vs Il-Kunsill

(Kawża T-187/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Mohamed Trabelsi (Pariġi, Franza), Ines Lejri (Pariġi), Moncef Trabelsi (Pariġi), Selima Trabelsi (Pariġi); u Tarek Trabelsi (Pariġi) (rappreżentant: A. Metzker, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill tal-Unjoni tal-4 ta' Frar 2011;

tħassar isem "Mohamed TRABELSI" mil-lista;

tħassar isem "INES LEJRI" mil-lista;

tħassar isem omm Mohamed TRABELSI;

tħassar l-indirizz indikat ta' Mohamed TRABELSI;

tawtorizza dritt ta' risposta għas-Sinjur u s-Sinjura TRABELSI;

tipproteġi lil Tarek TRABELSI minħabba d-diżabbiltà li għandu;

tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jerġa' jeżamina t-test tiegħu u josserva l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

tissospendi t-test stabbilit mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tagħti lis-Sinjur TRABELSI l-ammont ta' EUR 150 000 bħala danni għad-dannu subit;

tordna li l-Unjoni għandha tħallas l-ammont ta' EUR 25 000 għall-ispejjeż;

tikkundanna lill-Istat sabiex iħallas l-ispejjeż li jitħallsu darba fejn hija din il-Qorti li għandha tiffissa l-ammont b'mod ekwu u billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu L 761-1 tas-CJA.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq illegalità esterna tad-deċiżjoni kkontestata minħabba użu ħażin tal-poter u ksur tal-prinċipji tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tan-nullum crimen sine lege u nulla pœna sine lege, tan-non bis in idem u tal-kontradittorju, kif ukoll ta' proċess ġust.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq illegalità interna tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tad-dritt ta' proprjetà kif ukoll tal-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem u ta' ugwaljanza, ta' ksur tal-libertajiet tal-familja TRABELSI, ta' dannu għall-ħajja privata u ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' tarbija b'diżabbiltà.

____________