Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-796/19, HB vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-161/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz, J. Estrada de Solà u B. Araujo Arce, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: HB

Talbiet

Tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2021 (T-796/19), sa fejn tiċħad bħala inammissibbli r-rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019)7318 final tal-15 ta’ Ottubru 2019 (punt 1 tad-dispożittiv), u fejn ikkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji (punt 3 tad-dispożittiv);

Tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

Tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika: il-Qorti Ġenerali injorat u għamlet ineffettivi d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li tuża l-prerogattivi tagħha ta’ saħħa pubblika fil-kuntest kuntrattwali, billi kklassifikat dawn il-miżuri bħala kuntrattwali u suġġetti għall-prerogattiva tal-qorti tal-kuntratt. Din il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata taffettwa l-punti tas-sentenza 62 sa 87 tas-sentenza appellata.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata fir-rigward tal-ewwel artikolu tad-deċiżjoni (punti 62 sa 73 tas-sentenza) u fuq żnaturament tal-fatti. Billi kklassifikat l-ewwel artikolu tad-deċiżjoni, li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ HB fit-twettiq ta’ irregolarità fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u kklassifikat b’mod żbaljat l-Artikolu 1 bħala li huwa ta’ natura kuntrattwali.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata fir-rigward tat-tieni u tat-tielet artikolu tad-deċiżjoni (punti 74 sa 83 tas-sentenza). Billi kklassifikat it-tnaqqis tal-prezz tal-kuntratt għal EUR 0 u billi rkuprat l-ammonti diġà mħallsa, il-Kummissjoni ma aġixxietx fil-kuntest kuntrattwali, iżda billi eżerċitat il-prerogattivi tagħha ta’ saħħa pubblika. Il-Qorti Ġenerali tiżbalja meta tassimila d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli għall-konsegwenzi ta’ annullament kuntrattwali permezz ta’ qerq jew permezz ta’ difett tal-kunsens.

____________