Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Jannar 2012 - Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-13/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Andechser Molkerei Scheitz GmbH (Andechs, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol sa fejn dan ir-regolament jippermetti l-użu ta' glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Bertoni Stevia rebaudiana bħala addittivi tal-ikel biss u mhux bħala ingredjenti ta' prodotti tal-ikel veġetali ta' oriġini agrikola jew bħala estratti aromatiċi;

tikkonferma l-prinċipju li l-Unjoni Ewropea hija responsabbli sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu li hija ġarrbet minħabba li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol jippermetti l-użu ta' glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Bertoni Stevia rebaudiana bħala addittivi tal-ikel biss u mhux bħala ingredjenti ta' prodotti tal-ikel veġetali ta' oriġini agrikola jew bħala estratti aromatiċi, u minħabba li impriżi oħra, għalhekk, jużaw il-glikosidi tal-istevjol għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib tradizzjonali tagħhom, b'tali mod li r-rikorrenti tqiegħdet f'pożizzjoni żvantaġġuża f'termini ta' kompetizzjoni minħabba li r-rikorrenti, bħala produttriċi ta' prodotti tal-ħalib organiċi u bħala produttriċi ta' prodotti organiċi hija pprojbita, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 834/2007 u Nru 889/2007, milli tuża l-glikosidi tal-istevjol bħala addittivi tal-ikel, u dan anki meta tikseb dawn il-glikosidi tal-istevjol minn weraq tal-pjanti Stevia li jkunu kkoltivati b'mod organiku permezz ta' estrazzjoni inkonformità mal-proċessi awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni dwar il-prodotti organiċi.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol 2, sa fejn dan ir-regolament jippermetti l-użu ta' glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Bertoni Stevia rebaudiana bħala addittivi tal-ikel biss u mhux bħala ingredjenti ta' prodotti tal-ikel veġetali ta' oriġini agrikola jew bħala estratti aromatiċi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju "non ultra vires"

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat il-glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Bertoni Stevia rebaudiana bħala addittivi tal-ikel u li għalhekk, meta adottat ir-regolament ikkontestat permezz ta' dan ir-rikors, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha. Skont ir-rikorrenti, il-glikosidi tal-istevjol jintgħażlu u jiġu ddifferenzjati fuq il-bażi tat-togħma tagħhom. Għaldaqstant, il-glikosidi tal-istevjol ma jiġux miżjuda bħala addittivi tal-ikel fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 4 għal skopijiet tenoloġiċi iżda għall-iskop li jaromatizzaw u/jew jagħtu togħma, fis-sens tal-premessa 5 tar-Regolament [Nru 1333/2008]. Dan ifisser li l-glikosidi tal-istevjol għandhom jiġu kklassifikati bħala ingredjenti ta' prodotti tal-ikel veġetali jew bħala estratti aromatiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni aġixxiet ultra vires.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal trattament ugwali minħabba projbizzjoni arbitrarja fil-konfront tagħha u dan sa fejn, bħala produttriċi ta' prodotti tal-ħalib organiċi, hija kienet ipprojbita milli tipproduċi jogurt organiku bi glikosidi tal-istevjol organiċi u milli tikkummerċjalizzah, filwaqt li l-kompetituri tagħha, li joffru jogurt minn biedja tradizzjonali, huma awtorizzati jużaw il-glikosidi tal-istevjol. Iż-żieda tal-glikosidi tal-istevjol organiċi bħala addittivi tal-ikel hija pprojbita taħt l-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 , li jipprovdi li jistgħu jintużaw biss addittivi tal-ikel li jkunu ġew awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni ta' prodotti organiċi. Issa din l-awtorizzazzjoni la tirriżulta mill-Artikolu 27(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008  u lanqas mill-inklużjoni fil-lista pożittiva li tinsab fil-Parti A tal-Anness VIII ta' dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, meta awtorizzat il-glikosidi tal-istevjol bħala addittivi tal-ikel biss, interveniet b'mod illegali fis-suq billi imponiet restrizzjonijiet f'termini ta' kompetizzjoni li jiffavorixxu lill-operaturi li joffru prodotti tradizzjonali.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà u tal-libertà ta' intrapriża

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-dritt fundamentali tagħha għall-protezzjoni tal-proprjetà u tal-libertà ta' intrapriża tagħha.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li, barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1131/2011 huwa vvizzjat min-nuqqas ta' motivazzjoni sa fejn fil-preambolu ma huwiex spjegat għalfejn il-glikosidi tal-istevjol, li jintużaw esklużivament sabiex jagħtu togħma, sabiex iżidu l-ħlewwa jew sabiex jagħtu togħma ta' qrusa, ġew ikkunsidrati bħala addittivi tal-ikel.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1131/2011, tal-11 ta' Novembru 2011, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-glikosidi tal-istevjol (ĠU L 295, p. 205).

2 - Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas16 ta' Diċembru 2008, dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, p. 16).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tat-28 ta' Ġunju 2007, dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, p. 1).

4 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta' Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, p. 1).