Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Settembru 2012 - Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-413/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Post Invest Europe Sàrl (Lussemburgu, Il-Lussemburgu) (rappreżentanti: B. van de Walle de Ghelcke u T. Franchoo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 2, 5, 6 u 7 tal-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 178, tal-25 ta' Jannar 2012, dwar il-miżura SA.14588 (C 20/2009) implementata mill-Belġju favur De Post-La Poste (fil-preżent bpost), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fid-29 ta' Ġunju 2012 (ĠU L 170, p. 1);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Permezz tal-ewwel motiv hija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li n-netwerk ta' bejgħ bl-imnut ma kienx Servizz ta' Interess Ekonomiku Ġenerali ("SIEĠ") distint intitolat għal kumpens tikser l-Artikoli 106(2) u 107(1) u (3) TFUE, tikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni u tikser il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament.

Permezz tat-tieni motiv hija ssostni li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni parti mill-ispejjeż tan-netwerk ta' bejgħ bl-imnut taħt l-Obbligu ta' Servizz Universali ("OSU") għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta' profitti fis-settur riżervat tal-OSU, li jeċċedu l-livell ta' profitt raġonevoli, jikser l-Artikoli 106(2) u 107(1) u (3) TFUE u jikkostitwixxi żball manifest ta' evalwazzjoni.

Permezz tat-tielet motiv hija ssostni li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ispejjeż netti ta' SIEĠ mhux postali għandhom jiġu paċuti mal-profitti mis-settur riżervat tal-OSU, sa fejn dawn jeċċedu profitt raġonevoli, tikser l-Artikoli 107 u 106(2) TFUE u l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' ugwaljanza fit-trattament.

Permezz tar-raba' motiv hija ssostni ksur tal-Artikoli 107 u 106(2) TFUE u ksur tal-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività, minħabba n-nuqqas totali li tieħu inkunsiderazzjoni s-sottokumpens ta' bpost akkumulat matul is-snin 1992-2005 għal finijiet ta' tpaċija tal-ammonti tal-allegat sovrakumpens matul il-perijodu 2006-2010.

____________