Language of document : ECLI:EU:F:2010:148

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2010

Kawża F-50/08

Gábor Bartha

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Bartha jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/56/06 li informatu li ma kienx għadda mill-eżamijiet tal-imsemmija kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu li huwa sostna minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008, li biha l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/56/06 ċaħad it-talba tar-rikorrent għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ċaħdet il-kandidatura tiegħu, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Kompożizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 3)

4.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

1.      Meta kandidat għal kompetizzjoni li ma jkunx ġie inkluż fil-lista ta’ riżerva stabbilita fi tmiem kompetizzjoni jitlob eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju.

(ara l-punt 22)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑329 u II‑A‑2‑1695, punt 19

2.      Ir-regola tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors tinkiser biss jekk ir-rikors inkwistjoni jibdel is-suġġett tal-ilment jew il-kawża tiegħu, fejn “kawża” għandha tiġi interpretata f’sens wiesa’. Skont tali interpretazzjoni, u fir-rigward tat-talbiet għal annullament, bil-frażi “kawża tat-tilwima” wieħed għandu jifhem il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu. Konsegwentement, u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità u tal-motivi ta’ ordni pubbliku, ikun hemm bdil fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, ksur tar-regola tal-konkordanza jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jkun ikkritika biss il-validità formali tal-att li kkawżalu preġudizzju, inklużi l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem fir-rikors motivi fil-mertu, jew fl-ipoteżi opposta fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu jkun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li kkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors b’motivi marbuta mal-validità formali tiegħu.

(ara l-punt 34)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 119 u 120

3.      Bord tal-Għażla li jkun magħmul, mal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu, minn iktar minn erba’ membri permanenti, jista’ biss jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal kemm‑il darba, fost dawn il-membri permanenti, ikun hemm minn tal-inqas żewġ membri ta’ kull sess.

Madankollu, ir-rekwiżit li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-membri permanenti tal-Bord tal-Għażla fl-istadju tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri tiegħu jista’ jiġi attenwat fil-każ partikolari fejn, minkejja li l-kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla ma tkunx tissodisfa, f’dan l-istadju, ir-regola msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, waqt li jkunu għaddejjin l-eżamijiet, tkun madankollu konformi ma’ din ir-regola. Fil-fatt, f’tali każ, l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li l-prestazzjonijiet tal-kandidati ta’ kompetizzjoni jiġu evalwati minn Bord tal-Għażla li fih tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel, ikun totalment sodisfatt.

(ara l-punti 43 u 44)

4.      Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. In-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed biex talbiet għad-danni jiġu miċħuda.

Fir-rigward tar-rabta kawżali, jeħtieġ, bħala regola ġenerali, li r-rikorrent iressaq il-prova ta’ relazzjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas imwettaq mill-istituzzjoni u d-dannu invokat.

Madankollu, il-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali mitluba mill-ġurisprudenza tintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tagħti prova li kellha dritt, iżda minn ċans kbir li din tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ dħul.

(ara l-punti 53 sa 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 42; 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punt 52; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza: 28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/07, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑897, punt 85; 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, punt 150; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑323 u II‑A‑1‑1773, punt 218