Language of document : ECLI:EU:T:2009:429

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

10 ta’ Novembru 2009

Kawża T-180/08 P

Giuseppe Tiralongo

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Nuqqas ta’ proroga ta’ kuntratt għal żmien determinat – Rikors għad-danni – Oriġini tad-dannu – Obbligu ta’ motivazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tas-6 ta’ Marzu 2008, Tiralongo vs Il‑Kummissjoni (F‑55/07, li għadu ma ġiex ippublikat fil-Ġabra), u li jitlob l-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Giuseppe Tiralongo għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appell – Rikors għad-danni – Proċedura prekontenzjuża – Żvolġiment differenti fil-preżenza jew fin-nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Appell – Aggravji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u nondiskriminazzjoni – Ksur

1.      Il-proċedura prekontenzjuża tvarja skont jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab il-kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal‑Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew minn aġir tal‑amministrazzjoni li ma jkollux in-natura ta’ deċiżjoni. Fl-ewwel każ, hija l‑persuna kkonċernata li għandha, fit-termini stabbiliti, tressaq ilment quddiem l‑Awtorità tal‑Ħatra kontra l-att inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, il‑proċedura amministrattiva għandha tibda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu, u tkompli, jekk ikun il-każ, b’ilment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba.

Għalhekk, ir-risposta għad-domanda dwar jekk id-danni invokati għandhom l‑oriġini tagħhom f’att li jikkawża preġudizzju jew f’aġir tal-amministrazzjoni li huwa nieqes minn kontenut deċiżjonali huwa indispensabbli sabiex jiġi vverifikat il-konformità tal-proċedura prekontenzjuża u tat-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk l-ammissibbiltà tal-appell. Billi dawn ir-regoli huma ta’ natura pubblika, din il-kwalifika hija l-kompetenza esklużiva tal-qorti Komunitarja mingħajr ma f’dan ir-rigward jiittieħed inkunsiderazzjoni l‑klassifikazzjoni mogħtija mill-partijiet.

Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess li, fl-abbozzar ta’ appell b’mod li jiġi evitat li wieħed jafferma li d-dannu rriżulta mill-illegalità ta’ ċerti atti, parti f’kawża tista’ tevita l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tat-termini previsti mir-Regolamenti tal‑Perunsal.

(ara l-punti 24 u 25)

Referenza: Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer‑Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punti 10 u 11; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 19 ta’ Novembru 1981, Fournier vs Il‑Kummissjoni, 106/80, Ġabra p. 2759, punti 15 sa 18; Il‑Qorti tal‑Ġustizzja 7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il‑Kummissjoni, 401/85, Ġabra p. 3911, punt 9; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 25 ta’ Frar 1992, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑64/91, Ġabra p. II‑243, punti 32 u 33; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il‑Parlament, T‑84/91, Ġabra p. II‑2335, punt 33; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 1 ta’ Diċembru 1994, Ditterich vs Il‑Kummissjoni, T‑79/92, ĠabraSP p. I‑A‑289 u II‑907, punt 40; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 6 ta’ Novembru 1997, Liao vs Il‑Kunsill, T‑15/96, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑897, punt 27; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 24 ta’ Marzu 1998, Meyer et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑181/97, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑481, punt 22; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 26 ta’ Novembru 1999, Giegerich vs Il‑Kummissjoni, T‑253/97, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑1177, punt 18; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 17 ta’ Mejju 2006, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑241/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑111 u II‑A‑2‑517, punt 52; Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il‑Kummissjoni, T‑66/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35

2.      Huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-azzjonijiet tal‑amministrazzjoni fil-forma ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju jew ta’ aġir nieqes min-natura deċiżjonali, li jkunu għall-oriġini tad-dannu u li allegatament ikunu vvizzjati b’illegalità, u, min-naħa l-oħra, dawk l-istess illegalitajiet. Għalhekk, ksur eventwali tad-dispożizzjonijiet applikabbli jew tal-prinċipji ġenerali li jikkostitwixxu wkoll raġunijiet ta’ illegalità li jistgħu jivvizzjaw l‑atti jew l-aġir tal-amministrazzjoni, iżda li fihom infushom ma jikkostitwixxux azzjonijiet.

Billi huwa stabbilit li ittra li tiffissa d-data tat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal huwa att li jikkawża preġudizzju, ma jistax jiġi kkunsidrat li, meta rrispondiet għall-ittri tal-membru tal-persunal li kienu essenzjalment qed jistiednuha tibdel din id-deċiżjoni, l-amministrazzjoni tat lok għal aġir nieqes minn natura deċiżjonali fejn kull ittra tagħha ta’ konferma hija biss element wieħed. Din l-interpretazzjoni tippermetti lill-persuna kkonċernata tevita t-termini sabiex tikkontesta l-atti li jikkawżaw preġudizzju, jew permezz ta’ talba għal annullament jew ta’ kumpens, previst mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ripetutament tistieden lill-amministrazzjoni tibdel deċiżjoni li tikkawża preġudizzju. Fil-fatt, ir-referenza fil-ġurisprudenza għal “aġir” mhux neċessarjament jirreferi għal sekwenza ta’ azzjonijiet minn naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja, iżda jfittex biss li ssir distinzjoni fil-każ fejn l-istituzzjoni adottat att li jikkawża preġudizzju minn fost dawk fejn l-aġir tagħha huwa nieqes minn natura deċiżjonali.

(ara l-punti 27 u 38)

Il-fatt li, sabiex jinstab ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jew tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ numru ta’ atti jew ta’ aġir tal-amministrazzjoni ma jippermettix li ksur eventwali ta’ dawn il-prinċipji jiġi kkunsidrat bħala aġir tal-amministrazzjoni. Fil-fatt, ksur ta’ prinċipju tad-dritt, ikun liema jkun, minnu stess la huwa att u lanqas aġir tal‑amministrazzjoni nieqes minn kontenut deċiżjonali, iżda raġuni ta’ illegalità ta’ att jew ta’ aġir.

(ara l-punt 36)