Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Mejju 2008 - infeurope vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-176/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: infeurope SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: O. Mader, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-Kummissjoni ma annullatx id-deċiżjoni ta' għoti tal-kuntratti ta' qafas ta' l-UASI taħt il-proċedura ta' sejħa għal offerti AO/042/05 għal kuntratt ta' manutenzjoni ta' softwer ;

tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea ma tterminatx il-kuntratti speċifiċi konklużi taħt l-imsemmija kuntratti ta' qafas ;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 37 002 kif ukoll interessi bir-rata ta' 4 % fuq l-ammont ta' EUR 31 650 mid-29 ta' Awwissu 2006, interessi bir-rata ta' 4 % fuq l-ammont ta' EUR 3 650 mit-3 ta' Diċembru 2007, interessi bir-rata ta' 4 % fuq l-ammont ta' EUR 1 702 mit-3 ta' Mejju 2008; u rispettivament interessi bir-rata ta' 8 % fuq is-somma ta' EUR 37 002 mid-data tas-sentenza;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 1 209 037 flimkien ma' interessi bir-rata ta' 4 % fuq din is-somma mit-3 ta' Mejju 2008, u rispettivament interessi bir-rata ta' 8 % fuq l-imsemmija somma mid-data tas-sentenza ;

tordna lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti relatati mal-proċedura ta' evalwazzjoni ta' l-offerti ;

tikkundanna il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara li l-Kummissjoni ma annullatx id-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) li jagħti diversi kuntratti ta' qafas għall-provvista ta' servizzi ta' manutenzjoni informatika taħt il-proċedura ta' sejħa għal offerti AO/042/05 ta' l-UASI, "E-Alicante: manutenzjoni ta' softwer fir-rigward tas-sistemi ta' attività prinċipali ta' l-UASI (ġestjoni u reġistrazzjoni ta' trade marks u disinni)" 1 u li ma tterminatx il-kuntratti speċifiċi korrispondenti konklużi taħt l-imsemmija kuntratti ta' qafas.

Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta' għoti ta; kuntratt kif ukoll l-implimentazzjoni ta' diversi kuntratti speċifiċi wara l-għoti huma vvizzjati b'diversi irregolaritajiet, bħalma huma : kriterji ta' għoti mhux regolari, kompżizzjoni mhux adattata tal-kumitat ta' evalwazzjoni, il-fatt li l-kuntratti ngħataw wara l-iskadenza tat-terminu ta' validità ta' depożitu ta' offerti u li l-UASI aċċettat diversi modifiki importanti tat-termini tal-kuntratti speċifiċi.

Ir-rikorrenti ssostni li l-UASI, bħala awtorità kontraenti, kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' trasparenza u ta' amministrazzjoni tajba u evitat l-istrument ta' kuntratti ta' qafas. Barra minn hekk, il-UASI kiser diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.2

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, bħala awtorità ta' kontroll tal-UASI3, ma ħaditx miżuri adattati kontra dawn l-irregolaritajiet. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni m'għandiex id-diskrezzjoni sabiex tieħu jew le xi miżuri kontra kontra l-ksur tad-dritt u terġa tistabilixxi l-legalità u dan huwa għaldaqstant obbligu biex taġixxi.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għal dannu subit minħabba l-fatt li l-irregolaritajiet ta' l-imsemmija proċedura ta' għoti tal-kuntratt u ta' l-implimentazzjoni sussegwenti tagħha.

____________

1 - Suppliment għall-ĠU 135-144019.

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 248, p. 1

3 - L-Artikolu VI.4.2 ta' l-avviż ta' kuntratt dwar il-proċeduri ta' appell jirreferi għall-Artikolu 118 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p.1) li jipprovdi: "Għandha ssir referenza lill-Kummisjoni fi żmien [xahar] mill-jum meta l-parti konċernata tkun saret taf għall-ewwel darba bl-att in kwistjoni".