Language of document : ECLI:EU:C:2007:388

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÀK

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2007 (1)

Kawża C-132/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Denominazzjonijiet ta’ oriġini – Ġobon – ‘Parmigiano Reggiano’ – Użu tad-denominazzjoni ‘Parmesan’ – Nuqqas ta’ Stat Membru li jaġixxi ex officio biex jipproteġġi denominazzjoni ta’ oriġini protetta”





1.         Fil-kawża preżenti il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni skond l-Artikolu 226 KE, li, billi irrifjutat formalment li tibda proċeduri ġudizzjarji fit-territorju tagħha kontra l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobon, taħt id-denominazzjoni ‘Parmesan’, li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini (‘DPO’) “Parmigiano Reggiano” il-Ġermanja qed tikser l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel(2) (ir-’Regolament prinċipali’).

2.        Il-protezzjoni mogħtija lid-DPO irreġistrat ‘Parmigiano Reggiano’ tapplika għall-kelma Ġermaniża ‘Parmesan’? Din id-domanda tinsab fil-qalba tal-proċeduri ta’ ksur preżenti mressqa mill-Kummissjoni kontra l-Ġermanja.

3.        Minbarra dan, fil-kawża preżenti titqajjem ukoll il-kwistjoni tal-miżuri li Stati Membri huma meħtieġa li jieħdu sabiex jinfurzaw il-protezzjoni pprovduta bir-Regolament prinċipali. Jekk jiġi preżunt li l-protezzjoni mogħtija lid-DPO irreġistrat ‘Parmigiano Reggiano’ tapplika għall-kelma Ġermaniża ‘Parmesan’, Stat Membru huwa meħtieġ li jipproċedi ex officio rigward il-ksur tar-Regolament prinċipali bħall-kummerċjalizzazzjoni taħt l-isem “Parmesan” ta’ ġobon li ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”?

I –    Il-protezzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” fid-dritt Komunitarju

A –    Ir-Regolament Nru 2081/92

4.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi:

“1.      Il-protezzjoni tal-Komunità għad-denominazzjoni ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet geografiċi tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel għandha tingħata skond dan ir-Regolament.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      denominazzjoni ta’ oriġini: tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użati sabiex jiddeskrivu prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel:

–        illi joriġinaw f’dak ir-reġjun, post speċifiku jew pajjiż; u

–        li għandhom il-kwalitajiet jew karatteristiċi li huma kkawżati essenzjalment jew esklussivament minħabba ambjent ġeografiku partikolari inklużi l-fatturi naturali u umani tiegħu, u li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija tagħhom iseħħu fiż-żona ġeografika definita […]”

5.        L-Artikolu 3 paragrafu 1 jipprovdi:

“Ismijiet li jkunu saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati.

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “isem li sar ġeneriku” ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manifatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandhom jiġu meqjusa l-fatturi kollha, b’mod partikolari:

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fejn oriġina l-isem u fiż-żoni tal-konsum,

–        is-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri l-oħra,

–        il-liġijiet rilevanti nazzjonali jew tal-Komunità.

Meta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 6 u 7, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda minħabba illi l-isem ikun sar ġeneriku, il-Kummissjoni għandha tippubblika dik id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

6.        L-Artikolu 10 jipprovdi:

 “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi mhux iktar minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom, u l-funzjoni tagħhom għandha tkun illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom isem protett huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet.

[…]

4.      Jekk awtorità ta’ spezzjoni awtorizzata u/jew korp privat fi Stat Membru jistabbilixxi illi prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li għandhom deskrizzjoni ta’ oriġini prottetta f’dak l-Istat Membru ma jissodisfawx il-kriterji ta’ l-ispeċifikazzjoni, għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi dan ir-Regolament jiġi mħares. Huma għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fl-ispezzjonijiet tagħhom. Il-partijiet inkwestjoni għandhom jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu.”

7.        L-Artikolu 13 jiddikjara:

“1. L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

[…]

b)      kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija ndikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, jew simili;

[…]

Meta isem irreġistrat ikun jinkludi l-isem ta’ prodott agrikolu jew prodott ta’ l-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dak l-isem ġeneriku u l-prodott agrikolu jew il-prodott ta’ l-ikel m’għandux jitqies li jmur kontra (a) jew (b) fl-ewwel subparagrafu.

[…]

3. Ismijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi”.

B –    Ir-reġistrazzjoni ta’’Parmigiano Reggiano’

8.        Id-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ ġiet irreġistrata bħala denominazzjoni ta’ oriġini skond l-Artikolu 2 u t-Titolu A ta’ l-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96(3) (ir-’Regolament dwar ir-reġistrazzjoni’) b’effett mill-21 ta’ Ġunju 1996.

9.        Id-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ ġiet irreġistrata skond il-proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament prinċipali. Din il-proċedura simplifikata applikat biss għal reġistrazzjonijiet li ntalbu matul is-sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament prinċipali. Din kienet maħsubha biex tagħti protezzjoni fil-Komunità kollha lil dawk id-denominazzjonijiet li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament prinċipali, jew għax kienu jgawdu protezzjoni legali taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri, jew għal dawk l-Istati Membri li ma kellhomx sistema ta’ protezzjoni, peress li d-denominazzjoni kienet ġiet stabbilita bl-użu. Taħt il-proċedura simplifikata reġistrazzjoni kienet eżentata mill-istadju ta’ oppożizzjoni meħtieġ mill-Artikolu 7 tar-Regolament prinċipali għall-proċedura normali.

II – Il-proċedura prekontenzjuża

10.      Sussegwentement għal ilment li ġie ppreżentat minn diversi operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi, b’ittra tal-15 ta’ April 2003, biex jagħtu struzzjonijiet ċari lill-aġenziji tal-Gvern responsabbli għall-prosekuzzjoni ta’ frodi, biex ineħħu l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju Ġermaniż ta’ prodotti ddenominati “Parmesan” li ma kinux konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjoni rreġistrata “Parmigiano Reggiano”. It-terminu “Parmesan” kien, skond il-Kummissjoni, it-traduzzjoni tad-denominazzjoni rreġistrata ‘Parmigiano Reggiano’, u l-użu tiegħu għalhekk kien jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali.

11.      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Ġermaniż sostna li, għalkemm it-terminu ‘Parmesan’ storikament kien oriġina mir-reġjun ta’ Parma, dan kien sar denominazzjoni generica intiża għal ġobniet iebsin ta’ oriġini ġeografiċi ta’ diversi pronenjenzi, maħkuka jew intiżi sabiex jiġu maħkuka. Għalhekk it-terminu ‘Parmesan’ huwa differenti mid-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ u l-użu tiegħu ma jikkostitwix ksur tar-Regolament prinċipali.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12.      Peress li l-partijiet żammew il-pożizzjoniet tagħhom matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kawża preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ssostni li l-Qorti għandha:

‘–      tiddikjara li, meta formalment irrifjutat li tibda proċeduri ġudizzjarji, fuq it-territorju tagħha, kontra l-użu ta’ l-isem “Parmesan” fuq it-tikkettjar ta’ prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjoni protetta ta’ oriġini “Parmigiano Reggiano” u għalhekk inkoraġġiet l-użu ħażin tar-reputazzjoni li jgawdi minnha l-prodott awtentitiku fuq livell tal-Komunità, ir-Repubblika Federal tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel;

–      tikkundanna ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas l-ispejjeż tal-kawża.’

IV – Osservazzjonijiet preliminari

13.      Fil-kawża preżenti, ser ikun meħtieġ l-ewwel li jiġi stabbilit jekk l-użu tat-terminu ‘Parmesan’ għat-tikkettjar ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano” minn operaturi ekonomiċi fil-Ġermanja jikkostitwix ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali. F’dan ir-rigward il-Ġermanja b’mod partikolari resqet id-difiża li ‘Parmesan’ sar isem ġeneriku, li għalhekk ma jistax jiġi protett bir-reġistrazzjoni tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’.

14.      Sussegwentement jiena ser neżamina jekk il-Ġermanja kisritx l-obbligi tagħha li joħorġu mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali billi naqset milli tieħu azzjoni ex officio kontra sitwazzjoni li, fil-fehma tal-Kummissjoni, tikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju minn partijiet privati, jiġifieri, l-użu ta’ l-isem ‘Parmesan’ għat-tikketjar ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’. It-tweġiba għal din id-domanda għandha tgħin biex tikkjarifika sa ċertu punt l-għan ta’ l-obbligu impost fuq l-Istati Membri taħt ir-Regolament prinċipali sabiex jiżgura konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom.

V –    It-terminu “Parmesan” huwa protett bħala konsegwenza tar-reġistrazzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano”?

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

1.      Il-Kummissjoni

15.      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Gvern Taljan, tosserva li t-terminu ‘Parmesan’ huwa traduzzjoni korretta tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini ‘Parmigiano Reggiano’. It-traduzzjoni, l-istess bħad-denominazzjoni protetta ta’ l-oriġini fl-ilsien ta’ l-istat ta’ oriġini, hija esklużivament irriżervata għal prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. L-istorja tad-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ turi r-rabta mill-qrib bejn il-ġobon, ir-reġjun fejn jiġi prodott u l-isem ‘Parmesan’, li għalhekk bl-ebda mod m’huwa isem ġeneriku.

16.      Madanakollu, anki jekk wieħed jassumi li ‘Parmesan’ mhijiex traduzzjoni tad-DPO kompluta ‘Parmigiano Reggiano’, il-kelma ‘Parmesan’ madanakollu hija t-traduzzjoni litterali tal-kelma ‘Parmigiano’ bil-Franċiż minn liema ġiet mgħoddija sekli ilu lejn il-Ġermaniż u ilsna oħra. It-traduzzjoni ta’ l-element kostitwenti ‘Parmigiano’ hija protetta għaliex, skond id-dritt Komunitarju, ir-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni li jkun fiha diversi termini tikkonferixxi l-istess protezzjoni fuq l-elementi kostitwenti bħad-denominazzjoni magħquda fl-intier tagħha. Għalhekk ir-Regolament prinċipali ma jirrikjedix ir-reġistrazzjoni ta’ kull wieħed mill-elementi individwali maħsuba li jiġu protetti fi ħdan denominazzjoni magħquda, iżda jassumi li kull element huwa protett. Dan ifisser li anki jekk “Parmesan” mhijiex ikkunsidrata li hija t-traduzzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano” iżda biss it-traduzzjoni litterali ta’ l-element kostitwenti tagħha “Parmigiano”, it-traduzzjoni tagħha “Parmesan” hija neċessarjament protetta bħala konsegwenza tal-protezzjoni tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”.

17.      Huwa biss fejn l-Istat Membru kkonċernat jindika matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni magħquda lill-Kummissjoni li l-protezzjoni mhijiex rikjesta għal ċerti partijiet tad-denominazzjoni, li element konstitwenti ta’ denominazzjoni magħquda, jekk jiġi wżat waħdu, ma jibbenefikax mill-protezzjoni mogħtija bir-Regolament prinċipali. Il-Kummissjoni mbagħad kien ikollha tieħu dan in kunsiderazzjoni meta stabbilixxiet ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni meta ddikjarat f’nota tal-qiegħ il-paġna li l-protezzjoni għal xi element kostitwenti partikolari ta’ denominazzjoni magħquda ma ġietx mitluba. Fil-każ tad-denominazzjoni ta’ oriġini ‘Parmigiano Reggiano’, l-ebda wieħed miż-żewġ elementi kostitwenti ma kien madanakollu s-suġġett ta’ xi nota tal-qiegħ il-paġna bħal din.

18.      Barra dan m’hemm ebda raġunijiet validi għall-fehma tal-Ġermanja li l-espressjoni ‘Parmigiano’, meta użata waħidha, għandha tiġi meqjusha, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament prinċipali, bħala isem ġeneriku li l-konsumatur ma jassoċjax ma’ żona ġeografika speċifika. Minbarra dan, it-traduzzjoni ‘Parmesan’ ma evolvietx biex issir terminu ġeneriku.

19.      Ċertament denominazzjoni ġeografika tista’, biż-żmien u bl-użu, issir terminu ġeneriku fis-sens li l-konsumaturi jaslu biex iqisuha bħala indikazzjoni ta’ ċertu tip ta’ prodott milli bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini ġeografika tal-prodott, kif ġara per eżempju fil-każ tad-denominazzjonijiet ‘Camembert’ u ‘Brie’.

20.      Fil-każ preżenti, madanakollu, il-Kummissjoni tirrileva li storikament kien hemm dejjem konnessjoni mill-qrib bejn ir-reġjun ġeografiku partikolari ta’ l-Italja, minn fejn jiġi l-ġobon, u t-terminu “Parmesan”, fatt li juri li dan it-terminu qatt, u fl-ebda mument, ma tilef il-konnotazzjoni ġeografika tiegħu. Għalhekk l-isem Parmesan mhuwiex terminu ġeneriku li jista’ jiġi distint mid-denominazzjoni protetta ta’ oriġini “Parmigiano Reggiano”.

21.      Jekk l-isem “Parmesan” kien tassew terminu newtrali mingħajr din il-konnotazzjoni, ma jkun hemm l-ebda spjegazzjoni plawżibbli għall-isforzi ta’ produtturi ta’ imitazzjonijiet biex jistabbilixxu permezz ta’ kliem u xbieha rabta bejn il-prodotti tagħhom u l-Italja.

22.      Minbarra dan, il-fatt li sas-sena 2000 il-ġobon imsejjaħ “Parmesan”, li ma kienx konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-“Parmigiano Reggiano”, kien jiġi prodott fit-territorju Taljan ma jindikax li t-terminu kien terminu ġeneriku fl-Italja għal ġobniet iebsin ta’ oriġini differenti, għaliex il-ġobon in kwistjoni kien maħsub esklużivament għall-esportazzjoni lejn pajjiżi fejn it-terminu ‘Parmesan’ ma kienx igawdi xi protezzjoni partikolari, skond il-prinċipju tat-territorjalità ta’ protezzjoni. Fi kwalunkwe każ huwa biss mill-21 ta’ Ġunju 1996, id-data meta r-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni daħal fis-seħħ, li d-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ ġiet protetta fuq livell Komunitarju.

23.      Fi kwalunkwe każ, l-użu tad-denominazzjoni “Parmesan” għal ġobon li mhuwiex konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-“Parmigiano Reggiano” fi kwalunkwe każ jikkostitwixxi evokazzjoni ta’ dan id-DPO, li hija pprojbita mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali.

24.      Għal din ir-raġuni, il-kummerċjalizzazzjoni, taħt id-denominazzjoni ‘Parmesan’, ta’ ġobon li mhuwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament.

2.      Il-Gvern Ġermaniż

25.      Il-Gvern Ġermaniż, appoġġjat mill-Gvern Daniż u l-Gvern Awstrijak, isostni li ‘Parmesan’ mhijiex traduzzjoni tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ għall-Ġermaniż iżda isem ġeneriku użat biex jiddenomina kategorija ta’ ġobniet iebsin, maħkuka jew maħsuba biex jiġu maħkuka li jinkludu, fost l-oħrajn, il-’Parmigiano Reggiano’.

26.      Denominazzjoni protetta ta’ oriġini hija suġġetta għall-protezzjoni ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali biss fil-forma eżatta li fiha ġiet irreġistrata. Ma tistax issir inferenza kuntrarja mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Chiciak u Fol (4).

27.      Peress li “Parmesan” hija sempliċement it-traduzzjoni litterali, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, tat-terminu ‘Parmigiano’, l-użu tal-kelma ‘Parmesan’ ma jiksirx il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali għad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”.

28.      Minbarra dan, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bigi,(5), il-Gvern Taljan stess kien espressament ikkonferma li apposta ma irreġistrax id-denominazzjoni “Parmigiano”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni, id-denominazzjoni ‘Parmigiano’ ma tistax waħedha tgawdi protezzjoni taħt id-dritt Komunitarju.

29.      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, kif illustrat bis-sitwazzjoni fl-Italja u fi Stati Membri oħrajn kif ukoll mil-leġiżlazzjoni fuq livell nazzjonali u Komunitarju, l-espressjoni ‘Parmigiano’, meta tiġi użata waħedha, għandha tiġi meqjusa bħala isem ġeneriku skond l-Artikolu 3 tar-Regolament prinċipali. Għaldaqstant, skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament prinċipali, it-terminu ‘Parmigiano’ ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tar-Regolament prinċipali minħabba l-karatteristika ġenerika tiegħu.

30.      Fi kwalunkwe każ, dak li huwa deċiżiv fil-kuntest tal-proċeduri għal ksur ta’ twettiq ta’ obbligu huwa jekk il-kelma ‘Parmesan’ hijiex meqjusha bħala terminu ġeneriku fil-Ġermanja u huwa ċar li l-kelma ‘Parmesan’ fil-Ġermanja kienet dejjem denominazzjoni ġenerika għall-ġobniet iebsin, maħkuka jew intiżi biex jiġu maħkuka.

31.      Alternattivament, il-Gvern Ġermaniż jissottometti li anki jekk it-terminu ‘Parmigiano’ ma kellux jiġi meqjus bħala denominazzjoni ġenerika, l-użu tat-traduzzjoni ‘Parmesan’ xorta waħda ma kienx awtomatikament jikkostitwixxi użu ħażin tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’. L-użu ta’ traduzzjoni ta’ DPO u a fortiori ta’ elementi individwali ta’ DPO jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) biss jekk dik it-traduzzjoni fil-fatt tikkostitwixxi evokazzjoni ta’ dak id-DPO.

32.      Ma kien hemm ebda evokazzjoni bħal din fil-każ ta’ l-isem “Parmesan” li għadda minn evoluzzjoni indipendenti tad-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’ u matul is-sekli sar denominazzjoni ġenerika fil-lingwaġġ komuni tal-konsumaturi. Din l-evoluzzjoni hija stramba għal din id-denominazzjoni u seħħet fil-Ġermanja, u fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk l-użu tat-terminu ‘Parmesan’ ma jikkostitwix użu ħażin jew evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta ‘Parmigiano Reggiano’.

B –    Analiżi

1.      Il-prinċipju : protezzjoni wiesgħa

33.      Bħala riżultat tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” l-użu tagħha huwa esklużivament irriżervat għal produtturi li joperaw f’żona ġeografika limitata ta’ l-Italja u li jipproduċu dan il-ġobon u li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għal din id-DPO.

34.      L-iskop tal-protezzjoni mogħtija lil DPO taħt id-dritt Komunitarju huwa wieħed wiesa’(6). Din il-protezzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali. Skond l-Artikolu 13(1)(b), denominazzjoni rreġistrata hija protetta kontra kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni”, jew simili.

2.      Restrizzjoni: il-karatteristika ġenerika ta’ isem

35.      Limitazzjoni importanti għall-iskop tal-protezzjoni mogħtija lil DPO irreġistrati tikkonsisti fil-fatt li ismijiet ġeneriċi ma jaqgħux taħt il-protezzjoni mogħtija mir-Regolament prinċipali.

36.      Skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament prinċipali “għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘isem li sar ġeneriku’ ifisser l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ l-ikel illi, minkejja li huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott jew dan l-ikel ġie magħmul jew manifatturat oriġinarjament, dan l-isem ikun sar l-isem komuni ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott ta’ l-ikel”.

37.      Għalhekk, fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, dan jimplika proċess ta’ ġeneralizzazzjoni jew erożjoni ta’ isem li jirreferi għal post, x’aktarx fejn ikel partikolari kien ġie prodott oriġinarjament. Eżempji ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi li għaddew minn proċess bħal dan huma ‘Roquefort’ (imsemmi għal post fi Franza) jew ‘ġobon Edam’ (imsemmi għal belt fl-Olanda).

38.      Fir-Regolament prinċipali, il-karatteristika ġenerika ta’ terminu hija msemmija skond tlett aspetti. L-ewwel, ir-Regolament jipprovdi li termini ġeneriċi ma jistgħux jiġu rreġistrati (l-Artikolu 3(1)); it-tieni, id-denominazzjonijiet protetti ma jistgħux isiru ġeneriċi (l-Artikolu 13(3)); u t-tielet, l-elementi ġeneriċi ta’ denominazzjoni rreġistrata mhumiex protetti (it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 13(1)).

39.      Fil-kawża preżenti l-ewwel u t-tieni aspett li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskop ta’ l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 13(3), m’hemmx diskussjoni dwarhom, għaliex dak li ġie rreġistrat kien id-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”, li bħala tali mhwiex argumentat li hija ġenerika u r-reġistrazzjoni ta’ liema għalhekk ma ġietx ikkontestata.

40.      Fil-kawża preżenti huwa argumentat li l-kliem “Parmesan” u “Parmigiano” huma ġeneriċi imma l-ebda argument bħal dan ma sar fir-rigward tad-DPO irreġistrata ‘Parmigiano Reggiano’ fit-totalità tagħha. Għalhekk huwa fil-kuntest tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 13(1), li teskludi l-protezzjoni ta’ elementi ġeneriċi ta’ DPO magħquda li tqum il-kwistjoni tal-karatteristika ġenerika fil-kawża preżenti. Dan il-kuntest legali huwa differenti minn dak fis-serje ta’ sentenzi Feta fejn dak li kien hemm kwistjoni dwaru kien il-karatteristika ġenerika tad-denominazzjoni ppreżentata għar-reġistrazzjoni li kienet il-punt ċentrali ta’ bosta azzjonijiet legali.

3.      It-terminu ‘Parmesan’ jaqa’ fi ħdan l-iskop tal-protezzjoni pprovduta bl-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali?

41.      Denominazzjoni tiġi normalment irreġistrata fil-lingwa ta’ l-Istat ta’ oriġini tad-DPO. Għalhekk, per eżempju Franza irreġistrat id-DPO ‘Camembert de Normandie’ u l-Ġermanja d-DPO ‘Altenburger Ziegenkäse’. It-traduzzjonijiet ta’ DPO f’lingwi uffiċjali oħra kollha ta’ l-UE ma jiġux irreġistrati separatament sakemm ma jiġux użati diversi lingwi fiż-żona ta’ produzzjoni ta’ prodotti li għandhom id-DPO. F’dan il-każ id-DPO tiġi rreġistrata normalment fil-lingwi użati fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tad-DPO.

42.      Tiġi sollevata l-kwistjoni dwar jekk traduzzjoni ta’ DPO hijiex protetta bl-istess mod bħad-DPO irreġistrata innifisha. Jidher mit-termini (‘anki jekk [[…]] l-isem protett huwa tradott’) ta’ l-Artikolu 13(1)(b) li traduzzjonijiet ta’ DPO irreġistrati huma bħala prinċipju protetti bl-istess mod bħad-DPO fil-lingwa oriġinali. Minbarra dan, dan l-approċċ huwa fil-fehma tiegħi sostnut bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Bigi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja assumiet li l-protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali kienet tapplika bl-istess mod għal traduzzjonijiet ta’ DPO(7).

43.      Madanakollu, ir-Regolament prinċipali ma jgħid xejn dwar kif għandu jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi traduzzjoni ta’ DPO. X’aktarx li din id-domanda mhijiex ser tqajjem diffikultajiet ta’ spiss, peress li l-parti l-kbira tad-DPO jew ma jiġux tradotti iżda jiġu użati fil-forma użata fil-lingwa tal-pajjiż ta’ oriġini tad-DPO jew it-traduzzjoni tkun daqstant litterali li ma jkun jista’ jitqajjem l-ebda dubju.

44.      Dan mhux il-każ fil-kawża preżenti. Filwaqt li mhux ikkontestat li “Parmigiano Reggiano” ġiet irreġistrata skond il-proċedura simplifikata stabbilita mill-Artikolu 17 tar-Regolament prinċipali u tibbenefika mill-protezzjoni stabbilita bl-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali, huwa kkontestat jekk “Parmesan” għandhiex tiġi meqjusa bħala traduzzjoni, fi ħdan it-tifsira tar-Regolament prinċipali tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’, u għandha għalhekk tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament prinċipali.

45.      F’Bigi (8) id-domanda jekk “Parmesan” kinitx it-traduzzjoni preċiża ta’ “Parmigiano Reggiano” ġiet mressqha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ eċċezzjoni dwar inammissibbiltà.

46.      L-Avukat Ġenerali Léger ħa l-pożizzjoni li meta tiġi kkunsidrata l-evoluzzjoni storika u etimoloġika tad-denominazzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li ‘Parmesan’ kienet traduzzjoni ‘fidila’ pjuttost milli traduzzjoni litterali tad-DPO u li l-ismijiet “Parmigiano” jew “Parmesan” u “Parmigiano Reggiano” kienu jistgħu jitbiddlu ma’ xulxin jew huma ekwivalenti(9).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, sempliċiment indikat li l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub(10) assumew li ‘Parmigiano Reggiano’ u ‘Parmesan’ kienu ekwivalenti u ddikjarat li ma kien xejn ċar jekk ‘Parmesan’ kinitx saret ġenerika(11). Fuq din il-bażi hija ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ l-inammissibbiltà ppreżentata mill-Ġermanja.

48.      Għall-għanijiet tal-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li mhux ikkontestat bejn il-partijiet li Parmesan mhijiex traduzzjoni litterarja għall-Ġermaniż ta’ ‘Parmigiano Reggiano’ iżda hija isem idderivat mit-traduzzjoni għall-Franċiż ta’ ‘Parmigiano’, wieħed mill-elementi kostitwenti tad-DPO “Parmigiano Reggiano”. Li hu kkontestat madankollu huwa jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ‘Parmesan’ hija wkoll it-traduzzjoni Ġermaniża, mislufa mil-lingwa Franċiża, tad-denominazzjoni ta’ oriġini ‘Parmigiano Reggiano’.

49.      Fil-fehma tiegħi sabiex “Parmesan” tiġi kkunsidrata bħala traduzzjoni ta’ “Prmigiano Reggiano”skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali, dawn iż-żewġ termini għandhom ġeneralment jitqiesu mill-konsumaturi bħala ekwivalenti.

50.      Filwaqt li l-kwotazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni matul il-kawża juru li l-isem ‘Parmesan’ inizjalment kien derivat mid-denominazzjoni ‘Parmigiano’ li kien jiddenomina ġobna prodotta fir-reġjun ta’ Parma, dawn ma jurux li l-kelma ‘Parmesan’ għadha sa issa meqjusha bħala ekwivalenti għad-denominazzjoni ‘Parmigiano Reggiano’, li tirreferi esklużivament għal ċertu tip ta’ ġobon prodott fl-Emilia-Romagna. Il-materjal ta’ l-ippakkjar ippreżentat mill-Kummissjoni sempliċiment juri li konsumaturi jistgħu possibilment jirrelataw il-kelma “Parmesan” ma’ l-Italja, li huwa l-pajjiż ta’ oriġini tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

51.      Il-Ġermanja, madankollu, b’sostenn għall-argument tagħha li ‘Parmesan’ mhijiex it-traduzzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano” tissottometti b’mod partikolari li f’Konvenzjoni bilaterali bejn l-Italja u l-Awstrija ta’ l-1954 “Parmigiano Reggiano” ġiet tradotta għall-Ġermaniż bħala “Parmigiano Reggiano” u mhux bħala “Parmesan”. Għalkemm din il-Konvenzjoni m’għadhiex aktar fis-seħħ peress ġiet sostitwita mir-Regolament prinċipali, din tikkostitwixxi prova fattwali dwar kif id-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” ġiet tradotta fil-Ġermaniż, permezz ta’ ftehim bilaterali bejn l-Italja u l-Awstrija, wara li l-leġiżlatura Taljana kienet iddeċidiet li tipproteġġi d-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” bil-liġi.

52.      Fil-fehma tiegħi l-provi mressqa mill-partijiet ma jippermettulix nikkonkludi b’ċertezza li ‘Parmesan’ hija l-ekwivalenti u għalhekk it-traduzzjoni ta’ “Parmigiano Reggiano”. Jista’ biss jiġi stabbilit b’ċertezza li t-termini ‘Parmesan’ u ‘Parmigiano’ huma ekwivalenti u għalhekk traduzzjonijiet ta’ xulxin.

53.      Fi kwalunkwe każ, indipendentement minn jekk il-kelma “Parmesan” hijiex it-traduzzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano”, jiena nikkunsidra li “Parmesan” tista’ tikkostitwixxi evokazzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano” skond l-Artikolu 13(1)(b) u għalhekk taqa’ fi ħdan l-iskop tal-protezzjoni mogħtija mir-Regolament prinċipali għad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

54.      L-Artikolu 13(1)(b) jipprojbixxi l-‘evokazzjoni’ ta’ DPO “anki jekk l-oriġini vera tal-prodott tiġi indikata”.

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-terminu “evokazzjoni”, kif isir referenza għalih fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali, jkopri sitwazzjoni fejn it-terminu użat biex jiddenomina prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-prodott, l-ixbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta(12).

56.      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli għal denominazzjoni protetta li tiġi evokata fejn m’hemmx il-probabbilità ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati u anki fejn l-ebda protezzjoni Komunitarja ma testendi għall-partijiet ta’ dik id-denominazzjoni li huma riflessi fit-terminu jew termini in kwistjoni(13). Indikazzjoni ta’ l-oriġini vera tal-prodott fl-ippakkjar tiegħu m’għandha ebda rilevanza għall-kwistjoni jekk kienx hemm użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 13(1)(b)(14).

57.      Meta kellha quddiemha d-domanda jekk l-użu tat-trade mark “Cambozola” kellux jiġi meqjus bħala evokazzjoni tad-DPO ‘Gorgonzola’, il-Qorti kkunsidrat li xebh viżwali (il-prodott in kwistjoni kien ġobon blu artab li jixbaħ fl-apparenza lil “Gorgonzola”) u xebh fonetiku (it-terminu użat biex jiddenomina dak il-prodott jispiċċa bl-istess żewġ sillabi u fih l-istess numru ta’ sillabi) huma kunsiderazzjonijiet essenzjali biex jiġi stabbilit jekk hemmx evokazzjoni(15).

58.      Fil-każ preżenti, hemm xebh fonetiku bejn id-DPO “Parmigiano Reggiano” u l-kelma “Parmesan”, peress li fiha l-istess l-ewwel erbgħa ittri u hi, kif jaqblu l-prtijiet, it-traduzzjoni ta’ wieħed mill-partijiet kostitwenti, jiġifieri “Parmigiano”. Hemm ukoll xebh viżwali peress li ż-żewġ kelmiet huma użati għall-istess tip ta’ ġobon iebes, li huwa maħkuk jew maħsub li jiġi maħkuk.

59.      Għalhekk it-terminu “Parmesan” jidher fil-prinċipju li jikkostitwixxi evokazzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

60.      Il-Gvern Ġermaniż isostni madankollu li t-terminu “Parmesan” ma jistax jitqies bħala evokazzjoni tad-DPO “Parmigiano Reggiano” peress li “Parmesan” huwa terminu ġeneriku. Isegwi li għandu jiġi stabbilit jekk il-Ġermanja pprovdietx provi biżżejjed biex tissostanzja din l-asserzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 13(1)(b) it-tieni frażi tar-Regolament prinċipali, skond liema elementi ġeneriċi ta’ DPO mhumiex protetti(16).

61.      Fis-sentenza Id-Danimarka et vs Il-Kummissjoni (‘Feta I’) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament prinċipali espressament jirrikjedi li, sabiex jiġi stabbilit jekk isem ikunx sar ġeneriku, għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-fatturi kollha, inklużi dejjem dawk li huma espressament elenkati, jiġifieri s-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru li fih joriġina l-isem u f’zoni ta’ konsum, is-sitwazzjoni eżistenti fi Stati Membri oħra u d-dritt rilevanti nazzjonali jew Komunitarju(17).

62.      Fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni(18) (‘Feta II’) il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-karatteristika ġenerika ta’ l-isem ‘feta’ partikolarment abbażi ta’ (i) is-sitwazzjoni tal-produzzjoni ġewwa u barra l-pajjiż ta’ oriġini tad-denominazzjoni; (ii) il-konsum ta’ feta u l-perċezzjoni tal-konsumaturi ġewwa u barra l-pajjiż ta’ oriġini tad-denominazzjoni, u (iii) l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda speċifikament il-feta, u (iv) il-mod kif l-isem kien użat skond id-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li diversi fatturi rilevanti u importanti kienu jindikaw li t-terminu ma kienx sar ġeneriku. Fil-fatt l-elementi essenzjali jidhru li kienu l-konċentrazzjoni ta’ produzzjoni u konsum fil-Greċja kif ukoll l-assoċjazzjoni f’moħħ il-konsumaturi bejn ‘feta’ u ġobna li toriġina fil-Greċja.

63.      Fil-kawża preżenti, il-partijiet issottomettew provi empiriċi rigward in-natura ġenerika jew mhux ġenerika tal-kelma “Parmesan”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx ipprovduta b’figuri dwar il-produzzjoni jew il-konsum ta’ “Parmigiano Reggiano” fl-Italja jew ta’ ġobon ikkummerċjalizzat bħala “Parmesan” fil- fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.

64.      Il-partijiet sempliċiment ipprovdew kwotazzjonijiet minn dizzjunarji u kitbiet speċjalizzati, li ma jipprovdu ebda fehma komprensiva dwar kif il-kelma “Parmesan” hija pperċepita minn konsumaturi fil-Ġermanja u lill hinn minnha.

65.      Prova oħra li ġiet ippreżentata kienet fil-forma ta’ materjal ta’ ppakkjar u ta’ kummerċjalizzazzjoni li juru li xi produtturi ta’ ġobon li huwa kkummerċjalizzat taħt l-isem “Parmesan” imma li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tad-DPO “Parmigiano Reggiano” jippruvaw jistabbilixxu konnessjoni bejn il-prodott tagħhom u l-Italja iżda mhux mar-reġjun attwali fejn il-’Parmigiano Reggiano’ huwa prodott. Madankollu huwa dubjuż jekk is-sempliċi assoċjazzjoni bejn il-prodott u l-Istat Membru ta’ oriġini u d-DPO in kwistjoni hija, fil-kważa preżenti(19), hijiex biżżejjed biex tagħti prova li isem sar jew ma sarx ġeneriku.

66.      Fir-rigward ta’ l-istatus ta’ l-isem ‘Parmesan’ taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex evalwazzjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni dwar il-Parmesan jew l-użu tal-kelma ‘Parmesan’ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stati Membri oħra. Il-Ġermanja biss ippreżentat data rigward parti minn leġiżlazzjoni barranija waħda, li hija l-leġiżlazzjoni Awstrijaka, fejn il-kelma ‘Parmesan’ tidher li hija wżata bħala terminu ġeneriku.

67.      Isegwi li l-Ġermanja lanqas biss ipproduċiet provi biex tissostanzja b’mod konkret l-argument tagħha li l-isem ‘Parmesan’ sar wieħed ġeneriku fil-Ġermanja. Għal dan il-għan, kien ikun utli fil-fehma tiegħi li tiġi prodotta inter alia informazzjoni komprensiva dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi rigward l-isem ‘Parmesan’, per eżempju fil-forma ta’ sondaġġ tal-konsumaturi, u l-produzzjoni ta’ data dwar il-ġobon ikkummerċjalizzat bħala ‘Parmesan’ u l-konsum u d-data dwar produzzjoni li tikkonċerna ġobon ikkummerċjalizzat bħala ‘Parmigiano Reggiano’ u bħala ‘Parmesan’. Madanakollu ma jkunx realistiku li jiġi meħtieġ minn Stat Membru li jipprovdi prova kompluta li kelma saret ġenerika lil hinn mit-territorju tiegħu.

C –    Konklużjoni

68.      Peress li l-Ġermanja li qajmet bħala difiża fil-kawża preżenti l-karatteristika ġenerika tat-terminu “Parmesan” naqset milli tipproduċi, anki fir-rigward tal-Ġermanja, provi biex tissostanzja b’mod konkret l-argument tagħha li l-isem ‘Parmesan’ sar wieħed ġeneriku, l-użu tal-kelma “Parmesan” għal ġobon li ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ għandu jiġi meqjus għall-għanijiet tal-kawża preżenti bħala li jikser il-protezzjoni pprovduta għal din id-DPO skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali.

69.      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ezaminat jekk il-Ġermanja għandhiex obbligu li tmexxi l-prosekuzzjoni ex officio għall-ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali li fil-każ preżenti jieħu l-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobon taħt id-denominazzjoni “Parmesan”, li ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

VI – Il-Ġermanja għanda l-obbligu li tibda proċedura ġudizzjarja ex officio għall-ksur ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali?

A –    L-argumenti tal-partijiett

1.      Il-Kummissjoni

70.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Ġermanja ma kkonformatx ma’ l-obbligi imposti mill-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali meta formalment irrifjutat li tmexxi l-prosekuzzjoni, fit-territorju tagħha, kontra l-użu tad-denominazzjoni ‘Parmesan’. Hija targumenta, b’mod partikolari, li ksur ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ miżuri ex officio u mhux sempliċiment b’kawżi privati ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali.

71.      L-Istati Membri għandhom jintervjenu ex officio sabiex jiżguraw li l-għanijiet kollha tar-Regolament prinċipali, jiġifieri, il-protezzjoni ta’ l-interessi tal-produtturi ta’ prodotti koperti b’DPO, il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku ta’ zoni rurali ta’ produzzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur jintlaħqu. Miżuri ex officio huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li prodotti li mhumiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament prinċipali ma jiġux ikkummerċjalizzati. Għal dawn l-għanijiet l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri amministrattivi xierqa u jipprovdu għal sanzjonijiet kriminali adegwati.

72.      Il-possibiltà li jitressqu kawżi privati permezz tal-qrati mhijiex adegwata peress li dawn sempliċiment ifittxu li jipproteġġu interessi ekonomiċi privati, u b’dan il-mod iqiegħu fir-riskju l-għanijiet l-oħra tar-Regolament prinċipali.

73.      L-argument tal-Ġermanja li ma kien hemm ebda kawża kontra l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobon li ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ quddiem il-Qrati Ġermaniżi huwa rrilevanti għaliex, sabiex jinfurżaw ir-Regolament prinċipali b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom, fi kwalunkwe każ, imexxu l-prosekuzzjoni ex officio kontra l-kummerċjalizzazzjoni illegali ta’ prodotti msejjħa ‘Parmesan’ li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ mingħajr il-ħtieġa ta’ ilment jew ta’ kawża mressqa minn individwu jew assoċjazzjoni għal protezzjoni tal-konsumatur.

74.      L-obbligu li jintervjenu permezz ta’ l-użu ta’ miżuri ex officio joħroġ b’mod ċar mit-termini ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament prinċipali, li jirrikjedi l-Istati Membri li jkollhom f’posthom strutturi ta’ ispezzjoni biex jivverifikaw li DPO ma jiġux użati ħażin. Minbarra dan, f’numru ta’ Stati Membri il-funzjonijiet ta’ dawn l-istrutturi jinkludu l-monitoraġġ ta’ konformità ma’ l-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali. L-obbligu li jipprovdu għal multi amministrattivi u kriminali jikkonferma l-obbligu li jaġixxu ex officio.

75.      Meta m’għamlitx dan, il-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 (1)(b) tar-Regolament prinċipali bl-istess mod li Franza naqset milli twettaq l-obbligi tagħha meta naqqset li taġixxi fiċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs. Franza(20).

2.      Il-Ġermanja

76.      Il-Ġermanja ssostni li l-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati u denominazzjonijiet ta’ oriġini huwa direttament applikabbli u jagħti drittijiet lil dawk li għandhom drittijiet jew li huma utenti leġittimi li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġġu. F’dan ir-rigward jistgħu jiġu ppreżentati kawżi taħt il-liġi dwar it-trade marks, il-liġi dwar l-ikel u l-liġi dwar kompetizzjoni mhux usta għal ksur tad-DPO.

77.      Fil-każ preżenti jmiss għalhekk lill-qrati Ġermaniżi li jeżaminaw jekk l-użu tad-denominazzjoni “Parmesan” fuq it-tikketti ta’ prodotti ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” u b’hekk jikser it-termini tar-Regolament prinċipali.

78.      Billi stabbiliet infurzar privat bħal dan, il-Ġermanja ħadet il-miżuri meħtieġa kollha biex tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament prinċipali. Mhux meħtieġ li ssir il-prosekuzzjoni ex officio minn awtoritajiet pubbliċi ta’ tali ksur sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali.

79.      L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għal strutturi ta’ spezzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament prinċipali ma jirrikjedix moniteraġġ ad hoc ta’ ksur possibbli ta’ l-Artikolu 13 minn operaturi ekonomiċi fuq it-territorju Ġermaniż. Għalkem it-termini ta’ l-Artikolu 10(4) tar-Regolament prinċipali mhumiex għal kollox ċari, jidher mit-tqabbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tiegħu li minħabba l-oriġini Taljana tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Parmigiano Reggiano’, imiss li huwa l-“Consorzio del Formaggio Parmigiano Reggiano” u mhux l-awtoritajiet ta’ spezzjoni Ġermaniżi li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott matul l-użu ta’ din id-denominazzjoni.

80.      Is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita taħt il-liġi Ġermaniża hija biżżejjed biex tiżgura t-twettiq effettiv ta’ l-għanijiet tar-Regolament prinċipali fil-Ġermanja. Minbarra dan, il-possibiltà li tfittex rimedju quddiem il-qrati nazzjonali kontra kull imġieba li tkun kontra l-protezzjoni mogħtija fir-rigward ta’ denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata mhijiex riżervata għall-utent leġittimu ta’ dik id-denominazzjoni iżda hija miftuħa għal kompetituri, assoċjazzjonijiet ta’ negozju u organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Il-medda wiesgħa ta’ persuni li għandhom locus standi quddiem il-qrati turi li l-miżuri li jeżistu fil-Ġermanja biex jiżguraw l-infurzar tar-Regolament prinċipali li jistabbilixxu sistema ġenerali u effiċjenti biex jiġu evitati u imposti multi għal ksur ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament prinċipali.

81.      Filwaqt li r-Regolament prinċipali jista’ tabilħaqq isegwi diversi għanijiet, jiġifieri l-protezzjoni ta’ interessi ekonomiċi u l-protezzjoni tal-konsumatur, m’hemm xejn fih li jissuġġerixxi li s-sistema eżistenti Ġermaniża ta’ protezzjoni u infurzar permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja privata mhijiex suffiċjenti biex tiżgura l-protezzjoni xierqa ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini. Tassew is-sistema Ġermaniża ta’ protezzjoni hija konsistenti mal-mod li bih il-propjetà intelletwali tiġi infurzata u l-konsumaturi jiġu protetti kontra kompetizzjoni inġusta taħt id-dritt Komunitarju.

82.      L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jibdew proċeduri ġudizzjarji rigward ksur tar-Regolament prinċipali permezz ta’ azzjoni ex offico minn awtoritajiet pubbliċi, iżda, skond l-istat attwali tad-dritt Komunitarju, mhumiex obbligati li jagħmlu dan.

B –    Is-suġġett tal-proċedura preżenti u prova dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

83.      Għandu jiġi mfakkar mill-bidu li skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaqa skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti prova li l-obbligu ma ġiex imwettaq. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex tagħti prova ta’ l-allegazzjoni li l-obbligu ma ġiex imwettaq, u meta tagħmel dan il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq suppożizzjoni(21).

84.      Mhuwiex ikkontestat li s-sistema legali Ġermaniża tipprovdi għal numru ta’ proċeduri ġudizzjarji sabiex issaħħaħ il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini kif stipulat fir-Regolament prinċipali. Minbarra dan, medda wiesgħa ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu iressqu proċeduri bħal dawn quddiem il-qrati nazzjonali.

85.      Fil-kawża preżenti, l-Kummissjoni ssostni li l-Ġermanja ‘formalment irrifjutat li tibda proċeduri ġuridiċi fit-territorju tagħha, użat l-isem ‘Parmesan’ fuq it-tikketta ta’ prodotti li ma jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano” u b’hekk kisret l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali. Għalhekk il-proċeduri ta’ ksur preżenti ma jqiegħdux f’dubju l-konsistenza ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali ma’ regola tad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni pjuttost tistaqsi dwar l-azzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi, li naqsu milli jieħdu azzjoni kontra imġieba li allegatament tikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju minn operaturi ekonomiċi fit-territorju ta’ Stat Membru.

86.      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ fejn jitqajjem dubju dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali mill-amministrazzjoni ta’ Stat Membru, id-dimostrazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jeħtieġ il-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova ta’ natura partikolari kuntrarjament għal dawk li ssoltu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu biss bħala għan il-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistgħax jiġi stabbilit ħlief permezz ta’ prova dokumentata u ċirkustanzjata tal-prattika kkontestata lill-amministrazzjoni u attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat(22).

87.      Għall-għanijiet tal-kawża preżenti li ma tikkonċernax azzjoni pożittiva mill-amministrazzjoni ta’ Stat Membru, iżda pjuttost nuqqas li taġixxi, ir-riżultanza ta’ ksur taħt l-Artikolu 226 KE tirrikjedi, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni tagħti prova li l-amministrazzjoni Ġermaniża kienet fid-dmir li tieħu azzjoni ex offico u li naqset milli tagħmel dan.

C –    Evalwazzjoni

88.      Skond il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata l-Komunità u li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, huma l-Istati Membri li għandhom jassiguraw fuq it-territorju tagħhom l-implementazzjoni tar-regoli Komunitarji(23). Kif ġie ritenut b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-implementazzjoni tar-regolamenti Komunitarji, sakemm id-dritt Komunitarju, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu, ma jipprovdix regoli komuni għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura u r-regoli sostantivi tad-dritt nazzjonali tagħhom(24).

89.      Ir-Regolament prinċipali fih xi regoli komuni dwar l-implementazzjoni tiegħu. L-Artikolu 10 tar-Regolament prinċipali espressament jittratta l-monitoraġġ tal-konformità minn prodotturi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO.

90.      L-Artikolu 10(4) jipprovdi li għandhom jittieħdu passi sabiex jiżguraw li dan ir-Reglament jiġi mħares meta ikel li jkollu DPO mhuwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għal din id-DPO. Il-kliem ta’ l-Artikolu 10(4) tar-Regolament prinċipali madankollu mhuwiex ċara rigward liema awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ Stat Membru għandhom l-obbligu li jaġixxu għan-nuqqas ta’ osservanza ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ta’ DPO partikolari. Jidher mill-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament(25) li l-awtorità ta’ ispezzjoni obbligata biex tieħu l-miżuri neċessarji hija dik ta’ l-Istat Membru minn fejn joriġina l-prodott li jikkawża l-ksur. Verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni ma jsostnux interpretazzjoni bħal din u jipprovdu li l-awtorità ta’ spezzjoni li hija obbligata biex tintervjeni mhijiex l-awtorità ta’ spezzjoni ta’ l-Istat Membru fejn joriġina l-prodott, iżda pjuttost l-awtorità ta’ spezzjoni ta’ l-Istat Membru minn fejn id-denominazzjoni protetta toriġina(26). Skond dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, huma biss l-awtoritajiet Taljani li għandhom l-obbligu li jieħdu azzjoni kontra prodotti li ma jikkonformawx ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DPO “Parmigiano Reggiano”.

91.      Tajjeb li wieħed jiċċita wkoll l-Artikolu 10(7) tar-Regolament prinċipali li jipprovdi li ‘l-ispejjeż ta’ spezzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-produtturi li jużaw l-isem protett’. Dan ukoll jissuġġerixxi li l-ispezzjoni li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 10 tagħmel referenza esklużivament għall-implementazzjoni ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għar-rigward tal-produtturi li jużaw id-denominazzjoni protetta fl-Istat Membru fejn ikun oriġina.

92.      Għalkemm isegwi minn hawn fuq li l-kliem ta’ l-Artikolu 10 tar-Regolament prinċipali mhuwiex għal kollox ċar, jiena nikkunsidra li l-għan u l-iskema ġenerali tar-Regolament prinċipali jindikaw li l-obbligu li jitwettqu ispezzjonijiet imur lil hinn mis-sempliċi verifika tal-konformità ta’ prodotti ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott ta’ DPO fl-Istat Membru fejn id-DPO toriġina.

93.      Isegwi mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita bir-Regolament prinċipali li għall-implementazzjoni xierqa tar-Regolament prinċipali, żewġ tipi ta’ ispezzjonijiet jistgħu ikunu meħtieġa. Minn naħa waħda għandu jkun hemm monitoraġġ sistematiku ta’ konformità ta’ l-osservanza ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tal-prodotti tad-DPO. Min-naħa l-oħra għandha tittieħed azzjoni kontra l-użu ħażin ta’ DPO barra miż-żona ta’ produzzjoni. Madankollu, tqum il-mistoqsija dwar it-tipi ta’ miżuri meħtieġa għal dan l-aħħar għan.

94.      Is-sistema legali Ġermaniża tipprovdi għall-infurzar ta’ DPO permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja li hija miftuħa għal medda wiesgħa’ ta’ atturi li jistgħu jinkludu inter alia assoċjazzjonijiet għal protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet ta’ negozju. L-infurzar permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja huwa għalhekk potenzjalment miftuħ għal atturi li jsegwu interessi ferm wiesa’ minn sempliċiment il-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ produtturi ta’ oġġetti koperti b’DPO.

95.      Madankollu jiena nikkunsidra li għall-għanijiet ta’ l-implementazzjoni effettiva tar-Regolament prinċipali, l-eżistenza ta’ tali proċeduri ġudizzjarji ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprovdu fl-istess ħin għal mekkaniżmi ta’ spezzjoni xierqa, indipendentement minn proċeduri ġudizzjarji. L-Artikolu 10(1) jistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri li “jiżguraw […] li l-istrutturi ta’ l-ispezzjoni jkunu f’posthom, u l-funzjoni ta’ liema għandha tkun illi l-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom isem protett huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet”. B’formulazzjoni ġenerali bħal din l-obbligu li tiġi żgurata l-implementazzjoni effettiva tar-Regolament prinċipali jqiegħed lill-Istat Membri taħt obbligu ġenerali li jipprovdu strutturi ta’ l-ispezzjoni xierqa sabiex jivverifikaw jekk prodott li huwa kkummerċjalizzat fi Stat Membru partikolari u li jkollu DPO partikolari jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għal dik id-DPO, indipendentement mill-post minn fejn toriġina d-DPO. Spezzjonijiet bħal dawn jistgħu per eżempju jitwettqu fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-konformità ma’ regoli oħrajn dwar il-liġi ta’ l-ikel(27).

96.      Madanakollu, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi dedott mir-Regolament li dawn l-istrutturi ta’ spezzjoni għandhom jaġixxu sistematikament ex offico fl-assenza ta’ xi impetu, per eżempju b’riżultat ta’ ilmenti ta’ produtturi li l-prodotti tagħhom legalment għandhom DPO jew ta’ konsumaturi jew ta’ kwalunkwe produtturi oħrajn.

97.      Dan huwa kkonfermat mill-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha fuq is-suġġett. Fil-’Gwida għar-Regolamenti tal-Komunità’ tal-Kummisjoni dwar ‘Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Ċertifikati ta’ Karattru Speċifiku għal Prodotti Agrikoli u Ikel’ jingħad li ‘[l]-infurzar ta’ drittijiet esklużivi jiġi organizzat u mwettaq mill-Istati Membri. Għalhekk, jiddependi mill-Istati Membri jekk is-Servizzi maħtura għal tali infurzar jaġixxux fuq inizjattiva tagħhom (ex officio) jew abbażi ta’ ilmenti minn persuni li għandhom drittijiet ta’ DPO/IĠP/TSG.’ (28)

98.      Isegwi li l-Istati Membri għandhom, fl-implementazzjoni tar-Regolament ta’ bazi, diskrezzjoni dwar jekk iwettqux spezzjonijiet f’każ partikolari u b’hekk li jieħdu miżuri jekk isibu prodotti li jiksru d-DPO.

99.      Il-każ preżenti għandu jiġi distint minn sitwazzjonijiet fejn, minħabba l-interess li jkun involut, id-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru li jaġixxi ex offico tkun ħafna iktar limitata. Per eżempju, proċeduri ex offico minn awtoritajiet statali, li jinvolvu kontrolli u possibilment sanzjonijiet, huma meħtieġa, anki fejn m’hemmx provvediment għalihom taħt id-dritt Komunitarju u mingħajr ebda impetu estern, f’sitwazzjonijiet fejn m’hemm ebda inċentiv għal individwi jew operaturi ekonomiċi biex jilmentaw(29) jew fejn kwalunkwe dewmien jista’ jirriżulta f’dannu irriversibbli, bħal per eżempju meta l-prinċipju kawtelatorju jirrikjedi azzjoni immedjata biex jiġu irtirati oġġetti ta’ l-ikel perikolużi jew li titwaqqaf imġieba li tista’ tikkawża ħsara irriversibbli lill-ambjent. Madankollu, il-każ preżenti mhuwiex paragunabbli ma’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

100. Anki f’sitwazzjoni fejn Stati Membri għandhom fil-prinċipju diskrezzjoni relattivament wiesgħa rigward il-miżuri li għandhom jadottaw u effettivament japplikaw sabiex jissalvagwardjaw l-effettività tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri jistgħu jiġu mitluba, taħt ċerti ċirkustanzi, li jieħdu azzjoni. F’Il-Kummissjoni vs Franza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, f’dan il-każ l-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi kienu eċċedew il-marġini ta’ diskrezzjoni tagħhom meta ma ħadux azzjoni minkejja li kien hemm atti kriminali ripetuti matul diversi snin, li ġew ittollerati mill-Pulizija, u ilmenti li ġew ippreżentati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji(30).

101. Madanakollu, il-fatti tal-kawża preżenti, kif jidhru mill-proċess huma differenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tipproduċi prova, li hija ta’ rilevanza temporali għal dawn il-proċeduri legali(31), ta’ imqar ilment wieħed jew talba għal protezzjoni legali, u wisq inqas ta’ imġieba ripetuta ta’ nuqqas ta’ azzjoni rigward ilmenti jew talbiet bħal dawn, fir-rigward ta’ abbużi tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ li ġraw fit-territorju Ġermaniż.

102. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-prattika, il-Kummissjoni tiddependi kważi għal kollox fuq ir-risposta tal-Ġermanja matul l-istadju prekontenzjuż tal-kawża preżenti, fis-sens li ‘Parmesan’ huwa isem ġeneriku, biex issostni l-argument tagħha li l-Ġermanja naqset milli tieħu passi xierqa biex tipprevjeni l-użu illegali ta’ din id-denominazzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-korrispondenza skambjata bejn il-partijiet dwar in-natura ġenerika jew mod ieħor tad-denominazjoni ‘Parmesan’ matul il-proċedura prekontenzjuża għandha tiġi interpretata bħala difiża legali ippreżentata matul il-proċeduri legali u ma tistax minnha nnifisha tiġi interpretata bħala rifjut formali li tipproteġġi d-DPO irreġistrat ‘Parmigiano Reggiano’.

103. Il-Kummissjoni għalhekk naqset milli tissottometti provi suffiċjentement dokumentati u ddettaljati li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu taħt l-obbligu li jieħdu proċeduri ex officio fil-każ preżenti u li dawn naqsu milli jagħmlu dan.

D –    Konklużjoni

104. Isegwi minn dak li ntqal hawn fuq li jien ma nikkunsidrax li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament prinċipali, fid-dawl ta’ l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, kien jirrikjedi li l-Ġermanja tibda proċeduri ġudizzjarji ex offico kontra l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħha ta’ ġobon li ma jikkonformax ma’ l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ taħt id-denominazzjoni ‘Parmesan’. B’mod partikolari l-Kummissjoni naqset milli turi li l-Ġermanja kienet taħt l-obbligu li tieħu azzjoni bħal din fl-assenza ta’ impetu estern suffiċjenti u xieraq biex tagħmel dan.

105. Jien għalhekk nikkunsidra li t-talba tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħudha.

VII – Spejjeż

106. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, il-Ġermanja talbitx li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII – Konklużjoni

107. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiċħad ir-rikors;

(2)      tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2 – ĠU 1992 L 208, p. 1.


3 – Ir-Regolament Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU 1996 L 148, p. 1).


4 – C-129/97 u C-130/97 (Ġabra I-3315, punt 37).


5 – Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2002 (C-66/00, Ġabra I-5917).


6 – Ara, għal spjegazzjoni ulterjuri, il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (“Feta II”) (C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I-9115, punti 26 sa 28).


7 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 20.


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


9 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Bigi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 (punti 45 sa 55 u b’mod partikolari punt 53).


10 – Din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija sorprendenti għaliex, f’din il-kawża, erba’ gvernijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, jiġifieri l-Gvern ta’ l-Italja, tal-Greċja, tal-Ġermanja u ta’ l-Awstrija. Apparentement, il-Ġermanja u ‘sa ċertu punt’ l-Awstrija ma qablux fuq l-argument li “Parmesan” hija t-traduzzjoni korretta ta’ “Parmigiano Reggiano”. Żewġ Stati Membri, Franza u l-Portugall, ippreżentaw osservazzjonijiet orali. Dawn jidhru li qed japprovaw il-pożizzjoni ta’ l-Italja u tal-Greċja, u għalhekk ġew inklużi f’dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala li kienet il-maġġoranza. (Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger f’Bigi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 47).


11 – Sentenza Bigi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 20.


12 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, Ġabra p. I‑1301, punt 25).


13 – Sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


14 – Sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, iċċitata iktar ’il fuq ( punt 29).


15 – Sentenza Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


16 – F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li jekk t-terminu ‘Parmigiano’ u t-traduzzjoni tiegħu ‘Parmesan’ jikkostitwixxu evokazzjoni tad-DPO ‘Parmigiano Reggiano’ mhuwiex neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni ta’ l-effett tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjonijiet komposti fuq l-elementi kostitwenti tagħhom, peress li huwa ċar li jekk element kostitwenti ta’ denominazzjoni kompost għandu jitqies bħala evokazzjoni tad-DPO kollu skond l-Artikolu 13(1)(b), l-użu tiegħu biex ikopri merkanzija li ma tissodisfax l-ispeċifikazzjoni għad-DPO ikkonċernat jikser il-protezzjoni mogħtija li dik id-DPO skond l-Artikolu 13(1)(b).


17– Sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999 (C-289/96, C-293/96 u C-299/96 Ġabra I‑1541, punt 88).


18 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


19 – Fis-sentenza Feta II, materjal ta’ ppakkjar użat barra l-Greċja u li jissuġġerixxi konnessjoni bejn l-isem “Feta” u t-tradizzjonijiet kulturali u ċ-ċivilizzazzjoni Griegi kienu kkunsidrati bħala prova tan-nuqqas tal-karatteristika ġenerika tal-kelma “Feta”. F’dan il-kaz iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Feta” kienet tkopri parti kbira ħafna tat-territorju Grieg. Għal din ir-raġuni l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkunsidra li r-rabta esistenti bejn id-denominazzjoni “Feta” u l-Greċja kienet prova ta’ valur tal-konnessjoni li l-konsumaturi jistabbilixxu bejn l-isem “Feta” u ż-żona ta’ produzzjoni tad-DPO “Feta” li għalhekk teskludi l-karatteristika ġenerika ta’ l-isem “Feta”. Madanakollu huwa dubjuż jekk approwċ bħal dan jistax jiġi segwit fil-kawża preżenti, peress li ż-żona ta’ produzzjoni tal-‘Parmigiano Reggiano’ tkopri biss parti limitata ħafna tat-territorju Taljan. Għal din ir-raġuni huwa dubjuż jekk jistax jiġi inferit minn konnessjoni eżistenti bejn ‘Parmesan’ u l-Italja li l-konsumaturi jistennew li ġobon imsejjaħ ‘Parmesan’ jsib l-oriġini tiegħu fiż-żona ta’ produzzjoni tal-‘Parmigiano Reggiano’ fl-Emilia-Romagna.


20 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997 (C-265/95, Ġabra p. I-6959).


21 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (96/81, Ġabra p. 1791, punt 6); tas-26 ta’ Ġunju 2003 Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/00 Ġabra p. I-6695, punt 26) ; tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-434/01, Ġabra p. I‑13239, punt 21), tad-29 ta’ April, 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-194/01, Ġabra p. I‑4579, punt 34).


22 – Ara, fuq dan is-suġġett, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-287/03, Ġabra I-3761, punt 28).


23 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et (C-480/00, C-481/00, C-482/00, C-484/00, C-489/00, C-490/00, C-491/00, C-497/00, C-498/00 u C‑499/00, Ġabra I‑2943, punt 42); tat-23 ta’ Novembru 1995, Dominikanerinnen-Kloster Altenhohenau (C-285/93, Ġabra I‑4069, punt 26); u tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/97 Ġabra I‑2737, punt 27).


24 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et (205/82 sa 215/82 Ġabra p. I-2633, punt 17); sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998 Oelmühle Hamburg u Schmidt Söhne (C‑298/96, Ġabra I‑4767, punt 24); u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C‑255/00 Ġabra p. I‑8003, punt 33).


25 – “Stellt eine benannte Kontrollbehörde und/oder eine private Kontrollstelle eines Mitgliedstaats fest, dass ein mit einer geschützten Bezeichnung versehenes Agrarerzeugnis oder Lebensmittel mit Ursprung in ihrem Mitgliedstaat die Anforderungen der Spezifikation nicht erfüllt, so trifft sie die erforderlichen Maßnahmen, um die Einhaltung dieser Verordnung zu gewährleisten.”


26 – Il-verżjoni Taljana hija għal kollox ċara f’dan ir-rigward: “Qualora constatino che un prodotto agricolo o alimentare recante una denominazione protetta originaria del suo Stato membro non risponde ai requisiti del disciplinare, le autorità di controllo designate e/o gli organismi privati di uno Stato membro prendono i necessari provvedimenti per assicurare il rispetto del presente regolamento.”


Il-verżjoni Franċiża hija wkoll pjuttost ċara: “Lorsque les services de contrôle désignés et/ou les organismes privés d’un État membre constatent qu’un produit agricole ou une denrée alimentaire portant une dénomination protégée originaire de son État membre ne répond pas aux exigences du cahier des charges, ils prennent les mesures nécessaires pour assurer le respect du présent règlement.”


Il-verżjoni Ingliża hija aktar ambigwa: “If a designated inspection authority and/or private body in a Member State establishes that an agricultural product or a foodstuff bearing a protected name of origin in that Member State does not meet the criteria of the specification, they shall take the steps necessary to ensure that this Regulation is complied with.”


27 – Tassew dan l-approċċ issa ġie inekwivokabbilment adottat fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini għal prodotti agrikoli u ikel (ĠU 2006 L 93, p. 12). Dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2006 u irrevoca r-Regolament prinċipali. Fl-Artikolu 10 dan jipprovdi għal ‘kontrolli uffiċjali’ billi jiddikjara li ‘l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għal kontrolli rigward il-kontrolli relatati ma’ l-obbligi stabbilit b’dan ir-Regolament skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali]. L-Artikolu 11 jittratta separatament l-‘verifika tal-konformità ma’ l-ispeċifikazzjonijiet’ u jipprovdi inter alia li l-ispejjeż ta’ tali verifika għandhom jitħallsu minn operaturi suġġetti għaliha.


28 – “Protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Ċertifikati ta’ Karattru Speċifiku għal Prodotti Agrikoli u Ikel. Gwida għar-Regolamenti tal-Komunità, it-tieni Edizzjoni, Awwissu 2004 DĠ ta’ l-Agrikoltura, u tal-politika dwar il-kwalità ta’ l-ikel fl-Unjoni Ewropea; it-test huwa aċċessibbli fil-verżjoni Ingle f’format PDF fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni Europea (http://ec.europa.eu/agriculture/publi/gi/broch_en.pdf)”.’


29 – Ara, per eżempju, l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jirkupraw somom tal-EAGGF imħallsa irregolarment: Ara inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑34/89 Ġabra I‑3603) u s-sentenza tal-21 ta’ Frar, 1991, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑28/89 Ġabra I‑581).


30 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1999, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


31 – L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2000 Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑384/99, Ġabra I‑10633, punt 16); tal-15 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑147/00 Ġabra I‑2387, punt 26); u tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑272/01 Ġabra I‑6767, punt 29).