Language of document : ECLI:EU:C:2016:659

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑133/15

H. C. Chavez-Vilchez,

P. Pinas,

U. Nikolic,

X. V. García Perez,

J. Uwituze,

I. O. Enowassam,

A. E. Guerrero Chavez,

Y. R. L. Wip

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (Qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il‑Pajjiżi l-Baxxi)

]“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Rifjut, fi Stat Membru, tad-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-kustodja effettiva tal-wild ta’ età żgħira tiegħu, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru – Preżenza tal-ġenitur l-ieħor, ċittadin ta’ dan l-Istat fit-territorju ta’ dan l-istess Stat – Obbligu, taċ-ċittadin tal‑Istat terz, li juri l-inkapaċità tal-ġenitur l-ieħor li jieħu ħsieb il-wild, liema inkapaċità ġġiegħel lill-wild jitlaq mit-territorju tal-Istat tan‑nazzjonalità tiegħu jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-ġenitur ċittadin tal-Istat terz”






Werrej


Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni

1.     It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.     Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.     Id-Direttiva 2004/38/KE 

B –   Id-dritt Olandiż

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV – Analiżi

A –   Kunsiderazzjonijiet preliminari

1.     Il-prinċipju tal-aħjar interess tal-wild

2.     Id-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali

3.     Il-prassi tal-organi amministrattivi Olandiżi u l-proċeduri fid-dritt tal-barranin

B –   Eżami tas-sitwazzjoni ta’ H. C. Chavez-Vilchez u Y. R. L. Wip kif ukoll tat-tfal tagħhom mill-perspettiva tal-Artikolu 21(1) TFUE u tad‑Direttiva 2004/38

1.     Fuq l-effett tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tat-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez

2.     Fuq l-effett tal-eżerċizzju tal-libertŕ ta’ moviment mit-tifla ta’ Y. R. L. Wip

C –   Eżami tas-sitwazzjonijiet tat-tfal li dejjem baqgħu jirrisjedu fl‑Istat Membru ta’ nazzjonalitŕ tagħhom, flimkien ma’ ommijiethom li għandhom il-kustodja effettiva, mill-perspettiva tal-Artikolu 20 TFUE

1.     L-ewwel u t-tieni domanda preliminari

2.     Fuq it-tielet domanda preliminari

V –   Konklużjoni


I –    


II – Introduzzjoni

1.        Id-domandi magħmula mis-Centrale Raad van Beroep (Qorti tal‑appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l‑Baxxi) jirrigwardaw, essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk l‑Artikolu 20 TFUE jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil wieħed mill-ġenituri, ċittadin ta’ Stat terz, ta’ wild ta’ età żgħira li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li fih dejjem għex, minkejja li għandu l-kustodja effettiva, meta ma jiġix stabbilit li l-ġenitur l‑ieħor, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, jista’ jassumi l-kustodja effettiva tal-wild.

2.        Il-qorti tar-rinviju tindika li mill-prattika amministrattiva Olandiża jirriżulta li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Ruiz Zambrano (2) hija interpretata b’mod restrittiv, sal-punt li jiġi kkunsidrat li, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, it-tluq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea ta’ ġenitur ċittadin ta’ Stat terz ma jċaħħadx lill-wild, ċittadin tal-Unjoni, mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li huwa għandu abbażi tal‑istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni. Skont l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, din il-ġurisprudenza tapplika biss jekk il-missier ma jkunx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild, għax miet, jinsab il-ħabs, irrikoverat fi stabbiliment psikjatriku, inkapaċi jew ma jinstabx, jew jekk it-talba tiegħu sabiex jingħata l-kustodja ta’ dan il-wild ċittadin tal-Unjoni kienet miċħuda minn qorti.

3.        F’din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li dawn iċ-ċittadini għandhom abbażi tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċertament ittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-aħjar interess tal-wild. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser iwassal lill-Qorti tal‑Ġustizzja tindirizza dan il-prinċipju b’mod, fl-opinjoni tiegħi, iktar evidenti.

III – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jipprovdi li “kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru” hija ċittadina tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 20(2)(a) TFUE, iċ‑ċittadini tal-Unjoni għandhom “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

5.        L-Artikolu 21(1) TFUE jżid li dan id-dritt japplika “salvi l‑limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u ddispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

2.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.        L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja” jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar‑rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

3.      Id-Direttiva 2004/38/KE (3)

7.        L-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38/KE jipprovdi li ġej:

“1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill‑membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]

4.      Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il-visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza”.

B –    Id-dritt Olandiż

8.        L-Artikolu 1 tal-Vreemdelingenwet 2000 (Liġi tal-2000 dwar il‑barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-barranin”) jipprovdi kif ġej:

“Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha:

[…]

(e)      ċittadini Komunitarji tfisser:

1º      iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li, skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom id-dritt jidħlu fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu hemmhekk;

2º      il-membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u li, abbażi ta’ deċiżjoni meħuda skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma awtorizzati jidħlu u jirrisdjedu fuq it-territorju ta’ Stat Membru;

[…]”.

9.        L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“Barrani għandu d-dritt joqgħod legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi biss:

[…]

(e)      bħala ċittadin Komunitarju, safejn huwa jirresjedi fil-Pajjiżi l‑Baxxi skont leġiżlazzjoni adottata skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(f)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza […] din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il‑liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ‑ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu;

(ġ)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni fuq applikazzjoni għal permess ta’ residenza […] jew għall-estensjoni tat-tul ta’ permess ta’ residenza […], jew għall-emenda ta’ permess ta’ residenza, din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ-ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu;

(h)      jekk, sakemm tingħata deċiżjoni fuq rikors amministrattiv jew ġudizzjarju, din il-liġi, dispożizzjoni adottata skont din il-liġi jew deċiżjoni ġudizzjarja tipprovdi li ma hemmx lok li ċ-ċittadin barrani jitkeċċa sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni dwar l‑imsemmi rikors”.

10.      L-Artikolu 10 ta’ din l-istess liġi jistabbilixxi:

“1.      Iċ-ċittadin barrani li ma jkollux residenza regolari ma jistax jitlob benefiċċji u allowances mogħtija minn organu amministrattiv. L-ewwel frażi hija applikabbli mutatis mutandis għall‑eżenzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija mil-liġi jew minn miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni.

2.      Jista’ jkun hemm deroga mill-paragrafu (1) meta t-talba tirrigwarda studji, il-provvista ta’ kura medika neċessarja, il-prevenzjoni ta’ preġudizzji għas-saħħa pubblika jew l-assistenza legali liċ-ċittadini barranin.

3.      Deċiżjoni li tilqa’ talba ma tagħtix dritt ta’ residenza regolari”.

11.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-eżekuzzjoni tal-Liġi dwar il‑barranin taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-iStaatsecretaris van Veiligheid en Justitie (Segretarjat tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, iktar ’il quddiem is-“Segretarjat tal-Istat”). L-Immigratie-en Naturalisatiedienst [Dipartiment tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni (IND)] huwa responsabbli, fost funzjonijiet oħra, mill‑implementazzjoni tal-Liġi dwar il-barranin sa fejn dan is-servizz jeżamina l-applikazzjonijiet kollha għal permess ta’ residenza u jiddeċiedi dwarhom għan-nom tas-Segretarjat tal-Istat (4).

12.      Il-Vreemdelingencirculaire 2000 (Ċirkulari tal-2000 dwar il‑barranin, iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari dwar il-barranin”) tikkonsisti f’ġabra ta’ direttivi maħruġa mis-Segretarjat tal-Istat. Din iċ-ċirkulari hija aċċessibbli għal kulħadd u kulħadd jista’ jinvoka d-direttivi. Waqt l-eżami tal-applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza, li għalihom huwa nnominat bħala awtorità nazzjonali kompetenti, l-IND għandu josserva dawn id-direttivi. Huwa jista’ jevitahom biss jekk jagħti motivazzjoni u f’każijiet eċċezzjonali li ma ġewx ikkunsidrati waqt ir-redazzjoni tagħhom.

13.      Iċ-Ċirkulari dwar il-barranin, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-kawżi prinċipali, Parti B, Taqsima 2.2, tinkludi d-direttivi segwenti:

“Iċ-ċittadin barrani jkun f’residenza regolari fis-sens tal-[Liġi dwar il‑barranin] meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti kollha:

–        iċ-ċittadin barrani għandu wild minuri li għandu nazzjonalità Olandiża;

–        il-wild huwa taħt ir-responsabbiltà taċ-ċittadin barrani u joqgħod miegħu, u

–        jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat liċ-ċittadin barrani, il-wild ikollu jsegwih u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Fi kwalunkwe każ, l-IND ma jkkunsidrax li l-wild [li missieru jew ommu hija ċittadin barrani] huwa obbligat li jsegwi [lill-ġenitur barrani tiegħu] u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, jekk ikollu ġenitur ieħor li għandu residenza regolari skont […] il-[Liġi dwar il-barranin], jew li għandu nazzjonalità Olandiża, u jekk dan il-ġenitur jista’ effettivament jieħu ħsieb il-wild.

L-IND jikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li l-ġenitur l-ieħor jista’ effettivament jieħu ħsieb il-wild jekk:

–        huwa għandu l-kustodja tal-wild jew għadu jista’ jingħata l‑kustodja, u

–        jista’ jirrikorri, sabiex jieħu ħsieb il-wild u għall-edukazzjoni tiegħu, għal għajnuna u assistenza pprovduta mill-awtoritajiet jew minn organi soċjali. L-IND jinkludi wkoll f’din il-kategorija l-għoti ta’ allowance ffinanzjata mill-baġit tal-Istat u li kull Olandiż li jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi jista’, fil-prinċipju, jitlob.

L-IND jikkunsidra, fi kwalunkwe każ, li l-ġenitur l-ieħor ma jistax effettivament jieħu ħsieb lill-wild meta huwa:

–        jinsab taħt detenzjoni, jew

–        jiġi stabbilit li l-kustodja tal-wild ma tistax tingħata lilu”.

14.      Skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, il-ġenituri ċittadini ta’ Stat terz għandhom jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-allowances previsti mil-Liġi dwar l-għajnuna soċjali jew mil-Liġi dwar l-allowances tal-familja.

15.      Fl-1 ta’ Lulju 1998, daħlet fis-seħħ il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-barranin u xi liġijiet oħra, tas-26 ta’ Marzu 1998, u li hija intiża sabiex tissuġġetta għal residenza regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi t-talba miċ‑ċittadini barranin, mingħand organi amministrattivi, ta’ benefiċċji, allowances, eżenzjonijiet u awtorizzazzjonijiet. Din il-liġi hija wkoll imsejħa “Liġi ta’ koordinament”. Għaċ-ċittadini barranin li ma humiex ċittadini tal-Unjoni, din il-liġi introduċiet, fil-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna soċjali, ir-rekwiżit li għandu jinkiseb mill-awtorità kompetenti permess ta’ residenza sabiex persuna tkun assimilata ma’ persuna Olandiża, u fil-Liġi dwar l-allowances tal-familja, obbligu ekwivalenti sabiex ikun ikkunsidrat bħala assigurat.

16.      L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandha ssir mal-IND. Dan id-dipartiment jiddeċiedi dwar id-dritt ta’ residenza għan-nom tas-Segretarjat tal-Istat.

17.      L-applikazzjonijiet għall-allowances tal-familja skont il-Liġi dwar l-allowances tal-familja għandhom jiġu ppreżentati quddiem is-Sociale verzekeringsbank [Fond ta’ assigurazzjoni soċjali (SvB)].

18.      L-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont il-Liġi dwar l-għajnuna soċjali għandhom jiġu ppreżentati fil-Kunsill Lokali fejn il-persuna kkonċernata hija domiċiljata.

19.      L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali jipprovdi kif ġej:

“1.      Kull Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jinsab jew qiegħed f’riskju li jinsab, fit-territorju nazzjonali, f’sitwazzjoni li ma jkollux il‑mezzi ta’ għajxien neċessarji, jista’ jitlob għajnuna soċjali pubblika.

2.      Għandu jiġi kkunsidrat bħala Olandiż bħal dak previst fil-paragrafu (1) kull ċittadin barrani residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi li joqgħod hemm b’mod regolari fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l) tal-[Liġi dwar il‑barranin], bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti fil-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38/KE.

[…]”.

20.      L-Artikolu 16 ta’ din il-liġi jipprovdi kif ġej:

“1.      B’deroga għal din it-taqsima, il-Kunsill [Lokali] jista’ jagħti għajnuna lil persuna li ma għandhiex dritt għal għajnuna soċjali jekk din il-miżura tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi fid-dawl taċ‑ċirkustanzi kollha.

2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax għal ċittadini barranin ħlief għal dawk previsti fl-Artikolu 11(2) u (3)”.

21.      L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar l-allowances tal-familja jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-assigurat fis-sens tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huwa dak li:

(a)      huwa resident;

(b)      mingħajr ma huwa resident, huwa suġġett għal taxxa fuq id-dħul minħabba attività bħala persuna impjegata eżerċitata fil-Pajjiżi l‑Baxxi.

2.      Ma huwiex assigurat iċ-ċittadin barrani li ma jirresjedix b’mod regolari fis-sens tal-Artikolu 8(a) sa (e) u (l), tal-[Liġi dwar il‑barranin]”.

IV – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      It-tmien kawżi prinċipali jirrigwardaw applikazzjonijiet għal allowances ta’ għajnuna soċjali (bijstandsuitkering) skont il-Liġi dwar l-għajnuna soċjali u/jew applikazzjonijiet għal allowances tal‑familja (kinderbijslag) skont il-Liġi dwar l-allowances tal-familja, ippreżentati mir-rikorrenti.

23.      H. C. Chavez Vilchez, ċittadina Venezweljana, daħlet b’visa turistika fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2007-2008 sabiex tagħmel żjara lil Koopman, ċittadin Olandiż. Fit-30 ta’ Marzu 2009, il-koppja kellhom tifla, Angelina, li ġiet irrikonoxxuta minn Koopman u għalhekk għandha nazzjonalità Olandiża. It-tlieta li huma għexu fil‑Ġermanja sal-2011. F’Ġunju 2011, Koopman ġiegħel lil H. C. Chavez Vilchez titlaq mir-residenza tagħhom mat-tifla. H. C. Chavez Vilchez u t-tifla tagħha telqu mill-Ġermanja u marru mbagħad fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ urġenza tal-Komun ta’ Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn baqgħu għal xi żmien. H. C. Chavez Vilchez assumiet imbagħad il-kustodja tat-tifla tagħha u ddikjarat li Koopman ma jikkontribwixxi la għall-għajxien u lanqas għall-edukazzjoni tagħha.

24.      P. Pinas, ċittadina Surinamjana, kellha sa mill-2004 permess ta’ residenza, li ġie rtirat fl-2006. Hija ddomiċiljata f’Almere (il-Pajjiżi l-Baxxi) u hija omm ta’ erbat itfal. Shine, waħda mit-tfal tagħha, twieldet fit-23 ta’ Diċembru 2009 mir-relazzjoni tagħha ma’ Mawny, raġel ta’ nazzjonalità Olandiża. Hija ġiet irrikonoxxuta minn missierha u għalhekk għandha nazzjonalità Olandiża. P. Pinas u Mawny għandhom il-kustodja ta’ binthom iżda jgħixu separatament u dan tal-aħħar ma jikkontribwixxix għall-għajxien tat-tifla tiegħu. Huma jinsabu f’kuntatt iżda ma hemm l‑ebda ftehim dwar id-dritt ta’ aċċess.

25.      U. Nikolic waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi minn wieħed mill-pajjiżi tal‑ex-Jugoslavja fl-2003. In-nazzjonalità tagħha ma hijiex ċerta, minħabba nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità. Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun li hija Kroata. L-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tagħha ġiet miċħuda fl-2009. Fis-26 ta’ Jannar 2010 twieldet tifla, Esther, mir-relazzjoni tagħha ma’ van de Pluijm, ċittadin Olandiż. It‑tifla ġiet irrikonoxxuta minn van de Pluijm u għandha għalhekk nazzjonalità Olandiża. U. Nikolic hija ddomiċiljata f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u għandha l-kustodja tat-tifla tagħha. It-tnejn li huma jgħixu f’ċentru ta’ akkoljenza tal-Komun tagħhom. U. Nikolic iddikjarat li ma tistax tikkoabita mal-missier tat-tifla tagħha minħabba l-fatt li jsegwi programm ta’ akkomodazzjoni assistita.

26.      X. V. García Pérez, ċittadina Nikaragwana, waslet fl-2001-2002 fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-Costa Rica akkumpanjata minn Schwencke, ċittadin Olandiż. Fid-9 ta’ April 2008, mir-relazzjoni tagħhom twieldet tifla, Angely. Hija ġiet irrikonoxxuta minn Schwencke u għandha għalhekk nazzjonalità Olandiża. X. V. García Pérez hija ddomiċiljata f’Haarlem (il-Pajjiżi l-Baxxi) u għandha l-kustodja tat-tifla tagħha. Schwencke ma jikkontribwixxix għall-għajxien ta’ Angely u d-domiċilju attwali tiegħu ma huwiex magħruf. Ir-reġistru tal-popolazzjoni jindika li huwa telaq lejn il-Costa Rica fit-8 ta’ Lulju 2009. X. V. García Pérez għandha wild ieħor li Schwencke ma huwiex missieru. Il-familja tgħix f’ċentru ta’ akkoljenza tal-Komun.

27.      Fit-12 ta’ Diċembru 2011, J. Uwituze, ċittadina Rwandiża, welldet tifla, Habibatou. Fofana, raġel ta’ nazzjonalità Olandiża, irrikonoxxa lit‑tifla, li għalhekk għandha l-istess nazzjonalità ta’ missierha. M Fofana ma jikkontribwixxi la fit-teħid tar-responsabbiltà u lanqas fl‑edukazzjoni ta’ bintu. Huwa ddikjara li la jista’ u lanqas irid jieħu ħsiebha. J. Uwituze hija ddomiċiljata fi Bois-le-Duc (il-Pajjiżi l-Baxxi) u tgħix flimkien mat‑tifla tagħha f’ċentru ta’ akkoljenza tal-Komun tagħhom.

28.      Y. R. L. Wip, ċittadina Surinamjana, welldet żewġ ulied, Shalomie, fil-25 ta’ Novembru 2009 u Joe fit-23 ta’ Novembru 2012. Panka u l-ulied għandhom nazzjonalità Olandiża. Minkejja l-fatt li r‑relazzjoni tal-koppja spiċċat, Panka għandu kuntatt mal-ulied diversi drabi kull ġimgħa. Huwa jirċievi allowance ta’ għajnuna soċjali kif ukoll allowance tal-familja. Huwa jagħti l-allowance tal-familja lil Y. R. L. Wip iżda ma jikkontribwixxix għall-għajxien tal-ulied. Y. R. L. Wip hija ddomiċiljata f’Amsterdam.

29.      I. O. Enowassam, ċittadina Kamerunjana, waslet fil-Pajjiżi l‑Baxxi fl-1999. Mir-relazzjoni tagħha ma’ Arrey, raġel ta’ nazzjonalità Olandiża, twieldet tifla, Philomena, fit-2 ta’ Mejju 2008. Arrey irrikonoxxa lil Philomena, li għalhekk għandha nazzjonalità Olandiża. I. O. Enowassam u Arrey għandhom il-kustodja konġunta ta’ binthom iżda jgħixu separati. Philomena hija rreġistrata bħala li toqgħod fl-indirizz ta’ Arrey iżda fir-realtà tgħix ma’ ommha, iddomiċiljata f’The Hague (il-Pajjiżi l-Baxxi). Huma ntlaqgħu fi struttura ta’ akkoljenza ta’ urġenza tal‑Komun ta’ The Hague. Il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess bejn Arrey u t-tifla tiegħu ġew stabbiliti. Hija toqgħod tliet weekends f’xahar id-dar ta’ missierha u tqatta’ diversi vaganzi miegħu. Arrey iħallas EUR 200 kull xahar bħala manteniment. Huwa jirċievi wkoll allowance tal-familja li huwa jagħti lil I. O. Enowassam. Arrey jaħdem full-time u ddikjara li għal din ir-raġuni huwa ma jistax jieħu ħsieb it-tifla tiegħu.

30.      A. E. GuerreroChavez, ċittadina Venezweljana, waslet fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-24 ta’ Ottubru 2007 u mbagħad irritornat fil-Venezwela fit-2 ta’ Novembru 2009. Hija reġgħet ġiet fil-Pajjiżi l-Baxxi f’Jannar 2011 u attwalment hija ddomiċiljata f’Schiedam (il-Pajjiżi l-Baxxi). Mir-relazzjoni tagħha ma’ Maas, ċittadin Olandiż, twieled Salamo, fil-31 ta’ Marzu 2011. Maas, irrikonoxxa lit-tifel, li għalhekk għandu nazzjonalità Olandiża. Mass u A. E. Guerrero Chavez huma separati u ma joqogħdux flimkien iżda A. E. Guerrero Chavez u t-tifel tagħha joqogħodu ma’ missier u ħu Maas. Maas għandu kuntatt kważi ta’ kuljum mat-tifel iżda ma huwiex lest jieħu ħsiebu u jikkontribwixxi għall-ispejjeż b’mod limitat. A. E. Guerrero Chavez tieħu ħsieb it-tifel kuljum u għandha l-kustodja tiegħu.

31.      L-applikazzjonijiet għall-allowances ta’ għajnuna soċjali u/jew għall-allowances tal-familja tar-rikorrenti kollha kienu miċħuda bid‑deċiżjonijiet kkontestati tal-korpi amministrattivi Olandiżi kkonċernati minħabba li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, ir-rikorrenti ma għandhom, minħabba l-istatus tagħhom fir-rigward tad-dritt ta’ residenza, ebda dritt għal tali allowances. Fil-fatt, skont din il‑leġiżlazzjoni, il-ġenitur li ma għandux status validu partikolari fil‑qasam tar-residenza la huwa “benefiċjarju” (rechthebbende) u lanqas “assigurat” (verzekerde) u għalhekk ma jistax jitlob allowance.

32.      Matul il-perijodi kkonċernati fir-rifjut tal-applikazzjonijiet għall‑allowance imsemmija iktar 'il fuq (5), l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti għal permess ta’ residenza ġew miċħuda skont il-Liġi dwar il-barranin. Matul dawn il-perijodi, uħud minnhom instabu f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari, essenzjalment matul it-terminu li matulu kienet mistennija deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza. Matul dawn il-perijodi (jew tal-inqas, parti minnhom), l-oħrajn irrisjedew fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod irregolari u kellhom jitilqu l-pajjiż fuq inizjattiva tagħhom stess. Ebda miżura ma ttieħdet sabiex jittieħdu lejn il-fruntiera. Ir-rikorrenti ma kinux awtorizzati jaħdmu.

33.      Ir-rikorrenti ppreżentaw quddiem is-Centrale Raad van Beroep (Qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku) rikors kontra d-deċiżjonijiet li rrifjutawlhom il-benefiċċju tal-allowances mitluba.

34.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rikorrenti, li kollha għandhom nazzjonalità ta’ Stat terz, jistgħux, bħala ommijiet ta’ wild ċittadin tal‑Unjoni, ikollhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE fiċ‑ċirkustanzi deskritti iktar ’il fuq. Hija tikkunsidra li, jekk dan huwa l-każ, ir-rikorrenti jistgħu jipprevalixxu mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-għajnuna soċjali u tal-Liġi dwar l-allowances tal-familja li jikkunsidrawhom bħal Olandiżi sabiex jinvokaw dritt potenzjali għal benefiċċju skont dawn il-liġijiet.

35.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi mis-sentenzi Ruiz Zambrano (6) u Dereci et (7) li r-rikorrenti għandhom dritt ta’ residenza li huma jibbażaw direttament fuq l-Artikolu 20 TFUE u li jirriżulta mid‑dritt ta’ residenza tal-wild tagħhom peress li jinsabu f’sitwazzjoni kif deskritta f’dawk is-sentenzi. Fil-fehma tagħha, għandu jiġi ddeterminat jekk iċ-ċirkustanzi humiex tali li l-wild ikun obbligat, fil-fatt, iħalli t‑territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lil ommu. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, x’importanza għandha tingħata, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, lill-fatt li l-missier ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

36.      Huwa f’dan il-kuntest li s-Centrali Raad van Beroep (Qorti tal‑appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku), permezz tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Marzu 2015, li waslet fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2015, iddeċidiet li tissospendi l‑proċedura u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ta’ kuljum jieħu effettivament ħsieb il-wild minuri tiegħu li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru?

2.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l‑piż legali, finanzjarju u/jew emozzjonali ma huwiex eżerċitat esklużivament minn dan il-ġenitur u li, barra minn hekk, ma huwiex eskluż li l-ġenitur l-ieħor, li jkun ċittadin tal-Istat Membru, jista’ de facto jkun f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild tiegħu?

3.      F’dan il-każ, il-ġenitur/iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jistabbilixxi b’mod konvinċenti li l-ġenitur l-ieħor ma jistax jieħu ħsieb il‑wild, b’tali mod li l-wild ikun meħtieġ iħalli t-territorju tal‑Unjoni jekk il-ġenitur/iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiċċaħħad minn dritt ta’ residenza?”

37.      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tingħata prijorità abbażi tal‑Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.      Saru osservazzjonijiet bil-miktub minn H. C. Chavez Vilchez u Y. R. L. Wip, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Daniż, mill-Gvern Litwan, mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. H. C. Chavez Vilchez u Y. R. L. Wip, il-Gvern Daniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Litwan, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Pollakk u l-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fl-10 ta’ Mejju 2016.

V –    Analiżi

39.      Preliminarjament, ser neżamina l-premessi li fuqhom il-qorti tar‑rinviju bbażat id-deċiżjoni tagħha qabel nanalizza l-aspetti essenzjali tad-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

40.      Qabel xejn, nixtieq infakkar li l-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (8).

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nipproċedi għal analiżi fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, ser nagħmel riferiment għall-prinċipju ta’ supremazija tal-aħjar interess tal-wild. Fit-tieni lok, sabiex nifhmu aħjar is‑sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ser neżamina d‑differenzi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Fit-tielet lok, ser nippreżenta l‑kuntest li fih jaqgħu dawn is-sitwazzjonijiet, billi nesponi l‑kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-leġiżlazzjoni u l‑prattika amministrattiva Olandiża anki fit-tmiem tal-applikazzjonijiet għal dritt ta’ residenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal‑proċeduri mibdija fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini barranin.

1.      Il-prinċipju tal-aħjar interess tal-wild

42.      Is-supremazija tal-aħjar interess tal-wild huwa wieħed mill‑prinċipji mifrux fl-ordinament legali tal-Unjoni (9).

43.      Minn naħa waħda, l-Istati Membri kollha rratifikaw il‑Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, konkluża fi New York fl-20 ta’ Novembru 1989 (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal”) (10). Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-konvenzjoni, “[f]l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati tal-protezzjoni soċjali, qrati tal-liġi, awtoritajiet amministrattivi jew korpi leġiżlattivi, il-kunsiderazzjoni primarja għandha tkun l-aħjar interess tat-tfal” (11). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal torbot lil kull Stat Membru u li dan it-test jinsab fost l-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad‑drittijiet fundamentali li hija tqis għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (12).

44.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) TUE li fl-ewwel inċiż tiegħu jipprovdi li “l-Unjoni tistabilixxi suq intern”, fit-tieni inċiż tiegħu jipprovdi li l-Unjoni “tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in‑nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal”. Barra minn hekk, id-drittijiet tat-tfal huma inklużi fil-Karta (13). Fl-Artikolu 24 tagħha, din tirrikonoxxi lit-tfal bħala detenturi tad-drittijiet, b’mod indipendenti u awtonomu. Dan l-artikolu jikkunsidra l-aħjar interess tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja għall‑awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet privati (14).

45.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-prinċipju tas-supremazija tal-aħjar interess tat-tfal bħala l-mera li minn ġo fiha għandhom jinqraw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (15).

46.      B’mod iktar preċiż, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal‑Unjoni u l-Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tad-dritt sekondarju (16). Jidhirli b’mod partikolari li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “[il‑wild ċittadin tal-Unjoni] jista’ jinvoka d-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza ggarantiti mid-dritt [tal-Unjoni]. Il-kapaċità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun intitolat għad-drittijiet iggarantiti mit‑Trattat u mil-leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-moviment liberu ta’ persuni ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun kisbet l-età meħtieġa sabiex ikollha l-kapaċità ġuridika li teżerċita hija stess l-imsemmija drittijiet” (17).

47.      Dan il-prinċipju jikkostitwixxi l-punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi.

2.      Id-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali

48.      Qabel xejn għandu jiġi ppreċiżat li, mill-eżami tas-sitwazzjonijiet fil-kawża prinċipali, huwa evidenti n-nuqqas ta’ omoġenità tagħhom.

49.      Huwa minnu li kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tmien rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini ta’ Stati terzi, li ma għandhomx permessi ta’ residenza validi (18) u ommijiet tal-inqas ta’ wild wieħed ta’ età żgħira (minn 3 sa 7 snin), ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru tagħhom, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn it-tfal kollha ġew irrikonoxxuti minn missirijiethom, ċittadini Olandiżi, iżda jgħixu ma’ ommijiethom, li effettivament jieħdu ħsiebhom kuljum. F’kull sitwazzjoni, il-missier ma jgħixx, jew ma għadux jgħix, bħala familja mal-wild u l-omm matul il-perijodu kkonċernat mir-rifjut tal‑applikazzjonijiet għall-allowances inkwistjoni.

50.      Lil hinn minn dawn l-analoġiji, is-sitwazzjonijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw numru ta’ partikolaritajiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

51.      Għalhekk, għal dak li jirrigwarda, qabel xejn, is-sitwazzjoni tal‑missirijiet ċittadini Olandiżi, il-kontribuzzjoni tagħhom għall‑ispejjeż tal-għajxien tat-tfal rispettivi tagħhom u l-kustodja ta’ dawn tal-aħħar, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntatti bejn it‑tfal u missirijiethom huma frekwenti (19), jew rari, jew anki ineżistenti (20). Fil-fatt, f’każ minnhom, il-missier ma nstabx (21) u f’każ ieħor qed isegwi programm ta’ akkomodazzjoni assistita (22). Fi tliet każijiet, il-missier jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-għajxien tal-wild (23), filwaqt li, fl-oħrajn ma titħallas ebda kontribuzzjoni (24). F’żewġ każijiet minn tmienja, il-kustodja hija konġunta bejn iż-żewġ ġenituri (25) filwaqt li fil-każijiet l-oħra, din hija assunta mill-omm waħedha b’mod effettiv u ta’ kuljum (26). F’każ wieħed biss, l-omm assumiet il-kustodja effettiva tat-tifla tagħha u t-tnejn joqogħdu fid-dar tal-kunjatu u ħu l‑missier (27). F’nofs il-każijiet, it-tfal joqogħdu flimkien ma’ ommijiethom fi strutturi ta’ akkoljenza ta’ urġenza (28).

52.      Sussegwentement, fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fit-territorju tal-Unjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fis-17 ta’ Mejju 2011, P. Pinas ingħatat permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi għal żmien determinat. Barra minn hekk, ir‑rappreżentanti ta’ Y. R. L. Wip u H. C. Chavez-Vilchez, kif ukoll il-Gvern Olandiż waqt is-seduta indikaw li dawn illum jinsabu f’sitwazzjoni regolari għal dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom. Fil-fatt, Y. R. L. Wip kisbet reċentement permess ta’ residenza fil-Belġju, fejn hija taħdem u toqgħod mat-tifla tagħha (29). Fir-rigward ta’ H. C. Chavez-Vilchez, hija ngħatat, abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB, permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi u hija għandha impjieg fil-Belġju.

53.      Fl-aħħar nett, għal dik li hija s-sitwazzjoni partikolari tat-tfal rispettivi ta’ H. C. Chavez-Vilchez u Y. R. L. Wip, għandu jiġi enfasizzat li t-tnejn li huma donnhom eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom.

54.      Iktar tard ser ngħaddi għall-effett li dawn l-aspetti għandhom fuq il-kawżi prinċipali.

3.      Il-prassi tal-organi amministrattivi Olandiżi u l-proċeduri fid-dritt tal-barranin

55.      Fl-ewwel lok fir-rigward tal-prattika tal-organi amministrattivi, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-Pajjiżi l-Baxxi, diversi organi amministrattivi jinterpretaw is-sentenzi Ruiz Zambrano (30) u Dereci et (31) b’mod restrittiv u jqisu li din il-ġurisprudenza tapplika biss meta l‑missier ċittadin Olandiż ma jkunx, skont kriterji oġġettivi, f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild ċittadin Olandiż għaliex ikun, b’mod partikolari, taħt detenzjoni, irrikoverat f’istituzzjoni jew sptar, jew miet. Lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet, il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz għandu jistabbilixxi b’mod konvinċenti li l-missier ċittadin Olandiż ma huwiex kapaċi jieħu ħsieb il-wild ċittadin Olandiż, anki bil-għajnuna eventwali ta’ terzi. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, iċ-Ċirkulari dwar il-barranin tipprovdi li l-oneru tal-prova sabiex jintwera li l-ġenitur Olandiż ma jistax jieħu ħsieb b’mod konkret il-wild Olandiż huwa fuq il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz.

56.      Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-kawżi prinċipali, il-korpi responsabbli mill-ħlas tal-għajnuna u tal-allowances, jiġifieri l-Kunsilli Lokali kkonċernati u s-SvB, għandhom, abbażi tal-informazzjoni li l‑persuni kkonċernati jikkomunikawlhom, iwettqu, b’konsultazzjoni mal-IND, eżami suffiċjenti dwar jekk dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l‑Baxxi jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE. F’ċerti każijiet, l‑IND bagħat, fuq talba, parir lill-imsemmija korpi. Kultant, tkun diġà saret evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dritt tal-barranin mibdija minn rikorrent. Fl-evalwazzjoni tiegħu tad-dritt ta’ residenza, l-IND japplika d-direttivi li jinsabu fiċ-Ċirkulari dwar il-barranin.

57.      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda, l-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza fil-kuntest tad-dritt tal-barranin, il-qorti tar‑rinviju tispjega li, f’dan il-każ, il-Kunsilli Lokali kkonċernati, is-SvB u l-IND ma kkunsidrawx rilevanti l-fatt li ma huwiex il-missier ċittadin tal-Unjoni iżda l-omm ċittadina ta’ Stat terz li tieħu ħsieb ta’ kuljum u effettivament il-wild ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, huma ma kkunsidrawx bħala rilevanti l-fatt li tiġi eżaminata l-intensità tal-kuntatti bejn il-wild u l-missier, in-natura tal-kontribuzzjoni ta’ dan tal-aħħar għal għajxien u l‑edukazzjoni tal-wild, jew ukoll jekk kienx lest li jagħmel dan. Bl-istess mod, il-fatt li l-missier ma kellux il-kustodja tal-wild ma kienx ikkunsidrat rilevanti għaliex ma kienx stabbilit b’mod konvinċenti li din setgħet tingħata lilu. Huwa l-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz li jassumi r‑responsabbiltà tal-wild li għandu jipprova li l-ġenitur Olandiż ma jistax jieħu ħsieb b’mod konkret tal-wild. Dan ikun biss meta l-omm ċittadina ta’ Stat terz turi b’mod konvinċenti li ostakoli oġġettivi jipprekludu li l-missier jieħu ħsieb il-wild li jiġi aċċettat li dan huwa f’dan il‑punt dipendenti fuqha u li ser ikun obbligat, fil-fatt, jitlaq mit‑territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lilha.

58.      Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali kif ukoll tal-partikolaritajiet tal-prassi amministrattiva Olandiża esposti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi vverifikat jekk it-tfal ta’ età żgħira ċittadini tal-Unjoni u l-ommijiet tagħhom, ċittadini ta’ Stat terz, li għandhom kustodja esklużiva, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jiena ser neżamina, minn naħa waħda, il-każijiet partikolari tat-tfal rispettivi ta’ H.C. Chavez-Vilchez u Y. R. L. Wip mill-perspettiva tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38 u min-naħa l-oħra, il‑każijiet tat-tfal li dejjem irrisjedew, flimkien ma’ ommijiethom, fl‑Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, mill-perspettiva tal‑Artikolu 20 TFUE.

B –    Eżami tas-sitwazzjoni ta’ H. C. Chavez-Vilchez u Y. R. L. Wip kif ukoll tat-tfal tagħhom mill-perspettiva tal-Artikolu 21(1) TFUE u tad‑Direttiva 2004/38

59.      Kif repetutament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad‑deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (32).

60.      Qabel xejn infakkar li, skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tissimplifika u ssaħħaħ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Dan id‑dritt jirrigwarda, kif innotajt fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tfal ta’ età żgħira ċittadini tal-Unjoni (33).

1.      Fuq l-effett tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tat-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez

61.      Fir-rigward tat-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez, kemm għaliex hija għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu billi rrisjediet sa mill‑2011 fil-Ġermanja, Stat Membru fejn jaħdem missierha (34), kif ukoll għaliex il-qorti tar-rinviju kkonstatat li hija attwalment toqgħod flimkien ma’ ommha fil-Belġju fejn din għandha impjieg, jiena tal‑opinjoni li d-Direttiva 2004/38 tapplika, bħala regola, għal H. C. Chavez-Vilchez, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li takkumpanjaha (35). Madankollu, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 għal H. C. Chavez-Vilchez u t-tifla tagħha huma, fl-opinjoni tiegħi, differenti skont il-mument taċ-ċaqliq analizzat.

62.      Peress li H. C. Chavez-Vilchez illum taħdem fil-Belġju u li, għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li toqgħod f’dan l-Istat Membru flimkien mat-tifla tagħha, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-fatt li H. C. Chavez-Vilchez reċentement kisbet permess ta’ residenza fil‑Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB, l-effett ta’ eventwali residenza fil-Belġju huwa rilevanti biss f’żewġ każijiet, jiġifieri jew fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni għal permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, jew fid-dawl tar-residenza regolari tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex evalwati l-kriterji ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, kif stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (36).

63.      Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tat-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali jirriżulta li din kienet toqgħod mal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja, Stat Membru fejn jaħdem u joqgħod missierha, sal-2011 qabel ma kienet kostretta, minn dan tal-aħħar, titlaq mid-dar tal-familja flimkien ma’ ommha (37). Imbagħad, flimkien ma’ ommha, hija rritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità.

64.      Jidhirli li huwa utli li jiġi analizzat dan iċ-ċaqliq fil-Ġermanja ta’ H. C. Chavez-Vilchez u tat-tifla tagħha fid-dawl tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, tali analiżi tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju minħabba l‑effett tagħha fuq il-perijodi kkonċernati mill-applikazzjonijiet għal allowances inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

a)      Ġabra fil-qosor tal-ġurisprudenza dwar l-applikabbiltà tad‑Direttiva 2004/38 fil-każ fejn ċittadin tal-Unjoni, li jagħmel użu effettiv u minn qabel tal-libertà ta’ moviment tiegħu, imur fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità

65.      Infakkar li, fir-rigward tad-drittijiet eventwali tal-membri tal‑familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 tenfasizza li d-dritt taċ‑ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju tal-Istati Membri għandu, sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat f’kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità (38).

66.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li tkun akkumpanjat minn membru tal-familja ċittadin ta’ Stat terz huwa mogħti wkoll lil ċittadin tal-Unjoni, kemm jekk huwa attiv (39) jew inattiv (40), li jmur lura fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità wara l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu fi Stat Membru ieħor fejn huwa kien joqgħod mal-imsemmi membru tal-familja tiegħu (41). Din il-ġurisprudenza tirrigwarda għalhekk id-dritt għar-riunifikazzjoni tal‑familja mogħti liċ-ċittadin wara l-eżerċizzju minn qabel tal-libertà ta’ moviment, u huwa bbażat fuq il-projbizzjoni tal-ostakoli. F’din il‑ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat b’analoġija d‑Direttiva 2004/38 (42). Issa għandha tiġi analizzata l-ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni iktar wiesgħa ta’ din id‑direttiva billi applikatha mhux analoġija iżda direttament.

b)      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 meta l-wild ta’ età żgħira ċittadin tal-Unjoni, li jagħmel użu effettiv u minn qabel tal‑libertà ta’ moviment tiegħu, imur fl-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità akkumpanjat minn axxendent ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-kustodja esklużiva

67.      Fir-rigward tad-dritt tad-dħul u residenza għal żmien qasir previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza McCarthey et (43) applikat id-Direttiva 2004/38 għal ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni koerenti tad-Direttiva 2004/38 fid‑dawl tas-sistema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol li tgawdi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabel xejn, li “id-Direttiva 2004/38 hija intiża, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal‑Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt” (44). Sussegwentement, hija fakkret li, “[f]id-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija [minn din id-direttiva], id-dispożizzjonijiet [tagħha] ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv u m’għandhomx, f’kull każ, jiġu pprivati mill-effett utli tagħhom” (45). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkunsidrat fl-aħħar nett li “bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 5 [tad-Direttiva 2004/38] li d-dritt ta’ dħul ta’ membri tal-familja taċ‑ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru għandu jkun limitat għall-Istati Membri l-oħra għajr l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni”.

68.      F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2004/38 għandha tapplika għal ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal‑Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, meta, wara l‑eżerċizzju minn qabel tad-dritt ta’ moviment liberu miċ-ċittadin tal‑Unjoni u wara li jkun irrisjeda b’mod effettiv fi Stat Membru ieħor, iċ-ċittadin u l-membri tal-familja tiegħu jmorru fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità.

69.      F’dan il-każ, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk, il-fatt li t‑tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu billi rrisjediet flimkien mal-ġenituri tagħha fil‑Ġermanja, Stat Membru fejn missierha jirrisjedi u jeżerċita attività għal rasu, jippermettilhiex li tibbenefika hija stess u ommha mill‑protezzjoni tad-Direttiva 2004/38 meta tirritorna lura fil-Pajjiżi l‑Baxxi, Stat Membru li tiegħu għandha n-nazzjonalità.

70.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija affermattiva.

71.      Ċertament, bid-differenza għal H. P. McCarthy (46), li hija wkoll ċittadina ta’ Stat terz u membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li kellha permess ta’ residenza validu maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, mid-deċiżjoni tar‑rinviju ma jirriżultax li H. C. Chavez-Vilchez kellha, fil-mument tad‑dħul tagħha fit-territorju Olandiż, dokument tal-ivvjaġġar fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Madankollu, jidhirli li interpretazzjoni magħquda tal-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38 kienet tippermetti lil H. C. Chavez-Vilchez li tibbenefika mid-dritt tad-dħul u ta’ residenza għal żmien qasir fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, l‑Artikolu 5(4) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi li “[m]eta ċittadin ta’ l‑Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il‑visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza”.

72.      B’hekk, bħala ċittadina tal-Unjoni ta’ età żgħira, li ċċirkulat fi ħdan l‑Unjoni (47) u li rritornat, minħabba ċirkustanzi xejn feliċi (48), fl-Istat Membru li tiegħu għandha n-nazzjonalità, it-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez kellha tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38, u għalhekk, minn dritt ta’ dħul u ta’ residenza għal żmien qasir li jippermetti lil din tal-aħħar, li effettivament għandha l-kustodja tagħha, li ssib xogħol li jagħtiha l-possibbiltà li jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (49).

73.      Fil-każ fejn axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, ma jirnexxilux, matul il-perijodu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2004/38, jikseb riżorsi suffiċjenti sabiex jibbenefika mill‑protezzjoni ta’ din l-istess direttiva, jiena tal-fehma li l‑Artikolu 21 TFUE ma jipprekludix li jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza lil dan l-axxendent, minkejja li għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi miegħu.

74.      F’dan il-każ, għandha madankollu tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tal-wild ċittadin tal-Unjoni u tal-axxendent tiegħu ċittadin ta’ Stat terz fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE. Madankollu, kif diġà ssemma, H. C. Chavez-Vilchez kisbet reċentement permess ta’ residenza fil‑Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Konsegwentement, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal‑Artikolu 20 TFUE “dritt ta’ residenza jistax madankollu jingħatalha, fuq bażi eċċezzjonali, fuq il-bażi ta’ preġudizzju lill-effettività taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni li minnha [tgawdi t-tifla] tal-parti kkonċernata, peress li, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, [din it-tifla tiġi obblifata], fil-fatt, li [titlaq] mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’mod li [tiġi] mċaħħda mit-tgawdija effettiva tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus” (50).

2.      Fuq l-effett tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment mit-tifla ta’ Y. R. L. Wip

75.      Waqt is-seduta r-rappreżentant ta’ Y. R. L. Wip kif ukoll il-Gvern Olandiż ikkonfermaw li hija u t-tifla tagħha jirrisjedu attwalment fil‑Belġju, fejn Y. R. L. Wip kisbet permess ta’ residenza u taħdem. Għalhekk huwa ċar li t-tifla tagħha għamlet użu mil-libertà ta’ moviment bħala ċittadina tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li tiegħu għandha n-nazzjonalità u, għalhekk, l-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2004/38 japplika għall-każ ta’ Y. R. L. Wip, bħala membru tal‑familja li jakkumpanjaha. Fil-fatt, fil-kwalità tagħha ta’ ċittadina Olandiża u, għalhekk, ta’ ċittadina tal-Unjoni, it-tifla ta’ Y. R. L. Wip għandha d-dritt li tipprevalixxi mill-Artikolu 21(1) TFUE. Dan l‑artikolu tat-Trattat u d-Direttiva 2004/38 jagħtuha, fil-prinċipju, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju.

76.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “r-rifjut li ġenitur, ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li għandu effettivament il-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa minuri, jitħalla jirrisjedi ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti jċaħħad minn kull effettività d-dritt ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, peress illi t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza minn wild ta’ età żgħira timplika neċessarjament li dan il-wild ikollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li tiżgura effettivament il-kustodja tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun fil-pożizzjoni li tirrisjedi miegħu fl-Istat Membru ospitanti matul din ir-residenza” (51). Dan id-dritt ta’ residenza taċ‑ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huwa madankollu rrikonoxxut bla ħsara għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett (52). F’dan ir-rigward, infakkar li l-applikazzjoni ta’ dawn il‑limitazzjonijiet u kundizzjonijiet għandha ssir b’konformità mal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u skont il-prinċipji ġenerali ta’ dan id‑dritt (53), b’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, tal-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal.

77.      Madankollu, ladarba Y. R. L. Wip kisbet permess ta’ residenza u għandha impjieg fil-Belġju, hija l-qorti tar-rinviju li għand tivverifika jekk, it-tifla tagħha, ċittadina tal-Unjoni, tistax tkun obbligata, bħala regola, fir-realtà, titlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu, u b’hekk tkun imċaħħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija minn din iċ-ċittadinanza tagħha. Konsegwentement, bħal fil-każ ta’ H. C. Chavez-Vilchez (li kisbet permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi) u t-tifla tagħha, ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi analizzata din is‑sitwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE.

C –    Eżami tas-sitwazzjonijiet tat-tfal li dejjem baqgħu jirrisjedu fl‑Istat Membru ta’ nazzjonalità tagħhom, flimkien ma’ ommijiethom li għandhom il-kustodja effettiva, mill-perspettiva tal-Artikolu 20 TFUE

1.      L-ewwel u t-tieni domanda preliminari

78.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta lil ġenitur ċittadin ta’ Stat terz (54), li għandu l-kustodja effettiva tal-wild ta’ età żgħira tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar li tiegħu għandu n-nazzjonalità, meta ma jintweriex li l-ġenitur l-ieħor, li huwa ċittadin ta’ dan l-istess Stat Membru, jista’ jassumi l-kustodja effettiva tal-wild.

79.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE u tal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, tali sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

a)      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal‑Unjoni

80.      Fl-1 ta’ Novembru 2016 iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ser tagħlaq l‑età ta’ tlieta u għoxrin sena (55). Imwielda fl-1992 mal-iffirmar tat‑Trattat ta’ Maastricht, din hija intiża sabiex tikkontribwixxi sabiex iċ-ċittadini tal-Istati Membru jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-Unjoni (56). Bħala status fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, iċ-ċittadinanza tal‑Unjoni tinkludi, b’mod partikolari għall-ġenerazzjonijiet ġodda, il-possibbiltà li jibnu Ewropa li fiha ċ-ċittadini kollha jistgħu, bħala bnedmin, jiċċirkulaw, jirrisjedu, jaħdmu, jistudjaw, jipprovdu servizz jew jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, jipprosperaw, jiżżewġu jew jagħżlu komunità ta’ ħajja analoga, joħolqu, jekk jixtiequ, familja, u jgħixu fil-paċi (57) u fis-sigurtà.

81.      Għalhekk, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tilleġittima l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea billi ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom bħala ċittadini. Din il-leġittimazzjoni ġiet ivvalorizzata fil-Qorti tal‑Ġustizzja, mill-Avukati Ġenerali tagħha, sa mill-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal‑Unjoni. B’mod partikolari, l-Avukat Ġenerali Lenz innota, fl-1994, li “[l]-istabbiliment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni jqajjem it-tama ta’ ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-inqas quddiem id-dritt Komunitarju” (58).

82.      Sentejn wara, fl-1996, l-Avukat Ġenerali Léger, filwaqt li rrefera għar-rikonoxximent ta’ tali ċittadinanza, indirizza lill-Qorti tal‑Ġustizzja fit-termini li ġejjin: “[din iċ-ċittadinanza] għandha valur emblematiku u probabbilment hija waħda mill-avvanzi tal-kostruzzjoni Ewropea li l-iktar ġibdet l-attenzjoni tal-opinjoni pubblika. Ċertament, dan il-kunċett jiġbor fil-fatt aspetti diġà akkwistati, fil-maġġor parti tagħhom, mill-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, u għalhekk huwa konsolidazzjoni tal-acquis Komunitarju. Iżda intom tridu tagħtuh is‑sinjifikattiv tiegħu kollu. Madankollu jekk jiġu dedotti l-konsegwenzi kollha marbuta ma’ dan il-kunċett, iċ-ċittadini tal-Unjoni kollha, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, għandhom igawdu eżattament mill-istess drittijiet u għandhom ikunu suġġetti għall-istess dmirijiet” (59).

83.      F’dan is-sens, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer innota, sena wara, li “[l]-ħolqien ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, li […] għal dawk li jipposjeduha hija korollarja għad-dritt ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri kollha, tirrapreżenta progress kwalitattiv konsiderevoli peress li, bħalma tosserva l-Kummissjoni għal użu tajjeb, hija tillibera din il-libertà ta’ moviment mill-elementi funzjonali jew instrumetali tagħha (peress li ma hijiex iktar marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jew mal-implementazzjoni tas-suq intern) u peress ukoll li tgħolli l-livell ta’ dan id-dritt proprju u indipendenti, inerenti għall-istatus politiku taċ-ċittadini tal-Unjoni” (60).

84.      Minn dakinhar ’l hawn, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni saret effettiva b’mod progressiv permezz ta’ xogħol ġurisprudenzjali vast imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja b’kooperazzjoni stretta mal-qrati nazzjonali fil‑kuntest tal-proċedura preliminari (61). F’din il-linja ġurisprudenzjali jaqgħu l-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Dawn jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 20 TFUE fid-dawl tas-sentenzi Ruiz Zambrano (62) u Dereci et (63) f’sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ma huwiex stabbilit li l-ġenitur, li huwa ċittadin tal-Istat Membru li tiegħu l-wild għandu n-nazzjonalità u li fih huwa dejjem irrisjeda, jistax jieħu ħsieb it-tifel fil-każ ta’ eventwali tkeċċija tal-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz.

b)      Fuq in-natura partikolari tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali

85.      F’dan il-każ (64), fir-rigward tat-tfal ta’ età żgħira ta’ P. Pinas (65), U. Nikolic, X. V. García Pérez, J. Uwituze, I. O. Enowassam u A. E. Gerrero Chavez, peress li dawn qatt ma għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u dejjem baqgħu jirrisjedu fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, nikkonstata li ma jaqgħux fil-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad‑Direttiva 2004/38, b’tali mod li din id-direttiva ma tapplika la għalihom u lanqas għal ommijiethom.

86.      Mill-banda l-oħra, nistgħu nikkunsidraw li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 20 TFUE?

87.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza Ruiz Zambrano, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit‑tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom (66). Skont il-prinċipji stabbiliti f’din is-sentenza, din il‑protezzjoni tad-dritt tal-Unjoni tapplika fil-kawża inkwistjoni fil‑kawża prinċipali peress li t-tfal ta’ P. Pinas, U. Nikolic, X. V. García Pérez, J. Uwituze, I. O. Enowassam u A. E. Gerrero Chavez jistgħu, fin‑nuqqas ta’ dritt ta’ residenza dderivat għall-ommijiethom, li għandhom il-kustodja esklużiva tagħhom, ikunu obbligati, fir-realtà, jakkumpanjawhom, u għalhekk jitilqu mit-territorju tal-Unjoni “kollu kemm hu”. Fil-fatt, it-tkeċċija eventwali ta’ ommijiethom iċċaħħadhom mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jagħtihom l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, tali ċaħda tista’ tippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huma jgawdu minnha.

88.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tas-sentenza Ruiz Zambrano (67) billi ddeċidiet li din tapplika għal “sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi miċħud lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja tal-imsemmi ċittadin, peress li jkun hemm ksur tal-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li huwa jgawdi, jekk, bħala konsegwenza ta’ tali rifjut, dan iċ-ċittadin ikun obbligat, fir-realtà, jitlaq mit-territorju tal‑Unjoni kollu, u b’hekk ikun imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal‑essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni” (68).

89.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi evalwat, fid-dawl tal‑Artikolu 20 TFUE, jekk sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali humiex sitwazzjonijiet partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar 'il fuq.

90.      Fil-fehma tiegħi ma hemmx dubju, li l-fatt li dawn it-tfal kollha għandhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jiġifieri n-nazzjonalità Olandiża, li l-kriterji ta’ akkwist tagħha, jaqgħu b’mod evidenti, fil‑kompetenza tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (69), jimplika li dawn jibbenefikaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (70). Għaldaqstant, bħala ċittadini tal‑Unjoni, dawn it-tfal għandhom id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Unjoni, u kull limitazzjoni għal dan id-dritt taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (71).

91.      Konsegwentement, bħala regola, jidhirli li mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu sitwazzjonijiet partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Ruiz Zambrano (72). Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jwasslu li t-tfal inkwistjoni jkunu mċaħħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk jiena nikkunsidra li dawn is-sitwazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk id‑deċiżjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux interferenza mad-dritt ta’ residenza li minnu jgawdu t‑tfal ikkonċernati u jekk din tistax tkun iġġustifikata.

93.      Għalija huwa ċar li teżisti interferenza potenzjali mad-drittijiet tat-tfal ikkonċernati, ċittadini tal-Unjoni, jekk, bħala riżultat tar-rifjut ta’ permess ta’ residenza ta’ ommijiethom, dawn it-tfal ikunu kostretti jitilqu, fir-realtà, mit-territorju tal-Unjoni kollu. Iżda, fiċ-ċirkustanzi partikolari tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, din l-interferenza hija ammissibbli jew le?

c)      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq il-grad ta’ dipendenza bejn il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz u l-wild ċittadin tal‑Unjoni

94.      Il-kwistjoni preliminari li tqum hija dwar jekk il-preżenza waħedha tal-missier ċittadin Olandiż fil-Pajjiżi l-Baxxi (73) tipprevjenix b’mod sistematiku li l-wild ċittadin tal-Unjoni jibbenefika mill‑protezzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

95.      Fl-opinjoni tiegħi, il-preżenza waħedha tal-missier ċittadin Olandiż fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tistax, fiha nnifisha, tiġġustifika d‑deċiżjonijiet nazzjonali fil-kawżi prinċipali u lanqas tikkontesta l‑kriterju taċ-“ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin” mingħajr ma l-qorti tar-rinviju tivverifika jekk id-deċiżjonijiet nazzjonali inkwistjoni josservawx il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tagħhom fuq is-sitwazzjonijiet tat-tfal tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ċittadini tal-Unjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (74).

96.      Fil-kuntest tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma kkonċernati diversi interessi, jiġifieri, l-interessi nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni (75), id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, l-aħjar interess tat-tfal u d-drittijiet li jaqgħu fil-qasam tad-dritt nazzjonali tal-familja, bħalma huwa l-każ b’mod partikolari tad-dritt tal-kustodja.

97.      B’hekk, għall-finijiet ta’ verifika tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mid-deċiżjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bl-iktar waħda importanti jkun, fl-opinjoni tiegħi, il-grad ta’ dipendenza bejn il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz u l-wild ċittadin tal-Unjoni.

98.      F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li jiġi stabbilit min għandu r‑“responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva” (76). Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “hija r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġi rrifjutat d-dritt ta’ residenza li tista’ tpoġġi f’dubju l-effettività taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni peress li hija din id-dipendenza li twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jsib ruħu obbligat, de facto, jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut” (77).

99.      Mingħajr ħsara għal din il-verifika li għandha ssir mill-qorti tar‑rinviju, mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ir‑relazzjoni ta’ dipendenza teżisti bejn it-tfal ċittadini tal-Unjoni kkonċernati u l-ommijiet rispettivi tagħhom ċittadini ta’ Stat terz (78).

100. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, u sa fejn is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, ukoll, id-drittijiet fundamentali li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom, b’mod partikolari d‑dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, fejn dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (79).

101. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa rilevanti li jiġi mistoqsi jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li d-dritt ta’ residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Unjoni tal-wild ċittadin tal-Unjoni jiġi limitat, abbażi biss ta’ kunsiderazzjonijiet bħall-fatt li ma huwiex stabbilit li l‑missier jista’ jieħu ħsieb il-wild jekk ikun totalment taħt ir‑responsabbiltà tiegħu, peress li tali kunsiderazzjoni hija ekwivalenti wkoll għal dikjarazzjoni li lanqas ma ġie stabbilit jekk huwa jistax jassumi l-kustodja tal-wild! F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju tispjega li, f’dan il-każ, ma ġiex ikkonstatat li tibdil fl-għoti tad-dritt tal-kustodja għadu possibbli (80).

102. Għalhekk jiena nasal għall-konklużjoni li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa sproporzjonat li jiġi rrifjutat, b’mod awtomatiku u abbażi biss tal-preżenza tal-missier ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru kkonċernat, dritt ta’ residenza dderivat lill-ommijiet, ċittadini ta’ Stat terz, tat-tfal ta’ età żgħira ċittadini tal‑Unjoni. Infakkar li kull ġustifikazzjoni għal deroga mid-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni “[għandha] tiftiehem b’mod strett u l‑portata tagħha ma tistax tkun iddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni” (81).

d)      Konklużjoni intermedjarja

103. L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ġenitur ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja effettiva tal-wild ta’ età żgħira tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar li tiegħu għandu n-nazzjonalità, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu l-imsemmi wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta ma jintweriex li l-ġenitur l-ieħor, li huwa ċittadin ta’ dan l-istess Stat Membru, jista’ jassumi waħdu l-kustodja effettiva tal-wild. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li ma huwiex eskluż li dan il-ġenitur l-ieħor jista’ jkun f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild b’mod konkret.

2.      Fuq it-tielet domanda preliminari

104. It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-oneru tal-prova tad-dipendenza effettiva tal-wild ċittadin tal-Unjoni fir-rigward tal-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz.

105. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-Ċirkulari dwar il-barranin, li l-korpi Olandiżi responsabbli mill-ħlas ta’ għajnuna u tal-allowances jieħdu inkunsiderazzjoni, tipprovdi li l-oneru tal-prova sabiex jintwera li l-ġenitur Olandiż ma jistax jieħu ħsieb b’mod konkret tal-wild jaqa’ fuq il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz. Dan tal-aħħar għandu juri li ostakoli oġġettivi jipprekludu lill-ġenitur ċittadin tal-Unjoni milli jieħu ħsieb il-wild sabiex jiġi kkunsidrat li l-wild huwa dipendenti fuq il-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz sal-punt li jkollu jitlaq, fil-fatt, mit-territorju tal‑Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dan il-ġenitur.

106. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk din id‑dispożizzjoni taċ-Ċirkulari dwar il-barranin tikkorrispondix għal interpretazzjoni wisq restrittiva tas-sentenza Ruiz Zambrano (82).

107. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Olandiż enfasizza li l-oneru tal-prova huwa fuq l-applikanti għal permess ta’ residenza, skont ir-regola ġenerali li tipprovdi li kull min igawdi minn xi drittijiet jew konsegwenzi ta’ dawn id-drittijiet għandu jistabbilixxi li dawn id-drittijiet japplikaw fis-sitwazzjoni tiegħu.

108. Jien tal-opinjoni li, fi-każ fejn parti targumenta li s-sitwazzjoni tagħha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, huma l‑awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru li għandhom jiddeterminaw ex officio jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet humiex issodisfatti jew le.

109. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ċittadin ta’ Stat terz, ġenitur ta’ wild ċittadin tal-Unjoni, ikun jista’ jibbenefika minn permess ta’ residenza, huwa ċar li dawn l-awtoritajiet għandhom quddiemhom, min‑naħa, kwistjonijiet direttament marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-wild u, min-naħa l-oħra, kwistjonijiet marbuta strettament mad-dritt nazzjonali tal-familja.

110. Fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-wild ikkonċernat, il-kwistjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova ma għandux inaqqas l-effett utli tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. B’hekk, jidhirli li l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni dwar l-oneru tal-prova tista’ tikkomprometti l-effett utli tal‑Artikolu 20 TFUE.

111. Għal dik li hija l-evalwazzjoni tal-aspetti tad-dritt nazzjonali tal‑familja, peress li sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l‑prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-aħjar interess tal-wild, għandhom iqajmu ex officio l-kwistjoni preliminari dwar jekk il-kustodja tal-wild tistax tkun assunta mill-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Istat Membru li l‑wild għandu n-nazzjonalità tiegħu u għalhekk huwa ċittadin tal‑Unjoni.

112. Barra minn hekk, jidhirli li huwa kuntrarju għall-effett utli tal‑Artikolu 20 TFUE u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-ġenitur ċittadin ta’ Stat terz ikun obbligat jassumi l-kustodja effettiva tal-wild, f’dan il-każ l-omm, jippreżenta rikors kontra l-interessi proprji tiegħu u, potenzjalment, l-interessi tal-wild! Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li tali rikors għandu l-għan li jitlob li l-kustodja tkun ittrasferita lill-ġenitur l‑ieħor sabiex jiġi ppruvat li l-missier Olandiż ma jistax jieħu ħsieb b’mod konkret il-wild, u għaldaqstant, sabiex jiġi aċċettat li l-wild huwa f’dan il-punt dipendenti fuq ommu u ser ikun obbligat, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza ta’ din tal-aħħar jiġi rrifjutat (83).

113. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li huma l‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandhom iqajmu ex officio u jistabbilixxu l-fatt li l-kustodja effettiva tal-wild tista’ tkun assunta mill-ġenitur l-ieħor. Huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-aħjar interess tal-wild.

VI – Konklużjoni

114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

1)         L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta lil ġenitur ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja effettiva tal-wild ta’ età żgħira tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, ir‑residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar li tiegħu għandu n-nazzjonalità, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill‑imsemmi wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta ma jintweriex li l‑ġenitur l-ieħor, li huwa ċittadin ta’ dan l-istess Stat Membru, jista’ jassumi waħdu l-kustodja effettiva tal-wild. F’dan ir‑rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li ma huwiex eskluż li dan l-ġenitur l-ieħor jista’ jkun f’pożizzjoni li jieħu ħsieb il-wild b’mod konkret.

2)         Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li għandhom iqajmu ex officio u jistabbilixxu l-fatt li l-kustodja effettiva tal‑wild tista’ tkun assunta mill-ġenitur l-ieħor. Huma dawn l‑awtoritajiet li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-aħjar interess tal-wild.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).


3      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, L 158, p. 77).


4 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawżi fil-qasam tad-dritt taċ-ċittadini barranin, il-qorti suprema hija s-sezzjoni tad-dritt amministrattiv tar-Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fil-kawżi dwar il-Wet Werk en Bijstand (Liġi dwar ix-Xogħol u l-Għajnuna Soċjali, hija l-qorti tar‑rinviju li teżerċita l-ogħla ġurisdizzjoni. Fil-kawżi dwar l-Algemene Kinderbijslagwet (Liġi dwar l‑Allowances tal-Familja, iktar 'il quddiem il-“Liġi dwar l‑Allowances tal-Familja”) id-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l‑Baxxi) f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “assigurat”, inkluż l‑aspetti ta’ dan il-kunċett fid-dritt internazzjonali.


5 – Dawn il-perijodi huma perijodi trimestrali li seħħew bejn l-2010 u l-2013 għal kull waħda mir-rikorrenti.


6 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).


7 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 (C‑256/11, EU:C:2011:734).


8 – Għal dimostrazzjoni reċenti ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita, ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36).


9 – Għall-ġabra tal-acquis tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-wild, ara Il-Kummissjoni Ewropea, DG Ġustizzja, EU acquis and policy documents on the rights of the child, Diċembru 2015, p. 1 sa 83.


10 – Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990.


11 – L-Artikolu 9(1) ta’ din l-istess konvenzjoni jipprovdi li “[l-]Istati partijiet għandhom jiżguraw li l-wild ma jkunx separat mill-ġenituri tiegħu kontra l-volontà tiegħu, sa fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jiddeċidux, mingħajr ħsara tar-reviżjoni ġudizzjarja u skont il-liġijiet u proċeduri applikabbli, li din is-separazzjoni hija neċessarja fl-aħjar interess tal-wild. Deċiżjoni f’dan is-sens tista’ tkun neċessarja f’ċerti każijiet partikolari, pereżempju meta l-ġenituri jittrattaw ħażin jew jinjoraw lill-wild, jew meta dawn jgħixu separatament u għandha tittieħed deċiżjoni fir‑rigward tal-post ta’ residenza tal-wild”.


12 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ċertament, id-dispożizzjonijiet tal-Karta jindirizzaw biss, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, lill-Istati Membri meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ, jekk wara l-eżami tas‑sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi kkunsidrat li l-imsemmija sitwazzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar‑rinviju għandha tiddetermina jekk ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza dderivat tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-allowances inkwistjoni jippreġudikawx id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja previst fl-Artikolu 7 tal-Karta. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 72).


14 – Ara, wkoll, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-15 ta’ Frar 2011, intitolata “Programm tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal” [KUM (2011) 60 finali, p. 3].


15 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal ta’ età żgħira li qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u dejjem irrisjedew fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 76 sa 78). Għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punti 39 sa 42 u 52). Fir‑rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 61 u 64).


16 – Għandu jiġi nnotat li l-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandha tkun ir‑riżultat ta’ qari tad-dritt tal-Unjoni “mhux kollu kemm hu, iżda bħala ħaġa waħda”. Ara f’dan is-sens, D. Simon, “Cohérence et ordre juridique communautaire”, Le droit, les institutions et les politiques de l’Union européenne face à l’impératif de cohérence, V. Michel (ed.), Presses universitaires de Strasbourg, Strasbourg, 2009, p. 25 sa 40, u, b’mod partikolari p. 30. F’dan ir-rigward, Pierre Pescatore enfasizza l-importanza tal-qorti sabiex tkun żgurata l-koerenza ta’ ordinament ġuridiku kumpless ibbażat fuq ir-relazzjonijiet tas-sistemi bejn diversi ordinamenti ġuridiċi. Ara P. Pescatore, Le droit de l’intégration. Émergence d’un phénomène nouveau dans les relations internationales selon l’expérience des Communautés européennes, A.W. Sijthoff, Leiden, 1972, p. 82.


17 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.


18 –      Dawn huwa l-każ ta’ U. Nikolic, X. V. García Pérez, J. Uwituze, I. O. Enowassam u A. E. Guerrero Chavez. Għal dak li jirrigwarda H. C. Chavez Vilchez, P. Pinas u Y. R. L. Wip, ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa l-każ ta’ Shalomie, ta’ Joe, ta’ Philomena u ta’ Salamo. Ara l-punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20 – Skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ ta’ Angelina, Angely u Habibatou. Ara l‑punti 23, 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Fir-rigward ta’ Schwencke, missier Angely, ġie enfasizzat, waqt is-seduta, li X. V. García Pérez kienet vittma ta’ vjolenza domestika. Barra minn hekk, mid‑deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-reġistru tal-popolazzjoni jindika li Schwencke telaq lejn il-Costa Rica fit-8 ta’ Lulju 2009. Ara l-punt 26 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


22 – F’dan ir-rigward, matul is-seduta, ir-rappreżentant ta’ U. Nikolic spjega li van de Pluijm, missier Esther, huwa ġenitur żagħżugħ li tqiegħed f’istituzzjoni sabiex isegwi trattament fuq tul ta’ żmien, u għalhekk huwa eskluż li jista’ jieħu ħsieb it‑tifla.


23 – Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-missirijiet rispettivi ta’ Shalomie, Joe, Philomena u Salamo jikkontribwixxu għal dawn l-ispejjeż tal-għajxien. Ara l‑punti 28 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Skont id-deskrizzjoni tal-fatti tal-qorti tar-rinviju, dan huwa l-każ ta’ Angelina, Shine, Esther, Angely u Habibatou. Ara l-punti 23 sa 27 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


25 – Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kustodja hija konġunta fil-każ ta’ Shine u ta’ Philomena. Madankollu, għandu jiġi nnotat li Philomena tgħix ma’ ommha f’ċentru ta’ akkoljenza ta’ urġenza. Ara l-punti 24 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – Il-kustodja hija assunta mill-omm waħedha fil-każ ta’ Angelina, Esther, Angely, Habibatou, Shalomie u ta’ Joe kif ukoll ta’ Salamo. Ara l-punti 23, 25 sa 28 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 – Din hija s-sitwazzjoni ta’ X. V. Guerrero Chavez u t-tifla tagħha Salamo. Ara l‑punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Din hija s-sitwazzjoni ta’ Angelina, Esther, Angely, Habibatou u Philomena.


29 – Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Y. R. L. Wip jirriżulta li l-applikazzjoni tagħha għal permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar 'il quddiem il-“KEDB”) (iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950) kienet miċħuda wkoll. L-organu amministrattiv kien ikkunsidra li r-relazzjonijiet bejn il‑missier u Shalomie, it-tifla ta’ Y. R. L. Wip, ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja.


30 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).


31 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 (C‑256/11, EU:C:2011:734).


32 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull (C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 41), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 20).


33 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Nirrileva li ma huwa indikat la fid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru ta’ twelid tat-tifla ta’ H.C. Chavez-Vilchez huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fi kwalunkwe każ, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li t-tifla ta’ H. C. Chavez-Vilchez għandha nazzjonalità Olandiża, peress li missierha huwa ċittadin Olandiż li rrikonoxxiha.


35 – F’dan ir-rigward, infakkar li l-eventwali drittijiet li huma mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stat terz mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal‑Unjoni ma humiex drittijiet proprji, iżda drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal‑moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 35); tal-1 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 22), kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 36).


36 – F’dan ir-rigward, għalkemm H. C. Chavez-Vilchez illum għandha permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa diffiċli li t-tifla tagħha tkun obbligata, fir-realtà, titlaq mit‑territorju tal-Unjoni kollu, u li għalhekk tiġi mċaħħda mit-tgawdija effettiva tal‑essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħha ta’ ċittadina tal-Unjoni.


37 – Mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ H. C. Chavez-Vilchez jirriżulta li, peress li din tal-aħħar spiċċat fit-triq mat-tifla tagħha, is-servizzi tal-għajnuna u l-pulizija Ġermaniża kkunsidraw li jkun aħjar li Angelina u ommha jmorru fil-Pajjiżi l-Baxxi, għaliex bħala ċittadina Olandiża, Angelina setgħet tgawdi mid-drittijiet kollha tagħha hemmhekk.


38 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 83), kif ukoll dik tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 33).


39 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296). F’din is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċittadin li jmur lura fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, sabiex iwettaq attività għal rasu, wara li kien impjegat għal ċertu żmien fi Stat Membru ieħor, kellu, abbażi tat-trattati u tad-dritt sekondarju, id-dritt li jkun akkumpanjat mill-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ Stat terz, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fid-dritt sekondarju.


40 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771). Il‑Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċittadin ta’ Stat Membru li ġab lit-tifla tiegħu minn Stat terz, meta kien qed jaħdem fi Stat Membru ieħor, kellu d-dritt li jkun akkumpanjat minn din tal-aħħar mar-ritorn tiegħu, bħala pensjonant, fl-Istat Membru li tiegħu kellu n-nazzjonalità.


41 – Għal analiżi ta’ din il-ġurisprudenza, ara l-punti 61 sa 88 tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345).


42 – Fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296), id-drittijiet ta’ residenza dderivati ġew aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal‑Artikolu 52 KEE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) u tad-Direttiva tal‑Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167), li tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2004/38. Il-motivazzjoni tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771), hija bbażata kemm fuq id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat (Artikolu 39 KE, li sar l-Artikolu 45 TFUE) kif ukoll fuq dawk tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), li kien emendat bid-Direttiva 2004/38. Fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva 2004/38 tapplika b’analoġija f’sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz waqt residenza effettiva, skont u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) jew l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, fi Stat Membru għajr dak li tiegħu għandu n‑nazzjonalità u jirritorna mal-membru tal-familja kkonċernat fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Ara f’dan ir-rigward, il-punti 77 et seq tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fil‑Kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345).


43 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014 (C‑202/13, EU:C:2014:2450).


44 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 31). Ara wkoll, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 84).


46 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450).


47 – Infakkar li dan iċ-ċaqliq kien marbut mal-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ missierha, ċittadin Olandiż, bil-għan li jistabbilixxi ruħu u jaħdem fi Stat Membru ieħor. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tista’ ċertament tapplika b’analoġija.


48 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – F’dan ir-rigward, ninnota li, fin-nuqqas ta’ permess ta’ residenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tippermettix li membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa ċittadin ta’ Stat terz ikun jista’ jaħdem.


50 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 33).


51 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 45); tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 69), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 28).


52 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punti 84 u 85), kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 26).


53 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 91), kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 32).


54 – Mid-duttrina jirriżulta li, fil-kuntest tal-Artikolu 20 TFUE, huwa iktar rilevanti l‑użu tat-termini “ċittadini ta’ Stat terz”. Fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, li fih l‑eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza jirrigwarda żewġ Stati Membri (dak li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità u dak ospitanti), il-membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni huwa, fil-fatt, ċittadin ta’ Stat terz. Madankollu, fil-kuntest tal-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, hemm biss Stat Membru wieħed ikkonċernat, jiġifieri dak li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n‑nazzjonalità. Konsegwentement, ladarba l-membru tal-familja tal-imsemmi ċittadin ma huwiex ċittadin ta’ “Stat terz”, huwa propost li jintuża terminu ieħor, “ċittadin non-UE” jew “ċittadin non-Ewropew”. Ara’ f’dan is-sens, G. Davies, “The Family Rights of European Children: Expulsion of non-Europeans Parents”, EUI Working Papers, RSCAS 2012/04, p. 1 sa 22, p. 3. Madankollu, f’dawn il‑konklużjonijiet, jiena nikkunsidra li t-terminu “ċittadin ta’ Stat terz” jirreferi għal ċittadin ta’ Stat mhux membru tal-Unjoni.


55 – Għall-evalwazzjoni dwar l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ara A. Trifonidou, The Impact of Union Citizenship on the EU’s Market Freedoms, Hartpublishing, Londra, 2016, p. 23 sa 58. L‑awtur jeżamina l-ġurisprudenza f’erba’ stadji, jiġifieri, it-tfulija (1993-1997), it‑tkabbir u l-iżvilupp (1998-2005), l-adoloxxenza (2006-2009) u l-ħajja adulta (wara l-2010).


56 – Ara f’dan is-sens, C. Barnard, The Substantive Law of the EU. The Four Freedoms, Oxford University Press, Oxford, 2013, p. 431 u 432. Dan l-awtur jikkunsidra ċ‑ċittadinanza bħala “dak li jorbot flimkien iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha”.


57 – Ara l-Artikolu 3 TUE.


58 – Ara l-punt 53 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:45).


59 – Ara l-punt 63 tal-Konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Léger ippreżenta fil-Kawża Boukhalfa (C‑214/94, EU:C:1995:381). F’dan is-sens, ara, ukoll, il-punt 50 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola ppreżentati fil-Kawżi magħquda Stöber u Piosa Pereira (C‑4/95 u C‑5/95, EU:C:1996:225). Enfasi miżjuda minni.


60 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawżi magħquda Shingara u Radiom (C‑65/95 u C‑111/95, EU:C:1996:451, punt 34). Enfasi miżjuda minni. Reċentement ħafna, l-Avukat Ġenerali Wathelet enfasizza, fil‑Konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259, punt 111), li l-istatus ta’ ċittadin huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, “[g]ħalhekk, ma jistax ikun mingħajr sustanza”.


61 – Ara, dwar dan l-aspett, il-punti 107 et seq tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75).


62 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124). In-natura mhux aċċidentali ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija fl-opinjoni tiegħi iktar minn evidenti. F’dan ir-rigward, kif enfasizzajt fil-punti 111 sa 115 u 117 tal-Konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawżi Magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75), din is-sentenza hija r-riżultat ta’ żvilupp ġurisprudenzjali maġġuri li kien il-bażi tas-soluzzjoni mogħtija f’din l-istess sentenza.


63 – Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 (C‑256/11, EU:C:2011:734).


64 – Ladarba s-sitwazzjonijiet tat-tfal ta’ H. C. Chavez-Vilchez u Y. R. L. Wip, li l‑ommijiet tagħhom kisbu permess ta’ residenza, fil-Pajjiżi l-Baxxi (abbażi tal‑Artikolu 8 tal-KEDB) u fil-Belġju, rispettivament, ġew analizzati fil-punti 61 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nikkonċentra fuq il-kwistjoni dwar jekk is‑sitwazzjonijiet tas-sitt rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali u tat-tfal rispettivi tagħhom jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


65 – Għal dak li jirrigwarda P. Pinas, infakkar li kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija kisbet permess ta’ residenza għal żmien determinat, fatt li hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika. Għalhekk, bħala regola, ma jeżistix ir-riskju ta’ tkeċċija u għalhekk it-tifla tagħha ma hijiex obbligata, fir-realtà, titlaq mill-Pajjiżi lBaxxi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tanalizza s-sitwazzjoni ta’ P. Pinas fid-dawl tal-Artikolu 20 TFUE jekk tikkonstata li din tal-aħħar ma baqgħalhiex permess ta’ residenza validu fil-Pajjiżi l-Baxxi.


66 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42). Kif diġà esponejt fil-punt 116 tal-Konklużjonijiet tiegħi li ppreżentajt fil-Kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75), is-sentenza Ruiz Zambrano tirrikonoxxi d-drittijiet pretiżi miċ-ċittadini tal-Istati Membri li, bħala ċittadini tal‑Unjoni, jesprimu l-bżonn tagħhom ta’ protezzjoni ġuridika u t-talba tagħhom ta’ integrazzjoni mhux biss fl-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll fl-Istat Membru proprju tagħhom. Fil-fatt, il-fatt li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri jkollhom irrikonoxxut status tant fundamentali bħal dak taċ-ċittadinanza Ewropea jimplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom effett li jċaħħadhom mit-tgawdija ġenwina tal-essenzjal tad-drittijiet li huma għandhom minn dan l-istatus. Dan ikun il-każ jekk ċittadin ta’ Stat terz li jassumi waħdu l‑kustodja effettiva tat-tfal ta’ età żgħira tiegħu, ċittadini tal-Unjoni, jiġi rrifjutat id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li fih jirrisjedu dawn tal-aħħar u li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, peress li din il-miżura tobbliga wkoll lil dawn it-tfal jitilqu mit‑territorju tal-Unjoni.


67 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124).


68 – Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 67). Ara wkoll, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 71); tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 48); tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 36), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32). B’mod partikolari, Dereci kien ċittadin Tork li l-mara u t-tlittitfal tiegħu kienu Awstrijakki u dejjem irrisjedew fl-Awstrija, fejn huwa xtaq li joqgħod magħhom. F’din is-sitwazzjoni, la t-tlitt itfal u lanqas l-omm ma kienu mċaħħda mit-tgawdija tal-essenzjal tad-drittijiet tagħhom għaliex, għall-kuntrarju ta’ dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), dawn it-tfal ma kinux jiddependu fuq missierhom għall-għajxien u setgħu għalhekk jibqgħu jgħixu fl-Awstrija.


69 – Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 29), kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 39).


70 – Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 21), u tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 21). Ara wkoll, il-punti 47 sa 52 tal-Konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Tizzano ppreżenta fil-Kawża Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:307).


71 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75, punt 120). Il-fatt li huma ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment u residenza b’mod liberu fit-territorju tal-Unjoni ma jfissirx li huma ma jibbenefikawx minn dan id-dritt bħala ċittadini tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra nfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stat terz. Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 66), kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 34).


72 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C‑34/09, EU:C:2011:124). Infakkar li dawn is‑sitwazzjonijiet partikolari li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni ma eżerċitax id-dritt ta’ moviment liberu tiegħu huma kkaratterizzati mill-fatt li, “anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il‑leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt sekondarju li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprovdu l-għoti ta’ tali dritt, dawn madankollu għandhom relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni li tipprekludi li d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ‑ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata”. Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 72), kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 37).


73 – Infakkar li Schwencke, missier Angely, ma nstabx u skont l-informazzjoni tar‑reġistru tal-popolazzjoni, ilu mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill-2009.


74 – Ara b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 54 sa 56).


75 – Dwar il-prinċipju tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi fil-qasam tad-dritt tal‑immigrazzjoni, ara l-punti 74 u 75 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75): “[l]-Istati Membri għandhom il-kompetenza fil-qasam tad-dritt tal-immigrazzjoni. Għall-kuntrarju, jekk din hija sitwazzjoni li fiha d-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza libera bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni huma involuti, il-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponu minnu l-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni ma għandux jikkawża preġudizzju fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew il-libertà ta’ moviment, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw mhux biss is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, iżda wkoll dik ta’ ċittadin ta’ Stat terz li huwa membru tal-familja tiegħu”.


76 – Għandi preferenza għal dan il-kunċett li huwa użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jikkonċerna r-riunifikazzjoni tal-famija, fis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56). Enfasi miżjuda minni. Fl-opinjoni tiegħi, dan il-kunċett huwa ekwivalenti għal dak ta’ “kustodja effettiva”.


77 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 45); tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 65 sa 67), kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56).


78 – Din l-evalwazzjoni għandha ssir, anki fiż-żewġ każijiet fejn il-kustodja hija legalment konġunta, jiġifieri dawk ta’ Shine, it-tifla ta’ P. Pinas, u ta’ Philomena, it-tifla ta’ I. O. Enowassam. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li din tal-aħħar toqgħod mat-tifla tagħha f’ċentru ta’ akkoljenza ta’ urġenza.


79 – Ara f’dan ir-rigward, il-punt 125 tal-Konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Wathelet ippreżenta fil-Kawża NA (C‑115/15, EU:C:2016:259): “[l]-inklużjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta fir-riflessjoni tal-qorti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE ma jidhirlix li hija ta’ natura li twassal għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, estensjoni li tmur kontra l-Artikolu 51(2) tal-Karta”.


80 – Irrid ninnota li, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il‑prassi amministrattiva Olandiża, meta missier ma jinstabx, għandu problemi fiżiċi gravi, jeżerċita vjolenza domestika kontra l-omm (bħal fil-każ ta’ X. V. García Pérez), huwa rrikoverat f’ċentru speċjalizzat għal trattament fuq żmien twil (bħal fil-każ ta’ Van de Pluijm, missier Esther) jew ma għandu ebda kuntatt mal-wild sa minn żmien twil (bħal fil-każ tat-tfal ta’ X. V. García Pérez u J. Uwituze), dan ma jkunx fl-impossibbiltà de facto li jieħu ħsieb it-tfal tiegħu!


81 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑50/06, EU:C:2007:325, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, C‑34/09, EU:C:2011:124.


83 – Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta jirriżulta li sabiex jiġi ppruvat li l-missier Olandiż ma jistax jieħu ħsieb il-wild, l-omm ċittadina ta’ Stat terz li għandha l-kustodja effettiva għandha tibda, anki kontra l-volontà tagħha, proċedura fid-dritt tal-familja sabiex tiġi stabbilita l-inkapaċità tal-missier li jieħu ħsieb il-wild.