Language of document : ECLI:EU:C:2009:576

24 ta’ Settembru 2009 (*)

“Appell – Akkordji – Iffissar minn banek Awstrijaki tar-rati ta’ depożitu u ta’ self – ‘Club Lombard’ – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Kalkolu tal-multi – Suċċessjoni ta’ impriżi – Impatt konkret fuq is-suq – Implementazzjoni tal-akkordju”

Werrej

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Ir-Regolament Nru 17

B –  Il-linji gwida

C –  Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

III –  Ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

IV –  It-talbiet tal-partijiet fl-appell

V –  L-aggravji ta’ annullament tas-sentenza appellata

VI –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-aggravji li huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE

1.  Fuq l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kapaċitŕ ta’ akkordju li jkopri t-territorju nazzjonali kollu, li jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet twettaq eżami globali tal-effetti transkonfinali tar-round tables u billi pproċediet għal analiżi żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–  Fuq l-ilment li huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza

–  Fuq l-ilment li huwa bbażat fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ effett sinjifikattiv mill-akkordju fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fuq l-aggravi li huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.  Fuq l-aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni mhux konformi għal-linji gwida

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi dwar in-“natura stess” tal-ksur

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-“impatt konkret tal-ksur fuq is-suq”

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

d)  Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ “l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat”

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

e)  Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti tan-natura selettiva tal-proċeduri fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

f)  Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-gravitŕ tal-ksur

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

g)  Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna t-tqassim tar-rikorrenti fil-kategoriji ta’ ksur adottati mill-Kummissjoni

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi, ta’ żnaturament u ta’ kontradizzjoni ta’ aggravji fir-rigward tal-aġir passiv ta’ ÖVAG

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għar-round tables bankarji

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

c)  Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura pubblika tal-laqgħat

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx korrettament evalwat il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

i)  Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit li jkun hemm “valur miżjud” minħabba l-fatt tal-kooperazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

ii)  Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tal-firxa tal-kooperazzjoni tal-impriżi, ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

–  Fuq l-ewwel parti tat-tieni lment

–  Fuq it-tieni parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rapport komuni tal-fatti

–  Fuq it-tielet parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent minn RZB tal-għan antikompetittiv tal-ksur u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

–  Fuq ir-raba’ parti tat-tieni lment, ibbażata fuq it-taqlib tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjoni ta’ RZB u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

–  Fuq il-ħames parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u fuq motivazzjoni kontradittojra fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-valur tad-dokumenti addizzjonali kkomunikati minn BA-CA

–  Fuq is-sitt parti tat-tieni lment, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tweġibiet ta’ BA-CA għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

C –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

D –  Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna li jiġi ffissat livell ġdid tal-multi u d-dritt għal smigħ

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ispejjeż


Fil-Kawżi magħquda C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P,

li għandha bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament fl-1, 2, 5 u 6 ta’ Marzu 2007,

Erste Bank AG, li qabel kienet Erste Bank der österreichischenSparkassen AG (C‑125/07 P), stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn F. Montag, Rechtsanwalt,

Raiffeisen Zentralbank Österreich AG (C‑133/07 P), stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn S. Völcker u G. Terhorst, Rechtsanwälte,

Bank Austria Creditanstalt AG (C‑135/07 P), stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn C. Zschocke u J. Beninca, Rechtsanwälte,

Österreichische Volksbanken AG (C‑137/07 P), stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Ablasser, R. Bierwagen u F. Neumayr, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck, avocat, u U. Zinsmeister, Rechtsanwältin, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, P. Kūris (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Erste Groupe Bank AG, li qabel kienet Erste Bank der österreichischen Sparkassen AG, (iktar ’il quddiem “Erste”), Raiffeisen Zentralbank Österreich AG, (iktar ’il quddiem “RZB”), Bank Austria Creditanstalt AG, (iktar ‘il quddiem “BA-CA”) u Österreichische Volksbanken AG, (iktar ’il quddiem “ÖVAG”), jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni (T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. I‑5169, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/138/KE, tal-11 ta’ Ġunju 2002 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaki – “Club Lombard”) (ĠU 2004, L 56, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, sussidjarjament, li tnaqqas il-multi li ġew imposti fuq kull waħda minnhom fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, li tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u li tirrinvija l-kawża quddiemha.

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Ir-Regolament Nru 17

2        L-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi:

“Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.”

3        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, jew

b)      dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

B –  Il-linji gwida

4        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171),, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) tipprovdi fil-preambolu tagħha:

“Il-prinċipji ndikati hawnhekk għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew imnaqqsa biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità.”

5        Fil-punt 1, il-linji gwida jipprovdu li, għall-kalkolu tal-ammont tal-multi, l-ammont bażiku għandu jkun stabbilit skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità u t-tul tal-ksur. F’dawn il-linji gwida huwa ppreċiżat ukoll li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, meta dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

C –  Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

6        Fil-komunikazzjoni tagħha dwar dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ multi fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-18 ta’ Lulju 1996 (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), fejn abbozz, intitolat informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tagħha fil-qasam ta’ multi għal ksur tar-regoli tal-komunikazzjoni, kien ġie ppubblikat fid-19 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 341, p. 13), il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul inkjesta dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis mill-ammont ta’ dak li kieku jkollhom iħallsu, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Kapitolu A ta’ din il-komunikazzjoni.

7        Skont il-punt 5 tal-Kapitolu A tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni:

“Il-kooperazzjoni ta’ impriża magħha hija biss element fost l-oħrajn li l-Kummissjoni tieħu inkusniderazzjoni meta tistabbilixxi multa.

[…]” [verżjoni mhux uffiċjali]

8        It-Kapitolu D ta’ din il-komunikazzjoni, dwar it-tnaqqis sinjifikattiv tal-multa, jippreċiża:

“1.      Meta impriża tikkoopera mingħajr mal-kundizzjonijiet esposti fit-titoli B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kien jiġi impost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2.      Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

–        wara li tkun rċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha” [verżjoni mhux uffiċjali]

9        Il-punt 3 tal-Kapitolu E ta’ din il-komunikazzjoni, dwar il-proċedura, tipprovdi b’mod partikolari

“[I]l Kummissjoni għandha għarfien li din il-komunikazzjoni toħloq aspettativi leġittimi li fuqhom jibbażaw l-impriżi li jixtiequ jinfurmawha bl-eżistenza ta’ akkordju”. [verżjoni mhux uffiċjali]

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

10      Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet bil-kuntest fattwali li huwa fl-oriġini tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-termini li ġejjin:

“1.      Permezz tad-deċiżjoni [inkwisjtoni] [...] il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi f’sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

2.      Kienu involuti, b’mod partikolari t-tmien banek li ġejjin, li huma d-destinatarji tad-deċiżjoni [inkwistjoni]:

–        Erste [...];

–        [RZB];

–        [BA-CA];

–        […]

–        [ÖVAG];

–        […]

3.      Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkritika lid-destinatarji tad-deċiżjoni [inkwisjtoni] talli stabbilixxew dak li hija ssejjaħ in-“netwerk Lombard”, jiġifieri laqgħat regolari (iktar ’il quddiem ir-“round tables”), li huma kemm eżawrjenti fuq il-fond kif ukoll strettament marbuta fuq il-forma, fil-kuntest ta’ liema huma ftehmu f’intervalli regolari fuq l-imġiba tagħhom fir-rigward tal-parametri prinċipali li jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi bankarji fl-Awstrija.

[…]

15.      Wara li saret taf, fix-xahar ta’ April ta’ l-1997, b’dokument li qajjem is-suspett li jeżistu, fis-suq bankarju Awstrijak, ftehim u prattiċi miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fit-30 ta’ Ġunju 1997, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 […] il-partit politiku Freiheitliche Partei Österreichs (iktar ’il quddiem “FPÖ”) ressaq ilment kontra tmien stabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaki suspettati li pparteċipaw għal ftehim u/jew prattiċi miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

16.      Fit-23 u fl-24 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni ssuġġettat diversi banek, fosthom il-biċċa l-kbira tad-destinatarji tad-deċiżjoni [inkwistjoni], għal verifiki [investigazzjonijiet] għal għarrieda. Fil-21 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil diversi stabbilimenti ta’ kreditu suspettati li pparteċipaw għal dawn l-ftehim jew prattiċi, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 17.

17.      Immedjatament wara li rċevew it-talba għal informazzjoni, il-banek prinċipali kkonċernati offrew il-Kummissjoni l-“kooperazzjoni” tagħhom fl-eżami tal-każ, tant li pproponu li jippreżentaw il-fatti “minn rajhom” (minflok jirrispondu għat-talba għal informazzjoni), filwaqt li rrinunzjaw għal smigħ; b’riżultat ta’ dan, id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni kellu jannulla t-talba tiegħu għal informazzjoni u jimponi biss ammenda amministrattiva “moderata”. Filwaqt li rrikonoxxiet il-prontezza tal-banek li jipproponu l-kooperazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni rrifjutat kull ftehim dwar dan is-suġġett.

18.      Imbagħad id-destinatarji kollha rrispondew għat-talba ta’ informazzjoni. F’dan ir-rigward, ċerti minnhom, madankollu, affermaw li huma ma kellhom, għall-biċċa l-kbira tad-domandi mressqa, ebda obbligu li jirrispondu u għalhekk huma kienu qed jipprovdu tali risposta u jibagħtu d-dokumenti relatati, b’mod volontarju, fil-kuntest tal-kooperazzjoni msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni rrifjutat dan l-argument ġuridiku.

19.      Ftit żmien wara, il-banek prinċipali kkonċernati, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti, […], bagħtu lill-Kummissjoni dokument ta’ 132 paġna, intitolat “Rapport komuni tal-fatti”, li fih huma ddeskrivew fid-dettall il-kuntest storiku tal-akkordju tagħhom, imbagħad ġabru fil-qosor u taw l-evalwazzjoni tagħhom tal-kontenut tad-dokumenti tar-round tables tagħhom, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti maqbuda kif ukoll mid-dokumenti li ġew mitluba minnhom. Fl-istess ħin, huma ppreżentaw sittax-il fajl li kien fihom dokumenti kklassifikati skond ir-round table flimkien ma’ werrejja dettaljati. Sabiex tkun tista’ tikkalkula l-valur miżjud eventwali tad-dokumenti mibgħuta mar-rapport komuni tal-fatti, il-Kummissjoni talbet lill-banek jindikawlha jekk ċerti dokumenti kinux għadhom mhux magħrufa u, jekk dan huwa l-każ, liema. L-interlokuturi tagħhom la qiesu possibbli u lanqas neċessarju li jilqgħu din it-talba.

20.      Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni bagħtet lit-tmien banek id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata fil-11 ta’ Settembru 1999 [...]. Fit-22 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali lill-banek […].

21.      Fil-11 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [inkwistjoni].

[...]

22.      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], il-Kummissjoni tosserva li t-tmien banek li lilhom hija indirizzata din id-deċiżjoni wettqu ksur tal-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw fi ftehim u fi prattiċi miftiehma fuq il-prezzijiet, fuq il-kummissjonijiet bankarji u fuq parametri oħra tal-kompetizzjoni, li kellhom bħala għan li, mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-24 ta’ Ġunju 1998, jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi bankarji fl-Awstrija.

[…]

24.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni [inkwistjoni] jimponi fuq id-destinatarji ta’ din tal-aħħar il-multi li ġejjin:

–        Erste: EUR 37.69 miljun;

–        RZB: EUR 30.38 miljun;

–        BA-CA: EUR 30.38 miljun;

[…]

–        ÖVAG: EUR 7.59 miljun;

[…].

25.      Id-deċiżjoni [inkwistjoni] tesponi li fl-Awstrija l-ftehim bejn banek b’mod partikolari fuq ir-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet, jirriżultaw minn tradizzjoni qadima, parzjalment ibbażata, sas-snin 80, fuq bażi legali li madankollu ġiet abrogata, l-iktar tard, fl-1 ta’ Jannar 1994, meta r-Repubblika ta’ Awstrija aderiet maż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u meta [l-liġi fuq is-sistema bankarja (Bankwesensgesetz)] [daħlet] fis-seħħ.

26.      L-istabbilimenti ta’ kreditu, madankollu, komplew, fil-kuntest ta’ netwerk imwaqqaf, jikkonkludu ftehim, b’mod partikolari fuq ir-rati ta’ depożiti u ta’ self.

27.      Id-deċiżjoni [inkwistjoni] tesponi, fit-Titolu 5 tagħha, li l-ftehim konklużi kienu wisq kompleti fil-kontenut tagħhom, istituzzjonalizzati fil-biċċa l-kbira kif ukoll strettament konnessi u kienu jkopru t-territorju Awstrijak kollu. Għal kull prodott bankarju kien hemm round table speċifika, li fih kienu jipparteċipaw l-impjegati responsabbli tat-tieni u tat-tielet livell ġerarkiku tal-banek ikkonċernati. Fil-prattika, din is-separazzjoni teoretika ma kinitx strettament osservata: minn żmien għal ieħor, kwistjonijiet konnessi koperti minn round tables differenti kienu rregolati fl-istess ħin. Fl-aħħar nett, dawn ir-round tables differenti kienu parti minn organizzazzjoni sħiħa.

28.      Rappreżentanti ta’ livell ta’ diretturi tal-banek Awstrijaki prinċipali kienu jiltaqgħu bħala korp ta’ livell għoli (imsemmi l-“club Lombard”), darba fix-xahar, ħlief f’Awwissu. Barra mit-temi ta’ interess ġenerali, newtrali mill-aspett tal-kompetizzjoni, dan il-korp kien jiddiskuti l-bidla fir-rati ta’ interessi, miżuri fil-qasam tar-riklamar, eċċ. F’ċerti laqgħat, rappreżentanti tal-Bank Nazzjonali Awstrijak […] kienu jkunu preżenti.

29.      Fil-livell direttament inferjuri kien hemm ir-round tables tekniċi, marbuta ma’ prodotti speċifiċi. L-iktar importanti, f’dan ir-rigward, kienu r-round tables fuq l-operazzjonijiet attivi, jiġifieri l-krediti [self], u dawk fuq l-operazzjonijiet passivi, jiġifieri t-tfaddil; kif jindika l-isem tagħhom, huma kellhom bħala għan l-iffissar tal-kundizzjonijiet (jiġifieri r-rati ta’ interessi) tas-self u tat-tfaddil [depożiti] u huma kienu jiltaqgħu kemm separatament kif ukoll flimkien. Bejn il-“club Lombard” u dawn ir-round tables, l-iskambju ta’ informazzjoni kien partikolarment intensiv.

30.      Diversi round tables reġjonali differenti kienu jiltaqgħu b’mod regolari fil-Länder Awstrijaki kollha. F’ċerti Länder, l-istrutttura ġerarkika tal-“club Lombard” u r-round tables tekniċi kienu riprodotti wkoll.

31.      Matul ir-round tables federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi, rappreżentanti tal-istabbilimenti ta’ Vjenna kienu jiltaqgħu mal-kontroparti reġjonali tagħhom sabiex, essenzjalment, jestendu d-deċiżjonijiet tagħhom għat-territorju Awstrijak kollu.

32.      Barra minn hekk, jeżistu round tables speċjalizzati intiżi għall-operazzjonijiet imwettqa mal-impriżi, għall-operazzjonijiet imwettqa mal-individwi fis-settur “professjonijiet liberi”, għas-self ipotekarju u għas-self għall-bini (imsemmija rispettivament “Minilombard”, “round table responsabbli għall-kontijiet il-kbar”, “round table tal-’professjonijiet liberi”, “round table ta’ self ipotekarju” u “round table tal-banek ta’ self għall-bini fuq l-operazzjonijiet passivi”).

33.      Fl-aħħar nett, numru ta’ round tables oħra kienu jiltaqgħu b’mod regolari fuq temi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni: ir-round table tad-diretturi finanzjarji (Treasurerrunde) kien jiddiskuti s-self lill-Istat Federali u l-kwistjonijiet relatati mar-rati, ir-round tables diversi fuq l-operazzjonijiet ta’ ħlas (b’mod partikolari r-round table li kellha dan l-isem, ir-round table “Barrani” u r-round table tal-organizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Awstrijaki tal-istabbilimenti ta’ kreditu jew Organisationskomitee der österreichischen Kreditinstitutsverbände) kienu jiddiskutu l-kummissjonijiet u l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet, il-club “Esportazzjoni” (Exportklub) kien jiddiskuti l-finanzjament tal-esportazzjonijiet u r-round tables fuq it-titoli (Bankenrunde Wertpapiere) kien jiddiskuti l-ispejjeż minimi, il-kummissjonijiet u r-rati applikabbli għal dawn il-prodotti.

34.      Fost dawn ir-round tables speċjalizzati jinsab dak tal-kontrolluri ta’ amministrazzjoni (Controllerrunde), li kien jgħaqqad ir-rappreżentanti tad-dipartiment kompetenti tal-banek Awstrijaki prinċipali. Kien fi ħdan dan ir-round table li kienu ġew stabbiliti l-bażijiet ta’ kalkolu uniformi u kienu tressqu proposti komuni sabiex il-profitti jiżdiedu. Permezz ta’ dan, il-banek kienu jsaħħu t-trasparenza interbankarja.

35.      Bejn dawn ir-round tables kollha, li kellhom għaldaqstant bħala għan essenzjali l-kundizzjonijiet tal-kreditu [tas-self] u tat-tfaddil [tad-depożitu] kif ukoll il-kummissjonijiet bankarji, kien hemm skambju ta’ informazzjoni regolari. Ħafna drabi, diskussjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ kumitat kienu jieqfu sakemm jinstab ftehim fil-kuntest ta’ kumitat ieħor. Fl-aħħar nett, is-supremazija tal-‘club Lombard’ kellha bħala effett li f’każ ta’ kontroversja d-deċiżjoni tiegħu kienet dik li tipprevali.

36.      Fid-dawl tal-implementazzjoni, fit-territorju Awstrijak kollu, tal-ftehim konklużi fir-round tables ta’ Vjenna (jew sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità ma’ dawn il-ftehim), informazzjoni kienet ukoll tiġi trażmessa b’mod regolari lir-round tables tal-Länder jew, bil-kontra, trażmessi minn dawn lir-round tables stabbiliti fil-belt kapitali. Minn żmien għal ieħor, il-kumitati reġjonali kienu jibagħtu rappreżentanti għar-round tables federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi.

37.      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tikkonstata li, matul il-perijodu previst mill-investigazzjoni (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1994 sa l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 1998), seħħew minn tal-anqas 300 laqgħa fi Vjenna biss, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi round tables reġjonali. […]

38.      Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol partikolari li kellhom fin-“netwerk Lombard” il-kumpanniji prinċipali fir-rigward tal-koordinazzjoni u tar-rappreżentazzjoni tal-gruppi rispettivi tagħhom, jiġifieri, għal dak li jikkonċerna Erste ([li qabel kienet] GiroCredit), is-settur tal-banek ta’ tfaddil, għal dak li jikkonċerna RZB, is-settur Raiffeisen u, għal dak li jikkonċerna ÖVAG, is-settur tal-banek popolari. Skontha, dan ir-rwol kien iservi direttament għat-tħaddim tajjeb tan-“netwerk Lombard”. Minn naħa, il-kumpanniji ewlenin kienu organizzaw l-iskambji reċiproċi ta’ informazzjoni bejn Vjenna u l-Länder fi ħdan stess tal-gruppi; min-naħa l-oħra, huma kienu ddefendew l-interessi tal-grupp proprju tagħhom vis-à-vis l-gruppi l-oħrajn membri tal-kartell. Skont il-Kummissjoni, huma kienu b’hekk meqjusa bħala r-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi mill-parteċipanti l-oħra. Konsegwentement, il-ftehim konklużi ma seħħewx mhux biss bejn dawn l-istabbiliment, iżda wkoll bejn il-gruppi.”

III –  Ir-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

11      Permezz tar-rikorsi rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Settembru 2002, it-tmien impriżi ppenalizzati bid-deċiżjoni inkwistjoni, fosthom l-erba’ appellanti f’dawn l-appelli, Erste, RZB, BA et ÖVAG, ippreżentaw, skont l-Artikolu 230 KE, appelli li jitolbu l-annullament, totali jew parzjali, ta’ din id-deċiżjoni u, sussidjarjament, l-annullament tal-multi li kienu ġew imposti fuq kull waħda minnhom jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi, b’mod partikolari, ta’ Erste, ta’ BA-CA kif ukoll ta’ ÖVAG u kkundannat lit-tliet rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Hija ċaħet ukoll ir-rikors ta’ RZB kif ukoll il-kontrotalba tal-Kummissjoni, u kkundannat lil RZB tbati l-ispejjeż tagħha, minbarra 90 % tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

IV –  It-talbiet tal-partijiet fl-appell

14      Erste titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn tiċħad ir-rikors għal annullament tal-appellanti;

–        tannulla d-deċiżjoni inkwisjtoni sa fejn hija timponi multa fuq Erste;

–        sussidjarjament, tannulla l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwisjtoni;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u

–        f’kull ipoteżi, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      RZB titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad ir-rikors għal annullament tal-appellanti;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn hija tikkonċerna RZB;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      BA-CA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkonċerna BA-CA;

–        sussidjarjament, tannulla l-ammont tal-multa li ġiet iposta fuqha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni appellata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      ÖVAG titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punti 2 u 4 tas-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn tikkonċerna ÖVAG;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jew tirriżervhom f’każ ta’ rinviju quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

18      Il-Kummissjoni titlob, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli tal-appellanti, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-istanza.

V –  L-aggravji ta’ annullament tas-sentenza appellata

19      Erste tqajjem erba’ aggravji:

–        ksur tad-drittijiet tad-difiża;

–        ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi fuq il-kummerċ bejn Stati Membri;

–        ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba l-imputazzjoni lil Erste tal-aġir ta’ GiroCredit għall-perijodu qabel ix-xiri tagħha, u

–        ksur ta’ dan l-artikolu moqri flimkien mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa u l-iffissar tal-ammont tagħhom.

20      RZB tqajjem erba’ aggravji:

–        ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-fatt li l-effett tal-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex stabbilit;

–        ksur tal-linji gwida sa fejn il-laqgħat tal-banek ikkonċernati ġew ikklassifikati bħala “ksur serju ħafna”;

–        ksur tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida sa fejn l-ishma tas-suq tas-“settur Raiffeisen” kollu ġew imputati lilha b’mod żbaljat, u

–        żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni.

21      BA-CA tqajjem tliet aggravji:

–        konstatazzjoni żbaljata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li r-round tables ipproduċew effetti ekonomiċi;

–        nuqqas ta’ kunsidreazzjoni ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ bażi, u

–        nuqqas’ ta’ kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha fil-forma ta’ tweġibiet għat-talbiet ta’ informazzjoni, tar-rapport komuni tal-fatti, tal-komunikazzjoni volontarja ta’ dokumenti addizzjonali u tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

22      ÖVAG tqajjem tliet aggravji:

–        konstatazzjoni żbaljata tal-ostakolu għall-kummerċ bejn Stati Membri;

–        imputazzjoni żbaljata tas-settur deċentralizzat fis-settur tat-tqassim f’kategoriji, u

–        nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti.

VI –  Fuq l-appelli

23      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, wara li kienu nstemgħu il-partijiet u l-Avukat Ġenerali fuq dan il-punt, l-erba’ kawżi ġew magħqudin għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Peress illi l-aggravji tal-appellanti jinġabru f’sens wiesa’, dawn għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

A –  Fuq l-aggravji li huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE

1.     Fuq l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

25      Erste, RZB u ÖVAG isostnu t-tliet li huma dan l-aggravju li essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkordju li jkopri t-territorju nazzjonali kollu, li jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri

i)     L-argumenti tal-partijiet

26      RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 181 tas-sentenza appellata, qalet, “teżisti, tal-anqas, preżunzjoni qawwija li prattika restrittiva tal-kompetizzjoni applikata fuq it-territorju ta’ Stat Membru tista’ tikkontribwixxi għat-tqassim tas-swieq u tista’ taffettwa l-kummerċ interkomunitarju”.

27      F’dan ir-rigward, RZB issostni, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod issimplifikat il-kundizzjoni li tirrigwarda l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tagħti prova tal-eżistenza ta’ effett ta’ tqassim.

28      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata, il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, (C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135).

29      It-tieni nett, RZB tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza tinterpreta b’mod inadegwat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi tafferma li l-uniku fatt li r-round tables ikopru t-territorju kollu tar-Repubblika tal-Awstrija huwa suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-kummerċ bejn Stati Membri huwa affettwat.

30      Fil-fatt, il-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri jippresupponi minbarra l-“kopertura territorjali” l-preżenza tal-anqas ta’ fattur ieħor, f’dan il-każ ta’ effetti ta’ tqassim.

31      Minbarra dan, RZB issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza qalbet, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, l-oneru tal-prova billi imponietu fuq l-impriża, filwaqt li hija l-Kummissjoni li għandha tressaq il-prova tal-ksur tal-Artikolu 81(1) u tal-kapaċità tal-akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

32      ÖVAG, min-naħa tagħha, tilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrelativizzat il-portata tal-kriterju tal-effett ta’ tqassim tas-swieq.

33      Hija żżid tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, tal-partikolaritajiet ta’ evalwazzjoni a posteriori ta’ ksur fil-passat. B’mod żbaljat hija kienet naqset milli teżamina l-impatt konkret ta’ ftehim fuq il-kummerċ interstatali.

34      Iktar minn hekk, ÖVAG tirrileva n-natura kontradittorja u insuffiċjenti tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-effetti ta’ tqassim tas-swieq mhumiex indizju qawwi li jippermetti li jiġi konkluż li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien affettwat, filwaqt li, fil-punt 181 ta’ din is-sentenza, hija ddikjarat, bil-kontra ta’ dan, li hemm rabta stretta bejn l-effett tat-tqassim tas-swieq u l-kapaċità li dan jaffettwa l-kummerċ transkonfinali.

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’ livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Minbarra dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikattiva (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, mhumiex neċessarjament determinanti. Biex jiġi vverifikat jekk akkordju jaffettwax partikolarment il-kummerċ bejn Stati Membri, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li akkordju jkollu biss bħala skop il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fi Stat Membru wieħed mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat. Fil-fatt, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Isegwi li, kuntrarjament għal dak li jaffermaw l-appellanti, huwa b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat bħala l-bidu tar-raġunament tagħha l-eżistenza ta’ preżunzjoni qawwija ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, fejn ippreċiżat mal-ewwel li “[din] tista’ tiġi eskluża biss meta l-analiżi tal-karatteristiċi tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li fih jaqa’ juri l-kuntrarju.”

40      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet din l-analiżi fil-punti 182 sa 185 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, hija kkonstatat li “[l]-prattiċi miftiehma fi ħdan in-‛netwerk Lombard’ kienu jimplikaw mhux biss kważi l-istabbilimenti kollha ta’ kreditu fl-Awstrija, iżda wkoll firxa kbira ħafna ta’ prodotti u servizzi bankarji, b’mod partikolari d-depożiti u l-krediti [self] u, minħabba f’dan, huma setgħu jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan l-Istat Membru kollu”. Fil-punt 185 tal-istess sentenza, hija eżaminat “il-possibbiltà ta’ effett ta’ tqassim tas-suq billi kkunsidrat li n-‘netwerk Lombard’ seta’ kkontribwixxa għaż-żamma ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq [...] fis-sens li huwa seta’ jippermetti ż-żamma tal-istrutturi tas-suq bankarju Awstrijak [...]”.

41      Għalhekk, wara li spjegat, fil-punti 111 sa 121 tas-sentenza appellata, l-għan imfittex minn kull wieħed mir-round tables, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonstata, fil-punt 185 ta’ din is-sentenza, li l-eżistenza stess tan-“netwerk Lombard” kien jostakola d-dħul fis-suq Awstrijak b’mod li l-akkordju seta’ jkollu effett transkonfinali.

42      Għalhekk hija kkonkludiet tajjeb, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, li l-ftehim inkwistjoni seta’ kellu effetti ta’ tqassim tas-suq u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

43      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma biddlitx l-oneru tal-prova iżda, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha tal-fatti, kkonstatat wara analiżi li r-rikorrenti ma kinux dawwru l-preżunzjoni li tgħid li l-akkordju kkunsidrat fl-intier tiegħu u li kien japplika għall-Awstrija kollha seta’ jaffettwa l-kummerċ interstatali.

44      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 181 tas-sentenza appellata mhuwiex f’kontradizzjoni ma’ dak li sar fil-punt 164 tal-istess sentenza.

45      Fil-fatt, fil-punt 164, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha li tiċħad l-argument tar-rikorrenti li d-dimostrazzjoni tal-effetti ta’ tqassim ta’ akkordju biss setgħet tistabbilixxi l-kapaċità ta’ dan l-akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

46      Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji huma ta’ natura li jkollhom dan l-effett (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Konsegwentement, ÖVAG ma tistax issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina l-impatt konkret fuq is-suq bejn Stati Membri ta’ dan l-akkordju.

48      Fid-dawl ta’ dan kollu jirriżulta li l-ewwel parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet twettaq eżami globali tal-effetti transkonfinali tar-round tables u billi pproċediet għal analiżi żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

i)     L-argumenti tal-partijiet

49      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ÖVAG issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 168 u segwenti tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet twettaq eżami globali tal-effett transkonfinali tar-round tables minflok ma teżamina separatament il-kapaċità ta’ kull round table li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

50      F’dan ir-rigward l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx, b’mod iżolat, l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tar-round tables li kellhom attività distinta u li, minbarra dan, ma evalwatx korrettament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq.

51      Bit-tieni lment, ÖVAG tikkritika r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza sostnut fil-punt 172 tas-sentenza appellata li “r-rwol tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jinbidel skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE”. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza jmissha evalwat l-effett fuq il-kummerċ tal-ftehim konklużi fi ħdan round tables differenti fuq il-bażi ta’ definizzjoni aktar stretta tas-swieq ikkonċernati.

52      Minbarra dan, ÖVAG issostni kontradizzjoni bejn il-punt 174 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li “is-servizzi bankarji differenti previsti mill-ftehim ma jistgħux jiġu sostitwiti ma’ xulxin” u l-punt 175 ta’ din is-sentenza, li fih hija tafferma li “[l]-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina separatament is-swieq ta’ prodotti bankarji differenti previsti mir-round tables”.

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ilment li huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza

54      L-evalwazzjoni tal-effetti tal-ftehim fir-rigward tal-Artikolu 81 KE timplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih dawn jinsabu, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-proprjetà jew servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni (ara s-sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fis-sentenza appellata, fil-punti 111 sa 126 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat it-talba tal-Kummissjoni li kien jeżisti ftehim ta’ prinċipju bejn il-banek kollha li jipparteċipaw fl-akkordju sabiex tiġi eleminata l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet li jikkonċernaw firxa wiesgħa ta’ servizzi bankarji ddestinati kemm għall-individwi kif ukoll għall-impriżi, inklużi il-“kontijiet il-kbar”. Hija kkonfermat ukoll il-klassifikazzjoni ta’ akkordju globali uniku mogħtija fil-laqgħat tar-round tables.

56      Sa fejn, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan kien akkordju globali li jikkonċerna parti essenzjali tal-atturi tas-settur finanzjarju ta’ Stat Membru u ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi finanzjarji, kien b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tqis li l-ftehim inkwistjoni, ibbażati fuq pjan globali u implementazzjoni fil-kuntest ta’ round tables distinti, jikkostitwixxu ksur uniku li kien jiġġustifika u jeħtieġ eżami tal-kapaċità sħiħa ta’ dan l-akkordju ġeneralizzat sabiex jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju.

57      Fir-rigward tas-sentenza Bagnasco et, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-appellanti, għandu jiġi rrilevat, bħal ma għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tagħmel eżami tal-effett fuq il-kummerċ kollu bejn Stati Membri permezz taż-żewġ klawżoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress illi, għal waħda, il-ftehim ma kellux bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni filwaqt li għall-oħra, dan ma setax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

58      Konsegwentement, kuntrarjament għall-akkordji inkwistjoni f’dawn il-kawżi, il-kwistjoni ta’ eżami tal-ftehim kollha fir-rigward tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ma tqumx f’din is-sentenza. Isegwi li l-appellanti ma jistgħux jinvokaw utilment din is-sentenza sabiex jikkontestaw dak li ġie kkonstatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

59      F’dawn il-kundizzjonjijiet, l-ilment ta’ ÖVAG li jsostni li eżami distint tal-ftehim inkwistjoni għandu jsir mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment li huwa bbażat fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti.

60      Fir-rigward l-ewwel nett tal-punt 172 tas-sentenza appellata, wara li fakkret li r-rwol tad-definizzjoni tas-suq ivarja skont jekk għandux jiġi applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-definizzjoni tas-suq rilevanti ma tapplikax f’dan il-każ peress illi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-ftehim inkwistjoni kien joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri.

61      L-ilment imqajjem minn ÖVAG kontra din l-analiżi huwa rrilevanti peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 172 sa 174 tas-sentenza appellata, l-ilment li hija qajmet u li kien intiż sabiex jikkontesta l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u ma tasal għal ebda konsegwenza mill-analiżi tagħha.

62      It-tieni nett, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li fih hija tikkunsidra li s-servizzi bankarji differenti previsti mill-ftehim ma jistgħux jiġu ssostitwiti ma’ xulxin, u fil-punt 175, li jispjega li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn teżamina separatament is-swieq ta’ dawn il-prodotti bankarji differenti, għandu jiġi miċħud l-ilment imqajjem minn ÖVAG sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza debitament immotivat ir-raġunijiet li għalihom definizzjoni stretta tas-suq hija artifiċjali fid-dawl li l-parti l-kbira tal-klijenti tal-banek universali jitolbu totalità ta’ servizzi bankarji u li, min-naħa l-oħra, l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jkun indirett u s-suq ikkonċernat differenti minn dak tal-prodotti u servizzi msemmija mill-akkordju.

63      Fid-dawl ta’ dan jirriżulta li l-ilment ta’ ÖVAG ibbażat fuq in-natura żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għandu jiġi miċħud, bl-istess mod bħal, sussegwentement, it-tieni parti tal-aggravju eżaminat.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ prova ta’ effett sinjifikattiv mill-akkordju fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

i)     L-argumenti tal-partijiet

64      Erste ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata, fil-puni 153 sa 187 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 81 KE ma kienx applikabbli peress illi n-natura sinjifikattiva tal-effett fuq il-kummerċ mill-akkordju inkwistjoni ma kinitx ġiet stabbilita mill-Kummissjoni. Skont din l-appellanti, jekk il-ftehim konkluż bejn il-banek kellu effetti transkonfinali, dawn kienu limitati.

65      Il-Kummissjoni ssosnti li l-affermazzjonjiet ta’ Erste huma żbaljati.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affettwaw b’mod sensibbli l-kummerċ intra-Komunitarju, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji kienu ta’ natura li jkollhom dan l-effett (ara s-sentenza Asnef-Equifax u u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

67      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punti 111 sa 121, 179 u 183 sa 185 tas-sentenza appellata, li l-ftehim kien jiġbor il-kważi totalità tal-istabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaki, li dan ikopri firxa kbira ħafna ta’ prodotti u ta’ servizzi bankarji u li kien jifrex fuq it-territorju Awstrijak kollu, bir-riskju li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ f’dan l-Istat Membru kollu.

68      Sussegwentement, minkejja li ma tatx deċiżjoni speċifika fuq in-natura sensibbli tal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu rrilevat l-elementi li jippermettu li jiġu konkluż, mingħajr ma tinjora l-analiżi tal-kundizzjoni ddefinita fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-akkordju kien ta’ natura li jkollu effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

69      Isegwi li t-tielet parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

70      Jirriżulta minn dan kollu li l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.     Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

71      Erste ssotsni li kien b’mod żbaljat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 323 u segwenti tas-sentenza appellata, li hija kellha twieġeb għall-ksur imwettaq minn GiroCredit qabel ix-xiri ta’ din tal-aħħar minn Erste, li qabel kienet Die Erste Österriechische Spar-Casse-Bank AG (iktar ’il quddiem “EÖ”), u li l-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità meta imputat dan l-aġir lil Erste, fil-kwalità tagħha bħala l-aventi kawża ta’ GiroCredit.

72      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, Erste ssostni l-ewwel nett li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx korrettament ir-rabtiet ekonomiċi u legali eżistenti bejn GiroCredit u l-Groupe BA. F’dan ir-rigward, Erste tfakkar li, sakemm ħadet il-maġġoranza tal-kapital tagħha, fl-20 ta’ Mejju 1997, GiroCredit kienet miżmuma fil-maġġoranza mill-Groupe BA, li huwa stess ipparteċipa fil-“club Lombard”. Dan il-grupp kien jikkontrolla lil GiroCredit mhux biss permezz ta’ sehem ta’ maġġoranza fil-kapital tagħha, iżda wkoll permezz tan-nominazzjoni ta’ membri tal-Kunsill ta’ Sorveljanza u tad-Direttorat u l-impjieg tal-postijiet l-iktar għolja ta’ amministrazzjoni ta’ GiroCredit permezz ta’ impjegati li kienu ġejjin mill-Groupe BA. Konsegwentement, l-aġir ta’ GiroCredit kellu jiġi imputat għal dan il-perijodu lil BA-CA.

73      Minbarra dan, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-persuna ġuridika, responsabbli mit-tmexxija tal-attivitajiet bankarji ta’ GiroCredit qabel it-trasferiment tagħha kienet “GiroCredit Bank der österreichischen Sparkassen AG” hija żbaljata fid-dritt, peress li din il-kumpannija tal-aħħar kienet ukoll ikkontrollata u mmexxija mill-Groupe BA.

74      Permezz tat-tieni lment tagħha, Erst ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 328 sa 336 tas-sentenza appellata, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha l-għażla li tippenalizza kemm is-sussidjarja li kienet ipparteċipat fil-ksur, kif ukoll il-kumpannija parent li kienet tikkontrollaha matul dan il-perijodu u dan, ukoll fl-ipoteżi ta’ suċċessjoni ekonomika, u, sussegwentement, li timputalha r-responsabbiltà tal-aġir ta’ GiroCredit minflok lil timputaha lill-ex kumpannija parent.

75      Għall-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni netta bejn il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-persuna ġuridika responsabbli mill-impriża li pparteċipat fil-ksur u l-kundizzjonijiet li fihom l-aġir ta’ sussidjarja, li għandha personalità ġuridika distinta jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent. Hija tirrileva li l-approċċ tagħha mhuwiex inġust, sa fejn Erste stess ipparteċipat fl-akkordju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76      Permezz taż-żewġ ilmenti tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Erste tikkonstata l-imputazzjoni li saret fuqha mid-deċiżjoni kkontestata tal-aġir ta’ GiroCredit qabel l-1 ta’ Ottubru 1997, data tal-amalgamazzjoni tagħha ma’ GiroCredit.

77      Meta impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9623, punt 78).

78      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ f’liema ċirkustanzi entità li mhijiex l-awtur tal-ksur tista’ madankollu tiġi ppenalizzata għalih, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li taqa’ taħt tali ipoteżi s-sitwazzjoni li fiha l-entità li tkun wettqet il-ksur tkun waqfet li teżisti legalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145).

79      Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, meta entità li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun suġġetta għal tibdil legali u organizzattiv, dan it-tibdil mhux bilfors ikollu bħala effett li joħloq impriża ġdida li ma jkollhiex ir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mill-aspett ekonomiku, hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 9, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59).

80      Barra minn hekk, l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat fuq impriża oħra meta tal-ewwel ma stabbilixxietx l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment applikat id-direttivi mogħtija mit-tieni, fir-rigward b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 96). Iċ-ċirkustanza li kumpannija sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta għalhekk mhijiex biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent.

81      Permezz tal-argument tagħha, Erste ssostni li, fil-mument tal-ksur imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, l-aġir ta’ GiroCredit kien iddeterminat fuq il-livell tal-kumpannija parent tagħha, f’dan il-każ il-Groupe BA u li, konsegwentement, hija din l-aħħar kumpannija li kellha tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq fi żmienha minn GiroCredit. Erste għalhekk qiegħda tikkontesta mill-ġdid dak li kienet iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 331 tas-sentenza appellata, jiġifieri li l-Kummissjoni għandha l-għażla li tippenalizza kemm is-sussidjarja li tkun ipparteċipat fil-ksur, kif ukoll il-kumpannija parent li kienet tikkontrollaha matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni inkwistjoni.

82      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod korrett li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tinvestiga minn qabel jekk kinux sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex il-ksur jiġi imputat fuq il-kumpannija parent tal-impriża li wettqet il-ksur. Fil-fatt, il-Kummissjoni bħala prinċipju ma tistax tkun obbligata li l-ewwel tipproċedi għal tali investigazzjoni qabel ma tkun tista’ tikkunsidra li tieħu azzjoni kontra l-impriża, awtriċi tal-ksur, anki jekk din kienet għaddiet minn xi modifiki bħala entità ġuridika. Il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, imfakkar bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tipprevedi li l-ewwel tippenalizza lil din tal-aħħar qabel ma tesplora jekk, eventwalment, il-ksur jistax jiġi imputat lill-kumpannija parent. Minbarra dan, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-punt 335 tas-sentenza appellata, jekk is-sitwazzjoni kienet differenti, l-inkjesti tal-Kummissjoni jkunu neċessarji wkoll sabiex jiġi investigat, f’kull każ ta’ suċċessjoni fil-kontroll ta’ impriża, sa fejn l-aġir tagħha jista’ jiġi imputat lill-ex kumpannija parent.

83      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li Erste, peress li hija stess kienet ħadet sehem fl-akkordju li kien is-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni, kienet taf fil-mument tat-teħid tal-attivitajiet ta’ GiroCredit li din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u li, fil-kwalità tagħha bħala aventi kawża ta’ din il-kumpannija, hija għalhekk esponiet ruħha għall-konsegwenzi ta’ tali proċedura f’termini ta’ multa.

84      Konsegwentement, it-tieni lment żviluppat minn Erste insostenn ta’ dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

85      Fir-rigward tal-ewwel ilment ibbażat fuq l-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tar-rabtiet ekonomiċi u legali eżistenti bejn GiroCredit u l-Groupe BA, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress illi l-Kummissjoni setgħet validament tippenalizza l-ksur tal-Artikolu 81 KE fil-livell tas-sussidjarja GiroCredit u, konsegwentement, timputa r-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija lil Erste fil-kwalità tagħha bħala kumpannija li tinkorporaha, kien b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 336 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-aġir ta’ GiroCredit setax jiġi imputat lil Groupe BA. Għalhekk, l-argument ta’ Erste dwar l-istħarriġ effettiv tal-Groupe BA fuq GiroCredit huwa rrilevanti.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu

B –  Fuq l-aggravi li huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

1.     Fuq l-aggravju li huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

87      BA-CA, Erste et RZB jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-gravità tal-ksur. Dan l-aggravju essenzjalment jinqasam f’seba’ partijiet.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq evalwazzjoni mhux konformi għal-linji gwida

i)     L-argumenti tal-partijiet

88      RZB issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkontradixxiet lilha nnifisha meta ma eżaminatx, b’mod partikolari fil-punti 237 u 254 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni jekk il-ksur għandux jiġi kkunsidat bħala “serji ħafna” skont ir-regoli li hija stabbilixxiet fil-punt 226 ta’ din is-sentenza.

89      Il-Kummissjoni tirrileva li, jekk hija effettivament limitata mil-linji gwida li hija stess stabbilixxiet, l-istess ma japplikax għall-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza li l-linji gwida jistabbilixxu biss “programm minimu” li ma jagħtix lok għal elenkar limitattiv tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa wkoll possibbli li dawn ma jiġux ikkunsidrati f’ċirkustanzi ġġustifikati.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90      Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tal-multi, għandhom jiġu kkunsidrati t-tul ta’ żmien u l-elementi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 240)

91      Il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, fosthom iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett disważiv tal-multi, u dan, mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 241 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Għalhekk hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tistħarreġ l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fuq dawn l-elementi.

93      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkuntradixxietx lilha nfisha, la meta ddeċidiet, fil-punt 237 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tevalwa globalment il-gravità tal-ksur skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi l-elementi mhux espressament imsemmija fil-linji gwida, u lanqas meta ddeċidiet, fil-punt 254 ta’ din is-sentenza, li akkordju orizzontali fuq il-prezzijiet dwar settur ekonomiku daqshekk importanti ma jistax jevita l-klassifikazzjoni ta’ ksur bħala “serji ħafna”.

94      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi dwar in-“natura stess” tal-ksur

95      Din it-tieni parti tinqasam, essenzjalment, f’erba’ lmenti.

i)     L-argumenti tal-partijiet

96      L-ewwel nett, RZB issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, li n-natura tal-ksur għandha rwol primordjali sabiex jiġi kkaratterizzat il-ksur serju ħafna, filwaqt li l-kriterji l-oħra, jiġifieri l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u l-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat, għandhom piż inqas importanti.

97      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll wettqet żball ta’ liġi meta bbażat, fil-punti 249 sa 264 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi li jinsabux fil-linji gwida, jiġifieri l-importanza tas-settur bankarju għall-ekonomija, il-firxa kbira ta’ prodotti bankarji kkonċernati mill-akkordju u s-sehem tal-maġġoranza kbira ħafna tal-banek Awstrijaki għal-laqgħat.

98      It-tielet nett, RZB takkuża lill-Qorti tal-Prm’Istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-gvern sabiex jiġi ppreservat is-settur bankarju mill-kompetizzjoni ħielsa. Minbarra dan, hija kkunsidrat b’mod żbaljat l-intervent tal-awtoritajiet statali fl-aġir li jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE bħala ċirkustanza aggravanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

99      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, RZB issostni li huwa b’mod żbaljat li, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-effett dissważiv tal-multi ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex il-gravità intrinsika tal-ksur tiġi eżaminata.

100    Il-Kummissjoni ssosnti li l-allegazzjonijiet ta’ RZB huma kemm inammissibbli, kif ukoll infondati.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101    Fir-rigward tal-ewwel ilment, billi kkunsidrat, fil-punt 240 tas-sentenza appellata, li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali u li n-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq il-linji gwida li jqisu, bħala ksur “serju ħafna”, ir-restrizzjonjiet orizzontali ta’ tip “kartelli ta’ prezzijiet” u ta’ kwoti ta’ tqassim tas-swieq jew prattiki oħra li jkollhom effett ħażin fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

102    F’dan ir-rigward, hija kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li kien jeżisti ftehim ta’ prinċipju bejn il-banek kollha li pparteċipaw fl-akkordju sabiex jelimaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fuq firxa kbira ta’ servizzi bankarji, intiżi kemm għall-individwi kif ukoll għall-impriżi, inklużi l-“kontijiet il-kbar”, karatteristika ta’ restrizzjoni bħal dik imsemmija mil-linji gwida.

103    Minbarra dan, jirriżulta minn dawn tal-aħħar li n-natura stess tal-ksur tista’ tkun biżżejjed sabiex tikkwalifikah bħala “serju ħafna” u dan, indipendentement mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u l-firxa ġeografika tiegħu.

104    Fl-aħħar nett, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li dawn it-tliet kriterji kienu interdipendenti.

105    Sussegwentement, l-ewwel ilment tat-tieni parti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

106    Għal dawn l-aggravji kif ukoll dawk esposti fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, it-tieni lment tat-tieni parti għandu jiġi miċħud.

107    Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 260 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma affirmatx li l-intervent tal-awtoritajiet statali kien ikkostitwixxa ċirkustanza aggravanti ta’ natura li tipproduċi, għad-dannu tal-impriżi, effetti fuq l-ammont tal-multi imposti.

108    Sussegwentement, it-tielet ilment tat-tieni parti għandu jiġi miċħud.

109    F’dak li jikkonċerna r-raba’ lment, għandu jiġi rrilevat li, f’terminu ta’ analiżi li tagħha jagħmel parti l-punt 256 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għall-konklużjoni, fil-punt 264 ta’ din l-istess sentenza, li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma setgħux jikkontestaw il-validità tal-konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni inkwistjoni skont liema l-ftehim tan-“netwerk Lombard” kienu jikkostitwixxu ksur serju ħafna skont in-natura tagħhom. Madankollu, RZB ma turix kif il-kunsiderazzjoni tal-effett dissważiv tal-multi sabiex jiġi eżaminat il-ksur intrinsiku tal-ksur, jekk jiġi presuppost li din il-kunsiderazzjoni kellha sseħħ, setgħet tbiddel din il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-raba’ lment huwa għalhekk irrilevanti.

110    Sussegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

111    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-aggravju eżaminat hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

c)     Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-“impatt konkret tal-ksur fuq is-suq”

i)     L-argumenti tal-partijiet

112    RZB issotni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-Kummissjoni li tiddeduċi mis-sempliċi “implementazzjoni” tal-akkordju l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Din l-evalwazzjoni tmur kontra t-termini tal-linji gwida u turi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tfixkel l-“implementazzjoni” tal-ftehim, kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, mal-kriterju iktar strett tal-“impatt konkret tal-ksur fuq is-suq”, li huwa rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata l-gravità tal-ksur. Is-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tmur kontra tali raġunament u l-perizja ekonomika miġjuba mir-rikorrenti turi li l-ftehim dwar il-prodotti essenzjali ma kellhom ebda impatt fuq il-kundizzjonijiet effettivament applikati.

113    BA-CA tikkunsidra li r-riperkussjonijiet konkreti tal-ksur fis-suq ġew evalwati b’mod żbaljat. Il-perizja ekonomika msemmija iktar ’il fuq turi li l-laqgħat ma pproduċewx tali effetti fis-suq.

114    Minbarra dan, BA-CA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tal-prova fil-kuntest tal-eżami tal-perizja ekonomika. Fil-fatt, billi rrikjediet minn tali perizja li hija tressaq fuq “l-effetti potenzjali kollha tal-ftehim fuq is-suq”, il-Qorti tal-Prim’Istanza tmur lil hinn minn dak li huwa possibbli li jkun meħtieġ minn impriża ekonomika li għandha tagħti prova tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim u ta’ rabta kawżali bejn ir-round tables bankarji u l-kompetizzjoni ħielsa fis-suq.

115    Il-Kummissjoni tirrileva li l-perizja ekonomika ppreżentata mill-banek tirrigwarda biss żewġ prodotti bankarji u mhux l-effetti potenzjali tagħhom tal-ftehim fis-suq. F’kull każ, l-implementazzjoni, anki jekk parzjali, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv tkun biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-possibbiltà li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta’ impatt ta’ dan il-ftehim fuq is-suq.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

116    Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma llimitatx ruħha sabiex tikkonstata l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur.

117    Fil-fatt, fil-punt 285 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza debitament ikkonstatat li l-akkordju fuq il-prezzijiet kellu effetti konkreti fis-suq billi rrilevat li l-membri tal-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex jiddikjaraw il-prezzijiet mogħtija lill-klijenti, billi taw lill-impjegati l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi ta’ negozju u billi jissorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u s-servizzi ta’ bejgħ tagħhom.

118    Sussegwentement, skont eżami magħmul fil-punti 289 sa 294 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 295 ta’ din is-sentenza, li “[F]id-dawl tan-numru ta’ eżempji mhux ikkontestati ta’ implementazzjoni tal-ftehim li għalihom tirreferi d-deċiżjoni [inkwistjoni], il-fatt li f’ċerti każijiet il-ftehim ma ġewx osservati minn bank jew numru ta’ banek, li l-banek ma rnexxilhomx iżommu l-livell tar-rata miftiehma jew li jżidu l-profitabbiltà tagħhom jew li kien hemm kompetizzjoni bejniethom fir-rigward ta’ ċerti prodotti mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi invalidata l-konstatazzjoni li l-ftehim ġew implementati [...] li kellhom effetti fuq is-suq”.

119    Isegwi li t-tielet parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

d)     Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ “l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat”

i)     L-argumenti tal-partijiet

120    RZB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma eżaminatx, fil-punti 308 sa 313 tas-sentenza appellalta, l-argument li d-daqs manifestament u inkontestabbilment limitat tat-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija kien jipprekludi l-klassifikazzjoni bħala “serja ħafna” tal-ksur ikkontestat. Minbarra dan, ir-raġunament, segwit f’dawn il-punti 308 sa 313 iċċitati iktar ’il fuq imur kontra d-diċitura tal-linji gwida u l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ RZB.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122    Kuntrarjament għal dak li ssostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tagħti deċiżjoni bbażata fuq il-firxa limitata tas-suq ġeografiku kkonċernat. Fil-fatt, hija espressament esponiet, fil-punti 308 sa 313 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom id-daqs limitat tat-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija ma jipprekludix il-kwalifika bħala “serju ħafna” tal-ksur.

123    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u hija mhix marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement (ara s-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82). Isegwi li l-appellanti ma tistax tinvoka l-politika deċiżjonali tal-Kummissjoni quddiem il-qorti Komunitarja.

124    Fl-aħħar nett, la l-linji gwida u lanqas ir-Regolament Nru 17 ma jipprojbixxu li jiġi limitat l-eżami tas-suq ġeografiku rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżami ta’ ksur għat-territorju totali jew parti minnu ta’ Stat Membru.

125    Sussegwentement, ir-raba’ parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda.

e)     Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-effetti tan-natura selettiva tal-proċeduri fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

i)     L-argumenti tal-partijiet

126    RZB issostni żewġ ilmenti.

127    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet b’mod żbaljat ċaħdet l-argument tagħha li l-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna” hija inkompatibbli mal-għażla tal-Kummissjoni li ssegwi biss uħud mill-impriżi li kienu pparteċipaw fil-ksur.

128    It-tieni lment huwa bbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma weġbitx għall-argumenti skont li, minn naħa, il-livell għoli tal-multa jikkontraddixxi n-natura simbolika ta’ proċedura magħmula b’mod definittiv kontra s-settur bankarju Awstrijak kollu u, min-naħa l-oħra, iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni peress li l-multa hija imposta għal 10 % biss tal-banek.

129    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma biss repetizzjoni tal-argumenti tagħha żviluppati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, RZB tillimita ruħha sabiex twieġeb l-argumenti li hija kienet diġà invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma tindika b’mod preċiż l-iżball ta’ liġi li twettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

131    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikoli 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. B’hekk appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew li jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li kien ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jirriflettix ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il‑Kummissjoni, C‑499/03 P, Ġabra p. I‑1751, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132    L-ewwel ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

133    Fir-rigward tat-tieni lment, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li din kienet marbuta li twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrenti (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 91).

134    Madankollu, filwaqt li huwa kkonstatat, fil-punt 315 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet leġittimament żammet bħala kriterju, sabiex tindika d-destinatajri tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-parteċipazzjoni frekwenti tagħhom fil-laqgħat tar-round tables l-iktar importanti, mingħajr mhija topponi l-klassifikazzjoni bħala “serju ħafna” tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma kellhiex obbligu li teżamina l-argumenti l-oħra li sadanittant kienu saru rrilevanti, issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

135    Sussegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

136    Għaldaqstant, il-ħames parti tal-aggravju eżaminat hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

f)     Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur

i)     L-argumenti tal-partijiet

137    RZB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma għamlitx evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur, fil-kunsiderazzjoni tal-aspetti kollha msemmija fil-linji gwida kif ukoll tal-elementi exoġeni, jiġifieri l-importanza ekonomika tas-settur bankarju Awstrijak, in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ effett dissważiv u n-natura selettiva tal-proċeduri. Hija ssostni li jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għamlet tali analiżi, hija kienet għalhekk tirrileva li l-ksur inkwistjoni ma setax jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”.

138    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-allegazzjonijiet huma infondati.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139    Kuntrarjament għal dak li ssostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tikkunsidra l-importanza tal-kriterji espressament imsemmija fil-linji gwida u lanqas l-elementi li ma jinsabux espressament f’dawn il-linji gwida.

140    Fil-fatt, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih il-ksur iseħħ u, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa, tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, speċjalment għat-tipi ta’ ksur li partikolarment joħolqu dannu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

141    Fis-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 249, 250 u 254 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari kkunsidrat, ġustament, li akkordju orizzontali fuq il-prezzijiet huwa fost il-ksur l-iktar serju, anki fin-nuqqas ta’ restrizzjonjiet oħra tal-kompetizzjoni bħat-tqassim tas-swieq, u li tali akkordju f’settur daqshekk importanti bħas-settur bankarju, li jkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti bankarji u li jimplika l-maġġoranza kbira ħafna tal-operaturi ekonomiċi, ma jistax, bħala prinċipju, jevita l-kwalifika ta’ ksur serju ħafna indipendentement mill-kuntest tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑266/06 P, punt 104).

142    Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ukoll l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, b’mod partikolari fil-punti 254 sa 264 tas-sentenza appellata. Hija madankollu kkonkludiet, f’dan il-punt 264, li dawn ma setgħux jikkontestataw il-konstatazzjoni li l-ftehim tan-“netwerk Lombard” kienu jikkostitwixxu ksur serju ħafna min-natura tagħhom stess.

143    Billi għamlet hekk u kif intqal fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-eżami tagħha u kuntrarjament għal dak li ssostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat il-kriterji msemmija fil-linji gwida, li jikkwalifikaw ukoll bħala ksur serju ħafna l-akkordji orizzontali fil-qasam ta’ prezzijiet, bħal dawk li ġew stabbiliti f’dan il-każ.

144    Għalhekk, is-sitt parti tal-aggravju eżaminat hija infondata.

g)     Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna t-tqassim tar-rikorrenti fil-kategoriji ta’ ksur adottati mill-Kummissjoni

145    Fil-kuntest ta’ din is-seba’ parti, l-appellanti jinvokaw essenzjalment ħames ilmenti.

i)     L-argumenti tal-partijiet

146    Permezz tal-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, il-ksur tal-prinċipji ta’ responsabbiltà personali, ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet u tal-ugwaljanza tal-fatt tal-attribuzzjoni lill-istabbilimenti ċentrali tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati, Erste, RZB u ÖVAG jikkontestaw, essenzjalment, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-ishma tas-suq tas-setturi deċentralizzati rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji.

147    F’dan ir-rigward, huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 356 u 373 tas-sentenza appellata, billi qieset li, billi attibwixxitilhom ishma tas-suq għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma imputatilhomx l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dawn tal-aħħar u penalizzathom unikament “minħabba l-imġieba tagħhom stess”.

148    Talli attribuzzjoni twassal fil-verità sabiex timputalhom ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-banek tas-setturi deċentralizzati tagħhom sa fejn il-pożizzjoni fis-suq ta’ dawn is-setturi hija għal kollox meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa.

149    Erste, RZB u ÖVAG jikkunsidraw, għaldaqstant, li din l-attribuzzjoni kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat rigward l-imputabbiltà tal-ksur fi ħdan ta’ grupp ta’ kumpanniji, jiġifieri l-possibbiltà ta’ stħarriġ tal-impriża u l-eżistenza ta’ unità ekonomika.

150    Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju determinanti għall-finijiet tat-tqassim tal-kategorji huwa l-paragun tas-saħħa reali fis-suq, li hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet stabbli tal-banek deċentralizzati mal-kumpanniji ewlenin tagħhom.

151    It-tieni nett, Erste ssosnti li l-attribuzzjoni lill-kumpanniji ewlenin tal-ishma tas-suq ta’ madwar 70 banek ta’ tfaddil Awstrijaki tikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, moqri flimkien mas-sitt subparagrafu tal-punt 1(A), tal-linji gwida. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li lil impriża tiġi imputata l-parti ta’ suq ta’ impriżi terzi preżenti fl-istess settur ta’ attivitajiet.

152    Erste u RZB isostnu wkoll li tali attribuzzjoni tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għat-twettiq tal-ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni.

153    Fl-aħħar nett, RZB u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza. F’dan ir-rigward, RZB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li assimilat l-istabbilimenti ċentrali tas-setturi deċentralizzati għall-banek kbar ċentralizzati għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina jekk kellhiex tiġi kkunsidrata parti biss mill-ishma tas-suq ta’ kull settur ikkonċernat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta jipparteċipa għal-laqgħat tar-round tables, stabbiliment ċentrali jillimita ruħu sabiex jitrażmetti informazzjoni, peress li huwa ma jistax jintervjeni f’isem banek u ma jistax jagħti istruzzjoni sabiex l-eventwali ftehim jiġu implementati.

154    Il-Kummissjoni tfakkar li l-attribuzzjoni tal-ishma tas-suq fid-deċiżjoni inkwistjoni hija fondata mhux fuq konstatazzjonijiet speċifiċi dawr il-parteċipazzjoni effettiva tal-banek deċentralizzati għall-ksur, iżda unikament fuq il-fatt li l-Kummissjoni ppenalizzat il-kumpanniji ewlenin għall-aġir tagħhom stess. Hija żżid tgħid li ebda aġir ta’ terz ma ġie imputat f’dan il-każ.

155    Fir-rigward ta’ RZB, il-Kummissjoni ssostni li l-multi imposti fuq il-kumpanniji ewlenin ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tat-turnover [dħul mill-bejgħ] tal-impriża skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

156    Għalhekk din hija sitwazzjoni differenti minn dik fejn kien neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp jekk il-kumpannija ewlenija u l-banek deċentralizzati kienu ġew ikkunsidrati bħala unità ekonomika.

157    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tal-argument dwar l-eżami tal-proporzjonalità tal-multa, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

158    Permezz tat-tieni lment, Erste u ÖVAG isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ddeċidiet, fil-punt 369 tas-sentenza appellata, li l-indikazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li skont din huma kienu l-kumpanniji ewlenin ta’ settur ta’ banek ta’ tfaddil u dak tal-banek popolari kienet suffiċjenti sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

159    Minbarra dan, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkuntenta ruħha minn sempliċi affermazzjoni u kellha tinforma lill-impriżi bil-konklużjonijiet li hija kellha l-intenzjoni li tieħu li kienu bbażati fuq l-elementi ta’ fatt kollha relatati mal-ksur u b’mod partikolari mal-intenzjoni tagħha li timputalhom l-ishma tas-suq tas-settur deċentralizzat tagħhom.

160    Permezz tat-tielet ilment, Erste, RZB u ÖVAG jakkużaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma evalwatx korrettament ir-rwol u l-funzjonijiet tagħhom fi ħdan gruppi bankarji.

161    Erste tikkonstata l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 401 tas-sentenza appellata, li hija kellha bħala missjoni li “tirrappreżenta” s-settur tal-banek ta’ tfaddil matul il-laqgħat tar-round tables bankarji.

162    ÖVAG tirrileva li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ma kellha ebda possibbiltà li tinvolvi l-banek popolari awtonomi u li hija ma tifformax entità ekonomika magħhom.

163    RZB issostni li hija ma kellhiex “għarfien espert iktar kbir u informazzjoni aħjar” fir-rigward tal-banek l-oħra tas-settur deċentralizzat tagħha, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 405 tas-sentenza appellata. F’kull każ, hija ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dawar ir-rabtiet li hija għandha mas-settur deċentralizzat tagħha jipprojbixxu li tiġi imputata, fl-integralità tagħhom, l-ishma tas-suq ta’ dan is-settur.

164    Fl-aħħar nett, hija tirrileva li hija ma għandhiex kapaċità paragunabbli għal dik tal-banek kbar organizzati b’mod ġerarkiku li tikkawża danni lill-individwi, u li lanqas mhija fil-pożizzjoni li tapprofitta ruħha mill-prattiċi inkwistjoni fin-nuqqas ta’ sehem tas-suq individwali sinjifikattiv jew minn parteċipazzjoni għall-qligħ tal-banek tas-settur.

165    Permezz tar-raba’ lment, Erste ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat, fil-punti 455 u 458 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ishma tas-suq miżmuma qabel jew wara l-amalgamazzjoni tagħha ma’ GiroCredit. Hija tqis li hija kellha tiġi kklassifikata f’kategorija inferjuri.

166    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għalhekk wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 457 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet li Erste baqgħet ikklassifikata fl-ewwel kategorija. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ukoll kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità billi ma għamlitx distinzjoni, fid-dawl tal-klassifikazzjoni f’kategoriji, bejn iż-żamma ta’ ishma tas-suq ta’ 30 % u ta’ 17 %.

167    Il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tikklassifika lil Erste fl-ewwel kategorija wara l-amalgamazzjoni ma’ GiroCredit, indipendentement mis-sehem tas-suq eżatta. Barra minn hekk, hija tqajjem l-inammissibbiltà tal-argument ibbażat fuq li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni darbtejn l-ishma tas-suq u l-aġir ta’ EÖ, minħabba li Erste tfittex fir-realtà li tikseb sempliċi eżami mill-ġdid tal-fatti.

168    Permezz tal-ħames ilment, ÖVAG issostni li, billi kkunsidrat fil-punt 401 tas-setenza appellata, li r-rikorrenti kellha “fil-laqgħat tar-round tables l-iktar importanti” rwol ta’ rappreżentanza tal-banek popolari awtonomi, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żnaturament tal-fatti. F’dak li jikkonċernaha, l-iskambji ta’ informazzjoni kif ukoll l-attivitajiet ta’ koordinatriċi u rappreżentanta tal-banek popolari deċentralizzati qatt ma kienu ġew ippruvati.

169    Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet invokat b’mod żbaljat sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka tat-23 ta’ Ġunju 1993, imressqa mill-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni lil ÖVAG tal-ishma tas-suq tal-banek tas-settur (punti 392 sa 401 tas-sentenza appellta). B’hekk kienet għamlet konstatazzjoni tal-fatti li l-eżattezza tagħhom tirriżulta mill-proċess, jew minn żnaturament tal-provi. F’kull ipoteżi, hija kienet qabbżet il-marġni ta’ evalwazzjoni li kellha. Fir-replika tagħha, ÖVAG issostni b’mod partikolari l-eżistenza ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ssostni li dan l-iżnaturament jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

170    Fl-aħħar nett, ÖVAG issostni li l-Qorti tal-Prim’Istnaza ma eżaminatx esspressament is-sitwazzjoni tagħha, kuntrarjament għal dak li għamlet fir-rigward ta’ Erste u RZB u s-setturi rispettivi tagħhom.

171    Il-Kummissjoni tirrileva n-nuqqas ta’ spjegazzjoni min-naħa tal-appellanti u titlob li dan l-ilment jiġi miċħud. F’dak li jikkonċerna r-riferiment għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe żnaturament.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

172    Fir-rigward tal-ewwel ilment, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 355 sa 357 tas-sentenza appellata, l-attribuzzjoni mill-Kummissjoni tal-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi deċentralizzati ma tikkostitwixxix imputazzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dawn tal-aħħar lill-kumpanniji ewlenin.

173    Fil-fatt għandha ssir distinzjoni bejn l-ewwel u t-tieni pass, peress li l-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura, hekk kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-livell tal-multi imposti fuq il-kumpanniji ewlenin jirrifletti b’mod adegwat il-gravita tal-aġir li jikkostitwixxi ksur imwettaq minnhom stess, f’dan il-każ ir-rwol essenzjali li huma kellhom fi ħdan unitajiet differenti inkwantu rappreżentanti tal-banek tas-setturi deċentralizzati, inklużi għad-difiża tal-interessi ta’ dan il-banek, u bħala ċentri ta’ skambji reċiproċi ta’ informazzjoni, rwol li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-influwenza tagħhom minħabba l-aġir tal-banek deċentralizzati.

174    Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ dan il-ksur, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont ir-raba’ u s-sitt subparagrafi tal-Punt 1(A). tal-linji gwida, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi li joħolqu distorsjoni tal-komptizzjoni u tal-piżijiet speċifiċi tagħhom, u għalhekk tal-impatt konkret fuq il-kompetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom.

175    Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li dan jirrikjedi li r-rabtiet strutturali stabbli li għandhom il-kumpanniji ewlenin mal-banek tas-setturi deċentralizzati f’termini, b’mod partikolari, ta’ rappreżentazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni, wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni peress illi, minħabba dawn ir-rabtiet, is-saħħa ekonomika effettiva ta’ dawn il-kumpanniji u għalhekk il-kapaċità tagħhom sabiex jikkawżaw effett ħażin fuq il-kompetizzjoni tista’ tkun ikbar minn dik irrappreżentata mid-dħul mill-bejgħ tagħhom.

176    Jekk ishma tas-suq tal-entitajiet deċentralizzati ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, ikun hemm riskju li n-natura dissważiva tal-multa, rekwiżit ġenerali li, hekk kif jirriżulta mir-raba subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, għandu jgħin lill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-multa, ma tiġix żgurata.

177    Jrriżulta minn dak li ntqal li, sabiex tiġi evalwata l-klassifikazzjoni f’kategoriji, kien mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 357 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet aċċettat l-aġir personali tal-kumpanniji ewlinin u ma kinitx imputatilhom l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-banek tas-setturi tagħhom.

178    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw in-nonosservanza tal-prinċipji ta’ responabbiltà personali, ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza kif ukoll tas-sitt subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida.

179    Sussegwentement, l-ewwel ilment tas-seba’ parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

180    Fir-rigward tat-tieni lment, dan għandu mal-ewwel jiġi miċħud.

181    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li l-Kummissjoni tindika espressament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha li hija ser tikkunsidra jekk għandhomx jiġu imposti multi kontra l-impriżi kkonċernati, u li hija tiddikjara l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li tkun għamlet dan “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi għal smigħ. Meta tagħmel hekk, hija tkun qed tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra li jiġu imposti multa (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 428 u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Fir-rigward tal-livell tal-multi maħsuba, hija ġurisprudenza stabbilita li sabiex jingħataw tali indikazzjonijiet, ukoll meta l-impriżi ma kinux f’pożizzjoni li jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-ilmenti mressqa kontrihom, jikkostitwixxi antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 434 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Sussegwentement, kien b’mod ġust li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkunsidra, fil-punt 369 tas-sentenza appellata, li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’dan il-każ peress illi l-Kummissjoni kienet indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li Erste, RZB u ÖVAG kienu l-kumpanniji ewlenin tas-setturi rispettivi tagħhom u li għalhekk tali indikazzjoni kienet suffiċjenti sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

184    Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 389 sa 408 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tar-rwol tal-istabbilimenti ċentrali tal-kumpanniji appellanti.

185    Ir-rikorrenti huma intiżi fir-realtà sabiex jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid tal-fatti, li ma jistgħux jiġu diskussi fil-kuntest ta’ appell.

186    Sussegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

187    Fir-rigward tar-raba’ lment, fejn Erste ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti tal-Prim’Istanza żammet il-klassifikazzjoni tagħha fl-ewwel kategorija u kienet għalhekk kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li jekk, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minn dawn, tad-dritt Komunitarju, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt li jiġi ffissat l-ammont tal-imsemmija multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il‑Kummissjoni, C‑411/04 P, Ġabra p. I‑959, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Fil-punt 457 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ilment ta’ Erste fit-termini li ġejjin:

“Fir-rigward tal-ilment li s-sehem tas-suq tal-[Groupe] BA, li kien jilħaq 12 sa 13 %, kien ġie inkluż, bi żball, f’dak ta’ 30 % attribwit mid-deċiżjoni [inkwistjoni] lill-entità kkostitwita mill-kumpannija ewlenija u l-banek ta’ tfaddil, għandu jiġi kkonstatat li, wara tnaqqis tas-sehem tas-suq tal-[Groupe] BA, il-bqija tas-sehem tas-suq ta’ 17 sa 18 % xorta jiġġustifika l-klassifikazzjoni fl-ewwel kategorija, peress li huwa kjarament iktar viċin l-valur ta’ gwida ta’ 22 % minn dak ta’ 11 %, li jirrigwarda t-tieni kategorija. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li, anki kieku dan kien fondat, ma jistax jqiegħed inkwistjoni l-parti operattiva tad-deċiżjoni [inkwistjoni]. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li l-klassifikazzjoni ta’ Erste fl-ewwel kategorija hija ġġustifikata fir-rigward tal-imposta ta’ multa ta’ ammont xieraq.”

189    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li fir-rigward tat-tqassim tal-membri tal-akkordju f’diversi kategoriji, li wassal għall-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont inizjali għall-impriżi fi ħdan l-istess kategorija, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 424 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li ġej:

“F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ffissatx limiti preċiżi għall-ħames kategoriji li hija stabbilixxiet, iżda indikat, fir-risposta tagħha, “valuri ta’ gwida”, li madwarhom jinsabu [għall-] l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi kklassifikati fl-istess kategorija. Id-differenzi bejn dawn il-valuri ta’ gwida huma koerenti u oġġettivament iġġustifikati għal dak li jikkonċerna l-ewwel sar-raba’ kategorija. Fil-fatt, il-valur ta’ gwida tat-tieni sar-raba’ kategorija jikkorrispondi, kull darba, għan-nofs ta’ dik tal-kategorija superjuri, u dan jgħodd ukoll għall-ammont bażiku [inizjali] korrispondenti.”

190    Jirriżulta mill-proċess li, f’dan il-każ, il-kategoriji huma stabbiliti skont l-ishma tas-suq miżmuma minn kull kumpannija u l-valuri ta’ gwida huma stabbiliti rispettivament għal madwar 22 %, madwar 11 %, madwar 5.5 %, madwar 2.75 % u inqas minn 1 % għall-aħħar kategorija.

191    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod korrett iddeċidiet li, indipendentement mis-sehem tas-suq effettivament miżmuma minn Erste, jiġifieri 17-18 % jew 30 %, hija tinstab ogħla mill-valur ta’ gwida ta’ 22 % li jwassal għall-klassifikazzjoni tal-impriża fl-ewwel kategorija.

192    Barra minn hekk, il-kontenut tal-linji gwida dwar l-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi li huma parti minn akkordju ma jiddefinix metodu ta’ kalkolu aritmetiku ta’ dawn il-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’l fuq, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Minn dan jirriżulta li huwa mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ Erste fl-ewwel kategorija.

194    Sussegwentement, ir-raba’ lment tas-seba’ parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

195    Fir-rigward tal-ħames ilment, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument ta’ ‘ÖVAG li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx eżaminat is-sitwazzjoni tagħha.

196    Fil-fatt, fil-punti 389 sa 408 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ir-relazzjonijiet eżistenti kollha bejn il-kumpanniji ewlenin u s-settur deċentralizzat tagħhom u b’mod partikolari kkonstatat għal ÖVAG, fil-punt 400 ta’ din is-sentenza, li din ikkonfermat li kienet tipprovdi lill-banek tas-settur tagħha servizzi li jikkorrispondu għal funzjonijiet li dawn l-istabbilimenti ma setgħux ikollhom minħabba d-daqs żgħir tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom.

197    F’dak li jikkonċerna s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 393 tas-sentenza appellata, fakkret iċ-ċirkustanzi li każ jitressaq quddiem din il-qorti u analizzat id-deskrizzjoni magħmula minnha tar-rwol tal-istabbilimenti ċentrali u tar-relazzjonijiet tagħhom mal-banek deċentralizzati. Hija b’mod partikolari rrilevat li, skont il-Qorti Kostituzzjoniali, netwerk strettament konness ta’ drittijiet u ta’ obbligi żviluppa matul numru ta’ snin u kien jgħodd kemm għas-settur Raiffeisen, li jikkonċerna din is-sentenza, kif ukoll għall-banek popolari u l-banek ta’ tfaddil.

198    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-allegazzjonijiet ta’ konstatazzjoni ta’ fatti ineżatti, ta’ żnaturament tal-provi u tal-qbiż tal-marġni diskrezzjonali, ifformulati minn ÖVAG, iwasslu għal kontestazzjoni ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ fatti esposti fi prova prodotta minn parti.

199    Madankollu, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha, u għaldaqstant din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ÖVAG ma tippreżentax elementi li juru r-realtà tal-iżnaturament li hija tallega speċjalment.

201    Dan japplika wkoll f’dak li jikkonċerna l-iżnaturament li r-rikorrenti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet fil-punt 401 tas-sentenza appellata.

202    Sussegwentement, il-ħames ilment tas-seba’ parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

203    Konsegwentement, is-seba’ parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħal fil-każ ta’ sussegwentement, l-aggravju kollu bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

2.     Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti

204    Dan il-motiv jinqasam essenzjalment fi tliet partijiet.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi, ta’ żnaturament u ta’ kontradizzjoni ta’ aggravji fir-rigward tal-aġir passiv ta’ ÖVAG

i)     L-argumenti tal-partijiet

205    ÖVAG tikkritika s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ilmenti kollha dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti.

206    Permezz tal-ewwel ilment, ÖVAG takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li llimitat ruħha sabiex tirriproduċi t-test tal-linji gwida mingħajr ma eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-kawża u b’mod partikolari r-rwol partikolari tagħha fi ħdan il-“club Lombard”.

207    Permezz tat-tieni lment, ÖVAG tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 483 tas-sentenza appellata, meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kriterju tal-parteċipazzjoni tal-banek fil-laqgħat tar-round tables li ntuża wkoll fil-kuntest tat-tqassim tal-banek f’kategoriji. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaqqdet il-kwistjoni tat-tqassim tal-banek skont is-saħħa tagħhom fis-suq ma’ dik tar-rikonoxximent li teżisti ċirkustanza attenwanti. Madankollu, skont l-appellanti, ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti ma jistax jiddependi fuq in-natura “sporadika” tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-laqgħat. Fil-fatt, il-linji gwida jobbligaw lill-Kummissjoni sabiex tagħmel evalwazzjoni differenzjata tar-rwoli u mhux preżentazzjoni Manikeja tat-tip “kollox jew xejn”.

208    Permezz tat-tielet ilment, ÖVAG tinvoka żnaturament tal-provi li għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet suġġettat ir-rapport u l-fatti li jirriżultaw mill-proċess dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, hija qatt ma sostniet li kienet iddistakkat ruħha mill-akkordju, iżda dejjem enfasizzat ir-rwol modest li hija kellha (point 484 tas-sentenza appellata).

209    Permezz tar-raba’ lment, ibbażat fuq kontradizzjoni tal-aggravji, ÖVAG tirrileva li l-analiżi li tinsab fil-punti 485 u 486 tas-sentenza appellata hija kontradittorja peress li hija kklassifikata bħala “bank kbir” u “rappreżentanta tas-settur”, minkejja li l-Kummissjoni ma għamlitx investigazzjonijiet fl-uffiċċji tagħha, l-appellanti ma kinitx tifforma parti minn “ċirku magħluq ta’ banek” u minkejja li hija pparteċipat biss f’numru limitat ta’ laqgħat.

210    Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-ilmenti huma rrilevanti minħabba s-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

211    Filwaqt li tirreferi għall-punti 482 u 486 tas-sentenza appellata, għall-ġurisprudenza relatata, minn naħa, għall-elementi ta’ natura li juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju u, min-naħa l-oħra, għall-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa waħda jew diversi minnhom, u billi eżaminat, fil-punti 483 sa 485 u 487 sa 489 tas-sentenza appellata, il-mod kif il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma llimitatx ruħha għas-sempliċi riproduzzjoni tal-linji gwida, iżda bil-kontra, għamlet eżami ċirkostanzjali tal-elementi invokati minn ÖVAG.

212    Sussegwentement, l-ewwel ilment tal-ewwel parti għandu jiġi miċħud.

213    Fir-rigward tal-iżball ta’ liġi li kienet wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 483 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-responsabbiltà ta’ impriża partikolari fil-każ ta ksur tal-Artikolu 81(1) KE hija validament ikkunsidrata meta hija tkun ipparteċipat f’laqgħat fejn kienet taf dwar is-suġġett tagħhom anki jekk hija sussegwentement ma implementatax xi waħda jew iktar mill-miżuri li qablu dwarhom matul dawn il-laqgħat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Rec. p. I‑8375, point 509).

214    Billi kkunsidrat, fil-punt 483 tas-sentenza appellata, li huwa minħabba l-parteċipazzjoni tal-banek għal-laqgħat tar-round tables l-iktar importanti li l-Kummissjoni għażlet li tagħmilhom destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

215    Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li tallega ÖVAG, dan il-kriterju huwa differenti minn dak użat għat-tqassim tal-banek f’kategoriji. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, il-kriterju aċċettat huwa dak imsemmi fis-sitt subparagrafu tal-Punt 1(A) tal-linji gwida dwar is-saħħa ekonomika tal-banek.

216    Billi ddeċidiet, fil-punt 487 tas-sentenza appellata, li d-distinzjoni bejn il-banek li setgħet tirriżulta mill-rwoli tagħhom fi ħdan il-laqgħat tar-round tables kienet “diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tqegħid tal-banek f’diversi kategoriji”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt hija kienet għamlet din il-konstatazzjoni wara li għamlet perspettiva bejn il-banek li kienu taw rwol iktar importanti fi ħdan ir-round tables u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq sabiex tikkonstata li l-istess banek kienu kkonċernati.

217    Isegwi li t-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

218    Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma ressqet l-ebda element li huwa ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ żnaturament tal-provi.

219    Sussegwentement, dan it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

220    Fir-rigward tar-raba’ lment, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-allegazzjonijiet tal-appellanti huma invokati bħala ċirkustanzi attenwanti, għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell.

221    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, li parti f’kawża titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja eċċezzjoni li hija ma ssollevatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ifisser li l-parti tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fl-appelli hija limitata, kwistjoni iktar wiesgħa minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk hija limitata għal eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-eċċezzjonijiet li kienu ġew diskussi quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 165).

222    Għaldaqstant, dawn l-allegazzjonijiet huma inammissibbli fl-istadju tal-appell.

223    Sussegwentement, l-ewwel parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għar-round tables bankarji

i)     L-argumenti tal-partijiet

224    BA-CA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi naqqset, fil-punt 505 tas-sentenza appellata, li tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi bħala ċirkustanza attenwanti.

225    Fil-fatt, jirriżulta minn prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-tolleranza ta’ aġir mil-leġiżlatur nazzjonali jew mill-awtoritajiet tikkostitwixxi ċirkustanza attentwanti u għalhekk tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa u dan, indipendentement mid-daqs tal-impriżi kkonċernati.

226    B’mod partikolari, BA-CA takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fil-punt 505 tas-sentenza appellata, li t-tolleranza tal-ksur min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni “fid-dawl, b’mod partikolari, tal-mezzi li jiddisponu minnhom il-banek sabiex jingħataw informazzjoni ġuridika preċisa u korretta”. Minn naħa, din il-kundizzjoni mhijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF (C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 57). Min-naħa l-oħra, tali kundizzjoni toħloq diskriminazzjoni għad-dannu ta’ ċerti impriżi, skont l-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni tagħhom.

227    Il-Kummissjoni tikkunsidra, prinċipalment, li dawn l-affermazzjonijiet huma inammissibbli għar-raġuni li huma jikkonsistu li jiġu rrepetuti l-fatti esposti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Sussidjarjament, dawn l-affermazzjonijiet huma infondati.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

228    Fil-punt 505 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva dan li ġej:

“Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi ([bank nazzjonali Awstrijak], Ministeru tal-Finanzi u Wirtschaftskammer) fil-laqgħat, l-elementi mressqa mir-rikorrenti mhumiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu dubju raġonevoli għal dak li jirrigwarda n-natura illegali tar-round tables fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Jekk mhuwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, kuntest ġuridiku nazzjonali jew aġir tal-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti (ara, b’analoġija, is-sentenza CIF, imsemmija fil-punt 258 hawn fuq, punt 57), l-approvazzjoni jew it-tolleranza tal-ksur min-naħa tal-awtoritajiet Awstrijaki ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-mezzi li jiddisponu minnhom il-banek sabiex jingħataw informazzjoni ġuridika preċiż[a] u korretta.”

229    L-ewwel sentenza ta’ dan il-punt tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatt tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ma tistax tiġi kkontestata fl-istadju tal-appell.

230    Fir-rigward tat-tieni sentenza ta’ dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi.

231    Minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni BA-CA, fis-sentenza CIF, id-domanda preliminari magħmula tirrigwarda, fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE, ir-rwol tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni meta l-akkordju huma impost jew mogħti vantaġġ permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tilleġġittimaha jew issaħħaħ l-effetti tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li “fid-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni, l-aġir tal-impriżi kkonċernati jista’ jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanta li tikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku nazzjonali”. Isegwi li s-sentenza CIF ma tikkonċerna bl-ebda mod il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għall-akkordju.

232    Minbarra dan, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 404 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-liġi Awstrijaka li tippermetti lill-istabbilimenti bankarji li jiftiehmu, ġiet imħassra mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1994, jiġifieri sena qabel il-perijodu tal-ksur kopert mid-deċiżjoni inkwistjoni.

233    Minn naħa, BA-CA ma tistax tibbaża ruħha fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġutsizzja ripetutament iddeċidiet li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 Ġabra p. I‑8935, punt 205).

234    Jirriżulta minn dan kollu li l-ilmenti mqajma minn BA-CA għandhom jiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tieni parti tal-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud ukoll.

c)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura pubblika tal-laqgħat

i)     L-argumenti tal-partijiet

235    BA-CA ssostni li, fil-punt 506 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi u ma li ma kkunsidratx il-fama pubblika tar-round tables sabiex tnaqqsilha l-multa.

236    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tal-prova billi ma eżaminatx il-mertu tad-dokumenti mressqa minn BA-CA li juru l-fama pubblika tal-għan u tal-kontenut tar-round tables.

237    It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet irriproduċiet bi żball l-espożizzjoni tal-fatti ta’ BA-CA sa fejn hija ma kinitx preċiżament sostniet li l-fama pubblika tar-round tables turi l-legalità tagħhom.

238    It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tmur lil hinn minn dak li huwa possibbli li tirrikjedi meta tikkunsidra li l-opinjoni pubblika għandha jkollha għarfien perfett tad-diskussjonijiet fi ħdan ir-round tables sabiex ikun possibbli li tnaqqas il-multa.

239    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-allegazzjonjiet huma inammissibbli u sussidjarjament infondati. Hija tikkunsidra li ma teżisti ebda ġurisprudenza li tgħid li l-parteċipanti f’akkordju jistgħu kkunsidraw li l-prattiċi tagħhom huma legali minħabba l-fatt li ċertu aġir huwa magħruf. Jekk dan kien il-każ, għalhekk ikun biżżejjed biex ċerti prattiċi jsiru pubbliċi sabiex jiġu evitati sanzjonijiet pekunarji. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza turi b’mod ċar li l-fama mhijiex determinanti.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

240    Fir-rigward tal-ewwel żewġ allegazzjonijiet, dawn għandhom jiġu miċħuda, peress li BA-CA ma pproduċietx l-elementi indispensabbli għall-eżami ta’ żnaturament tal-provi aċċettati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-konstatazzjonijiet li saru fil-punt 506 tas-sentenza appellata.

241    Fir-rigward tat-tielet allegazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma aċċettatx li l-pubbliku kellu jkollu għarfien perfett tal-akkordji iżda biss li l-akkordju kellu jiġi pubblikament magħruf fil-firxa kollha tiegħu. Sussegwentement, din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

242    Jirriżulta minn dan kollu li t-tielet parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda, bħal fil-każ, għaldaqstant, tal-aggravju kollu bbażat fuq żbalji ta’ dritt, ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.

3.     Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

243    Dan l-aggravju essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet.

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx korrettament evalwat il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

i)     L-argumenti tal-partijiet

244    BA-CA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx b’mod korrett il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fuq ukoll il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

245    Fil-fatt, il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma tagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni f’dak il-jikkonċerna l-kwistjonijiet, minn naħa, jekk l-informazzjoni pprovduta mill-impriża ffaċilitatx il-ħidma tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jekk l-impriża li tkun ikooperat għandhiex ikollha l-multa tagħha mnaqqsa. Ir-riferiment għas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ukoll mhuwiex ta’ natura li jiġġustifika l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali mingħajr limitu fir-rigward tal-Kummissjoni. Minbarra dan, u kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 532 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni ta’ kooperazzjoni ta’ impriża hija suġġetta għal ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

246    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-affermazzjonijiet ta’ ÖVAG huma żbaljati.

ii)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

247    L-ewwel nett, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda.

248    Fil-fatt, fil-punt 394 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti volontarjament ipprovduti mill-impriżi ffaċilitawx il-ħidma tagħha u jekk hemmx lok li jiġi rrikonoxxut lill-impriżi tnaqqis skont il-punt 2 tal-Kapitolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

249    Sussegwentement, kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 532 tas-sentenza appellata, li tali evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet is-suġġett biss ta’ stħarriġ ġuridiku ristrett.

250    Isegwi li l-ewwel parti tal-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

i)     Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna r-rekwiżit li jkun hemm “valur miżjud” minħabba l-fatt tal-kooperazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

–       L-argumenti tal-partijiet

251    RZB u BA-CA jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 553 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tirrikjedi li l-kooperazzjoni ġġib magħha “valur miżjud” sabiex tkun tista’ tippermetti tnaqqis tal-ammont tal-multa.

252    BA-CA ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi użat dan il-kriterju. L-osservanza lejn dan il-prinċipju kellu jwassal sabiex jagħtiha tnaqqis aktar sinjifikattiv tal-ammont tal-multa sa fejn il-kooperazzjoni tagħha kienet iktar importanti u kwalitattivament ikbar minn dik tal-banek l-oħra.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

253    Peress li l-ewwel argument kien biss ir-repetizzjoni tal-istess argument żviluppat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell.

254    Fir-rigward tat-tieni argument, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jiġi eżaminat sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha għall-gravità ta’ aġir partikolari fid-dawl tal-Artikolu 81 tat-Trattat u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza weġbitx, b’mod sodisfaċenti għall-finijiet tad-dritt, l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 244 u l-ġurisprudenza ċċitata).

255    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi skont l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 245).

256    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 553 sa 557 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat u sussegwentement ikkonstatat li l-valur miżjud tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma kienx jiġġustifika tnaqqis iktar sinjifikattiv tal-ammont tal-multi. Tali evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-kompetenza biss tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, skont ġurisprudenza diġà mfakkra f’din is-sentenza, tissostitwixxiha fl-istadju tal-appell.

257    Isegwi li dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli sa fejn huwa għandu bħala suġġett l-eżami mill-ġdid tat-tnaqqis tal-multa.

ii)  Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tal-firxa tal-kooperazzjoni tal-impriżi, ta’ ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

258    It-tieni lment jinqasam, essenzjalment, f’sitt partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni lment

L-argumenti tal-partijiet

259    Permezz tal-ewwel argument, ibbażat fuq kontradizzjoni ta’ raġunijiet, RZB issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet naqset milli taċċetta l-konsegwenza li ċerti tweġibiet mogħtija lill-Kummissjoni kienu mhux biss volontarji (punt 542 tas-sentenza appellata), iżda kienu jmorru oltre l-informazzjoni mitluba minnha (punt 552 tas-sentenza appellata).

260    Permezz tat-tieni argument tagħha, RZB ssosnti li l-pożizzjoni żviluppata fil-punt 541 tas-sentenza appellata twassal sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tindirizza lill-impriżi li hija tikkunsidra li huma parti minn akkordju, talbiet għal informazzjoni fformulati f’termini vagi ħafna u li jwasslu għal konsegwenzi għall-impriżi li ma jwieġbux għalihom. Għalhekk il-Kummissjoni teżerċita restrizzjoni irreżistibbli fuq dawn l-impriżi billi tindirizzalhom sempliċi mistoqsijiet standard sabiex jagħtu xhieda kontra xulxin. Ir-raġunament segwi jikser id-drittijiet tad-difiża hekk kif kienu ġew stabbiliti fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punt 32).

261    RZB tippreċiża li din il-ġurisprudenza ma tikkontestax ir-regola stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs SGL Carbon (C‑301/04 P, Ġabra p. I‑5915, punt 48), peress li l-problemi mqajma kienu iktar speċifiċi u iktar konkreti minn din il-kawża.

262    Skont il-Kummissjoni, RZB ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li ġejja minn kooperazzjoni volontarja skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ħlief jekk din tiffaċilita l-ħidma tagħha fil-konstatazzjoni u r-ripressjoni tal-ksur u tikkostitwixxi sfera ta’ kooperazzjoni vera. Mandankollu, l-informazzjoni pprovduta minn RZB kienet iddeskriviet unikament il-kuntest storiku tan-“netwerk Lombard” u l-kontenut ta’ laqgħat tal-akkordju li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. L-indispensabbli “valur miżjud” għalhekk kien nieqes.

263    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet informata, fil-mument meta hija interrogat l-appellanti, li l-prodotti bankarji kollha kienu ġew diskussi matul diversi round tables u li dawn kienu jagħmlu parti minn netwerk, b’mod li l-kuntest tal-ksur u għalhekk is-suġġett tal-inkjesta kienu identifikati b’mod ċar, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-impriżi li kienu pparteċipaw fir-round tables, in-natura tal-ksur u s-suġġett tal-ftehim.

264    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża li l-kwistjonijiet irrigwardaw ir-round tables kollha li saru b’mod regolari, b’mod li l-impriżi ma kellhomx għalfejn jagħżlu jew jevalwaw il-laqgħat li jistgħu jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 81 KE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

265    Fir-rigward tal-ewwel argument, kuntrarjament għal dak li ssostni RZB, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkontradixxietx lilha nnifisha meta kkunsidrat, fil-punt 542 tas-sentenza appellata, li “mill-premessa 546 tad-deċiżjoni [inkwistjoni] jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura volontarja tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar il-kontenut tal-laqgħat kollużivi” u, fil-punt 552 tad-deċiżjoni [inkwistjoni], li “[i]l-Kummissjoni reġgħet irrikonoxxiet, fil-premessa 553 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-banek kienu pprovdew volontarjament, fir-rapport tal-fatti komuni, informazzjoni li tmur lil hinn minn dik li hija talbithom”.

266    Fil-fatt, l-ewwel konstatazzjoni tirrigwarda l-komunikazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni fil-kuntest tat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-banek fil-21 ta’ Settembru 1998 matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(2) sa (4) tar-Regolament Nru 17.

267    Min-naħa l-oħra, it-tieni konstatazzjoni tirrigwarda l-kontenut tar-rapport komuni tal-fatti prodott mill-banek matul il-proċedura preliminari, iżda wara t-tweġibiet tagħhom għat-talba għal informazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

268    Barra minn hekk, huwa ġust li, fil-punt 545 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “dan jgħodd ukoll fil-każ ta’ evalwazzjoni differenti tan-natura volontarja tal-għoti ta’ [dawn id-] dokumenti” peress illi l-Kummissjoni kienet diġà tat kunsens għal tnaqqis tal-multi għal 10 %.

269    Isegwi li l-ewwel argument tal-ewwel parti tat-tieni lment għandu jiġi miċħud.

270    Fir-rigward tat-tieni argument, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat, anki f’każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 94).

271    Għalkemm, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tal-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lill-impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni neċessarja kollha dwar fatti li hija jista’ jkollha għarfien tagħhom u tikkomunikalha, meta jkun hemm bżonn, id-dokumenti relatati li huma fil-pussess tagħha, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex jiġi stabbilit, kontra tagħha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, hija ma tistax madankollu, permezz ta’ deċiżjoni għal talba għal informazzjoni, tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti lill-impriża (sentenza Orkem vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

272    Madankollu, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qatt ma ħadet “deċiżjoni” skont l-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament Nru 17. Sussegwentement, l-argument ibbażat fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’osservatx il-ġurisprudenza tas-sentenza Orkem vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 541 tas-sentenza kkontestata, għandu jiġi miċħud.

273    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud bħal, sussegwentement, l-ewwel parti tat-tieni lment fl-intier tiegħu.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rapport komuni tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

274    L-ewwel nett, EZB u BA-CA jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 556 tas-sentenza appellata, li spjegazzjonijiet kuntestwali dwar prattiċi li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kooperazzjoni għall-proċedura skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni peress li huma jistgħu jikkostitwixxu mezz ta’ difiża għall-impriżi. Skont BA-CA, ma teżisti l-ebda regola ta’ dritt li tgħid li dokument li l-partijiet jużaw fid-difiża tagħhom ma jistax, fl-istess ħin, jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni prezzjuża u utli fuq il-bażi li tikkontribwixxi għall-konstatazzjoni tal-ksur.

275    It-tieni nett, RZB issostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija inkorretta, peress li r-raġunament tal-Kummissjoni jmur kontra l-prattika deċiżjonali tagħha stess. L-appellanti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Kapitoli II, A, punt 9(a) u IV tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immunità ta’ multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17).

276    It-tielet nett, BA-CA issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-utilità tal-kooperazzjoni volontarja tal-banek, tal-fatt li dawn ma pprovdewlhiex, flimkien mar-rapport komuni tal-fatti, “id-dokumenti kollha dwar ir-round tables”.

277    Fil-fehma tagħha, ma teżisti l-ebda regola f’dan is-sens. Minbarra dan, fir-rigward tal-firxa tal-ksur, BA-CA ma setgħetx tipprovdi dawn id-dokumenti ħlief f’perijodi matul iż-żmien.

278    Ir-raba’ nett, BA-CA ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’kuntradizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li r-rapport komuni tal-fatti kien ikkontribwixxa għall-konstatazzjoni tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienet tat ebda tnaqqis tal-multa favur tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

279    Huwa b’mod korrett u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi u lanqas kuntradizzjoni ta’ motivi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 554 sa 558 tas-sentenza appellata, li huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala “fatti ġodda” d-dokumenti mressqa [prodotti] fl-anness għar-rapport komuni tal-fatti, li hija ħadet inkunsiderazzjoni n-“natura inkompleta ta’ [dawn] l-annessi” u li “l-banek kienu użaw [ir-rapport komuni tal-fatti] sabiex jippreżentaw il-viżjoni proprja tagħhom tar-round tables, u għaldaqstant, bħala mezz ta’ difiża”.

280    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-kitba stess tal-punt 2 tal-Kapitolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u b’mod partikolari, il-kliem introduttiv “Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ […]” (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 394).

281    Barra minn hekk u fuq kollox, tnaqqis fuq il-bażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jkunu kkunsidrati f’dan ir-rigward li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (arrêt Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 395).

282    Kif jirriżulta mill-kunċett innifsu ta’ kooperazzjoni, kif intwera b’mod ċar fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u b’mod partikolari fl-introduzzjoni u fil-punt 1 tal-Kapitolu D ta’ din il-komunikazzjoni, fil-fatt huwa biss meta l-aġir tal-impriża inkwistjoni juri dan l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmija komunikazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 396).

283    Madankollu, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 554 sa 557 tas-sentenza appellata, RZB u BA-CA, filwaqt li pprovdew rapport tal-fatti inkomplet, konfermattiv u li ma jippreżentax “valur miżjud” ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq tali aġir.

284    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan it-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

–        Fuq it-tielet parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent minn RZB tal-għan antikompetittiv tal-ksur u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

285    RZB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet injorat, fil-punt 559 tas-sentenza appellata, il-valur partikolari tal-ammissjoni tagħha, filwaqt li l-Kummissjoni kienet espressament ibbażat fuq dan l-element sabiex targumenta li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat l-impatt konkret tar-round tables.

286    L-analiżi segwita fl-imsemmi punt 559 twassal sabiex tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, minħabba li, minkejja l-ammissjonijiet tagħha, RZB kienet ġiet itrattata bl-istess mod bħall-banek l-oħra. RZB titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkoreġi l-iżball tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tqis li tnaqqis fil-multa tal-anqas ta’ 10 % huwa ġġustifikat.

287    Il-Kummissjoni ssostni li hija kienet diġà, fil-punt 426 tas-sentenza inkwistjoni, spjegat u wriet li r-round tables kienu intiżi sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni u li l-ammissjoni ma żiedet ma’ xejn.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

288    Billi kkunsidrat, fil-punt 559 tas-sentenza appellata, li “[il-Kummissjoni] għandha tevalwa, f’kull każ individwali, jekk tali ammissjoni ffaċiltatx effettivament ix-xogħol tagħha.”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi.

289    Fil-fatt, kif intqal fil-punt 248 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-kooperazzjoni tal-impriżi fil-proċedura.

290    Minbarra dan, peress illi l-ammissjoni ma kinitx iffaċiltat ix-xogħol tal-Kummissjoni, iżda, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, sempliċement ikkonfermat il-konstatazzjonijiet tagħha stess, l-argument tar-RZB ibbażat fuq in-nonosservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jistax jiġi aċċettat.

291    Sussgwentement, it-tielet parti ta’ dan it-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tieni lment, ibbażata fuq it-taqlib tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-valur tal-kooperazzjoni ta’ RZB u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

292    RZB takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli imponiet taqlib fl-oneru tal-prova billi ddeċidiet, fil-punti 546 sa 551 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti kellha tistabbilixxi, sabiex tikseb tnaqqis tal-multa ogħla minn 10 %, li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi prova tal-ksur mingħajr il-provi prodotti.

293    Minn naħa, din l-analiżi tmur kontra t-tieni inċiż tal-punt 2 tal-Kapitolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazjzoni u tikser, konsegwentement, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi. Min-naħa l-oħra, din l-analiżi hija irrikonċiljabbli mal-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, fil-proċeduri amministrattivi, ukoll iċ-ċirkustanzi ta’ fatt favorevoli kif ukoll sfavorevoli.

294    Għall-Kummissjoni, l-allegazzjonijiet ta’ RZB huma żbaljati. Hija tippreċiża li jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Punt 2 tal-Kapitolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-miżuri ta’ prova ppreżentati għandhom jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, il-Kummissjoni kellha, wara investigazzjonijiet, dokumenti neċessarji għall-konstatazzjoni tal-fatti essenzjali u għalhekk kienet hija stess ipproduċiet l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Din il-prova qatt ma ġiet ikkonfutata minn RZB.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

295    Fil-punt 551 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “r-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-dokumenti mogħtija bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni kienu neċessarji sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tidentifika r-round tables essenzjali kollha u lanqas li fin-nuqqas tagħhom l-provi miksuba permezz tal-investigazzjonijiet kienu insuffiċjenti sabiex turi s-sustanza tal-ksur u sabiex tadotta deċiżjoni li timponi multi”.

296    Sa fejn l-argument ta’ RZB huwa intiż sabiex jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, dan huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell.

297    Fir-rigward tal-allegat tibdil tal-oneru tal-prova, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, min-naħa l-oħra huma l-impriżi li jixtiequ jikkontestatw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li din, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx fil-pożizzjoni li turi l-aspett essenzjali tal-ksur u għalhekk sabiex tadotta deciżjoni li timponi multi.

298    F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 551 tas-sentenza appellata, iddeċidiet impliċitament li r-rikorrenti kellhom jipproduċu tali prova.

299    Sussegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tat-tieni lment, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u fuq motivazzjoni kontradittojra fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-valur tad-dokumenti addizzjonali kkomunikati minn BA-CA

L-argumenti tal-partijiet

300    BA-CA essenzjalment, tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punti 560 sa 563 tas-sentenza appellata, f’dak li jikkonċerna l-valur tat-33 klassifikaturi, li kellhom iktar minn 10 000 paġni ta’ dokumenti, li hija indirizzat lill-Kummissjoni.

301    L-ewwel nett, BA-CA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żvalorizzat il-kooperazzjoni tagħha billi saħħet mingħajr waqfien ir-rekwiżiti li kellhom jiġu sodisfatti sabiex tibbenefika minn tnaqqis fil-multa. Hija tikkritika, b’mod partikolari, il-paragun li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza bejn il-valur li għandu jingħata lil dawn id-dokumenti u dak li għandu jingħata lir-rapport komuni tal-fatti.

302    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija kontradittorja, peress li hija tirrifjuta, fid-dawl tar-rapport komuni tal-fatti, li tnaqqas il-multa fin-nuqqas ta’ dokumenti ġodda, filwaqt li huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-protezzjoni volontarja ta’ dokumenti, hija kkomunikat 10 000 paġni ta’ dokumenti ġodda li parti minnhom kienet inkontestabbilment intużat fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni.

303    Il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument peress li hija tibbaża fuq argument imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Minbarra dan, hija ssostni li l-fatt li dokumenti jkunu ġodda, jiġifieri li huma kienu għadhom ma ġewx imressqa, mhuwiex biżżejjed waħdu sabiex dawn il-prodotti jikkostitwixxu kontribuzzjoni utli fid-dawl tal-kooperazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

304    Billi ddeċidiet, fil-punt 560 tas-sentenza appellata, li “[...] il-produzzjoni addizzjonali minn wieħed mill-banek tista’ tiġġustifika tnaqqis ulterjuri fil-multa tiegħu individwalment biss jekk din il-kooperazzjoni tressaq effettivament provi ġodda u utli meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti flimkien mill-impriżi kollha”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi.

305    Fil-fatt, hekk kif fakkret fil-punti 281 sa 283 ta’ din is-sentenza, tnaqqis fuq il-bażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta setgħet tiġi kkunsidrata bħala turi kooperazzjoni vera min-naħa tagħha peress li l-għan ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa jikkonsisti li jikkumpensa mill-ġdid impriża għal kontribuzzjoni matul il-proċedura amministrattiva li ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata ksur b’inqas diffikultà.

306    Peress li kien ikkonstatat li d-dokumenti mressqa minn BA-CA ma kinux jikkostitwixxu elementi ġodda u utli meta pparagunati ma’ dawk ipprovduti bir-rapport komuni tal-fatti, huwa b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 562 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li tagħti lil BA-CA tnaqqis addizzjonali tal-multa tagħha.

307    Isegwi li l-ħames parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq is-sitt parti tat-tieni lment, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tweġibiet ta’ BA-CA għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

L-argumenti tal-partijiet

308    BA-CA tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza esposta fil-punt 564 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni, bħala kooperazzjoni, it-tweġiba tiegħu għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet.

309    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-allegazzjoni ta’ BA-CA hija żbaljata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

310    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tirrestrinġi l-għan tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi din tal-aħħar tiġi prekluża milli tikkunsidra lmenti oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punti 13 u 14). Huwa għalhekk inerenti għan-natura ta’ din il-komunikazzjoni li tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ulterjorment fuq il-bażi tal-kummenti li ġew ippreżentati liha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll minn konstatazzjonijiet fattwali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

311    Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva kollha kemm sabiex tabbanduna l-ilmenti li huma fondati ħażin, kif ukoll sabiex tmexxi u ttemm kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argument tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tikkunsidra. B’hekk, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tbiddel il-pożizzjoni tagħha favur impriżi kkonċernati (ara d-digriet British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

312    Mhuwiex eskluż li l-impriżi jistgħu, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari fit-tweġiba tagħhom għal din il-komunikazzjoni, jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni deċiżiva li tiġġustifika li hija tnaqqsilhom il-multa fid-dawl tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

313    Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza impliċitament ikkunsidrat, fil-punt 564 tas-sentenza appellata, li dan ma kienx il-każ hawnhekk fir-rigward tat-tweġiba ta’ BA-CA għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

314    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li BA-CA ma allegatx żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-provi f’dan ir-rigward, is-sitt parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda, l-istess bħal, sussegwentement, it-tieni lment tat-tieni parti fl-intier tagħhom.

315    Jirriżulta minn dan kollu li l-aggravju bbażat fuq ksur tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni huwa parzjalment infondant u parzjalment inammissibbli u għalhekk sussegwentement għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     L-argumenti tal-partijiet

316    BA-CA ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx il-portata tad-dritt għal smigħ tagħha billi rrifjutat li tisma’ xhud.

317    Il-Kummissjoni ssosnti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex obbligu li tilqa’ offerta ta’ prova jekk hija, bħal f’dan il-każ, mhijiex rilevanti sabiex jiġu ċċarati l-fatti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

318    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 563 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx talba għal smigħ ta’ xhud għar-raġuni li “din l-offerta ta’ prova [ma kinitx] direttament rilevanti sabiex tiġi evalwata l-utilità tal-imsemmija dokumenti [prodotti]”,

319    Madankollu, għandu jitfakkar l-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li jitressqu quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punt 47, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punt 76).

320    Anki meta talba għall-eżami ta’ xhieda, li tiġi fformulata fir-rikors hija mmotivata, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li teżamina x-xhud iċċitat (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 68).

321    Fl-istadju tal-appell, l-appellanti ma tipproduċix il-prova li meta rrifjutat li jinstema dan ix-xhud, filwaqt li BA-CA setgħet twieġeb għal mistoqsijiet addizzjonali magħmula mill-Qorti tal-Prm’Istanza, hija kisret id-dritt għal smigħ tagħha.

322    Sussegwentement, l-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jikkonċerna li jiġi ffissat livell ġdid tal-multi u d-dritt għal smigħ

a)     L-argumenti tal-partijiet

323    BA-CA takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli, fil-punt 566 tas-sentenza appellata, teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha mingħajr ma tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni u mingħajr ma tippermetti smigħ lill-impriżi kkonċernati mill-fissazzjoni tal-multa.

324    Hija tippreċiża li l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżistenza ta’ tali obbligi fis-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331) mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

325    BA-CA tosserva, b’mod partikolari, li l-multa imposta fuq il-banek fl-2002 kienet is-sitt multa l-aktar għolja qatt imposta mill-Kummissjoni u li, filwaqt li kkunsidrata mill-ġdid erba’ snin wara, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti tal-Prim’istanza kkunsidrata bħala “ftit ogħla”.

326    Il-Kummissjoni tirrileva li l-kundizzjonijiet esposti fil-punt 566 tas-sentenza appellata, li mhumiex kunsiderazzjonijiet addizzjonali u finali, jesponu l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

327    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li ġie enfasizzat kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

328    Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tatx risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

329    Mingħajr mhuwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-qorti Komunitarja, qabel ma eżerċitat il-ġurisduzzjoni sħiħa tagħha, kellhiex l-obbligu li tistieden lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq eventwali bidla fl-ammont tal-multa, għandu jiġi kkonstatat li BA-CA setgħet effettivament tagħti l-opinjoni tagħha.

330    Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 519 u segwenti tal-konklużjonijiet tiegħu, erba’ mis-sitt motivi fformulati minn CA-CA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienu jħarsu lejn it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta. Dawn il-motivi huma relatati, b’mod partikolari, mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kwalifika tal-ksur, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u l-kooperazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura.

331    Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet diversi mistoqsijiet lill-BA-CA dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti u għall-kooperazzjoni tagħha fil-proċedura.

332    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod iddettaljat ħafna, fil-punti 216 sa 571 tas-sentenza appellata, l-elementi rilevanti kollha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa.

333    Sussegwentement, l-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

334    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

335    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Erste, RZB, u BA-CA tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

Għal dawn l-aggravji, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Erste Group Bank AG, li qabel kienet Bank der österreichischen Sparkassen AG, Raiffeisen Zentralbank Österreich AG, Bank Austria Creditanstalt AG u Österreichische Volksbanken AG huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Langue de procédure: l’allemand.