Language of document : ECLI:EU:C:2009:505

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Settembru 2009 (*)

Werrej


I –  Il-kuntest ġuridiku

II –  Il-fatti li wasslu għal din il-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

III –  Is-sentenza appellata

IV –  It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –  Fuq l-appell

A –  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-separazzjoni tal-proċedura amministrattiva

1.  Is-sentenza appellata

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-projbizzjoni taċ-ċaħda ta’ ġustizzja

1.  Is-sentenza appellata

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

C –  Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur

1.  Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat

a)  Is-sentenza appellata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret fuq is-suq

a)  Is-sentenza appellata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

i)  Fuq it-talba tal-Kummissjoni għall-bidla tal-motivi

ii)  Fuq l-argumenti tal-appellanti

D –  Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

1.  Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq

a)  Is-sentenza appellata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-fatt li l-appellanti waqqfu l-ksur b’mod volontarju

a)  Is-sentenza appellata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

E –  Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

1.  Is-sentenza appellata

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

VI –  Fuq l-ispejjeż

Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-oġġetti tal-ħjata (labar) – Ftehim ta’ tqassim tas-suq – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Multa – Linji gwida – Gravità tal-ksur – Impatt konkret fuq is-suq – Implementazzjoni tal-akkordju”

Fil-Kawża C‑534/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-26 ta’ Novembru 2007,

William Prym GmbH & Co. KG,

Prym Consumer GmbH & Co. KG,

stabbiliti f’Stolberg (il-Ġermanja), irrappreżentati minn H.‑J. Niemeyer, C. Herrmann u M. Röhrig, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG jitolbu l-annullament, sa fejn tikkonċernahom, tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni (T‑30/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4221 finali, tas-26 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/F-1/38.338 – PO/Labar) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I –  Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).), jipprovdi:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat, […]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[…]

3.      Fit-twaħħil [Fid-determinazzjoni] ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

4        Il-punt 1(A) tal-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”, jipprovdi kif ġej:

“Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali [konkret] tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.

–        Ksur ftit serju:

Dawn jistgħu jkunu restrizzjonijiet kummerċjali, ġeneralment ta’ natura vertikali, imma b’impatt fuq is-suq limitat u li jaffettwa parti sostanzjali imma relattivament limitata tas-suq tal-Komunità.

Penalità applikabbli: [EUR] 1000 ECU sa [EUR] 1 miljun ECU.

–        Ksur serju:

Dawn ikunu ħafna drabi restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali ta’ l-istess tip ta’ hawn fuq, imma applikati b’mod aktar strett, b’impatt usa’ fuq is-suq, u b’effetti f’żoni estensivi tas-suq komuni. […]

Multi applikabbli: [EUR] 1 miljun ECU sa [EUR] 20 miljun ECU.

–        Ksur serju ħafna:

Dawn ġeneralment ikunu restrizzjonijiet orriżontali bħal konsorzji ta’ prezzjiet u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiċi oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq wieħed, bħal qsim tas-swieq nazzjonali u abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li għandhom monopolju virtwali […]

Multi applikabbli: aktar minn [EUR] 20 miljun ECU.

[…]

Se jkun wkoll neċessarju li tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità ekonomika [effettiva] biex joħolqu theddid [ħsara] sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv.

[…]”

II –  Il-fatti li wasslu għal din il-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

6        L-appellanti huma impriżi Ġermaniżi li jallegaw li huma fost id-ditti Ewropej prinċipali ta’ oġġetti tal-ħjata (haberdashery u ħjata).

7        Fis-7 u fit-8 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni wettqet verifiki, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fl-istabbilimenti ta’ diversi produtturi u distributuri Komunitarji ta’ oġġetti tal-ħjata, fosthom l-appellanti u żewġ impriżi Ingliżi u l-kumpanniji sussidjarji tagħhom rispettivi, jiġifieri, minn naħa waħda, Coats Holdings Ltd u J & P Coats Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Coats”) u, min-naħa l-oħra, Entaco Group Ltd u Entaco Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Entaco”.)

8        Fil-15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-appellanti, lil Entaco u lil Coats.

9        Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

10      Fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti, Coats u Entaco pparteċipaw fi prattiki miftiehma u li, bejn l-10 ta’ Settembru 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1999, ikkonkludew serje ta’ ftehim bil-miktub, formalment bilaterali, iżda fil-prattika ekwivalenti għal ftehim bejn tliet persuni, li bis-saħħa tagħhom, dawn l-impriżi waslu għal jew ikkontribwixxew għat-tqassim tas-swieq tal-prodotti, bit-tqassim tas-suq Ewropew tal-oġġetti tal-ħjata, kif ukoll tas-swieq ġeografiċi, bit-tqassim tas-suq Ewropew tal-labar.

11      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 30 miljun fuq l-appellanti.

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija stabbiliet din il-multa skont il-gravità u t-tul tal-ksur. Barra minn hekk, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq kif ukoll id-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Abbażi ta’ dawn il-fatturi, hija kkonkludiet li l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni wettqu ksur “serju ħafna”, li wassluha sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa tal-appellanti għal EUR 20 miljun.

13      F’dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkonstatat li dan kien mifrux fuq perijodu ta’ ħames snin u tliet xhur. Għal din ir-raġuni hija żiedet l-ammont inizjali tal-multa b’50 % u għalhekk stabbiliet l-ammont bażiku tal-multa tal-appellanti għal EUR 30 miljun.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat lill-appellanti l-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti, u enfasizzat, b’mod partikolari, li t-tmiem qabel il-waqt tal-ftehim illegali ma seħħx wara intervent tal-Kummissjoni u li hija kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni tali tmiem qabel il-waqt meta stabbiliet it-tul tal-ksur.

III –  Is-sentenza appellata

15      Fit-28 ta’ Jannar 2005, l-appellanti ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom jew, sussidjarjament, għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom.

16      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza parzjalment laqgħet ir-rikors inkwantu t-tnaqqis tal-multa, filwaqt li kkonstatat li l-appellanti ġew irrifjutati l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4). Fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha skont l-Artikolu 229 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti għal EUR 27 miljun. Il-kumplament tar-rikors ġie miċħud.

IV –  It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      L-appellanti jitolbu lil Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn taffetwahom b’mod negattiv;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernahom;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuqhom fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni;

–        iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi r-rikors tagħhom; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri kollha.

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

V –  Fuq l-appell

19      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji li se jiġu eżaminati wara xulxin.

A –  Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-separazzjoni tal-proċedura amministrattiva

1.     Is-sentenza appellata

20      Bħala risposta għall-argument tal-appellanti li sostnew li s-separazzjoni ta’ dik li inizjalment kienet proċedura unika, miftuħa fil-kawża msejħa “Oġġetti tal-ħjata”, f’żewġ proċeduri separati, jiġifieri l-kawżi “Oġġetti tal-ħjata: labar” (iktar ’il quddiem il-“kawża ‘labar’”) u “Oġġetti tal-ħjata: żippijiet” iktar ’il quddiem il-“kawża ‘żippijiet’”), kienet tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, iddeċidiet:

“[…] għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta lill-appellanti fil-15 ta’ Marzu 2004, kellha t-titolu inekwivoku ta’ “Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-proċedura PO/Oġġetti tal-ħjata: labar.” L-appellanti għalhekk kienu jafu, tallinqas sa minn din id-data, li l-Kummissjoni kienet fetħet proċedura separata li tikkonċerna s-suq tal-labar. Huma setgħu wkoll jiddefendu ruħhom kontra s-separazzjoni tal-proċedura fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.”

2.     L-argumenti tal-partijiet

21      L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li huma kienu jafu, tal-inqas mid-data tal-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kienet se tiftaħ żewġ proċeduri separati u li, għalhekk, setgħu jiddefendu ruħhom fir-rigward ta’ din is-separazzjoni tal-proċedura amministrattiva. Skont huma, din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet uriet biss li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir tagħhom fis-settur tal-labar kien ksur awtonomu meta mqabbel mal-aġir tagħhom fis-settur taż-żippijiet. Madankollu, kienet biss preżentazzjoni ddettaljata biżżejjed dwar il-fatti li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li tissepara l-proċeduri li setgħet tippermettilhom jevalwaw il-legalità ta’ din il-miżura u, għalhekk, li jiddefendu b’mod effettiv l-interessi tagħhom.

22      L-appellanti jżidu li, billi naqset milli tagħti r-raġunijiet tas-separazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

23      Il-Kummissjoni ssostni li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti llimitaw ruħhom li jsostnu li huma kienu ġew imċaħħda mill-possibbiltà li juru lill-Kummissjoni li l-multi li setgħu jiġu imposti fuqhom fiż-żewġ każijiet ma setgħux, minħabba l-konnessjoni bejniethom, jaqbżu l-limitu, stipulat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

24      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, li tikkontesta l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, l-ewwel aggravju għandu jiġi kkunsidrat bħala ġdid u, għalhekk, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat inkwantu jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Mingħajr il-ħtieġa li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju, għandu jiġi kkonstatat li dan ma għandux jiġi milqugħ.

26      Huwa veru li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-qorti Komunitarja tiżgura l-osservanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 167 sa 171; tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 92, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 35).

27      Madankollu, fir-rigward tal-proċedura skont l-Artikolu 81 KE, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ stadji tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri, l-istadju ta’ investigazzjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dak tal-kumplament tal-proċedura amministrattiva. Kull wieħed minn dawn il-perijodi konsekuttivi għandu loġika interna tiegħu, l-ewwel stadju għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni fuq it-tmexxija tal-proċedura u t-tieni wieħed li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punti 181 sa 183, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 38).

28      L-evalwazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet prevista mir-regoli Komunitarji huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-portata tal-proċedura amministrattiva fil-konfront ta’ impriżi li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tistipula, b’mod ċar, il-fatturi kollha li fuqhom tistrieħ il-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-indikazzjoni tista’ tingħata b’mod sommarju, għaliex din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet tal-fatti u tal-liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 14, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 67).

29      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lill-appellanti kellha t-titlu “Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-proċedura PO/Oġġetti tal-ħjata: labar”. L-appellanti stess ammettew, fl-appell tagħhom, li din id-dikjarazzjoni kienet turi l-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir tagħhom fis-settur tal-labar kien ksur awtonomu meta mqabbel mal-aġir tagħhom fis-settur taż-żippijiet.

30      L-appellanti ma jikkontestawx għalhekk li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’din il-kawża kienet ċara biżżejjed sabiex tippermettilhom jidentifikaw b’mod effettiv l-aġir li dwaru qed tikkritikahom il-Kummissjoni u d-direzzjoni li hija kellha l-intenzjoni li tieħu f’din il-proċedura.

31      L-uniku argument li huma jinvokaw insostenn tal-affermazzjoni tagħhom li ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod effettiv f’dan l-istadju huwa bbażat fuq in-nuqqas li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont huma, ma kinitx tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għas-separazzjoni tal-proċedura.

32      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

33      Dan jammonta, fil-fatt, għal talba sabiex il-Kummissjoni tistipula mhux biss il-punti ta’ fatt u ta’ liġi, li hija tqis, f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva, bħala li jikkostitwixxu ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, iżda wkoll li hija tagħti, tal-inqas fil-qosor, ir-raġunijiet li minħabba fihom ma għandhiex l-intenzjoni, fil-kuntest tal-istess proċedura, li tibbaża ruħha fuq ċerti elementi li kienet investigat fil-bidu jew li kellha l-intenzjoni li tinvestiga. L-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fl-istadju meta tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’hekk jiġi estiż sabiex ikopri elementi li, minnhom infushom, mhumiex essenzjali għat-tmexxija tal-proċedura li hija tipproponi. Tali obbligu ta’ motivazzjoni jeċċedi r-rekwiżiti ddefiniti fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

34      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

B –  Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-projbizzjoni taċ-ċaħda ta’ ġustizzja

1.     Is-sentenza appellata

35      Fil-punt 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-Kummissjoni għandha d-dritt, għal raġunijiet oġġettivi, tissepara u tgħaqqad proċeduri. Bħala risposta għall-affermazzjonijiet tal-appellanti li tali raġunijiet ma jeżistux f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 65 tal-istess sentenza, irrilevat li s-sitwazzjoni mhijiex kompletament komparabbli ma’ dik li fiha hija kienet ippermettiet tali separazzjoni peress li kien hemm ksur separat. Madankollu, fir-rigward tal-affermazzjonijiet tal-appellanti li l-aġir li dwaru ġew ikkritikati kien jikkostitwixxi, fir-realtà, ksur uniku, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, tqis li dawn ma setgħux jiġu vverifikati ħlief wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża “żippijiet”.

2.     L-argumenti tal-partijiet

36      L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkommettiet żball ta’ liġi billi rrifjutat li tivverifika l-legalità tas-separazzjoni tal-proċedura minkejja li, minn naħa waħda, hija rrikonoxxiet li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel tali separazzjoni ħlief jekk ikun hemm ksur separat u li, min-naħa l-oħra, li kellha provi f’idejha, fil-forma tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-16 ta’ Settembru 2004, fil-kawża “labar” u dik tat-8 ta’ Marzu 2006, fil-kawża “żippijiet”, li minnhom jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni pproċediet b’separazzjoni arbitrarja ta’ ksur uniku. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kkonstatat, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża “żippijiet” meta l-Qorti bdiet tiddelibera dwar il-kawża “labar”, preżunzjonijiet dwar l-eżitu tal-kawża “żippijiet” kienu ta’ natura spekulattiva.

37      Il-Kummissjoni tipproponi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Skont hi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li l-allegazzjonijiet tal-appellanti ma setgħux jiġu evalwati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-kawża “żippijiet”.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Fil-punti 64 sa 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li, skont ġurisprudenza tagħha stess, proċeduri ta’ ksur tar-regoli Komunitarji jistgħu jiġu mifruda u jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ diversi deċiżjonijiet li jimponu multi separati sakemm ikun hemm ksur separat.

39      L-appellanti ma jikkontestawx din l-analiżi, iżda jilmentaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma vverifikatx jekk, f’din il-kawża, l-aġir ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata relatata mal-kawża “labar”, minn naħa waħda, u dak identifikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-8 ta’ Marzu 2006 relatata mal-kawża “żippijiet”, min-naħa l-oħra, kinux ksur separat jew le.

40      Kif ġie mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet tal-fatti u tal-liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja. Id-deċiżjoni sussegwenti mhux bil-fors għandha tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex jew tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija żżomm (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 14, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 67).

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li sakemm ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni fil-kawża “żippijiet”, il-preżunzjonijiet kollha dwar jekk kienx hemm ksur separat jew le kienu ta’ natura spekulattiva.

42      L-appellanti ma jistgħux jallegaw ċaħda ta’ ġustizzja, peress li, kif jirriżulta mir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, xorta jibqalhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar il-preżenza ta’ ksur uniku wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża “żippijiet” fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, kif urew waqt is-seduta, l-appellanti ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 230 KE, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża “żippijiet”.

43      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C –  Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur

44      Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti, dwar id-daqs tas-suq ikkonċernat, u, f’dak li jirrigwarda t-tieni parti, dwar l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat

a)     Is-sentenza appellata

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li fid-dawl tal-iskop antikompetittiv tal-ftehim, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li, f’dan il-każ, tiddefinixxi s-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, fil-punt 88 tal-imsemmija sentenza, hija ppreċiżat li, peress li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kien jimponi multa skont ir-Regolament Nru 1/2003, il-konstatazzjonijiet tal-fatti relatati mas-suq ikkonċernat kienu rilevanti, anki jekk l-insuffiċjenza tagħhom ma setgħetx twassal għall-annullament totali tal-imsemmija deċiżjoni.

46      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 89 tas-sentenza appellata ddeċidiet:

“[...] skont il-linji gwida, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ‘għandu jiġi kunsidrat’ mhux biss in-natura proprja tal-ksur, iżda wkoll ‘l-impatt reali [konkret] tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat’ (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A)). Sabiex jiġi evalwat l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, jeħtieġ li tali suq jiġi ddefinit. Il-linji gwida jistabbilixxu wkoll li huwa ‘neċessarju’, sabiex tiġi stabbilita l-gravità ta’ ksur li ‘tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità ekonomika effettiva biex joħolqu theddid [ħsara] sinifikanti għall-operaturi l-oħra’ (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A)), u dan jimplika li għandhom jiġu stabbiliti d-daqs tas-swieq u l-ishma fis-swieq tal-impriżi kkonċernati.”

47      Wara li kkunsidrat, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li ma kien hemm ebda nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-daqs tas-suq li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

48      Fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-daqs tat-tlett iswieq tal-prodotti li hija identifikat baqgħu inkompleti u ma kinux jippermettu li jiġi vverifikat id-daqs tas-swieq ikkonċernati kollha. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 99 tal-imsemmija sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata kienet “ivvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti, li tista’ twassal għall-annulament parzjali [tagħha], sakemm il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li jagħmlu ħsara sinjifikattiva ma jkunux ibbażati fuq motivi oħra tad-deċiżjoni [kkontestata].”

49      Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li l-appellanti qatt ma kkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, esposti fid-deċiżjoni kkontestata, li jappoġġjaw il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ tali kapaċità, jiġifieri, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tagħhom ta’ leaders fis-suq Ewropew tal-produzzjoni tal-labar, suq fejn il-kompetizzjoni hija limitata ħafna.

b)     L-argumenti tal-partijiet

50      Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 253 KE billi ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata minkejja li hija kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat. Hija naqset ukoll milli tikkunsidra li dan l-iżball kellu impatt fuq id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, għaliex id-determinazzjoni ta’ din timplika riferiment kumulattiv għal diversi kriterji u l-Kummissjoni stess indikat, fl-imsemmija deċiżjoni, li hija kkunsidrat id-daqs tas-suq ikkonċernat u l-kapaċità ekonomika tal-awturi tal-ksur li kkawża ħsara sinjifikattiva.

51      Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod suffiċjenti l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq billi rreferiet għall-pożizzjoni ta’ leaders tal-appellanti. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat id-differenza bejn id-determinazzjoni tal-kapaċità ekonomika effettiva ta’ impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva u dik tal-impatt konkret fuq is-suq.

52      L-appellanti għalhekk iqisu li hemm kuntradizzjoni bejn il-motivi, minn naħa waħda fil-punt 89 tas-sentenza appellata, u min-naħa l-oħra, fil-punti 99 u 100 tal-imsemmija sentenza.

53      Il-Kummissjoni tirrispondi li, jekk is-sentenza appellata tinqara tajjeb, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-obbligu li jiġi ddeterminat id-daqs tas-suq ikkonċernat biss għal dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-impriżi li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva. Madankollu, jekk tali kapaċità tista’ tiġi kkonstatata, bħalma huwa l-każ hawnhekk, b’mezzi oħra, il-Kummissjoni tkun eżentata mill-obbligu li tiddetermina d-daqs tas-suq. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu tal-multi deskritt fil-linji gwida bl-ebda mod ma jimponi, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-suq ikkonċernat.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bil-fors jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 465; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 129).

55      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma kienx, bħala regola, element obbligatorju, iżda biss element rilevanti fost oħrajn għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 132).

56      Fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu rrilevat li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, huwa meħtieġ, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra. Hija żiedet li din il-kunsiderazzjoni timplika l-ħtieġa li jiġi ddeterminat id-daqs tas-swieq.

57      L-appellanti ma jikkontestawx l-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda jsostnu li din tal-aħħar ikkontradixxiet lilha nnifisha meta, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, ikkonfermat li r-riferiment għall-pożizzjoni tal-appellanti bħala leaders fis-suq ikkonċernat jista’ jkun deskrizzjoni adegwata tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jaqraw il-punt 101 tas-sentenza appellata b’mod żbaljat. Minn dan il-punt jirriżulta, fil-fatt, li r-riferiment għall-pożizzjoni tal-appellanti bħala leaders fis-suq huwa kkunsidrat bħala kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawn tal-aħħar li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra u mhux, kif isostnu l-appellanti, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

59      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament ikkontradixxiet ruħha billi ddikjarat, minn naħa waħda, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ekonomika ta’ impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva teħtieġ neċessarjament id-determinazzjoni tad-daqs tas-suq u billi kkunsidrat, min-naħa l-oħra, fil-punti 99 sa 101 tal-imsemmija sentenza, li l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni li hija kkonstatat f’dan ir-rigward tista’ tiġi kkumpensata b’konstatazzjonijiet oħra bħal, f’din il-kawża, il-pożizzjoni tal-appellanti bħala leaders fuq l-imsemmi suq.

60      Madankollu, din il-kontradizzjoni ma għandhiex twassal għall-konstatazzjoni, kif jitolbu l-appellanti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat.

61      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, li tiġi kkunsidrata, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra ma timplikax in-neċessità li jiġi ddeterminat id-daqs tas-suq.

62      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, l-ishma tas-suq miżmuma minn impriża huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza tagħha li setgħet teżerċita fuq is-suq (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 139).

63      Madankollu, għar-raġunijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 98 sa 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti ma jistax jiġi dedott li, sabiex tiġi evalwata l-influwenza ta’ impriża fuq is-suq, jew, skont il-linji gwida, il-kapaċità ekonomika effettiva tagħha li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, hemm il-ħtieġa li tiġi mkejla din il-kapaċità filwaqt li l-Kummissjoni tkun obbligata tistabbilixxi minn qabel definizzjoni tas-suq u tagħmel evalwazzjoni tad-daqs tiegħu, billi tikkunsidra l-volum tad-dħul mill-bejgħ ta’ din l-impriża.

64      Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li jikkonsisti fi tqassim tas-swieq, interpretazzoni daqstant stretta tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif isostnu l-appellanti, tista’ tirriżulta fil-fatt li jiġi impost obbligu fuq il-Kummissjoni, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi, li skont ġurisprudenza stabbilita, hija ma għandhiex, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 261 u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 125).

65      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata, kienet korretta li taċċetta li l-kapaċità ekonomika tal-appellanti li tikkawża ħsara sinjifikattiva għall-operaturi l-oħra setgħet tiġi stabbilita permezz ta’ konstatazzjonijiet bħall-pożizzjoni tagħhom ta’ leaders fis-suq ikkonċernat.

66      Minn dan isegwi li, minkejja l-kontradizzjoni fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, irrilevata b’mod korrett mill-appellanti, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti.

2.     Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret fuq is-suq

a)     Is-sentenza appellata

67      Fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet kif ġej:

“109      […] il-kunsiderazzjoni tal-impatt reali [konkret] fuq is-suq hija mitluba biss ‘fejn dan jista’ jkun ikkalkolat’. Madankollu, matul il-proċeduri, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li dan l-impatt ma setax jiġi kkalkolat f’din il-kawża u hija llimitat ruħha, fid-difiża tagħha dwar dan il-punt, sabiex tfakkar li t-tqassim tas-swieq tal-prodotti u tas-suq ġeografiku msemmija fl-akkordji [fil-ftehim] konklużi bejn l-appellanti u Entaco ġie implementat u ‘għalhekk bilfors kellu impatt reali fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-swieq Komunitarji’.

110      Madankollu, din il-konklużjoni mhijiex konvinċenti. [...]

111      Fil-fatt, fil-premessi 318 sa 320 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, li madankollu, mhuwiex biżżejjed għall-kalkolu tal-multa.

112      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma ssodisfatx biżżejjed l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha f’dan ir-rigward. Il-konsegwenzi legali li għandhom jirriżultaw minn dan se jiġu eżaminati fil-punti 190 et seq iktar ’il quddiem.”

68      Fir-rigward tal-konsegwenzi legali li jista’ jkollu n-nuqqas ta’ motivazzjoni kkonstatat fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 188 u 189 tal-istess sentenza, li f’din il-kawża, il-ksur, li kellu bħala suġġett it-tqassim tas-swieq tal-prodotti u tas-suq ġeografiku, kien ksur ċar tad-dritt tal-kompetizzjoni u kien, minħabba n-natura tiegħu, partikolarment serju. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija fil-linji gwida, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” fid-deċiżjoni kkontestata kienet iġġustifikata.

69      Fil-punt 190 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet:

“Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impatt reali [konkret] tal-ksur fuq is-suq, diġà ġie kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha. Madankollu dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma għandux, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, iwassal għat-tneħħija jew għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta, peress li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” kienet fondata u peress li l-Kummissjoni kienet għażlet l-ammont inizjali minimu stipulat fil-linji gwida għal tali ksur (jew, iktar preċiż, l-ammont massimu għal ksur “serju”), jiġifieri EUR 20 miljun. Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li l-għażla tal-ammont minimu hija biżżejjed f’din il-kawża sabiex jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-impatt tal-ksur matul il-perijodu tal-ksur.”

b)     L-argumenti tal-partijiet

70      Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 253 KE billi ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata minkejja li kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Billi, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma kellux, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, iwassal għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, peress li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” kienet fondata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħawdet kwistjonijiet relatati mal-legalità sostantiva tal-imsemmija deċiżjoni ma’ kwistjonijiet relatati mal-konsegwenzi legali ta’ ksur tal-obbligu formali ta’ motivazzjoni.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti. Hija tikkunsidra, madankollu, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żbalji ta’ liġi fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata. Minn naħa waħda, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni turi n-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq li jista’ jiġi kkalkolat, minkejja li hija stess ma kkonstatatx li dan l-impatt jista’ jiġi kkalkolat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkontradixxiet ġurisprudenza stabbilita li l-implementazzjoni ta’ ftehim li s-suġġett tiegħu huwa antikompetittiv hija biżżejjed sabiex teskludi l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ impatt fuq is-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibdel il-motivi tas-sentenza appellata billi tirrevoka l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 109 sa 112 dwar il-provi u l-kalkolu tal-impatt tal-ksur fuq is-suq.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

i)     Fuq it-talba tal-Kummissjoni għall-bidla tal-motivi

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 28, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 187).

73      Anki jekk talba għall-bidla tal-motivi tista’ tiġi milqugħa fiċ-ċirkustanzi li fihom saret mill-Kummissjoni, din it-talba, f’din il-kawża, għandha tiġi miċħuda.

74      Fl-ewwel lok, fir-rigward dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex jew le l-obbligu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li tiddetermina l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, għandu jitfakkar li, jekk dan l-impatt huwa element li għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħan-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Bl-istess mod, mill-ewwel sentenza tal-punt 1(A) tal-linji gwida jirriżulta li dan l-impatt għandu jiġi kkunsidrat biss meta jista’ jiġi kkalkolat (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 125).

75      F’dak li jirrigwarda l-akkordji orizzontali fuq il-prezz jew it-tqassim tas-swieq, mil-linji gwida jirriżulta wkoll li dawn l-akkordji jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. F’dan il-każ, l-impatt konkret tal-ksur huwa biss element fost oħrajn, li, jekk jista’ jiġi kkalkolat, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-minimu previst ta’ EUR 20 miljun.

76      F’din il-kawża, l-akkordju inkwistjoni kien jikkonċerna tqassim tas-swieq u għalhekk seta’ jiġi kklassifikat bħala ksur serju ħafna mingħajr il-ħtieġa li l-Kummissjoni turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

77      Madankollu, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni, taħt it-titolu “Impatt reali [konkret] tal-ksur” iddedikat tliet punti għall-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, li fil-punt 109 tas-sentenza appellata rrilevat li matul il-proċeduri, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li l-impatt konkret tal-ksur ma setax jiġi kkalkolat, setgħet, mingħajr ma tikkommetti żball ta’ liġi, minn naħa waħda, tqis li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-impatt deskritt fid-deċiżjoni kkontestata seta’ jiġi kkalkolat u, min-naħa l-oħra, li hija kellha l-intenzjoni li tikkunsidra dan il-kriterju għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

79      It-tieni nett, fir-rigward tal-elementi li l-Kummissjoni, f’tali ċirkustanzi, għandha tippreżenta sabiex tistabbilixxi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, l-argument tal-Kummissjoni li huwa biżżejjed għaliha li tirreferi għall-implementazzjoni tal-akkordju, għandu jiġi miċħud.

80      Tali riferiment, mingħajr provi addizzjonali, jammonta, fil-fatt, għal preżunzjoni li l-implementazzjoni tal-akkordju ħolqot impatt fuq is-suq.

81      Madankollu, filwaqt li mhijiex meħtieġa l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur sabiex dan jiġi kklassifikat bħala serju ħafna fil-każ ta’ ftehim antikompetittiv, il-kunsiderazzjoni addizzjonali ta’ dan l-element tippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-minimu previst ta’ EUR 20 miljun stabbilit bil-linji gwida, mingħajr limitu ieħor ħlief dak massimu ta’ 10 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża kkonċernata matul is-sena finanzjarja preċedenti, stabbilit fir-rigward tal-ammont totali tal-multa fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

82      Fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi, meta l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, tqis opportun li tikkunsidra dan l-element mhux obbligatorju, jiġifieri, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija ma tistax tillimita lilha nnifisha li tressaq biss preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tiegħu, evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha li tevalwa l-impatt konkret li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmija suq.

83      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, tillimita ruħha sabiex mill-implementazzjoni tal-akkordju tiddeduċi l-eżistenza tal-impatt konkret tiegħu, u tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għall-bidla tal-motivi magħmula mill-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda.

ii)  Fuq l-argumenti tal-appellanti

85      L-argumenti tal-appellanti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi inkwantu, wara li kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata, ma għandhomx jiġu milqugħa.

86      Fir-rigward tal-istħarriġ mill-qorti Komunitarji tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, iktar milli sempliċi stħarriġ ta’ legalità, li jippermetti biss li r-rikors għal annullament jiġi miċħud, jew li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 229 KE, mogħtija lill-Qorti tal-Prim’Istanza permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tawtorizza lil din il-qorti sabiex tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma jiġix annullat, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex temenda, pereżempju, l-ammont tal-multa (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 692).

87      Fl-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, ikkonstatat l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ wieħed mill-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur tal-Artikolu 81 KE għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, jiġifieri, il-kriterju tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Fir-rigward għal diversi kriterji li, kif ġie mfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġu użati mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-konstatazzjoni li hija għamlet, relatata biss ma’ wieħed mill-imsemmija kriterji, ma kinitx twassal awtomatikament għall-annullament, anki jekk parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Fit-tieni lok, fil-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat id-difett li hija kienet ikkonstatat, u eżaminat jekk dan kellux effett fuq l-ammont tal-multa u għalhekk kienx hemm lok li jinbidel dan l-ammont. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ma kienx opportun li jinbidel l-ammont inizjali tal-multa kif stipulat fid-deċiżjoni kkontestata.

89      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk, kemm fl-istħarriġ tal-legalità kif ukoll fil-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, evalwat b’mod xieraq il-konsegwenzi legali li għandhom jiġu misluta mill-ksur tal-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

90      It-tieni parti tat-tielet aggravju għalhekk għandha tiġi miċħuda.

91      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala infondat.

D –  Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-linji gwida u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

92      Dan l-aggravju fih ukoll żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq u, it-tieni waħda, fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-fatt li l-appellanti waqqfu l-ksur b’mod volontarju.

1.     Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq

a)     Is-sentenza appellata

93      Din il-parti tal-aggravju hija relatata, b’mod partikolari, mal-punti 188 sa 190 tas-sentenza appellata, li għalihom sar riferiment fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza.

b)     L-argumenti tal-partijiet

94      L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 188 sa 190 tas-sentenza appellata, ikkommettiet żball ta’ liġi f’żewġ aspetti. Minn naħa waħda, hija kkunsidrat li nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-impatt konkret tal-ksur kien legalment irrilevanti peress li, minħabba l-forma astratta ta’ dan il-ksur, seta’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. Dan in-nuqqas li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi konkret tal-ksur imur kontra l-linji gwida, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja żbaljat meta kkunsidrat li l-ammont inizjali tal-multa stabbilit mil-linji gwida għal ksur “serju ħafna” jikkostitwixxi ammont minimu li minnu ma tistax tiżvija. Dan l-approċċ huwa kontra l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

95      Il-Kummissjoni tirreferi parzjalment għall-argument li hija żviluppat fil-kuntest tat-tielet aggravju fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur. Hija żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx l-ammont inizjali tal-multa stabbilit mil-linji gwida bħala limitu li ma jistax jiġi superat, iżda eżaminat il-proporzjonalità tagħha fil-punti 206 u 223 tas-sentenza appellata. Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti dwar il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-eżempji ċċitati minn dawn tal-aħħar kienu irrilevanti, ġodda jew mhux eżatti.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Fir-rigward tal-ewwel żball ta’ liġi invokat mill-appellanti, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet il-ksur bħala astratt mingħajr ma kkunsidrat l-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt konkret tiegħu fuq is-suq, għandu jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati t-tul tal-ksur u l-fatturi kollha li jistgħu jaffetwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, bħall-aġir ta’ kull impriża, ir-rwol li għandha kull impriża meta jiġu stabbiliti l-prattiki miftiehma, il-profitt li setgħu jieħdu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-prodotti kkonċernati kif ukoll il-ħsara li tali ksur jirrapreżenta għall-għanijiet tal-Komunità Ewropea (ara, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 129, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 242). Minn dan jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma kienx, fih innifsu, kriterju determinanti fid-determinazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. B’mod partikolari, elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament gravi bħat-tqassim tas-swieq, element preżenti f’din il-kawża (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 118).

97      F’dak li jirrigwarda t-tieni żball ta’ liġi, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ammont inizjali tal-multa stabbilit mil-linji gwida għal ksur “serju ħafna” kien limitu minimu li minnu ma tistax tiżvija, għandu jitfakkar li, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat biss jekk id-difett li hija kkonstatat dwar l-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur kienx kellu effett fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, fl-ewwel lok hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma żiditx l-ammont inizjali skont l-impatt fuq is-suq. Fit-tieni lok, fil-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija kkunsidrat li l-ammont inizjali stipulat fid-deċiżjoni kkontestata seta’ jiġi ġġustifikat bil-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx li huwa opportun, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, li tibdel l-ammont inizjali stipulat mill-Kummissjoni ma għandux ifisser li hija kkunsidrat l-ammont ta’ EUR 20 miljun bħala limitu minimu li inqas minnu ma setgħetx tinżel.

98      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li din ma tistax isservi bħala qafas legali sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-qasam, fl-eżerċizzju ta’ liema mhijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun għamlet qabel (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82).

99      Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-fatt li l-appellanti waqqfu l-ksur b’mod volontarju

a)     Is-sentenza appellata

100    Fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, filwaqt li rreferiet għal ġurisprudenza kostanti, li, fil-kuntest tal-kalkolu ta’ multa imposta għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ċirkustanza attenwanti tista’ tiġi kkunsidrata biss jekk l-impriżi inkwistjoni ġew mħeġġa jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom bl-interventi tal-Kummissjoni.

101    Wara li kkonstatat, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tmiem qabel il-waqt tal-ftehim illegali ma rriżultax minn intervent tal-Kummissjoni u lanqas minn deċiżjoni tal-appellanti li jwaqqfu l-ksur, imma minn deċiżjoni ta’ strateġija ekonomika, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 213 tal-imsemmija sentenza, li t-tmiem qabel il-waqt tal-ftehim kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur u għalhekk ma setax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

b)     L-argumenti tal-partijiet

102    Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi fil-punti 211 u 213 tas-sentenza appellata inkwantu l-analiżi tagħha ma tikkunsidrax it-tmiem tal-ksur b’mod volontarju. Il-fatt li aġir illegali jintemm, bl-inizjattiva proprja ta’ dak li jkun, għandu jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li ma ġietx ikkunsidrata fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur.

103    Il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita fuq dan il-punt, li ma għandhiex tiġi kkontestata.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104    Fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ammont bażiku tal-multa, it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jindika, it-tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni, b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli.

105    Fil-punt 158 tas-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ma jistax jingħata l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida fil-każ fejn l-ksur diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew fil-każ fejn deċiżjoni soda li ġġib il-ksur fit-tmiem tkun diġà ttieħdet minn dawn l-impriżi, qabel dik id-data.

106    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi meta kkonfermat ir-rifjut tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tagħti lill-appellanti l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti minħabba d-deċiżjoni tagħhom li jtemmu l-ftehim li kienu jikkostitwixxu l-ksur, inkwantu din id-deċiżjoni, kif qalu l-appellanti stess, ittieħdet qabel u mingħajr l-ebda intervent tal-Kummissjoni.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tar-raba’ aggravju u, konsegwentement, ir-raba’ aggravju fit-totalità tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

E –  Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

1.     Is-sentenza appellata

108    Fil-punti 228 sa 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta bid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl rispettivament tal-volum tas-swieq ikkonċernati, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tal-appellanti, tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u tal-probabbiltà li fil-kawża “żippijiet” tiġi imposta multa fuqhom. Hija kkonkludiet, fil-punt 233 tal-imsemmija sentenza, li l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

2.     L-argumenti tal-partijiet

109    L-appellanti jsostnu li, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità f’żewġ aspetti. Minn naħa waħda, il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet b’applikazzjoni formali tal-linji gwida, mingħajr ma kkunsidrat iċ-ċirkustanzi konkreti tal-ksur. Min-naħa l-oħra, hija vverifikat il-proporzjonalità tal-multa biss fir-rigward ta’ kriterji individwali, mingħajr ma kkunsidrat b’mod globali ċ-ċirkustanzi tal-kawża.

110    Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli għaliex jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina mill-ġdid il-livell tal-multa. Sussidjarjament, hija tenfasizza li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod iddettaljat il-proporzjonalità tal-multa u li l-argumenti tal-appellanti mhumiex fondati.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

111    F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument tal-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li dan jerġa’ jirrepetti, essenzjalment, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, u li għalhekk għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet li wasslu għaċ-ċaħda ta’ din il-parti.

112    F’dak li jirrigwarda t-tieni argument, għandu jiġi kkunsidrat li dan jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ teżamina mill-ġdid l-ammont tal-multa stabbilita mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, ma għandhiex tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ġustizzja, l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur, minn din tal-aħħar, tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 614, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 245).

113    Il-ħames aggravju għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

114    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

VI –  Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu l-kawża, hemm lok li jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      William Prym GmbH & Co. KG et Prym Consumer GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż