Language of document : ECLI:EU:C:2009:500

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Settembru 2009 (*)

“Appelli – Akkordji – Suq tal-karta saħħara – Nuqqas ta’ qbil bejn id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata – Ksur tad-drittijiet tad‑difiża – Konsegwenzi – Żnaturament tal-provi – Parteċipazzjoni fil-ksur – Tul tal-ksur – Regolament Nru 17 – Artikolu 15(2) – Linji gwida għall-kalkolu tal‑ammont tal-multi – Prinċipju ta’ trattament ugwali – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Tul raġonevoli tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza”

Fil-Kawżi magħquda C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fid-9, fil-11 u fis-16 ta’ Lulju 2007 rispettivament,

Papierfabrik August Koehler AG, stabbilita f’Oberkirch (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker u S. Hirsbrunner, avukati, u minn J. Schwarze, professeur,

Bolloré SA, stabbilita f’Ergue Gaberic (Franza), irrappreżentata minn C. Momège u P. Gassenbach, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Distribuidora Vizcaína de Papeles SL, stabbilita f’Derio (Spanja), irrappreżentata minn E. Pérez Medrano u T. Díaz Utrilla, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u W. Mölls, bħala aġenti, assistiti minn H.‑J. Freund u N. Coutrelis, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Papierfabrik August Koehler AG (iktar ’il quddiem “Koehler”) (C‑322/07 P), Bolloré SA (iktar ’il quddiem “Bolloré”) (C‑327/07 P) u Distribuidora Vizcaína de Papeles SL, (iktar ’il quddiem “Divipa”) (C‑338/07 P) qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-imsemmija Qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħhom, ippreżentati b’mod partikolari minn Koehler, Bolloré u Divipa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E 1/36.212 – Karta saħħara) (ĠU 2004, L 115, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej imponiet multa ta’ EUR 33.07 miljun fuq Koehler, ta’ EUR 22.68 miljun fuq Bolloré u ta’ EUR 1.75 miljun fuq Divipa.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għal din il-kawża, kif jinsabu esposti fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        Fil-ħarifa tas-sena 1996, il-grupp produttur tal-karti Sappi, li l-kumpannija parent tiegħu hija Sappi Ltd (iktar ’il quddiem “Sappi”), ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni u dokumenti li tawha raġuni għalfejn tissuspetta li kien jeżisti jew eżista akkordju moħbi fuq l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-karta saħħara, li fih Sappi kienet topera bħala produttriċi.

4        Minħabba l-informazzjoni kkomunikata minn Sappi, il-Kummissjoni wettqet xi verifiki ma’ ċertu numru ta’ produtturi tal-karta saħħara, skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3). B’hekk, verifiki previsti mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament saru fit-18 u d-19 ta’ Frar 1997 fl-uffiċċji ta’ diversi impriżi, fosthom ta’ Papeteries Mougeot SA (iktar ’il quddiem “Mougeot”), kif ukoll ta’ Sappi u ta’ impriżi oħrajn, fosthom Koehler u Arjo Wiggins Appleton plc (iktar ’il quddiem “AWA”), matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Lulju u x-xahar ta’ Diċembru tas-sena 1997.

5        Fl-1999, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lil diversi impriżi, fosthom AWA, Mougeot, Divipa, Koehler u Copigraph SA (iktar ’il quddiem “Copigraph”). Din tal-aħħar hija kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré. F’dawn it-talbiet, l-impriżi ntalbu jagħtu indikazzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijet tagħhom dwar żidiet fil-prezzijiet, il-volumi ta’ bejgħ tagħhom, il-klijenti tagħhom, id-dħul mill-bejgħ tagħhom u l-laqgħat tagħhom ma’ kompetituri.

6        Fir-risposti tagħhom għal dawn it-talbiet għal informazzjoni, AWA, Copigraph u impriża oħra ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat multilaterali ta’ akkordju li saru bejn il-produtturi ta’ karta saħħara. Huma pprovdew diversi dokumenti u informazzjoni lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

7        Mougeot, min-naħa tagħha, ikkuntattjat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ April 1999 fejn iddikjarat li kienet lesta li tikkoopera fl-investigazzjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“ komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ akkordju li kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet tal-karta saħħara u pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-istruttura tal-akkordju, u b’mod partikolari dwar il-laqgħat differenti li għalihom ir-rappreżentanti tagħha kienu preżenti.

8        Fis-26 ta Lulju 2000, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri fil-kawżi li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) li indirizzatha lil 17-il impriża, fosthom Copigraph, Bolloré, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, kif ukoll AWA, Divipa, Mougeot, Koehler u Sappi.

9        L-impriżi kollha destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħlief tlieta minnhom, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub sabiex iwieġbu għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

10      Saret seduta fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2001 u l-Kummissjoni, fl-20 ta’ Diċembru 2001, adottat id-deċiżjoni kkontestata.

11      Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li ħdax-il impriża kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-karta saħħara.

12      Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li AWA, Bolloré, Koehler, Sappi, u tliet impriżi oħra pparteċipaw fil-ksur mix-xahar ta’ Jannar tal-1992 sa dak ta’ Settembru tal-1995, Divipa mix-xahar ta’ Marzu tal-1992 sa dak ta’ Jannar tal-1995 u Mougeot mix-xahar ta’ Mejju tal-1992 sa dak ta’ Settembru tal-1995.

13      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi rrakkomandat lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni sabiex itemmu l-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu msemmi l-aħħar, jekk huma għadhom ma ġabuhx fi tmiem, u sabiex jibqgħu lura, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom marbuta mal-karta saħħara, milli jikkonkludu kull ftehim jew prattika miftiehma li jista’ jkollu għan jew effett identiku jew simili għal dak tal-ksur.

14      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, ġew imposti, inter alia, il-multi li ġejjin fuq l-impriżi kkonċernati:

–        AWA: EUR 184 270 000;

–        Bolloré: EUR 22 680 000;

–        Divipa: EUR 1 750 000;

–        Mougeot: EUR 3 640 000;

–        Koehler: EUR 33 070 000, u

–        Sappi Ltd: EUR 0.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

15      Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul ix-xahar ta’ April 2002, Bolloré, AWA, Koehler, Divipa u ħames impriżi oħra ppreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

16      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati b’mod partikolari minn Bolloré, Koehler u Divipa.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      Koehler titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha;

–        b’mod iktar sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha skont il-punti ta’ liġi deċiżi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, fi kwalunkwe każ,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18      Bolloré titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv u tannulla d-deċiżjoni kkontestata, jew, fi kwalunkwe każ, tnaqqas il-multa imposta fuqha;

–        f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix din il-kawża, tirriżerva l-ispejjeż u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19      Divipa titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata kollha jew parti minnha u tiddeċiedi l-mertu jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

–        tħassar jew tnaqqas il-multa imposta fuqha, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-appelli jiġu miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2008, il-Kawżi C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċudera orali u tas-sentenza.

 Fuq l-appelli

22      Għall-finijiet ta’ kjarezza, ċerti aggravji invokati mill-appellanti ser jiġu eżaminati separatament u oħrjan ser jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Bolloré, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata

23      Fl-ewwel istanza, Bolloré sostniet li, billi ma tathiex l-opportunità tieħu pożizzjoni, matul il-proċeduri amministrattivi, fuq l-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment personali u awtonomu tagħha fl-akkordju, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

24      Wara li fakkret, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 79 tal-istess sentenza, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lil Bolloré ma ppermettietx lil din tal-aħħar issir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment dirett tagħha fil-ksur, u lanqas bil-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn ta’ din l-oġġezzjoni, b’mod li Bolloré, kif jirriżulta minn qari tar-risposta tagħha għal din id-dikjarazzjoni, ma setgħetx validament tiddefendi ruħha, fil-proċedimenti amministrattivi, fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni u dawn il-fatti.

25      Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“80      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk id-deċiżjoni [kkontestata] tinkludi allegazzjonijiet ġodda ta’ fatt jew ta’ dritt li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati ma nstemgħux, il-vizzju kkonstatat jagħti lok għall-annullament ta[’ din i]d-deċiżjoni f’dan ir-rigward biss jekk l-allegazzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu stabbiliti suffiċjentement skond il-liġi abbażi ta’ provi oħrajn ikkunsidrati fid-deċiżjoni u li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom […]. Barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Bolloré jista’ jaffetwa l-validità tad-deċiżjoni [kkontestata] safejn tikkonċerna lil Bolloré biss jekk [l-imsemmija] deċiżjoni kienet ibbażata unikament fuq l-involviment dirett ta’ Bolloré fil-ksur […]. F’dan il-każ, fil-fatt, jekk l-oġġezzjoni l-ġdida, ibbażata, fid-deċiżjoni [kkontestata], fuq involviment dirett ta’ Bolloré fl-attivitajiet ta’ l-akkordju, ma tistax tintlaqa’, ir-responsabbiltà għall-ksur ma tistax tiġi attribwita lil din ta’ l-aħħar.

81      Madankollu, jekk jirriżulta, fl-eżami tal-mertu […], li l-Kummissjoni, ġustament, ikkunsidrat lil Bolloré bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju, l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni ma tistax tkun suffiċjenti biex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni [kkontestata] peress li hija ma setax kellha influwenza determinanti fir-rigward tad-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni […]. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sew, safejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni suffiċjentement skond il-liġi, il-vizzji relativi għal motivi oħra ta’ l-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tiegħu […].”

 L-argumenti tal-partijiet

26      Fl-appell tagħha, Bolloré tikkontesta l-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata, billi taqsam l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet.

27      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti, il-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament kisret il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, billi rrifjutat li tissanzjona l-konstatazzjoni li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx kompluta bin-nullità tad-deċiżjoni kkontestata. Bolloré tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-qasam tal-prattiki antikompetittivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. I‑1307; tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365; tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49) kif ukoll fil-qasam tal-liġi dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071).

28      Il-Kummissjoni twieġeb li l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata kif ġiet ivvalidata mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija, għal dak li jikkonċerna lil Bolloré, biss ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Bolloré setgħet tippretendi li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata biss li kieku ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timputa fil-konfront tagħha l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.

29      Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza invokata minn Bolloré jew hija irrilevanti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza CB u Europay vs Il‑Kummissjoni), jew turi kemm kien fondat il-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza mxiet fis-sentenza appellata (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni kif ukoll ARBED vs Il‑Kummissjoni).

30      Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Bolloré ssostni li l-Qorti tal-Prim’istanza kisret il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, billi kkunsidrat li l-vizzju kkonstatat ma kienx affettwa l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata. Skont Bolloré, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza hija irrilevanti. Minn naħa, l-ewwel sensiela ta’ sentenzi msemmija fil-punt 80 tas-sentenza appellata tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik tal-każ preżenti inkwantu hawnhekk hija implikata din l-impriża. F’dawn is-sentenzi, in-nuqqas ta’ preċiżjoni kkonstatata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kkonċernax id-determinazzjoni u l-identifikazzjoni preċiża tar-responsabbiltajiet, iżda biss l-aġir allegat. Min-naħa l-oħra, it-tieni sensiela ta’ sentenzi wkoll imsemmija fil-punt 80 hija saħansitra iktar estranja għall-kontestazzjonijiet, billi dawn is-sentenzi jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet kif ukoll il-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, b’hekk, evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni fil-kuntest ta’ kontroll ex ante, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna kontroll a posteriori tal-kwistjoni jekk proċedura kinitx regolari jew le.

31      Bolloré tikkontesta wkoll “l-approċċ finalist” tad-drittijiet tad-difiża li, skont hi, adottat il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skont il-liġi, l-approċċ li skontu n-nullità ta’ deċiżjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ regola proċedurali ma tiġix ordnata ħlief jekk il-ksur tar-regola inkwistjoni jkun effettivament ikkomprometta l-interessi tal-parti kkonċernata, ma japplikax għal kull ksur proċedurali, u, b’mod partikolari, tali approċċ ma japplikax għal din il-kawża. Fil-fatt, billi ma ġietx informata bl-oġġezzjonijiet allegati kontriha personalment, id-drittijiet ta’ Bolloré ġew affettwati b’mod effettiv u prattiku.

32      Il-Kummissjoni ssostni li d-distinzjoni li għamlet Bolloré bejn il-kontroll ex ante u l-kontroll a posteriori mhijiex ċara. Il-ġurisprudenza fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u tal-għajnuna mill-Istat turi pjuttost li ksur tar-regoli proċedurali ma jistax jinvalida deċiżjoni awtomatikament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement applikat b’mod klassiku ħafna l-ġurisprudenza Komunitarja fuq dan is-suġġett.

33      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellux effett fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata u, f’dan il-każ, fuq l-ammont tal-multa imposta fuq Bolloré, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa inammissibbli billi jirriproduċi argument li diġà ntuża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, fi kwalunkwe każ, mhuwiex fondat inkwantu ġie imputat fil-konfront ta’ din il-kumpannija l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, jiġifieri Copigraph, u din l-imputazzjoni mhijiex ikkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-Laroche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u ARBED vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

35      F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 17 jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10).

36      Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjsua kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara, f’dan is-sens sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 26; tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il‑Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 29, kif ukoll Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 135, u ARBED vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

37      F’dan is-sens, tali prinċipju jeskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa fuq impriża fir-rigward tal-kompetizzjoni mingħajr ma, qabel, ikunu ġew ikkomunikati lilha l-oġġezzjonijiet ikkunsidrati kontriha, tista’ tiġi kkunsidrata leċita.

38      Fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tispeċifika b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li fuqha jistgħu jiġu imposti multi u għandha tiġi indirizzata lil din tal-aħħar (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, punti 143 u 146, kif ukoll ARBED vs Il‑Kummissjoni, punt 21).

39      Huwa importanti wkoll li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tindika f’liema kwalità impriża tkun qed tiġi akkużata bil-fatti allegati.

40      F’dan il-każ u hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 72 u 77 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, timputa fil-konfront ta’ Bolloré l-ksur allegat minħabba r-responsabbiltà tagħha, bħala kumpannija parent ta’ Copigraph li kienet iżżomm 100 % tal-ishma tagħha fiż-żmien meta seħħ il-ksur, għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju. Bolloré ma setgħetx tipprevedi, abbażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timputa fil-konfront tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ukoll minħabba l-involviment personali u dirett tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju.

41      Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ippermettiet lil Bolloré ssir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq tali involviment u lanqas bil-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn ta’ din l-oġġezzjoni, b’mod li din l-impriża ma setgħetx tipprepara d-difiża tagħha, matul il-proċeduri amministrattivi, fuq din l-oġġezzjoni u fuq dawn il-fatti.

42      Madankollu, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-vizzju kkonstatat jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu stabbiliti suffiċjentement skont il-liġi abbażi ta’ provi oħrajn ikkunsidrati fid-deċiżjoni u li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija żiedet li, li kieku kellu jirriżulta, mill-eżami tal-mertu, li l-Kummissjoni, kellha raġun iżżomm lil Bolloré responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju, l-illegalità kommessa mill-Kummissjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni peress li ma setgħetx ikollha influwenza determinanti fir-rigward tal-parti operattiva tagħha.

43      Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza, wara l-eżami tal-mertu, sabiex tiddeċiedi, fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li Bolloré kellha tinżamm responsabbli għall-aġir infrazzjonali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, indipendentement mill-involviment dirett tal-kumpannija parent, u sabiex tikkonferma, skont l-istess sentenza, id-deċiżjoni kkontestata inkwantu tikkundanna lil Bolloré għall-ħlas tal-multa imposta mill-Kummissjoni, minkejja l-fatt li element essenzjali tad-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija nkiser.

44      Il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata ġiet iddikjarata r-responsabbiltà ta’ Bolloré għall-involviment tagħha bħala kumpannija parent ta’ Copigraph, minbarra l-involviment personali ta’ din il-kumpannija parent, ma jeskludix il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq aġir li fir-rigward tiegħu Bolloré ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha.

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta ma siltet ebda konklużjoni legali mid-deċiżjoni tagħha li d-drittijiet tad-difiża ta’ Bolloré ma ġewx irrispettati. B’hekk, l-ewwel aggravju invokat minn din tal-aħħar insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi ddikjarat fondat.

46      Peress li l-imsemmi aggravju huwa fondat, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata inkwantu tikkonċerna lil Bolloré, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati minnha.

47      B’mod konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

48      Mill-punti 34 sa 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikors huwa fondat u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lil Bolloré.

 Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur

49      Divipa tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-5 ta’ Marzu 1992 u tad-19 ta’ Ottubru 1994, dwar is-suq Spanjol, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju dwar is-suq Ewropew. Hija taqsam l-aggravju tagħha dwar il-parteċipazzjoni tagħha fi tliet partijiet li għandhom jiġu analizzati waħda wara l-oħra.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992

50      Divipa ssostni, partikolarment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat in-nota tal-impjegat ta’ Sappi, tad-9 ta’ Marzu 1992, minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni u lanqas ma ċċitat fis-sentenza appellata parti minn din in-nota fejn hemm indikat li huwa permezz tal-klijenti u mhux direttament, li Sappi saret taf bil-prezzijiet ta’ Divipa. Fil-fehma tagħha, mhuwiex loġiku li impriża li allegatament ipparteċipat f’laqgħa tal-akkordju, li fiha ġiet diskussa l-kwistjoni tal-prezzijiet, ma tipprovdix hija stess il-prezzijiet tagħha direttament waqt dik il-laqgħa. B’hekk il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 ma ġietx stabbilita.

51      Il-Kummissjoni twieġeb li kull dokument għandu jiġi eżaminat flimkien mad-dokumenti l-oħra tal-proċess. Peress li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza huma marbutin iwettqu eżami globali, l-argument li dokument partikolari ma jistax jagħti prova ta’ fatt partikolari ma jreġġix jekk jeżistu atti oħrajn fil-proċess li jistgħu jagħtu tali prova. Divipa ma tqajjimx dubji dwar il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA u ta’ Sappi jew l-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li fl-imsemmija nota, l-impjegat ta’ Sappi jafferma biss li Divipa ma kinitx żiedet il-prezzijiet tagħha u li huwa kien jaf b’dan il-fatt peress li klijent kien bagħatlu lista tal-prezzijiet. Hija ħaġa normali li impriża li ma tirrispettax il-prezzijiet miftiehma f’akkordju ma tinformax lill-parteċipanti l-oħra b’dan, iżda dan ma jfissirx li hija ma tipparteċipax fih. Barra minn hekk, huwa loġiku li l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju jorganizzaw follow-up tiegħu u li jikkritikaw lil dawk fosthom li ma jirrispettawx dak li jkun ġie deċiż bi ftehim.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l‑Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tal‑liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u l-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal‑Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill‑provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni legali suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal‑Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 52; tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 73, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punt 59).

53      Żnaturament tal-fatti u tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq General Motors vs Il‑Kummissjoni, punt 54, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 74, kif ukoll Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, punt 60).

54      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li Divipa kienet ipparteċipat fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, wara li kkonstatat, fil-punti 162 sa 164, 171, 192, 194 u 197 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“162      Fl-ewwel lok, Sappi ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat ta’ l-akkordju li kienu jikkonċernaw is-suq Spanjol minn Frar ta’ l-1992 u pprovdiet diversi biċċiet ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward. Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999 lill-Kummissjoni […], Sappi tirreferi għal diversi laqgħat kollużivi li jikkonċernaw is-suq Spanjol, li saru fis-17 u s-27 ta’ Frar 1992, fit-30 ta’ Settembru u fid-19 ta’ Ottubru 1993, kif ukoll fit-3 ta’ Mejju u d-29 ta’ Ġunju 1994. F’dak li jikkonċerna s-snin 1993 sa 1995, impjegat ta’ Sappi ddikjara […] li kien assista għal sitta jew seba’ laqgħat f’Barċellona [Spanja] ma’ fornituri oħra. Dawn il-laqgħat kienu jsiru madwar erba’ jew ħames darbiet fis-sena. Huwa jaħseb li kien assista għall-ewwel darba fid-19 ta’ Ottubru 1993 u għall-aħħar darba fl-1995. Fil-fehma tiegħu, l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li jiġu ffissati l-prezzijiet fis-suq Spanjol. Dawn kienu jdumu madwar sagħtejn u, bħala regola, kienu jintemmu b’deċiżjoni ta’ żieda fil-prezzijiet b’perċentwali partikolari. Il-parteċipanti kienu Copigraph, […] Koehler, […] u Divipa. Is-siltiet mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi li jinsabu f’dawn id-diversi dokumenti kienu jagħmlu parti mid-dokumenti annessi mad-[dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet], b’mod li r-rikorrenti kollha kellhom aċċess għalihom. Il-Kummissjoni xorta waħda ppreżentathom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

163      Fit-tieni lok, AWA rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat multilaterali ta’ l-akkordju bejn il-produtturi tal-karta saħħara u pprovdiet lill-Kummissjoni b’lista ta’ laqgħat bejn kompetituri li saru bejn l-1992 u l-1998. Id-dokument Nru 7828, li huwa kkowtat minn risposta tat-30 ta’ April 1999 mibgħuta minn AWA lill-Kummissjoni, jinkludi affermazzjoni ġenerali ta’ AWA dwar l-organizzazzjoni ta’ numru ta’ laqgħat, b’mod partikolari, f’Lisbona [il-Portugall] u f’Barċellona bejn l-1992 u l-1994, li fihom hija taħseb li kienu pparteċipaw rappreżentanti […] ta’ Divipa jew [ta’ ċerti] impriżi […].

164      AWA sussegwentement ipprovdiet, fir-risposta tagħha għad-[dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet], lista ta’ laqgħat “irregolari” bejn kompetituri li dwarhom AWA ssostni li kkontribwiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tagħhom. Din il-lista tinkludi, għas-suq Spanjol biss, il-laqgħat tas-17 ta’ Frar u l-5 ta’ Marzu 1992, tat-30 ta’ Settembru 1993, tat-3 ta’ Mejju, tad-29 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Ottubru 1994. Din il-lista […] ma tindikax l-impriżi preżenti għal dawn il-laqgħat. La Divipa, […] u lanqas ebda rikorrenti oħra ma identifikat din il-lista bħala dokument inkriminanti li għalih huma ma kelhomx aċċess jew li fir-rigward tiegħu ma għamlux talbiet għal aċċess għalih.

[…]

171      In-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 […] ta’ l-aġent Spanjol ta’ Sappi Europe, minkejja li ma tikkonsistix fil-minuti tal-laqgħa, hija preċiża ħafna fir-rigward ta’ l-aġir ta’ l-impriżi msemmija, fosthom Divipa. Hemm referenza għal żieda fil-prezz ta’ 10 pesetas Spanjoli (ESP) li kien l-għan stabbilit mid-distributuri u li ma kienx ġie miksub għal kollox. L-awtur ta’ din in-nota jafferma li Divipa assolutament ma żiditx il-prezzijiet tagħha. Fil-fehma tiegħu, huwa ċar li Sappi Europe ma tistax iżżid il-prezzijiet jekk il-fornituri l-oħra ma jagħmlux l-istess. […]

[…]

192      […] [S]kond id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA imsemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq, Divipa pparteċipat fil-laqgħat li saru dwar is-suq Spanjol bejn l-1992 u l-1994 jew, għall-inqas, f’uħud minnhom. […]

[…]

194      Il-fatt, allegat minn Divipa, li, fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999, Sappi ma ssemmix li saret laqgħa li tikkonċerna s-suq Spanjol fid-19 ta’ Ottubru 1994 jista’ jiġi spjegat mill-fatt li Sappi ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, kif turi l-lista tal-parteċipanti f’din il-laqgħa magħmula minn Mougeot. Fi kwalunkwe każ, dan il-fatt ma jistax jinvalida n-numru ta’ indikazzjonijiet li jaqblu bejniethom li jikkonfermaw li din il-laqgħa saret u li Divipa kienet ipparteċipat fiha.

[…]

197      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju mix-xahar ta’ Marzu 1992, din tirriżulta l-ewwel nett mid-dikjarazzjonijiet ta’ AWA imsemmija fil-punti 163 u 192 iktar ’il fuq. Dawn huma, barra minn hekk, ikkorroborati mir-referenza ta’ Divipa fin-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 imsemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq. […]”

55      Minn qari tal-imsemmija punti tas-sentenza appellata, jidher li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza saru abbażi ta’ diversi fatti u indizji, jiġifieri b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA kif ukoll in-nota tad-9 ta’ Marzu tal-aġent ta’ Sappi, u ma jirriżultax mill-eżami tad-dokumenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet xi konstatazzjonijiet li kienu ineżatti sostanzjalment.

56      Tali ineżattezza lanqas ma tista’ tiġi ddeterminata mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli ssemmi li l-informazzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet applikati minn Divipa mogħtija fl-imsemmija laqgħa ma kinitx toriġina minn informazzjoni mogħtija minn din l-impriża, iżda mill-klijenti tagħha. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 165 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan in-nuqqas mhuwiex tali li juri li sar żball ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992.

57      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha għandha tiġi ddikjarata infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994

58      Divipa tindika li d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat biex tiġġustifika l-allegata parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 saru wara l-fatti u saru sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni ta’ impriża li hija akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur kommess minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn.

59      Il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi meta bbażat ruħha prinċipalment fuq il-ġurisprudenza tagħha biex tuża kontra Divipa l-parteċipazzjoni tagħha f’dik il-laqgħa, ħaġa li tikkostitwixxi ksur ċar tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq u żball ċar fl-evalwazzjoni tal-fatti.

60      Il-Kummissjoni twieġeb li AWA semmiet lil Divipa wkoll fost il-parteċipanti fl-akkordju fl-1994, bħala risposta għal talba għal informazzjoni. Peress li Divipa ma tikkunsidrax li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fl-evalwazzjoni ta’ din ir-risposta, il-parti tal-aggravju li tirrigwarda l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 hija irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata talli tat interpretazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot. Barra minn hekk, l-imsemmija Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni saru wara l-fatti inkwistjoni f’din il-kawża.

61      F’dan ir-rigward, lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994.

62      Fil-fatt, bħalma ġara fil-każ tal-eżami li għamlet fir-rigward tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li Divipa kienet ipparteċipat wara li għamlet xi aċċertamenti abbażi ta’ sensiela ta’ indizji.

63      Hija ħadet inkunsiderazzjoni, kif ġie indikat fil-punti 163, 164 u 192 tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, li mhumiex ikkontestati minn Divipa. Barra minn hekk, ikkonstatat dan li ġej fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata:

“165      […] [F]id-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ l-14 ta’ April 1999 […], Mougeot, li wkoll irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat multilaterali ta’ akkordju bejn produtturi ta’ karta saħħara, telenka numru ta’ laqgħat, billi tindika s-suġġett ta’ kull waħda minnhom, il-kontenut u l-persuni li pparteċipaw fihom. Fost dawn il-laqgħat, insibu, għas-suq Spanjol, dik tad-19 ta’ Ottubru 1994, li fiha kienu rrappreżentati Copigraph, […], Divipa, […], Koehler, AWA u Mougeot, skond din ta’ l-aħħar. […]

166      Ċertament, dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot saru wara l-fatti u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Iżda m’għandhomx b’daqshekk jiġu kkunsidrati bħala neqsin minn valur probatorju. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala elementi ta’ prova partikolarment affidabbli […]”

64      Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni tal-fatti kollha, evalwazzjoni li ma tistax tiġi appellata, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur probatorju tad-diversi indizji li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tistħarreġ, u ma jirriżultax li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq qari manifestament żbaljat tad-dokumenti ta’ prova.

65      It-tieni parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha għandha għalhekk tiġi ddikjarata infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju dwar is-suq Ewropew

66      Divipa ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat u skartat ċerti provi. Hija tenfasizza li hija mhix produttriċi tal-karta saħħara, li hija kienet tbigħ biss fuq is-suq nazzjonali, li hija kienet l-unika kumpannija li ma tipproduċix li ġiet akkużata bl-allegata parteċipazzjoni f’ċerti laqgħat fuq is-suq nazzjonali u li ma tappartjeni għal ebda netwerk ta’ distribuzzjoni, fi Spanja, tal-produtturi Ewropej il-kbar tal-karta saħħara. Ebda dokument ma juri li, waqt il-laqgħat li hija allegatament ħadet sehem fihom, sar riferiment għall-eżistenza ta’ pjan ta’ kollużjoni iktar wiesa’.

67      Il-Kummissjoni twieġeb fl-ewwel lok li hija kellha turi mhux li Divipa kienet taf bl-eżistenza ta’ akkordju iktar wiesa’, iżda biss li hija “jmissha kienet taf bih”. Fit-tieni lok, din il-kumpannija ma tispeċifikax f’liema punti tal-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza din tal-aħħar żnaturat il-fatti. Fit-tielet lok, il-fatt li Divipa hija preżenti biss fis-suq nazzjonali ma jeskludix li “jmissha kienet taf” li kien hemm akkordju iktar wiesa’. Fir-raba’ lok, peress li kienu jeżistu indizji li juru li l-imsemmija kumpannija setgħet tkun informata bid-dimensjoni Ewropea tal-akkordju, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tinjorhom. Fl-aħħar lok, in-nota ta’ Mougeot wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 tindika li, matul din il-laqgħa, issemmew il-“volumi AEMCP [Assoċjazzjoni tal-produtturi Ewropej tal-karta saħħara] imħabbra fir-rigward ta’ Spanja”, ħaġa li turi li l-parteċipanti fil-laqgħa kienu konxji tad-dimensjoni Ewropea tal-akkordju.

68      Hekk kif diġà ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti, lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatt, sakemm dawn il-provi ma jkunux ġew żnaturati.

69      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex teżamina t-tielet parti tal-ewwel aggravju invokat minn Divipa inkwantu hija intiża biex turi mhux li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatt, iżda biex tipprova li l-imsemmija Qorti, żbaljatament, ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti fatti sabiex tikkonkludi li din l-impriża ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju fis-suq Ewropew.

70      L-imsemmija parti għandha għalhekk tiġi respinta bħala inammissibbli.

71      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju invokat minn Divipa, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju invokat minn Divipa, dwar l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq sempliċi indizji

 L-argumenti tal-partijiet

72      Divipa tinvoka l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innonċenza. Hija tindika li ma teżisti ebda prova diretta li hija kapaċi turi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq il-livell Ewropew. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx żewġ kundizzjonijiet fundamentali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, ir-rabta kawżali bejn l-indizji u l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur mhijiex immotivata biżżejjed u, min-naħa l-oħra, meta jeżistu dubji, dawn għandhom jiġu eżaminati u jekk ma jistgħux jiġu kkjarifikati, dawn id-dubji għandhom jaħdmu favur il-persuna inkwistjoni.

73      Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li t-tieni aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha huwa manifestament inammissibbli, peress li la l-punti kkontestati tas-sentenza appellata u lanqas l-indizji, il-preżunzjonijiet jew il-fatti inkwistjoni mhuma speċifikati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Billi ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Divipa, sostnuti mill-atti ppreżentati minnha, sabiex tispjega l-portata tal-indizji li fuqhom kienet ibbażat ruħha, l-imsemmija kumpannija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verità, sabiex teżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-fatti, l-indizji u l-elementi l-oħra ppreżentati quddiemha.

75      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tagħmel tali eżami, peress li l-evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sakemm dawn ma jkunux ġew żnaturati.

76      It-tieni aggravju invokat minn Divipa insostenn tal-appell tagħha huwa għalhekk inammissibbli.

 Fuq it-tieni aggravju invokat minn Koehler, dwar it-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti ta’ Koehler

77      Koehler issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx il-provi b’mod suffiċjenti u li żnaturathom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza siltet konklużjonijiet żbaljati għal dak li jirrigwarda t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur. Koehler taqsam l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet li jinkludu diversi argumenti.

78      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-imsemmi aggravju, dwar l-allegati laqgħat tal-akkordju fil-kuntest tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Settemrbu jew Ottubru tal-1993, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet kategoriji ta’ provi, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot, ix-xhieda tal-impjegat ta’ Sappi u l-provi li jattestaw l-organizzazzjoni ta’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali ta’ dan l-akkordju.

79      Koehler tindika, l-ewwel nett, li l-ittra ta’ Mougeot tal-14 ta’ April 1999 ma fiha ebda ammissjoni dwar il-laqgħat tal-akkordju għall-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat, fil-punt 279 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ippruvat li l-akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet kienu ġew konklużi sa minn Jannar tal-1992, u għaldaqstant qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993. L-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigwardanti l-allegati akkordji fuq il-prezzijiet fil-kuntest tal-laqgħat uffiċjali tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993 huma insuffiċjenti u huma kontradittorji fil-motivazzjoni tagħhom, u b’hekk jikkostitwixxu żball ta’ liġi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma rrispettat il-preżunzjoni tal-innoċenza meta fid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ippruvat tara ammissjoni ta’ ksur għall-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Ottubru 1993.

80      Koehler issostni mbagħad li, fir-rigward tal-impjegat ta’ Sappi, ix-xhieda tiegħu ma tgħid xejn fuq il-perijodu li fih seħħew il-laqgħat tal-akkordju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tikkunsidra legalment li, bil-fatt li ma pproduċiex “indikazzjoni li turi l-kuntrarju”, dan l-impjegat ried jikkonferma impliċitament li l-ksur beda qabel ix-xahar ta’ Settembru 1993. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk żnaturat il-kontenut tax-xhieda ta’ dan l-impjegat. Dan jikser id-dritt għal smigħ xieraq, protett mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea pproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

81      Finalment, Koehler issostni li ma jistgħux jitwemmnu d-dikjarazzjonijiet ta’ xhud tal-prosekuzzjoni pentit ħlief jekk dawn ikunu kkorroborati bi provi oħra. F’din il-kawża, ma teżisti ebda prova li tikkonferma dawn id-dikjarazzjonijiet.

82      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Koehler, dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li suppost urew din il-parteċipazzjoni.

83      Fir-rigward tal-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992 dwar is-suq Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa, inkwantu l-impjegat ta’ Sappi, fin-nota tiegħu tas-17 ta’ Frar 1992, jagħmel biss riferiment għal-laqgħa tal-“partijiet interessati”, mingħajr ma jsemmi l-isem ta’ dawn il-partijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tispjegax b’mod preċiż ir-raġunijiet għalfejn Koehler tqieset li pparteċipat fl-akkordju.

84      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 dwar is-suq Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-osservazzjonijiet ta’ AWA b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kontra din l-impriża sabiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa. Dawn l-osservazzjonijiet ma ġewx ikkomunikati lil din tal-aħħar u b’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża ta’ din l-impriża.

85      Dwar il-laqgħat li nżammu matul ir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993 dwar is-suq Franċiż, ma teżisti ebda prova li wieħed mill-impjegati tagħha mar Pariġi biex jipparteċipa f’laqgħa tal-akkordju fir-rebbiegħa tas-sena 1993. L-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward tant huma vagi li ma jistgħux jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza imkien ma tikkonstata li Koehler ipparteċipat f’laqgħa li tirrigwarda s-suq Franċiż fir-rebbiegħa tas-sena 1992.

86      Fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 rigwardanti s-suq Spanjol, ma rriżultax li Koehler kienet ipparteċipat fl-istess laqgħa, u dan b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li AWA, b’mod partikolari, ma rrikonoxxietx espressament tali parteċipazzjoni.

–       Ir-risposta tal-Kummissjoni

87      Il-Kummissjoni tikkunsidra li Koehler mhijiex qed tinvoka żnaturament tal-provi, iżda qed tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, l-aggravju huwa inammissibbli.

88      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju, dwar il-laqgħat tal-akkordju fil-kuntest tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-kwistjoni jekk il-kontenut tal-ittra ta’ Mougeot huwiex ċar jew ambigwu hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni u evalwazzjoni tal-provi, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Din tal-aħħar ma affermatx li Mougeot irrikonoxxiet ksur fil-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Ottubru 1993.

89      Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma fiha ebda kontradizzjoni u mhijiex ivvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivi. Fil-punt 279 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qalitx li “ma ġiex ippruvat” li l-akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet ġew konklużi sa mix-xahar ta’ Jannar tal-1992 fil-kuntest tal-laqgħat tal-AEMCP, iżda spjegat biss li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi mhumiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiġi ddeterminat il-mument eżatt li minnu l-imsemmija laqgħat jistgħu jiġu kkunsidrati bħala laqgħat tal-akkordju. Il-punt 308 tal-istess sentenza huwa bbażat fuq diversi provi li l-maġġoranza tagħhom mhijiex ikkontestata minn Koehler u l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma indikatx liema huma l-laqgħat li servew bħala qafas għal akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet fuq il-livell Ewropew ma jrendix il-motivazzjoni tagħha insuffiċjenti. Barra minn hekk, sa fejn din l-impriża pparteċipat fil-laqgħat kollha tal-AEMCP li nżammu matul il-perijodu inkwistjoni, huwa irrilevanti fil-każ tagħha li jsir magħruf matul liema laqgħat preċiżi feġġet in-natura kollużiva tas-sistema.

90      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni kif suppost il-preżunzjoni tal-innoċenza, peress li eżaminat jekk l-aġir allegat setax jistrieħ fuq prova waħda biss jew jekk din il-prova kinitx tikkostitwixxi biss indizju li kellu jiġi kkompletat u kkonfermat minn indizji oħrajn.

91      Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet tal-impjegat ta’ Sappi, il-Kummissjoni tikkontesta li dawn ġew żnaturati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fil-punt 270 tas-sentenza appellata, li dan l-impjegat ma jagħti ebda indikazzjoni taż-żmien li għalih jirreferu d-dikjarazzjonijiet tiegħu u, jekk din il-Qorti kkonkludiet li dawn id-dikjarazzjonijiet ikopru l-perijodi li ġew qabel u wara x-xahar ta’ Ottubru tal-1993, dan kien riżultat ta’ evalwazzjoni tal-provi li taqa’ taħt il-kompetenza tagħha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi huma barra minn hekk ikkorroborati minn provi oħrajn, elenkati fil-punti 261 sa 307 tal-imsemmija sentenza.

92      Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju ta’ Koehler, dwar il-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993, il-Kummissjoni tikkunsidra qabel kollox li l-argumenti ta’ din l-impriża ma jreġġux jekk l-argumenti invokati minn din tal-aħħar fir-rigward tal-laqgħat tal-AEMCP jiġu miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward huma biżżejjed sabiex il-ksur jiġi imputat kontra l-impriżi kkonċernati għall-perijodu inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li Koehler ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat oħrajn tal-akkordju, jiġifieri dawk tal-14 ta’ Jannar 1993 dwar is-suq Britanniku u dak Irlandiż kif ukoll tat-30 ta’ Settemrbu 1993 dwar is-suq Spanjol, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża f’dan l-akkordju mix-xahar ta’ Jannar tal-1993 ġiet stabbilita. Fl-aħħar nett, l-argument ta’ Koehler huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

93      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 321 tas-sentenza appellata sabiex tinnega kwalunkwe żnaturament tal-provi u ssostni li dan il-punt jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

94      F’dak li jirrigwarda l-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li Koehler ma kkontestatx il-punt 284 tas-sentenza appellata u żżid li r-riferiment, li sar f’dan il-punt, għad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA sar biss b’mod addizzjonali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikorriet għal din ir-risposta biss fit-tieni lok. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq il-punt 323 tal-istess sentenza f’dan ir-rigward.

95      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħat li seħħew fir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li, fil-punti 285 sa 293 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet li seħħew laqgħat bejn kompetituri matul dawn il-perijodi kif ukoll l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell.

96      Għal dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, il-Kummissjoni tenfasizza li fil-punt 332 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ B. G. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA biss bħala konferma. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 333 sa 335 tal-imsemmija sentenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq il-laqgħat tal-akkordju, fil-kuntest tal-AEMCP, matul il-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Settembru jew Ottubru tal-1993

97      Fil-punti 261 sa 280 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat il-motivi invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, fosthom Koehler, dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-AEMCP qabel ix-xahar ta’ Settembru jew Ottubru tas-sena 1993.

98      Minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvalidat il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet għamlet abbażi ta’ sensiela ta’ indizji kkostitwiti minn diversi xhieda u dikjarazzjonijiet, fosthom in-nota tal-impjegat ta’ Sappi tad-9 ta’ Marzu 1992 kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA u ta’ Mougeot li jinsabu fil-proċess.

99      Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet evalwazzjoni li ma tistax tiġi appellata ta’ dawn l-indizji u siltet xi konklużjonijiet minnhom li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti tistħarriġhom.

100    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju invokat minn Koehler għandha tiġi ddikjarata bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

–       Fuq il-laqgħat nazzjonali jew reġjonali tal-akkordju qabel ix-xahar ta’ Ottubru tal-1993

101    Fir-rigward tal-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, minn naħa, ma jirriżultax mill-punt 321 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 36 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665), punt 42). Fil-fatt, l-imsemmija Qorti tirrileva f’dak il-punt li, sabiex tikkonstata li Koehler kienet ipparteċipat f’din il-laqgħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq in-nota interna ta’ Sappi tal-istess data, li ssemmi laqgħa tal-“partijiet interessati” u li din l-indikazzjoni, ikkunsidrata flimkien ma’ dawk, li jinsabu f’din l-istess nota, rigward l-inċertezzi mnissla mill-aġir ta’ Koehler b’mod partikolari fuq is-suq Spanjol, tawtorizza lill-Kummissjoni tikkonstata li din l-impriża kienet fost il-“partijiet interessati” li ħadu sehem f’din il-laqgħa, intiża sabiex teżamina l-problemi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza minnha, kif ukoll minn impriża oħra, tal-akkordju li kienet parti fih, kif jirriżulta min-nota ta’ Sappi tad-9 ta’ Marzu 1992. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk tispjega b’mod ċar biżżejjed ir-raġunament li l-Kummisjoni segwiet sabiex tiddeduċi mill-indizji differenti li hija kellha li Koehler ipparteċipat fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992.

102    Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta mill-istess punt 321 li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat bi kwalunkwe mod il-fatti. Tali żnaturament ma jirriżultax b’mod manifest u l-evalwazzjoni tal-fatti kif ukoll tal-indizji differenti li kellha quddiemha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li Koehler kienet ipparteċipat fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992 taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex teżamina tali evalwazzjoni.

103    Għaldaqstant, l-argument invokat f’dan ir-rigward minn Koehler għandu jiġi respint bħala parzjlament infondat u parzjalment inammissibbli.

104    Fir-rigward tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-argument ta’ Koehler ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa fondat, għar-raġuni li, sabiex tikkonkludi li din l-impriża pparteċipat f’din il-laqgħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 324 tas-sentenza appellata bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet ta’ AWA bħala risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li Koehler ma kinitx taf b’dawn l-osservazzjonijiet, dan l-argument waħdu ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni ta’ Koehler fil-ksur matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar tal-1992 u dak ta’ Settembru tal-1995, hekk kif jippreċiża t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Koehler ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, kif jirriżulta mill-punti 101 u 102 ta’ din is-sentenza.

105    Għaldaqstant, l-argument invokat minn Koehler għandu jiġi respint bħala irrilevanti.

106    Fir-rigward tal-laqgħat li nżammu fir-rebbiegħa tas-snin 1992 u 1993 dwar is-suq Franċiż kif ukoll tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 285 sa 293 u 332 sa 334 rispettivament tas-sentenza appellata, tfakkar id-diversi fatti u indizji li l-Kummissjoni użat sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħat tal-impriżi kkonċernati, fosthom Koehler. Ma jirriżultax minn dan li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’xi mod żnaturat il-fatti.

107    L-argument invokat minn Koehler f’dan ir-rigward b’hekk għandu jiġi respint bħala infondat u, konsegwentement, it-tieni aggravju tal-appell ta’ din tal-aħħar ma jistax jintlaqa’.

 Fuq l-ewwel aggravju invokat minn Koehler u t-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi

108    Koehler u Divipa jaqsmu l-aggravji tagħhom dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi f’diversi partijiet li għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra.

 Fuq il-parti tal-ewwel aggravju invokat minn Koehler, dwar il-prinċipju ta’ trattament ugwali

109    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 473 sa 478 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ ta’ Koehler meta jitqies dak li hija għamlet fir-rigward ta’ impriżi oħra kkonċernati u, fil-punti 505 sa 522 tal-istess sentenza, jekk il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Koehler u tal-impriżi l-oħra kkonċernati f’kategoriji, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multi, tirrispettax il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

110    Fl-appell tagħha, Koehler tikkritika l-punti 477, 478 u 496 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li t-trattament li hija subiet huwa differenti minn dak li ngħata lil impriżi ikbar u li jappartjenu għal grupp. Hija tenfasizza b’mod partikolari l-fatt li hija impriża familjari ta’ daqs medju u li huma l-proprjetarji tagħha li jmexxuha. Hija tindika li l-kapital azzjonarju tagħha huwa ta’ EUR 43.2 miljun u d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ madwar EUR 447 000 għas-sena 2000. Hija ssemmi l-każijiet ta’ AWA, ta’ M-real Zanders GmbH u ta’ Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld GmbH sabiex tipprova turi d-differenza fit-trattament li hija subiet għal dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

111    Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ma rrilevat ebda żball ta’ liġi fil-metodu applikat fil-klassifikazzjoni tal-impriżi f’ħames kategoriji abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

112    F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punti 46 u 47, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 133).

113    F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwatx korrettament l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ din id-diskrezzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 48, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 134).

114    Għandu jingħad ukoll li huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, liema dħul jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Jirriżulta minn dan li la lil waħda u lanqas lill-oħra minn dawn il-figuri ma għandu jiġi attribwit importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’mod li l-iffissar tal-ammont xieraq ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ dan id-dħul (ara sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121; tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243).

115    F’dan il-każ, ma jidhirx li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta rrespinġiet l-argument invokat minn Koehler li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha.

116    Fil-fatt, hekk kif ġustament ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 476 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, għamlet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, billi ħadet bħala l-bażi ta’ din id-distinzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-prodott fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Tali metodu huwa intiż biex jevita li l-multi jiġu ffissati abbażi ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża u b’hekk li jkun hemm differenzi fit-trattament.

117    Il-Kummissjoni b’hekk ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali tagħha u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

118    Fir-rigward tal-argumenti invokati minn Koehler kontra l-punti 477 u 478 tas-sentenza appellata, biżżejjed jingħad li dawn huma lmenti kontra motivi li saru għall-finijiet ta’ kompletezza u għalhekk għandhom jiġu respinti.

119    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad tali lmenti a priori, peress li l-ikkontestar ta’ motivi magħmulin għall-finijiet ta’ kompletezza biss ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il‑Kummissjoni, C‑137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 47; sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, Ġabra p. I‑4775, punt 23, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 106).

120    L-imsemmija parti tal-ewwel aggravju invokat minn Koehler għandha b’hekk tiġi ddikjarata infondata.

 Fuq il-parti tal-aggravji invokati minn Koehler u Divipa dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità

121    Koehler issostni essenzjlament li, fid-dawl tal-istruttura tagħha bħala impriża familjari mhux ikkwotata fil-Borża, il-kalkolu mill-Kummissjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

122    Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li hija, b’mod konformi mal-prassi stabbilita tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva ta’ kull waħda mill-impriżi fis-suq ikkonċernat mill-ksur, imbagħad għolliet l-ammont inizjali tal-multa ffisat b’dan il-mod billi qieset id-daqs kif ukoll ir-riżorsi globali tal-impriżi differenti, u li b’hekk hija eżaminat il-kwistjoni jekk l-ammont tal-multa stabbilit inizjlament kellux jiġi korrett minħabba l-effett dissważiv neċessarju tal-multa.

123    Divipa ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha u lanqas il-fatt li hija ma timmanifatturax il-karta saħħara, bid-differenza tal-impriżi kkonċernati l-oħra. Id-dħul mill-bejgħ reali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multi huwa ammont ugwali għad-differenza bejn il-bejgħ tal-karta saħħara mmanifatturata lil klijenti finali u x-xiri tagħha mingħand min jimmanifatturaha.

124    Il-Kummissjoni twieġeb li l-argument li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa inammissibbli, għar-raġuni li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ Divipa kif ukoll dak li jmissu ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multi qatt ma ġew invokati minn din l-impriża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-argument marbut mal-kwalità tal-impriża lanqas mhuwa ammissibbli, peress li Divipa ma tikkontestax il-punti rilevanti tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 81 KE kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tatx risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellant intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 128; tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il‑Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 47, kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 244).

126    Jidher li, fil-kawżi li kienet adita bihom, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet sewwa sew inkunsiderazzjoni l-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità tal-aġir ta’ Koehler kif ukoll ta’ Divipa u li tat risposta suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha ta’ dawn l-impriżi.

127    Fir-rigward ta’ Koehler, peress li l-iffissar ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali, kif ġie mfakkar fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkonstata, fil-punt 494 tas-sentenza appellata, li tqabbil tal-perċentwali li jirrappreżentaw il-multi imposti mill-Kummissjoni b’relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati ma kienx biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata tal-multa imposta fuq l-imsemmija impriża. Lanqas ma jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi strutturali u finanzjarji li jeżistu bejn Koehler u l-impriżi l-oħra ssanzjonati, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 277 tal-konklużjonijiet tiegħu.

128    Fir-rigward ta’ Divipa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordji differenti u ma jista’ jintwera ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan ir-rigward. Għandu jingħad ukoll li l-argument ta’ din l-impriża bbażat fuq l-allegazzjoni li ma tteħdux inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet finanzjarji tagħha mhuwiex ammissibbli, inkwantu tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Il-partijiet tal-aggravji invokati minn Koehler u Divipa dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità b’hekk għandhom jiġu ddikjarati infondati kif ukoll, għal dak li jirrigwarda lil Divipa, parzjalment inammissibbli.

130    Barra minn hekk, Divipa ssostni li fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, minn naħa, din l-impriża ma pparteċipatx f’akkordju Ewropew, ħaġa li timplika li l-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna, u li, min-naħa l-oħra, hija ma pparteċipatx fil-laqgħat kollha dwar is-suq Spanjol, peress li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju damet inqas minn sena.

131    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni twieġeb li l-imsemmi argument mhuwiex fondat, inkwantu akkordju, inkluż meta jkun ta’ dimensjoni nazzjonali biss, ġeneralment jitqies bħala serju ħafna u anki jekk l-ammont inizjali tal-multa jkun pjuttost moderat għal dan it-tip ta’ ksur. Barra minn hekk, it-tul tal-ksur ma għandux x’jaqsam mas-serjetà tiegħu.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-kriterji adottati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi u ma jidhirx li kkommettiet xi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, billi l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-linji gwida msemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza u kif iddefinita fl-istess punt 112.

133    Il-parti tat-tielet aggravju mqajjem minn Divipa, dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur, b’hekk għandha tiġi ddikjarata infondata.

 Fuq il-parti tat-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni

134    Divipa ssostni li, fil-punt 629 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ddikjarat is-segwenti:

“[…] [I]s-sempliċi fatt li [Divipa] setgħet ma aġixxietx b’mod li kien pjenament konformi ma’ l-akkordji miftiehma, li kieku dan kellu jiġi stabbilit, mhuwiex biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun obbligata takkordalha ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, [Divipa] tista’, permezz tal-politika tagħha ftit jew wisq indipendenti fis-suq, sempliċement tipprova tuża l-akkordju favuriha […]”

135    Skont Divipa, dawn iż-żewġ sentenzi tal-punt 629 ma jikkostitwixxux motivazzjoni suffiċjenti. Filwaqt li hija ppreżentat provi insostenn tat-talba tagħha sabiex jiġu applikati ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ miksub minnha li tippermettilha tiċħad tali talba.

136    Il-Kummissjoni twieġeb b’mod partikolari li l-argument huwa irrilevanti, peress li s-sentenzi kkritikati tal-punt 629 tas-sentenza appellata sempliċement jirrepetu fatturi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li Divipa, eventwalment, aġixxiet b’mod li mhuwiex kompletament konformi mal-ftehim konklużi fil-kuntest tal-akkordju mhuwiex biżżejjed sabiex jobbliga lill-Kummissjoni takkordalha ċirkustanzi attenwanti. Kulma għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt ikkontestat huwa li rriproduċiet motivazzjoni użata diversi drabi mill-qrati Komunitarji.

137    F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 287 u 288 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenzi tal-punt 629 tas-sentenza appellata li qed jiġu kkritikati minn Divipa jikkostitwixxu sempliċement motiv mogħti għall-finijiet ta’ kompletezza u din tal-aħħar ma tikkontestax il-motivi l-oħra li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti favur din l-impriża.

138    Il-parti tat-tielet aggravju invokat minn Divipa, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha għalhekk tiġi ddikjarata infondata.

139    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-aggravji ta’ Koehler u ta’ Divipa dwar l-iffissar u l-ammont tal-multi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ aggravju invokat minn Divipa, dwar ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, fid-dawl tat-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

 L-argumenti tal-partijiet

140    Divipa ssostni li d-dritt għal proċeduri dwar ksur fi żmien raġonevoli japplika fil-qasam tal-kompetizzjoni kemm għall-proċeduri amministrattivi kif ukoll għal dawk ġudizzjarji. Dan id-dritt inkiser peress li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien ta’ ħames snin bejn il-preżentata tar-rikors, fit-18 ta’ April 2002, u l-għoti tas-sentenza appellata, fis-26 ta’ April 2007.

141    Il-Kummissjoni twieġeb li n-natura raġonevoli tat-tul għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tal-kawża, il-kumplessità tagħha kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti.

142    Fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija tenfasizza li għaxar impriżi kkontestaw id-deċiżjoni kkontestata, f’erba’ lingwi, li diversi fatti ġew innegati u li kellu jiġi evalwat il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti dwar ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex tiġi stabbilità r-realtà tagħhom, li l-motivi invokati minn dawn tal-aħħar kienu simili, iżda kellhom ukoll differenzi, li kienu jirrigwardaw kwistjonijiet sostantivi u proċedurali kif ukoll l-ammont tal-multa. B’hekk it-tul tal-proċeduri ma kienx eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li irregolarità proċedurali bħal dik li qed isir ilment dwarha, anki jekk tiġi ppruvata, ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata fl-intier tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ fi żmien raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenzi Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 179; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 154, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115).

144    In-natura raġonevoli tat-tul hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, punt 29; Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 155, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 116).

145    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-lista ta’ dawn il-kriterji mhijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta’ kull wieħed minnhom meta t-tul tal-proċedura jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ wieħed biss. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża tista’ tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika tul prima facie twil wisq (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 188; Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 156, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, punt 117).

146    F’dan il-każ, il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza damu ħames snin, mill-preżentata, bejn il-11 u t-18 ta’ April 2002, tar-rikorsi ta’ disa’ impriżi sas-26 ta’ April 2007, id-data meta ngħatat is-sentenza appellata.

147    Tali tul tal-proċeduri għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 145 sa 148 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-tul jista’ jiġi ġġustifikat meta titqies il-kumplessità tal-kawża u l-fatt li, b’mod partikolari, il-fatti kważi kollha li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata ġew ikkontestati fl-ewwel istanza u kellhom jiġu vverifikati. Barra minn hekk, disa’ impriżi ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, f’erba’ lingwi differenti, u Stat Membru, ir-Renju tal-Belġju, talab li jintervjeni. Wara li dawn ir-rikorsi ngħaqdu, is-sentenza appellata ngħatat fir-rigward tad-disa’ kawżi.

148    Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi differenti, kien meħtieġ li jsir eżami parallel tad-disa’ rikorsi u t-tul tal-proċeduri jista’ jiġi spjegat faċilment mill-investigazzjoni approfondita tal-proċess li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza u mil-limitazzjonijeit lingwistiċi imposti mir-Regoli tal-Proċeudra applikabbli quddiemha.

149    Fid-dawl tal-fatturi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qabżux ir-rekwiżiti marbutin mal-osservanza ta’ tul raġonevoli.

150    Mill-punti [49] sa [149] ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Koehler u Divipa insostenn tal-appelli tagħhom ma jista’ jintlaqa’ u li, għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

152    Il-Kummissjoni tilfet għal dak li jirrigwarda l-appell ippreżentat minn Bolloré, li talbet li din l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstnat, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell għal dak li jirrigwarda lil din l-impriża.

153    Peress li Koehler u Divipa tilfu u l-Kummissjoni talbet li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ din l-istanza għal dak li jirrigwarda r-rikorsi rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02), hija annullata inkwantu tikkonċerna lil Bolloré SA.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E 1/36.212 – Karta saħħara), hija annullata inkwantu tirrigwarda lil Bolloré SA.

3)      L-appelli ppreżentati minn Papierfabrik August Koehler AG u Distribuidora Vizcaína de Papeles SL huma miċħuda.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell fil-Kawża C‑327/07 P.

5)      Papierfabrik August Koehler AG u Distribuidora Vizcaína de Papeles SL huma kkundannati għall-ispejjeż tal-Kawżi C‑322/07 P u C‑338/07 P rispettivament.

Firem


* Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ispanjol.