Language of document : ECLI:EU:C:2009:215

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

2 ta’ April 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 81 KE – Kuntratt ta’ provvista esklużiva ta’ karburanti u ta’ kombustibbli – Eżenzjoni – Regolament (KEE) Nru 1984/83 – Artikolu 12(2) – Regolament (KEE) Nru 2790/1999 – Artikoli 4(a) u 5(a) – Tul tal‑esklużività – Iffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku”

Fil‑Kawża C‑260/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2007, fil‑proċedura

Pedro IV Servicios SL

vs

Total España SA,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal‑Awla, J. Klučka, U. Lõhmus (Relatur), P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pedro IV Servicios SL, minn A. Hernández Pardo, M. Gaitán Luján u I. Sobrepera Millet, abogados,

–        għal Total España SA, minn J. A. de Velasco Esteban, C. Fernández Vicién u I. Moreno‑Tapia Rivas, abogados,

–        għall‑Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u E. Gippini Fournier, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 81 KE, tal‑Artikoli 11 u 12 tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat‑22 ta’ Ġunju 1983, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu [81](3) tat‑Trattat għal kategoriji ta’ xiri esklużiv (ĠU L 173, p. 5, u rettifika ĠU 1984, L 79, p. 38), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1582/97, tat‑30 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 214, p. 27, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1984/83”), kif ukoll l‑Artikoli 4(a) u 5(a) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat‑22 ta’ Diċembru 1999, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 81(3) tat‑Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364).

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Pedro IV Servicios SL (iktar ’il quddiem “Pedro IV”) kontra Total España SA (iktar ’il quddiem “Total”) dwar talba għall‑annullament, imressqa minn Pedro IV, tar‑relazzjoni kuntrattwali kumplessa bejn dawn iż‑żewġ kumpanniji minħabba li din ir‑relazzjoni kienet tinkludi klawżoli li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni.

 Il‑kuntest ġuridiku Komunitarju

 Ir‑Regolament Nru 1984/83

3        Ir‑Regolament Nru 1984/83 eskluda mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) KE ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv u ta’ prattiċi miftiehma li normalment kienu jissodisfaw il‑kundizzjonijiet previsti fil‑paragrafu 3 ta’ dan l‑artikolu, għar‑raġuni li, inġenerali, dawn il‑ftehim jew prattiki kienu jwasslu għal titjib tad‑distribuzzjoni tal‑prodotti.

4        Skont il‑premessi 8 u 13 tar‑Regolament Nru 1984/83:

“(8) peress illi dan ir‑Regolament għandu jiddetermina r‑restrizzjonijiet fuq il‑kompetizzjoni li jistgħu jinsabu fi ftehim ta’ xiri esklużi; li r‑restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni li, minbarra l‑impenn ta’ ftehim esklużiv, huma għalhekk aċċetttati li jwasslu għal tqassim ċar ta’ ħidmiet bejn il‑partijiet u jobbligaw lill‑bejjiegħ mill‑ġdid li jikkonċentra l‑ħidmiet ta’ bejgħ tiegħu fuq il‑prodotti msemmija fil‑kuntratt; li, sa fejn huma jiftehmu unikament għat‑tul tal‑ftehim, dawn ir‑restrizzjonijiet huma bħala regola ġenerali neċessarji sabiex jinkisbu t‑titjib tad‑distribuzzjoni mixtieqa permezz tal‑esklużività ta’ xiri; li dispożizzjonijiet restrittivi oħra tal‑kompetizzjoni, u b’mod partikolari dawk li jillimitaw il‑libertà tal‑bejjiegħ mill‑ġdid milli jiddetermina l‑prezzijiet tiegħu jew il‑kundizzjonijiet ta’ bejgħ mill‑ġdid tiegħu jew li jagħżel il‑klijiienti tagħhom, ma jistgħux jiġu eżentati skont dan ir‑regolament;

[…]

(13)       billi [il‑ftehim tal‑pompi tal‑petrol] huma ġeneralment ikkaratterizzati mill‑fatt li, minn naħa, il‑fornitur jagħti lill‑bejjiegħ mill‑ġdid vantaġġi ekonomiċi u finanzjarji partikolarment importanti, billi jħallsu somom ta’ flus mhux rimborsabbli, billi jagħtih jew jiksiblu l‑għoti ta’ self b’kundizzjonijiet vantaġġużi, billi jagħtih art jew bini għall‑operat […] ta’ pompa tal‑petrol, billi jipprovdilu installazzjonijiet tekniċi jew tagħmir ieħor jew billi jagħmel investimenti oħra favur il‑bejjiegħ mill‑ġdid u, min‑naħa l‑oħra, li l‑bejjiegħ mill‑ġdid jintrabat kuntrattwalment mal‑fornitur b’obbligu ta’ xiri esklużiv għal żmien twil, ġeneralment bi projbizzjoni ta’ kompetizzjoni.”

5        Id‑dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall‑ftehim tal‑pompi tal‑petrol kienu previsti fl‑Artikoli 10 sa 13 tar‑Regolament Nru 1984/83.

6        Skont l‑Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament:

“Skont l‑Artikolu [81](3) tat‑Trattat u skont il‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikoli 11 u 13 ta’ dan ir‑Regolament, l‑Artikolu 85(1) tal‑imsemmi Trattat huwa inapplikabbli għall‑ftehim li fihom jipparteċipaw żewġ impriżi biss u li fihom parti, il‑bejjiegħ mill‑ġdid, jintrabat mal‑ieħor, il‑fornitur, bħala korrispettiv għall‑għoti ta’ vantaġġi ekonomiċi jew finanzjarji, li jixtri mingħandu biss, ma’ impriża assoċjata miegħu jew ma’ terza impriża li huwa inkariga mid‑distribuzzjoni tal‑prodotti tiegħu, bil‑għan li jsir bejgħ mill‑ġdid f’pompa tal‑petrol stabbilita fil‑ftehim, ta’ ċerti karburanti għal vetturi bil‑mutur li jaħdmu bi prodotti taż‑żejt jew ċerti karburanti għal vetturi bil‑mutur u kombustibbli bbażati fuq prodotti taż‑żejt speċifikati fil‑ftehim.”

7        L‑Artikolu 11 tal‑imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Minbarra l‑obbligu msemmi fl‑Artikolu 10, l‑ebda restrizzjoni oħra fuq il‑kompetizzjoni ma għandha tiġi imposta fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid ħlief:

a)      l‑obbligu li ma jbiegħx mill‑ġdid fil‑pompa tal‑petrol indikata fil‑ftehim karburanti għal vetturi bil‑mutur jew kombustibbli pprovduti minn terzi impriżi;

b)      l‑obbligu li fil‑pompa tal‑petrol indikata fil‑ftehim, ma jintużawx lubrifikanti jew prodotti taż‑żejt konnessi offerti minn terzi impriżi, meta l‑fornitur jew impriża assoċjata miegħu jkunu qiegħdu għad‑dispożizzjoni tal‑bejjiegħ mill‑ġdid, jew ikunu ffinanzjaw, tagħmir ta’ bdil ta’ żjut jew installazzjonijiet oħra ta’ lubrifikazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bil‑mutur;

c)      l‑obbligu li jsir biss reklamar għall‑prodotti kkunsinnati minn terzi impriżi, ġewwa jew barra mill‑pompa tal‑petrol, fi proporzjon tal‑parti li dawn il‑prodotti jirrapreżentaw mid‑dħul mill‑bejgħ totali tal‑pompa tal‑petrol;

d)      l‑obbligu li s‑sorveljanza tiġi fdata biss lill‑fornitur, jew lil impriża magħżula minnu, tal‑installazzjonijiet ta’ depożitu jew ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti taż‑żejt li huma prorjetà tiegħu, jew li ġew iffinanzjati mill‑fornitur jew minn impriża assoċjata miegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L‑Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 1984/83 kien jipprovdi:

“1.      L‑Artikolu 10 mhuwiex applikabbli meta

[...]

c)      il‑ftehim huwa konkluż għal terminu intedeterminat jew għal aktar minn għaxar snin;

[…]

2.      B’deroga mill‑paragrafu 1(c), meta l‑ftehim jikkonċerna pompa tal‑petrol li l‑fornitur ikun ta b’kuntratt ta’ kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, jew meta jkun tah l‑użu fid‑dritt u fil‑fatt, l‑obbligi ta’ xiri esklużiv u l‑projbizzjonijiet ta’ kompetizzjoni msemmija minn dan it‑titolu jistgħu jiġu imposti fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid matul il‑perijodu kollu li matulu huwa effettivament ikun qed jopera l‑pompa tal‑petrol.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Ir‑Regolament Nru 1984/83 skada fil‑31 ta’ Diċembru 1999. Fl‑1 ta’ Jannar 2000, daħal fis‑seħħ ir‑Regolament Nru 2790/1999, li pproroga sal‑31 ta’ Mejju 2000 l‑applikazzjoni tal‑eżenzjonijiet previsti, fost l‑oħrajn, mir‑Regolament Nru 1984/83.

 Ir‑Regolament Nru 2790/1999

10      Skont l‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 2790/1999:

“Skond l‑Artikolu 81(3) tat‑Trattat u suġġett għad‑disposizzjonijiet ta’ dan ir‑Regolament, huwa dikjarat li l‑Artikolu 81(1) m’għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall‑għanijiet tal‑ftehim, f’livell differenti tal‑katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal‑kundizzjonijiet li fihom il‑partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill‑ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (‘ftehim vertikali’).

Din l‑eżenzjoni għandha tapplika sal‑punt li dawn il‑ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l‑iskop ta’ l‑Artikolu 81(1) (‘restrizzjonijiet vertikali’).”

11      L‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi:

“Bla ħsara għal paragrafu 2 ta’ dan l‑Artikolu, l‑eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl‑Artkolu 2 għandha tapplika fuq il‑kundizzjoni li s‑sehem tas‑suq miżmum mill‑fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas‑suq relevanti li fih ibiegħ l‑oġġetti jew servizzi tal‑kuntratt.”

12      L‑Artikolu 4(a) tar‑Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi li l‑eżenzjoni tal‑projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 8(1) tat‑Trattat ma għandhiex tapplika għall‑ftehim vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il‑kontroll tal‑partijiet, għandhom bħala oġġett:

“ir‑restrizzjoni tal‑kapaċità tax‑xerrej li jiddetermina l‑prezz tal‑bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall‑possibbiltà li l‑fornitur jimponi prezz massimu tal‑bejgħ jew jirrakomanda prezz tal‑bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz fiss jew minimu bħala riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, kull parti”.

13      L‑Artikolu 5 tal‑istess regolament jipprovdi:

“L‑eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl‑Artikolu 2 m’għandhiex tapplika għall‑ebda wieħed mill‑obbligi li ġejjin li jinsabu fi ftehim vertikali:

a)       kull obbligu dirett jew indirett li wieħed ma jikkompetix, li d‑dewmien [tul] tiegħu huwa indefinit jew huwa ta’ aktar minn ħames snin. Obbligu li wieħed ma jikkompetix li jista’ jiġġedded taċitament għal perijodu ta’ aktar minn ħames snin għandu jinftiehem li kien konkluż għal dewmien indefinit. Madankollu, il‑limitu ta’ żmien ta’ ħames snin m’għandux japplika fejn l‑oġġetti jew is‑servizzi tal‑kuntratt jinbiegħu mill‑bejjiegħ minn bini u art li hija l‑proprjetà tal‑fornitur jew imwellija lill‑fornitur minn partijiet terzi li m’huwiex konnessi max‑xerrej, sakemm id‑dewmien ta’ l‑obbligu li ma’ jikkompetix ma jaqbiżx il‑perijodu ta’ okkupanza [okkupazzjoni] tal‑bini u art mix‑xerrej;

[...]”

14      Skont l‑Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 2790/1999, kif ukoll dak li diġà ġie ppreċiżat fil‑punt 9 ta’ din is‑sentenza, l‑eżenzjoni prevista b’mod partikolari mir‑Regolament Nru 1984/83 tibqa’ tapplika sal‑31 ta’ Mejju 2000. Il‑projbizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 81(1) KE ma għandhiex tapplika fil‑perijodu mill‑1 ta’ Ġunju 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2001 f’dawk li huma ftehim diġà fis‑seħħ fil‑31 ta’ Mejju 2000 li ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet għall‑eżenzjoni li hemm provdut għalihom fir‑Regolament Nru 2790/1999 iżda li min‑naħa l‑oħra jissodisfaw il‑kundizzjonijiet għall‑eżenzjoni li hemm provdut għalihom fir‑Regolament Nru 1984/83.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15      Pedro IV topera pompa tal‑petrol fi Spanja. Jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju li hija kkonkludiet, fis‑26 ta’ Ottubru 1989, erba’ kuntratti ma’ Total, fornitur ta’ prodotti taż‑żejt.

16      L‑ewwel minn dawn il‑kuntratti kien jipprovdi li jiġi stabbilit, favur Total, dritt in rem, imsejjaħ “dritt fuq l‑art”, għal 20 sena fuq art li kienet il‑proprjetà ta’ Pedro IV. Dan il‑kuntratt jawtorizza lil Total tibni fuq din l‑art, fi żmien sentejn u nofs, pompa tal‑petrol li ssir il‑proprjetà tagħha bil‑kundizzjoni ta’ ħlas lil Pedro IV. L‑ammont ta’ dan il‑ħlas ġie stabbilit bi ħlas kull xahar ta’ ESP 250 000 (madwar EUR 1 500), li jitħallas matul 20 sena. Fi tmiem dan il‑perijodu ta’ 20 sena, il‑pompa tal‑petrol mibnija minn Total issir il‑proprjetà ta’ Pedro IV. It‑terminu msemmi iktar ’il fuq ta’ 20 sena jibda jiddekorri minn meta tibda topera l‑pompa tal‑petrol. Skont dan il‑kuntratt, id‑dritt fuq l‑art ma jistax jiġi ttrasferit mingħajr il‑kunsens tal‑proprjetarju tal‑art.

17      It‑tieni fost dawn il‑ftehim huwa kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda l‑pompa tal‑petrol li għandha tinbena. Skont dan il‑kuntratt, Total jagħti lil Pedro IV l‑użu u l‑operat tal‑pompa tal‑petrol għal sena. Dan it‑terminu madankollu jiġġedded, permezz ta’ proproga infurzata fuq min jagħti l‑kiri, għal kull xahar matul it‑tul tal‑kuntratt ta’ provvista esklużiva li Total timpenja ruħha wkoll li tikkonkludi ma’ Pedro IV. F’kull każ, il‑kuntratt ta’ kiri jispiċċa fl‑istess ħin tad‑dritt tal‑art mogħti lil Total. Il‑kera li għandha titħallas kull xahar minn Pedro IV hija ta’ ESP 600 000 (madwar EUR 3 600).

18      It‑tielet fost dawn il‑kuntratti, konkluż ukoll għal 20 sena, huwa obbligu ta’ provvista esklużiva ta’ karburanti li bih Pedro IV tidħol fi ftehim, mill‑mument li l‑pompa tal‑petrol tingħata lilha, li toperaha billi tieħu provvisti esklużivament minn Total u billi tuża’ x‑xbieha tagħha, il‑kuluri tagħha, it‑trade mark tagħha kif ukoll is‑sinjal tagħha. Skont dan il‑kuntratt, il‑provvista ssir taħt il‑forma tal‑bejgħ magħluq, b’mod li d‑distributur jakkwista l‑kombustibbli mill‑mument meta l‑fornitur jagħtih dan il‑kombustibbli fil‑pompa tal‑petrol, kif ukoll jidħol fi ftheim li jbiegħu f’ismu stess u b’riskju tiegħu. Bħala korrispettiv tal‑esklużività, Total għandha tħallas lil Pedro IV somma kull xhar ta’ ESP 350 000 (madwar EUR 2 100).

19      Minbarra dan, skont dan l‑istess kuntratt, Total tidħol f’impenn li tikkomunika lil Pedro IV l‑prezzijiet ta’ bejgħ lill‑pubbliku rakkomandati u li tiggarantixxi l‑kompetittività tagħhom skont prezzijiet offerti in bona fide minn kompetituri oħra tar‑reġjun. Total timpenja ruħha totalment li tistabbilixxi l‑prezz tal‑karburant li hija tipprovdi lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, filwaqt li tħallih jibbenefika mill‑kundizzjonijiet l‑iktar vantaġġużi li hija tinnegozja ma’ pompi tal‑petrol oħra li jistgħu jistabbilixxu ruħhom f’Barcelona, u dan mingħajr ma dan il‑prezz ikun jista’, fi kwalunkwe każ, ikun ogħla mill‑medja tal‑prezz stabbilita minn fornituri sinjifikattivi tas‑suq oħra li joperaw f’Barcelona.

20      Il‑partijiet fil‑kawża prinċipali ftehmu wkoll li jikkumpensaw is‑somom li huma għandhom iħallsu reċiprokament skont it‑tlett kuntratti msemmija iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li, is‑somom li ż‑żewġ partijiet huma kuntrattwalment marbuta li jħallsu jikkumpensaw irwieħhom għal kollox, fejn ebda waħda minn dawn il‑partijiet ma għandha obbligu li tħallas skont ma jkun il‑każ lill‑oħra.

21      Fl‑aħħar nett, permezz tar‑raba’ kuntratt, Total tagħti self ipotekarju ta’ ammont ta’ ESP 30 000 000 (madwar EUR 180 300) lil Pedro IV li, bħala garanzija, tagħmel ipoteka fuq l‑art tagħha għal 20 sena bil‑kundizzjoni li din il‑pompa tal‑petrol tinbena.

22      Jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju li, ladarba dawn l‑erba’ kuntratti ġew konklużi, il‑pompa tal‑petrol inbniet effettivament fuq l‑art li tappartjeni lil Pedro IV u saret provvista esklużiva minn Total matul it‑tnax‑il sena segwenti.

23      Fis‑6 ta’ Diċembru 2004, Pedro IV ressqet, quddiem il‑Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Barcelona, rikors għal annullament tar‑relazzjoni legali kkostitwita mill‑erba’ kuntratti deskritti iktar ’il fuq minħabba r‑raġunijiet li, minn naħa, dawn jinkludu klawżoli serjament restrittivi tal‑kompetizzjoni, jiġifieri żmien li huwa akbar miż‑żmien massimu awtorizzat mid‑dritt Komunitarju, għall‑ftehim ta’ provvista esklużiva. Min‑naħa l‑oħra, it‑tielet kuntratt kien jipprovdi li jiġi stabbilit b’mod indirett il‑prezz tal‑bejgħ mill‑ġdid, filwaqt li tali prattika hija pprojbita mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 81 KE. Pedro IV talbet, minbarra dan, ir‑rimbors tal‑prestazzjonijiet reċiproċi tal‑partijiet, wara tnaqqis tas‑somom diġà mħallsa.

24      Peress li dan ir‑rikors ġie miċħud fl‑intier tiegħu b’deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2005, Pedro IV ippreżentat appell quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

25      Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l‑Audiencia Provincial de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Meta l‑Artikolu 12(2) tar‑[Regolament Nru 1984/83] jipprovdi li, “b’deroga mill‑paragrafu 1(ċ), meta l‑ftehim jikkonċerna pompa tal‑petrol li l‑fornitur kien kera jew tal‑użu fid‑dritt jew fil‑fatt lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, l‑obbligi ta’ xiri esklużiv u l‑projbizzjoni ta’ kompetizzjoni previsti minn dan it‑titolu jistgħu jiġu imposti fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid għall‑perijodu kollu li fih huwa effettivament jopera l‑pompa tal‑petrol”, din id‑dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis‑sens li tirreferi għal każ li fih il‑fornitur huwa inizjalment il‑proprjetarju tal‑art u tal‑installazzjonijiet, jew, bil‑kontra, fis‑sens li r‑referenza għall‑kiri tal‑pompa tal‑petrol tirreferi għas‑sitwazzjoni li fiha d‑dritt ta’ proprjetà tal‑fornitur tirrigwarda biss il‑pompa tal‑petrol, b’mod li huwa jista’ jagħtiha b’kiri lill‑proprjetarju tal‑art mingħajr ma jkun suġġett għal limiti ta’ żmien li għalihom ir‑regolament jissuġġetta l‑ftehim ta’ esklużività?

2)      Fil‑każ fejn ir‑[Regolament Nru 2790/1999] huwa applikabbli f’dan il‑każ, l‑Artikolu 5 tiegħu, li skont din l‑eżenzjoni ma japplikax jekk il‑ftehim ta’ xiri esklużiv ikun ġie konkluż għal terminu ta’ iktar minn ħames snin, minkejja li ‘din il‑limitazzjoni tat‑terminu għal ħames snin [ma tkunx] madankollu applikabbli meta l‑beni jew is‑servizzi kuntrattwali jinbiegħu mix‑xerrej minn proprjetà jew artijiet li l‑fornitur huwa l‑proprjetarju tagħhom jew li l‑fornitur jikri lil terzi persuni mhux marbuta max‑xerrej, bil‑kundizzjoni li t‑terminu ta’ dawn l‑obbligi li ma ssirx kompetizzjoni ma jaqbiżx il‑perijodu ta’ okkupazzjoni tal‑proprjetà jew tal‑artijiet mix‑xerrej’ għandu jiġi applikat fis‑sens li huwa intiż, meta jittratta dwar kiri, fl‑ipoteżi li fiha l‑fornitur huwa inizjalment proprjetarju tal‑art u tal‑installazzjonijiet, jew, bil‑kontra, ir‑referenza għal kiri tal‑pompa tal‑petrol tirreferi għall‑ipoteżi li fiha d‑dritt ta’ proprjetà tal‑fornitur jirrigwarda biss il‑pompa tal‑petrol, b’mod li huwa jista’ jagħtiha b’kiri lill‑proprjetarju tal‑art mingħajr ma jkollu għalfejn ikun suġġett għal limiti fiż‑żmien li għalihom ir‑regolament jissuġġetta l‑ftehim ta’ esklużività?

3)      Meta l‑Artikolu [85] (1)(a) KE jipprojbixxi l‑ftehim li għandhom bħala għan li jiffissaw indirettament il‑prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ u meta l‑premessa 8 tar‑[Regolament Nru 1984/83], tippreċiża li “dispożizzjonijiet oħra li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni, u b’mod partikolari dawk li jillimitaw il‑libertà tal‑bejjigħ mill‑ġdid li jistabbilixxi l‑prezzijiet tiegħu jew kundizzjonijiet oħra ta’ bejgħ mill‑ġdid tiegħu jew li jagħżel il‑klijenti tiegħu, ma jistgħux jiġi eżentati taħt dan ir‑regolament”, mingħajr ma jsemmi l‑ftehim li jiffissaw il‑prezz tal‑bejgħ mill‑ġdid fost ir‑restrizzjonijiet għall‑kompetizzjoni l‑oħra li huma awtorizzati minn dan l‑Artikolu 11 tal‑istess regolament, dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jinkludu kwalunkwe tip ta’ klawżola li tillimita l‑libertà tal‑bejjiegħ mill‑ġdid li jistabbilixxi l‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku bħal, fil‑każ ta’ klawżola li tippermetti lill‑fornitur li jiddetermina l‑marġni ta’ distribuzzjoni tal‑operatur tal‑pompa tal‑petrol, billi jistabbilixxi l‑prezz tal‑karburanti li jipprovdi lill‑bejjiegħ mill‑ġdid b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi nnegozjati ma’ pompi tal‑petrol oħra li jistgħu jistabbilixxu ruħhom f’Barcelona, mingħajr ma dan il‑prezz ikun f’ebda każ ogħla mill‑prezz medju ffissat minn fornituri sinjifikattivi oħra fis‑suq, filwaqt li jżid il‑marġni minimu kkunsidrat bħala adegwat biex b’hekk jinkiseb il‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, li l‑fornitur ma jimponix espressament, iżda li huwa jirrakkomanda li jiġi applikat?

4)      Meta l‑Artikolu [85](1)(a) KE jipprojbixxi l‑ftehim li għandhom bħala għan li jiffissaw indirettament il‑prezzijiet ta’ xiri jew ta’ bejgħ, u meta l‑Artikolu 4(1)(a) tar‑[Regolament Nru 2790/1999] jinkludi, fost ir‑restrizzjonijiet partikolament serji tal‑kompetizzjoni l‑ftehim li jimponu l‑prezz tal‑bejgħ mill‑ġdid, dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jinkludu kwalunkwe tip ta’ klawżola li tillimita l‑libertà tal‑bejjiegħ mill‑ġdid li jistabbilixxi l‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku bħal, per eżempju, klawżola li tippermetti lill‑fornitur li jiddetermina l‑marġni ta’ distribuzzjoni tal‑operatur tal‑pompa tal‑petrol, billi jistabbilixxi l‑prezz tal‑karburanti li huwa jipprovdi lill‑bejjiegħ mill‑ġdid b’kundizzjonijiet iktar vantaġġużi miftehma ma’ pompi tal‑petrol oħra li jistgħu jistabbilixxu ruħhom f’Barcelona, mingħajr ma dan il‑prezz ikun f’ebda każ ogħla mill‑prezz medju ffissat minn fornituri sinjifikattivi oħra fis‑suq, filwaqt li jżid il‑marġni minimu li huwa kkunsidrat adegwat sabiex b’hekk jinkiseb il‑[prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku], li l‑fornitur ma jimponix espressament, iżda li huwa jirrakkomanda li jiġi applikat?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ammissibbiltà

26      Total tistieden lilll‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara d‑domanda preliminari inammissibbli minħabba varji raġunijiet. L‑ewwel nett, il‑qorti tar‑rinviju kienet naqset milli tipprovdi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja informazzjoni essenzjali dwar il‑kawża prinċipali, b’mod li jippermetti lil din tal‑aħħar jkollha perspettiva preċiża u eżatta tal‑kuntest fattwali u ġuridiku tal‑kawża li fil‑kuntest tagħha għandha tagħti deċiżjoni. It‑tieni nett, id‑domanda preliminari mhijiex ġustifikata għaliex ir‑risposti għad‑domandi magħmula jirriżultaw b’mod ċar ukoll mill‑ġurisprudenza Komuntarja kif ukoll mill‑ġurisprudenza Spanjola. Fl‑aħħar nett, id‑domandi magħmula mhumiex rilevanti għall‑finijiet tas‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali.

27      Il‑Gvern Spanjol jesprimi wkoll dubji rigward l‑ammissibbiltà parzjali tar‑rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li r‑Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 ma jistgħux japplikaw simultanjament. B’hekk, id‑domandi huma relatati b’mod partikolari mal‑interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 1984/83, jiġifieri l‑ewwel u t‑tielet domandi, għandhom natura purament ipotetika u għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli.

28      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑qrati nazzjonali, kif prevista fl‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il‑kawża u li għandha tagħti d‑deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża li tinsab quddiemha, kemm il‑ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d‑deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li hija tressaq lill‑Qorti tal‑Ġustizzja (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, Ġabra p. I‑1, punt 88, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, iktar ’il quddiem is‑“sentenza CEES”, punt 16 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

29      Skont ġurisprudenza wkoll syabilita, il‑ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju li tkun utli għall‑qorti nazzjonali tirrikjedi li din il‑qorti tiddefinixxi l‑kuntest fattwali u leġiżlattiv tad‑domandi magħmula minnha jew li, tal‑anqas, tispjega ċ‑ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id‑domandi (sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani, C‑72/03, Ġabra p. I‑8027, punt 10; tas‑17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C‑134/03, Ġabra p. I‑1167, punt 22, u s‑sentenza CEES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

30      F’dan ir‑rigward għandu jiġi kkonstatat li, jekk huwa ċertament eżatt li d‑deċiżjoni għal rinviju preliminari ma fihiex ċerti indikazzjonijiet rilevanti għas‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali, xotra jibqa’ l‑fatt li din id‑deċiżjoni tippermetti li tiġi stabbilita l‑portata tad‑domandi preliminari u l‑kuntest li fih jinsabu. B’hekk, minkejja dawn il‑lakuni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha biżżejjed elementi sabiex tinterpreta r‑regoli Komunitarji kkonċernati u tagħti risposta effettiva għal dawn id‑domandi. Barra minn hekk, u f’kull każ, il‑kontenut tal‑osservazzjonijiet imressqa quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest ta’ din il‑kawża juri s‑suffiċjenza tal‑informazzjoni fuq il‑kuntest fattwali u ġuridiku għaliex ippermetta lill‑partijiet fil‑kawża prinċipali u lill‑persuni interessati oħra effettivament jieħdu pożizzjoni fuq id‑domandi magħmula.

31      L‑inammissibbiltà ta’ domanda preliminari ma tistax, bl‑istess mod, tiġi kkonstatata bil‑fatt li r‑risposti għad‑domandi magħmula jirriżultaw, kif tallega Total, mill‑eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, kemm Komunitarja kif ukoll nazzjonali. Fil‑fatt, jekk jiġi preżuppost li d‑domandi magħmula huma materjalment identiċi għal dawk li diġà kienu s‑suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari f’kawża analoga, tali ċirkustanza bl‑ebda mod ma tipprojbixxi lil qorti nazzjonali milli tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja domanda preliminari u ma għandhiex bħala effett li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn id‑domandi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punti 13 u 15). Madankollu, f’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’, skont l‑Artikolu 104(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, wara li tkun semgħet lill‑Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat li jkun fih riferiment għas‑sentenza preċedenti jew għall‑ġurisprudenza inkwistjoni.

32      Minbarra dan, il‑mekkaniżmu tar‑rinviju preliminari stabbilit mill‑Artikolu 234 KE għandu b’mod partikolari bħala għan li tiġi żgurata l‑applikazzjoni t‑tajba u l‑interpretazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju fl‑Istati Membri kollha, kif ukoll sabiex jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar‑regoli ta’ din il‑liġi (ara s‑sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I‑8151, punt 38, u tat‑12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic, C‑458/06, Ġabra p. I‑4207, punt 32).

33      Peress li d‑domandi magħmula mill‑qrati nazzjonali jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d‑domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil‑verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l‑interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża, jew inkella li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex l‑elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad‑domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenza CEES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, dan mhuwiex il‑każ fil‑kawża prinċipali. Huwa biżżejjed, fil‑fatt, li jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mid‑deċiżjoni tar‑rinviju li r‑risposti għad‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju ser ikunu neċessarji għaliha sabiex tiddetermina jekk ir‑relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali setgħetx tibbenefika mill‑eżenzjoni ġenerali stabbilita mir‑Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/1999.

35      F’dan ir‑rigward, għandu wkoll jiġi miċħud l‑argument ta’ Total li d‑domandi preliminari mhumiex rilevanti għas‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali minħabba li, sabiex jiġi kkunsidrat li ftehim imur kontra r‑regoli tal‑kompetizzjoni, mhuwiex biżżejjed li jintwera li l‑klawżoli tiegħu huma inkompatibbli ma’ regolament ta’ eżenzjoni ġenerali, iżda huwa meħtieġ ukoll li dawn il‑klawżoli effettivament jiksru d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 81 KE.

36      Jekk huwa ċert li r‑regoli ta’ eżenzjoni japplikaw sa fejn il‑ftehim fihom restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni, li jaqgħu taħt l‑Artikolu 81(1) KE, xorta jibqa’ l‑fatt li huwa dejjem spiss iktar prattiku li jiġi vverifikat, l‑ewwel nett, jekk dawn ir‑regoli kinux japplikaw fi ftehim partikolari sabiex jiġi evitat, fl‑affermattiv, eżami ekonomiku u ġuridiku kumpless li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) humiex issodisfatti. F’kull każ, jirriżulta mill‑ġurisprudenza stabbilita mis‑sentenza Cilfit, et, iċċitata iktar ’il fuq, li qorti tar‑rinviju, li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt il‑liġi interna u li għandha tapplika dispożizzjoni tad‑dritt Komunitarju għal kawża partikolari quddiemha, mhijiex marbuta tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustsizzja dwar l‑interpretazzjoni ta’ din id‑dispożizzjozni jekk il‑punt ta’ dritt inkwisjtoni jkun ġie solvut minn ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, indipendentement min‑natura tal‑proċeduri li jkunu taw lok għal din il‑ġurisprudenza, u wkoll fin‑nuqqas ta’ identità stretta tad‑domandi inkwistjoni.

37      Fl‑aħħar nett, l‑argument tal‑Gvern Spanjol dwar l‑inammissibbiltà parzjali tad‑domanda preliminari minħabba n‑natura ipotetika taż‑żewġ domandi dwar l‑interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 1984/83 għandu wkoll jiġi miċħud.

38      Fil‑fatt, jekk huwa paċifiku li dan ir‑regolament skada fil‑31 ta’ Diċembru 1999, xorta jibqa’ l‑fatt li l‑eżenzjoni prevista minnu tibqa’ tapplika sal‑31 ta’ Mejju 2000 skont ir‑Regolament Nru 2790/1999. Ir‑Regolament Nru 2790/99 stabbilixxa, barra minn hekk, perijodu tranżitorju li jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2001, perijodu li matulu l‑projbizzjoni msemmija fl‑Artikolu 81(1) ma kinitx tapplika għall‑ftehim fis‑seħħ fil‑31 ta’ Mejju 2001 li kienu jissodisfaw il‑kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti mhumx minn dan l‑aħħar regolament, iżda mir‑Regolament Nru 1984/83. B’hekk, peress illi l‑kuntratti inkwistjoni ġew konklużi matul is‑sena 1989 u l‑implementazzjoni tagħhom baqgħet għaddejja sal‑preżentata tar‑rikors minn Pedro IV matul is‑sena 2004, għandu jiġi eżaminat jekk il‑kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni humiex applikabbli kemm skont ir‑Regolament Nru 1984/83 kif ukoll skont ir‑Regolament Nru 2790/99, sabiex il‑qorti nazzjonali tkun tista’ tiddetermina, jekk ikun il‑każ, jekk dawn il‑kuntratti kinux konformi mad‑dritt tal‑kompetizzjoni matul iż‑żmien ta’ implementazzjoni tagħhom jew jekk humiex ivvizzjati b’nullità minn ċertu mument.

39      Isegwi li t‑talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l‑ewwel u t‑tieni domandi li jikkonċernaw il‑perijodu ta’ esklużività

40      Permezz tal‑ewwel żewġ domandi tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83, minn naħa, u l‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament Nru 2790/99, min‑naħa l‑oħra, għandhomx jiġu interpretati fis‑sens li huma jippermettu, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ eżenzjoni, li ftehim ta’ esklużività jaqbiżx il‑limiti fiż‑żmien previsti minn dawn ir‑regolamenti unikament fl‑ipoteżi fejn il‑fornitur ikun inizjalment il‑proprjetarju kemm tal‑art li fuqha tinbena l‑pompa tal‑petrol kif ukoll tal‑pompa tal‑petrol stess, jew jekk huwiex suffiċjenti li d‑dritt ta’ proprjetà tal‑fornitur jirrigwardax biss il‑pompa tal‑petrol li huwa jagħti b’kiri lill‑proprjetarju tal‑art.

41      Peress illi l‑kliem ta’ dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni mhuwiex identiku, hemm lok li dawn iż‑żewġ regolamenti jiġu analizzati separatament.

 Fuq l‑interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 1984/83

42      Għandu jitfakkar li r‑Regolament Nru 1984/83 kien jipprovdi għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 81(3) KE għal ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv, li jistgħu jaqgħu taħt il‑projbizzjoni tal‑paragrafu 1 tal‑istess artikolu, konklużi bejn żewġ impriżi bl‑għan ta’ bejgħ mill‑ġdid ta’ prodotti taż‑żejt fil‑pompi tal‑petrol.

43      Minbarra l‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑eżenzjoni, stabbiliti fl‑Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir‑regolament, l‑Artikolu 12(1)(ċ) tiegħu jindika li r‑Regolament Nru 1984/83 ma japplikax għall‑ftehim ta’ pompi tal‑petrol jekk it‑tul tagħhom huwa indeterminat jew iktar minn għaxar snin. Madankollu, l‑Artikolu 12(2) tal‑istess regolament jippreċiża li “b’deroga għall‑paragrafu 1(ċ), meta l‑ftehim jikkonċerna pompa tal‑petrol li l‑fornitur ikun ta b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, jew li jkun tah l‑użu fid‑dritt jew fil‑fatt, l‑obbligi ta’ xiri esklużiv jew il‑projbizzjonijiet ta’ kompetizzjoni msemmija minn [id‑dispozizzjonijiet applikabbli għal ftehim ta’ pompi tal‑petrol] jistgħu jiġu imposti fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid matul il‑perijodu kollu li matulu huwa effettivament jopera l‑pompa tal‑petrol”.

44      B’hekk jirriżulta mill‑kliem tal‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83 li l‑applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament hija possibbli meta hemm inkwistjoni ftehim ta’ pompa tal‑petrol dwar perijodu ta’ eżekuzzjoni għal iktar minn għaxar snin, bil‑kundizzjoni li l‑fornitur ikun ta b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid il‑pompa tal‑petrol jew ikun tah, fid‑dritt jew fil‑fatt, l‑użu tagħha.

45      Madankollu, Pedro IV u l‑Kummissjoni huma tal‑fehma li l‑benefiċċju tas‑sistema derogatorja prevista f’din id‑dispożizzjoni għandu jkun suġġett għall‑kundizzjoni doppja li l‑fornitur iżomm il‑proprjetà kemm tal‑pompa tal‑petrol kif ukoll tal‑art li fiha din ġiet mibnija.

46      Pedro IV tispjega l‑pożizzjoni tagħha billi tfakkar, minn naħa, il‑ġurisprudenza li tgħid li r‑regoli ta’ eżenzjoni ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv sabiex jiġi evitat li l‑effetti tagħhom ma jestendux għal ftehim jew għal sitwazzjonijiet li huma mhumiex iddestinati li jkopru (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenweke, C‑70/93, Ġabra p. I‑3439, punt 28, u tat‑28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 32).

47      Hija tqis, min‑naħa l‑oħra, li l‑vantaġġi li Total tatha, jiġifieri li tagħtiha l‑pompa tal‑petrol u l‑konċessjoni ta’ self b’kundizzjonijiet vantaġġużi, jaqgħu taħt ipoteżijiet previsti mill‑Artikoli 10 u 12(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 1984/83, b’mod li l‑ftehim ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jista’ jkollu biss perijodu massimu ta’ għaxar snin. Il‑konklużjoni ta’ diversi kuntratti li saru bejn il‑fornitur u l‑bejjiegħ mill‑ġdid, li l‑effett tagħhom huwa l‑għeluq tas‑suq, hija intiża li testendi b’mod artifiċjali l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83 għal ipoteżijiet li ma jistgħux jiġu assimilati għal dik prevista minn din id‑dispożizzjoni.

48      Skont il‑Kummissjoni, l‑esklużività ta’ xiri mingħajr limitu tobbliga lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, previst fil‑kuntest ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ xiri esklużiv, hija ġustifikata minħabba korrispettivi mhux biss “partikolarment importanti” iżda wkoll “assoluti” li huma imposti fuq il‑fornitur, fis‑sens li l‑bejjiegħ mill‑ġdid jagħti lil attività mingħajr l‑inqas investiment jew l‑inqas ħlas. Sitwazzjoni li fiha kemm l‑artijiet, kif ukoll il‑kirjiet jappartjenu lill‑bejjiegħ mill‑ġdid hija diffiċilment kompatibbli mas‑sistema eċċezzjonali prevista fl‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83.

49      Minbarra dan, il‑Kummissjoni tirrileva li, fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ kontinwità bejn ir‑Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99, dawn tal‑aħħar għandhom jirċievu l‑istess interpretazzjoni, u dan minkejja li huma fformulati b’mod differenti u li dan l‑aħħar regolament jippreċiża b’mod ċar li l‑eżenzjoni li huwa jipprovdi tapplika biss jekk il‑fornitur huwa l‑proprjetarju kemm tal‑art kif ukoll tal‑kirjiet li minnhom dawn l‑oġġetti jew is‑servizzi kuntrattwali jinbigħu mill‑bejjiegħ mill‑ġdid.

50      Argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat.

51      Jekk huwa veru li d‑dispożizzjonijiet ta’ natura derogatorja ta’ regolament ta’ eżenzjoni ġenerali ma jistgħux ikunu suġġetti għal interpretazzjoni wiesgħa, xorta jibqa’ l‑fatt li d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni huma fformulati b’mod ċar u mhux ekwivoku.

52      Fil‑fatt, il‑kundizzjoni doppja, li l‑fornitur għandu jżomm il‑proprjetà kemm tal‑pompa tal‑petrol kif ukoll tal‑art li fuqha hija mibnija, li tirriżulta allegatament, skont Pedro IV u l‑Kummissjoni, mir‑Regolament Nru 1984/83, ma tidher la fit‑test stess ta’ dan ir‑regolament u lanqas fil‑preambolu tiegħu.

53      Il‑premessa 13 ta’ dan ir‑regolament issemmi, fost il‑vantaġġi ekonomiċi u finanzjarji mogħtija mill‑fornitur lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, il‑konċessjoni ta’ art jew ta’ kirjiet għall‑użu ta’ pompa tal‑petrol, iżda mhux l‑għoti ta’ dawn it‑tnejn. F’kull każ, l‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83 isemmi biss l‑ipoteżi li fiha l‑fornitur tal‑pompa tal‑petrol b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid, jew ikun tah l‑użu fid‑dritt jew fil‑fatt tagħha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tistax tnaqqas il‑portata ta’ din id‑dispożizzjoni billi żżid fiha kundizzjoni supplimentari li ma tinsabx fiha.

54      F’dak li jikkonċerna l‑vantaġġi eknomiċi u finanzjarji partikolari msemmija fl‑Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1984/83, jirriżulta mis‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C‑279/06, Ġabra p. I‑6681, punt 54) li dawn għandhom ikunu importanti mhux biss sabiex jiġġustifikaw esklużività ta’ provvista ta’ terminu ta’ għaxar snin, iżda għandhom ukoll ikunu ta’ natura li jwasslu għal titjib fid‑distribuzzjoni, sabiex jiffaċilitaw l‑installazzjoni jew il‑modernizzazzjoni tal‑pompa tal‑petrol u sabiex inaqqsu l‑ispejjeż ta’ distribuzzjoni.

55      Għandu jiġi kkonstatat li l‑vantaġġ previst fl‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83 għandu importanza partikolari f’dan ir‑rigward peress illi jiffaċilita b’mod kunsiderevoli l‑aċċess tal‑bejjiegħ mill‑ġdid għan‑netwerk ta’ distribuzzjoni billi jimminimalizza l‑ispejjeż ta’ installazzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha. Madankollu, la t‑test ta’ dan ir‑regolament u lanqas l‑għan jew l‑istruttura tiegħu ma jippermettulu jikkonstata, kif tallega l‑Kummissjoni, li l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 12(2) hija suġġetta għal kundizzjoni supplimentari, jiġifieri li l‑bejjiegħ mill‑ġdid ikun liberu minn kull ħlas jew minn kull investiment fir‑rigward tal‑attività ekonomika tiegħu bħala operatur tal‑pompa tal‑petrol.

56      Għandu wkoll jiġi miċħud l‑argument tal‑Kummissjoni li l‑kundizzjoni doppja, li hija espliċitament prevista fl‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament Nru 2790/99, kienet diġà teżisti fl‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/83.

57      Fil‑fatt, jidher li r‑Regolament Nru 1984/83 kellu kamp ta’ applikazzjoni awtonomu iktar strett fir‑rigward ta’ dak tar‑Regolament Nru 2790/99 peress li kien jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għal ftehim ta’ pompi tal‑petrol. Il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(3) KE għal din il‑kategorija ta’ ftehim skont ir‑Regolament Nru 1984/83 għalhekk kienu differenti minn dawk previsti mir‑Regolament Nru 2790/99, kemm fir‑rigward tal‑perijodu massimu ta’ provvista esklużiva kif ukoll fir‑rigward tas‑setgħa tas‑suq tal‑impriżi kkonċernati.

58      Minbarra dan, jirriżulta wkoll minn din it‑tweġiba tal‑Kummissjoni li l‑modifika tad‑deroga tat‑terminu massimu ta’ esklużività li jirriżulta mir‑Regolament Nru 2790/99 kienet ġiet deċiża wara l‑konsultazzjoni pubblika li bdiet fl‑24 ta’ Settembru 1999 u li l‑abbozz ta’ dan ir‑regolament fil‑verżjoni inizjali tiegħu ma kienx ippreveda kundizzjoni doppja.

59      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑applikazzjoni tal‑kundizzjoni doppja proposta mill‑Kummissjoni bl‑ebda mod ma hija ġustifikata.

60      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet li ntqalu, lill‑ewwel domanda għandha tingħata r‑risposta li l‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament Nru 1984/73 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tad‑deroga li kien jipprevedi, din id‑dispożizzjoni ma teħtieġx li l‑fornitur ikun il‑proprjetarju tal‑art li fuqha jkun bena l‑pompa tal‑petrol li huwa jagħti b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid.

 Fuq l‑interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 2790/99

61      Ir‑Regolament Nru 2790/99 jipprovdi l‑kundizzjonijiet li fihom l‑Artikolu 81(3) japplika għal kategoriji ta’ ftehim vertifikali u ta’ prattiki miftehma mingħajr ma fih dispożizzjonijiet partikolari dwar ftehim tal‑pompi tal‑petrol. Skont l‑Artikolu 3(1) tiegħu, l‑eżenzjoni prevista minn dan ir‑regolament tapplika għall‑kundizzjoni li l‑parti mis‑suq miżmuma mill‑fornitur ma taqbiżx 30 % tas‑suq rilevanti li fih ibiegħ l‑oġġetti jew is‑servizzi kuntrattwali.

62      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi ppreċiżat li hija li l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika, qabel ma tagħmel eżami abbażi ta’ kundizzjonijiet oħra previsti minn dan ir‑regolament, jekk il‑parti mis‑suq ta’ Total ma qabżitx, sa mid‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 2790/99, 30 % tas‑suq rilevanti, fid‑dawl tal‑parteċipazzjoni eventwali tagħha, kif jindikaw Pedro IV u l‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kapital azzjonarju tal‑fornituri l‑oħra tal‑prodotti taż‑żejt fl‑istess suq.

63      L‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament Nru 2790/99 jipprovdi li l‑limitazzjoni ta’ dan it‑tul tal‑obbligu li ma jkunx hemm kompetizzjoni għal ħames snin ma għandhiex tapplika meta l‑oġġetti jew is‑servizzi kuntrattwali jinbiegħu mill‑bejjiegħ minn bini u artijiet li huma l‑proprjetà tal‑fornitur jew li l‑fornitur jikri lil terzi li mhumiex assoċjati max‑xerrej, sakemm it‑tul ta’ dan l‑obbligu ma jaqbiżx il‑perijodu ta’ okkupazzjoni tal‑bini u tal‑artijiet mix‑xerrej

64      Jirriżulta mill‑kliem ta’ din l‑aħħar dispożizzjoni li l‑applikazzjoni tad‑deroga li hija tipprovdi hija possibbli, fil‑każ tal‑ftehim tal‑pompi tal‑petrol, f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri fl‑ipoteżi fejn il‑fornitur ikun proprjetarju kemm tal‑pompa tal‑petrol li huwa jikri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid kif ukoll tal‑art li fuqha din hija mibnija, u fl‑ipoteżi fejn il‑fornitur jikri l‑art u l‑pompa tal‑petrol lil terza persuna mhux assoċjata mal‑bejjiegħ mill‑ġdid sabiex jinkrew mill‑ġdid lilu.

65      Tali tibdil fil‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad‑deroga, hekk kif inhuwa indikat fil‑punt 58 ta’ din is‑sentenza, ġie adottat wara osservazzjonijiet ippreżentati mill‑partijiet interessati fuq l‑abbozz tar‑regolament ta’ eżenzjoni ġenerali suġġetti għall‑konsultazzjoni pubblika. Dan kien motivat, skont il‑Kummissjoni, mill‑ġlieda kontra l‑prattiċi abbużivi u, b’mod partikolari, mix‑xewqa li jiġi evitat li t‑terminu massimu stabbilit mir‑regolament għall‑klawżoli ta’ esklużività ikun jista’ jiġi evitat.

66      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jidher li l‑kundizzjoniijet ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament Nru 2790/99 mhumiex sodisfatti. Madankollu, hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tevalwa l‑argument ta’ Total li dritt ta’ bini jagħtiha mhux biss il‑proprjetà tal‑pompa tal‑petrol, iżda wkoll tal‑art li fuqha hija mibnija. Peress illi l‑kunċett ta’ “dritt ta’ bini” jaqa’ taħt ir‑regoli tal‑proprjetà fid‑dritt nazzjonali, hija din il‑qorti li għandha tiddermina l‑portata tiegħu.

67      Fil‑każ fejn din il‑qorti tasal għall‑konklużjoni li l‑ftehim konklużi bejn il‑partijiet fil‑kawża prinċipali kienu jissodisfaw il‑kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti mir‑Regolament Nru 1984/83, iżda mhux dawk previsti mir‑Regolament Nru 2790/99, hemm lok li jiġu kkunsidrati li huma eżenti mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 81(1) KE sal‑31 ta’ Diċembru 2001 skont sistema tranżitorja prevista mill‑Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 2790/99.

68      Madankollu, meta ftehim ma jissodisfax il‑kundizzjonijiet kollha previsti minn regolament ta’ eżenzjoni, huwa jaqa’ taħt il‑projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 81(1) KE, ħlief jekk ikollu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il‑kompetizzjoni ġewwa s‑suq komuni u jekk huwa jkun ta’ natura li jaffettwa l‑kummerċ bejn l‑Istati Membri. F’dan l‑aħħar każ, u fin‑nuqqas ta’ eżenzjoni individwali skont l‑Artikolu 81(3) KE, dan il‑ftehim huwa null għal kollox skont it‑tieni paragrafu ta’ dan l‑istess artikolu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑30 ta’ April 1998, Cabour, C‑230/96, Ġabra p. I‑2055, punt 48, u CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

69      Jirriżulta, minn dan kollu, lit‑tieni domanda għandha tingħata r‑risposta li l‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament Nru 2790/99 għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tad‑deroga li huwa jipprovdi, din id‑dispożizzjoni teħtieġ li l‑fornitur ikun proprjetarju kemm tal‑pompa tal‑petrol li huwa jagħti b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid kif ukoll tal‑art li fuqha din hija mibnija, jew fil‑każ fejn mhuwiex il‑proprjetarju, li huwa jikri lil terzi mhux assoċjati mal‑bejjiegħ mill‑ġdid.

 Fuq it‑tielet u r‑raba’ domandi li jikkonċernaw l‑iffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku

70      Permezz tat‑tielet u tar‑raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment issaqsi jekk il‑klawżoli kuntrattwali dwar il‑prezzijiet ta’ bejgħ tal‑prodotti lill‑pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, humiex ipprojbiti mill‑Artikolu 81(1)(a) KE u ma jistgħux jibbenefikaw mill‑applikazzjoni tas‑sistema ta’ eżenzjoni ġenerali skont, b’mod partikolari, il‑premessa 8 tar‑Regolament Nru 1984/83, jew l‑Artikolu 4(a) tar‑Regolament Nru 2790/99, skont il‑kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv ta’ dawn ir‑regolamenti.

71      Hemm lok li jitfakkar li l‑Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi, fost l‑oħrajn, il‑ftehim kollha bejn l‑impriżi li jistgħu jolqtu l‑kummerċ bejn l‑Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il‑prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal‑kompetizzjoni fi ħdan is‑suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu l‑iffissar dirett jew indirett tal‑prezzijiet tal‑akkwist jew tal‑bejgħ.

72      Ir‑Regolament Nru 1984/83 jindika li, hekk kif jirriżulta mill‑kliem tal‑premessa 8 tiegħu, ma jistgħux jiġu eżentati skont id‑dispożizzjonijiet tiegħu d‑dispożizzjonijiet restrittivi tal‑kompetizzjoni li huwa ma jawtorizzax u, b’mod partikolari, dawk li jillimitaw il‑libertà tal‑bejjiegħ mill‑ġdid milli jistabbilixxi l‑prezzijiet ta’ bejgħ mill‑ġdid tiegħu.

73      Fir‑rigward ta’ dan l‑istess regolament, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑Artikolu 11 tiegħu jelenka, b’mod eżawrjenti, l‑obbligi li, minbarra l‑klawżola ta’ esklużività, setgħu jiġu imposti fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid, u fost dawn ma kinux jinkludu l‑impożizzjoni tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku. B’hekk tali obbligu mhuwiex kopert mill‑eżenzjoni prevista fl‑Artikolu 10 ta’ dan ir‑regolament (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, CEEES, punt 64, u CEPSA, punt 65).

74      F’dak li jikkonċerna r‑Regolament Nru 2790/99, l‑Artikolu 4(a) tiegħu jipprovdi li l‑eżenzjoni ġenerali ma tapplikax għall‑ftehim vertikali li għandhom bħala suġġett “ir‑restrizzjoni tal‑kapaċità tax‑xerrej li jiddetermina l‑prezz tal‑bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall‑possibbiltà li l‑fornitur jimponi prezz massimu tal‑bejgħ jew li jirrakomanda prezz tal‑bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz fiss jew minimu bħala riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, kull parti”.

75      Minn dan jirriżulta li ma jistgħux jibbenefikaw mis‑sistema tal‑eżenzjoni skont il‑kategorija stabbilita mir‑Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 il‑ftehim li permezz tagħhom il‑fornitur jiffissa l‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku jew jimponi prezz tal‑bejgħ minimu. Min‑naħa l‑oħra, skont l‑Artikolu 4(a), il‑fornitur jibqa’ liberu li jirrakkomanda lill‑bejjiegħ mill‑ġdid prezz tal‑bejgħ jew li jimponi fuqu l‑prezz tal‑bejgħ massimu.

76      Skont il‑qorti tar‑rinviju, il‑ftehim ta’ provvista esklużiva fil‑karburanti jipprovdi li Total, minn naħa, tiddetermina l‑prezz tal‑karbunat li hija tipprovdi lil Pedro IV għall‑kundizzjonijiet l‑iktar vantaġġużi nnegozjati ma’ pompi tal‑petrol oħra li jistgħu jinstallaw ruħhom f’Barcelona u, min‑naħa l‑oħra, tiggarantixxi li dan il‑prezz fl‑ebda każ ma jkun ogħla mill‑medja tal‑prezz iffissat minn fornituri sinjifikattivi oħra fuq is‑suq. Billi żżid ma’ dan il‑prezz marġni ta’ distribuzzjoni tal‑operatur tal‑pompa tal‑petrol li hija tikkunsidra xieraq, Total b’hekk tikseb il‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, li hija sussegwentement tirrakkomanda lil Pedro IV li tapplika.

77      L‑ewwel klważola ta’ dan il‑kuntratt tikkonċerna l‑prezz li Pedro IV għandha l‑obbligu li tħallas għall‑provvista f’karburant, fejn id‑determinazzjoni tal‑prezz taqa’ taħt il‑kompetenza tal‑partijiet fil‑kuntratt u li ma taffettwax il‑kompetizzjoni.

78      Fir‑rigward tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, jirriżulta mill‑kliem stess tat‑tieni klawżola kuntrattwali li dan il‑prezz mhuwiex impost, iżda rrakkomandat mill‑fornitur, mingħajr ma prezz tal‑bejgħ massimu jiġi stipulat. Il‑mod li bih jiġi kkalkolat dan il‑prezz tal‑bejgħ rakkomandat huwa, f’dan ir‑rigward, mingħajr importanza, sa fejn marġni ta’ libertà li jippermetti li jiġi effettivament iddeterminat il‑prezz tal‑bejgħ titħalla lill‑bejjiegħ mill‑ġdid. Madankollu, din il‑libertà tkun nieqsa fil‑każ fejn il‑fornitur jimponi fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid marġni ta’ distribuzzjoni fiss li huwa ma jkunx jista’ jaħrab minnu.

79      Fid‑dawl tat‑tqassim tal‑ġurisdizzjoni bejn il‑qrati nazzjonali u l‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kuntest tal‑kooperazzjoni stabbilita mill‑Artikolu 234 KE, hija l‑qorti tar‑rinviju biss li għandha għarfien dirett tal‑kawża li tkun tressqet quddiemha, li għandha tevalwa, fil‑kawża prinċipali, il‑metodi ta’ ffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku. B’mod partikolari, hija din il‑qorti li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil‑kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, kif ukoll mill‑aġir tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, jekk il‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, rakkomandat mill‑fornitur, ma jikkostitwixxix, fir‑realtà, prezz tal‑bejgħ fiss jew minimu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 70).

80      Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha, minbarra dan, teżamina jekk il‑bejjiegħ mill‑ġdid għandux possibbiltà reali li jnaqqas dan il‑prezz tal‑bejgħ rakkomandat. Hija għandha b’mod partikolari tivverifika jekk tali prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku mhuwiex, fil‑verità, impost permezz ta’ mezzi indiretti jew moħbija, bħal b’mod partikolari l‑iffissar tal‑marġni ta’ distribuzzjoni tal‑bejjiegħ mill‑ġdid jew tal‑livell massimu tat‑tnaqqis li jista’ jagħti skont il‑prezz rakkomandat, it‑theddid, l‑intimidazzjonijiet, it‑twissijiet, is‑sanzjonijiet jew l‑inċentivi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

81      Fl‑ipoteżi fejn il‑qorti tar‑rinviju tasal għall‑konklużjoni li Pedro IV fir‑realtà għandha l‑obbligu li tosserva prezz tal‑bejgħ fiss jew minimu impost minn Total, il‑ftehim ta’ provvista esklużiva tal‑karburanti ma jistax jibbenefika mill‑eżenzjoni ġenerali, u dan la skont ir‑Regolament Nru 1984/83 u lanqas skont ir‑Regolament Nru 2790/99.

82      Madankollu, kif tfakkar fil‑punt 68 ta’ din is‑sentenza, l‑iffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, għalkemm jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il‑kompetizzjoni espressament prevista fl‑Artikolu 81(1)(a) KE, ma jinkludix dan il‑ftehim taħt il‑projbizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni ħlief jekk il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni l‑oħra kollha tagħha huma ssodisfatti, jiġifieri li dan il‑ftehim għandu bħala għan u bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il‑kompetizzjoni ġewwa s‑suq komuni u li jkun ta’ natura li jaffettwa l‑kummerċ bejn l‑Istati Membri (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cabour, punt 48, u CEPSA, punt 42).

83      F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l‑ftehim ta’ xiri esklużiv, għandu, minbarra dan, jitfakkar li, jekk dawn il‑ftehim ma għandhomx bħala għan li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni, skont l‑Artikolu 81(1) KE, hemm lok madankollu li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx bħala effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal‑kompetizzjoni. L‑evalwazzjoni tal‑effetti ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv timplika n‑neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑kuntest ekonomiku jew legali li fi ħdanu dan jinsab jew fejn jista’ jwassal, flimkien ma’ oħrajn, għal effett kumulattiv fuq il‑kompetizzjoni. Konsegwentement għandhom jiġu analizzati l‑effetti li tali kuntratt jipproduċi, flimkien ma’ kuntratti oħra tal‑istess tip, fuq il‑possibbiltajiet, għall‑kompetituri nazzjonali jew li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li jistabbilixxu ruħhom fis‑suq inkwistjoni jew li jkabbru s‑sehem fis‑suq tagħhom (ara s‑sentenzi tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punti 13 sa 15; tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Neste, C‑214/99, Ġabra p. I‑11121, punt 25, u CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

84      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, lit‑tielet u lir‑raba’ domandi għandhom jingħataw ir‑risposti li l‑klawżoli kuntrattwali dwar il‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jistgħu jibbenefikaw mill‑eżenzjoni ġenerali skont ir‑Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 jekk il‑fornitur sempliċement jimponi prezz tal‑bejgħ massimu jew jirrakkomanda prezz tal‑bejgħ u jekk, għaldaqstant, il‑bejjiegħ mill‑ġdid għandu possibbiltà reali li jiddetermina l‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku. Min‑naħa l‑oħra, tali klawżoli ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn l‑eżenzjonijiet jekk iwasslu, direttament jew permezz ta’ mezzi indiretti jew moħbija, għall‑iffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku jew għal impożizzjoni tal‑prezz tal‑bejgħ minimu mill‑fornitur. Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika mill‑ġdid jekk tali restrizzjonijiet humiex ta’ piż fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil‑kuntest ekonomiku jew legali tagħhom, kif ukoll l‑aġir tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali.

 Fuq l‑ispejjeż

85      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 12(2) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat‑22 ta’ Ġunju 1983, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu [81](3) tat‑Trattat għal kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv, kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1582/97 tat‑30 ta’ Lulju 1997, għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tad‑deroga li kien jipprevedi, din id‑dispożizzjoni ma teħtieġx li l‑fornitur ikun il‑proprjetarju tal‑art li fuqha jkun bena l‑pompa tal‑petrol li jagħti b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid.

2)      L‑Artikolu 5(a) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 2790/99, tat‑22 ta’ Diċembru 1999, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 81(3) tat‑Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma għandu jiġi interpretat fis‑sens li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tad‑deroga li huwa jipprovdi, din id‑dispożizzjoni teħtieġ li l‑fornitur ikun proprjetarju kemm tal‑pompa tal‑petrol li huwa jagħti b’kiri lill‑bejjiegħ mill‑ġdid kif ukoll tal‑art li fuqha din hija mibnija, jew fil‑każ fejn mhuwiex il‑proprjetarju, li huwa jikri lil terzi mhux assoċjati mal‑bejjiegħ mill‑ġdid.

3)      Il‑klawżoli kuntrattwali dwar il‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jistgħu jibbenefikaw mill‑eżenzjoni ġenerali skont ir‑Regolament Nru 1984/83, kif emendat bir‑Regolament Nru 1582/97, kif ukoll ir‑Regolament Nru 2790/99 jekk il‑fornitur sempliċement jimponi prezz tal‑bejgħ massimu jew jirrakkomanda prezz tal‑bejgħ u jekk, għaldaqstant, il‑bejjiegħ mill‑ġdid ikollu possibbiltà reali li jiddetermina l‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku. Min‑naħa l‑oħra, tali klawżoli ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn l‑eżenzjonijiet jekk iwasslu, direttament jew permzz ta’ mezzi indiretti jew moħbija, għal iffissar tal‑prezz tal‑bejgħ lill‑pubbliku jew għal impożizzjoni tal‑prezz tal‑bejgħ minimu mill‑fornitur. Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika mill‑ġdid jekk tali restrizzjonijiet humiex ta’ piż fuq il‑bejjiegħ mill‑ġdid, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil‑kuntest ekonomiku u legali tagħhom, kif ukoll l‑aġir tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: l‑Ispanjol.