Language of document : ECLI:EU:C:2009:127

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Marzu 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Artikoli 81 KE, 82 KE u 86 KE – Affiljazzjoni obbligatorja ma’ korp li jipprovdi assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikoli 49 KE u 50 KE – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Riskju ta’ ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali”

Fil-Kawża C‑350/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sächsisches Landessozialgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2007, fil-kawża

Kattner Stahlbau GmbH

vs

Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Kattner Stahlbau GmbH, minn R. Mauer, Rechtsanwalt,

–        għal Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft, minn H. Plagemann, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u O. Weber, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 50 KE kif ukoll 81 KE, 82 KE u 86 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn Kattner Stahlbau GmbH (iktar ’il quddiem “Kattner”) u l-Maschinenbau- und Metall- Berufsgenossenschaft (assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni tas-settur tal-inġinerija mekkanika u tal-metall, iktar ’il quddiem l-“MMB”) fir-rigward tal-affiljazzjoni obbligatorja ta’ Kattner ma’ din tal-aħħar għall-assigurazzjoni statutorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Fil-Ġermanja, is-sistema ta’ assigurazzjoni statutorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol hija rregolata mill-Ktieb VII tal-Kodiċi tal-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch VII) fil-verżjoni tiegħu kif jirriżulta mil-liġi tas-7 ta’ Awwissu 1996 (BGBl 1998 I, p. 1254, iktar ’il quddiem l-“iSGB VII”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997. L-Artikolu 1 tal-iSGB VII jipprovdi li din l-assigurazzjoni jkollha bħala għanijiet:

“1.      Tipprevjeni bil-mezzi kollha xierqa, inċidenti u mard fuq ix-xogħol, flimkien ma’ riskji għas-saħħa assoċjati max-xogħol, u

2.      hekk kif iseħħu inċidenti fuq ix-xogħol jew mard fuq ix-xogħol, li tistabbilixxi mill-ġdid, bil-mezzi kollha xierqa, is-saħħa u l-kapaċità għax-xogħol ta’ persuni assigurati u li tipprovdi kumpens finanzjarju lil persuni assigurati u lid-dipendenti tagħhom.”

4        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li din is-sistema, b’mod partikolari tistrieħ fuq l-elementi li ġejjin.

 L-affiljazzjoni obbligatorja

5        Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-impriżi kollha għandhom l-obbligu ta’ affiljazzjoni, fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, il-Berufsgenossenschaft (assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni) li jaqgħu taħtha kemm fuq livell materjali kif ukoll ġeografiku. L-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni differenti għandhom l-istatut ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li m’għandhomx skop ta’ profitt. Skont il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f’dan il-mument jeżistu 25 assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni. Kull assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni hija maqsuma f’numru ta’ fergħat skont is-setturi tal-attività kkonċernata.

 Il-kontribuzzjonijiet

6        L-Artikolu 152(1) tal-iSGB VII, intitolat “Tqassim ta’ responsabbiltà”, jiddisponi:

“Il-kontribuzzjonijiet iridu jiġu ddeterminati wara l-iskadenza tas-sena kalendarja li fiha talbiet għal kontribuzzjonijiet ikunu, fil-prinċipju, saru, abbażi ta’ tqassim ta’ responsabbiltà. Tqassim bħal dan għandu jkopri l-ħtiġijiet tas-sena preċedenti, u għandu jinkludi kontribuzzjonijiet li huma meħtieġa biex tipprovdi riżerva xierqa. Apparti minn dan, jistgħu jiġu imposti kontribuzzjonijiet sabiex jiġu pprovduti fondi għal kapital tax-xogħol.”

7        L-Artikolu 153 tal-iSGB VII, intitolat “Bażi ta’ kalkolu”, jipprovdi:

“1.      Il-kontribuzzjonijiet għandhom, ħlief kif ipprovdut mod ieħor hawn taħt, jiġu kkalkolati b’referenza għal ħtiġijiet ta’ finanzjament (responsabbiltà fir-rigward ta’ tqassim), il-pagi u salarji ta’ persuni assigurati u l-kategoriji ta’ riskju.

2.      Il-pagi u s-salarji ta’ persuni assigurati għandhom jittieħdu bħala l-bażi ta’ kontribuzzjoni sal-ammont tad-dħul annwali massimu tagħhom.

3.      Jista’ jiġi stipulat permezz ta’ regolamenti li għandu jkun hemm bażi minima ta’ kalkolu, b’referenza għall-paga jew salarju annwali minimu ta’ persuni assigurati li għalqu t-18-il sena tagħhom. Jekk l-assigurati ma kinux impjegati matul is-sena kalendarja kollha jew ma kinux impjegati full-time, perċentwali korrispondenti għal dan l-ammont għandu jittieħed bħala bażi.

4.      Fil-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet, ir-riskju ta’ inċidenti fl-impriża jista’ jiġi injorat għal kollox jew parzjalment, sal-punt li infiq fir-rigward ta’ pensjonijiet, benefiċċji tal-mewt u kumpens

1)      huwa bbażat fuq danni jew ħsarat ikkawżati minn riskji assigurati f’dawk l-impriżi meta dak id-dannu jkun waqaf jew ġie estint qabel ir-raba’ sena li tippreċedi s-sena li fiha l-kontribuzzjonijiet kellhom jiġu mqassma, jew

2)      huwa bbażat fuq danni jew ħsarat ikkawżati minn riskji assigurati li seħħew għall-ewwel darba jew saru magħrufa għall-ewwel darba qabel ir-raba’ sena li tippreċedi s-sena li fiha l-kontribuzzjonijiet kellhom jiġu mqassma.

L-ammont tan-nefqa totali li, skont l-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu, huwa allokat għall-impriżi mingħajr ma ssir referenza għal-livell ta’ riskju ta’ inċidenti m’għandux jeċċedi 30 % tan-nefqa totali għar-rigward ta’ pensjonijiet, benefiċċji tal-mewt u kumpens. Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ regolament”

8        L-Artikolu 157 tal-iSGB VII, intitolat “Skali ta’ riskji”, jiddisponi:

“1.      Impriżi responsabbli biex jipprovdu kopertura ta’ assigurazzjoni kontra inċidenti għandhom, b’mod awtonomu, jikkompilaw skala ta’ riskji. Din l-iskala ta’ riskji għandha tispeċifika kategoriji ta’ riskju sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti kontribuzzjonijiet b’mod iggradat. […]

2.      L-iskala ta’ riskji għandha tiġi diviża f’pożizzjonijiet tat-tariffi, li jistabbilixxu kategoriji ta’ persuni esposti għar-riskju b’referenza għal paragun ta’ riskju bbażat fuq prinċipji tal-assigurazzjoni ġeneralment aċċettati. […]

3.      Il-kategoriji ta’ riskju għandhom jiġu kkalkolati b’referenza għar-relazzjoni bejn benefiċċji mħallsa u pagi u salarji.

[…]”

9        Skont Kattner, l-Artikolu 161 tal-iSGB VII jippermetti l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni li jiffissaw fl-istatut tagħhom kontribuzzjoni minima uniformi.

10      L-Artikolu 176 tal-iSGB VII, intitolat “Obbligazzjoni ta’ aġġustament”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sal-punt li

1)      l-ispiża għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ pensjoni minn assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni hi 4,5 drabi iktar mill-ispiża medja għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ pensjoni minn assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni,

2)      l-ispiża għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ pensjoni minn assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni li talloka tal-inqas 20 % u mhux iktar minn 30 % tan-nefqa tagħha fuq pensjonijiet, benefiċċji tal-mewt u kumpens taħt l-Artikolu 153(4) lil impriżi mingħajr ma ssir referenza għal-livell ta’ riskju ta’ inċidenti hi ta’ iktar minn tliet darbiet akbar mill-ispiża medja għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ pensjonijiet minn assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni, jew

3)      l-ispiża għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ kumpens minn assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni hija iktar minn ħames darbiet akbar mill-ispiża medja għar-responsabbiltà tal-ħlas ta’ kumpens minn assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni,

l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni għandhom jaqsmu l-ispiża tal-eċċess bejniethom. Fejn l-ammont li għandu jitħallas bħala aġġustament taħt il-punt 2 jeċċedi l-ammont li l-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni tqassam lil impriżi mingħajr ma ssir referenza għal-livell ta’ riskju ta’ inċidenti konformi mal-punt 2, din għandha tiġi limitata għall-aħħar ammont”.

 Il-benefiċċji

11      Il-ħaddiema jiddisponu minn dritt dirett għall-benefiċċji mingħand l-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni mingħajr il-bżonn tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem (l-Artikoli 104 sa 109 tal-iSGB VII).

12      Il-lista ta’ benefiċċji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom huma stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 103 tal-iSGB VII. Id-dritt għal dawn il-benefiċċji jirriżulta indipendentement minn jekk min iħaddem iħallas il-kontribuzzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 85 tal-iSGB VII, huma biss il-pagi u s-salarji li jinsabu bejn minimu u massimu li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dawn il-benefiċċji.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Kattner hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż fit-13 ta’ Novembru 2003 u li bdiet tikkummerċja fl-1 ta’ Jannar 2004 l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kostruzzjoni bil-metall kif ukoll tal-iffabbrikar ta’ turġien u gallariji.

14      Fis-27 ta’ Jannar 2004, l-MMB innotifikat lill-Kattner li hija kienet, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-korp tal-assigurazzjoni statutorju kompetenti għal kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, skont id-dispożizzjonijiet tal-iSGB VII u li, għaldaqstant, din l-impriża ġiet irreġistrata bħala membru ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ assigurazzjoni, għal klassi tar-riskji li huma lilha attribwiti.

15      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Novembru 2004, Kattner, li kellha l-ħsieb li takkwista kopertura ta’ assigurazzjoni privata kontra r-riskji eżistenti, innotifikat lill-MMB l-annullament tal-affiljazzjoni obbligatorja tagħha, b’effett mill-aħħar tal-2004.

16      Fil-15 ta’ Novembru 2004, l-MMB innotifikat lill-Kattner li, billi hija kienet, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-korp tal-assigurazzjoni statutorju kompetenti għal kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, ma kienx possibbli li ma tibqax affiljata jew li tikkanċella l-affiljazzjoni u li, għaldaqstant, it-talba ta’ Kattner għandha tiġi miċħuda. L-MMB ikkonfermat din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors amministrattiv tal-20 ta’ April 2005.

17      Fil-21 ta’ Novembru 2005, is-Sozialgericht Leipzig (qorti li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Leipzig) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Kattner.

18      Fl-appell ippreżentat quddiem is-Sächsisches Landessozialgericht (qorti reġjonali li tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Land tas-Sassonja), Kattner allegat quddiem din il-qorti, l-ewwel nett, li l-affiljazzjoni obbligatorja mal-MMB tirrestrinġi l-libertà fil-provvista ta’ servizzi kis stabbilita fl-Artikoli 49 KE u 50 KE. F’dan ir-rigward, hija tippreżenta proposta minn impriża tal-assigurazzjoni Daniża, li tassiguraha kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol jew inċidenti fit-triq għal jew mix-xogħol, taħt l-istess kundizzjoni tal-MMB. Barra minn dan, is-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija jikkorrispondu għas-servizzi previsti mis-sistema legali Ġermaniża fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, Kattner issostni li l-pożizzjoni tal-MMB bħala fornitur esklużiv tikser l-Artikoli 82 KE u 86 KE. Skont Kattner, l-ebda raġuni imperattiv ta’ interess pubbliku ma tiġġustifika pożizzjoni ta’ monopolju tal-korpi Ġermaniżi tal-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol fl-oqsma rispettivi tagħhom.

19      Fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, is-Sächsisches Landessozialgericht tikkunsidra li hemm differenzi fundamentali bejn l-iskemi statutorji tal-assigurazzjoni fil-kawża prinċipali u dawk Taljani dwar inċidenti u mard fuq ix-xogħol li ġew imsemmija fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, Cisal (C-218/00, Ġabra p. I-691), b’mod li l-indikazzjonijiet fornuti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma jippermettux li tingħata risposta għad-domandi kollha li jitqajjmu fil-kawża li qed tiddeċiedi dwarha.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, l-ewwel nett huwa dubjuż jekk l-MMB tikkostitwixxix korp li hu fdat bil-liġi bl-amministrazzjoni ta’ sistema li tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol. F’dan ir-rigward, differenza essenzjali bejn l-iskemi Taljani u Ġermaniżi toħroġ mill-fatt li, l-Istituto nazionale per l’assicurazione contro gli infortuni sul lavoro (INAIL) (Istituzzjoni nazzjonali tal-assigurazzjoni kontra inċidenti fuq ix-xogħol) imsemmi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, għandu monopolju, filwaqt li l-assigurazzjoni statutorja Ġermaniża kontra l-inċidenti hija strutturata bħala oligopolju. Barra minn dan, l-MMB mhijiex fdata bl-amministrazzjoni ta’ sistema li tipprovdi assigurazzjoni obbligatorja imma pjuttost tipprovdi hija stess din l-assigurazzjoni. L-attività ammistrattiva tal-MMB hija essenzjalment simili għal dik tal-entitajiet kummerċjali, b’mod partikolari l-kumpanniji tal-assigurazzjoni.

21      Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-affiljazzjoni obbligatorja mas-sistema Ġermaniża kontra l-inċidenti u l-mard fuq ix-xogħol mhijiex indispensabbli għall-bilanċ finanzjarju jew għall-implementazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà. Fil-fatt, fejn l-ammont tal-kontribuzzjoni jirriżulta mir-regoli adottati b’mod awtonomu minn kull assoċjazzjoni ta’ assigurazzjoni u li l-perimetru ta’ attività ta’ din l-assoċjazzjoni tista’ tkun emendata, il-kostituzzjoni ta’ monopolji settorjali jew ġeografiċi li mhux relatati għar-riskju joħolqu, fi ħdan il-kategoriji ta’ riskju li ġew iffurmati b’mod arbitrarju, tariffi differenti għall-istess riskju. Barra minn dan, l-ebda dispożizzjoni ma tipprovdi limitu fil-kontribuzzjoni, fil-każ ta’ riskji għola. Ukoll, l-ammont minimu tar-remunerazzjoni li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 153(3) tal-iSGB VII mhuwiex iffissat b’mod imperattiv, iżda jista’ jiġi previst fl-istaturi. Fir-rigward tal-ammont massimu ta’ remunerazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, li huwa kkunsidrat fl-ikkalkular kemm tal-benefiċċji kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet, l-iffissar tiegħu huwa wkoll iggvernat mill-istatuti, skont, rispettivament, l-Artikoli 81 et seq. tal-iSGB VII, kif ukoll l-Artikolu 153(2) ta’ dan. Fl-aħħar nett, il-benefiċċji jiddependu, għallinqas għal parti ’l kbira fosthom, mill-ammont tar-remunerazzjoni tal-assigurati. Jirriżulta li s-sistema Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fihiex mekkaniżmu ta’ ridistribuzzjoni bbażata fuq għan ta’ politika soċjali.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sächsisches Landessozialgericht, issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      [L-MMB] tikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE?

2)      L-obbligu [tal-Kattner] li tirreġistra mal-[MMB] jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

23      L-MMB u l-Kummissjoni jsostnu, fir-rigward tal-ewwel domanda, li l-qorti tar-rinviju, minn naħa, tfittex li tikseb interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma tindikax iċ-ċirkustanzi li fihom assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni tista’ tikkostitwixxi impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE et 82 KE. Il-Kummissjoni tkompli billi fir-rigward tat-tieni domanda żżid, li l-qorti tar-rinviju ma identifikatx b’biżżejjed preċiżjoni r-regoli tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni. Barra minn dan, l-MMB tqis li ż-żewġ domandi magħmula mhumiex suxxettibbli li jwasslu għal risposta utli għall-qorti tar-rinviju, billi din tal-aħħar ma tkunx tista’ ġġib fit-tmiem l-affiljazzjoni obbligatorja ta’ Kattner, billi d-deċiżjoni inizjali ta’ affiljazzjoni tas-27 ta’ Jannar 2004 mhijiex ikkontestata.

24      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-ifformular tad-domandi preliminari, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju għal każ speċifiku u, għaldaqstant, li tikklassifika dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ regola bħal din. Madankollu, hija tista’, tipprovdi l-qorti nazzjonali b’interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 1987, Coenen, 37/86, Ġabra p. 3589, punt 8, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, Ġabra p. I-5869, punt 30). Fid-dawl ta’ din il-perspettiva, huwa, jekk neċessarju, għall-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, Ġabra p. I-2089, punt 30, u tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I-1315, punt 46).

25      Issa f’dan il-każ, jekk huwa minnu li, bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-Artikoli 81 KE u 82 KE għall-kawża prinċipali billi tiddeċiedi hija stess jekk l-MMB tikkostitwixxi impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li hija ma tippreċiżax f’dan ir-rigward iċ-ċirkustanzi rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kwalifika, xejn ma jostakola li din id-domanda tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tagħti lil din il-qorti interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun utli sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha.

26      Barra minn dan, hemm ukoll lok li jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta domanda preliminari tillimita ruħha li tirreferi għad-dritt Komunitarju, mingħajr ma ssemmi d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li għalihom hija tagħmel referenza, huwa għall-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mill-elementi kollha fornuti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jitolbu għal interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ April 1988, Bekaert, 204/87, Ġabra p. 2029, punti 6 u 7).

27      Issa f’dan il-każ, minkejja li l-ifformular tat-tieni domanda ma tidentifikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu interpretati, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li din id-domanda tfittex li tiddetermina jekk, kif Kattner issostni fil-kawża prinċipali, l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni bħall-MMB hijiex suxxettibbli li tikkostitwixxi restrizzjoni fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbiti mill-Artikoli 49 KE u 50 KE jew abbuż ipprojbit mill-Artikolu 82 KE, moqri, jekk neċessarju, flimkien mal-Artikolu 86 KE, b’mod li din id-domanda tkun tista’ tiġi fformulata mill-ġdid f’dan is-sens.

28      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, in-natura utli tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li trid tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi preliminari magħmula huma dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I-11125, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tiġi rriferuta mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f’rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi. Madankollu, iċ-ċaħda ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali mhix possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa f’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tal-affiljazzjoni obbligatorja ta’ Kattner mal-MMB taħt l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-kompatibbiltà ta’ din l-affiljazzjoni obbligatorja mal-Artikoli 49 KE u 50 KE, minn naħa, kif ukoll mal-Artikoli 82 KE u 86 KE, min-naħa l-oħra.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’għandux jiġi kkunsidrat li b’mod manifest jidher li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża li ġiet irriferuta lill-qorti tar-rinviju, li f’dan il-każ mhijiex ta’ natura ipotetika.

32      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 81 KE u 82 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp bħall-MMB, li miegħu l-impriżi kollha f’qasam partikolari ta’ ħidma u f’territorju speċifiku għandhom l-obbligu ta’ affiljazzjoni taħt l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, tikkostitwixxix impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

34      Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38).

35      F’dan il-każ, l-ewwel nett hemm lok li jingħad li l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħall-MMB, bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku, jikkontribwixxu fl-amministrazzjoni tas-sistema Ġermaniża tas-sigurtà soċjali u li f’dan ir-rigward, huwa jeżerċitaw funzjoni ta’ natura soċjali mingħajr l-ebda skop ta’ profitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, Ġabra p. I-2493, punt 51).

36      Fil-fatt, hekk kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’dak li jirrigwarda s-sistema legali Taljana ta’ assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, il-kopertura ta’ dan ir-riskju tirriżulta, għal żmien twil, mill-protezzjoni soċjali li l-Istati Membri jiggarantixxu lill-popolazzjoni tagħhom kollha jew parti minnha (sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I-1931, punt 17; tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, Ġabra p. I-5473, punt 44, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I-4325, punt 92).

38      Barra minn dan, sistema legali ta’ assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal protezzjoni soċjali obbligatorja għall-ħaddiema kollha, għandha għan soċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

39      Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tal-iSGB VII, din is-sistema għandha bħala għan, minn naħa, li tipprevjeni bil-mezzi kollha xierqa, inċidenti u mard fuq ix-xogħol kif ukoll ir-riskji kollha għas-saħħa assoċjati max-xogħol u, minn naħa l-oħra, li tistabbilixxi mill-ġdid, bil-mezzi kollha xierqa, is-saħħa u l-kapaċità għax-xogħol ta’ persuni assigurati kif ukoll li tipprovdi kumpens finanzjarju lil dawn tal-aħħar jew lid-dipendenti tagħhom.

40      Barra minn dan, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li din is-sistema tfittex li tassigura lill-persuni kollha protetti kopertura tar-riskji għal inċidenti u mard fuq ix-xogħol indipendentement minn kull żball li seta’ twettaq mill-vittma jew minn min iħaddem, u għalhekk mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ tfittxija tar-responsabbiltà ċivili tal-persuna li tikseb benefiċċji minn din l-attività perikoluża (ara, b’analoġija, sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

41      Barra minn dan, l-għan soċjali ta’ sistema bħal din huwa muri miċ-ċirkustanza li, hekk kif jirriżulta mill-inkartamenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħlasijiet isiru anki jekk il-kontribuzzjonijiet dovuti ma jkunux tħallsu, li jikkontribwixxi b’mod manifest għall-protezzjoni tal-ħaddiema kollha mill-konsegwenzi ekonomiċi ta’ inċidenti fuq ix-xogħol (ara, b’analoġija, sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

42      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan soċjali ta’ sistema ta’ assigurazzjoni mhijiex minnha nfusha biżżejjed sabiex teskludi li l-attività kkonċernata tkun ikklassifikata bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I-5751, punt 86; tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 à C‑184/98, Ġabra p. I-6451, punt 118, kif ukoll Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

43      Għalhekk għandu jiġi eżaminat b’mod partikolari, minn naħa, jekk din is-sistema tistax tiġi kkunsidrata bħala li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u, min-naħa l-oħra, safejn hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat, elementi li huma suxxettibbli li jeskludu n-natura ekonomika ta’ attività speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 sa 44).

–       Fuq l-implementazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà

44      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-implementazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà, jirriżulta, l-ewwel nett, minn evalwazzjoni globali tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali li din hija, bħas-sistema msemmija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39), iffinanzjata minn kontribuzzjonijiet li r-rata tagħhom mhijiex sistematikament proporzjonata mar-riskju assigurat.

45      Fil-fatt, l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet jiddependi mhux biss mir-riskju assigurat, iżda wkoll, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 153(1) sa (3) tal-iSGB VII, mir-remunerazzjoni tal-assigurati, fil-limiti ta’ ammont massimu, u, jekk neċessarju, ta’ ammont minimu (ara, b’analoġija, sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

46      Barra minn dan, permezz tal-Artikoli 152(1) u 153(1) tal-iSGB VII, l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet jiddependi wkoll mill-bżonnijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-prestazzjoni ta’ servizzi mill-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni kkonċernata għas-sena kalendarja li għaddiet. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-bżonnijiet finanzjarji jippermetti d-distribuzzjoni tar-riskji marbuta mal-attività tal-membri ta’ assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni fuq dawn kollha u dan lil hinn minn qasam wieħed ta’ attività minn fejn jirriżultaw, biex b’hekk jistabbilixxu wkoll komunità ta’ riskju fuq il-livell tal-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni.

47      Barra minn dan, ir-riskji li huma meħuda inkunsiderazzjoni għall-ikkalkular tal-kontribuzzjonijiet huma, bla ħsara għal ċerti aġġustamenti possibbli marbuta mal-attività ta’ impriżi individwali, dawk li huma relatati mal-qasam tal-attività li jirriżultaw minnu, fi ħdan ta’ kull assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni, il-membri ta’ dawn minn klassi ta’ riskju stabbiliti skont l-Artikolu 157 tal-iSGB VII, b’dawn il-membri jiffurmaw ukoll komunità ta’ riskju skont ir-riskji mġarrba minn dan il-qasam ta’ attività.

48      Barra minn dan, jidher li, skont l-Artikolu 176 tal-iSGB VII, l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni huma suġġetti għal obbligu ta’ kumpens bejniethom meta l-ispejjeż ta’ assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni jaqbżu b’mod sinjifikattiv l-ispiża medju ta-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni kollha. Jirriżulta minn dan li l-prinċipju tas-solidarjetà huwa wkoll implementat fuq il-livell ta’ territorju nazzjonali bejn l-oqsma ta’ attività kollha, billi l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni differenti huma minn naħa tagħhom magħquda f’komunità ta’ riskju li jippermettilhom jaħdmu bejniethom aġġustament tal-ispejjeż u tar-riskji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, Ġabra p. I-637, punt 12, kif ukoll AOK Bundesverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

49      Il-qorti tar-rinviju tqis li, għad-differenza tas-sistema Taljana kkonċernata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, is-sistema Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma tipprovdix sabiex il-kontribuzzjonijiet ma jaqbżux livell massimu, u, min-naħa l-oħra, hija implementata mhux biss minn korp wieħed f’pożizzjoni ta’ monopolju, iżda minn numru ta’ korpi li, skont din il-qorti, huwa f’sitwazzjoni ta’ oligopoli.

50      Dawn iż-żewġ elementi mhumiex madankollu ta’ natura li jqiegħdu lura fid-diskussjoni n-natura ta’ solidarjetà li għandha l-finanzjament ta’ sistema bħas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mill-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punti 44 sa 48 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali ta’ din is-sistema.

51      Fir-rigward tal-ewwel element, għandu jitqies li, jekk l-eżistenza ta’ livell massimu huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà, b’mod partikolari meta l-bilanċ tal-finanzjament huwa sostnut mill-impriżi kollha tal-istess klassi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), in-nuqqas tiegħu mhuwiex, minnu nnfisu tali li jkollu bħala effett li jneħħi lil sistema bil-karatteristiċi fuq imsemmija n-natura ta’ solidarjetà li għandha.

52      Barra minn dan, f’kull każ, meta l-Artikolu 153(2) tal-iSGB VII jipprovdi espressament li “il-pagi u s-salarji ta’ persuni assigurati għandhom jittieħdu bħala l-bażi ta’ kontribuzzjoni sal-ammont tad-dħul annwali massimu tagħhom”, huwa għall-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjoni tagħha għalhekk tirreferi espliċitament għal din id-dispożizzjoni, li tivverifika jekk, hekk kif qies il-Gvern Ġermaniż u wkoll kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ Kattner, din id-dispożizzjoni mhijiex ta’ natura li ssaħħaħ in-natura ta’ solidarjetà tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi tillimita indirettament l-ammont tal-kontribuzzjonijiet meta r-riskju assigurat huwa għoli.

53      Fir-rigward tat-tieni element imqajjem mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif ġa ġie indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Meta, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, Stat Membru jagħżel li jaqsam l-attività ta’ sistema tas-sigurtà soċjali bejn numru ta’ korpi differenti fuq bażi settorjali u/jew ġeografika, huwa effettivament jimplementa l-prinċipju tas-solidarjetà, anki jekk jillimita l-kuntest li fih dan jiġi applikat. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal fis-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni joperaw bejniethom, fuq livell nazzjonali, aġġustament tal-ispejjeż u tar-riskji.

54      Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Kattner, in-natura ta’ solidarjetà tal-iffinanzjar ta’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex effettwat miċ-ċirkustanza li l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni jistgħu, skont l-Artikolu 161 tal-iSGB VII, jiddeċiedu li jiffissaw kontribuzzjoni minima uniformi. Għall-kuntrarju, il-fatt li tiffissa kontribuzzjoni ta’ din in-natura, anki kieku, kif issostni Kattner, tnaqqas il-bżonnijiet finanzjarji ta’ tqassim, tidher li hija suxxettibbli li tikkontribwixxi għan-natura ta’ solidarjetà ta’ din is-sistema. Fil-fatt, fir-rigward tal-assigurati li r-remunerazzjoni tagħhom hija inqas minn dik li għaliha tikkorrispondi l-ammont ta’ kontribuzzjoni minima, l-eżistenza ta’ din timponi kontribuzzjoni li l-ammont tagħha mhux biss huwa uniformi għall-assigurati kollha tal-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni kkonċernata, iżda hija wkoll indipendenti mir-riskju assigurat u, għaldaqstant, tal-qasam tal-attivita li jagħmlu parti minnha dawn l-assigurati.

55      It-tieni nett, għandu jiġi osservat, ukoll bħal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40), li l-valur tas-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħall-MMB mhuwiex bilfors proporzjonali għar-remunerazzjoni tal-assigurat.

56      Fil-fatt, minkejja li l-ammont tar-remunerazzjoni huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li servizzi in natura, bħal servizzi ta’ prevenzjoni u ta’ riedukazzjoni, huma totalment indipendenti mir-remunerazzjoni. Dawn il-prestazzjonijiet ta’ servizzi huma ta’ natura sinjifikattiva, billi jikkorrispondu, skont il-qorti tar-rinviju, għal madwar 12 % tat-total tal-ispejjeż magħmula fl-2002 mill-MMB, kif ukoll, skont din tal-aħħar u l-Gvern Ġermaniż, għal ammont li jmur bejn il-25 % u t-30 % ta’ dan it-total.

57      Barra minn dan, fir-rigward tas-servizzi in natura, li għandhom l-għan li jkunu kumpens għal parti mit-telf tar-remunerazzjoni sostnuta insegwitu għal inċident jew mard fuq ix-xogħol, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma biss il-pagi bejn minimu u massimu – rispettivament, il-“paga minima annwali” u l-“paga massina annwali” – skont l-Artikolu 85 tal-iSGB VII, li huma meħuda inkunsiderazzjoni, li huwa madankollu għall-qorti tar-rinviju li tikkonferma. Barra minn dan, kemm-il Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni indikaw li l-ammont tal-benefiċċju għal min ma jistax jgħin lilu nnifsu huwa totalment indipendenti mill-kontribuzzjonijiet imħallsa, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bħal fil-kuntest tas-sistema inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għolja tista’ tagħti lok għal provvista ta’ servizzi limitati għal livell massimu u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet relattivament baxxi jistgħu jagħtu lok għal servizzi kkalkulati skont remunerazzjoni għola, hekk kif ukoll l-istess Kattner sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha.

59      In-nuqqas ta’ rabta diretta bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-provvista ta’ servizzi timplika solidarjetà bejn il-ħaddiema mħallsa aħjar u dawk li, fid-dawl tad-dħul baxx tagħhom, huma miċħuda minn kopertura soċjali adegwata jekk teżisti tali rabta (ara sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

–       Fuq il-kontroll eżerċitat mill-Istat

60      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-kontroll imwettaq mill-Istat, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, jekk il-liġi Ġermaniża fdat lill-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħal l-MMB l-implementazzjoni tal-assigurazzjoni legali kontra kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, dawn l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni jistgħu, fl-istati tagħhom, jiddeċiedu, minn naħa, li jieħdu l-ammont tal-pagi annwali minimu bħala bażi minima għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, skont l-Artikolu 153(3) tal-iSGB VII, u, min-naħa l-oħra, dak li Kattner tagħmel enfasi kbira fuqu fl-osservazzjonijiet tagħha, iżidu l-ammont tal-paga annwali massima li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet skont l-Artikolu 153(2), kif ukoll tas-servizzi skont l-Artikolu 85 tal-iSGB VII. Barra minn dan, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ Kattner, ikkonfermati fuq dan il-punt minn dawk tal-Gvern Ġermaniż, li, skont l-Artikolu 157(1) tal-iSGB VII, l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni jistabbilixxu b’mod awtonomu l-iskali tar-riskji u l-kategoriji tar-riskji użati fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet.

61      Madankollu, il-fatt li jingħata tali marġni ta’ manuvra lil assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħall-MMB, fil-kuntest ta’ sistema mmexxija minnhom stess, sabiex jistabbilixxu elementi li jiddeterminaw l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ servizzi mhijiex, bħala tali, ta’ natura li temenda n-natura tal-attività mwettqa minn dawn l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AOK Bundesverband et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

62      Fil-fatt, jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-marġni ta’ manuvra hija prevista u strettament irregolata mil-liġi, bl-iSGB VII li jindika, minn naħa, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet dovuti taħt is-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-lista sħiħa tal-provvisti ta’ servizzi taħt din is-sistema kif ukoll il-metodi kif jiġu pprovduti.

63      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Kattner, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet legali applikabbli, li madankollu għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, jiddeterminaw l-ammont minimu u l-ammont massimu ta’ remunerazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu, skont il-każ, tal-kontribuzzjonijiet u tas-servizzi, bl-ammont massimu biss li jkun jista’, jekk neċessarju, jiżdied permezz tal-istatuti tal-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni.

64      Barra minn dan, jidher, li madankollu għadu għall-qorti tar-rinviju li tivverifika, li l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni huma, f’dak li jirrigwarda l-elaborazzjoni tal-istatuti tagħhom, u b’mod partikolari l-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet u tas-servizzi skont is-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, suġġetti għall-kontroll tal-Istat Federali, li jintervjeni f’dan ir-rigward, skont id-dispożizzjonijiet tal-iSGB VII, bħala awtorità ta’ sorveljanza.

65      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, f’sistema legali ta’ assigurazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet u l-valur tas-servizzi, li jikkostitwixxu ż-żewġ elementi essenzjali ta’ sistema bħal din, jidhru, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jiġu effettwati mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, li jimplementaw il-prinċipju ta’ solidarjetà, li timplika li l-provvista ta’ servizzi mhijiex strettament proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet imħallsa, u, min-naħa l-oħra, hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għal verifika li għandha tiġi effettwata mill-qorti tar-rinviju ta’ dawn iż-żewġ elementi dwar il-prinċipju tas-solidarjetà u għall-kontroll tal-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontribuzzjoni fl-amministrazzjoni ta’ waħda mill-oqsma tradizzjonali tas-sigurtà soċjali, f’dan il-każ l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, korp bħall-MMB għandu funzjoni li hija ta’ natura esklużivament soċjali, b’mod li l-attività tiegħu mhijiex attività ekonomika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, dan il-korp ma jikkostitwixxix impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

67      Din il-konklużjoni ma tqiegħedx lura fid-diskussjoni ċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li, għad-differenza tas-sitwazzjoni prevalenti fil-kuntest tas-sistema Taljana inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cisal, iċċitata iktar ’il fuq, assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni bħall-MMB ma tassigurax l-amministrazzjoni tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni kkonċernata, iżda tipprovdi direttament is-servizzi ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, kif ukoll l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tagħhom tas-sigurtà soċjali, din iċ-ċirkustanza waħidha mhijiex, bħala tali, ta’ natura li taffettwa n-natura purament soċjali tal-funzjoni eżerċitata minn assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni bħal din, safejn din ma taffettwax la n-natura ta’ solidarjetà ta’ din is-sistema la l-kontroll imwettaq mill-Istat fuq din, hekk kif jirriżulta mill-analiżi ta’ qabel.

68      Konsegwentement, hemm lok li tingħata bħala risposta għall-ewwel domanda li l-Artikoli 81 KE u 82 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li magħha l-impriżi ta’ qasam ta’ attività u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati miegħu skont l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, ma jikkostitwixxix impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda għandu funzjoni ta’ natura esklużivament soċjali b’mod li dan il-korp jaħdem fil-kuntest ta’ sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u li din is-sistema hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 Fuq it-tieni domanda

69      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, l-Artikoli 49 KE u 50 KE, minn naħa, kif ukoll l-Artikoli 82 KE u 86 KE, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-impriżi ta’ qasam ta’ attività u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati ma’ korp bħall-MMB.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, fir-rigward tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda billi din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 82 KE u 86 KE, billi l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tiddependi mill-eżistenza ta’ impriża.

71      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 50 KE, għandu jiġi mfakkar li, la darba d-dritt Komunitarju, hekk kif ġa tqies fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ma jfixkilx il-kompetenza tal-Istati Membri fit-tmexxija tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, huwa għal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru kkonċernat li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu tal-assigurazzjoni f’sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 18, Smits u Peerbooms, punt 45, kif ukoll Watts, punt 92).

72      Il-Kummissjoni kif ukoll, fis-sustanza, il-Gvern Ġermaniż, jikkunsidraw li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-istituzzjoni ta’ obbligu ta’ affiljazzjoni ma’ sistema tas-sigurtà soċjali bħal dik prevista mil-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kompetenza waħdanija tal-Istati Membri, b’mod li din il-liġi taħrab mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 50 KE. L-ebda restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jmorru lil hinn mill-affiljazzjoni obbligatorja ma hija fil-fatt ikkonstata, b’mod li jkun imqiegħed fid-diskussjoni biss il-mod ta’ finanzjament ta’ sistema tas-sigurtà soċjali, u mhux il-provvista ta’ servizzi wara li jiġi kkonkretizzat ir-riskju soċjali assigurat.

73      Din it-teorija ma tistax tintlaqa’.

74      Fil-fatt, jekk huwa minnu, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li huwa għal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ affiljazzjoni għal sistema tas-sigurtà soċjali u, għaldaqstant, il-metodu ta’ finanzjament ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 19, kif ukoll Smits u Peerbooms, punt 46). Jirriżulta minn dan li din il-kompetenza tal-Istati Membri mhijiex illimitata (is-sentenza tat-3 ta’ April 2008, Derouin, C‑103/06, Ġabra 2008, p. I 1853, punt 25).

75      Konsegwentement, il-fatt li leġiżlazzjonali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss l-iffinanzjar ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, f’dan il-każ l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, billi tipprovdi għall-affiljazzjoni obbligatorja tal-impriżi li jaqgħu taħt is-sistema inkwistjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni li l-liġi tathom l-amministrazzjoni ta’ din l-assigurazzjoni mhijiex ta’ natura li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat KE, u b’mod partikolari ta’ dawn li jirrigwardaw il-libertà tal-provvista ta’ servizzi (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I-345, punt 35).

76      Għaldaqstant, is-sistema ta’ affiljazzjoni obbligatorja prevista mil-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 49 KE u 50 KE.

77      Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, hekk kif qieset Kattner quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-implementazzjoni minn Stat Membru ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-affiljazzjoni obbligatorja ta’ impriżi, taħt l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, lill-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħall-MMB, hija suxxettibbli li tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk, minn naħa, hija tostakolax il-possibbiltà għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipproponu, fuq is-suq tal-ewwel Stat Membru, is-servizzi tagħhom dwar l-assigurazzjoni ta’ riskji kkonċernati jew ta’ ċerti minnhom u, min-naħa l-oħra, jekk hija tiddiswadi lill-impriżi stabbiliti f’dan l-ewwel Stat Membru, bħala destinatarji tas-servizzi, li jassiguraw ruħhom ma’ dawn il-kumpanniji.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi titlob mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attrajenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C‑205/99, Ġabra p. I-1271, punt 21; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑202/04 u C‑94/04, Ġabra p. I-11421, punt 56, kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I-181, punt 55).

79      Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull liġi nazzjonali li għandha bħala effett li tagħmel il-provvista tas-servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli minn provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kohll, punt 33, kif ukoll Smits u Peerbooms, punt 61).

80      F’dan il-każ, jista’ jidher bħala dubjuż li, hekk kif l-Avukat Ġenerali qis essenzjalment fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riskji koperti mis-sistema legali ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew għall-inqas uħud minnhom, jistgħu jiġu assigurati ma’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni privati, b’mod li dawn tal-aħħar, fil-prinċipju, ma jaħdmux skont sistema li tinkludi l-elementi ta’ solidarjetà mħabbra fil-punti 44 sa 59 ta’ din is-sentenza.

81      Barra minn dan, billi s-sistema legali ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi biss, hekk kif jirriżulta mill-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, servizzi b’livell massimu u, għaldaqstant, kopertura minima, l-impriżi taħt din is-sistema jistgħu, kif ukoll tindika l-qorti tar-rinviju u hekk kif tammetti Kattner, jikkonkludu kuntratti ta’ assigurazzjoni supplimentari ma’ kumpanniji ta’ assigurazzjoni privati stabbiliti kemm fil-Ġermanja kif ukoll fi Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C‑355/00, Ġabra p. I‑5263, punt 62).

82      Madankollu, billi, hekk kif juru l-fatti fil-kawża prinċipali, is-sistema legali ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija wkoll intiża sabiex tkopri riskji li jistgħu jiġu assigurati ma’ kumpanniji tal-assigurazzjoni li ma jaħdmux skont il-prinċipju tas-solidarjetà, tali sistema hija suxxettibbli li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jixtiequ jipproponu kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji bħal dawn fl-Istat Membru kkonċernat, billi tostakola jew tagħmel inqas attraenti, jew ukoll twaqqaf, direttament jew indirettament, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freskot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

83      Barra minn dan, sistema bħal din hija wkoll suxxettibbli li tiskoraġġixxi, jew ukoll twaqqaf, l-impriżi suġġetti għaliha milli jindirizzaw lil oħrajn li jipprovdu servizzi ta’ assigurazzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra barra mill-Istat Membru ta’ affiljazzjoni u jikkostitwixxu wkoll għal dawn l-impriżi ostaklu għall-provvista libera ta’ servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16; Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

84      Madankollu, restrizzjoni bħal din tista’ tkun iġġustifikata meta tirriżulta minħabba f’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm tkun tajba sabiex jiġi ggarantit li jitwettaq l-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I-3091, punt 21; Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I-11135, punt 39).

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostaklu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kohll, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C‑444/05, Ġabra p. I-3185, punt 30).

86      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, obbligu ta’ affiljazzjoni ma’ sistema legali ta’ assigurazzjoni bħal dik prevista mil-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiża sabiex tassigura bilanċ finazjarju ta’ wieħed mill-oqsma tradizzjonali tas-sigurtà soċjali, f’dan il-każ l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol.

87      Fil-fatt, obbligu bħal dan, billi jassigura r-raggruppament flimkien tal-impriżi taħt is-sistema kkonċernata fil-komunità tar-riskji, jippermetti lil din, li tfittex, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, għan soċjali, li taħdem skont sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà, ikkaratterizzata, b’mod partikolari, mill-iffinanzjar permezz ta’ kontribuzzjonijiet li l-ammont tagħhom mhuwiex strettament proporzjonali mar-riskji assigurati u permezz ta’ servizzi li l-valur tagħhom mhuwiex strettament proporzjonali ma’ dawk tal-kontribuzzjonijiet.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tipprovdi obbligu ta’ affiljazzjoni, hija suxxettibbli li tkun iġġustifikata permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan illi tassigura l-bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, billi dan l-obbligu jiggarantixxi t-twettiq ta’ dan il-għan.

89      Fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk liġi bħal din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jirriżulta mill-elementi tal-inkartament ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, is-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali toffri kopertura minima, b’mod li, minkejja l-obbligu tagħha ta’ affiljazzjoni, huwa possibbli għall-impriżi li jikkompletaw din il-kopertura billi jidħlu f’assigurazzjonijiet supplimentari, dejjem jekk dawn ikunu disponibbli fuq is-suq. Din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi fattur favur il-proporzjonalità ta’ sistema legali ta’ assigurazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freskot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

90      Barra minn dan, f’dak li jirrigwarda l-estenzjoni ta’ kopertura bħal dik prevista minn din l-aħħar sistema, ma jistax jiġi eskluż li, hekk kif l-MMB issostni fl-osservazzjonijiet tagħha, jekk l-obbligu ta’ affiljazzjoni għandha tiġi limitata biss għal ċerti provvisti, bħal dawk li jirriżultaw mill-għan ta’ prevenzjoni, kif ukoll Kattner issemmi l-ipoteżi fl-osservazzjonijiet tagħha, impriżi li jimpjegaw, pereżempju, persunal żgħir fl-età u b’saħħithom li jwettqu attivitajiet li mhumiex ta’ periklu jfittxu kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġużi ma’ assiguraturi privati. Tluq progressiv tar-riskji “tajbin” jista’ jħalli lill-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni bħall-MMB għal sehem dejjem jikber ta’ riskji ‘ħżiena’, u b’hekk jiżdiedu l-ispejjeż tal-provvista, b’mod partikolari għall-impriżi li jiddisponu minn persunal kbir fl-età li jwettqu attivitajiet ta’ periklu, impriżi li fir-rigward tagħhom dawn l-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni ma jkunux iktar jistgħu jipproponu servizzi bi prezz aċċettabbli. Dan jiġri iktar u iktar meta, bħal fil-kawża prinċipali, is-sistema legali ta’ assigurazzjoni kkonċernata, meta timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà, tkun ikkaratterizzata b’mod partikolari minn nuqqas ta’ rabta strettament proporzjonali bejn il-kontribuzzjonijiet u r-riskji assigurati (ara, b’analoġija, is-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punti 108 u 109).

91      Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverfika n-natura neċessarja tas-sistema legali ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-għan ta’ bilanċ finanzjarju tas-sigurtà soċjali prevista minn din is-sitema billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kwistjoni quddiemha kif ukoll tal-indikazzjonijiet ipprovduti fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza.

92      Konsegwentement, hemm lok li tingħata bħala risposta għat-tieni domanda li l-Artikoli 49 KE u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-impriżi ta’ qasam ta’ attivita u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati ma’ korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm din is-sistema ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jassigura bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 81 KE u 82 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-impriżi ta’ qasam ta’ attività u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati miegħu skont l-assigurazzjoni kontra inċidenti u mard fuq ix-xogħol, ma jikkostitwixxix impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iżda għandu funzjoni ta’ natura esklużivament soċjali b’mod li dan il-korp jaħdem fil-kuntest ta’ sistema li timplementa l-prinċipju tas-solidarjetà u li din is-sistema hija suġġetta għall-kontroll tal-Istat, li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverfika

2)      L-Artikoli 49 KE u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-impriżi ta’ qasam ta’ attivita u ta’ territorju speċifiku għandhom l-obbligu li jkunu affiljati ma’ korp bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm din is-sistema ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jassigura bilanċ finanzjarju ta’ qasam tas-sigurtà soċjali, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.