Language of document : ECLI:EU:C:2010:377

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Appell – Pożizzjoni dominanti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Suq dinji tad‑djamanti mhux maħduma – Impenji individwali meħuda minn kumpannija u li jirrigwardaw it-terminazzjoni tax-xiri tagħha ta’ djamanti mhux maħduma minn kumpannija oħra – Deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji individwali meħuda minn kumpannija u li ttemm il-proċedura”

Fil-Kawża C‑441/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta’ Settembru 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Alrosa Company Ltd, stabbilita f’Mirny (ir-Russja), irrappreżentata minn R. Subiotto, QC, u K. Jones, solicitor-advocate, kif ukoll minn S. Mobley, solicitor,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, R. Silva de Lapuerta, E. Levits u C. Toader, Presidenti tal-Awla, A. Rosas, K. Schiemann (Relatur), M. Ilešič u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tal-11 ta’ Lulju 2007, Alrosa vs Il-Kummissjoni (T‑170/06, Ġabra p. II‑2601, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/520/KE, tat‑22 ta’ Frar 2006, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/B‑2/38.381 – De Beers) (ĠU L 205, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li tirrendi vinkolanti l-impenji meħuda minn De Beers SA (iktar ’il quddiem “De Beers”) li twaqqaf ix-xiri tagħha ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa Company Ltd (iktar ’il quddiem “Alrosa”) b’effett mis-sena 2009, wara fażi ta’ tnaqqis gradwali tal-volum ta’ xiri tagħha mis-sena 2006 sas-sena 2008 u li ttemm il-proċedura, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003:

“Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha [toffri impenji lill-Kummissjoni intiżi li jindirizzaw it-tħassib tagħha], il‑kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir‑rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’ rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni[jiet] ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal‑Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Deċiżjoni ta’ rabta ma tkunx xieraqa f’każi ffejn il-Kummissjoni qed taħseb li timponi multa.”

3        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li:

“Fejn il-Kummissjoni, [hija u ] taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm [tmiem] dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju [ta’] komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għal l-impriża kunċernata min rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

4        Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003:

“1.      Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm [tmiem] u l-impriża konċernata toffri rabta [impenn] li tilħaq il‑konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit [impenn] vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa [għandha] ttikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.

2.      Il-Kummissjoni tista’, fuq it-talba jew l-inizjattiva tagħha, terġa tiftaħ il‑proċeduri:

a)      fejn hemm bidla materjali f’kwalunkwe min dawn il-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

b)      fejn l-impriża konċernata tagixxi għal kontrarju tal-irbit tagħhom; jew

(ċ)       fejn id-deċiżjoni ġiet ibbażata fuq informazzjoni inkompluta, inkorreta jew qarrieqa previsti mil-partijiet.”

5        L-Artikolu 27(2) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li:

“2.      Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa [għandhom] jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa [għandhom] jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil‑prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser [ma għandux] jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal‑Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt għal aċċess mhux ser [ma għandux] jiġi estiż għall‑korrisp[o]ndenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, jew bejn dan ta’ l-aħħar, inc[k]luż dokumenti imfasla skond l‑Artikoli 11 u 14. Xejn f’dan il-paragrafu m’hu ħa jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni neċessarja biex tipprova xi ksur.

[…]

4.      Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 9 jew l‑Artikolu 10, hi ħa [għandha] tippublika il-każ konċiż u fil-qosor u l-kontenut prinċipali ta’ l-irbit [tal-impenn] jew ta’ azzjoni proposta. Terzi persuni interessati jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fl-limitu ta’ żmien stipulat mill‑Kummissjoni fil-pubblikazzjoni tagħha u dan ma jistax ikun iqsar minn xahar. Il-publikazzjoni tieħu konsiderazzjoni ta’ l-interess leġittimu ta’ l-impriża fil-protezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew deskritti fil-punti 8 sa 26 tas-sentenza appellata, kif ġej:

“8.      [Alrosa] hija kumpannija stabbilita f’Mirny (ir-Russja). Hija partikolarment attiva fis-suq dinji tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma, fejn tokkupa t-tieni post. Hija essenzjalment attiva fir-Russja. Hija twettaq attività ta’ esplorazzjoni, estrazzjoni, valutazzjoni u provvista, kif ukoll attività ta’ ġojjellerija.

9.      [De Beers] hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu). Il‑grupp De Beers, li tiegħu hija l-kumpannija holding prinċipali, huwa attiv ukoll fis-suq dinji tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ djamanti mhux maħduma, fejn jokkupa l-ewwel post. Huwa essenzjalment attiv fl‑Afrika t’Isfel, fil-Botswana, fin-Namibja u fit-Tan[ż]anija, kif ukoll fir‑Renju Unit. Huwa jwettaq hemmhekk attivitajiet ta’ esplorazzjoni, ta’ estrazzjoni, ta’ valutazzjoni, ta’ provvista, ta’ negozju u ta’ fabbrikazzjoni, kif ukoll attività ta’ ġojjellerija, u b’hekk ikopri s-settur kollu tad-djamanti.

10.      Fil-5 ta’ Marzu 2002, Alrosa u De Beers innotifikaw lill-Kummissjoni ftehim konkluż fis-17 ta’ Diċembru 2001 bejn Alrosa u żewġ kumpanniji sussidjarji tal-grupp De Beers, City and West East Ltd u De Beers Centenary AG (iktar ’il quddiem “il-ftehim innotifikat”), sabiex jiksbu negative clear[a]nce jew eżenzjoni skond ir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat‑Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

11.      Dan il-ftehim, li ġie konkluż fil-kuntest tar-relazzjoni kummerċjali li ilha għaddejja għal żmien twil bejn Alrosa u De Beers, kellu essen[z]jalment bħala suġġett il-provvista ta’ djamanti mhux maħduma.

12.      Il-ftehim ġie konkluż għal perijodu ta’ ħames snin li kellu jibda jiddekorri, skond l-Artikolu 12 tiegħu, mid-data li fiha l-Kummissjoni tikkonferma liż‑żewġ partijiet kontraenti li dan ‘ma kienx jikser l-Artikolu 1(1) KE, jew kien jistħoqqlu eżenzjoni skond l-Artikolu 81(3) KE u ma li ma kienx jikser b’xi mod ieħor l-Artikolu 82 KE’.

13.      Matul dan il-perijodu, Alrosa impenjat ruħha tbigħ djamanti naturali mhux maħduma prodotti fir-Russja lil De Beers sa ammont ta’ USD 800 000 000 fis-sena, filwaqt li De Beers impenjat ruħha tixtrihom mingħandha, skond l‑Artikolu 2.1.1 tal-ftehim innotifikat. Madankollu, fir-raba’ u l-ħames sena ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim innot[i]fikat, Alrosa kienet awtorizzata li tnaqqas dan l-ammont għal USD 700 000 000, skond l-Artikolu 2.1.2 tal‑ftehim innotifikat. L-ammont ta’ USD 800 000 000, stabbilit skond il‑prezzijiet fis-seħħ fid-data meta ġie konkluż dan il-ftehim innotifikat, jikkorrispondi għal madwar nofs il-produzzjoni annwali ta’ Alrosa u għall‑produzzjoni kollha esportata barra mill-Komunità ta’ l-Istati Indipendenti (KSI).

14.      Fl-14 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni ba[għ]tet dikjarazzjoni ta’ l‑oġġezzjonijiet li[l] [Alrosa] u lil De Beers bir-riferenza COMP/E 3/38.381, li fiha hija qieset li l-ftehim innotifikat seta’ jikkostitwixxi akkordju antikompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE u ma setax jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE. Fl-istess ġurnata, hija bagħtet dikjarazzjoni ta’ l‑oġġezzjonijiet separata lil De Beers bir-riferenza COMP/E 2/38.381, li fiha hija qieset li l-ftehim seta’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 82 KE.

15.      Fil-31 ta’ Marzu 2003, [Alrosa] u De Beers bagħtu osservazzjonijiet bil‑miktub komuni lill-Kummissjoni fi tweġiba għad-dikjarazzjoni ta’ l‑oġġezzjonijiet magħmula fil-każ COMP/E 3/38.381.

16.      Fl-1 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l‑oġġezzjonijiet supplementari li[l] [Alrosa] u lil De Beers, li fiha hija qieset li l-ftehim innotifikat seta’ wkoll jikkostitwixxi akkordju antikompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-Żona Ekonika Ewropea (ŻEE) [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-‘Ftehim ŻEE’),] u ma setax jiġi eżentat skond l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fl-istess ġurnata, hija bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet supplementari separata lil De Beers li kienet tgħid li l-ftehim innotifikat seta’ wkoll jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill‑Artikolu 54 ta[l]-Ftehim taż-ŻEE.

17.      Fis-7 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni semgħet l-osservazzjonijiet orali ta[’] [Alrosa] u ta’ De Beers.

18.      Fit-12 ta’ Settembru 2003, [Alrosa] pproponiet impenji li kienu jinvolvu t‑tnaqqis progressiv tal-kwantità ta’ djamanti mhux maħduma mibjugħa lil De Beers mis-sitt sena wara l-implementazzjoni tal-ftehim innotifikat u, mill-2013, impenn li ma tbigħx iktar djamanti mhux maħduma lil De Beers. [Alrosa] reġgħet tenniet dawn l-impenji sussegwentement.

19.      Fl-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti u De Beers ippreżentaw flimkien xi impenji (iktar ’il quddiem l-‘impenji kollettivi’) sabiex jiġu pplakati l‑preokupazzjonijiet li dwarhom [jindirizzaw it-tħassib li dwaru] kienet infurmathom il-Kummissjoni. Dawn l-impenji kollettivi kienu jipprovdu għat-tnaqqis progressiv tal-bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa lil De Beers, li l-valur tagħhom kellu jinżel minn USD 700 000 000 fl-2005 għal USD 275 000 000 fl-2010, u sussegwentement kellhom jiġu limitati għal dan il-livell.

20.      Fit-3 ta’ Ġunju 2005, ‘[k]omunikazzjoni […] fil-każ COMP/E 2/38.381 – De Beers Alrosa’ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU C 136, p. 32, iktar ’il quddiem il-‘komunikazzjoni fil-qosor’). Fiha, il‑Kummissjoni indikat li rċeviet impenji min-naħa ta’ Alrosa u ta’ De Beers waqt li kien qed isir l-eżami tal-ftehim skond l-Artikoli 81 KE, 82 KE, 53 tal-Ftehim taż-ŻEE u 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (punt 1), fissret fil-qosor il‑każ (punti 3 sa 10) u ddeskriviet l-impenji proposti (punti 11 sa 15). Hija stiednet ukoll lil terzi persuni interessati sabiex jippreżentawlha l‑osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar (punti 2 u 17) u ddikjarat li kienet parti mill-intenzjoni tagħha li taddotta deċiżjoni li tivvinkola l‑impenji kollettivi, b’riżerva għar-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni ma’ l‑atturi fis-suq (punti 2 u 16).

21.      Wara din il-pubblikazzjoni, 21 terzi persuni interessati ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, li informat lil Alrosa u lil De Beers bihom fis-27 ta’ Ottubru 2005. Waqt din il-laqgħa, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet sabiex jippreżentawlha, qabel tmiem ix-xahar ta’ Novembru 2005, impenji ġodda kollettivi li kienu jxaqilbu lejn id-direzzjoni ta’ waqfien komplet mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mill-2009.

22.      Fil-25 ta’ Jannar 2006, De Beers individwalment ippreżentat xi impenji (iktar ’il quddiem l-‘impenji individwali ta’ De Beers’) intiżi sabiex jipplakaw [jindirizzaw] it-tħassib espress mill-Kummissjoni fid-dawl tar‑riżultati tal-konsultazzjoni ma’ l-atturi fis-suq. L-impenji individwali ta’ De Beers kienu jipprovdu għat-tnaqqis progressiv tal-bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma minn Alrosa lil De Beers, li l-valur tagħhom kellu jinżel minn USD 600 000 000 fl-2006 għal USD 400 000 000 fl-2008, kif ukoll il‑waqfien sussegwenti tal-bejgħ.

23.      Fis-26 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni informat li[l] [Alrosa] b’parti mill‑impenji individwali ta’ De Beers u stednitha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett. Hija bagħtitila wkoll kopja tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-kummenti magħmula mit-terzi persuni.

24.      Sussegwentement, sar skambju ta’ opinjonijiet bejn [Alrosa] u l‑Kummissjoni fir-rigward ta’ ċertu aspetti tal-proċedura previsti mill‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-implikazzjonijiet tagħhom f’dan il-każ. Il-kwistjonijiet prinċipali kienu dik ta’ l-aċċess għall-fajl, kif ukoll il-kwistjoni tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt li jinstemgħu l-partijiet. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Frar 2006, [Alrosa] pprovdiet xi kummenti fuq l-impenji individwali ta’ De Beers u fuq l-osservazzjonijiet tat-terzi persuni.

25.      Fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni adottat id-[d]eċiżjoni [inkwistjoni].

26.      Skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ‘[l]-impenji elenkati fl-anness huma vinkolanti fir-rigward ta’ De Beers’ u, skond l-Artikolu 2, ‘[i]l-proċedura mibdija f’dan il-każ hija magħluqa’.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7        Fid-29 ta’ Ġunju 2006, Alrosa ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi bbażati rispettivament fuq:

–        ksur tad-dritt għal smigħ;

–        ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprojbixxi li jiġu imposti fuq impriża kkonċernata, a fortiori għal perijodu indeterminat, impenji li hija ma tkunx ikkonkludiet volontarjament;

–        natura eċċessiva tal-impenji li saru vinkolanti, bi ksur tal-imsemmi Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 82 KE, tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

8        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza inkwistjoni. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej.

9        Fil-punt 126 tas-sentenza inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “d-deċiżjoni [inkwistjoni kienet] [i]vvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni li, barra minn hekk, huwa manifest. Fil-fatt, [kien] jirriżulta b’mod ċar miċ-ċirkustanzi tal-każ li soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi mill-projbizzjoni permanenti ta’ tranżazzjonijiet bejn De Beers u Alrosa kienu possibbli biex jintlaħaq l-għan tad‑deċiżjoni [inkwistjoni], li d-determinazzjoni tagħhom ma kinitx tippreżenta diffikultajiet tekniċi partikolari u li l-Kummissjoni ma setgħetx ma teżaminahomx”.

10      Fil-punt 128 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, prima facie, l‑iktar soluzzjoni xierqa għaldaqstant kienet li jiġi pprojbit lill-partijiet li jikkonkludu kull ftehim li jippermetti lil De Beers tirriżerva għaliha nfisha t‑totalità, jew anki parti sostanzjali, tal-produzzjoni ta’ Alrosa esportata barra mill‑Komunità ta’ Stati indipendenti, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi pprojbit kull xiri min-naħa ta’ De Beers tad-djamanti prodotti minn Alrosa.

11      Fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx b’liema mod l-impenji kollettivi ma kinux adatti sabiex jindirizzaw it-tħassib espress fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tagħha. Fil‑punt 132 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-imsemmija impenji kollettivi, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni, kienu jikkostitwixxu madankollu miżura inqas restrittiva minn dik li hija ddeċidiet li tirrendi vinkolanti.

12      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li Alrosa ġustament kienet sostniet, minn naħa, li l-projbizzjoni ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali bejn De Beers u bejnha għal żmien indeterminat kienet teċċedi b’mod ċar dak li kien neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, min-naħa l‑oħra, li kienu jeżistu soluzzjonijiet oħra, proporzjonali għal dan il-għan. Hija sostniet ukoll li l-użu tal-proċedura li tippermetti li jsiru vinkolanti l-impenji proposti minn impriża kkonċernata ma jeħilsux lill-Kummissjoni mill-obbligu li tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jitlob verifika in concreto tal-vijabbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet intermedjarji. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 157 tal-imsemmija sentenza, li l-motiv ta’ Alrosa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kien fondat u d-deċiżjoni kellha tiġi annullata għal dan il-motiv biss.

13      Madankollu, b’mod sussidjarju, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv ta’ Alrosa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

14      Fil-punti 176, 177, 186 u 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li Alrosa kienet involuta fiż-żewġ proċeduri mibdija mill-Kummissjoni wara n-notifika tal-ftehim tagħha ma’ De Beers u peress li l-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE minn dejjem ġew ikkunsidrati de facto bħala proċedura waħda, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn Alrosa u minn De Beers, il-konnessjoni bejn iż-żewġ proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni kif ukoll il-fatt li d-deċiżjoni ssemmi espressament lil Alrosa, kellhom iwasslu sabiex jiġu rrikonoxxuti lil din tal-aħħar, fir-rigward tal-proċedura sħiħa, drittijiet mogħtija lil “impriża konċernata” skont ir-Regolament Nru 1/2003, minkejja li, stricto sensu, hija ma hijiex tali impriża fil-proċedura relatata mal-Artikolu 82 KE.

15      Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 191 tas-sentenza appellata, li r-rispett tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju għal persuna partikolari jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21).

16      Wara li kkonstatat, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ċertament iġġustifikata li tqis, wara li kienet irċeviet l-osservazzjonijiet ta’ terzi, li l-impenji kollettivi ma indirizzawx it-tħassib espost fil-kuntest tal-evalwazzjoni preliminari tagħha, il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet, fil-punt 196 tal imsemmija sentenza, li r-rispett tad-dritt għal smigħ jeżiġi, f’każ bħal dak inkwistjoni, minn naħa, li l-impriżi li jkunu pproponew impenji jiġu informati dwar il-fatti essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex teżiġi impenji ġodda u, min-naħa l-oħra, li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom f’dan ir rigward. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, fil-każ inkwistjoni, Alrosa ngħatat biss informazzjoni fil-qosor dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni nisslet mill-osservazzjonijiet ta’ terzi. Fil-fatt, fil-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, il Kummissjoni sempliċement informatha bil-fatt li l-kummenti tat-terzi kienu prinċipalment jirrigwardaw ir riskju ta’ tqassim tas-suq u r-riskju ta’ akkordju bejn De Beers u Alrosa, kif ukoll li l-membru tal-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni kien talab lit-tim responsabbli għall-fajl biex ma jaċċettax l-impenji kollettivi kif kienu ġew ippreżentati. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, matul l-istess laqgħa, Alrosa rċeviet sunt tal osservazzjonijiet ta’ terzi u ġiet informata bin-natura tal-impenji li l Kummissjoni kienet qed tistenna mill-partijiet, wara r riżultat negattiv tal-konsultazzjoni mat-terzi, jiġifieri t-terminazzjoni ta’ kull relazzjoni b’effett mill-2009 u proposta ġdida ta’ impenji fuq din il-bażi.

17      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li peress li ma bbenefikatx mill-possibbiltà li teżerċita b’mod sħiħ id-dritt għal smigħ tagħha fir rigward tal-impenji individwali ta’ De Beers minħabba l-fatt li l-osservazzjonijiet ta’ terzi ġew trażmessi lilha fl-istess ħin li fih ġiet trażmessa l kopja tal-impenji individwali ta’ din tal-aħħar, ma kienx għaldaqstant possibbli għal Alrosa li twieġeb fil-ħin u tipproponi impenji kollettivi ġodda ma’ De Beers.

18      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 203 tal-imsemmija sentenza li, fiċ ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, Alrosa kellha dritt għal smigħ fir-rigward tal impenji individwali ta’ De Beers li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirrendi vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 82 KE u li hija ma bbenefikatx mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod sħiħ.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti deċiżjoni definittiva fil-kawża preżenti billi tikkonstata li r-rikors għal annullament ippreżentat fil-Kawża T‑170/06 huwa infondat;

–        tikkundanna lil Alrosa għall-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-proċeduri tal‑Kawża T-170/06 u tal-appell preżenti.

20      Alrosa titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġoba:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lill-Kummissjoni tirrimborsaha għall-ispejjeż, b’mod partikolari, għall-ispejjeż ġudizzjarji, li hija sostniet minħabba din l-istanza, u

–        tadotta kwalunkwe miżura li hija tqis xierqa.

 Fuq l-appell

21      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati mill-Qorti Ġenerali tad-dritt għal smigħ.

 Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

22      L-ewwel aggravju tal-Kummissjoni jinkludi żewġ partijiet. Permezz tal‑ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u ma osservatx ir-rekwiżiti tar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

23      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li, waqt l-eżami tan-natura proporzjonata tal-impenji, applikat b’mod żbaljat l-imsemmi Artikolu 9, wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 82KE, injorat il-portata vera tal-istħarriġ ġudizzjarju, żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll il-fatti u ma mmotivatx b’mod suffiċjenti s-sentenza appellata fir-rigward ta’ diversi punti.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata mill‑Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti tar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003

–       L-argumenti tal-partijiet

24      Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssottovalutat l-importanza tal-karatteristiċi essenzjali tad-deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u kkompromettiet l‑applikazzjoni futura ta’ din id-dispożizzjoni.

25      Filwaqt li taċċetta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika għal deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tikkritika l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 101 u 104 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li, essenzjalment, l-eżami tan-natura proporzjonata ta’ deċiżjoni huwa identiku, kemm jekk isir skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Tali approċċ jikser id-differenzi fundamentali li jeżistu bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Fil-fatt, b’differenza mid-deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, id‑deċiżjonijiet dwar l-impenji meħuda skont l-Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar ma jikkostitwixxux ksur u lanqas ma jiddikjaraw il-waqfien ta’ ksur. Għaldaqstant, l‑imsemmi Artikolu 9 ma jillimitax ruħu għal tnaqqis tal-oneru tal-prova fir‑rigward tal-konstatazzjoni ta’ ksur.

26      Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li, fis-sentenza appellata, evalwat il-kontenut regolatorju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità b’riferiment għall‑mod kif tali prinċipju japplika fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu skont l‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, bħallikieku l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar li kellu jsir kien l-istess indipendentement mill-kuntest regolamentari. Tali interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jċaħħad l-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 1/2003 mill-effettività tiegħu.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li, fil‑punti 103 sa 105 tas-sentenza appellata, qieset li l-eżami tan-natura proporzjonata tal-impenji kellu jinjora n-natura volontarja ta’ dawn tal-aħħar. Hija tqis li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu, minn tal-inqas, jiġi interpretat fis-sens li l-impriża li tipproponi l-impenji għandha tagħżel il-metodu li bih hija tixtieq tindirizza t-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni u li tkun favur li tali impenji jsiru vinkolanti. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-impenn ta’ De Beers kien jikkostitwixxi għażla libera ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-mod li bih hija riedet tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni.

28      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-intepretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tnaqqas l-interess li għandha l‑proċedura pprovduta f’din id-dispożizzjoni peress li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali introduċiet in-neċessità, għall-Kummissjoni, li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, saħansitra fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 9.

29      F’dan ir-rigward, Alrosa ssostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jibqa’ l-istess indipendentement mis-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni, anki jekk l-intensità tal‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat tvarja minn kawża għall-oħra. Skont Alrosa, il‑Qorti Ġenerali kkonformat ruħha mal-prassi ġudizzjarja u qajmet il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex soluzzjonijiet alternattivi raġonevoli u inqas vinkolanti qabel ma ddeċidiet li dan kien il-każ.

30      Alrosa tqis li, punti 101 u 140 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali ma obbligatx lill-Kummissjoni tipparaguna l‑impenji proposti mal-miżuri li setgħu jinsabu f’deċiżjoni ipotetika adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda pprekludietha milli taċċetta soluzzjoni sproporzjonata sempliċement peress li fil-kuntest tal-proċedura skont l‑Artikolu 9 ta’ dan l-istess regolament, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tipprova l-eżistenza ta’ ksur. Skont Alrosa, fil-fatt, fis-sentenza appellata hemm indikat li kien manifestament sproporzjonat, fid-dawl tal-għan imfittex, li De Beers tintalab, skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, twaqqaf kull relazzjoni kummerċjali diretta jew indiretta ma’ Alrosa. Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni, ir-riferiment li tagħmel il‑Qorti Ġenerali għall-Artikolu 7 ma jistax jinftiehem fis-sens li jeżiġi li, fil‑kawżi kollha li jikkonċernaw l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, il‑Kummissjoni tamministra proċedura parallela u ipotetika skont l-imsemmi Artikolu 7.

31      Alrosa tqis li jekk deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tkun manifestament ta’ natura sproporzjonata fi proċedura mibdija skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u li jista’ jiġi kkonstatat ksur, din id-deċiżjoni tkun a fortiori ta’ tali natura fil-każ fejn għandu japplika l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, minn tal‑inqas meta, bħal fil-każ inkwistjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenji offruti skont l‑imsemmi Artikolu 9 kien ikollha konsegwenzi dannużi għall-impriża li ma tatx il-kunsens tagħha li kellha l-istatus ta’ parti fil-proċeduri.

32      Skont Alrosa, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-poteri li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. In-neċessità, għal din tal‑aħħar, li tieħu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet alternattivi inqas vinkolanti u li tinjora l-impenji li ma jistgħux, manifestament, jindirizzaw it-tħassib, ma tikkostitwixxix ostakolu insormontabbli għat-twettiq tal-kompitu tagħha.

33      Alrosa ssostni li hija ġiet eskluża min-negozjati relatati mal-impenji alternattivi prevedibbli. In-natura volontarja tal-impenji individwali ta’ De Beers ma kellhiex tkun rilevanti għall-eżami tan-natura proporzjonata tal-impenji aċċettati mill‑Kummissjoni, sa fejn jaffettwaw lil Alrosa.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta lil l-Kummissjoni tista’, meta hija għandha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni li teżiġi l-waqfien ta’ ksur, tivvinkola l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, meta huma ta’ natura li jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fl-evalwazzjoni preliminari.

35      Dan jikkonċerna mekkaniżmu ġdid introdott mir-Regolament Nru 1/2003 u intiż li jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni pprovduti mit‑Trattat KE, permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jivvinkolaw l-impenji proposti mill-partijiet u meqjusa xierqa mill-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni iktar malajr għall-problemi tal-kompetizzjoni li hija tkun identifikat, minflok li taġixxi permezz ta’ konstatazzjoni formali ta’ ksur. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament huwa ispirat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u jippermetti lill-impriżi jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċedura, billi jipproponu soluzzjonijiet li jidhru adatti u xierqa sabiex jindirizzaw l-imsemmi tħassib tal-Kummissjoni.

36      Kif irrilevaw il-partijiet u l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja li, kuntrarjament għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, l‑Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar ma jirreferix b’mod espliċitu għall-kunċett ta’ proporzjonalità, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni, inklużi deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta bħala awtorità tal‑kompetizzjoni.

37      Fid-dawl ta’ dan, fil-kuntest tal-eżami tal-azzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni, kemm fil-kuntest tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal‑Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar, iqumu dejjem il-kwistjonijiet, minn naħa, tal-portata u tal-limiti eżatti tal-obbligi li jirriżultaw mill-osservanza ta’ dan il-prinċipju u, min-naħa l‑oħra, tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat.

38      Għaldaqstant, il-karatteristiċi speċifiċi tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-metodi ta’ azzjoni li joffri dan ir-regolament bis‑saħħa ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti, u dan jimplika li l-obbligu li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li għandha l-Kummissjoni, għandu portata u kontenut differenti skont fil-kuntest ta’ liema wieħed minn dawn l-artikoli jiġi kkunsidrat.

39      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jindika b’mod espliċitu l-firxa tal-portata tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi kkonċernati kwalunkwe rimedju strutturali jew komportamentali li huwa proporzjonat mal-ksur kommess u li huwa neċessarju sabiex effettivament jitwaqqaf il-ksur.

40      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi biss li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 13 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami, u għall‑aċċettazzjoni eventwali, ta’ impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid‑dawl tal-problemi li hija identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha u fir‑rigward tal-għanijiet tagħha.

41      L-implementazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa limitat għall-verifika dwar jekk l‑impenji inkwistjoni jindirizzawx it-tħassib li dwaru hija informat lill-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma offrewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib. Fl-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il‑Kummissjoni għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi.

42      L-istħarriġ ġudizzjarju, min-naħa tiegħu, jikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni kinitx manifestament żbaljata.

43      Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-argument li jgħid li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tipproduċi effetti identiċi kemm fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fir-rigward ta’ dawk adottati skont l‑Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament.

44      Fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li jkun kuntrarju għall-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 jekk deċiżjoni, li skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li hija sproporzjonata mal-ksur ikkonstatat, tkun tista’ tiġi adottata billi jsir rikors għall‑proċedura pprovduta fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, taħt il-forma ta’ impenn li sar vinkolanti.

45      Din il-konstatazzjoni hija żbaljata.

46      Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, żewġ għanijiet differenti, wieħed intiż li jtemm il-ksur ikkonstatat u l-ieħor li jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni li jirriżulta mill‑evalwazzjoni preliminari tagħha.

47      Għalhekk, xejn ma jiġġustifika li l-miżura li tista’ possibbilment tiġi imposta fil‑kuntest tal-Artikolu 7 tar-Regolament 1/2003 għandha sservi bħala riferiment għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-portata tal-impenji aċċettati skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament u li dak kollu li jmur lil hinn mill-imsemmija miżura għandu jiġi awtomatikament ikkunsidrat li ma huwiex proporzjonat. Għalhekk, anki jekk id‑deċiżjonijiet adottati skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma, kull waħda minnhom, suġġetti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-applikazzjoni ta’ dan il‑prinċipju huwa madankollu differenti skont jekk tkunx ikkonċernata dispożizzjoni waħda jew oħra.

48      L-impriżi li joffru impenji abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jaċċettaw xjentement li l-konċessjonijiet tagħhom jistgħu jmorru lil hinn minn dak li l-Kummissjoni stess tista’ timponi fuqhom f’deċiżjoni li hija tadotta skont l‑Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament wara li jkun sar eżami fid-dettall. Min-naħa l‑oħra, l-għeluq tal-proċedura ta’ ksur mibdija fir-rigward ta’ dawn l-impriżi tippermettilhom jevitaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l‑possibbiltà li tiġi applikata multa.

49      Barra minn hekk, il-fatt li l-impenji individwali offruti minn impriża jkunu saru vinkolanti mill-Kummissjoni ma jimplikax li impriżi oħra jiċċaħdu mill‑possibbiltà li jipproteġu d-drittijiet eventwali tagħhom fil-kuntest tar‑relazzjonijiet tagħhom ma’ din l-impriża.

50      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija fondata meta ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi evalwat, fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, b’riferiment għall-mod kif tali applikazzjoni tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, minkejja l‑loġika differenti li għandhom dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Qorti Ġenerali

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkonstesta inter alia l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali, li tgħid li, peress li l-impenji kollettivi proposti kienu suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib tagħha, hija kellha taċċettahom. Din l-istituzzjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali bi ksur tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija tgawdi fil-qasam ikkonċernat.

52      Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li s-sentenza appellata ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li nġabru waqt il-konsultazzjoni pubblika li saret skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li wrew b’mod ċar li, skont id-diversi terzi kkonċernati, l-impenji kollettivi, u l-limitu ta’ USD 275 miljun propost kienu insuffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib fil‑qasam tal-kompetizzjoni espost fin-notifika tal-imsemmi Artikolu 27(4) u li l‑impenji kellhom isaħħu l-kontroll eżerċitat minn De Beers fis-suq. Żewġ osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi jispjegaw b’mod partikolari l-mod kif xiri permanenti ta’ kwantità kunsiderevoli ta’ djamanti kellu jippermetti lil De Beers iżomm ir-rwol tagħha ta’ “mexxej tas-suq” lil hinn mill-valur tal-produzzjoni tagħha stess.

53      Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li, fil-punt 136 tas‑sentenza appellata, hija kkonkludiet li, minkejja l-fatt li din il-konsultazzjoni pubblika tat lok għal riżultati negattivi, l-impenji kollettivi kienu suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-imsemmija konsultazzjoni kellhom iwasslu lill-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan kien jikkonċerna qasam relattivament kumpless li fih il-Kummissjoni kienet tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ jew, minn tal-inqas, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni.

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija ltaqgħet ma diffikultajiet kbar sabiex tidentifika limitu ta’ bejgħ adatt sabiex jindirizza t-tħassib fil-qasam tal‑kompetizzjoni, fid-dawl tal-fatt li r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika kienu fil-biċċa l-kbira negattivi. Hija tgħid li din il-kumplessità kienet b’mod partikolari dovuta għall-fatt li indipendentement mil-limitu li jkun hemm, dan huwa suġġett għal varjazzjonijiet annwali skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, fil‑punt 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li hija ma kienet ser twettaq ebda analiżi ekonomika kumplessa u li fil-punt 126 ta’ din is-sentenza kkonkludiet li, fi kwalunkwe każ, ma kienx hemm dawn id-diffikultajiet.

55      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti ġew żnaturati b’mod sostanzjali. Mill‑proċess jirriżulta b’mod manifest li hija qatt ma ssuġġerixxiet li hija ma riditx tieħu azzjoni sabiex tevalwa l-livell kwantitattiv rilevanti. Hija spjegat li, wara li kienet wettqet l-analiżi ekonomika, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tindirizza t‑tħassib kollu fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, hija aċċettat impenn li kien jagħtiha iktar ħin fir-rigward ta’ investigazzjoni kumplessa.

56      Min-naħa tagħha, Alrosa tikkritika lill-Kummissjoni li aġixxiet b’opportuniżmu, fid-dawl tal-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi, jiġifieri, pereżempju, l-iffissar ta’ limitu miftiehem li jillimita l-bejgħ tagħha lil De Beers, kien wassal għal dewmien fil-proċedura. Fil-fehma tagħha, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tidher li tissuġġerixxi, minn naħa, li t-trattament tal-kawża kien urġenti u li din l-isituzzjoni ma kellhiex żmien biżżejjed sabiex tiddeċiedi jekk waħda mis-soluzzjonijiet alternattivi proposti minn Alrosa setgħetx tindirizza dan it-tħassib, u min-naħa l-oħra, li l-miżuri proposti kienu kkumplikati u diffiċli sabiex jiġu analizzati. Issa, dan ma kienx il-każ.

57      Alrosa ssostni li, bħala soluzzjoni alternattiva għall-projbizzjoni kompleta u permanenti ta’ kull bejgħ ta’ djamanti lil De Beers, hija kienet ipproponiet li tnaqqas il-volum tal-bejgħ tagħha lil din tal-aħħar u, sussegwentement, li tillimita l-bejgħ tagħha għall-ammont annwali miftiehem mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, Alrosa pproponiet li, minn tal-inqas, tkun awtorizzata tbigħ djamanti mhux maħduma billi tirrikorri għall-bejgħ bl-imnut lill-aħjar offerent, inkluż De Beers, u din il-proposta ġiet miċħuda mill-Kummissjoni.

58      Bl-istess mod, skont Alrosa, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ssuġġerixxiet li l-Kummissjoni għandha taġixxi bi preċiżjoni xjentifika meta tevalwa soluzzjonijiet possibbli. Kuntrarjament, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi b’mod espliċitu li l-Kummissjoni għandha tingħata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr madankollu ma tingħata setgħa ta’ diskrezzjoni bla limitu, li jkollha konsegwenzi negattivi fuq terzi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni eżaminat l-impenji kollettivi wara li stiednet lil terzi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u wara li kkonstatat in-natura negattiva tar-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika. Minn dan hija kkonkludiet li dawn l-impenji ma kinux suffiċjenti.

60      Sabiex tingħata tweġiba għall-ilment tal-Kummissjoni u sabiex jiġi evalwat jekk huwiex minnu, kif issostni din tal-aħħar, li l-Qorti Ġenerali abbużat mill-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fil-kuntest tal-aċċettazzjoni ta’ impenji skont l‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tiġi stabbilita, l-ewwel nett, il‑portata ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

61      Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tfittex hija stess soluzzjonijiet inqas rigorużi jew iktar moderati mill-impenji li ġew proposti lilha, kif ġie rrilevat fil-punti 40 u 41 tas-sentenza preżenti, l-uniku obbligu li hija kellha fil‑kawża inkwistjoni, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-impenji, kien li tivverifika jekk l-impenji kollettivi, ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura skont l‑Artikolu 81 KE, kinux suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib li hija kienet identifikat fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 82 KE.

62      Kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, il‑Kummissjoni, wara li saret taf bir-riżultati tal-investigazzjoni li hija kienet għamlet fis-suq, ikkonkludiet li l-impenji kollettivi ma kinux xierqa sabiex isolvu l-problemi tal-kompetizzjoni li hija kienet identifikat.

63      Il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni biss jekk hija kkonstatat li l-imsemmija konklużjoni tal‑Kummissjoni kienet evidentement infondata, fid-dawl tal-fatti stabbiliti minnha.

64      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx din il-konstatazzjoni.

65      Min-naħa l-oħra, hija eżaminat soluzzjonijiet oħra inqas vinkolanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkluż aġġustamenti possibbli tal-impenji kollettivi, fil-punti 128 u 129, kif ukoll fil-punti 137 sa 153 tas‑sentenza appellata.

66      Fil-punti 129 sa 136 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali esprimiet l‑evalwazzjoni diverġenti tagħha tal-kapaċità tal-impenji kollettivi li jeliminaw il‑problemi tal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni qabel ma kkonkludiet, fil-punt 154 tal-imsemmija sentenza, li fil-każ inkwistjoni kien hemm soluzzjonijiet alternattivi inqas vinkolanti għall-impriżi mill-projbizzjoni totali tat‑tranżazzjonijiet.

67      Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali ppreżentat l-evalwazzjoni tagħha taċ‑ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi u b’hekk issostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u b’dan il-mod kisret il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ din tal-aħħar, minflok ma wettqet stħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni tal‑Kummissjoni.

68      L-iżball li twettaq mill-Qorti Ġenerali jiġġustifika, fih innifsu, l-annullament tas‑sentenza appellata.

69      Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mill-Kummissjoni insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati, mill-Qorti Ġenerali, tad-dritt għal smigħ

 Fuq l-ammissibbiltà

70      Alrosa tqis li l-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tad-drittijiet ta’ difiża huma irrilevanti peress li huma intiżi kontra aggravju sussidjarju tas-sentenza appellata.

71      L-argument ta’ Alrosa għandu jiġi miċħud. Anki jekk huwa b’mod sussidjarju li ġiet esposta din il-parti tar-raġunament mill-Qorti Ġenerali, hija tikkostitwixxi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 135 tal-konklużjonijiet tagħha, pilastru indipendenti tas-sentenza appellata li fuqu huwa bbażat l-annullament tad‑deċiżjoni inkwistjoni, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 204 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad kategorikament l-ilmenti kollha intiżi kontra motivi sussidjarji ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali għaliex dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tagħha, mż hijiex applikabbli għall-aggravju inkwistjoni.

 Fuq il-mertu

72      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ lmenti:

–        il-konstatazzjoni, li saret mill-Qorti Ġenerali, dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ Alrosa, ma kinitx motivata;

–        il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita u kisret id-dritt għal smigħ xieraq;

–        il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tad-dritt għal smigħ ta’ Alrosa;

–        il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-motiv ta’ Alrosa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ kien fondat, mingħajr ma stabbilixxiet b’mod ċar kif tali ksur kien rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.

73      Qabelxejn għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal‑evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-portata tad-dritt għal smigħ ta’ Alrosa.

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Il-Kummissjoni tqis li l-għoti, waqt il-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, ta’ sunt ta’ kummenti mfassal minn terzi bħala risposta għall-konsultazzjoni tas-suq, ippermetta li jiġu protetti d-drittijiet ta’ difiża li Alrosa setgħet tibbaża ruħha fuqhom. Skont il-Kummissjoni, l-għoti lil Alrosa tal-possibbiltà li tikkummenta dwar l-impenji individwali ta’ De Beers u l-osservazzjonijiet ta’ terzi ma jikkostitwixxix obbligu peress li din tal-aħħar kienet stqarret b’mod ċar iċ-ċaħda tagħha tal‑impenji kollettivi, għażla li hija kellha dritt li tieħu, peress li ma kienet marbuta b’ebda proposta ta’ impenn. Il-Kummissjoni tenfasizza li hija għandha s-setgħa tiċħad, f’kull waqt, proposta ta’ impenn.

75      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, qatt ma ġew diskussi impenji unilaterali min-naħa ta’ Alrosa biss, peress li l-Kummissjoni kienet bdiet żewġ investigazzjonijiet distinti, waħda kontra De Beers biss, abbażi tal‑Artikolu 82 KE, u l-oħra kontra De Beers u Alrosa, abbażi tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni tqis li, peress li De Beers kienet l-uniku waħda li pproponiet impenji unilaterali wara l-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, u għalhekk indirizzat it‑tħassib dwar l-Artikolu 82 KE, ma kien hemm ebda raġuni li tiġi inkluża Alrosa fin-negozjati ma’ De Beers, u lanqas li tingħatalha kopja tal-proposta ta’ impenn ta’ din tal-aħħar, liema kopja hija madankollu bagħtitilha, u għalhekk tat lil Alrosa l-possibbiltà li tirċievi l-osservazzjonijiet tagħha.

76      Il-Kummissjoni tenfasizza li ċ-ċaħda tal-impenji kollettivi la tikkostitiwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, la deċiżjoni, u lanqas miżura li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni legali ta’ parti. Ebda parti kkonċernata minn proċeduri ta’ ksur, li nbdew biss abbażi tal-Artikolu 81 KE fir-rigward ta’ Alrosa, ma għandha d-dritt li jkollha l‑proposta tagħha ta’ impenn aċċettata jew miċħuda, u dan minħabba raġunijiet partikolari. Skont din l-istituzzjoni, lanqas ma hemm id-dritt li ssir kritika tal‑proposta ta’ impenn ippreżentati minn partijiet oħra.

77      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq l-ipoteżi li permezz tagħha Alrosa kellha tikseb rikonoxximent, għall-proċedura kkunsidrata kollha kemm hi, tad-drittijiet mogħtija lill‑“impriża kkonċernata” fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003.

78      Issa, mill-kliem tal-Artikoli 7(1) u 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta b’mod ċar li l-kunċett ta’ “impriża kkoncernata” jirreferi għall-impriżi li wettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jew li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tipprevedi li tadotta deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq it-tħassib rigward il-ksur. Kumpannija li tikkonkludi ftehim ma’ impriża li tabbuża l‑pożizzjoni dominanti tagħha ma tiksibx l-istatus ta’ “koawtur” tal-ksur tal‑Artikolu 82 KE u lanqas dak ta’ “impriża kkonċernata” għall-finijiet ta’ dan l‑artikolu.

79      Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, mid-distinzjoni ċara li teżisti bejn l-istatus ta’ “impriżi kkonċernati” u dak ta’ “terzi kkonċernati” jirriżulta li “konnessjoni” bejn il-proċeduri mibdija skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma tistax tagħti lil terz ikkonċernat l-istatus ta’ “impriża kkonċernata”. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk Alrosa, bħala terz ikkonċernat, kellha d-dritt li tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-proposta ta’ impenji individwali ta’ De Beers, hija ma kellhiex dritt li ddewwem deċiżjoni dwar dawn l-impenji sakemm hija setgħet tifformola osservazzjonijiet dwar iċ-ċaħda tal-impenji kollettivi.

80      Jekk jitqies li tittieħed inkunsiderazzjoni l-allegata konnessjoni bejn il-proċeduri mibdija skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE jew anki jekk jitqies li kien hemm biss “proċedura waħda”, tali ċirkustanzi ma humiex biżżejjed sabiex jestendu d-drittijiet proċedurali mogħtija lil Alrosa. Anki l-“impriżi kkonċernati” mill-proċedura mibdija skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandhomx dritt jitolbu li l-impenji tagħhom isiru vinkolanti.

81      F’dan ir-rigward Alrosa ssostni li l-argumenti fundamentali li hija qajmet u li ntlaqgħu mill-Qorti Ġenerali fil-punti 194 u 196 tas-sentenza appellata kienu bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, bid-deċiżjoni inkwistjoni, tipprojbixxi definittivament li din tbigħ djamanti mhux maħduma lil De Beers, peress li din id-deċiżjoni għandha effett ekwivalenti għal dik ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr ma, fi kwalunkwe stadju tal-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, din ingħatat il‑possibbiltà li tinstema’.

82      Alrosa ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proċeduri li nbdew mill‑Kummissjoni skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE dejjem tqiesu, minħabba dan, bħala proċedura waħda, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minnha u minn De Beers. Hija tgħid li huwa ċar li l-Kummissjoni ma bdietx żewġ proċeduri distinti, iżda proċedura waħda integrata, ibbażata fuq sett ta’ fatti u mibdija abbażi tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tagħha u ta’ De Beers, kif ukoll abbażi tal-Artikolu 82 KE fir-rigward ta’ De Beers biss.

83      Alrosa tqis li l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad l-argument tal-Kummissjoni sempliċement abbażi tal-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni li twassal għall-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ djamanti lil De Beers teħtieġ li Alrosa tibbenefika mid-drittijiet kollha rrikonoxxuti lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ dan it-tip.

84      Alrosa ssostni li, jekk jitqies li hija setgħet tiġi kkunsidrata bħala sempliċi terz ikkonċernat b’mod “dirett” u “sfavorevoli” mid-deċiżjoni inkwistjoni, il‑Kummissjoni kellha, madankollu tikkomunikalha r-raġunijiet ta’ ċaħda tal‑impenji kollettivi u tagħtiha l-possibbiltà li tinstema’ fuq din iċ-ċaħda kif ukoll fuq il-proposta unilaterali li twassal għall-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ djamanti mhux maħduma lil De Beers.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, l-iktar fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 KE u 82 KE kienu dejjem de facto kkunsidrati li jikkostitwixxu proċedura unika, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll minn Alrosa, din tal-aħħar setgħet tikseb id-drittijiet mogħtija lill-“impriża kkonċernata” fis-sens tar‑Regolament Nru 1/2003, minkejja li, stricto sensu, hija ma kellhiex l-istatus ta’ “impriża kkonċernata” fil-proċedura mibdija mill‑Artikolu 82 KE.

86      Il-Qorti Ġenerali, wara li rrikonoxxiet, fil-punt 195 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni kellha d-dritt tqis, wara li ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet ta’ terzi, li l-impenji kollettivi ma kinux jindirizzaw it-tħassib espost fil-kuntest tal‑evalwazzjoni preliminari tagħha, madankollu ddeċidiet, fil-punt 196 ta’ din is-sentenza, li r-rispett tad-dritt għal smigħ jeżiġi, fil-każ bħal dak inkwistjoni, minn naħa, li l-impriżi li pproponew impjiegi jigu informati bil-fatti essenzjali li bbażat ruħha fuqhom il‑Kummissjoni sabiex teżiġi impenji ġodda u, min-naħa l-oħra, li huma jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fuq dan is-suġġett. Issa, fil-każ inkwistjoni, Alrosa bbenefikat biss minn informazzjoni fil-qosor dwar il-konklużjonijiet li l‑Kummissjoni għamlet mill-osservazzjonijiet ta’ terzi. B’mod partikolari, waqt il‑laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 2005, Alrosa rċeviet sunt tal-osservazzjonijiet ta’ terzi u hija ġiet informata bl-impenji li l-Kummissjoni kienet qiegħda tistenna mingħand terzi: jiġifieri l-waqfien ta’ kwalunkwe relazzjoni b’effett mis-sena 2009, u proposta ġdida ta’ impenji, fuq din il-bażi.

87      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 201 tas-sentenza appellata, li Alrosa ma kinitx ibbenefikat mill-possibbiltà li teżerċita bis-sħiħ id-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-impenji individwali ta’ De Beers peress li l-osservazzjonijiet ta’ terzi ġew trażmessi lilha fl-istess waqt bħall-estratt tal-impenji individwali ta’ De Beers, u għalhekk qegħditha f’pożizzjoni li jkun impossibbli għaliha li twieġeb b’mod xieraq u tipproponi impenji kollettivi ġodda ma’ De Beers.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni bdiet żewġ proċeduri, waħda skont l-Artikolu 81 KE, dwar l-aġir fis-suq ta’ djamanti mhux maħduma ta’ De Beers u ta’ Alrosa, l-oħra, skont l-Artikolu 82 KE, dwar il‑prattiki unilaterali ta’ De Beers. Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, ġew indirizzati dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet separati lil De Beers u lil Alrosa rispettivament. Minn dan isegwi li Alrosa seta’ jkollha l-istatus ta’ “impriża kkonċernata” fil-kuntest biss tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 81 KE, li għaliha ma ttieħdet ebda deċiżjoni. Għalhekk, f’dan il-kuntest, Alrosa ma tistax tinvoka drittijiet proċedurali mogħtija lill-partijiet fil-proċedura dwar l-impenji individwali, peress li dawn tal-aħħar ġew proposti minn De Beers fil-kuntest tal‑proċedura amministrattiva dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE bir‑referenza COMP/E‑2/38.381, li ntemmet permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni.

89      Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 176 u 177 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss jekk jiġi stabbilit li l-Kummissjoni, mingħajr raġuni oġġettiva, bdiet żewġ proċeduri distinti dwar sitwazzjoni ta’ fatt wieħed, li Alrosa tingħata drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-impriża kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 82 KE. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx tali abbuż ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni, u barra minn hekk ma kien hemm ebda prova li kienet tixhed dan. Fil-fatt, iż-żewġ proċeduri amministrattivi distinti mibdija mill-Kummissjoni kienu oġġettivament iġġustifikati peress li kellhom bażijiet legali sostantivi u distinti, jiġifieri l‑Artikolu 81 KE, minn naħa, u l-Artikolu 82 KE, min-naħa l-oħra. Fir-rigward tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 82 KE, kienet biss De Beers, bħala l-impriża li allegatament għandha pożizzjoni dominanti, li setgħet tkun id-destinatarja tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li temmet din il-proċedura.

90      Fid-dawl ta’ dan kollu, impriża terza li tqis li hija kkonċernata minn deċiżjoni adottata skont l-Artikoli 7 jew 9 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tipproteġi d‑drittijiet tagħha billi tikkontesta din id-deċiżjoni. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li tali impriża, f’dan il-każ Alrosa, tikseb il-kwalità ta’ “parti kkonċernata” fis-sens tal‑Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

91      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 175 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, li ntemmet bid-deċiżjoni inkwistjoni, Alrosa kellha biss drittijiet, ferm inqas estiżi, ta’ terz ikkonċernat.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fir-raġunament tagħha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq argument żbaljat li jgħid li l-Kummissjoni kellha tipprovdi lil Alrosa bi spjegazzjoni motivata dwar ir-raġunijiet li għalihom l-osservazzjonijiet ta’ terzi kienu biddlu l-pożizzjoni tagħha dwar in-natura xierqa tal-impenji kollettivi, sabiex jagħtuha l-possibbiltà tipproponi impenji kollettivi ma’ De Beers.

93      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li Alrosa kellha biss informazzjoni fil-qosor dwar il-konklużjonijiet li l‑Kummissjoni kienet għamlet tal-osservazzjonijiet ta’ terzi, u min-naħa l-oħra, fil-punt 201 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-osservazzjonijiet ta’ terzi ntbagħtet tard lil Alrosa u fl-istess waqt tal-estratt tal‑impenji individwali ta’ De Beers, u għalhekk għamlitha impossibbli għaliha li twieġeb b’mod xieraq u tipproponi impenji ġodda kollettivi ma’ De Beers.

94      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-aċċettazzjoni tal-impenji individwali ta’ De Beers mill-Kummissjoni ma kinitx tiddependi mill-pożizzjoni ta’ Alrosa, jew minn kwalunkwe impriża oħra, f’dan ir-rigward. Mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li jirrendi vinkolanti proposta ta’ impenn jew li tirrifjutaha.

95      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju huwa wkoll fondat sa fejn, minn parti, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “impriża kkonċernata” fis-sens tar-Regolament Nru 1/2003, billi xebbhet is-sitwazzjoni legali ta’ Alrosa fil-kuntest ta’ proċedura dwar impenji individwali ma’ dik ta’ De Beers, u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq argument żbaljat li jgħid li l-Kummissjoni kellha tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha tal-impenji kollettivi u tipproponi lil Alrosa tissottometti impenji ġodda kollettivi ma’ De Beers.

96      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu analizzati l-argumenti l-oħra ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha.

97      Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza

98      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, fil-każ li fih id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il‑Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament dwar il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

99      Peress li l-kawża qiegħda fi stat li tiġi deċiża, għandha tingħata deċiżjoni fuq il‑mertu dwar ir-rikors ippreżentat minn Alrosa intiż għall-annullament tad‑deċiżjoni inkwistjoni.

100    Quddiem il-Qorti Ġenerali, Alrosa invokat tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni nett, fuq il-ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, tal‑Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprojbixxi li jiġu imposti fuq impriża kkonċernata, a fortiori għal perijodu indeterminat, impenji li hija ma tkunx ikkonkludiet volontarjament; u, it-tielet nett, fuq in-natura eċċessiva tal‑impenji li saru vinkolanti, bi ksur tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament u tal‑Artikolu 82 KE, tal-libertà kuntrattwali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 L-argumenti tal-partijiet

101    L-ewwel nett, Alrosa ssostni li d-deċiżjoni inkwistjoni tikser id-dritt għal smigħ, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, irrikonoxxut diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jinkludi, fil-kuntest tal-kawżi tal-kompetizzjoni, l‑obbligu tal-Kummissjoni li tinnotifika lill-impriża kkonċernata bl-ilmenti tagħha u li din tal-aħħar tingħata d-dritt li twieġeb. Issa, il-Kummissjoni ma esprimietx “tħassib ġdid sostanzjali” wara li rċeviet il-kritika ta’ terzi. Għaldaqstant, il‑modifika tal-konkużjonijiet tal-Kummissjoni kienet iġġustifikata biss b’“analiżi xierqa” magħmula mid-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” u li wara din il‑Kummissjoni ma qegħditx lil Alrosa f’pożizzjoni li tibbenefika mid-dritt għal smigħ f’dan ir-rigward.

102    Il-fatt li Alrosa ma kellhiex formalment l-istatus ta’ parti fil-proċedura skont l‑Artikolu 82 KE ma jċaħħadhiex mid-dritt għal smigħ peress li l-imsemmi Direttorat Ġenerali kien irrikonoxxa f’ittra tat-8 ta’ Frar 2006 li kien hemm “ċirkustanzi eċċezzjonali” li kienu jiġġustifikaw li hija tinstema’, bħala impriża direttament u individwalment ikkonċernata.

103    Il-Kummissjoni twieġeb li Alrosa ma kinitx parti fil-proċedura inkwistjoni u tqajjem il-kwistjoni tal-bażi legali li fuqha tibbaża ruħha Alrosa sabiex tinvoka d‑dritt għal smigħ tagħha.

104    Fir-rigward tal-imsemmija ittra tat-8 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni tqis li d-dritt għal smigħ matul il-proċedura skont l-Artikolu 82 KE, invokat minn Alrosa u rrikonoxxut mill‑uffiċjal tas-seduta fl-istess ittra, kellu portata differenti minn dik tad-dritt mogħti lill-impriżi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

105    Minkejja li Alrosa okkupat pożizzjoni partikolari fil-proċedura, il-Kummissjoni tqis li, peress li din kellha biss status ta’ terz ikkonċernat, id-dritt għal smigħ tagħha kien limitat għal, fir-rigward tagħha, għoti ta’ osservazzjonijiet, u ġiet mistiedna tagħmel hekk diversi drabi waqt il-proċedura. Il-Kummissjoni ssostni li Alrosa għalhekk ibbenefikat bis-sħiħ mid-dritt għal smigħ tagħha.

106    It-tieni nett, Alrosa ssostni li d-deċiżjoni inkwistjoni tikser l-Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 1/2003 li, hija tgħid, jawtorizza lill-Kummissjoni taċċetta mhux l-impenji individwali iżda l-impenji kollettivi biss. L-Artikolu 9 għandu wkoll jiġi intepretat fis-sens li deċiżjoni li tirrendi impenji vinkolanti għandha biss tiġi adottata għal perijodu determinat.

107    Il-Kummissjoni ssostni li l-kliem “impriżi kkonċernati” ma jimplikax li huma biss impenji kollettivi ppreżentati mill-impriżi kollha li huma kkonċernati mill‑impenn, jew jistgħu jkunu kkonċernati minnu, li jistgħu jiġu offruti. Tali interpretazzjoni timplika li l-impriżi kollha li huma partijiet fil-ftehim, anki jekk ma humiex ikkonċernati mill-proċedura skont l-Artikolu 82 KE, għandhom jippreżentaw formalment impenji u jkunu destinatarji tad-deċizjoni adottata skont l-imsemmi Artikolu 9. Issa, skont il-Kummissjoni, peress li l-proċedura skont l‑Artikolu 82 KE kienet tikkonċerna biss allegazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fir‑rigward ta’ De Beers, din tal-aħħar kienet l-unika impriża li offriet impenji u li kienet destinatarja tad-deċiżjoni adottata skont l-imsemmi Artikolu 9.

108    Fir-rigward tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li taċċetta impenji għal perijodu limitat biss, il-Kummissjoni tqis li din l-allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-fatt li d‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha ġew aċċettati impenji “tista’” tiġi adottata għal perijodu limitat ma tistax tobbliga lil din l-istituzzjoni tadotta l-imsemmija deċiżjoni għal tali perijodu.

109    Alrosa ssostni, it-tielet nett, li l-projbizzjoni imposta fuq De Beers li tixtri djamanti mhux maħduma mingħand Alrosa tikser l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 inkwantu timponi projbizzjoni assoluta u potenzjalment bla limitu lill-partijiet ikkonċernati li jikkonkludu kuntratt, mhux ġustifikat fil-każ inkwistjoni. Id-deċiżjoni inkwistjoni għalhekk tikser il-principju tal-libertà kuntrattwali.

110    Barra minn hekk, projbizzjoni assoluta ma tistax tkun neċessarja sabiex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 82 KE. Alrosa ssostni li abbażi ta’ dan, id-deċiżjoni inkwistjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

111    Il-Kummissjoni ssostni li l-libertà kuntrattwali hija limitata, b’mod partikolari, bl-Artikoli 81 KE u 82 KE.

112    Hija ma tikkontestax l-argument li jgħid li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jkopri wkoll l-analiżi tal-impatt fuq terzi, iżda ssostni li hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-interessi kummerċjali legali ta’ Alrosa.

113    Il-Kummissjoni ssostni li l-kompitu prinċipali tagħha kien li tivverifika jekk l‑impenji individwali ta’ De Beers kinux suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni. Hija tqis li, prima facie, De Beers setgħet toffri impenji li ma jeċċedux dak li kien neċessarju sabiex tindirizza b’mod suffiċjenti l‑imsemmi tħassib. Hija ssostni wkoll li f’ebda każ ma kienet marbuta tevalwa sitwazzjonijiet oħra li jmorru lil hinn mill-impenji effettivament offruti minn De Beers, peress li kien biss neċessarju li jsir paragun mal-proposta ta’ impenji kollettivi preċedenti.

114    Mill-analiżi li saret mill-Kummissjoni jirriżulta li l-impenji kollettivi proposti ma indirizzawx b’mod sodisfaċenti t-tħassib tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impenji li jmorru lil hinn minn dawn l‑impenji kollettivi kienu neċessarji.

115    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tiddetermina, billi tagħmel evalwazzjoni ekonomika kumplessa, jekk l-impenji offruti kinux suffiċjenti sabiex jindirizzaw it-tħassib tagħha fil-qasam tal‑kompetizzjoni, iżda tivverifika biss jekk id-deċiżjoni inkwistjoni kinitx jew le vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li l‑Kummissjoni għanda marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fil-qasam ikkonċernat.

116    Il-Kummissjoni tfakkar li, peress li ma rċeviet ebda proposta ta’ impenji oħra, l‑unika possibbiltà oħra li ġiet offruta lilha kienet li tinbeda mill-ġdid il-procedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, possibbilment kemm kontra Alrosa kif ukoll kontra De Beers, peress li kien biss b’mod diffiċli li din il-possibbiltà setgħet tiġi kklassifikata bħala l-iktar mezz xieraq sabiex tindirizza t-tħassib tagħha fil-qasam tal‑kompetizzjoni.

117    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-impenji individwali ta’ De Beers, li saru vinkolanti bid-deċiżjoni inkwisjoni, kienu xierqa u neċessarji sabiex jindirizzaw l‑imsemmi tħassib u li l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għalhekk ma ġiex stabbilit.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 85 sa 95 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-ewwel motiv fl-ewwel istanza ma jistax jintlaqa’.

119    Fil-fatt, l-ilmenti kollha ppreżentati minn Alrosa fil-kuntest tal-imsemmi motiv huma bbażati fuq il-premessa li hija kellha tibbenefika minn drittijiet proċedurali iktar estiżi minn dawk mogħtija abitwalment lil terzi kkonċernati. Issa, din il‑premessa ġiet miċħuda b’mod ċar fil-punt 91 tas-sentenza preżenti.

120    Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motivi, invokati fl-ewwel istanza, dawn għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil‑fatt, mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fis-sentenza preżenti jirriżulta li, billi adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Alrosa ma wrietx li l-impenji individwali offruti minn De Beers u li saru vinkolanti mill-Kummissjoni kienu jmorru manifestament lil hinn minn dak li kien necessarju sabiex jindirizzaw it-tħassib espress minn din tal-aħħar fl‑evalwazzjoni preliminari tagħha.

121    Konsegwentement, il-motivi kollha invokati minn Alrosa kontra d-deċiżjoni inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda u r-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skont l-Artikolu 122(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

123    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Alrosa tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm tal-appell kif ukoll tal-ewwel istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-11 ta’ Lulju 2007, Alrosa vs Il-Kummissjoni (T-170/06), hija annullata.

2)      Ir-rikors ippreżentat minn Alrosa Company Ltd quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud.

3)      Alrosa Company Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż tal-appell kif ukoll tal-ewwel istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.