Language of document : ECLI:EU:C:2018:388

Kawża C210/16

Unabhängiges Landeszentrum für Datenschutz Schleswig-Holstein

vs

Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 95/46/KE – Data personali – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data personali – Ordni intiża għal diżattivazzjoni ta’ paġna tal-fans ta’ Facebook (fan page) li tippermetti l-ġabra u l-ipproċessar tad-data ta’ min jaċċessa din il-paġna – Artikolu 2(d) – Kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 4 – Dritt nazzjonali applikabbli – Artikolu 28 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Setgħat ta’ intervent ta’ dawn l-awtoritajiet”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑5 ta’ Ġunju 2018

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Kontrollur tal-ipproċessar – Kunċett – Amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq netwerk soċjali – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 2(d))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Setgħat – Setgħat ta’ investigazzjoni, ta’ intervent, u ta’ dħul fi proċeduri legali – Awtorizzazzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru li teżerċita dawn is-setgħat fir-rigward ta’ impriża li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru – Appartenenza ta’ impriża ma’ grupp li r-responsabbiltà għall-ġbir u għall-ipproċessar ta’ data personali ġiet fdata lil stabbiliment fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ effett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 4 u 28)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni – Setgħat – Setgħat ta’ investigazzjoni – Eżerċizzju fir-rigward ta’ terz responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali li tinsab fi Stat Membru ieħor – Kompetenza sabiex tevalwa l-legalità tal-ipproċessar u sabiex tintervjeni mingħajr ma titlob l-assistenza tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru l-ieħor

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikoli 4(1)(a) u 28(3) u (6))

1.      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontrollur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq netwerk soċjali.

Issa, jekk is-sempliċi fatt li l-użu ta’ netwerk soċjali bħal Facebook ma jirrendix utent ta’ Facebook koresponsabbli għal ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dan in-netwerk, għandu, madankollu, jiġi osservat li l-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq Facebook, permezz tal-ħolqien ta’ tali paġna, joffri lil Facebook il-possibbiltà li jiġu mqiegħda cookies fuq il-kompjuter jew fuq kwalunkwe apparat ieħor tal-persuna li aċċessat il-paġna tal-fans tiegħu, kemm jekk din il-persuna għandhiex kont fuq Facebook jew le. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq Facebook, bħalma hi Wirtschaftsakademie, jipparteċipa, permezz ta’ bidla fil-parametri tiegħu, abbażi, b’mod partikolari, tal-udjenza fil-mira tiegħu kif ukoll l-għanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu, fid-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali ta’ min jaċċessa l-paġna tal-fans tiegħu. B’riżultat ta’ dan, dan l-amministratur għandu, f’dan il-każ, jiġi kklassifikat bħala kontrollur fi ħdan l-Unjoni, flimkien ma’ Facebook Ireland, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, il-fatt li amministratur ta’ paġna tal-fans juża l-pjattaforma stabbilita minn Facebook, sabiex jibbenefika mis-servizzi marbuta miegħu, ma jistax jeżentah mill-obbligi tiegħu fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent ta’ responsabbiltà konġunta tal-operatur tan-netwerk soċjali u tal-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq dan in-netwerk fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali ta’ min jaċċessa din il-paġna tal-fans jgħin sabiex tiġi żgurata protezzjoni iktar kompleta tad-drittijiet tal-persuni li jaċċessaw paġna tal-fans, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46.

(ara l-punti 35, 39, 40, 42, 44, u d-dispożittiv 1)

2.      L-Artikoli 4 u 28 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta impriża stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha diversi stabbilimenti fi Stati Membri differenti, l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru hija awtorizzata li teżerċita s-setgħat fdati lilha mill-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ stabbiliment ta’ din l-impriża li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li, skont it-tqassim tal-missjonijiet fi ħdan il-grupp, minn naħa, dak l-istabbiliment biss ikun responsabbli għall-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u ta’ miżuri oħra ta’ marketing fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà esklużiva għall-ġabra u għall-ipproċessar tad-data personali, fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, tkun ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor.

(ara l-punt 64 u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 28(3) u (6) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru jkollha l-ħsieb li teżerċita fir-rigward ta’ organu stabbilit fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru s-setgħat ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 28(3) ta’ din id-direttiva minħabba l-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, imwettqa minn terz li jkun il-kontrollur tal-ipproċessar ta’ din id-data u li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor, din l-awtorità ta’ superviżjoni tkun kompetenti sabiex tevalwa, b’mod awtonomu fil-konfront tal-awtorità ta’ superviżjoni ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, il-legalità ta’ tali pproċessar u tkun tista’ teżerċita s-setgħat tagħha ta’ intervent fir-rigward tal-organu stabbilit fit-territorju tagħha mingħajr ma titlob minn qabel lill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru l-ieħor sabiex tintervjeni.

(ara l-punt 74 u d-dispożittiv 3)